Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0429(03)

Applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ C 153, 29.4.2016, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/16


Applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 153/11)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“PROSCIUTTO DI NORCIA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0217-01363 — 8.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di Tutela dell’IGP Prosciutto di Norcia

Via Solferino No 26

06046 Norcia

ITALIA

Email: info@prosciuttodinorcia.com

Il-Consorzio di Tutela dell’IGP Prosciutto di Norcia (il-Konsorzju għall-ħarsien tal-IĠP Prosciutto di Norcia) għandu l-jedd li jressaq applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Forestrija.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [Aġġornamenti ġuridiċi, Korp ta’ spezzjoni, imballaġġ]

4.   Tip(i) ta’ emenda

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li trid titqies bħala emenda minuri skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li trid titqies bħala emenda minuri skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li trid titqies bħala emenda minuri skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat dokument uniku (jew dokument ekwivalenti).

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li titqies bħala minuri skont ir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/emendi

Metodu ta’ produzzjoni

L-Artikolu 3 “Materja prima” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa emendat kif ġej:

Is-sentenza “(c) ħnieżer imnissla minn ifħla ta’ razez oħra jew minn ifħla ta’ razez imħallta, diment li jkunu mnissla minn skemi ta’ selezzjoni jew ta’ inkroċjar tar-razez b’għanijiet li ma jkunux inkompatibbli ma’ dawk tal-Ktieb tal-Merħla Taljan għal …”

tinbidel b’dan li ġej:

“(c)

ħnieżer imnissla minn ifħla ta’ razez oħra jew minn ifħla ta’ razez imħallta maħsuba għall-produzzjoni ta’ ħnieżer ta’ piż tqil”.

Din l-emenda għandha l-għan li tiċċara s-sentenza “Ma hemmx limitu ġeografiku għall-oriġini tal-ħnieżer” li hemm eżatt wara l-punt (c) tal-paragrafu li jmiss tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Barra minn hekk, l-emenda proposta tirrispetta l-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ u tal-kompetizzjoni ħielsa, filwaqt li timplimenta u tapplika għalkollox l-Artikoli 101 u 119 kif ukoll il-kumplament tat-Trattat UE. Din l-emenda trid titqies bħala waħda “minuri” peress li ma żżidx restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-materja prima tal-prodott, filwaqt li tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali tal-punti (a) sa (e) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Is-sentenza “Flimkien mal-metodi tat-trobbija, l-għalf jgħin biex jiġi żgurat li jinkiseb ħanżir ta’ piż tqil, permezz ta’ żidiet moderati fl-għalf ta’ kuljum.”

tinbidel b’dan li ġej:

“Flimkien mal-metodi tat-trobbija, l-għalf jgħin biex jiġi żgurat li jinkiseb ħanżir ta’ piż tqil.”

Is-sentenza “Skont din l-ispeċifikazzjoni, il-metodi tat-trobbija li jintużaw, it-tip ta’ għalf li huwa permess, il-kwantitajiet ta’ għalf u kif l-għalf jingħata huma maħsuba biex jinkisbu ħnieżer tradizzjonali ta’ piż tqil. Biż-żmien, dan l-għan jinkiseb permezz ta’ żidiet moderati fl-għalf ta’ kuljum u permezz ta’ għoti tal-għalf li jkun konformi mar-regolamentazzjoni ġenerali li tkun fis-seħħ.”

tinbidel b’dan li ġej:

“Skont din l-ispeċifikazzjoni, il-metodi tat-trobbija li jintużaw, it-tip ta’ għalf li huwa permess, il-kwantitajiet ta’ għalf u kif l-għalf jingħata huma maħsuba biex jinkisbu ħnieżer tradizzjonali ta’ piż tqil. Biż-żmien, dan l-għan jinkiseb permezz ta’ għoti tal-għalf li jkun konformi mar-regolamentazzjoni ġenerali li tkun fis-seħħ.”

