IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 5.7.2016
COM(2016) 450 final
2016/0208(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2016) 223 final}
{SWD(2016) 224 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Il-proposta tistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex ikun miġġieled aħjar il-finanzjament tat-terroriżmu u biex tkun żgurata trasparenza miżjuda tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u ta’ entitajiet korporattivi skont il-qafas legali preventiv stabbilit fl-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2015/849 (ir-“4AMLD”) . Hija tistabbilixxi wkoll ċerti tibdiliet konsegwenzjali għar-regoli tal-liġi tal-kumpaniji rilevanti skont id-Direttiva 2009/101/KE.
L-adozzjoni tar-regoli aġġornati Kontra l-Ħasil tal-Flus f’Mejju 2015 tirrappreżenta pass sinifikanti biex titjieb l-effettività tal-isforzi tal-UE biex jiġu miġġielda l-ħasil ta’ flus minn attivitajiet kriminali u l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi.
Iżda riċentement it-theddida terroristika kibret u evolviet. Fl-istess waqt, bis-saħħa ta’ avvanzi fit-teknoloġija u l-komunikazzjoni, is-sistema finanzjarja globalment interkonnessa tagħmilha faċli biex wieħed jaħbi u jmexxi fondi madwar id-dinja, bl-istabbiliment malajr u ħafif ta’ saff fuq saff ta’ kumpaniji tal-isem, il-qsim ta’ fruntieri u ġurisdizzjonijiet hekk li huwa aktar diffiċli li jiġu ntraċċati l-flus. Dawk li jaħslu l-flus, min jevadi t-taxxa, it-terroristi, il-frodisti u kriminali oħrajn kollha jistgħu jgħattu l-passi tagħhom b’dan il-mod.
Sistema finanzjarja soda, li għandha stabbilita għodod analitiċi u għall-iskrutinju xierqa, tista’, billi tgħin biex tikxef mudelli ta’ tranżazzjonijiet anomali, tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-konnessjonijiet, netwerks u theddid terroristiċi u kriminali u tista’ twassal għal azzjonijiet preventivi rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti. Madankollu, għadhom jeżistu lakuni fis-superviżjoni tal-ħafna mezzi finanzjarji użati mit-terroristi, ibda mill-flus kontanti u n-negozju f’artifatti kulturali għal muniti virtwali u kards anonimi mħallsin minn qabel. Din il-proposta timmira li tindirizza dawn il-lakuni filwaqt li tevita ostakoli mhux neċessarji għall-funzjonament ta’ pagamenti u s-swieq finanzjarji għaċ-ċittadini u n-negozji ordinarji li jħarsu l-liġi, filwaqt li tibbilanċja l-bżonn għaż-żieda tas-sigurtà mal-bżonn li jkunu protetti d-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u libertajiet ekonomiċi.
Fl-istess waqt u addizzjonalment għal kwistjonijiet tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkixfu lakuni sinifikanti fit-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji madwar id-dinja, li jindikaw li ġurisdizzjonijiet offshore jintużaw ta’ spiss bħala postijiet ta’ entitajiet intermedjarji li jiddissoċjaw is-sid reali mill-assi li huma proprjetà tiegħu, ħafna drabi biex jevitaw jew jevadu t-taxxa. Din il-proposta tfittex li tipprevjeni l-ħabi fuq skala kbira ta’ fondi li jista’ jtellef il-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità finanzjarja, u li tkun żgurata trasparenza korporattiva msaħħa biex is-sidien benefiċjarji veri tal-kumpaniji jew arranġamenti legali oħrajn ma jkunux jistgħu jinħbew wara identitajiet mhux żvelati.
Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà il-Kummissjoni tidentifika t-titjib tal-qafas legali tal-UE bħala l-prijorità biex ikun indirizzat it-terroriżmu. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fl-20 ta’ Novembru 2015 , tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-8 ta’ Diċembru 2015 , kif ukoll tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2015 kollha enfasizzaw il-bżonn li jkompli jiġi intensifikat ix-xogħol f’dan il-qasam, hekk li wieħed jibni fuq it-titjib li sar fir-4AMLD.
Fit-2 ta’ Frar 2016 il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jiffoka fuq żewġ linji prinċipali ta’ azzjoni: l-intraċċar tat-terroristi permezz tal-movimenti finanzjarji u l-impediment li jittrasferixxu fondi jew assi oħra; u t-tfixkil tas-sorsi tad-dħul użati minn organizzazzjonijiet terroristiċi, billi jiffoka fuq il-kapaċità tagħhom li jiġbru l-fondi. Il-Pjan ta’ Azzjoni ħabbar numru ta’ miżuri operazzjonali u leġiżlattivi mmirati, inkluża l-proposta preżenti, li għandhom jidħlu fis-seħħ malajr.
Fit-12 ta’ Frar 2016, il-Kunsill tal-Ministri tal-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji talab lill-Kummissjoni biex tissottometti l-proposta tagħha għall-emenda tar-4AMLD mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mit-tieni trimestru tal-2016. Fit-22 ta’ April 2016, il-Kunsill informali ECOFIN sejjaħ għall-azzjoni b’mod partikolari biex tikber l-aċċessibbiltà għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja, biex ikunu ċċarati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ trusts, titħaffef l-interkonnessjoni ta’ reġistri nazzjonali tas-sjieda benefiċjarja, ikun promoss l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, u jissaħħu r-regoli tad-diliġenza dovuta tal-klijenti. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2015 , il-Parlament Ewropew kien diġà enfasizza li trasparenza, koordinazzjoni u konverġenza mtejbin f’relazzjoni mal-politiki tat-taxxa korporattiva jipprovdu qafas effettiv biex tkun iggarantita kompetizzjoni ġusta bejn ditti fl-Unjoni u biex il-baġit tal-istat ikun protett minn riżultati negattivi.
Ir-reviżjoni proposta tar-4AMLD hija wkoll konsistenti mal-iżviluppi globali. F’livell internazzjonali, ir-Riżoluzzjonijiet 2199(2015) u 2253(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sejħu għal miżuri li jipprevjenu lil gruppi terroristiċi milli jiksbu aċċess għal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Addizzjonalment, l-istqarrija tal-G20 tat-18 ta’ April 2016 tistieden lit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF) u lill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa biex jagħmlu proposti inizjali biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza, inklużi dwar id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-iskambju internazzjonali tagħha.
Is-superviżjoni u l-infurzar effettivi huma kruċjali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni se tkun qiegħda tissorvelja t-traspożizzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-Unjoni fil-liġi nazzjonali, kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-Istati Membri fil-prattika.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Fl-20 ta’ Mejju 2015 kien adottat qafas rivedut għal kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu (anti-money laundering and counter-terrorism financing, AML / CFT). Ir-regoli riveduti jikkonsistu mir-4AMLD u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi.
Id-data tat-traspożizzjoni għar-4AMLD u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2015/847 hi s-26 ta’ Ġunju 2017. Madankollu, il-Kummissjoni inkoraġġixxiet lill-Istati Membri sabiex jantiċipaw id-data ta’ traspożizzjoni tar-4AMLD, u din il-proposta temenda d-data għall-1 ta’ Jannar 2017. L-emendi proposti jikkonċernaw għażla ta’ kwistjonijiet li l-Istati Membri diġà jistgħu jiġu mitlubin jindirizzaw fil-proċess li huwa għaddej tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-4AMLD. Il-miżuri kollha jimmiraw biex iżidu l-effiċjenza tas-sistema AML / CFT attwali u kienu abbozzati biex jissupplimentawha b’mod koerenti. Għalhekk, din il-proposta tistipula regoli li jibnu fuq l-esperjenza tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-4AMLD (l-istabbiliment ta’ reġistri ċentrali), fit-tweġib tat-talbiet ta’ dawk li japplikaw ir-regoli b’mod effettiv (ħatra ta’ entitajiet marbutin b’obbligu ġodda, l-għoti tas-setgħa lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), l-armonizzazzjoni tal-approċċ lejn pajjiżi terzi b’riskju għoli) u jirriflettu t-tendenzi l-aktar ġodda osservati fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (titjib tal-aċċess għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja). Tabilħaqq, din il-proposta tipprovdi qafas li jinħtieġ li jippermetti lill-ordni legali nazzjonali tal-Istati Membri sabiex tkun aġġornata u mgħammra aħjar biex tiffaċċja l-isfidi attwali. L-Istati Membri, fid-dawl tal-impenji li diġà ttieħdu, jinħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jħaffu l-pass tat-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Din il-proposta tieħu kont tas-sejbiet u l-valutazzjoni mill-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmi eżistenti għall-evalwazzjoni tal-oqfsa legali u istituzzjonali tal-Istati Membri u l-prassi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Hija bbażata fuq data maqsuma mal-Kummissjoni fil-kuntest tat-traspożizzjoni tar-4AMLD. Ukoll, l-emendi proposti jieħdu kont tal-istudji u r-rapporti rilevanti eżistenti (b’mod partikolari dawk li twettqu fl-2009 u l-2012) dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri, ir-rekwiżiti internazzjonali kollha stabbiliti ġodda (b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet FATF riveduti) u l-informazzjoni kollha li nġabret sa issa permezz tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ infrazzjoni skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb ħarsa komprensiva u preċiża, il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni data li kienet magħmula disponibbli permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-superviżjoni finanzjarja.
Rigward l-infurzar, din il-proposta tibni fuq it-tagħlim li nkiseb bl-implimentazzjoni ta’ regoli eżistenti kontra l-ħasil tal-flus u titfa’ attenzjoni aktar qawwija fuq l-implimentazzjoni tar-regoli attwali. Din il-proposta tirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva u l-effettività tar-reġim nazzjonali tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni se tibni fuq xogħol li diġà sar mill-FATF (proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari) jew tuża l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali li saru mill-Istati Membri bħala bażi għall-valutazzjoni tal-effettività.
Finalment, rigward il-liġi tal-kumpaniji u d-Direttiva 2009/101/KE, din id-Direttiva diġà kienet trasposta fl-Istati Membri. L-emendi proposti għad-Direttiva 2009/101/KE joħolqu sett ta’ regoli ġodda applikabbli għal kategorija ta’ kumpaniji u trusts definiti b’mod ċar li jirriflettu u jikkumplimentaw ir-regoli fir-4AMLD riveduta, billi jimmiraw biex jiżguraw trasparenza korporattiva msaħħa. Għaldaqstant, billi għandhom ambitu ta’ applikazzjoni distint, dawn ir-regoli l-ġodda jridu jkunu inklużi fid-Direttiva 2009/101/KE, filwaqt li tkun żgurata l-kontroreferenza neċessarja għar-4AMLD.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
L-emendi proposti għar-4AMLD (u d-Direttiva 2009/101/KE) huma f’linja mal-miri ta’ politika segwiti mill-Unjoni, u b’mod partikolari:
–il-qafas tal-liġi kriminali fir-rigward ta’ reati marbutin ma’ gruppi terroristiċi, u speċjalment l-inkriminazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu kif inkluż fil-proposta għal Direttiva li tiġġieled it-terroriżmu, kif ukoll l-impenji li twettqu mill-Unjoni meta kien iffirmat il-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu;
–is-suq uniku għal pagamenti li jistabbilixxi servizzi tal-pagamenti aktar sikuri u aktar innovattivi madwar l-UE, partikolarment regoli stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/2366 u r-Regolament 2015/751;
–il-qafas legali li jistabbilixxi d-diliġenza dovuta tal-klijenti fuq kontijiet finanzjarji li jippermettu l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet tat-taxxa (billi jkun implimentat l-istandard globali) kif previst mid-Direttiva 2011/16/UE, kif emendata bid-Direttiva 2014/107/UE;
–il-qafas għal servizzi pubbliċi u privati online effettivi, in-negozju elettroniku u l-kummerċ elettroniku fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 910/2014;
–ir-reġim riformat għall-protezzjoni tad-data, derivat mir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680, u f’linja mal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
–is-suq uniku diġitali, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” u d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzzjonijiet elettroniċi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 (ir-“Regolament eIDAS”);
–protezzjoni tal-konsumatur u inklużjoni finanzjarja;
–l-objettivi segwiti mill-Kummissjoni kif indikati fil-Komunikazzjoni tagħha dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-proposta temenda r-4AMLD, kif ukoll id-Direttiva 2009/101/KE. Għaldaqstant hija bbażata fuq l-Artikoli 114 u 50 TFUE, liema huma l-bażijiet ġuridiċi tal-atti emendati.
•Sussidjarjetà
B’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti minn Stati Membri u jistgħu għaldaqstant jintlaħqu aħjar f’livell tal-Unjoni. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawn l-objettivi. F’konformità mar-regoli eżistenti kemm fir-4AMLD u fid-Direttiva 2009/101/KE, skont din il-proposta l-Istati Membri għandhom id-dritt jadottaw jew iżommu miżuri li huma aktar stretti minn dawk stipulati fil-liġi tal-Unjoni.
Il-qafas legali eżistenti li jippermetti s-sistema finanzjarja tipprevjeni l-finanzjament tat-terroriżmu kien stabbilit f’livell tal-Unjoni. It-titjib tal-qafas legali eżistenti ma jistax jinkiseb jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod awtonomu. Sar kontroll bir-reqqa tas-sussidjarjetà fil-kuntest tal-adozzjoni tar-4AMLD. Billi l-finanzjament organizzat tal-kriminalità u t-terroriżmu jista’ jagħmel ħsara lill-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u jhedded is-suq intern, kwalunkwe miżuri adottati fuq livell nazzjonali biss jista' jkollhom effetti negattivi fuq is-Suq Uniku tal-UE: in-nuqqas ta’ regoli kkoordinati madwar l-Istati Membri mmirati biex jipproteġu s-sistemi finanzjarji tagħhom jista’ jkun inkonsistenti mal-funzjonament tas-suq intern u jirriżulta fil-frammentazzjoni. Minħabba n-natura transfruntiera tat-theddid terroristiku, l-ambitu tar-regoli proposti jeħtieġ ikun allinjat, koerenti u konsistenti biżżejjed f’livell tal-Unjoni sabiex ikun verament effettiv.
Addizzjonalment, in-nuqqas ta’ qafas AML / CFT effettiv fi Stat Membru wieħed jista’ jkun sfruttat mill-kriminali u jkollu konsegwenzi fi Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, huwa importanti li f’livell tal-Unjoni jkun hemm qafas armonizzat, billi flussi kbar ta’ flus “illeċiti” u finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju.
Regoli abbozzati b’mod ċar li jirrikjedu trasparenza miżjuda għal firxa wiesgħa ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi impriżi u trusts simili għal negozju, jindirizzaw aktar minn disparitajiet teoretiċi fil-funzjonament tas-suq intern. Ir-riskju tal-operat dgħajjef tas-suq intern huwa wieħed konkret: l-Istati Membri kollha huma affettwati direttament minn żieda fl-isforzi fuq skala mingħajr preċedent tal-kriminali u l-assoċjati tagħhom biex jaħbu l-oriġini tar-rikavat kriminali jew biex jikkanalizzaw flus legali jew illegali għal finijiet terroristiċi.
