EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0106

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali

COM/2016/0106 final - 2016/059 (CNS)

Brussell, 2.3.2016

COM(2016) 106 final

2016/0059(CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.Sfond tal-proposta

1.1.Preżentazzjoni ġenerali

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li, l-Unjoni tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi legali u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri. Il-Paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jipprovdi li l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. L-Artikolu 81 tal-istess Trattat isemmi speċifikament il-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw "ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji" kif ukoll "il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni". Fuq din il-bażi, diġà ġew adottati diversi strumenti, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. L-ebda minnhom, madankollu, ma jkopri r-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

L-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali diġà kienet tinsab fost il-prijoritajiet tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Vjenna fl-1998. Il-Programm dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2000 1 kien jistipula l-istabbiliment ta' strument dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-"reġimi matrimonjali u l-konsegwenzi tas-separazzjoni ta' koppji mhux miżżewġa fuq il-proprjetà". Il-programm tal-Aja 2 , adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta' Novembru 2004, li stabbilixxa, bħala l-ewwel prijorità tiegħu, l-implimentazzjoni tal-Programm ta' rikonoxximent reċiproku u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar "il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inkluża b'mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku", u kien enfasizza l-ħtieġa li sal-2011 jiġi adottat strument f'dan il-qasam.

Il-Programm ta' Stokkolma, adottat fil-11 ta' Diċembru 2009 mill-Kunsill Ewropew, isemmi wkoll li r-rikonoxximent reċiproku għandu jkun mifrux fuq ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll fuq il-konsegwenzi tas-separazzjoni ta' koppji mhux miżżewġa fuq il-proprjetà.

Fir-"Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE", adottat fis-27 ta' Ottubru 2010 3 , il-Kummissjoni identifikat l-inċertezza fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali bħala waħda mill-ostakoli prinċipali li għadhom jaffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum meta jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-UE lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Għalhekk, bħala mezz biex tirranġa din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni, fis-sena 2011, ta' proposta ta' strument leġiżlattiv li jippermetti lill-koppji internazzjonali (konjuġi jew sħab irreġistrati) li jsiru jafu aktar faċilment liema qrati huma kompetenti u liema leġiżlazzjoni għandha tapplika għad-drittijiet tagħhom fuq il-proprjetà.

Fis-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat proposta 4 għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u proposta 5 għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati 6 .

Il-bażi ġuridika għar-Regolamenti tal-Kunsill proposti hija l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposti kienu jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u koprew "aspetti relatati mal-liġi tal-familja". Skont din il-bażi ġuridika l-Kunsill jadotta miżuri billi jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Settembru 2013 7 .

Il-proposti tal-Kummissjoni kienu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Kwisjonijiet tal-Liġi Ċivili (Reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati) sal-aħħar tal-2014. F'Diċembru 2014, il-Kunsill iddeċieda li jagħti perjodu ta' riflessjoni lil dawk l-Istati Membri li komplew ikollhom diffikultajiet; dan il-perjodu ma għandux idum, madankollu, għal iżjed minn sena. Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill ikkonkluda li ma setgħet tintlaħaq l-ebda unanimità għall-adozzjoni tal-proposti għar-regolament dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u li għalhekk l-għanijiet tal-kooperazzjoni f'dan il-qasam ma setgħux jinkisbu f'perjodu raġonevoli ta' żmien mill-Unjoni kollha. Il-Kunsill innota wkoll li diversi Stati Membri kienu lesti jikkunsidraw b'mod pożittiv li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa dwar kwistjonijiet koperti mill-proposti.

Minn Diċembru 2015 sa Frar 2016, 17-il Stat Membru 8 indirizzaw talba lill-Kummissjoni li tindika li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali u, speċifikament, tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, u talbu l-Kummissjoni tressaq proposta lill-Kunsill dwar dan.

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali, kopriet kemm kwistjonijiet tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati; din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-proposta parallela għal Regolament tal-Kunsill dwar l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, li t-tnejn jimplimentaw il-kooperazzjoni msaħħa u kienu adottati mill-Kummissjoni fl-istess żmien, huma t-tweġiba tal-Kummissjoni għat-talba minn 17-il Stat Membru (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Istati Membri parteċipanti"). Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fiha valutazzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet ġuridiċi li jirregolaw, u l-adattezza ta', l-introduzzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali, li tkopri kemm kwistjonijiet tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

1.2.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Iktar mobilità tal-persuni fi ħdan żona mingħajr fruntieri interni twassal għal żieda sinifikanti fl-unjoni bejn ċittadini ta' Stati Membri differenti u għal preżenza ta' dawn il-koppji fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu jew li jakkwistaw beni li jkunu jinsabu fuq it-territorju ta' diversi Stati Membri. Studju mwettaq mill-konsorzju ASSER-UCL fl-2003 9 ħareġ l-importanza tal-fenomenu tal-koppji transnazzjonali fi ħdan l-Unjoni, u d-diffikultajiet prattiċi u ġuridiċi li jkollhom jiffaċċaw, kemm fil-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-koppja kif ukoll meta jasal il-mument tal-kondiviżjoni tagħhom, li tirriżulta mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha. Dawn id-diffikultajiet spiss huma marbuta mad-diverġenzi kbar li jkun hemm fir-regoli applikabbli, kemm fid-dritt sostantiv kif ukoll fid-dritt internazzjonali privat, li jirregolaw l-kwistjoni tal-effetti taż-żwiġijiet fuq il-proprjetà.

