EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0214

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) u jħassar id-Direttiva 95/46/KE

COM/2016/0214 final - 2012/011 (COD)

Brussell, 11.4.2016

COM(2016) 214 final

2012/0011(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar
il-moviment liberu ta' tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta)
u jħassar id-Direttiva 95/46/KE


2012/0011 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar
il-moviment liberu ta' tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta)

u jħassar id-Direttiva 95/46/KE

1.Sfond

Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2012) 11 finali – 2012/11 COD):

25 ta' Jannar 2012;

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

SOC/455 EESC-2012-1303

23 ta' Mejju 2012

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

12 ta' Marzu 2014

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

8 ta' April 2016

2.L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Id-Direttiva 95/46/KE 1 , l-istrument leġiżlattiv ċentrali għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-Ewropa, kienet stadju importanti fl-istorja tal-protezzjoni tad-dejta. L-objettivi tagħha, li tiżgura l-iffunzjonar ta’ Suq Uniku u ħarsien effettiv tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, jibqgħu validi. Madankollu, kienet adottata 21 sena ilu meta l-internet kien għadu fi stadju bikri. Fl-ambjent diġitali ġdid u kollu sfidi tal-lum, ir-regoli eżistenti la jipprovdu l-grad ta' armonizzazzjoni meħtieġ, u lanqas l-effiċjenza meħtieġa biex jiżguraw id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali.

F’dan il-kuntest, fil-25 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni pproponiet Regolament intiż li jieħu post id-Direttiva 95/46/KE u li qiegħed jistipula qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta. Il-proposta għal Regolament timmodernizza l-prinċipji tad-Direttiva tal-1995, tfassalhom għall-era diġitali u tarmonizza l-liġi tal-protezzjoni tad-dejta fl-Ewropa. Regoli b'saħħithom tal-protezzjoni tad-dejta huma meħtieġa sabiex terġa' tinbena l-fiduċja ta' individwi fil-metodi kif id-dejta personali tagħhom qed tiġi użata.

Il-proposta għal Regolament tiffoka fuq: ir-rinfurzar tad-drittijiet tal-individwi, it-tisħiħ tas-suq intern tal-UE, l-iżgurar ta' eżekuzzjoni aqwa tar-regoli, is-simplifikazzjoni tat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali u l-iffissar ta' standards ta' protezzjoni tad-dejta globali.

Il-bidliet se jagħtu iktar kontroll lin-nies fuq id-dejta personali tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess għaliha. Huma ddiżinjati sabiex jiżguraw li l-informazzjoni personali tan-nies tkun protetta – tkun fejn tkun. Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw dan it-tħassib permezz ta'

Aċċess iktar faċli għad-dejta tagħhom stess - l-individwi se jkollhom iktar informazzjoni ċara u tinftiehem dwar kif id-dejta tagħhom tkun proċessata;

"Dritt li tintesa" - meta individwu ma jkunx jixtieq iktar li d-dejta tiegħu tibqa' tiġi pproċessata, u ġaladarba ma jkun hemm ebda raġunijiet leġittimi għala tinżamm, id-dejta tiġi mħassra;

Id-dritt li tkun taf meta d-dejta tiegħek tkun ġiet aċċessata illegalment - kumpaniji għandhom jgħarrfu lill-awtorità superviżorja b'infrazzjoni tad-dejta li tpoġġi fir-riskju lil individwi u tgħarraf lis-suġġett tad-dejta dwar l-infrazzjonijiet kollha b'riskju għoli malajr kemm jista' jkun ħalli l-utenti jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji;

Dritt għall-portabbiltà tad-dejta – dan se jagħmilha iktar faċli għal individwi li jittrażmettu dejta personali bejn fornituri ta' servizzi.

Ir-Regolament propost jappoġġa wkoll is-Suq Uniku Diġitali fir-realizzazzjoni tal-potenzjal tiegħu permezz ta':

Kontinent wieħed, liġi waħda: liġi unika, pan-Ewropea għall-protezzjoni tad-dejta, li tieħu post it-taħlita attwali u inkonsistenti ta' 28 liġi nazzjonali;

Punt uniku ta' servizz: "punt uniku ta' servizz" għan-negozji: kumpaniji se jkollhom għalfejn jittrattaw biss ma' awtorità superviżorja waħda, u mhux 28, u dan se jagħmilha iktar sempliċi u rħisa biex isir in-negozju fl-UE;

Kundizzjonijiet ekwi - illum kumpaniji Ewropej ikollhom jaderixxu ma' standards iktar stretti minn kumpaniji stabbiliti barra mill-UE minkejja li jinnegozjaw fis-Suq Uniku tagħna. Bir-riforma kumpaniji bbażati barra l-Ewropa se jkollhom japplikaw l-istess regoli meta joffru oġġetti u servizzi fis-suq tal-UE;

Newtralità teknoloġika: ir-Regolament jippermetti li l-innovazzjoni tkompli tistagħna taħt ir-regoli l-ġodda.