•Proporzjonalità
L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi fl-indirizzar tal-finanzjament tat-terroriżmu u ż-żieda fit-trasparenza korporattiva, hekk li jinbena fuq regoli diġà fis-seħħ, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fil-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ akkumpanjament hija mogħtija deskrizzjoni dettaljata ta’ miżuri alternattivi li jistgħu jkunu previsti sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din il-proposta.
B’attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni fil-ħin ta’ detenturi ta’ kontijiet tal-bank u tal-pagament mill-UIF, inżammet dik l-aktar proporzjonata minn għadd ta’ għażliet: l-Istati Membri jibqgħu liberi biex jistabbilixxu reġistru ta’ bank ċentrali, jew sistema ta’ rkupru, u jaraw liema toqgħod l-aħjar mal-qafas eżistenti tagħhom. Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna l-miżuri għal diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa li l-entitajiet marbutin b’obbligu jridu japplikaw fir-rigward ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli, dik li tiżgura approċċ armonizzat f’livell tal-Unjoni filwaqt li timplimenta l-impenji internazzjonali hija kkunsidrata bħala l-għażla l-aktar proporzjonata minn dawk kollha validi.
Fir-rigward ta’ fornituri li jfasslu s-servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali bħala entitajiet marbutin b’obbligu, l-emendi proposti jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissorveljaw tranżazzjonijiet suspettużi b’muniti virtwali, filwaqt li jippreservaw l-avvanzi innovattivi offruti minn tali muniti, huwa xieraq li bħala entitajiet marbutin b’obbligu skont ir-4AMLD ikunu definiti l-gwardjani kollha li jikkontrollaw l-aċċess għal muniti virtwali, b’mod partikolari pjattaformi tal-iskambju u fornituri tal-kartieri. Il-miżura proposta, fuq naħa waħda, tieħu kont tal-frammentazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja u, fuq in-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ aċċess dirett u veloċi għal din l-informazzjoni mill-UIF u l-awtoritajiet kompetenti tal-AML / CFT. Barra minn hekk, informazzjoni li tkun disponibbli trid tkun preċiża (jiġifieri l-informazzjoni jinħtieġ li tkun preċiża biżżejjed biex ma tkunx fil-mira l-persuna l-ħażina) u limitata għal dak li huwa neċessarju (proporzjonalità) biex l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti tal-AML / CFT ikunu jistgħu jqabblu l-kontijiet kollha tal-bank u tal-pagament mad-detenturi tal-kontijiet, detenturi ta’ prokura u sidien benefiċjarji korrispondenti tagħhom.
Fir-rigward ta’ strumenti mħallsa minn qabel, filwaqt li jkun rikonoxxut li dawn jippreżentaw interess soċjali ċar billi huma użati f’ċerti Stati Membri biex jitħallsu l-benefiċċji soċjali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jiddetta li jrid jittieħed kont dovut tal-bżonnijiet ta’ persuni finanzjarjament vulnerabbli. Għalhekk, il-miżuri proposti jfittxu li jippromwovu l-inklużjoni finanzjarja, u tali kards imħallsin minn qabel jibqgħu jiffunzjonaw bħala sostitut de facto għal kont tal-bank. Addizzjonalment, billi huwa neċessarju li t-talba leġittima għall-anonimità ta’ pagamenti minn individwi tkun ibbilanċjata mar-rekwiżiti tal-monitoraġġ effettiv ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, u minħabba x-xejriet u ċ-ċifri l-aktar riċenti tas-swieq li jindikaw l-ammont medju ta’ tranżazzjonijiet mhux suspettużi b’istrumenti anonimi mħallsin minn qabel, huwa xieraq u proporzjonat li jitnaqqsu l-limiti stabbiliti fir-4AMLD għal tranżazzjonijiet li għalihom ma titwettaqx id-diliġenza dovuta tal-klijenti.
Il-proporzjonalità wkoll kienet żgurata fir-rigward tar-reġim ta’ trasparenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet ġuridiċi (kumpaniji, trusts, arranġament legali simili). Għalhekk, analiżi komprensiva tat-talbiet leġittimi magħmulin mill-attivisti u l-NGOs, il-bżonn li tkun żgurata ż-żieda fit-trasparenza ta’ relazzjonijiet tan-negozju, standards legali fil-qasam u partikolarment ir-regoli kollha rigward il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali jiddettaw li jinħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-kategoriji ta’ entitajiet ġuridiċi involuti fil-ġestjoni ta’ trusts bħala negozju, bil-għan ta’ profitt, u kategoriji oħrajn. Huwa leġittimu u proporzjonat li jingħata aċċess lill-pubbliku għal sett limitat ta’ informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-ewwel kategorija ta’ entitajiet ġuridiċi, filwaqt li, fir-rigward tat-tieni kategorija, tali informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jinħtieġ li tkun magħrufa biss lil persuni u organizzazzjonijiet li juru interess leġittimu.
•L-għażla tal-istrument
Il-proposta attwali hija emenda tar-4AMLD u tad-Direttiva 2009/101/KE u, għalhekk, hija direttiva.
L-ebda mezzi alternattivi – leġiżlattivi jew operazzjonali – jistgħu jintużaw sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din il-proposta, li huma li jitjieb il-qafas eżistenti li jippermetti s-sistema finanzjarja tipprevjeni l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżgura regoli armonizzati madwar l-Unjoni dwar it-trasparenza korporattiva.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni mmirat li tiżgura parteċipazzjoni vasta tal-partijiet interessati matul iċ-ċiklu tal-politika ta’ din l-inizjattiva, permezz ta’ serje ta’ konsultazzjonijiet immirati (kuntatti bilaterali, laqgħat ma’ partijiet interessati u esperti, konsultazzjonijiet bil-miktub).
F’dak li jikkonċerna l-finanzjament tat-terroriżmu, saru konsultazzjonijiet ma’:
–l-Istati Membri u rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom;
–rappreżentanti tal-Parlament Ewropew;
–rappreżentanti tas-settur tas-servizzi tal-pagament (skemi tal-kards, emittenti ta’ kards imħallsin minn qabel, assoċjazzjoni rappreżentattiva);
–atturi rilevanti fis-swieq tal-muniti virtwali; pjattaformi ta’ skambju, fornituri tal-kartieri, grupp rappreżentattiv ta’ partijiet interessati tal-muniti virtwali;
–partijiet interessati li jappartjenu għas-settur bankarju u finanzjarju;
–Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (EU FIU Platform);
–l-Europol,
–organizzazzjonijiet tal-konsumatur;
–il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Sabiex tiġbor id-data, il-Kummissjoni bagħtet numru ta’ kwestjonarji / stħarriġ. F’Diċembru 2015, l-Istati Membri (UIF u l-awtoritajiet pubbliċi) kienu mitlubin jesploraw l-oqsma problematiċi li fuqhom kien hemm qbil f’relazzjoni mal-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġbru fehmiet u data tal-politika. L-Istati Membri kollha kienu taw risposta sat-22 ta’ Jannar 2016. Il-kwestjonarju kopra: kif l-awtoritajiet nazzjonali jiġbru d-data biex jiskopru u jivvalutaw attivitajiet terroristiċi suspettati u kif hija użata din l-informazzjoni; immappjar tal-eżistenza ta’ reġistri ċentralizzati tal-banek nazzjonali u kontijiet tal-pagament, jew mekkaniżmi oħrajn simili, bħalma huma sistemi ċentrali għall-irkupru tad-data, u f’liema firxa din l-informazzjoni tista’ tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali għall-iskoperta tal-finanzjament tat-terroriżmu; eżami tal-istruttura tas-suq u kwalunkwe risposti regolatorji f’livell nazzjonali għal strumenti mħallsin minn qabel u muniti virtwali, u l-firxa li fiha dawn l-istrumenti kienu użati għall-finanzjament tat-terroriżmu; l-indirizzar tal-flussi finanzjarji li ġejjin minn pajjiżi terzi b’riskju għoli permezz ta’ żieda fil-miżuri tad-diliġenza dovuta / kontromiżuri.
Fir-rigward tal-emendi proposti sabiex tiżdied it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u ta’ entitajiet korporattivi, l-emendi proposti kienu abbozzati f’konformità mal-fehmiet espressi mill-Istati Membri fil-Kunsill informali tal-ECOFIN tat-22 ta’ April 2016, filwaqt li fl-istess ħin twieġbu t-talbiet ifformulati mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri matul seminars ta’ traspożizzjoni għad-Direttiva 2014/107/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.
•Il-Valutazzjoni tal-Impatt
Il-Valutazzjoni tal-Impatt hija bbażata fuq rapporti rilevanti maħruġin mill-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Europol, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), u l-FATF. Hija bbażata wkoll fuq data magħmula disponibbli lill-pubbliku mill-midja internazzjonali.
Hija tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:
(1)tranżazzjonijiet suspettużi li jinvolvu pajjiżi terzi b’riskju għoli mhumiex issorveljati b’mod effiċjenti minħabba rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijenti mhux ċari u mhux ikkoordinati;
(2)tranżazzjonijiet suspettużi magħmulin permezz ta’ muniti virtwali mhumiex issorveljati biżżejjed mill-awtoritajiet, li mhumiex f’qagħda li jabbinaw it-tranżazzjonijiet ma’ persuni identifikati;
(3)Miżuri attwali biex itaffu l-ħasil tal-flus u r-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati ma’ strumenti anonimi mħallsin minn qabel mhumiex suffiċjenti;
(4)l-UIF għandhom limitazzjonijiet biex jiżguraw l-aċċess fil-ħin għal – u l-iskambju ta’ – informazzjoni miżmuma minn entitajiet marbutin b’obbligu;
(5)l-UIF għandhom in-nuqqas ta’ aċċess, jew għandhom aċċess tardiv, għal informazzjoni dwar l-identità ta’ detenturi ta’ kontijiet tal-bank u tal-pagament.
Kienu evalwati għażliet mhux leġiżlattivi biex ikunu ttrattati l-kwistjonijiet identifikati. Il-Kummissjoni tista’ (i) tifformola l-aħjar prattiki biex tegħleb l-ostakoli prattiċi identifikati f’eżerċizzju tal-immappjar, li fil-preżent qiegħed jitwettaq fil-pjattaforma tal-UIF; (ii) tifformola rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri (fuq bażi kkonforma jew spjega) sabiex jiġu mmitigati r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu identifikati matul il-valutazzjoni supranazzjonali tar-riskju li qed issir fil-preżent; u (iii) tapprofondixxi l-involviment tagħha f'fora internazzjonali li jittrattaw il-finanzjament kontra t-terroriżmu sabiex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni f’dan il-qasam strateġiku.
Il-bżonn li jkunu fformolati dispożizzjonijiet regolatorji speċifiċi nżamm bħala essenzjali u l-għażla l-aktar xierqa.
Fir-rigward tat-titjib tal-effettività tal-politika tal-UE għal pajjiżi terzi b’riskju għoli, kienu eżaminati tliet għażliet regolatorji. L-għażla li nżammet kienet li r-4AMLD tkun immodifikata billi tkun ipprovduta lista preskrittiva ta’ miżuri sabiex tiżdied id-diliġenza dovuta mal-klijent biex jiġu applikati minn entitajiet marbutin b’obbligu, flimkien ma’ lista illustrattiva ta’ kontromiżuri li jistgħu jiġu applikati meta jiġu ttrattati pajjiżi terzi b’riskju għoli kif iddisinjati mill-Kummissjoni.
Fir-rigward tat-titjib fl-iskoperta ta’ tranżazzjonijiet suspettużi b’munita virtwali, kienu eżaminati sitt għażliet regolatorji. L-għażla li nżammet tikkonsisti minn kombinazzjoni ta’ mezzi, jiġifieri (i) li pjattaformi għall-iskambju ta’ muniti virtwali u (ii) fornituri tal-kartieri ta’ kustodja jinġiebu fl-ambitu tad-Direttiva, filwaqt (iii) li jingħata aktar żmien biex ikunu kkunsidrati l-għażliet fir-rigward ta’ sistema ta’ awtoidentifikazzjoni volontarja tal-utenti tal-munita virtwali.
Sa fejn huwa kkonċernat it-tnaqqis tal-abbuż tal-ħlas minn qabel anonimu, kienu eżaminati ħames għażliet regolatorji. Hawnhekk, l-għażla miżmuma tikkonsisti minn kombinazzjoni ta’ mezzi, jiġifieri (i) is-soppressjoni tal-anonimità għall-użu online ta’ kards imħallsin minn qabel rikarikabbli u mhux rikarikabbli, u (ii) it-tnaqqis tal-limitu ta’EUR 250 eżistenti għal kards anonimi mħallsin minn qabel għal EUR 150 meta użati wiċċ imb wiċċ.
Sabiex jitjieb l-aċċess tal-UIF għal – u l-iskambju ta’ – informazzjoni miżmuma minn entitajiet marbutin b’obbligu, kienu eżaminati żewġ għażliet regolatorji. L-għażla miżmuma trid tikkjarifika b’mod ulterjuri l-obbligi legali fuq UIF billi jkun allinjat it-test tar-4AMLD bl-istandards internazzjonali l-aktar riċenti dwar is-setgħat li l-UIF jinħtieġ li jkollhom meta jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħand entitajiet marbutin b’obbligu.
Sabiex l-UIF (u potenzjalment awtoritajiet kompetenti oħrajn li huma attivi fil-qasam kontra l-ħasil tal-flus / tal-finanzjament kontra t-terroriżmu) ikunu pprovduti b’mekkaniżmu effiċjenti biex ikun żgurat l-aċċess fil-ħin għal informazzjoni dwar l-identità ta’ detenturi ta’ kontijiet tal-bank u tal-pagament, kienu eżaminati tliet għażliet regolatorji. L-għażla li nżammet trid tidħol fis-seħħ bħala mekkaniżmu ċentrali awtomatizzat – pereżempju reġistru ċentrali jew sistema għall-irkupru tad-data elettronika – f’livell tal-Istati Membri, li jippermetti l-identifikazzjoni veloċi tad-detenturi tal-kontijiet. Il-mekkaniżmu jkun direttament aċċessibbli għall-UIF nazzjonali u potenzjalment awtoritajiet kompetenti oħrajn li huma attivi fil-qasam kontra l-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament kontra t-terroriżmu.
It-tieni parti tal-Valutazzjoni tal-Impatt kienet abbozzata speċifikament biex tittratta kwistjonijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ trasparenza u miżuri għar-rimedju tal-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.
L-ewwel kwistjoni ttrattata hija l-monitoraġġ mhux sistematiku tas-sidien benefiċjarji eżistenti ta’ klijenti eżistenti bħalma huma trusts, arranġamenti legali oħrajn u entitajiet ġuridiċi bħalma huma fondazzjonijiet. Dan jippermetti l-evażjoni tal-istandards tat-trasparenza tal-UE eżistenti li jinsabu fid-Direttiva 2011/16/UE fuq il-Kooperazzjoni Amministrattiva u opportunità biex jinħbew flus illegali, u jirrikjedi li jiġu stipulati regoli ġodda f’livell tal-Unjoni.