Minħabba l-karatteristiċi distintivi taż-żwieġ u s-sħubijiet reġistrati u l-konsegwenzi ġuridiċi differenti ta' dawn il-forom ta' unjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta żewġ proposti separati għal Regolamenti: wieħed relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-ieħor relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Dawn iż-żewġ proposti huma l-miżuri li jimplimentaw il-kooperazzjoni msaħħa stabbilita fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali, li jkopru kemm kwistjonijiet tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

L-iskop ta' din il-proposta għandha l-għan li tapplika qafas ġuridiku ċar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li jkopri d-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, u li tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta' deċiżjonijiet u ta' strumenti dwar din il-kwistjoni bejn l-Istati Membri.

2.Ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet – valutazzjoni tal-impatt

Qabel it-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011, twettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri, ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u mal-pubbliku. B'segwitu għall-istudju li sar fl-2003, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper fis-17 ta' Lulju 2006 dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inkluża l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku 10 , u nediet firxa wiesgħa ta' konsultazzjonijiet dwar is-suġġett. Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti magħruf bħala PRM/III għat-tħejjija tal-proposta. Dan il-grupp kien magħmul minn membri minn professjonijiet differenti kkonċernati li jirrappreżentaw id-diversi tradizzjonijiet ġuridiċi Ewropej u ltaqa' ħames darbiet bejn l-2008 u l-2010. Fit-28 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni organizzat ukoll smigħ pubbliku li kien jinvolvi mijiet ta' parteċipanti. Id-dibattiti kkonfermaw il-ħtieġa ta' strument tal-UE għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali li jkopri b'mod partikolari l-liġi applikabbli, il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet. Fit-23 ta' Marzu 2010, ġiet organizzata wkoll laqgħa flimkien mal-esperti nazzjonali, sabiex jiġu diskussi l-punti ġenerali tal-proposta li kienet qiegħda tiġi mħejjija. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt, komuni għall-proposti ta' Regolamenti dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati rispettivament.

Iż-żewġ proposti ġodda dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati rispettivament fihom soluzzjonijiet familjari għal dawk ippreżentati fil-proposti tal-2011 b'kunsiderazzjoni tad-diskussjonijiet li twettqu fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew sal-aħħar tal-2015.

3.L-Aspetti legali tal-proposta

3.1.Bażi legali

Il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta miżuri dwar il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transfruntieri permezz ta' unanimità wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-kwistjoni tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali tiddependi fuq l-eżistenza ta' relazzjonijiet tal-familja bejn l-individwi kkonċernati. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali huma marbutin mill-viċin maż-żwieġ għalhekk, anke jekk jikkonċernaw ir-relazzjonijiet patrimonjali ta' bejn il-konjuġi kif ukoll ta' bejn il-konjuġi u terzi persuni, dawn iridu jiġu kkunsidrati bħala parti mil-liġi tal-familja. Dan ikun jeżisti biss permezz taż-żwieġ u ma jibqax jeżisti aktar max-xoljiment tiegħu (minħabba divorzju jew separazzjoni legali tal-koppja jew il-mewt ta' wieħed mill-konjuġi).

L-għan tal-proposta huwa li tistabbilixxi ġabra kompluta ta' regoli ta' dritt internazzjonali privat li japplikaw fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali. Għalhekk, il-proposta tittratta l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet li jittieħdu fir-rigward tar-reġimi matrimonjali. Ir-regoli li jinsabu f'din il-proposta jiġu involuti biss f'sitwazzjonijiet ta' natura transnazzjonali. Għaldaqstant ir-rekwiżit transkonfinali previst fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat hu sodisfatt. Il-proposta tikkonċerna biss il-konsegwenzi tal-proprjetà taż-żwieġ u ma tagħtix definizzjoni tal-istituzzjoni taż-żwieġ lanqas ma timponi r-rikonoxximent ta' żwieġ fi Stat Membru ieħor.

3.2.Il-prinċipju ta' sussidjarjetà

L-għanijiet ta' din il-proposta jistgħu biss jintlaħqu permezz tal-adozzjoni ta' regoli komuni fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, li jridu jkunu identiċi fl-Istati Membri parteċipanti kollha sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini. Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri għalhekk tmur kontra dan l-għan. F'dan il-qasam, kienu saru żewġ konvenzjonijiet internazzjonali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, jiġifieri l-Konvenzjoni tas-17 ta' Lulju 1905 li tikkonċerna l-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tal-effetti matrimonjali fuq il-proprjetà u d-dmirijiet tal-konjuġi fir-relazzjonijiet personali tagħhom u fuq il-beni tagħhom bħala konjuġi, u l-Konvenzjoni tal-14 ta' Marzu 1978 dwar il-liġi applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali. Iżda dawn ġew ratifikati biss minn tliet Stati Membri u mhumiex iwasslu għas-soluzzjonijiet mistennija biex jiġi affrontat id-daqs tal-problemi kkunsidrati minn din il-proposta, kif ġie żvelat kemm mill-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll mill-konsultazzjonijiet pubbliċi. In-natura u d-daqs tal-problemi li qegħdin jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-Unjoni jfissru li l-għanijiet tal-proposta jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni.

