EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0667

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni taʼ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002

COM/2016/0667 final - 2012/0179 (COD)

Brussell, 21.10.2016

COM(2016) 667 final

2012/0179(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni taʼ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002


2012/0179 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni taʼ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002

1.Il-kuntest

Id-data ta’ meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2012) 371 final – 2012/0179 COD):

Id-19 ta’ Lulju 2012

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

It-13 ta’ Frar 2013

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari:

L-10 ta’ Diċembru 2013

Id-data ta’ meta ntbagħtet il-proposta emendata:

L-24 ta’ Ottubru 2016

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

It-18 ta’ Ottubru 2016

2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

Is-sajd fil-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal huwa ddominat parzjalment mill-flotot kostali tradizzjonali (tal-Portugall) u mill-bastimenti tat-tkarkir nomadiċi l-kbar (ta’ Franza u ta’ Spanja). B’kollox dawn jirrappreżentaw madwar 1 % tal-ħut li jinħatt l-art mill-Atlantiku tal-Grigal. Sa ċertu punt, l-ekonomija ta’ għadd ta’ komunitajiet tas-sajd tiddependi fuq is-sajd fil-baħar fond. Dan is-sajd isir fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali rregolati minn ftehimiet fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (in-NEAFC).

L-istokkijiet tal-baħar fond huma stokkijiet tal-ħut li jinqabdu f’ilmijiet ’il barra miż-żoni ewlenin tas-sajd tal-blat kontinentali. Dawn jinsabu mqassmin fuq ix-xaqlibiet kontinentali jew huma assoċjati ma’ muntanji fil-baħar. Is-sajd fil-baħar fond ilu suġġett għal ġestjoni ddettaljata tal-opportuntajiet tas-sajd (il-qabda totali permessibbli u l-isforz massimu tas-sajd) mill-2003 ’l hawn biss. Qabel dan, l-iżviluppi f’dan it-tip ta’ sajd fil-biċċa l-kbira tagħhom ma kinux irregolati u b’mod parzjali wrew is-sintomi tipiċi tal-problema tat-“tellieqa għal min jistad l-iktar”, u b’hekk kien hemm tnaqqis drastiku fl-istokkijiet.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 1 stabbilixxa ħtiġijiet speċifiċi ta’ aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta’ ħażniet tal-baħar fond. Madankollu, maż-żmien deher biċ-ċar li dawn il-miżuri ma kinux restrittivi biżżejjed u li huma ma setgħux jibqgħu jiżguraw ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet. Barra minn hekk, dawn ma indirizzawx il-kwistjoni tal-evitar ta’ impatti negattivi sinifikanti fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar.

Fl-2007 u fl-2010, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72, li permezz tagħhom l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd intalbu jiżguraw il-protezzjoni tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond mill-impatt tal-irkapti tas-sajd tal-qiegħ, kif ukoll l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond.

Il-miżuri tan-NEAFC fil-qasam tas-sajd fil-baħar fond li ġew adottati u trasposti fil-liġi tal-Unjoni jinkludu l-projbizzjoni tal-għeżula, l-għeluq ta’ ċerti żoni sabiex jiġu protetti l-ħabitats tal-qiegħ li jirrappreżentaw sorsi ewlenin ta’ bijodiversità (l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar), il-ħolqien ta’ limiti massimi fuq l-isforz tas-sajd magħmul fis-sena u l-immappjar tal-attività eżistenti tas-sajd bil-għan li s-sajd il-ġdid ikollha tibda ssirlu valutazzjoni tal-impatt ambjentali qabel ma jibda jsir.

L-għan ġenerali tal-proposta huwa li jiġi żgurat li l-istokkijiet tal-baħar fond jiġu sfruttati kemm jista’ jkun b’mod sostenibbli filwaqt li jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ dan it-tip ta’ sajd u tittejjeb il-bażi tal-informazzjoni għall-valutazzjoni xjentifika. Sakemm id-dejta u l-metodu ma jkunux kisbu l-livell meħtieġ li jippermetti ġestjoni abbażi tar-rendiment massimu sostenibbli, is-sajd irid jiġi mmaniġġjat skont l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd.