Finalment, ir-Regolament propost jipprovdi li awtoritajiet superviżorji jkunu kapaċi jimmultaw impriżi li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE sa 2% tal-fatturat globali annwali tagħhom.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi trilogi informali fil-15 ta' Diċembru 2015, sussegwentement appoġġati mill-Kunsill fit-8 ta' April 2016.

Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim peress li hu konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-ftehim iżomm in-natura tal-istrument legali kif propost mill-Kummissjoni, jiġifieri Regolament minflok Direttiva li mbagħad tkun tirrikjedi traspożizzjoni fit-28 sistema legali nazzjonali. Huwa jiżgura wkoll il-livell neċessarju ta' armonizzazzjoni filwaqt li jħalli spazju għal manuvrar għall-Istati Membri fejn jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta għas-settur pubbliku.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tikkonferma l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali li r-Regolament se japplika wkoll għal kontrolluri jew proċessuri stabbiliti f'pajjiż terz jekk joffru oġġetti jew servizzi jew jimmonitorjaw l-imġiba ta' suġġetti ta' dejta fl-Unjoni.

F'konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni, il-ftehim isaħħaħ il-prinċipji ta' pproċessar tad-dejta (eż. minimizzazzjoni tad-dejta) u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta billi jħaddan dritt li tintesa u dritt għall-portabbiltà u bl-iżvilupp ulterjuri ta' drittijiet eżistenti bħalma huma d-dritt għall-informazzjoni jew id-dritt għall-aċċess.

Il-ftehim jippreserva wkoll u jiżviluppa iktar l-approċċ abbażi ta' riskju preżenti diġà fil-proposta tal-Kummissjoni u li jeħtieġ li l-kontrolluri, u f'xi każi l-proċessuri, jieħdu kont tan-natura, il-kamp ta' applikazzjoni, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar u r-riskji ta' probabbiltà u severità varji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta ta' tali pproċessar. Barra minn hekk, il-ftehim milħuq dwar il-mekkaniżmu tal-"punt uniku ta' servizz" huwa legalment u istituzzjonalment sod, u jġib miegħu valur sinjifikatament miżjud għal kumpaniji u suġġetti tad-dejta. Il-mekkaniżmu se jiddependi fuq il-prinċipju tal-"awtorità fl-aħjar pożizzjoni" sabiex tieħu d-deċiżjoni u se jiffoka biss fuq każi b'dimensjoni transkonfinali importanti. Ir-riżultat fil-Kunsill iżomm l-element ewlieni ta' simplifikazzjoni li jkun hemm deċiżjoni unika madwar l-UE u interlokutur uniku għan-negozju u għall-individwu.

Il-ftehim jikkjarifika wkoll u jispeċifika r-regoli dwar trasferimenti internazzjonali fir-rigward, pereżempju, ta' kriterji li għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew l-istrumenti li jistgħu jipprovdu salvagwardji xierqa għal trasferimenti internazzjonali.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tagħti s-setgħa lil awtoritajiet superviżorji li jimponu sanzjonijiet finanzjarji għal infrazzjonijiet tar-Regolament, li jitilgħu għal 2 sa 4% tal-fatturat globali annwali tal-impriża.

Finalment, il-pożizzjoni tal-Kunsill għall-kuntrarju tal-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx ir-Regolament bħala żvilupp tal-acquis ta' Schengen. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li dikjarazzjoni f'dak ir-rigward hija meħtieġa.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

5.Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni - ir-relevanza ta' Schengen għar-Regolament

"Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li saret bidla għall-proposta inizjali tagħha permezz tat-tħassir tal-premessi 136, 137 u 138 relatati mal-acquis ta’ Schengen. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li b’mod partikolari rigward il-viżi, il-kontroll tal-fruntieri u r-ritorn, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen għall-erba’ Stati assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ dak l-acquis."

(1) Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
Top