3.3.Il-prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità fis-sens li hi strettament limitata għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Din ma tippruvax tarmonizza l-liġijiet sostantivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw ir-reġimi ta' proprjetà matrimonjali u lanqas ma tolqot l-aspetti fiskali tax-xoljiment tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali tal-Istati Membri. Il-proposta mhi sejra tinvolvi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq iċ-ċittadini u sejra twassal biss għal piż żejjed limitat ħafna fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

3.4.L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

B'konformità mal-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea 11 , il-Kummissjoni żgurat li l-proposta hija konformi mad-drittijiet stabbiliti fil-Karta.

Hija ma taffettwax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja u d-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali previsti rispettivament mill-Artikoli 7 u 9 tal-Karta.

Id-dritt għall-proprjetà, kopert mill-Artikolu 17 tal-Karta, huwa msaħħaħ. Il-prevedibbiltà fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-beni kollha tal-koppja fil-fatt sejra tippermetti lill-konjuġi li jgawdu b'mod aktar effettiv mid-dritt tagħhom fuq il-proprjetà.

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li l-proposta tikkonforma mal-Artikolu 9 tal-Karta dwar id-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, u mal-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi kull tip ta' diskriminazzjoni.

Fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet proposti sejrin itejbu l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fl-UE u b'mod partikolari, tal-koppji miżżewġa. Huma jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Permezz ta' kriterji oġġettivi li jiddeterminaw il-qorti kompetenti, qegħdin jiġu evitati l-proċeduri paralleli kif ukoll l-urġenza mill-parti l-aktar attiva biex il-każ jinġieb quddiem il-qorti.

3.5.L-għażla ta' strument

Il-ħtieġa ta' ċertezza legali u ta' prevedibbiltà tirrikjedi regoli ċari u uniformi, u għalhekk timponi l-forma ta' regolament. Ir-regoli proposti fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u ċ-ċirkolazzjoni libera ta' deċiżjonijiet huma dettaljati u preċiżi u ma jirrikjedu l-ebda traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. L-għanijiet ta' ċertezza u ta' prevedibbiltà legali sejrin jiġu milquta jekk l-Istati Membri jkollhom marġni ta' diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tar-regoli.

4.Implikazzjonijiet baġitarji, simplifikazzjoni u konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

4.1.Impatt fuq il-baġit

Din il-proposta mhi sejra jkollha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Unjoni.

4.2.Is-Simplifikazzjoni

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni sejra tissemplifika b'mod konsiderevoli l-proċeduri billi tippermetti li, skont regoli komuni, tiġi stabbilita l-qorti kompetenti biex tittratta kwistjoni dwar reġim tal-proprjetà matrimonjali. Permezz tal-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati li quddiemhom tkun ġiet ippreżentata proċedura ta' divorzju, separazzjoni legali, annullament taż-żwieġ jew ta' suċċessjoni wara l-mewt ta' wieħed mill-konjuġi, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, iċ-ċittadini sejrin ikunu jistgħu jressqu l-każ quddiem l-istess qorti biex tittratta l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni tagħhom.

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet sejra tissemplifika b'mod konsiderevoli l-proċeduri billi tistabbilixxi liema hi l-liġi applikabbli fuq il-bażi ta' sett wieħed ta' regoli li jissostitwixxu r-regoli nazzjonali differenti dwar il-kunflitti tal-liġijiet fl-Istati Membri parteċipanti.

Fl-aħħar, ir-regoli proposti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji sejrin jiffaċilitaw il-moviment taċ-ċittadini bejn l-Istati Membri.

4.3.Il-konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta tidħol fil-qafas tal-eżerċizzju mniedi mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu eliminati l-ostakoli li jkollhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-Unjoni waqt li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, hekk kif indikat fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni, imsemmi qabel.

5.Kummenti dwar l-Artikoli

5.1.Kapitolu I: Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Il-kunċett ta' "reġim tal-proprjetà matrimonjali" għandu jiġi interpretat b'mod awtonomu u għandu jkopri l-aspetti relatati mal-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-konjuġi, kif ukoll dawk marbuta max-xoljiment tar-reġim tagħhom, minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew minħabba l-mewt ta' wieħed mill-konjuġi.

Sabiex jiġu stabbiliti l-oqsma milquta mill-istrument futur, jaqbel li tiġi mfassla lista eżawrjenti tal-kwistjonijiet li għandhom ikunu esklużi mir-Regolament. B'hekk, l-oqsma li diġà huma ttrattati mir-regolamenti eżistenti tal-Unjoni, bħall-obbligi ta' manteniment 12 , speċjalment bejn il-konjuġi, u l-kwistjonijiet relatati mad-dritt tas-suċċessjoni 13 , jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Ir-Regolament ma jaffettwax l-eżistenza jew il-validità ta' żwieġ taħt il-liġi nazzjonali jew ir-rikonoxximent fi Stat Membru wieħed ta' żwieġ konkluż fi Stat Membru ieħor. Dan ma jaffettwax ukoll kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali jew l-intitolament għad-drittijiet għall-pensjoni fil-każ ta' divorzju.

