EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0712

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC)

COM/2016/0712 final - 2016/0349 (NLE)

Brussell, 15.11.2016

COM(2016) 712 final

2016/0349(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (International Cotton Advisory Committee, ICAC) huwa l-Korp Internazzjonali tal-Merkanzija (International Commodity Body, ICB) għall-qoton. Il-missjoni tiegħu hija li jgħin lill-gvernijiet jippromwovu ekonomija dinjija b’saħħitha tal-qoton. Qed jagħmel dan billi jiżgura trasparenza fis-suq dinji tal-qoton, billi jservi bħala ċentru ta’ skambju ta' tagħrif għall-informazzjoni teknika dwar il-produzzjoni tal-qoton u forum għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-qoton li jkollhom sinifikat internazzjonali. L-ICAC jaħdem bħala osservatur tal-istatistika u jiġbor flimkien il-pajjiżi li jipproduċu, li jikkunsmaw u li jikkummerċjalizzaw kif ukoll l-oqsma kollha tal-industrija tal-qoton. Huwa għandu rwol ġenerali ta’ faċilitar. Mhuwiex involut fl-iffissar jew fid-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-qoton.

Sal-lum, l-ICAC huwa wieħed mill-ftit ICBs 1 li fih l-Unjoni Ewropea (UE) mhijiex membru, filwaqt li disa' Stati Membri ilhom membri tal-ICAC fuq il-merti tagħhom (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja u Spanja). Is-sħubija fl-ICAC hija fl-interess tal-Unjoni, minħabba l-importanza tal-qoton għall-ekonomija tal-Unjoni. L-UE hija produttur tal-qoton u żviluppat minn importatur nett tal-qoton (sal-2008) għal esportatur nett tal-qoton sa mill-2009. L-industrija tat-tessut u l-ħwejjeġ tal-UE hija utent importanti tad-drapp tal-qoton. Barra minn hekk, il-qoton huwa qasam importanti għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp, li jibqa' d-donatur ewlieni tal-UE għas-settur tal-qoton Afrikan.

F’bosta okkażjonijiet (jiġifieri fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2004 (ref. 8972/04), l-2008 (ref. 9986/08) u l-2010 (ref. 9648/10)), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra s-sħubija tal-UE fl-ICAC. Huwa awtorizza lill-Kummissjoni fl-2013 sabiex, f’isem l-Unjoni Ewropea u abbażi ta’ direttivi ta’ negozjar, tinnegozja l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC (Deċiżjoni tal-Kunsill 13406/13, 16 ta' Sett. 2013). B'kunsiderazzjoni għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC, l-Istati Membri kollha nnotifikaw lill-ICAC li se jirtiraw mis-sħubija skont l-Artikolu II, it-Taqsima 3 tar-regoli u r-regolamenti tal-ICAC 2 .

2.    IL-BAŻI ĠURIDIKA

Minħabba li l-kwistjonijiet ta’ kummerċ jirrappreżentaw l-aktar parti importanti tal-kompiti tal-ICAC, il-bażi ġuridika jenħtieġ li jkun l-Artikolu 207 TFUE.

3.RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ bħalissa, il-Kummissjoni tqis li s-sħubija fl-ICAC tkun ħaġa tajba minħabba li:

tippermetti lill-UE li tesprimi l-opinjonijiet tagħha dwar il-qoton b’vuċi waħda u tħallas kontribuzzjoni waħda fl-ICB adegwat, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-Istati Membri tal-UE,

tipprovdi lill-UE aċċess għal tagħrif dwar kwistjonijiet relatati mal-qoton, sabiex tkun tista’ ssegwi s-suq tal-qoton u tinfluwenza l-aġenda tal-qoton,

tiffaċilita rabtiet u sħubijiet bejn is-settur privat tal-UE (qoton u tessut), il-produtturi u l-konsumaturi tal-qoton (mill-UE u minn pajjiżi li qed jiżviluppaw), u l-awtoritajiet pubbliċi.

Is-Segretarjat tal-ICAC huwa favur is-sħubija tal-UE, peress li din iżżid l-importanza u l-istatus internazzjonali tal-ICAC bħala ICB. Huwa tabilħaqq sostna li l-UE ma għandha l-ebda responsabbiltà għall-arretrati kurrenti jew futuri ta’ kwalunkwe membru.