It-tieni kwistjoni vvalutata hija l-pubbliċità u t-trasparenza tar-reġistri dwar is-sjieda benefiċjarja għal entitajiet legali. Ir-4AMLD diġà tistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali, il-ħżin ta’ din l-informazzjoni u l-livelli differenzjati biex tiġi aċċessata. Bil-għan li tali informazzjoni tkun irreġistrata aħjar u biex jiżdied l-aċċess għaliha, il-Valutazzjoni tal-Impatt analizzat għażliet li jvarjaw milli (i) tinżamm f’postha s-sistema attwali għal (ii) li s-sistema fakultattiva fir-4AMLD issir mandatorja u (iii) li jiġi stabbilit l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni. L-għażla li nżammet bħala l-aktar waħda xierqa mill-perspettiva ta’ spejjeż, impatti u leġittimità kienet li tirrikjedi lill-Istati Membri jiżvelaw permezz ta’ reġistru l-informazzjoni benefiċjarja għal kumpaniji u trusts li huma ta’ natura ta’ negozju u arranġamenti legali simili oħrajn, filwaqt li tinżamm in-neċessità li jintwera interess leġittimu għall-aċċess ta’ dik l-informazzjoni fir-rigward ta’ trusts u arranġamenti legali oħrajn li ma jikkwalifikawx bħala natura ta’ negozju.
Addizzjonalment, il-Valutazzjoni tal-Impatt tittratta l-bżonn li tiġi stabbilita skema koerenti u uniformi għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għat-trusts kollha stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, wara li saret analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni attwali u l-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-prattika bl-applikazzjoni tas-sistema ta’ reġistrazzjoni stabbilita mir-4AMLD, kienu analizzati numru ta’ għażliet: (i) iż-żamma tas-sistema attwali; (ii) ir-reġistrazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-liġi regolatorja u (iii) ir-reġistrazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-amministrazzjoni. L-għażla (iii) inżammet bħala l-aktar waħda ta’ benefiċċju u l-aktar waħda ċara, u l-argumenti ta’ sostenn huma indikati: l-inqas għażla ineffiċjenti għall-Istati Membri, l-eħfef waħda biex tiġi applikata.
•Drittijiet fundamentali
L-Artikolu 6(1) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Il-miżuri proposti jinkludu dispożizzjonijiet legali biex tingħata risposta adegwata għal riskji relatati mal-kriminalità finanzjarja, it-theddid terroristiku li qed jevolvi u l-bżonn għal trasparenza miżjuda. Dawn il-miżuri jgħinu biex ikun ittrattat u mnaqqas ir-riskju ta’ attakki terroristiċi. Filwaqt li l-objettiv finali ta’ dawn il-miżuri huwa l-protezzjoni tas-sistema finanzjarja, huma jimmiraw biex joffru l-garanziji kollha sabiex jibbilanċjaw il-bżonn għal sigurtà miżjuda mal-bżonn li jkunu protetti d-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u l-libertajiet ekonomiċi.
Id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta li huma ta’ sinifikat partikolari għal din il-proposta huma s-segwenti: id-dritt għal ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), il-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8) u l-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta).
L-estensjoni tal-ambitu tar-4AMLD għal pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali kienet analizzata kif xieraq mill-perspettiva tad-drittijiet għal ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Il-leġiżlazzjoni AML / CFT tirrikjedi lill-entitajiet obbligati biex ikunu jafu lill-klijenti tagħhom – kif ukoll ċerti persuni oħrajn li mhumiex dejjem klijenti tagħhom (pereż. sidien benefiċjarji) – u jivvalutaw ir-riskji assoċjati magħhom tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (money laundering / terrorist financing, ML / TF). Għal dan il-għan, l-entitajiet marbutin b’obbligu jridu jiġbru, jipproċessaw u jirreġistraw data personali, u kultant jikkondividu tali data mal-awtoritajiet pubbliċi (bħall-UIF) jew ma’ entitajiet privati fl-istess grupp. Dawn ir-rekwiżiti għandhom implikazzjonijiet għal persuni privati filwaqt li għandhom impatt globali fuq is-sigurtà (interess ġenerali). L-emendi proposti huma fformulati f’manjiera ċara u proporzjonata, hekk li jistabbilixxu s-salvagwardji meħtieġa, u l-Kummissjoni tikkunsidra li dan hu neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi taż-żieda fl-effettività tal-ġlieda kontra l-ML / FT u għal konformità ma’ standards internazzjonali ġodda. Addizzjonalment, huma mistennijin effetti pożittivi għall-konsumaturi bħala riżultat tar-regoli proposti dwar il-ħatra ta’ pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali bħala entitajiet marbutin b’obbligu. It-tnaqqis fl-anonimità madwar il-muniti virtwali jikkontribwixxi għal żieda fil-fiduċja mill-utenti tagħhom ta’ rieda tajba.
B’mod simili, ittieħed kont xieraq tal-bżonn li tiġi rrispettata l-libertà tal-intrapriża, u filwaqt li se jkun hemm impatt fuq atturi tas-suq li jsiru entitajiet marbutin b’obbligu u li fil-preżent mhumiex iwettqu xi tip ta’ diliġenza dovuta tal-klijent (customer due diligence, CDD) fuq il-klijenti tagħhom, il-kapaċità li tiġi operata pjattaforma ta’ skambju ta’ muniti virtwali mhijiex affettwata mill-emendi proposti.
Billi huma mnaqqsin il-limiti previsti mir-4AMLD fir-rigward tad-diliġenza dovuta mwettqa għal strumenti mħallsin minn qabel, huwa żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tirrifletti l-prassi tas-suq attwali għal kards mhux rikarikabbli, filwaqt li fl-istess waqt ikunu rrispettati l-bżonnijiet u l-interessi leġittimi tal-utenti ta’ tali kards. L-identifikazzjoni u l-verifika tal-identità tad-detenturi tal-kards tkun mitluba biss lil hinn mil-limitu propost jew meta kard, rikarikabbli jew le, hija użata għax-xiri online.
Ir-regoli rinforzati dwar l-aċċess għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja kienu analizzati bir-reqqa mill-perspettiva li tiżgura r-rispett tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. L-emendi proposti jfittxu li jiżguraw bilanċ xieraq bejn il-bżonn li tkun żgurata l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali u l-bżonn għal aktar trasparenza f’attivitajiet finanzjarji u ekonomiċi. Jekk ikun mogħti l-aċċess pubbliku għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet involuti f’attivitajiet ekonomiċi, huma stabbiliti garanziji addizzjonali għal terzi persuni li jixtiequ jinnegozjaw ma’ dawn il-kumpaniji. Dan jippermetti skrutinju aktar qawwi tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-istampa jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-integrità ta’ tranżazzjonijiet tan-negozju u tas-sistema finanzjarja. Is-sett ta’ data li huwa magħmul disponibbli lill-pubbliku huwa limitat b’mod strett u jikkonċerna biss lis-sidien benefiċjarji fil-kapaċità tagħhom bħala atturi ekonomiċi. Il-kundizzjonijiet taħt liema huwa mogħti l-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja huwa definiti mill-ġdid, u huma stabbiliti regoli ta’ aċċess ċari permezz ta’ emenda għall-1el Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji (id-Direttiva 2009/101/KE), l-att legali tal-Unjoni li jistipula r-regoli dwar l-iżvelar ta’ dokumenti tal-kumpanija u l-validità tal-obbligi li għalihom daħlet kumpanija. Fir-rigward ta’ trusts u entitajiet ġuridiċi oħrajn li jikkwalifikaw bħala ta’ natura intraprenditorjali, id-Direttiva hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “interess leġittimu” bħala kundizzjoni għall-aċċess tal-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni
L-ebda dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta mhuma kkunsidrati neċessarji b’mod addizzjonali għal dawk diġà mitluba mill-Istati Membri permezz tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-preżent kemm fir-4AMLD u d-Direttiva 2009/101/KE.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-emendi għar-4AMLD jimmiraw għal fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:
A. Il-ħatra ta’ pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali bħala entitajiet marbutin b’obbligu
Fil-preżent, l-Artikolu 2 tar-4AMLD jiddefinixxi l-entitajiet obbligati li huma fl-ambitu tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 2, sabiex iżżid mal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu l-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali kif ukoll fornituri tal-kartieri ta’ kustodja. Għal raġunijiet taċ-ċertezza legali, hija proposta wkoll definizzjoni tat-terminu “munita virtwali”.
Kemm f’livell tal-Unjoni kif ukoll internazzjonali, analiżi riċenti pprovdiet għarfien dwar il-funzjonament ta’ muniti virtwali. Kienu enfasizzati numru ta’ riskji speċjalment fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ skambju bejn il-muniti virtwali u muniti ta’ kors legali. It-tranżazzjonijiet b’muniti virtwali jibbenefikaw minn grad ogħla ta’ anonimità minn trasferimenti klassiċi ta’ fondi finanzjarji u għalhekk iġorru riskju li l-munita virtwali tista’ tintuża minn organizzazzjonijiet terroristiċi biex jgħattu trasferimenti finanzjarji. Riskji ulterjuri possibbli huma relatati mal-irriversibbiltà tat-tranżazzjonijiet, il-mezzi biex wieħed jittratta operazzjonijiet frawdolenti, in-natura opaka u teknoloġikament kumplessa tal-industrija, u n-nuqqas ta’ salvagwardji regolatorji.
It-trasferimenti b’munita virtwali mhuma ssorveljati bl-ebda mod mill-awtoritajiet pubbliċi fl-UE, billi ma kienu stipulati l-ebda regoli speċifiċi li jorbtu, la f’livell tal-Unjoni u lanqas mill-Istati Membri individwali, biex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet għal tali monitoraġġ. Sabiex tingħata risposta adegwata għar-riskji, huwa essenzjali li jkun ipprovdut qafas regolatorju għall-funzjonament ta’ skambji kif ukoll ta’ fornituri tal-kartieri ta’ kustodja li joperaw bħala gwardjani biex il-pubbliku jkollu permess jaċċessa l-iskemi varji ta’ muniti virtwali. Bħala entitajiet marbutin b’obbligu skont ir-4AMLD, b’mod simili għall-istituzzjonijiet finanzjarji, dawn jiġu suġġetti għall-obbligu li jimplimentaw miżuri preventivi u jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi.
Il-miżura proposta ma għandha l-ebda effett negattiv fuq il-benefiċċji u l-avvanzi teknoloġiċi ppreżentati bit-teknoloġija tal-ktieb iddistribwit li fuqha huma bbażati l-muniti virtwali. Id-distribuzzjoni elettronika ta’ flus kontanti diġitali toffri effiċjenzi potenzjali u, bil-kontra ta’ flus kontanti fiżiċi, iġġib magħha ktieb ta’ tranżazzjonijiet li huwa assenti fil-każ ta’ flus kontanti fiżiċi. Din il-proposta tieħu kont dovut ta’ dawn il-vantaġġi u tirrikonoxxi l-fatt li muniti virtwali enfasizzaw modi innovattivi għall-gvernijiet biex inaqqsu l-frodi, il-korruzzjoni, żbalji u l-ispejjeż ta’ proċessi b’għadd intensiv ta’ karti. B’mod simili, il-miżura proposta żżomm quddiemha l-fatt li s-suq tal-muniti virtwali għandu l-potenzjal li jistabbilixxi modi ġodda u moderni li bihom jinteraġixxu l-gvernijiet u ċ-ċittadini, f’termini tal-kondiviżjoni tad-data, trasparenza u fiduċja, u jista’ jipprovdi għarfien ġdid dwar l-istabbiliment tas-sjieda u l-provenjenza għal merkanzija u proprjetà intellettwali.
Mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data, huma nnominati entitajiet obbligati ġodda, u dawn se jkollhom jipproċessaw data personali (jiġifieri billi jwettqu d-diliġenza dovuta tal-klijent). Dan l-obbligu ġdid stabbilit għal kunsiderazzjonijiet tal-politika pubblika hu kontrobilanċjat bl-inseriment ta’ definizzjonijiet ċari tal-entitajiet marbutin b’obbligu, li huma informati dwar l-obbligi ġodda li għalihom saru suġġetti (kollezzjoni u l-ipproċessar ta’ data personali finanzjarja online) u l-elementi tal-protezzjoni tad-data li huma speċifiċi għal dawn l-obbligi.
B. Stabbiliment ta’ limiti tat-tranżazzjoni massimi aktar baxxi għal ċerti strumenti mħallsin minn qabel
Skont l-Artikolu 12 tar-4AMLD, kull Stat Membru jista’ jippermetti lil entitajiet marbutin b’obbligu biex ma japplikawx ċerti miżuri tad-diliġenza dovuta tal-klijent (customer due diligence, CDD) fir-rigward tal-flus elettroniċi, f'ċerti kundizzjonijiet. Ir-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu rikonoxxuti fil-preżent u maħluqa minn kards imħallsin minn qabel huma abbinati ma’ kards imħallsin minn qabel bi skop ġenerali (rikarikabbli jew mhux rikarikabbli) eżentati mis-CDD li jaħdmu fuq skemi domestiċi jew internazzjonali u biex jeħfief l-użu ta’ dawn il-kards online.
Il-Kummissjoni tipproponi li (i) il-limiti jkunu mnaqqsin (minn EUR 250 għal EUR 150) fir-rigward ta’ strumenti tal-pagamenti mħallsin minn qabel mhux rikarikabbli li għalihom japplikaw tali miżuri CDD u (ii) li tkun imrażżna l-eżenzjoni CDD għall-użu online ta’ kards imħallsin minn qabel.
Dan iservi aħjar l-għanijiet ta’ identifikazzjoni u jwessa’ r-rekwiżiti għall-verifika tal-klijent. It-tnaqqis tal-anonimità ta’ strumenti mħallsin minn qabel jipprovdi inċentiv biex tali strumenti jintużaw għal skopijiet leġittimi biss, u jagħmilhom inqas attraenti għal għanijiet terroristiċi u kriminali. Fl-istess waqt, il-kards imħallsin minn qabel jibqgħu strument aċċessibbli. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn iġorru valur soċjali, jgħinu biex jippromwovu l-inklużjoni finanzjarja, u jistgħu jkunu strument utli biex jinxtraw l-oġġetti u s-servizzi online u bħala sostitut għall-kontijiet tal-bank.
Il-miżuri proposti huma f’konformità sħiħa mar-regoli diġà stipulati bir-4AMLD fir-rigward ta’ kards imħallsin minn qabel, u ma jeħtiġux obbligi addizzjonali mid-distributuri ta’ tali strumenti.
C. Setgħa għall-UIF biex jitolbu informazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu minn kull entità obbligata
F’konformità mal-impenji li ttieħdu fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 32 tar-4AMLD biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni tal-UIF, billi jiġu allinjati regoli għall-aċċess tagħhom għal informazzjoni mal-istandards internazzjonali l-aktar riċenti.
L-UIF għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni ta’ operazzjonijiet finanzjarji tan-netwerks terroristiċi transfruntiera u fid-detezzjoni tal-finanzjaturi tagħhom. L-istandards internazzjonali l-aktar riċenti jenfasizzaw l-importanza li jiġi estiż l-ambitu ta’ u l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli għall-UIF. Fil-preżent din l-informazzjoni hija limitata f’ċerti Stati Membri bir-rekwiżit li preċedentement ikun sar rapport minn entità marbuta b’obbligu dwar tranżazzjoni suspettuża. L-UIF jinħtieġ li jkunu f’qagħda li jiksbu informazzjoni addizzjonali minn entitajiet marbutin b’obbligu, u jinħtieġ li jkollhom aċċess fuq bażi f’waqtha għal informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-eżekuzzjoni tal-liġi li huma jeħtieġu biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom kif xieraq anki mingħajr ma jkun sar rapport ta’ tranżazzjoni suspettuża.