Ir-Regolament ma jikkonċernax in-natura tad-drittijiet in rem fuq il-beni, il-klassifikazzjoni tal-beni u tad-drittijiet, jew id-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detentur ta' drittijiet bħal dawn.

Huma esklużi wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, ir-rekwiżiti għal reġistrazzjoni fir-reġistru tal-proprjetà immobbli u l-effetti ta' reġistrazzjoni jew tan-nuqqas ta' reġistrazzjoni f'dan ir-reġistru.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' konsistenza u sabiex jiġu ffaċilitati l-komprensjoni u l-applikazzjoni uniformi, uħud mid-definizzjonijiet użati f'dan ir-Regolament huma kondiviżi ma' strumenti oħra tal-Unjoni li huma attwalment applikabbli.

Id-definizzjoni proposta ta' "qorti" tinkorpora l-awtoritajiet u l-professjonijiet legali (bħal nutari) li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu b'delega ta' setgħa mill-qorti, sabiex id-deċiżjonijiet tagħhom jiġu ttrattati bħala deċiżjonijiet ġudizzjarji, f'dak li jikkonċerna l-metodi tagħhom ta' rikonoxximent u ta' eżekuzzjoni fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu ġew stabbiliti.

5.2.Kapitolu II: Ġuriżdizzjoni

Il-proċeduri ġudizzjarji relatati mar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, ġeneralment jikkonċernaw ix-xoljiment tal-beni li jirriżulta mit-tmiem il-ħajja tal-koppja, minħabba l-mewt ta' wieħed mill-konjuġi jew minħabba d-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ.

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa b'mod partikolari li jippermetti li ċ-ċittadini jkollhom il-proċedimenti differenti konnessi tagħhom ittrattati mill-qrati tal-istess Stat Membru. Sabiex dan ikun jista' jseħħ, ir-Regolament għandu jiżgura li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati mitluba li jittrattaw l-aspetti patrimonjali li jirriżultaw minn unjoni, ikunu armonizzati mar-regoli li diġà jeżistu fi strumenti oħrajn tal-Unjoni u, b'mod partikolari, li jikkonċentraw il-ġuriżdizzjoni fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali fi Stat Membru li l-qrati tiegħu qegħdin jittrattaw is-suċċessjoni ta' wieħed/waħda mill-konjuġi jew id-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ.

Artikolu 4

Biex ikun żgurat, f'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi, li l-qorti invokata tkun tista' tittratta s-suċċessjoni tal-konjuġi deċedut(a) fl-istess ħin li tittratta x-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tiegħu/tagħha, dan l-Artikolu jistipula li l-qorti kompetenti għas-suċċessjoni, skont ir-regoli previsti mir-Regolament (UE) Nru 650/2012, ikollha wkoll ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali marbut mas-suċċessjoni.

Artikolu 5

Bl-istess mod, il-qorti kompetenti biex tittratta d-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, tkun tista' tiddeċiedi, f'ċerti każijiet jekk il-konjuġi jaqblu, dwar ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżulta mid-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ.

Artikoli 6 u 7

L-Artikolu 6 jistipula regoli li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni li japplikaw meta kwistjonijiet, tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jkunux marbuta mal-proċeduri tas-suċċessjoni jew tad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ (pereżempju, meta l-konjuġi jridu jbiddlu r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom). Permezz ta' lista tal-kriterji ta' konnessjoni, elenkati b'mod ġerarkiku, jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom il-kompetenza biex jittrattaw dawn il-proċeduri relatati mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali.

Il-kriterji proposti jinkludu r-residenza abitwali komuni tal-konjuġi, l-aħħar residenza abitwali komuni jekk wieħed/waħda mill-konjuġi ikun għadu joqgħod fiha jew ir-residenza abitwali tal-konvenut; kriterji tassew mifruxa li spiss jikkorrispondu mal-post fejn ikunu jinsabu l-beni tal-konjuġi. Kriterju finali huwa n-nazzjonalità komuni tal-konjuġi.

F'każijiet bħal dawn, sabiex jittejbu l-prevedibbiltà u l-libertà tal-għażla tal-konjuġi, l-Artikolu 7 jippermetti wkoll li l-konjuġi jaqblu li l-qrati li għandhom jittrattaw kwistjonijiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tapplika għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew il-qrati tal-Istat Membru fejn iż-żwieġ jiġi ċċelebrat.

Artikolu 9

B'mod eċċezzjonali, il-qorti ta' Stat Membru li għandha ġuriżdizzjoni tista' tirrifjuta tali ġuriżdizzjoni jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tagħha ma tirrikonoxxix iż-żwieġ inkwistjoni. Sabiex il-konjuġi jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja f'każijiet bħal dawn, il-konjuġi jistgħu jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tapplika għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew il-qrati tal-Istat Membru fejn iż-żwieġ jiġi ċċelebrat sejrin jiddeċiedu dwar il-proċeduri. Inkella, il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 6 jiddeterminaw l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom jiddeċiedu dwar il-kwistjoni.

Artikolu 10

Fejn l-ebda Stat Membru m'għandu ġuriżdizzjoni fl-applikazzjoni tal-artikoli preċedenti, dan l-artikolu jiżgura l-aċċess għall-ġustizzja għall-konjuġi u l-partijiet terzi interessati quddiem il-qrati tal-Istat Membri li fih wieħed jew iż-żewġ konjuġi għandhom proprjetà immobbli. F'dawn il-każijiet, il-qrati jiddeċiedu biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli li tinsab f'dak l-Istat Membru.