Sabiex jitnaqqas l-impatt distruttiv fuq l-ekosistema tal-baħar, il-proposta tipprevedi li x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għandhom jitneħħew gradwalment mill-użu f’dan it-tip ta’ sajd, peress li dawn huma l-iktar irkaptu li jagħmel ħsara lill-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar u huma wrew livelli għoljin ta’ qabdiet mhux mixtieqa tal-ispeċijiet tal-baħar fond. Ir-restrizzjonijiet tranżizzjonali fuq l-għeżula tal-qiegħ f’sajd f’fond ta’ iktar minn 600 metru u fil-medda tal-fond ta’ bejn il-200 u s-600 metru għandu jkollhom magħhom ukoll projbizzjoni fuq is-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond.

Minħabba li l-proposta kienet tipprevedi t-tneħħija gradwali tal-irkapti tal-qiegħ, ma kinetx tinkludi miżuri speċifiċi biex jiġu evitati impatti sinifikanti fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar jew l-għeluq taż-żoni fejn jinsabu dawn l-ekosistemi.

Il-proposta qieset ukoll l-opportunità li tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ ġestjoni għal dawn l-istokkijiet, li bħalissa huma suġġetti għal strument doppju: il-limitazzjonijiet tal-qbid u l-limitazzjoni tal-kapaċità jew tal-isforz.

Ta’ min jinnota li l-qafas legali evolva minn meta tressqet il-proposta tal-Kummissjoni ’l hawn: saret riforma tal-politika komuni tas-sajd (il-PKS) u fl-1 ta’ Jannar 2014 daħal fis-seħħ “Regolament bażiku” ġdid 2 .

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1.    Kummenti ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill:

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-30 ta’ Ġunju 2016. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim.

3.2.    Emendi li għamel il-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari:

Matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew irreveda l-pożizzjoni tiegħu minħabba bidliet fil-qafas legali u l-adozzjoni tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida. Għalhekk tqies li l-pożizzjoni li l-Parlament Ewropew ħa fl-10 ta’ Diċembru 2013 wara l-ewwel qari ma kinitx għadha daqshekk rilevanti għan-negozjati.

3.3.    Dispożizzjonijiet li ddaħħlu abbażi tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill f’dan ir-rigward:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu kontra l-proposta li jitneħħew gradwalment l-irkapti tal-qiegħ li jintużaw għas-sajd għall-ħut tal-baħar fond. Madankollu, huma qablu dwar il-miżuri li kellhom jeħdulha postha, kif ukoll dwar miżuri oħrajn ta’ konservazzjoni biex jiġu protetti l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar. Għalhekk it-test ġie emendat ħafna biex jipprevedi l-miżuri li ġejjin li huma riflessi fil-ftehim politiku:

qed jiddaħħlu żewġ tipi ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd: awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirati għall-bastimenti li jħottu l-art iktar minn 8 % tal-ispeċijiet tal-baħar fond wara kull vjaġġ tas-sajd li jagħmlu u mill-inqas 10 tunnellati fis-sena kalendarja kkonċernata; u awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-qabdiet aċċessorji għall-bastimenti li jkollhom qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet tal-baħar fond. Il-bastimenti li jkollhom qabdiet aċċessorji għandhom flessibbiltà ta’ 15 % wara l-10 tunnellati;

il-kapaċità tas-sajd qed tiġi llimitata abbażi tal-kapaċità tal-bastimenti li jkunu ħattew iktar minn 10 tunnellati ta’ speċijiet tal-baħar fond fl-2009 sal-2011;

is-sajd għall-ħut tal-baħar fond qed jiġi llimitat għaż-żona fejn kien iseħħ dan it-tip ta’ sajd fl-2009 sal-2011, jiġifieri qabel ma tressqet il-proposta tal-Kummissjoni (iż-żona tal-impronta);