Il-kjarifika tal-mandat tal-UIF biex jitolbu informazzjoni supplimentari minn kwalunkwe entità obbligata u jkollhom aċċess dirett għal informazzjoni miżmuma minn entitajiet obbligati tiżgura li l-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri kollha hija allinjata mal-istandards internazzjonali. Dan jattrezza lill-UIF aħjar biex jiġbru l-informazzjoni neċessarja biex jivvalutaw rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi b’mod aktar effiċjenti u jħaffu l-iskoperta ta’ attivitajiet relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus. Il-kompitu li jiġu ddefiniti b’mod ulterjuri l-kundizzjonijiet taħt liema tali talbiet għall-informazzjoni jistgħu jsiru jrid jitħalla biex jiġi deċiż mill-Istati Membri. L-Istati Membri b’mod ugwali jżommu d-dritt biex jistabbilixxu b’mod adegwat regoli effettivi u proporzjonati fir-rigward tal-ipproċessar tal-informazzjoni riċevuta. UIF trid tirrispetta r-regoli li jirregolaw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, inklużi proċeduri għall-ġestjoni, ħżin, disseminazzjoni, u protezzjoni ta’ kif ukoll l-aċċess għal tali informazzjoni.
D. Is-setgħa li l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw id-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas
Skont il-premessa 57 tar-4AMLD, l-Istati Membri huma inkoraġġuti jistabbilixxu sistemi tar-reġistri bankarji jew sistemi għall-irkupru tad-data elettronika li jipprovdu lill-UIF b’aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji. Fil-preżent, tali mekkaniżmi huma jew kienu stabbiliti riċentement f’numru ta’ Stati Membri. Madankollu, ma jeżisti l-ebda obbligu biex isir hekk f’livell tal-UE.
Billi mhux fl-Istati Membri kollha huma stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu lill-UIF biex ikollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni dwar l-identità ta’ detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas, xi UIF huma mfixkla fl-iskoperta ta’ flussi finanzjarji kriminali u terroristiċi f’livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-UIF ikkonċernati mhumiex ukoll f’qagħda li jiskambjaw tali informazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom tal-UE u mhux tal-UE, u dan jikkomplika l-azzjoni preventiva transfruntiera.
Il-Kummissjoni tipproponi li tirrikjedi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi ċentralizzati awtomatizzati li jagħtuhom is-setgħa jidentifikaw malajr id-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex jagħżlu bejn l-istabbiliment (i) ta’ reġistru ċentrali, li jkun fih id-data neċessarja li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas, u li jagħti lill-UIF nazzjonali tagħhom stess u lill-awtoritajiet kompetenti AML / CFT aċċess sħiħ u veloċi għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru, u (ii) mekkaniżmi ċentralizzati oħrajn, bħalma huma sistemi għall-irkupru tad-data ċentrali, li jippermettu li jintlaħaq l-istess objettiv.
Meta jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont din id-Direttiva l-UIF u awtoritajiet AML / CFT oħrajn irid ikollhom mezzi effiċjenti biex jidentifikaw il-kontijiet tal-bank u ta’ ħlas kollha fil-pussess ta’ persuna waħda permezz ta’ tiftixa awtomatizzata ċentralizzata. Dan iwassal għal skoperta aktar veloċi - kemm nazzjonalment u internazzjonalment - ta’ tranżazzjonijiet ML / TF suspettużi, u jtejjeb l-azzjoni preventiva.
Dan jagħti lill-Istati Membri libertà suffiċjenti meta jiġu biex jagħżlu l-aħjar mezz biex jiksbu l-mira stabbilita fil-proposta. Meta jistabbilixxu mekkaniżmu ċentrali, l-Istati Membri jfornu l-mekkaniżmu b’sett armonizzat ta’ informazzjoni minima, u, potenzjalment, informazzjoni oħra li huma jikkunsidraw neċessarja u proporzjonata għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn jobbligaw ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati (jew entitajiet oħrajn) biex perjodikament jippreżentaw jew itellgħu din l-informazzjoni fil-mekkaniżmu, u jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tekniċi u legali għall-aċċess għal informazzjoni minn UIF u awtoritajiet kompetenti AML / CFT.
Fl-istess ħin, sabiex tkun irrispettata l-privatezza u tkun protetta d-data personali, tali reġistri jinħtieġ li jaħżnu d-data minima neċessarja għall-prestazzjoni ta’ investigazzjonijiet AML / CFT, is-suġġetti tad-data kkonċernati jinħtieġ li jkunu informati li d-data tagħhom hija rreġistrata u aċċessibbli mill-UIF u huma mogħtijin punt ta’ kuntatt biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ aċċess u rettifika. F’livell nazzjonali, perjodi massimi ta’ żamma (appoġġati b’raġunament adegwat rigward id-dewmien tagħhom) jinħtieġ li jkunu applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ data personali f’reġistri u jinħtieġ li jsir provvediment għall-qerda tagħha ladarba l-informazzjoni ma tkunx għadha meħtieġa għall-għan imsemmi. L-aċċess għal tali reġistri u bażijiet tad-data jinħtieġ li jkun limitat għal bażi ta’ bżonn biss.
E. Armonizzazzjoni tal-approċċ tal-UE lejn pajjiżi terzi b’riskju għoli
L-Artikolu 18 tad-Direttiva jirrikjedi lill-entitajiet marbutin b’obbligu biex japplikaw diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa (enhanced customer due diligence, miżuri ECDD) meta jittrattaw entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi b’riskju għoli. L-Artikolu 9 tar-4AMLD jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tidentifika – permezz ta’ att delegat - pajjiżi terzi b’riskju għoli li għandhom reġimi AML / CFT defiċjenti, u għalhekk jikkostitwixxu riskju importanti għall-finanzjament tat-terroriżmu. Dan l-att delegat irid jiġi adottat – u ppreżentat għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill – f’Lulju 2016.
Madankollu, fil-preżent l-Istati Membri ma għandhomx bżonn jinkludu, fir-reġimi nazzjonali tagħhom, lista speċifika ta’ miżuri ECDD u għalhekk, jeżistu reġimi eteroġeni għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ECDD fil-konfront ta’ pajjiżi b’defiċjenzi.
L-armonizzazzjoni ta’ dawn il-miżuri tevita jew mill-inqas tillimita r-riskju tal-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni skont jekk japplikawx regolamenti aktar stretti jew inqas stretti fil-konfront ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli. Għaldaqstant, huma indirizzati l-lakuni regolatorji li jistgħu jiġu sfruttati għal attivitajiet ML / TF.
Il-miżuri proposti għal ECDD huma konformi għal kollox mal-listi ta’ tali azzjonijiet imħejjija mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, "FATF"). Dawn ikunu kkunsidrati bħala sett minimu ta’ rekwiżiti biex ikunu applikati mill-Istati Membri kollha. L-implimentazzjoni ta’ dan is-sett komplut ta’ ECDD tagħti monitoraġġ aktar komplut tat-tranżazzjoni billi tinkludi kontrolli fuq il-klijent, l-iskop u n-natura tar-relazzjoni ta’ negozju, is-sors tal-fondi, u l-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet. Addizzjonalment, permezz tal-approvazzjoni sistematika tal-maniġment superjuri, l-ipproċessar tat-tranżazzjoni finanzjarja jagħti skrutinju ogħla.
Bl-istess mod, il-lista ta’ kontromiżuri stabbiliti mill-FATF jinħtieġ li tkun riflessa b’mod adegwat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u din il-proposta tistabbilixxi lista mhix eżawrjenti ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu japplikaw.
F. Titjib tal-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
Fl-Artikoli 30 u 31, ir-4AMLD tistabbilixxi regoli dwar il-ġbir, il-ħżin u l-aċċess għal informazzjoni dwar is-sid(ien) benefiċjarju/i aħħari(n) ta’ kumpaniji, trusts u tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali. Fil-preżent, dawn l-entitajiet huma rikjesti jżommu informazzjoni preċiża fuq is-sjieda benefiċjarja tagħhom.
Ir-4AMLD tistabbilixxi approċċ strutturat fir-rigward ta’ entitajiet ġuridiċi, filwaqt li jiġi ddifferenzjat bejn kumpaniji u trusts u arranġamenti legali simili. Il-proposta preżenti żżomm dik l-istruttura.
- Entitajiet korporattivi u entitajiet legali oħrajn
Skont l-Artikolu 30 tar-4AMLD, kull persuna jew organizzazzjoni li turi interess leġittimu tista’ taċċessa informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja. Fil-prattika, strutturi tas-sjieda kumplessi kienu użati biex joskuraw ħoloq għal attivitajiet kriminali, obbligi tat-taxxa, l-involviment ta’ persuni politikament esposti u individwi jew ġurisdizzjonijiet sanzjonati. Fl-istess waqt, approċċi differenti għat-trasparenza madwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija joħolqu wkoll sfidi u konfużjoni għal kumpaniji, li gjeħtieġu jiddedikaw riżorsi sinifikanti għas-sistemi u l-kontrolli tagħhom stess, filwaqt li investituri, azzjonisti, u partijiet interessati oħrajn ikollhom joqogħdu fuq informazzjoni disponibbli pubblikament u aċċessibbli istantanjament dwar il-kontroll u s-sjieda ta’ kumpaniji elenkati.
Il-fehim tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji jinsab fil-qalba tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kriminalità finanzjarja u ta’ strateġiji tal-prevenzjoni għal ditti rregolati. Addizzjonalment, fil-qafas tal-UE, dan l-aspett huwa fil-qalba ta’ rabta bejn ir-reġim preventiv fir-4AMLD u l-liġi tal-kumpaniji, jiġifieri d-Direttiva 2009/101/KE, l-att legali tal-Unjoni li jistipula r-regoli dwar l-iżvelar ta’ dokumenti tal-kumpanija. Il-proposta preżenti tindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ emenda għal din id-Direttiva b’tali mod li l-Istati Membri jkollhom bżonn jiżguraw l-iżvelar obbligatorju (aċċess pubbliku) għal sett limitat ta’ informazzjoni fuq ditti bis-sidien benefiċjarji u entitajiet ġuridiċi involuti f’attivitajiet bi skop ta’ qligħ kif stipulati fl-Artikolu 54 TFUE. Infrastruttura ta’ governanza korporattiva tajba jinħtieġ li tgħaqqad it-trasparenza, il-kontabilità u l-integrità, u dan jinkludi għarfien ta’ sjieda benefiċjarja.
Ir-rekwiżit biex jingħata l-aċċess pubbliku għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għandu bażi soda għaliex jipprovdi garanziji addizzjonali lil terzi persuni li jixtiequ jinnegozjaw ma’ dawn il-kumpaniji. Il-protezzjoni ta’ investituri minoritarji u l-protezzjoni tal-partijiet interessati bħalma huma terzi persuni li jixtiequ jinnegozjaw mal-entità jew l-istruttura tirrikjedi aċċess għal informazzjoni kredibbli dwar is-sjieda, inkluża l-identità tas-sidien fil-kontroll, u l-istrutturi ta’ kontroll tal-kumpaniji u t-trusts bl-istess mod.
L-aċċess pubbliku jippermetti wkoll skrutinju aktar qawwi tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-istampa jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-integrità ta’ tranżazzjonijiet tan-negozju u tas-sistema finanzjarja. Jista’ jikkontribwixxi biex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti legali kemm billi jgħin fl-investigazzjonijiet u permezz ta’ effetti reputazzjonali, sakemm min jista’ jidħol fi tranżazzjonijiet magħhom huwa konxju tal-identità tas-sid(ien) benefiċjarju/i. Jiffaċilita wkoll id-disponibbiltà f’waqtha u effiċjenti ta’ informazzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, involuti fil-ġlieda kontra dawn ir-reati.
- Trusts u arranġamenti legali oħrajn
Ir-4AMLD tagħti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-UIF aċċess fil-ħin għal sjieda benefiċjarja ta’ trusts u arranġamenti legali oħrajn. L-entitajiet marbutin b’obbligu jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni fil-qafas ta’ diliġenza dovuta tal-klijent. L-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja tikkonċerna firxa wiesgħa ta’ arranġamenti legali: trusts espliċiti speċifiċi għal-liġi komuni, iżda wkoll entitajiet simili bħalma huma Treuhand, fiducies jew fideicomiso, u l-arranġamenti legali assimilati kollha bħalma huma l-fondazzjonijiet. Addizzjonalment, ir-regoli attwali jirrikjedu li, fejn trust jiġġenera konsegwenzi tat-taxxa, Stat Membru jrid ikollu reġistru li jinkludi informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja.
Ħafna minn dawn it-trusts u arranġamenti legali simili huma involuti f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali bil-għan li jsir profitt, bħal fil-każ ta’ kumpaniji normali. Għaldaqstant, l-istess argumenti favur l-aċċess pubbliku għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja rigward dan it-tip partikolari ta’ trusts jibqgħu validi. Ir-reġim stabbilit f’livell tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni jrid ikun koerenti u jiżgura l-aċċess pubbliku għal informazzjoni benefiċjarja ta’ din il-kategorija ta’ entitajiet ġuridiċi.
Fl-istess ħin, it-trusts u arranġamenti legali simili jistgħu jiġu stabbiliti wkoll għal skopijiet oħrajn: il-preservazzjoni u l-istabbiliment fuq l-użu ta’ assi tal-familja, miri karitatevoli, jew skopijiet oħrajn ta’ benefiċċju għall-komunità. Tali trusts u arranġamenti legali simili li ma jikkwalifikawx bħala ta’ natura intraprenditorjali jibbenefikaw minn reġim differenti li jikkonċerna l-privatezza. Id-data essenzjali fuq sidien benefiċjarji ta’ tali entitajiet għandha tingħata biss lil persuni jew organizzazzjonijiet b’interess leġittimu. Il-kriterji biex jintwera interess leġittimu wkoll huma kkjarifikati, permezz ta’ premessa.
L-approċċ propost jieħu kont tal-partikolaritajiet ta’ trusts u arranġamenti legali simili. Hekk, irrispettivament mill-kwalifika tagħhom skont il-liġi nazzjonali, qiegħda ssir distinzjoni bejn, fuq naħa waħda, trusts li jikkonsistu minn kwalunkwe proprjetà miżmuma minn jew f’isem persuna li qiegħda twettaq negozju li jikkonsisti minn jew jinkludi l-ġestjoni ta’ trusts, u li taġixxi bħala fiduċjarju ta’ trust fil-kors ta’ dak in-negozju bil-għan li tagħmel profitt, u, fuq in-naħa l-oħra, kwalunkwe trust ieħor.
Elementi addizzjonali
i) Strutturi korporattivi rreġistrati
Kif speċifikat fl-Artikolu 3(6)(a) tar-4AMLD, kriterju biex jiġi identifikat is-sid benefiċjarju ta’ entitajiet korporattivi huwa limitu għal parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 25 % flimkien ma’ sehem wieħed jew interess proprjetarju ta’ aktar minn 25 %. Il-Kummissjoni tipproponi li tnaqqas għal 10 % l-limitu stabbilit fir-4AMLD fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ entitajiet limitati li jippreżentaw riskju speċifiku biex jintużaw għall-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.