5.3.Kapitolu III: Liġi Applikabbli

Artikolu 20

Il-liġi li tapplika għal kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista' tkun il-liġi ta' Stat Membru jew il-liġi ta' Stat mhux Membru.

Artikolu 21

L-għażla proposta fir-Regolament hija dik ta' skema unika: il-proprjetà kollha tal-konjuġi, irrispettivament min-natura tagħha (mobbli jew immobbli) u l-post, tkun soġġetta għall-istess liġi, jiġifieri l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali.

Il-proprjetà immobbli tokkupa pożizzjoni partikolari fil-patrimonju tal-koppji, u waħda mill-opzjonijiet possibbli kienet tkun li din tista' tiġi sottomessa għal-liġi tal-Istat li tkun tinsab fih (lex situs), u dan ifisser li tiġi awtorizzata tip ta' "frammentazzjoni" ("dépeçage") tal-liġi li tapplika għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-koppja. Madankollu, din is-soluzzjoni tidher li qiegħda toħloq xi diffikultajiet, b'mod partikolari fil-mument tax-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, fis-sens li din qiegħda twassal għall-interruzzjoni ftit li xejn mixtieqa fl-unità tar-reġim matrimonjali (dan filwaqt li l-obbligazzjonijiet sejrin jibqgħu unitarji), u għall-applikazzjoni ta' liġijiet distinti għal tipi differenti ta' beni li jiffurmaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Barra minn hekk, ir-Regolament jistipula li l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, kemm jekk tkun magħżula mill-konjuġi, jew fin-nuqqas ta' għażla bħal din, jekk tiġi stabbilita mid-dispożizzjonijiet l-oħra, sejra tiġi applikata għall-beni kollha tal-konjuġi, kemm għall-proprjetà mobbli kif ukoll immobbli, ikun xi jkun il-post fejn din tinsab.

Artikolu 22

Matul il-konsultazzjonijiet li saru, intlaħaq kunsens wiesa' favur l-għoti ta' ċerta libertà lill-partijiet fl-għażla tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali sabiex il-konjuġi ikunu jistgħu jimmaniġġjaw faċilment il-proprjetà tagħhom. Din il-possibbiltà għandha tkun irregolata sabiex jiġi evitat li ssir għażla ta' liġi li ftit li xejn ikollha x'taqsam mas-sitwazzjoni reali jew mal-passat tal-koppja: il-liġi magħżula għandha, għalhekk, tiġi bbażata fuq il-liġi tar-residenza abitwali jew taċ-ċittadinanza tal-konjuġi jew tal-koppja li tkun sejra tiżżewweġ jew wieħed/waħda minnhom.

Minbarra l-possibbiltà li tippermetti li l-għażla tal-liġi applikabbli ssir mill-konjuġi waqt iż-żwieġ, dan l-Artikolu jawtorizza wkoll li din l-għażla ssir iktar tard. Bl-istess mod, il-konjuġi li jkunu għażlu l-liġi applikabbli matul iż-żwieġ tagħhom, jistgħu sussegwentement jiddeċiedu li jbiddlu din il-liġi, u li jagħżlu oħra minflokha. Jekk il-konjuġi jiddeċiedu li jbiddlu l-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali tagħhom, dawn jistgħu jagħżlu biss waħda mil-liġijiet li setgħu jagħżlu meta żżewġu.

Il-bidla tal-liġi applikabbli tista' biss issir fuq xewqa tal-konjuġi. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma jipprovdux bidla awtomatika tal-liġi applikabbli mingħajr ma jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom il-partijiet fir-rigward jew mingħajr ma jkunu ġew informati dwarha sabiex ma tinħoloq l-ebda inċertezza legali.

Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat li l-bidla tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jkollha effetti mhux mixtieqa fuq il-konjuġi, din il-bidla għandha tkun effettiva biss fil-futur, sakemm il-konjuġi ma jiddeċidux li tali bidla għandha tkun waħda ta' natura retroattiva.

Huwa assigurat il-ħarsien tad-drittijiet ta' terzi persuni f'każ li l-modifika tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-koppja tolqot b'mod negattiv l-interessi tagħhom: ir-Regolament jistipula li l-effetti ta' bidla retroattiva tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma tistax taffettwa ħażin id-drittijiet ta' partijiet terzi.

Artikoli 23 -25

Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli dwar il-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-konjuġi biex jagħżlu l-liġi applikabbli u biex jaqblu dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali permezz ta' ftehim dwar ir-reġim matrimonjali.

Artikolu 26

Meta l-konjuġi ma jagħżlux il-liġi li tapplika għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, huwa importanti li jiġu previsti regoli komuni għall-Istati Membri parteċipanti li permezz tagħhom tkun tista' tiġi stabbilita liema liġi hija applikabbli fejn ma titwettaqx għażla mill-konjuġi. Permezz ta' lista ta' elementi oġġettivi ta' konnessjoni li japplikaw b'mod ġerarkiku, ikun possibbli li tiġi identifikata l-liġi li għandha tiġi applikata, biex b'hekk ikun hemm garanzija ta' ċerta prevedibbiltà kemm għall-konjuġi kif ukoll għal terzi persuni. Dawn il-kriterji jlaqqgħu flimkien ir-realtà tal-ħajja tal-koppja, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar tal-ewwel residenza abitwali komuni, u l-ħtieġa li tkun tista' tiġi ddeterminata faċilment il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom. Madankollu, b'mod eċċezzjonali, wieħed mill-konjuġi jista' jistaqsi lil qorti li l-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom.