is-sajd sperimentali barra ż-żona tal-impronta se tkun trid issirlu valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tali tip ta’ sajd permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. is-sajd sperimentali se jkun limitat għal perjodu massimu ta’ sena li jkun jista’ jiġġedded darba;

l-obbligu tal-bastimenti li jibagħtu rapport meta jiltaqgħu ma’ ekosistemi vulnerabbli tal-baħar f’fond ta’ iktar minn 400 metru u li jimxu lejn żona oħra li tkun tal-inqas 5 mili nawtiċi lil hinn minnha;

il-projbizzjoni tas-sajd fil-baħar fond bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’fond ta’ iktar minn 800 metru minn wiċċ l-ilma;

l-għeluq ta’ żoni b’ekosistemi vulnerabbli tal-baħar għas-sajd fil-baħar fond bi rkapti tal-qiegħ abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt u tar-rapporti tas-sejbiet ta’ dawn iż-żoni. Dan l-għeluq se tistabbilih il-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni abbażi tal-pariri xjentifiċi;

l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar stretti ta’ kontroll, bħar-restrizzjoni tat-trasbord, ir-rappurtar f’ħin reali dwar l-użu tal-kwota, is-segwitu msaħħaħ tal-qabdiet li ma jkunux ġew irrappurtati tajjeb, il-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni, fattur ta’ multiplikazzjoni ogħla għas-sajd eċċessiv, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza, eċċ.;

l-obbligu li jinħattu l-art kwantitajiet ta’ iktar minn 100 kg ta’ speċijiet tal-baħar fond biss f’portijiet magħżulin u r-rekwiżit li ssir notifika tal-anqas erba’ sigħat bil-quddiem dwar l-intenzjoni li jinħattu l-art il-qabdiet u tal-inqas siegħa qabel fil-każ ta’ bastimenti ta’ mhux iktar minn 12-il metru;

l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal mill-inqas xahrejn fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni tas-sajd b’rabta mal-użu tal-irkapti, maż-żoni tal-operat u mal-limiti tal-qbid, kif ukoll jekk l-osservaturi ma jittellgħux abbord;

dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar il-ġbir tad-dejta u kopertura tal-osservaturi ta’ mill-inqas 20 % għall-bastimenti li jkunu qed jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u l-għeżula tal-qiegħ u kopertura ta’ 10 % għall-bastimenti l-oħrajn. Il-kopertura tista’ tiġi adattata permezz ta’ kodeċiżjoni abbażi tal-pariri xjentifiċi;

dawn il-miżuri jikkonċernaw l-ilmijiet tal-UE u ċerti żoni tas-CECAF li fihom jistadu l-bastimenti tal-UE. Fiż-żona tan-NEAFC se jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet attwali dwar il-permessi tas-sajd, il-portijiet magħżulin u l-ġbir tad-dejta. Iż-żieda ta’ 20 % fil-kopertura tal-osservaturi se tapplika wkoll fiż-żona tan-NEAFC;

l-evalwazzjoni tal-impatt tal-miżuri erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament sabiex jiġi stabbilit kemm intlaħqu l-għanijiet.

It-test ta’ kompromess jitbiegħed sew mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2012, iżda jikkonforma mar-regoli l-ġodda stabbiliti fir-Regolament il-bażiku l-ġdid, jipprevedi biżżejjed miżuri ta’ sostituzzjoni minflok it-tneħħija gradwali tal-irkapti tal-qiegħ, jiżgura l-kundizzjonijiet biex jiġu evitati impatti negattivi sinifikanti fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar u jistabbilixxi kundizzjonijiet aħjar biex jittejjeb il-mod kif tinġabar id-dejta. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-bidliet kollha.

4.Konklużjoni

Is-servizzi legali u l-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ingħataw il-mandat jagħmlu l-aġġustamenti kollha rilevanti fit-test. Għalhekk id-dokument finali jirrappreżenta l-ftehim politiku li l-koleġiżlaturi laħqu fit-30 ta’ Ġunju 2016.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta’ aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta’ ħażniet tal-baħar fond (ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
Top