4.    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Is-sħubija fl-ICAC hija bbażata fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjoni annwali. Din hija kkalkolata fuq bażi annwali skont in-numru ta’ membri tal-ICAC (parti fissa) u l-volum tal-qoton mhux maħdum ikkummerċjalizzat minn kull membru (parti varjabbli). Tkun meħtieġa kontribuzzjoni inizjali ta’ massimu ta' EUR 400 000, li tagħti lill-UE influwenza adegwata fuq l-affarijiet tal-ICAC u tippermetti involviment wiesa’ tal-UE fl-attivitajiet tal-ICAC.

5.    ELEMENTI OĦRAJN: pjanijiet ta’ implimentazzjoni

L-Unjoni Ewropea se tiżgura li l-benefiċċji kollha tas-sħubija għandhom ikunu kondiviżi mal-Istati Membri tal-Unjoni. Sħubija fis-sottokumitati u fil-gruppi ta’ ħidma se tkun miftuħa għal rappreżentanti mill-Istati Membri bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-reġjuni tal-Unjoni fejn il-produzzjoni u l-konsum tal-qoton jirrappreżentaw ammont rilevanti għall-ekonomija agrikola u industrijali u n-negozju kummerċjali. B’mod partikolari, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea fil-Bord Konsultattiv tas-Settur Privat (PSAP) se jkun akkumpanjat minn rappreżentanti supplenti u osservaturi kif mitlub mill-Istat Membru skont l-Artikolu VI Taqsima 3 a (1) tar-Regoli u Regolamenti tal-ICAC.

2016/0349 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 (3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218 (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 3 ,

Billi:

(1)L-Unjoni Ewropea (UE) mhijiex membru tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton, iżda hija diġà membru ta’ għadd ta’ Korpi Internazzjonali tal-Prodotti Bażiċi.

(2)Fis-27 ta’ April 2004, is-27 ta’ Mejju 2008, l-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-ktajjen ta’ prodotti bażiċi agrikoli, id-dipendenza u l-faqar, dwar is-Sħubija UE-Afrika favur l-iżvilupp tas-settur tal-qoton u dwar il-promozzjoni tal-azzjoni tal-UE fil-qasam ta’ prodotti bażiċi, rispettivament, stieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra s-sħubija tal-UE fil-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton.

(3)Fis-16 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem l-Unjoni, l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC skont l-Artikolu II, Taqsimiet 1 u 2, tar-Regoli u r-Regolamenti tagħha 4 li jistipulaw li s-sħubija fl-ICAC tkun fl-interess tal-Unjoni, minħabba l-importanza tal-qoton għall-ekonomija tal-Unjoni; L-UE hija produttur tal-qoton u żviluppat minn importatur nett tal-qoton (sal-2008) għal esportatur nett tal-qoton sa mill-2009. L-industrija tat-tessut u l-ħwejjeġ tal-UE hija utent importanti tad-drapp tal-qoton. Barra minn hekk, il-qoton huwa qasam importanti għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp, li jibqa' d-donatur ewlieni tal-UE għas-settur tal-qoton Afrikan.

(4)L-Unjoni se tħallas kontribuzzjoni skont l-Artikolu II Taqsima 2 a.(2) (c) tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC. L-UE ma tistax tinżamm responsabbli għall-arretrati kurrenti jew futuri ta’ kwalunkwe membru tal-ICAC.

(5)Il-Protokoll 4 dwar il-Qoton tal-Att tal-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika mal-Unjoni 5 għandu jibqa' jiġi kkunsidrat wara l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton hija b'dan approvata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina persuna bis-setgħa li tikkomunika, f’isem l-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni lill-Kunsill Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) L-UE hija membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor, tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ, tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju dwar il-Gomma, tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju dwar iċ-Ċomb u ż-Żingu, tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju dwar in-Nikil, tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju dwar il-Metalli mhux tal-Ħadid.
(2) Ara s-sit web uffiċjali tal-ICAC: https://www.icac.org/about-International-Cotton-Advisory-Committee/rules
(3) ĠU C , , p. .
(4) Ir-regoli u r-regolamenti tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton kif adottati fil-31 Laqgħa Plenarja, tas-16 ta' Ġunju 1972, bl-emendi mill-74 Laqgħa Plenarja, tal-11 ta' Diċembru 2015. Ara s-sit web uffiċjali tal-ICAC: https://www.icac.org/about-International-Cotton-Advisory-Committee/rules
(5) Ġurnal Uffiċjali tal-UE, L 291, 19/11/1979
Top