Artikoli 27 u 28

Ir-Regolament jelenka wħud mill-kwistjonijiet li jkunu rregolati mil-liġi li tapplika għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Tali kwistjonijiet jinkludu x-xoljiment tal-proprjetà kif ukoll l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjoni bejn wieħed mill-konjuġi u parti terza. Madankollu, sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta' partijiet terzi, ir-Regolament jistipula li wieħed mill-konjuġi ma jistax jinvoka l-liġi applikabbli kontra parti terza f'tilwim sakemm il-parti terza ma kinitx taf jew suppost kienet taf il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali. Ir-Regolament jispeċifika l-każijiet li fihom jitqies li l-parti terza kienet taf jew suppost kienet taf il-liġi applikabbli li tikkontrolla r-reġim tal-proprjetà matrimonjali.

Artikolu 30

Sabiex tqis ir-regoli nazzjonali dwar il-ħarsien tad-dar taż-żwieġ, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jwarrbu l-applikazzjoni ta' liġi barranija, waqt li jiffavorixxu l-liġi tagħhom stess. Għaldaqstant, sabiex jiżgura l-ħarsien tad-dar taż-żwieġ, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din id-dar, ikun jista' jimponi r-regoli tiegħu stess għall-ħarsien tad-dar taż-żwieġ. F'każijiet eċċezzjonali, dan l-Istat Membru jkun jista' japplika l-liġi tiegħu stess għal kwalunkwe persuna li tgħix fuq it-territorju tiegħu, bi "preferenza" għal-liġi li tiġi applikata normalment jew tal-ftehim taż-żwieġ li jkun ġie konkluż fi Stat Membru ieħor.

5.4.Kapitolu IV: Rikonoxximent, eżekutorjetà u eżekuzzjoni

Ir-Regolament propost jipprovdi għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' deċiżjonijiet, ta' atti awtentiċi u ta' soluzzjonijiet bil-qorti fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali. B'hekk, dan joħloq rikonoxximent reċiproku, imsejjes fuq il-fiduċja reċiproka li tirriżulta mill-integrazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni.

Din iċ-ċirkolazzjoni libera sseħħ permezz ta' proċedura uniformi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti awtentiċi u ta' tranżazzjonijiet ġudizzjarji li jkunu joriġinaw minn Stati Membri oħrajn. Din il-proċedura tissostitwixxi l-proċeduri nazzjonali li qegħdin fis-seħħ bħalissa f'diversi Stati Membri. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent jew għar-rifjut ta' eżekuzzjoni huma armonizzati wkoll f'livell tal-Unjoni u ġew imnaqqsa għall-minimu meħtieġ. Dawn jissostitwixxu r-raġunijiet varji u li ta' spiss ikunu usa', attwalment eżistenti f'livell nazzjonali.

Deċiżjonijiet

Ir-regoli proposti, relatati mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet, huma allinjati ma' dawk fir-Regolament Nru 650/2012 dwar is-suċċessjoni. Għaldaqstant, huma jinkludu referenza għall-proċedura tal-exequatur stabbilita f'dak ir-Regolament. Dan ifisser li kull deċiżjoni ta' Stat Membru tkun rikonoxxuta fi Stati Membri oħrajn mingħajr kwalunkwe proċedura speċjali u li, sabiex jiksbu l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrenti jkollhom isegwu proċedura uniformi fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni li tippermettilhom jiksbu dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà. Il-proċedura hija unilaterali u fl-ewwel stadju tillimita ruħha għall-verifika tad-dokumenti. Huwa biss fi stadju ulterjuri, jekk il-konvenut ikun oġġezzjona, li l-imħallef jipproċedi bl-analiżi tar-raġunijiet possibbli ta' rifjut. Dawn ir-raġunijiet jassiguraw ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-konvenuti.

Dawn ir-regoli jirrappreżentaw avvanz sinifikanti f'dan il-qasam meta mqabbla mas-sitwazzjoni kurrenti. Fil-fatt, attwalment, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet huma rregolati mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jew minn ftehimiet bilaterali konklużi bejn uħud mill-Istati Membri. Għaldaqstant, kemm il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, kif ukoll id-dokumenti meħtieġa għall-kisba tad-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjonijiet barranin qegħdin jiġu miċħuda, ivarjaw skont l-Istati Membri kkonċernati.

Kif ġie speċifikat aktar 'il fuq, dan ir-Regolament jikkostitwixxi l-ewwel miżura meħuda fil-qasam tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u jikkonċerna l-liġi tal-familja (ara l-punt 3.1). Minħabba dan il-kuntest speċifiku, iċ-ċirkolazzjoni libera ta' deċiżjonijiet hija soġġetta għall-proċedura tal-exequatur. Madanakollu, it-tneħħija tal-proċeduri intermedji (exequatur), bħal f'oqsma oħrajn, tista' tiġi kkunsidrata fi stadju ulterjuri, wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u ta' oqsma oħrajn relatati, b'mod partikolari, ir-Regolament Brussell IIa 14 .