Din l-emenda qiegħda ssir peress li l-aġġettiv “moderat” mhuwiex speċifikat u jaf iwassal għal interpretazzjonijiet varji. Il-ħnieżer ta’ piż tqil jiġu prodotti b’metodi ta’ għoti tal-għalf u b’metodi tas-simna li jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għall-kategoriji tal-piż tal-ħnieżer fil-fażi tat-trobbija li huma deskritti fl-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, b’mod partikolari fit-Tabelli 1, 2 u 3 dwar it-“tip ta’ għalf li huwa permess”, il-“kontenut ta’ materja niexfa” totali u miċ-ċereali, kif ukoll ma’ speċifikazzjonijiet oħra dwar restrizzjonijiet fuq l-użu konġunt tax-xorrox u tax-xorrox tal-butir, l-użu konġunt tal-patata diżidratata u tal-manjoka, u l-kontenut tan-nitroġenu assoċjat mal-qmuħ imnixxfa tad-distillaturi; dan juri li jekk jiġu rrispettati l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u r-regolamentazzjoni applikabbli, bis-saħħa ta’ formulazzjonijiet differenti tal-għalf jistgħu jinkisbu diversi rati ta’ żieda fil-piż ta’ kuljum, u din il-varjabbiltà ma tippermettix li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ “żieda moderata fl-għalf ta’ kuljum”.

Is-sentenza “Il-ħnieżer jintbagħtu għall-qatla bejn tmiem id-disa’ xahar u tmiem il-ħmistax-il xahar mit-twelid.”

tinbidel b’dan li ġej:

Is-sentenza “Il-ħnieżer jintbagħtu għall-qatla bejn 215-il jum u 450 jum mit-twelid.”

Din l-emenda qiegħda ssir peress li l-formulazzjonijiet għall-għoti tal-għalf tal-ħnieżer u l-metodi tat-trobbija/tar-razzjonar, minkejja li jirrispettaw ir-rekwiżiti speċifiċi għall-ħnieżer ta’ piż tqil skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-“IGP Prosciutto di Norcia”, imxew 'il quddiem ħafna filwaqt li, bl-istess kundizzjonijiet ġenetiċi, żiedu ferm iż-żidiet medji fil-piż ta’ kuljum tal-ħnieżer tas-simna mingħajr ma ġiet affettwata l-kwalità tal-laħam fil-qatla/fl-ipproċessar. Bħala riżultat ta’ dan, spiss il-ħnieżer ikollhom il-piż minimu stabbilit mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott ferm qabel l-età ta’ disa’ xhur (diġà ta’ bejn seba’ xhur u seba’ xhur u nofs) u saħansitra jaqbżu l-piż massimu stabbilit mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott ferm qabel l-età ta’ 15-il xahar. Dan qassar iż-żmien li fih il-ħnieżer jistgħu jintbagħtu għall-qatla, filwaqt li naqqas il-provvista ta’ materja prima, u b’hekk is-suq tal-laħam tal-majjal sar inqas stabbli u dawk li jrabbu l-ħnieżer jaqilgħu penali jekk il-piż tal-ħnieżer ma jirrispettax ir-rekwiżiti tal-piż jew tal-età. Għalhekk, il-proposta biex l-età minima tal-ħnieżer li jintbagħtu għall-qatla titnaqqas għal 215-il jum mit-twelid, tagħti iżjed żmien lil dawk li jrabbu l-ħnieżer u lil dawk li joqtluhom, anke f’każijiet li fihom iż-żidiet medji fil-piż ta’ kuljum ikunu ogħla, mingħajr ma din tippenalizza lil dawk li jrabbu l-ħnieżer u li jagħmlu ħilithom biex jimxu skont il-progressi fil-metodi tat-trobbija fir-rigward tar-razzjonar tal-għalf għall-ħnieżer tas-simna mingħajr ma jaffettwaw il-kwalità tal-laħam, kif imsemmi hawn fuq.