Għal entitajiet intermedjarji li ma għandhom l-ebda attività ekonomika u jservu biss biex jiddisassoċjaw lis-sidien benefiċjarji mill-assi, il-limitu ta’ 25 % wieħed jista’ jaħarbu b’mod pjuttost faċli. L-istabbiliment ta’ livell limitu aktar baxx fejn ikun hemm riskju speċifiku jillimita l-ambitu tal-entitajiet li fih l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom jiġbru informazzjoni addizzjonali meta mqabblin ma’ dawk fejn ir-riskju ta’ użu għal skopijiet illegali huwa għoli. Għaldaqstant, dan jippermetti l-iskoperta mtejba ta’ sid(ien) benefiċjarju/i b’enfasi partikolari fuq entitajiet li jiffunzjonaw bħala strutturi intermedjarji, ma jikkreawx dħul waħedhom, iżda l-aktar jikkanalizzaw dħul minn sorsi oħrajn (iddefiniti bħala Entitajiet Mhux Finanzjarji Passivi skont id-Direttiva 2011/16/UE).
ii) Klijenti eżistenti
Skont l-Artikolu 14(5) tar-4AMLD, is-settlor ta’ trust huwa identifikat ladarba tkun saret id-diliġenza dovuta tal-klijent. Il-Kummissjoni tipproponi li titlob monitoraġġ sistematiku tas-sidien benefiċjarji ta’ klijenti eżistenti bħalma huma t-trusts, arranġamenti legali oħrajn u entitajiet ġuridiċi bħalma huma fondazzjonijiet.
Is-sors potenzjali ta’ fondi / assi, fejn normalment ikun jinsab ir-riskju tal-ħasil ta’ flus, ma jistax jiġi vvalutat b’mod kredibbli sakemm jitwettaq tali rieżami sistematiku. In-nuqqas ta’ monitoraġġ sistematiku ma jippermettix l-iskoperta u l-valutazzjoni tar-riskji fil-ħin f’ċerti każijiet. Meta tkun applikata d-diliġenza dovuta tal-klijent għal klijenti eżistenti mmirati, il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-ħin u r-reazzjoni għaliha jistgħu jkunu ostakolati min-nuqqas ta’ informazzjoni aġġornata dwar klijenti li għalhekk joħloq opportunità biex jinħbew flus illegali.
B’mod addizzjonali għar-4AMLD, huma rilevanti regoli oħrajn tal-liġi tal-Unjoni f’dan ir-rigward u jrid jittieħed kont tagħhom. L-ambitu tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont ir-4AMLD jaffettwa direttament lir-reġim ta’ rappurtar skont id-Direttiva 2011/16/UE. Tal-aħħar jirrikjedi lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiksbu awtoċertifikazzjoni fir-rigward ta’ sidien benefiċjarji ta’ Entitajiet Mhux Finanzjarji Passivi li għandhom kontijiet eżistenti minn qabel b’bilanċ ta’ aktar minn USD 1 miljun, kif stabbiliti f’konformità mal-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (Common Reporting Standard, "CRS") żviluppat fil-kuntest
tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
(Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD). Filwaqt li jinbena fuq dan l-obbligu impost fuq l-istituzzjoni finanzjarja biex tikkuntattja l-entità passiva mhux finanzjarja, jistgħu jinkisbu sinerġiji billi dan il-kuntatt jintuża biex tkun aġġornata l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-istandard ta’ għarfien l-aktar riċenti.
iii) Il-post għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni ta’ trusts
Skont l-Artikolu 31 tar-4AMLD, l-Istati Membri jridu jirrikjedu li trusts “[i]rregolat[i] mil-liġi tagħhom” jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali b’mod partikolari dwar il-fiduċjarju. L-istess Artikolu jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu, f’livell nazzjonali, reġistri ċentralizzati ta’ sidien benefiċjarji ta’ trusts li jiġġeneraw konsegwenzi fiskali.
Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi ċċarat li l-Istat Membru li huwa kkonċernat minn dawn l-obbligazzjonijiet ikun dak fejn huwa amministrat it-trust.
Il-kriterji attwali relatati mal-“liġi regolatorja” u “l-ġenerazzjoni ta’ konsegwenzi fiskali” ma jinftehmux b’mod konsistenti u jinħtieġ li jkunu ċċarati. B’mod partikolari, jista’ jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi tat-test attwali tal-Artikolu 31 li, sakemm Stat Membru ma jirrikonoxxix trusts skont il-liġi tiegħu, dak l-Istat Membru mhuwiex suġġett għal kull obbligu tal-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni ta’ trusts amministrati fit-territorju tiegħu. Dan iġib miegħu r-riskju li jkunu kkreati lakuni fir-reġistrazzjoni u mhuwiex konformi mal-objettivi tar-rekwiżiti ta’ trasparenza tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tar-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni għal trusts biss li jiġġeneraw konsegwenzi fiskali mhijiex konsistenti għal kollox mal-obbligu aktar komprensiv skont id-Direttiva biex ikunu identifikati t-tipi kollha ta’ trusts qabel id-dħul f’relazzjoni ta’ negozju.
Id-dispożizzjoni tad-Direttiva attwali hija wkoll inkonsistenti fis-sens li r-rekwiżit attwali tar-reġistrazzjoni jeżenta mir-reġistrazzjoni lit-trusts li, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sistemi tat-taxxa, ma jaqgħux fl-ambitu tar-regoli ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri (pereż. minħabba li ma jkollhom residenza tat-taxxa mkien). Tali trusts mhux biss ma jħallsux taxxi, iżda ma jkunu rreġistrati mkien.
Il-proposta tal-Kummissjoni hija konsistenti mal-Gwida fuq it-Trasparenza u s-Sjieda Benefiċjarja tal-FATF.
iv) Interkonnessjoni ta’ reġistri nazzjonali
Ir-4AMLD tenfasizza l-bżonn li tkun żgurata interkonnessjoni sikura u effiċjenti tar-reġistri nazzjonali dwar is-sjieda benefiċjarja. Il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tfassal rapport sa Ġunju 2019 biex tivvaluta l-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni.
Huwa importanti ħafna li jiġu indirizzati b’mod urġenti r-riskji li jistgħu jkunu ppreżentati minħabba l-użu ħażin transfruntiera ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita interkonnessjoni diretta ta’ dawk ir-reġistri.
L-interkonnessjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, l-UIF u l-entitajiet marbutin b’obbligu biex jidentifikaw is-sidien benefiċjarji bl-aktar mod ħafif u effiċjenti, u żżid ir-rekwiżiti ta’ trasparenza fuq kumpaniji u trusts. Se tippermetti wkoll lill-pubbliku li jaċċessa madwar l-UE l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja.
Kollox ma’ kollox, l-approċċ il-ġdid għat-trasparenza korporattiva u l-aċċess għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja jindirizza l-aspetti kollha li fil-preżent jagħmel lill-iskema ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dik li hi: x’inhu rreġistrat (entitajiet li għalihom hija rreġistrata informazzjoni), fejn trid issir ir-reġistrazzjoni (liema Stat Membru huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ entità), min huwa mogħti aċċess għall-informazzjoni (aċċess aktar ċar għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja), kif ir-reġistri nazzjonali jinħtieġ li jkunu relatati bejniethom.
G. Il-kjarifika ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet eżistenti
(i) Kunċett tal-awtoritajiet kompetenti
Minkejja li ssir referenza għalih matul it-test sħiħ tad-Direttiva, it-terminu “awtoritajiet kompetenti” mhuwiex dejjem ċar. Dan wassal għal interpretazzjonijiet diverġenti madwar l-Unjoni. Din il-proposta tinkludi premessa li tiċċara l-affari.
(ii) Esklużjoni ta’ kards b’ċiklu magħluq
Kards b’ċiklu magħluq huma kards imħallsin minn qabel li jistgħu jintużaw għall-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi fil-post tan-negozju biss tal-emittent jew f'netwerk limitat ta’ fornituri tas-servizz skont ftehim kummerċjali dirett ma’ emittent professjonali, jew li jistgħu jintużaw biss għall-akkwist ta’ firxa limitata ħafna ta’ oġġetti u servizzi. Filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni r-riskji limitati ħafna tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu abbinati ma’ kards b’ċiklu magħluq, dawn huma barra mill-ambitu tad-definizzjoni ta’ flus elettroniċi għall-iskopijiet tar-4AMLD, li huwa konsistenti mal-approċċ fid-Direttiva 2009/110/KE.
(iii) Konsistenza sħiħa mad-dispożizzjonijiet fuq l-identifikazzjoni elettronika
Wieħed mill-objettivi tar-4AMLD huwa li jiġu identifikati u vverifikati kif xieraq il-partijiet (kemm jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi) ta’ tranżazzjoni u / jew pagament. Għalhekk, l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji (regolati mir-Regolament eIDAS) huma rilevanti meta jinfetħu kontijiet bankarji jew jiġu aċċessati fondi u / jew għal-lokalizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet elettroniċi. Fil-preżent, il-qafas eIDAS huwa wieħed mill-pedamenti tas-Suq Uniku Diġitali li jkopri l-elementi kollha ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi.
Ir-4AMLD jinħtieġ li tkun aġġornata biex tieħu kont tal-qafas legali ġdid fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ skemi u mezzi nnotifikati tal-identità elettronika, billi ssir referenza ċara għall-mezzi tekniċi stabbiliti fir-Regolament eIDAS filwaqt li tiġi eliminata kull inkompatibbiltà potenzjali.
Tabilħaqq, ir-referenzi għal mezzi elettroniċi tal-identifikazzjoni kif stabbiliti mir-Regolament eIDAS iridu jiġu inklużi fl-Artikolu 13(1), l-Artikolu 27(2), l-Artikolu 40(1)(a) u (b) kif ukoll l-Anness III tar-4AMLD. Il-kopji tad-dokumenti oriġinali kif ukoll dikjarazzjonijiet, attestamenti jew kredenzjali elettroniċi jinħtieġ li jkunu rikonoxxuti bħala mezz validu ta’ prova tal-identità skont ir-4AMLD.
2016/0208 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali ewlieni fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Din id-Direttiva, li trid tkun trasposta sas-26 ta’ Ġunju 2017, tistabbilixxi qafas komprensiv biex jindirizza l-ġbir ta’ flus jew proprjetà għal skopijiet terroristiċi billi tirrikjedi lill-Istati Membri jidentifikaw, jifhmu u jimmitigaw ir-riskji marbutin mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
(2)L-attakki terroristiċi riċenti xehdu dawl fuq xejriet emerġenti ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod ta’ kif il-gruppi terroristiċi jiffinanzjaw u jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom. Ċerti servizzi tat-teknoloġija moderna qegħdin isiru aktar u aktar popolari bħala sistemi alternattivi tal-finanzjament u għadhom barra mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew jibbenefikaw minn eżenzjonijiet li jaf ma għadhomx iġġustifikati. Sabiex wieħed iżomm mal-pass tax-xejriet li qegħdin jevolvu, jinħtieġ li jittieħdu miżuri ulterjuri biex jittejjeb il-qafas preventiv eżistenti.
(3)Filwaqt li l-għanijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 jinħtieġ li jiġu segwiti, kwalunkwe emendi għal din id-Direttiva jinħtieġ li jkunu konsistenti mal-azzjoni li qiegħda tieħu l-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà indikat il-ħtieġa għal miżuri biex ikun indirizzat il-finanzjament tat-terroriżmu b’manjiera aktar effettiva u komprensiva, filwaqt li ġie enfasizzat li l-infiltrazzjoni tas-swieq finanzjarji tippermetti l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sat-18 ta’ Diċembru 2015 ukoll enfasizzaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni ulterjuri b’mod rapidu kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fid-dominji kollha.
(4)Il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni biex ittejjeb b’mod ulterjuri l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmuli tenfasizza l-bżonn ta’ adattament għal theddid ġdid u li tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2015/849 għal dan il-għan.
(5)Il-miżuri tal-Unjoni jridu jirriflettu wkoll b’mod preċiż l-iżviluppi u l-impenji meħudin f’livell internazzjonali. Ir-Riżoluzzjoni 2199(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tħeġġeġ lill-Istati biex jipprevjenu lil gruppi terroristiċi milli jiksbu aċċess għal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
(6)Il-fornituri tas-servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali (jiġifieri muniti ddikjarati li huma valuta legali) kif ukoll fornituri tal-kartieri ta’ kustodja għal muniti virtwali mhuma taħt l-ebda obbligu biex jidentifikaw attività suspettuża. Il-gruppi terroristiċi għalhekk jistgħu jittrasferixxu l-flus fis-sistema finanzjarja tal-Unjoni jew f'netwerks tal-muniti virtwali billi jgħattu t-trasferimenti jew billi jibbenefikaw minn ċertu grad ta’ anonimità fuq dawn il-pjattaformi. Huwa għaldaqstant essenzjali li l-ambitu tad-Direttiva (UE) 2015/849 jiġi estiż b’tali mod li jinkludi l-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja. L-awtoritajiet kompetenti jinħtieġ li jkunu jistgħu jissorveljaw l-użu ta’ muniti virtwali. Dan jipprovdi approċċ bilanċjat u proporzjonali, is-salvagwardja ta’ avvanzi tekniċi u l-grad għoli ta’ trasparenza miksub fil-qasam tal-iffinanzjar alternattiv u l-intraprenditorija soċjali.
(7)Il-kredibbiltà tal-muniti virtwali ma tiżdidx jekk dawn ikunu użati għal skopijiet kriminali. F’dan il-kuntest, l-anonimità ssir aktar xkiel milli valur miżjud għall-bidu tal-muniti virtwali u l-benefiċċji potenzjali tagħhom li jinfirxu. L-inklużjoni ta’ pjattaformi ta’ skambju virtwali u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja mhijiex se tittratta għal kollox il-kwistjoni tal-anonimità marbuta mat-tranżazzjonijiet f’munita virtwali, billi parti kbira mill-ambjent tal-munita virtwali se jibqa’ anonimu billi l-utenti jistgħu jmexxu wkoll mingħajr pjattaformi ta’ skambju jew fornituri tal-kartieri ta’ kustodja. Biex ikunu kkumbattuti r-riskji relatati mal-anonimità, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) nazzjonali jinħtieġ li jkunu jistgħu jassoċjaw indirizzi tal-munita virtwali mal-identità tas-sid tal-muniti virtwali. Addizzjonalment, jinħtieġ li tkun ivvalutata b’mod ulterjuri l-possibbiltà li l-utenti jkunu jistgħu jiddikjaraw huma stess lill-awtoritajiet maħtura fuq bażi volontarja.
(8)Il-muniti lokali (magħrufin ukoll bħala muniti kumplimentari) li huma użati f’netwerks limitati ħafna bħalma huma belt jew reġjun u fost numru żgħir ta’ utenti ma jinħtiġx li jkunu kkunsidrati muniti virtwali.