L-atti tal-awtoritajiet li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom b'delega f'konformità mad-definizzjoni ta' qorti prevista fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, sejrin jitqiesu bħala deċiżjonijiet tal-qorti u b'hekk sejrin ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet ta' rikonoxximent u ta' eżekuzzjoni previsti minn dan il-Kapitolu.

Atti awtentiċi

Minħabba l-importanza prattika tal-atti awtentiċi fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza ta' dan ir-Regolament mal-atti l-oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jiżgura l-aċċettazzjoni li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom.

Din l-aċċettazzjoni tfisser li huma jgawdu mill-istess valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tal-att u l-fatti li jkunu mniżżla fih, mill-istess preżunzjoni ta' awtentiċità u min-natura ta' eżekutorjetà li jkollhom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

2016/0059 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 15 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)L-Unjoni Ewropea inkarigat ruħha bl-għan li żżomm u tiżviluppa żona ta' libertà, ta' sigurtà u ġustizzja li fiha l-moviment ħieles tal-persuni jkun żgurat. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transfruntieri, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)Skont il-punt (c) tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tali miżuri jistgħu jinkludu miżuri mmirati biex jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni.

(3)Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta' deċiżjonijiet oħrajn ta' awtoritajiet ġudizzjarji bħala s-sisien tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta' miżuri sabiex jiġi implimentat dan il-prinċipju.

(4)Programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u f'dak kummerċjali 17 , komuni għall-Kummissjoni u għall-Kunsill, ġie adottat fit-30 ta' Novembru 2000. Dak il-programm jidentifika l-miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' kunflitti ta' liġijiet bħala miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u jipprevedi t-tħejjija ta' strument fil-qasam tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

(5)Il-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa tiegħu li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Novembru 2004, adotta programm ġdid, imsejjaħ "Il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea" 18 . F'dan il-programm, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inklużi l-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Dan il-programm enfasizza wkoll il-ħtieġa għall-adozzjoni ta' strument f'dan il-qasam.

(6)Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inklużi kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni u rikonoxximent reċiproku 19 . Din il-Green Paper nediet konsultazzjoni wiesgħa dwar id-diffikultajiet kollha li jkollhom jiffaċċaw il-koppji f'kuntest Ewropew fil-waqt tax-xoljiment tal-patrimonju komuni tagħhom u dwar il-mezzi legali li jistgħu jsolvuhom.

(7)Fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 l-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid imsejjaħ "Il-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini" 20 . F'dak il-programm il-Kunsill Ewropew qies li r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti, iżda li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum, pereżempju, id-drittijiet tar-reġim matrimonjali, filwaqt li qies is-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluż l-ordni pubbliku (ordre public), u t-tradizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam.

(8)Fir-"Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE", adottat fis-27 ta' Ottubru 2010 21 , il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni ta' proposta ta' strument leġiżlattiv li jippermetti t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u b'mod partikolari tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji fil-ġestjoni tal-beni jew waqt il-kondiviżjoni tagħhom.

(9)Fis-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat proposta 22 għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u proposta 23 għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

(10)Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill ikkonkluda li ma setgħet tintlaħaq l-ebda unanimità għall-adozzjoni tal-proposti għar-regolamenti dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u li għalhekk l-għanijiet tal-kooperazzjoni f'dan il-qasam ma setgħux jinkisbu f'perjodu raġonevoli ta' żmien mill-Unjoni kollha.

(11)Minn Diċembru 2015 sa Frar 2016, l-Iżvezja, il-Belġju, il-Greċja, il-Kroazja, is-Slovenja, Spanja, Franza, il-Portugall, l-Italja, Malta, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Bulgarija u l-Finlandja indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni li jindikaw li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali u, speċifikament, tal- ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, u talbu l-Kummissjoni tressaq proposta lill-Kunsill dwar dan.

(12)Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni […] li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa stabbilita fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali tal-koppji internazzjonali, li jkopru kemm kwistjonijiet tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

(13)Skont l-Artikolu 328(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta tkun qiegħda tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha, soġġett għall-konformità ma' kwalunkwe kondizzjoni ta' parteċipazzjoni stabbilita bid-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni. Hija għandha tkun ukoll miftuħa għalihom fi kwalunkwe mument ieħor, soġġett għal konformità mal-atti diġà adottati f'dak il-qafas, flimkien ma' dawk il-kondizzjonijiet. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'kooperazzjoni msaħħa għandhom jiżguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-akbar għadd possibbli ta' Stati Membri. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament biss fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.

(14)Skont l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament għandu japplika fil-kuntest tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali li għandhom implikazzjonijiet transfruntieri.

(15)Bl-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-koppji miżżewġa f'dak li għandu x'jaqsam mal-beni tagħhom u li tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ li l-ġabra ta' regoli applikabbli għar-reġimi matrimonjali tiġi koperta minn strument wieħed.

(16)Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, l-atti awtentiċi u s-soluzzjonijiet bil-qorti.