Is-sentenza “Il-karkassi li jinkisbu wara l-qatla jridu jiġu kklassifikati ta’ piż tqil skont ir-Regolament (KEE) Nru 3220/84, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/468/KE tat-8 ta’ Ġunju 2001 u d-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Lulju 2002 u bħala medja jridu jidħlu fil-kategoriji ċentrali tas-sistema uffiċjali tal-valutazzjoni tal-kontenut tal-laħam.”

tinbidel b’dan li ġej:

“Il-karkassi li jinkisbu wara l-qatla jridu jiġu kklassifikati ta’ piż tqil skont ir-regolamentazzjoni fis-seħħ u bħala medja jridu jidħlu fil-kategoriji ‘E’, ‘U’, ‘R’, u ‘O’ tas-sistema uffiċjali tal-valutazzjoni tal-kontenut tal-laħam.”

Din l-emenda qiegħda ssir kemm minħabba l-evoluzzjoni fil-qafas regolatorju applikabbli kif ukoll minħabba raġunijiet tekniċi marbuta mal-metodi ta’ produzzjoni. Mil-lat regolatorju, l-emenda twassal biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tkun konformi mar-regoli fis-seħħ attwalment, peress li kemm ir-Regolament (KEE) Nru 3220/84 u kemm id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/468/KE ġew imħassra. Mil-lat tekniku, li l-kontenut tal-laħam tal-kategorija “E” tal-karkassi tal-ħnieżer ta’ piż tqil jitħalla għall-koxox li jridu jintużaw fil-produzzjoni tal-“Prosciutto di Norcia”, minkejja li jiġu inklużi l-karkassi b’persentaġġ tal-piż li jkun kontenut dgħif tal-laħam, imkejjel fil-livell tal-lonża, li jkun ogħla mill-kategorija “U”, ifisser li jiġu inklużi wkoll il-koxox li jkunu adattati għall-ipproċessar tal-“Prosciutto di Norcia”, ladarba jkollhom kontenut tax-xaħam reali li huwa tipiku tal-kategorija “U”.

Is-sentenza “Fil-proċess tat-tmelliħ jintuża klorur tas-sodju tal-baħar ta’ ħxuna medja u kemxejn bżar.”

titħassar:

Dan it-tħassir sar bl-għan li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tkun tista’ tinqara aħjar, ladarba r-referenza għall-proċess tat-tmelliħ, għall-klorur tas-sodju tal-baħar li huwa l-istess bħall-“melħ tal-baħar” u għad-deskrizzjoni tal-fażijiet rilevanti tirrigwarda l-“metodu ta’ produzzjoni” li jiġi deskritt wara fl-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-“Prosciutto di Norcia”, filwaqt li r-referenza għall-użu tal-bżar hija deskritta mhux biss fl-Artikolu 4 iżda wkoll fil-fażijiet previsti fl-Artikolu 5 “Staġunar”.

L-Artikolu 4 “Metodu ta’ produzzjoni” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa emendat kif ġej:

Is-sentenza: “Imbagħad, l-ipproċessar tal-koxox jissokta bit-tmelliħ li jsir f’żewġ waqtiet billi jintuża l-melħ tal-baħar ta’ ħxuna medja”.

tinbidel b’dan li ġej:

“Imbagħad, l-ipproċessar tal-koxox jissokta bit-tmelliħ li jsir f’żewġ fażijiet billi jintuża l-melħ tal-baħar”.

Din l-emenda, flimkien mat-tħassir tar-referenza għall-ħxuna tal-melħ deskritta b’mod ġenerali bħala “ta’ ħxuna medja”, qiegħda ssir peress li nbidel il-metodu tat-tmelliħ tal-impjanti moderni tat-tmelliħ, u issa jikkalibraw il-melħ huma stess skont il-karatteristiċi differenti tal-materja prima, tat-temperatura u tal-umdità relattiva.