(9)Meta jittrattaw persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi ta’ riskju għoli, l-Istati Membri jridu jirrikjedu lill-entitajiet marbutin b’obbligu biex japplikaw miżuri għal żieda fid-diliġenza dovuta tal-klijent biex jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskji. Għaldaqstant f’livell nazzjonali kull Stat Membru jiddetermina t-tip ta’ miżuri għal diliġenza dovuta msaħħa li jridu jittieħdu fil-konfront ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli. Dawn l-approċċi differenti bejn l-Istati Membri jikkreaw punti dgħajfin fuq il-ġestjoni tar-relazzjoni ta’ negozju li tinvolvi pajjiżi terzi ta’ riskju għoli kif identifikati mill-Kummissjoni. Dawn il-lakuni jistgħu jiġu sfruttati minn terroristi biex jikkanalizzaw fondi lejn jew barra s-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Huwa importanti li titjieb l-effettività tal-lista ta’ pajjiżi terzi ta’ riskju għoli stabbilita mill-Kummissjoni billi jkun ipprovdut trattament armonizzat ta’ dawn il-pajjiżi f’livell tal-Unjoni. Dan l-approċċ armonizzat jinħtieġ li primarjament jiffoka fuq miżuri għaż-żieda tad-diliġenza dovuta tal-klijent. Madankollu, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu jinħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw miżuri addizzjonali tal-mitigazzjoni minbarra l-miżuri għal diliġenza dovuta tal-klijent msaħħa, f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jsejħu għall-applikazzjoni ta’ kontromiżuri xierqa biex jipproteġu s-sistema finanzjarja internazzjonali mir-riskji attwali u sostanzjali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li joħorġu minn pajjiżi. L-Istati Membri jinħtieġ li jippromulgaw u japplikaw miżuri addizzjonali tal-mitigazzjoni rigward pajjiżi terzi b’riskju għoli identifikati mill-Kummissjoni billi jieħdu kont tas-sejħiet għal kontromiżuri bħal dawk espressi mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).
(10)B’kont meħud tan-natura ta’ theddid u vulnerabbiltajiet ML / TF, l-Unjoni jinħtieġ li tadotta approċċ integrat dwar il-konformità tar-reġimi nazzjonali AML / CFT mar-rekwiżiti f’livell tal-Unjoni, billi tieħu inkonsiderazzjoni valutazzjoni tal-effettività ta’ dawk ir-reġimi nazzjonali. Għall-iskop tal-monitoraġġ tat-traspożizzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-Unjoni fir-reġimi nazzjonali, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom u l-kapaċità tagħhom biex ilestu reġim preventiv b’saħħtu fil-qasam, il-Kummissjoni jinħtieġ li tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq ir-reġimi ta’ riskju nazzjonali, li għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal dawk imwettqin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, bħalma huma l-FATF jew il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL).
(11)Kards imħallsin minn qabel bi skop ġenerali għandhom użi leġittimi u jikkostitwixxu strument li jikkontribwixxi għall-inklużjoni finanzjarja. Madankollu, kards anonimi mħallsin minn qabel jistgħu faċilment jintużaw fil-finanzjament ta’ attakki u l-loġistika terroristiċi. Huwa għaldaqstant essenzjali li t-terroristi jkunu mċaħħdin minn dan il-mezz biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom, billi jkomplu jitnaqqsu l-limiti u l-ammonti massimi taħt liema l-entitajiet obbligati jistgħu ma japplikawx ċerti miżuri għad-diliġenza dovuta tal-klijent ipprovduti mid-Direttiva (UE) 2015/849. Għalhekk, filwaqt li jittieħed il-kont dovut tal-bżonnijiet tal-klijenti meta jużaw strumenti mħallsin minn qabel bi skop ġenerali u mingħajr il-prevenzjoni ta’ użu ta’ tali strumenti għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u finanzjarja, huwa essenzjali li jitnaqqsu l-limiti eżistenti għal kards anonimi mħallsin minn qabel bi skop ġenerali u tkun imrażżna l-eżenzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijent għall-użu online tagħhom.
(12)Filwaqt li l-użu ta’ kards anonimi mħallsin minn qabel maħruġin fl-Unjoni huwa essenzjalment limitat għat-territorju tal-Unjoni biss, dan mhuwiex dejjem il-każ b’kards simili maħruġin f’pajjiżi terzi. Huwa għaldaqstant importanti li jiġi żgurat li kards anonimi mħallsin minn qabel maħruġin barra mill-Unjoni jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss fejn jistgħu jkunu kkunsidrati li jikkonformaw ma’ rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Ir-regola jinħtieġ li tkun ippromulgata f’konformità sħiħa mal-obbligi tal-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali, speċjalment id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi.
(13)L-UIF għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni ta’ operazzjonijiet finanzjarji tan-netwerks terroristiċi, speċjalment transfruntiera, u fid-detezzjoni tal-finanzjaturi tagħhom. Minħabba n-nuqqas ta’ standards internazzjonali preskrittivi, l-UIF għad għandhom differenzi sinifikanti fir-rigward tal-funzjonijiet, kompetenzi u setgħat tagħhom. Dawn id-differenzi madankollu ma għandhomx jaffettwaw l-attività ta’ UIF, partikolarment il-kapaċità tagħha li tiżviluppa analiżi preventivi bħala appoġġ tal-awtoritajiet kollha inkarigati b’attivitajiet tal-intelligence, investigattivi u ġudizzjarji, u l-kooperazzjoni internazzjonali. L-UIF jinħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni u jkunu f’qagħda li jiskambjawha mingħajr impedimenti, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni xierqa mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Fil-każijiet kollha ta’ kriminalità ssuspettata u, partikolarment, f’każijiet li jinvolvu l-finanzjament tat-terroriżmu, l-informazzjoni jinħtieġ li tgħaddi direttament u malajr mingħajr dewmien bla bżonn. Għaldaqstant huwa essenzjali li tkompli tissaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tal-UIF, billi jiġu ċċarati s-setgħat ta’ u l-kooperazzjoni bejn l-UIF.
(14)L-UIF jinħtieġ li jkunu f’qagħda li jakkwistaw minn xi entità marbuta b’obbligu l-informazzjoni neċessarja kollha relatata mal-funzjonijiet tagħhom. L-aċċess bla rbit għal informazzjoni huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-flussi tal-flus jistgħu jiġu traċċati kif xieraq u li n-netwerks u l-flussi illegali huma skoperti fi stadju bikri. Meta l-UIF ikollhom il-bżonn jiksbu informazzjoni addizzjonali minn entitajiet marbutin b’obbligu fuq il-bażi ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus, tali suspett jista’ jiġi attivat minn rapport preċedenti dwar tranżazzjoni suspettuża rrapportat lill-UIF, iżda anki permezz ta’ mezzi oħrajn bħalma hi l-analiżi tal-UIF stess, intelligence pprovduta minn awtoritajiet kompetenti jew informazzjoni ta’ UIF oħra. L-UIF jinħtieġ li għalhekk ikunu f’qagħda li jiksbu informazzjoni minn xi entità marbuta b’obbligu, anki mingħajr rapport preċedenti li jkun sar mill-entità individwali marbuta b’obbligu. UIF jinħtieġ ukoll li tkun f’qagħda li tikseb tali informazzjoni b'talba magħmula minn UIF oħra tal-Unjoni kif ukoll li tiskambja l-informazzjoni mal-UIF rikjedenti.
(15)L-aċċess tardiv għal informazzjoni tal-UIF u awtoritajiet kompetenti oħrajn fuq l-identità tad-detenturi tal-kontijiet bankarji u ta’ ħlas ixekkel id-detezzjoni ta’ trasferimenti ta’ fondi relatati mat-terroriżmu. Id-data nazzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas li jappartjenu għal persuna waħda hija frammentata u għaldaqstant mhux aċċessibbli għall-UIF u awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-ħin. Huwa għalhekk essenzjali li jiġu stabbiliti mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħalma huma sistemi tar-reġistru jew tal-irkupru tad-data fl-Istati Membri kollha bħala mezz effiċjenti għall-aċċess f’waqtu ta’ informazzjoni fuq l-identità tad-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ ħlas, id-detenturi ta’ prokura tagħhom, u s-sidien benefiċjarji tagħhom.
(16)Sabiex tkun irrispettata l-privatezza u tkun protetta d-data personali, tali reġistri jinħtieġ li jaħżnu l-minimu tad-data neċessarju għall-prestazzjoni tal-investigazzjonijiet AML. Is-suġġetti tad-data kkonċernati jinħtieġ li jkunu informati li d-data tagħhom hija rreġistrata u aċċessibbli mill-UIF u jinħtieġ li jingħataw punt ta’ kuntatt biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ aċċess u rettifika. Waqt it-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jinħtieġ li jistabbilixxu perjodi massimi ta’ żamma (appoġġati b’raġunament adegwat rigward id-dewmien tagħhom) għar-reġistrazzjoni ta’ data personali f’reġistri u jipprovdu għall-qerda tagħha ladarba l-informazzjoni ma tkunx għadha meħtieġa għall-għan imsemmi. L-aċċess għar-reġistri u bażijiet tad-data jinħtieġ li jkun limitat għal bażi ta’ bżonn biss.
(17)L-identifikazzjoni preċiża u l-verifika tad-data ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu. L-iżviluppi tekniċi l-aktar riċenti fid-diġitalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-pagamenti jagħtu s-setgħa ta’ identifikazzjoni sigura remota jew elettronika. Dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinħtieġ li jittieħdu inkonsiderazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskemi notifikati tal-identifikazzjoni elettronika u mezzi li joffru livell għoli ta’ għodod siguri u jipprovdu punt ta’ referenza li kontrih jistgħu jiġu kkontrollati l-metodi ta’ identifikazzjoni stabbiliti f’livell nazzjonali. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti kopji elettroniċi siguri ta’ dokumenti oriġinali kif ukoll dikjarazzjonijiet, attestamenti jew kredenzjali elettroniċi bħala mezz validu tal-identità.
(18)Il-limitu tas-sjieda benefiċjarja stabbilit fl-Artikolu 3(6)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ma jiddistingwixxix bejn entitajiet korporattivi kummerċjali ġenwini u dawk li ma għandhomx negozju attiv u huma fil-biċċa l-kbira użati bħala struttura intermedjarja bejn l-assi jew id-dħul u s-sid benefiċjarju aħħari. Għal tal-aħħar, il-limitu stabbilit huwa evitat faċilment, li jwassal biex ma jkunx hemm identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi li fl-aħħar mill-aħħar jikkontrollaw l-entità legali. Sabiex tkun iċċarata aħjar l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja fir-rigward tal-istrutturi intermedjarji li jadottaw forma korporattiva, huwa neċessarju li jiġi stabbilit limitu speċifiku li minnu tirriżulta indikazzjoni tas-sjieda.
(19)L-approċċ għar-rieżami ta’ klijenti eżistenti fil-qafas attwali jiddependi minn approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Madankollu, b’kont meħud tal-riskju ogħla għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u reati predikati assoċjati ma’ xi strutturi intermedjarji, dak l-approċċ jaf ma jippermettix id-detezzjoni fil-ħin u l-valutazzjoni tar-riskji. Huwa għalhekk importanti li jiġi żgurat li ċerti kategoriji speċifikati b’mod ċar ta’ klijenti diġà eżistenti huma wkoll issorveljati fuq bażi metodika.
(20)L-Istati Membri fil-preżent huma meħtieġa jiżguraw li l-entitajiet legali inkorporati fit-territorju tagħhom jakkwistaw u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali fuq is-sjieda benefiċjarja tagħhom. Il-ħtieġa għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sid benefiċjarju hija fattur importanti fil-lokalizzazzjoni ta’ kriminali li inkella jistgħu jkunu f’qagħda li jaħbu l-identità tagħhom wara struttura korporattiva. Is-sistema finanzjarja interkonnessa globalment tagħmilha faċli biex wieħed jaħbi u jmexxi fondi madwar id-dinja, u l-ħassiela tal-flus u l-finanzjaturi tat-terroriżmu kif ukoll kriminali oħrajn aktar ma jmur għamlu użu minn dik il-possibbiltà.
(21)Il-fattur speċifiku li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts u arranġamenti legali simili jinħtieġ li jiġi ċċarat. Sabiex jiġi evitat li, minħabba differenzi fis-sistemi legali tal-Istati Membri, ċerti trusts ma jkunux issorveljati jew irreġistrati mkien fl-Unjoni, it-trusts u l-arranġamenti legali simili kollha jinħtieġ li jkunu rreġistrati fejn dawn qegħdin jiġu amministrati. Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni effettivi ta’ informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts, hija neċessarja wkoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
(22)L-aċċess pubbliku permezz ta’ żvelar obbligatorju ta’ ċerta informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja ta’ kumpaniji jipprovdi garanziji addizzjonali lil terzi persuni li jixtiequ jinnegozjaw ma’ dawk il-kumpaniji. Ċerti Stati Membri ħadu passi jew ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu informazzjoni inkluża f’reġistri tas-sjieda benefiċjarja disponibbli lill-pubbliku. Il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha qegħdin jagħmlu informazzjoni pubblikament disponibbli jew differenzi fl-informazzjoni disponibbli u l-aċċessibbiltà tagħha jista’ jwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni ta’ terzi persuni fl-Unjoni. F’suq intern li jiffunzjona sew, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni biex ikunu evitati distorsjonijiet.
(23)L-aċċess pubbliku jippermetti wkoll skrutinju aktar qawwi tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-istampa jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-integrità ta’ tranżazzjonijiet tan-negozju u tas-sistema finanzjarja. Jista’ jikkontribwixxi biex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali kemm billi jgħin fl-investigazzjonijiet u permezz ta’ effetti reputazzjonali, sakemm min jista’ jidħol fi tranżazzjonijiet magħhom huwa konxju tal-identità tas-sidien benefiċjarji. Jiffaċilita wkoll id-disponibbiltà f’waqtha u effiċjenti ta’ informazzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, involuti fil-ġlieda kontra dawn ir-reati.
(24)Il-kunfidenza fis-swieq finanzjarji mill-investituri u l-pubbliku ġenerali tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-eżistenza ta’ reġim preċiż għall-iżvelar li jipprovdi t-trasparenza fis-sjieda benefiċjarja u l-istrutturi tal-kontroll tal-kumpaniji. Dan huwa partikolarment veru għal sistemi ta’ governanza korporattiva li huma kkaratterizzati minn sjieda kkonċentrata, bħalma hija dik fl-Unjoni. Fuq naħa waħda, investituri kbar bi drittijiet sinifikanti tal-votazzjoni u tal-fluss tal-flus jistgħu jinkoraġġixxu t-tkabbir fuq terminu twil u l-prestazzjoni tad-ditta. Min-naħa l-oħra, madankollu, il-kontroll tas-sidien benefiċjarji bi blokok tal-votazzjoni kbar jista’ jkollu inċentivi biex ikunu ddevjati assi korporattivi u opportunitajiet għall-gwadann personali għad-detriment ta’ investituri minoritarji.