Wara s-sentenza “L-ewwel il-koxox jitħejjew permezz tat-tagħsir tal-vażi tad-demm u wara jingħorku bil-melħ umdu u bil-melħ niexef”.

tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“Fil-fażi tat-tmelliħ, jiġi miżjud kemxejn bżar jekk is-sonża li tintuża fil-‘kisi’ kif imsemmi fl-Artikolu 5 ma jkunx fiha bżar”

Din iż-żieda tirrifletti l-emenda ta’ qabel tal-Artikolu 3 u hija koerenti mal-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi fl-Artikolu 6, li jiddeskrivu r-riħa tal-prodott ta’ kwalità protetta maħsuba għall-konsum bħala waħda “tipika” u “kemxejn imħawra”. Din il-karatteristika tal-aħħar ġejja wkoll mill-użu tas-sonża li jaf ikun fiha l-bżar, skont l-ispeċifikazzjoni tal-Artikolu 5 “Staġunar”.

Oħrajn

L-Artikolu 7 “Kontrolli” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa emendat kif ġej:

Is-sentenza: “Il-konformità tal-prodott ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiġi kkontrollata skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, mill-entità li twettaq il-kontrolli msejħa ‘3 A Parco Tecnologico Agroalimentare dell’Umbria soc. cons. a r. l.’ li għandha s-sede tagħha f’Todi (PG), Fraz. Pantalla, tel. + 39 07589571, faks +39 0758957257, email: certificazione@parco3a.org.”

tinbidel b’dan li ġej:

“Il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiġi vverifikata skont dak li ġie stabbilit fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-entità li twettaq il-kontrolli u li hija responsabbli għall-verifika tal-konformità tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija ‘3 A Parco Tecnologico Agroalimentare dell’Umbria soc. cons. a r. l.’ li għandha s-sede tagħha f’Todi (PG), Fraz. Pantalla, tel. + 39 0758957201, faks +39 0758957257, email: certificazione@parco3a.org.”

Din l-emenda tirrappreżenta b’mod esklużiv it-traspożizzjoni tal-aġġornament regolatorju u tan-numru tat-telefon tal-entità li twettaq il-kontrolli.

L-Artikolu 8 “Isem u preżentazzjoni” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa emendat kif ġej:

Wara s-sentenza:

“Il-marka tikkonsisti minn logo bil-kliem ‘Prosciutto di Norcia’ mikwija fuq il-laħam.”

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Il-‘Prosciutto di Norcia’ jista’ jitqiegħed fis-suq għall-konsum anke dissussat, imqatta’ f’porzjonijiet ta’ għamla u ta’ piż differenti, jew inkella mfettet. Dawn it-tipoloġiji tal-prodott iridu jitqiegħdu fis-suq ippakkjati f’kontenituri jew f’kisi adattati għall-ikel, li jridu jiġu ssiġillati u ttikkettati kif suppost. Fit-tħejjija tal-perżut dissussat sħiħ jew tal-biċċiet, il-marka mikwija fuq il-laħam trid tkun viżibbli dejjem.”

Ġie meqjus li jkun xieraq li fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jiddaħħal il-paragrafu ta’ hawn fuq sabiex ikun hemm iżjed ċarezza dwar it-tipi ta’ prodotti għall-bejgħ u sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet differenti tas-suq fir-rigward tal-ippakkjar tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

“PROSCIUTTO DI NORCIA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0217-01363 — 8.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Prosciutto di Norcia”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Kategorija 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Prosciutto di Norcia” IĠP huwa perżut nej staġunat u meta jitqiegħed fis-suq għall-konsum ikollu l-għamla karatteristika ta’ “lanġasa”, b’piż ta’ mhux inqas minn 8,5 kg, u d-dehra tiegħu meta jinqata’ tkun kumpatta u b’lewn li jvarja minn roża għal aħmar. Dan il-perżut huwa kkaratterizzat minn riħa tipika kemxejn imħawra, u b’togħma qawwija iżda mhux mielħa.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Prosciutto di Norcia” jinkiseb mill-koxox tal-ħnieżer tar-razez tradizzjonali Taljani Large White u Landrace, hekk kif imtejba mill-ktieb tal-merħla Taljan, jew minn ħnieżer imnissla minn ifħla tal-istess razez; minn ħnieżer imnissla minn ifħla tar-razza Taljana Duroc, hekk kif imtejba mill-ktieb tal-merħla Taljan. Barra minn hekk jistgħu jintużaw il-ħnieżer imnissla minn ifħla ta’ razez oħra jew minn ifħla ta’ razez imħallta maħsuba għall-produzzjoni ta’ ħnieżer ta’ piż tqil. Ma hemm l-ebda limitazzjoni ġeografika għall-oriġini tal-ħnieżer.

Madankollu, huma esklużi l-ħnieżer b’karatteristiċi antitetiċi, b’referenza partikolari għas-sindromu tal-istress tal-ħnieżer (PSS); kif ukoll it-tipi ġenetiċi u l-annimali li jiġu meqjusa mhux konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-annimali ta’ razza pura fosthom il-Landrace Belġjana, il-Hampshire, il-Piétrain, id-Duroc u l-iSpotted Poland.

L-għalf li jintuża jrid ikun konformi mal-istandards kummerċjali. Flimkien mal-metodi tat-trobbija, l-għalf jgħin biex jiġi żgurat li jinkiseb ħanżir ta’ piż tqil li jkun jiżen 160 kg, b’marġni ta’ bejn wieħed u ieħor 10 %.

Sabiex jingħalfu l-ħnieżer li jkollhom piż ħaj ta’ bejn 30 sa 80 kg, jintuża l-għalf indikat fit-Tabelli 1 u 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, filwaqt li jiġi żgurat li l-materja niexfa miċ-ċereali ma tkunx inqas minn 45 % tat-total. Sabiex jingħalfu l-ħnieżer ta’ piż ħaj ta’ iktar minn 80 kg, jintuża esklużivament l-għalf indikat fit-Tabella 2, filwaqt li jiġi żgurat li l-materja niexfa miċ-ċereali ma tkunx inqas minn 55 % tat-total.

L-użu konġunt tax-xorrox u x-xorrox tal-butir ma jridx jaqbeż il-15-il litru għal kull ħanżir kuljum.

Il-kontenut ta’ nitroġenu assoċjat mal-qmuħ imnixxfa tad-distillaturi jrid ikun inqas minn 2 %.

L-użu konġunt tal-patata diżidratata u tal-manjoka ma jridx jaqbeż il-15 % tal-materja niexfa fil-porzjon tal-għalf. Il-parametri kollha msemmija hawn fuq jaċċettaw tolleranzi ta’ mhux iżjed minn 10 %.

Il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni tal-porzjon tal-għalf li jingħata jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-annimali fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu tat-trobbija fir-rigward tal-għanijiet ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Fil-porzjon tal-għalf jistgħu jiġu miżjuda supplimenti tal-minerali u tal-vitamini skont il-limiti definiti fil-leġiżlazzjoni ġenerali fis-seħħ.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet tal-produzzjoni u tal-istaġunar tal-“Prosciutto di Norcia” jridu jseħħu fiż-żona tal-produzzjoni kif stabbilit fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-“Prosciutto di Norcia” jista’ jitqiegħed fis-suq għall-konsum dissussat, imqatta’ f’porzjonijiet ta’ għamla u ta’ piż differenti, jew inkella mfettet. Dawn it-tipoloġiji tal-prodott iridu jitqiegħdu fis-suq ippakkjati f’kontenituri jew f’kisi adattati għall-ikel, li jridu jiġu ssiġillati u ttikkettati kif suppost. Fit-tħejjija tal-perżut dissussat sħiħ jew tal-biċċiet, il-marka mikwija fuq il-laħam trid tkun viżibbli dejjem.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-“Prosciutto di Norcia” jitqiegħed fis-suq għall-konsum b’marka speċjali fuqu li tidentifika l-prodott. Il-marka tikkonsisti minn logo bil-kliem “Prosciutto di Norcia” mikwija fuq il-laħam. L-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Prosciutto di Norcia” jrid ikun b’ittri ċari li ma jistgħux jitħassru u li jingħarfu sew minn kull kitba oħra li tidher fuq it-tikketta, u jrid ikun segwit minnufih mill-kliem “Indicazione geografica protetta” u/jew mill-akronimu “IGP” li jrid jiġi tradott bil-lingwa tal-pajjiż li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq. Dawn l-indikazzjonijiet ikunu flimkien mal-logo tad-denominazzjoni. Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.