(25)L-Istati Membri jinħtieġ li għalhekk jippermettu l-aċċess għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja b’mod biżżejjed koerenti u koordinat, permezz tar-reġistri ċentrali li fihom l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja, billi tkun stabbilita regola ċara tal-aċċess pubbliku, hekk li terzi persuni jkunu f’qagħda li jaċċertaw, madwar l-Unjoni, min huma s-sidien benefiċjarji ta’ kumpaniji. Għaldaqstant huwa neċessarju li tkun emendata d-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex ikunu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-iżvelar tal-informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, partikolarment biex ikunu protetti l-interessi ta’ terzi persuni.
(26)Jinħtieġ li jiġi mfittex bilanċ ġust b’mod partikolari bejn l-interess tal-pubbliku ġenerali fit-trasparenza korporattiva u fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Is-sett ta’ data li jrid ikun magħmul disponibbli lill-pubbliku jinħtieġ li jkun limitat, definit b’mod ċar u eżawrjenti, u jinħtieġ li jkun ta’ natura ġenerali, b’tali mod li jkun imminimizzat il-preġudizzju potenzjali għas-sidien benefiċjarji. Fl-istess ħin, informazzjoni magħmula disponibbli lill-pubbliku ma jinħtiġx li tiddifferenzja ruħha b’mod sinifikanti mid-data miġbura fil-preżent. Sabiex tkun limitata l-interferenza mad-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tagħhom b’mod ġenerali u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom b’mod partikolari, din l-informazzjoni jinħtieġ li essenzjalment tkun marbuta mal-istatus tas-sidien benefiċjarji ta’ negozji u trusts, u jinħtieġ li tikkonċerna b’mod strett l-isfera ta’ attività ekonomika li fiha joperaw is-sidien benefiċjarji.
(27)L-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jinħtieġ li jiġi ddisinjat b’tali mod li jagħti lill-gvernijiet u r-regolaturi l-opportunità li jirrispondu malajr għal tekniki alternattivi tal-investiment, bħalma huma derivattivi ta’ ekwità ssaldati fi flus. Fuq naħa waħda, il-maġġoranza leġittima tal-ishma ma jinħtiġx li tkun skoraġġuta milli tieħu rwol attiv fil-maniġment tal-monitoraġġ f’kumpaniji elenkati. Għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji li aktar ma jmur saru kumplessi u orjentati internazzjonalment, huwa essenzjali li r-regoli legali u r-rekwiżiti li jippermettu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq livell internazzjonali jkunu disponibbli u implimentati effettivament mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali.
(28)Id-data personali tas-sidien benefiċjarji jinħtieġ li tkun żvelata pubblikament sabiex itterzi persuni u s-soċjetà ċivili inġenerali jkunu jistgħu jkunu jafu min huma s-sidien benefiċjarji. L-iskrutinju pubbliku miżjud jikkontribwixxi biex jipprevjeni l-użu ħażin tal-entitajiet legali u arranġamenti legali, inkluż l-evitar tat-taxxa. Għaldaqstant, huwa essenzjali li din l-informazzjoni tibqa’ pubblikament disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri għal 10 snin wara li l-kumpanija tkun inqatgħet mir-reġistru. Madankollu, l-Istati Membri jinħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu bil-liġi għall-ipproċessar tal-informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja, inkluża d-data personali għal skopijiet oħrajn jekk tali pproċessar għandu objettiv ta’ interess pubbliku u jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika għall-mira leġittima segwita.
(29)Barra minn hekk, bl-istess għan li jkun żgurat approċċ proporzjonat u bbilanċjat u biex ikunu ggarantiti d-drittijiet għal ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, l-Istati Membri jinħtieġ li jipprovdu għal eżenzjonijiet fl-iżvelar ta’ u fl-aċċess għal informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja fir-reġistri, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn l-informazzjoni tesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta’ frodi, ħtif ta’ persuna, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni.
(30)Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE , li se tkun sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva.
(31)Bħala konsegwenza, il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom hija miżmuma fir-reġistri nazzjonali bħala informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja jinħtieġ li jkunu informati dwar il-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom qabel ma ssir il-pubblikazzjoni. Barra minn hekk, id-data personali li hija aġġornata biss u li tikkorrispondi mas-sidien benefiċjarji attwali jinħtieġ li tkun magħmula disponibbli u l-benefiċjarji jinħtieġ li jkunu informati dwar id-drittijiet tagħhom skont il-qafas legali tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680, u l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.
(32)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata minn awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, li se tkun sostitwita bid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(33)Fil-preżent, kumpaniji u entitajiet legali simili attivi fl-Unjoni huma taħt l-obbligazzjoni li jirreġistraw l-informazzjoni tagħhom tas-sjieda benefiċjarja, filwaqt li l-istess obbligazzjoni ma tapplikax għat-trusts kollha u arranġamenti legali oħrajn li jippreżentaw karatteristiċi simili bħat-Treuhand, fiducies jew fideicomiso stabbiliti fl-Unjoni. B’ħarsa li jiġi żgurat li s-sidien benefiċjarji tal-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti legali kollha li joperaw fl-Unjoni huma identifikati kif suppost u ssorveljati b'sett ta’ kundizzjonijiet koerenti u ekwivalenti, regoli rigward ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts mill-fiduċjarji tagħhom jinħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dawk fis-seħħ fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ kumpaniji.
(34)Huwa essenzjali li jittieħed kont tal-partikolaritajiet ta’ trusts u arranġamenti legali simili, sa fejn hija kkonċernata informazzjoni pubblikament disponibbli fuq is-sid benefiċjarju tagħhom. Irrispettivament mill-kwalifika tagħhom skont il-liġi nazzjonali, jinħtieġ li ssir distinzjoni bejn, fuq naħa waħda, trusts li jikkonsistu minn kull proprjetà miżmuma minn jew f’isem persuna li qiegħda twettaq negozju li jikkonsisti minn jew jinkludi l-ġestjoni ta’ trusts, u li taġixxi bħala fiduċjarju ta’ trust fil-kors ta’ dak in-negozju bil-għan li tagħmel profitt, u, fuq in-naħa l-oħra, kull trust ieħor. B’kont meħud tan-natura tal-ewwel kategorija ta’ trusts, informazzjoni fuq is-sidien benefiċjarji tagħhom jinħtieġ li tkun magħmula pubblikament disponibbli permezz ta’ żvelar obbligatorju. L-aċċess jinħtieġ li jkun mogħti għall-istess sett limitat ta’ data fuq is-sid benefiċjarju bħal fil-każ ta’ kumpaniji.
(35)Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja fir-rigward ta’ xi trusts oħrajn għajr dawk li jikkonsistu minn kull proprjetà miżmuma minn, jew f’isem, persuna li qiegħda twettaq negozju li jikkonsisti minn jew jinkludi l-ġestjoni ta’ trusts, u li taġixxi bħala fiduċjarju ta’ trust fil-kors ta’ dak in-negozju bil-għan li tagħmel profitt jinħtieġ li tkun disponibbli biss għal partijiet b’interess leġittimu. L-interess leġittimu fir-rigward tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u r-reati predikati assoċjati jinħtieġ li jkun iġġustifikat b’mezzi disponibbli faċilment, bħal statuti jew l-istqarrija tal-missjoni ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi, jew fuq il-bażi ta’ attivitajiet preċedenti pprovati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew reati predikati assoċjati, jew rekord tajjeb ipprovat ta’ stħarriġ jew azzjonijiet f’dak il-qasam.
(36)B’ħarsa li jiġu żgurati reġistrazzjoni u skambju tal-informazzjoni koerenti u effiċjenti, l-Istati Membri jinħtieġ li jiżguraw li l-awtorità tagħhom responsabbli tar-reġistru stabbilit għall-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja ta’ trusts tikkoopera mal-kontropartijiet tagħha fi Stati Membri oħrajn, bil-kondiviżjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna trusts regolati bil-liġi tal-ewwel Stat Membru u amministrati fi Stat Membru ieħor.
(37)Huwa importanti li jiġi żgurat li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma implimentati b’mod korrett mill-entitajiet marbutin b’obbligu. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jinħtieġ li jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti b’responsabbiltajiet deżinjati fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi l-UIF, l-awtoritajiet li għandhom il-funzjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati u finanzjament tat-terroriżmu, u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali, kif ukoll awtoritajiet kontra l-korruzzjoni, awtoritajiet tat-taxxa, awtoritajiet li jirċievu rapporti fuq it-trasportazzjoni transfruntiera ta’ muniti u strumenti negozjabbli għall-portatur u awtoritajiet li għandhom responsabbiltajiet superviżorji jew ta’ monitoraġġ immirati biex jiżguraw il-konformità minn entitajiet marbutin b’obbligu.
(38)F’konformità mad-Dikjarazzjoni politika konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.
(39)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-sistema finanzjarja permezz tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li l-miżuri individwali adottati mill-Istati Membri biex jipproteġu s-sistemi finanzjarji tagħhom jistgħu jkunu inkonsistenti mal-funzjonament tas-suq intern u mal-preskrizzjonijiet tal-istat tad-dritt u l-politika pubblika tal-Unjoni iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jinsab fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
(40)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), il-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta).
(41)Meta wieħed iqis il-bżonn li jiġu implimentati b’mod urġenti l-miżuri adottati bil-għan li jissaħħaħ ir-reġim tal-Unjoni stabbilit għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u meta wieħed iħares lejn l-impenji meħudin mill-Istati Membri biex jipproċedu malajr bit-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, din id-Direttiva jinħtieġ li tkun trasposta sal-1 ta’ Jannar 2017. Għall-istess raġunijiet, l-emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849 u d-Direttiva 2009/101/KE jinħtieġ li jkunu trasposti sal-1 ta’ Jannar 2017.
(42)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [u ppreżenta opinjoni fil-...],
(43)Għalhekk, id-Direttivi (UE) 2015/849 u 2009/101/KE jinħtieġ li jiġu emendati skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849
Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija emendata kif ġej:
(1)fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1), il-punti (g) u (h) li ġejjin huma miżjudin:
“(g) fornituri involuti primarjament u professjonalment f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali;
(h) fornituri tal-kartieri li joffru servizzi ta’ kustodja ta’ kredenzjali neċessarji għall-aċċess ta’ muniti virtwali.”;
(2)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-punt (6)(a)(i), jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Għall-għanijiet tal-Artikolu 13(1)(b) u l-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva, l-indikazzjoni ta’ sjieda jew kontroll stabbilita fit-tieni paragrafu hija mnaqqsa għal 10 % meta l-entità ġuridika tkun Entità Mhux Finanzjarja Passiva kif definita fid-Direttiva 2011/16/UE.”;
(b) il-punt (16) jinbidel b’dan li ġej:
“(16) “flus elettroniċi” tfisser flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE, bl-esklużjoni ta’ valur monetarju kif saret referenza għalih fl-Artikolu 1(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva;”;
(c) jiżdied il-punt (18) li ġej:
“(18) “muniti virtwali” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li la huwa maħruġ minn bank ċentrali jew awtorità pubblika, lanqas ma huwa neċessarjament marbut ma’ munita ta’ kors legali, iżda huwa aċċettat minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta’ ħlas u jista’ jiġi ttrasferit, maħżun jew innegozjat elettronikament.”;
(3)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i) fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) huma mibdulin b’li ġej:
“(a) l-istrument tal-ħlas mhuwiex rikarikabbli, jew għandu limitu massimu ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ EUR 150 kull xahar li jistgħu jintużaw biss f’dak l-Istat Membru;
(b) l-ammont massimu maħżun elettronikament ma jaqbiżx il-EUR 150;”;
(ii) it-tieni subparagrafu jitħassar;
(b)
il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deroga prevista fil-paragrafu 1 ma tkunx applikabbli f’każ ta’ pagament online jew tifdija fi flus kontanti jew irtirar ta’ flus kontanti tal-valur monetarju tal-flus elettroniċi fejn l-ammont mifdi jkun aktar minn EUR 50.”;
(c)
jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jaġixxu bħala akkwirenti jaċċettaw biss pagamenti mwettqin b’kards imħallsin minn qabel maħruġin f’pajjiżi terzi fejn tali kards jilħqu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14, jew jistgħu jiġu kkunsidrati li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”;
(4) Fl-Artikolu 13(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)
l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent fuq il-bażi ta’ dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors kredibbli u indipendenti, inklużi, fejn disponibbli, mezzi tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014*;
_________________________________________________________________
* Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”
(5)fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5 huwa mibdul b’dan li ġej:
“5. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, jew meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent partikolari, jew meta l-entità marbuta b’obbligu għandha d-dmir fil-kors tas-sena kalendarja rilevanti, li tikkuntattja lill-klijent bl-iskop tar-reviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni relatata mas-sid(ien) benefiċjarji, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2011/16/UE.”;
(6)fl-Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:
“Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli minn 19 sa 24, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq.”;
(7)Jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:
“Artikolu 18a
1. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi b’riskju għoli, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, meta jittrattaw persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2), l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom mill-inqas japplikaw il-miżuri li ġejjin ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa:
(a)il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq il-klijent;
(b)il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq l-għan maħsub tar-relazzjoni ta’ negozju;
(c)il-kisba ta’ informazzjoni fuq is-sors tal-fondi jew is-sors tal-beni tal-klijent;
(d)il-kisba ta’ informazzjoni fuq ir-raġunijiet għat-tranżazzjonijiet intenzjonati jew imwettqin;
(e)il-kisba tal-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ negozju;
(f)it-twettiq ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tar-relazzjoni ta’ negozju b’żieda fin-numru u l-ħin tal-kontrolli applikati, u l-għażla ta’ tipi tat-tranżazzjonijiet li jeħtieġu eżaminazzjoni ulterjuri;
(g)il-ħtieġa li l-ewwel pagament jitwettaq permezz ta’ kont f’isem il-klijent ma’ bank suġġett għal standards CDD simili.
2. B’żieda mal-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1 u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu, meta jkollhom x’jaqsmu ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi terzi identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) japplikaw waħda jew għadd ta’ miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni:
(a)
il-ħtieġa li istituzzjonijiet finanzjarji japplikaw elementi addizzjonali ta’ diliġenza dovuta msaħħa;
(b)
l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar rilevanti msaħħa jew ir-rappurtar sistematiku ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji;
(c)
il-limitazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ negozju jew tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi mill-pajjiż identifikat.
3. B’żieda mal-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw waħda mill-miżuri li ġejjin għal pajjiżi terzi identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni:
(a)
l-irrifjutar tal-istabbiliment ta’ sussidjarji jew fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mill-pajjiż ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-istituzzjoni finanzjarja rilevanti hija minn pajjiż li ma għandux sistemi tal-AML / CFT adegwati;
(b)
il-projbizzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji milli jistabbilixxu fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi fil-pajjiż ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-fergħa jew l-uffiċċju rappreżentattiv rilevanti jkun f’pajjiż li ma għandux sistemi tal-AML / CFT adegwati;
(c)
il-projbizzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji milli joqogħdu fuq terzi persuni li jinsabu fil-pajjiż ikkonċernat biex iwettqu elementi tal-proċess tad-diliġenza dovuta tal-klijent;
(d)
il-ħtieġa li istituzzjonijiet finanzjarji jirrevedu u jemendaw, jew jekk neċessarju jitterminaw, relazzjonijiet korrispondenti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-pajjiż ikkonċernat;
(e)
il-ħtieġa ta’ eżaminazzjoni superviżorja jew rekwiżiti ta’ awditjar estern miżjudin għal fergħat u sussidjarji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fil-pajjiż ikkonċernat;
(f)
il-ħtieġa ta’ rekwiżiti tal-awditjar estern miżjudin għal gruppi finanzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-fergħat u sussidjarji tagħhom li jinsabu fil-pajjiż ikkonċernat.
4. Meta jkunu qegħdin jippromulgaw jew japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, bħala evalwazzjonijiet rilevanti xierqa, tal-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali.
5. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel jippromulgaw jew japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.”;
(8)fl-Artikolu 27, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu li lilhom jiġi riferut il-klijent jieħdu passi adegwati biex jiżguraw li t-terza persuna tipprovdi minnufih, b'talba, il-kopji rilevanti tad-data ta’ identifikazzjoni u verifika, inkluża, fejn disponibbli, data miksuba permezz ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u dokumentazzjoni rilevanti oħra fuq l-identità tal-klijent jew is-sid benefiċjarju.”;
(9)L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 5, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu huma mħassrin;
(b) il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. Ir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiżgura aċċess f’waqtu u mhux ristrett mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF għall-informazzjoni kollha miżmuma fir-reġistru ċentrali mingħajr ebda restrizzjoni u mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-entità kkonċernata. Huwa għandu wkoll jippermetti aċċess f’waqtu mill-entitajiet marbutin b’obbligu fit-teħid ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II.
Awtoritajiet kompetenti mogħtijin aċċess għar-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom ikunu dawk l-awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet li għandhom il-funzjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-lokalizzazzjoni u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali.”;
(c) il-paragrafi 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“9. F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 5 jesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi każ b’każ.
L-eżenzjonijiet mogħtija bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u għall-entitajiet marbutin b’obbligu kif imsemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 2(1) li jkunu uffiċjali pubbliċi.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu huma interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 4a(1) tad-Direttiva 2009/101/KE. Il-konnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri mal-pjattaforma għandha tkun stabbilita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi stabbiliti billi jkunu implimentati atti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4c tad-Direttiva 2009/101/KE.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija disponibbli permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bl-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jimplimentaw il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw it-tipi differenti ta’ aċċess f’konformità mal-paragrafu 5.”;
(10)L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika għal trusts u tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali li għandhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts, bħalma huma, inter aila, fiducie, Treuhand jew fideicomiso.
Kull Stat Membru għandu jirrikjedi li l-fiduċjarji ta’ kwalunkwe trust speċifika amministrata f’dak l-Istat Membru jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trust. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità ta’:
(a) is-settlor;
(b) il-fiduċjarju;
(c) il-protettur (jekk hemm);
(d) il-benefiċjarji jew il-klassi ta’ benefiċjarji;
(e) kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll effettiv tat-trust.”;
(b)
jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:
“3a. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinżamm f’reġistru ċentrali stabbilit mill-Istat Membru fejn huwa amministrat it-trust.”;
(c)
il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 3a hija aċċessibbli f’manjiera f’waqtha u mhux ristretta mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-partijiet tat-trust ikkonċernata. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li l-entitajiet marbutin b’obbligu huma permessi aċċess f’waqtu għal dik l-informazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet fuq id-diliġenza dovuta tal-klijenti stipulati fil-Kapitolu II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-karatteristiċi ta’ dawk il-mekkaniżmi lill-Kummissjoni.
Awtoritajiet kompetenti mogħtijin aċċess għar-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3a għandhom ikunu dawk l-awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet li għandhom il-funzjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali.”;
(d)
jiddaħħlu l-paragrafi 4a u 4b li ġejjin:
“4a. L-informazzjoni miżmuma fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 3a ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kwalunkwe trusts oħrajn għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 7b(b) tad-Direttiva (KE) 2009/101 għandha tkun aċċess lil kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu.
L-informazzjoni aċċessibbli lil persuni u organizzazzjonijiet li jistgħu juru interess leġittimu għandha tikkonsisti fl-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, in-nazzjonalità u l-pajjiż tar-residenza tas-sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3(6)(b).
4b. Meta jidħlu f’relazzjoni ta’ klijent ġdida ma’ trust jew arranġament legali ieħor suġġett għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont il-paragrafu 3a, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiġbru prova tar-reġistrazzjoni fejn applikabbli.”;
(e)
jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:
“7a. F’ċirkostanzi eċċezzjonali stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-paragrafi 4 u 4a jesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi każ b’każ.
L-eżenzjonijiet mogħtija bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 2(1) li jkunu uffiċjali pubbliċi.
Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi eżenzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu, hu ma għandux jirrestrinġi l-aċċess għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF.”;
(f)
il-paragrafu 8 jitħassar;
(g)
il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali msemmijin fil-paragrafu 3a ta’ dan l-Artikolu huma interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 4a(1) tad-Direttiva 2009/101/UE. Il-konnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri mal-pjattaforma għandha tkun stabbilita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi stabbiliti billi jkunu implimentati atti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4c tad-Direttiva 2009/101/KE.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija disponibbli permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bl-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/UE, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jimplimentaw il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li hija aġġornata u tikkorrispondi mal-benefiċjarji tas-sjieda attwali biss hija magħmula disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali tagħhom u permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u l-aċċess għal dik l-informazzjoni għandu jkun f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw it-tipi differenti ta’ aċċess f’konformità mal-paragrafi 4 u 4a ta’ dan l-Artikolu.”;
(h)
għandu jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:
“10. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, trust huwa kkunsidrat bħala amministrat f’kull Stat Membru fejn huma stabbiliti l-fiduċjarji.”;
(11)L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:
(a)
fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, ir-raba’ sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Għandu jkun possibbli li din tikseb u tuża informazzjoni minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu.”;
(b)
jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:
“9. Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, kull UIF għandha tkun f’qagħda li tikseb minn xi entità marbuta b’obbligu informazzjoni għall-fini stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, anki jekk tali entità marbuta b’obbligu ma għamlitx rapport preċedenti skont l-Artikolu 33(1)(a).”;
(12)jiddaħħal l-Artikolu 32a li ġej:
“Artikolu 32a
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ċentralizzati awtomatizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru ta’ data, li jippermettu l-identifikazzjoni, b’mod f’waqtu, ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li żżomm jew tikkontrolla kontijiet ta’ ħlas kif definiti fid-Direttiva 2007/64/KE u kontijiet bankarji miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-karatteristiċi ta’ dawk il-mekkaniżmi nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fil-paragrafu 1 hija direttament aċċessibbli, f’livell nazzjonali, għall-UIF u l-awtoritajiet kompetenti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe UIF tkun f’qagħda li tipprovdi informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fil-paragrafu 1 lil kwalunkwe UIF oħra b’mod f’waqtu f’konformità mal-Artikolu 53.
3. L-informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fil-paragrafu 1:
–għad-detentur tal-kont tal-klijent u kull persuna li tidher li taġixxi f’isem il-klijent: l-isem, ikkumplimentat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) jew numru tal-identifikazzjoni uniku;
–għas-sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont tal-klijent: l-isem, ikkumplimentat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) jew numru tal-identifikazzjoni uniku;
–għall-kont bankarju jew tal-pagament: in-numru tal-IBAN u d-data tal-ftuħ u l-għeluq tal-kont.”;
(13)Fl-Artikolu 33(1), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:
“(b)
jipprovdu lill-UIF b'talba tagħha, direttament, l-informazzjoni kollha meħtieġa.”;
(14)fl-Artikolu 39, il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:
“3. Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprekludi l-iżvelar bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri sakemm dawn jappartjenu għall-istess grupp, jew bejn dawn l-entitajiet u l-fergħat tagħhom u sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma stabbiliti f’pajjiżi terzi, sakemm dawn il-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b’mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu, inklużi proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp, f’konformità mal-Artikolu 42 u sakemm il-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva.”;
(15)Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-punti (a) u (b) jinbidlu b’dan li ġej:
“(a)
fil-każ ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti, kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni li huma neċessarji biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-Kapitolu II, inkluża, fejn disponibbli, informazzjoni miksuba permezz ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, għal perjodu ta’ ħames snin wara li r-relazzjoni ta’ negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta’ tranżazzjoni okkażjonali;
(b)
l-evidenza ta’ sostenn u r-rekords tat-tranżazzjonijiet, li jikkonsistu mid-dokumenti oriġinali jew kopji ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali applikabbli, inkluża, fejn disponibbli, informazzjoni miksuba permezz ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, li huma neċessarji biex jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet, għal perjodu ta’ ħames snin wara li r-relazzjoni ta’ negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta’ tranżazzjoni okkażjonali.”;
(b)
jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“It-tieni subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ data aċċessibbli permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fl-Artikolu 32a.”;
(16)fl-Artikolu 47, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali, fornituri tal-kartieri ta’ kustodja, l-uffiċċji tal-kambju u l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jew għall-kumpaniji jkollhom liċenzja jew ikunu rreġistrati, u li l-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard huma regolati.”;
(17)L-Artikolu 49 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 49
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politiki, l-UIF, is-superviżuri u awtoritajiet kompetenti oħrajn involuti fl-AML/CFT, bħalma huma l-awtoritajiet tat-taxxa, ikollhom mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw fil-livell domestiku dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż bil-għan li jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 7.”;
(18)fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu VI, tiddaħħal is-subtaqsima IIa li ġejja:
“Subtaqsima IIa
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
Artikolu 50a
L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet restrittivi irraġonevoli jew bla bżonn fuq l-iskambju ta’ informazzjoni jew assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrifjutawx talba għall-assistenza fuq il-bażi li:
(a) it-talba hija kkunsidrata wkoll li tinvolvi kwistjonijiet tat-taxxa;
(b) il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jżommu segretezza jew kunfidenzjalità, minbarra fejn l-informazzjoni rilevanti mitluba tinżamm f’ċirkostanzi fejn japplika l-privileġġ legali jew is-segretezza professjonali legali;
(c) hemm inkjesta, investigazzjoni jew proċediment għaddej fl-Istat Membru mitlub, sakemm l-assistenza timpedixxi l-inkjesta, l-investigazzjoni jew il-proċediment;
(d) in-natura jew l-istatus tal-awtorità kontroparti li qed tagħmel it-talba hija differenti minn dik tal-awtorità kompetenti mitluba.”;
(19)fl-Artikolu 53, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jiskambjaw, minn jeddhom jew fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta’ informazzjoni mill-UIF, relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u l-persuna fiżika jew ġuridika involuta, irrispettivament mit-tip ta’ reati predikati assoċjati u anki jekk it-tip ta’ offiżi predikati assoċjati ma jiġix identifikat waqt l-iskambju.”;
(b) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Dik l-UIF għandha tikseb informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(9) u tibgħat it-tweġibiet minnufih.”;
(20)Fl-Artikolu 55, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsens minn qabel tal-UIF mitlub biex tixxerred l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti jingħata minnufih u bl-aktar mod mifrux possibbli, irrispettivament mit-tip ta’ offiżi predikati assoċjati. L-UIF li tirċievi t-talba għandha tiċħad il-kunsens tagħha li ssir din il-kondiviżjoni biss jekk din tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT tagħha, tista’ xxekkel l-investigazzjoni kriminali, ikun ċar li tkun sproporzjonata għall-interessi leġittimi ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew l-Istat Membru tal-UIF li tirċievi t-talba, jew inkella ma tkunx f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Kwalunkwe ċaħda ta’ dan it-tip għall-għoti tal-kunsens għandha tkun spjegata b’mod adatt.";
(21)L-Artikolu 57 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 57
Id-differenzi bejn id-definizzjonijiet ta’ reati fiskali fil-liġi nazzjonali ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-UIF li jipprovdu assistenza lil UIF oħra u ma għandhomx jillimitaw l-iskambju, il-kondiviżjoni u l-użu ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 53, 54 u 55.”;
(22)fl-Artikolu 65, għandu jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:
“Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk neċessarju, minn proposti xierqa, inkluż, fejn xieraq, fir-rigward ta’ muniti virtwali, l-għoti tas-setgħat għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ bażi tad-data ċentrali li tirreġistra l-identitajiet tal-utenti u l-indirizzi tal-kartieri aċċessibbli għall-UIF, kif ukoll forom tal-awtodikjarazzjoni għall-użu ta’ utenti tal-muniti virtwali.”;
(23)fl-Artikolu 66, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:
“Id-Direttivi 2005/60/KE u 2006/70/KE jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.”;
(24)fl-Artikolu 67(1), l-ewwel subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2017. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”;
(25)fil-punt (2) tal-Anness III, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:
“(c) relazzjonijiet ta’ negozju jew tranżazzjonijiet mhux wiċċ imb’wiċċ, mingħajr ċerti salvagwardji, bħal mezzi tal-identifikazzjoni elettronika jew servizzi fiduċjarji rilevanti kif definiti fir-Regolament (UE) 910/2014;”.
Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva 2009/101/KE
Id-Direttiva 2009/101/KE hi emendata kif ġej:
(1) fil-Kapitolu 1, jiżdied l-Artikolu 1a li ġej:
Artikolu 1a
Kamp ta’ Applikazzjoni
Il-miżuri fuq l-iżvelar tal-informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja japplikaw fir-rigward tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri b’rabta ma’:
(a) entitajiet korporattivi u oħrajn ġuridiċi msemmijin fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, inklużi t-tipi ta’ kumpaniji msemmijin fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, apparti dawk li ma jagħmlux profitt;
(b) trusts li jinkludu kwalunkwe proprjetà miżmuma minn, jew f’isem, persuna li qiegħda twettaq negozju li jikkonsisti minn jew jinkludi l-ġestjoni ta’ trusts, u li taġixxi bħala fiduċjarju ta’ trust fil-kors ta’ dak in-negozju bil-għan li tagħmel profitt, u tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali bi struttura jew funzjonijiet simili għal tali trusts.
___________________________________________________________________
* Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;
(2) fil-Kapitolu 2, jiżdied l-Artikolu 7b li ġej:
“Artikolu 7b
Żvelar ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
1.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-iżvelar obbligatorju mill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1a(a) u (b) ta’ din id-Direttiva ta’ informazzjoni adegwata, preċiża u attwali fuq is-sjieda benefiċjarja tagħhom, f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2015/849.
L-informazzjoni għandha tikkonsisti mill-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, in-nazzjonalità u l-pajjiż tar-residenza tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum.
2.
L-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi żgurat permezz tar-reġistri ċentrali msemmijin fl-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 31(3a) tad-Direttiva 2015/849.
3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun magħmula pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 4a(2).
4.
F’ċirkostanzi eċċezzjonali stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess għall-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 jesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni mill-iżvelar obbligatorju tal-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi każ b’każ.
5.
Id-data personali ta’ sidien benefiċjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun żvelata bil-għan li t-terzi persuni u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali jkunu jafu min huma s-sidien benefiċjarji, b’tali mod li jsir kontribut għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali permezz ta’ skrutinju pubbliku msaħħaħ. Għal dan il-għan l-informazzjoni għandha tkun pubblikament disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri għal mhux aktar minn 10 snin wara li l-kumpanija tkun inqatgħet mir-reġistru.”.
Artikolu 3
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President