Madankollu, jistgħu jintużaw indikazzjonijiet li jagħmlu referenza għal ismijiet jew għal ismijiet ta’ kumpaniji jew inkella għal marki privati diment li dawn ma jkollhomx tifsira ta’ tifħir jew tifsira li tista’ tqarraq bix-xerrej, kif ukoll isem l-azjendi tat-trobbija tal-ħnieżer li minnhom jinkiseb il-prodott.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika li fiha jiġi prodott il-“Prosciutto di Norcia” tinkludi l-komuni ta’ Norcia, Preci, Cascia, Monteleone Spoleto u Poggiodomo, fit-territorji li qegħdin f’altitudni ta’ iżjed minn 500 m mil-livell tal-baħar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika indikata fil-punt 4 hija kkaratterizzata minn żoni muntanjużi għoljin fejn ma tasalx l-arja umda mill-baħar, u minn preżenza ta’ formazzjonijiet tal-franka li jippermettu l-iskular tal-ilma tax-xita. Dawn il-karatteristiċi, flimkien mal-għarfien u mal-ispeċjalizzazzjoni tan-nies tal-post li nkisbet biż-żmien fil-qasam tat-trobbija tal-ħnieżer u tal-ipproċessar tal-qatgħat tal-laħam tal-majjal, ippermettew li f’din iż-żona ġeografika jinħoloq ambjent naturali u uman mill-aqwa għall-produzzjoni ta’ perżut ta’ kwalità.

Il-“Prosciutto di Norcia” ikollu dehra kumpatta meta jinqata’, b’lewn li jvarja minn roża għal aħmar, b’riħa tipika kemxejn imħawra u b’togħma qawwija iżda mhux mielħa.

Il-kwalità speċifika tal-“Prosciutto di Norcia” hija marbuta mill-qrib mhux biss mal-kundizzjonijiet ambjentali iżda wkoll mal-fatturi umani li jikkaratterizzaw l-ipproċessar tiegħu. L-ambjent naturali taż-żona huwa favorevoli b’mod partikolari għall-proċessi tal-maturazzjoni u tal-istaġunar minħabba l-karatteristiċi klimatiċi u n-natura tal-artijiet li ġew deskritti hawn fuq. Barra minn hekk, l-arti tal-konservazzjoni tal-laħam tal-majjal fl-inħawi ta’ Norcia, kienet diġà famuża fi żmien ir-Rumani. Fil-fatt, minħabba l-faqar tal-biedja fil-muntanji u minħabba li l-istaġun tal-ksieħ kien jobbligahom jieqfu mix-xogħol, in-nies tal-post kienu speċjalizzati f’attivitajiet marbuta mat-trobbija tal-bhejjem. Dawn l-attivitajiet baqgħu għaddejjin tul żmien ir-Repubblika u żmien l-Imperu Ruman, kif ukoll fi żmien l-Istat tal-Knisja li sfrutta kemm setal-kampanja tar-reġjun tal-Lazio. Għalhekk, dawk li kienu jrabbu l-ħnieżer kienu midħla tal-anatomija u tal-qatla tal-ħnieżer, kif ukoll tal-ipproċessar u tal-konservazzjoni tal-qatgħat tal-laħam tal-majjal permezz ta’ għarfien tipiku li baqa’ jitħaddan saż-żminijiet tal-lum peress li dawn il-qatgħat kienu jinbiegħu, jitmellħu u jistaġunaw fl-inħawi tal-madwar.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq dan is-sit web: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

inkella jista’ jiġi kkonsultat billi żżur direttament il-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija (is-sit web: www.politicheagricole.it), tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin tal-iskrin), imbagħad tagħfas fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar nett tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top