(17)Dan ir-Regolament ma jkoprix il-kunċett ta' "żwieġ"; definit mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

(18)Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi estiż fuq il-kwistjonijiet ċivili kollha relatati mar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, li jikkonċernaw kemm il-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-konjuġi kif ukoll ix-xoljiment tar-reġim, li jkun jirriżulta b'mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta' wieħed mill-konjuġi. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "reġim tal-proprjetà matrimonjali" għandu jkun interpretat b'mod awtonomu u għandu jinkludi mhux biss regoli li minnhom jistgħu jidderogaw il-konjuġi iżda wkoll kull regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu dwarha skont il-liġi applikabbli, kif ukoll kull regola prestabbilita tal-liġi applikabbli. Dan ma jinkludix biss arranġamenti ta' beni previsti speċifikament u esklussivament minn ċerti sistemi legali nazzjonali fil-każ taż-żwieġ, iżda wkoll kull relazzjoni dwar beni, bejn il-konjuġi u r-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, li jirriżultaw direttament mir-relazzjoni matrimonjali, jew ix-xoljiment tagħhom.

(19)Għal raġunijiet ta' ċarezza, għadd ta' kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma' kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(20)Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet ta' kapaċità legali ġenerali tal-konjuġi; madankollu, din l-esklużjoni ma għandhiex tkopri s-setgħat u d-drittijiet speċifiċi tal-konjuġi jew ta' wieħed minnhom fir-rigward ta' beni, jew bejniethom jew fir-rigward ta' partijiet terzi, għaliex dawn is-setgħat u d-drittijiet għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament.

(21)Dan ma għandux japplika għal kwistjonijiet oħra preliminari bħall-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' żwieġ, li jkomplu jkunu koperti mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi r-regoli tagħhom tad-dritt internazzjonali privata.

(22)Minħabba li l-obbligi tal-manteniment bejn il-konjuġi huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati ma' obbligi ta' manteniment 24 , għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħalma għandhom jiġu esklużi kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni tal-patrimonju ta' wieħed mill-konjuġi li jkun miet koperti mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni 25 .

(23)Kwistjonijiet ta' intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn konjuġi tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabilità, irrispettivament min-natura tagħhom, akkumulati matul iż-żwieġ u li ma ġġenerawx dħul ta' pensjoni matul iż-żwieġ huma kwistjonijiet li għandhom jibqgħu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni tas-sistemi speċifiċi li jeżistu fl-Istati Membri. Madankollu, tali eżenzjoni għandha tibqa' interpretata b'mod strett. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jirregola b'mod partikolari l-kwistjoni ta' klassifikazzjoni tal-assi tal-pensjoni, l-ammonti li diġà tħallsu lil wieħed mill-konjuġi matul iż-żwieġ, u l-kumpens possibbli li jingħata fil-każ ta' pensjoni sottoskritta b'beni komuni.

(24)Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew it-trasferiment li jirriżulta mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ta' dritt fil-proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat ("numerus clausus") tad-drittijiet in rem magħrufa fid-dritt nazzjonali ta' xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux jintalab jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma' proprjetà li tinsab f'dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.

(25)Madankollu, biex il-konjuġi jitħallew igawdu fi Stat Membru ieħor id-drittijiet li nħolqu jew ġew trasferiti lilhom bħala riżultat tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-adattament ta' dritt in rem mhux magħruf għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-kuntest ta' tali adattament għandhom jitqiesu l-għanijiet u l-interessi mwettqin bid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu. Għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-eqreb dritt nazzjonali ekwivalenti, l-awtoritajiet jew il-persuni kompetenti tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikata għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jistgħu jiġu kkuntattjati biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-dritt. Għal dak il-għan, jistgħu jintużaw in-netwerks eżistenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kif ukoll kwalunkwe mezz disponibbli ieħor li jiffaċilita l-fehim tal-liġi barranija.

(26)L-adattament ta' drittijiet in rem mhux magħrufa kif ipprovdut b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi forom oħrajn ta' adattament fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(27)Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f'reġistru ta' dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B'mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt ta' konjuġi għall-proprjetà msemmi fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni ikun dritt li jkun irreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Sabiex ma jiġux irduppjati dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija stipulata f'dan ir-Regolament. Dan ma għandux jipprekludi lill-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qiegħda tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, pereżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta' dħul. L-awtorità kompetenti tista' tindika lill-persuna li tkun qiegħda tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista' tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

(28)L-effetti tar-reġistrar ta' dritt f'reġistru għandhom wkoll jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li tiddetermina jekk fil-fatt ir-reġistrar huwiex, pereżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B'hekk, fejn pereżempju, l-akkwist ta' dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f'reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta' tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(29)Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament it-terminu "qorti" għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll pereżempju n-nutara f'xi Stati Membri li, f' ċerti kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f'xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f'reġim tal-proprjetà matrimonjali speċifiku permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu "qorti" ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta' Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qegħdin jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

(30)Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin bir-regoli ta' ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament, għandu jiddependi minn jekk ikunux koperti mit-terminu "qorti" għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(31)L-atti maħruġin min-nutara fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma jkunu marbutin mir-regoli ta' ġuriżdizzjoni, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, ma jkunux marbutin mir-regoli ta' ġuriżdizzjoni, u l-atti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar atti awtentiċi.

(32)Sabiex jirriflettu l-mobilità miżjuda tal-koppji matul il-ħajja taż-żwieġ tagħhom u jiffaċilitaw l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f'dan ir-Regolament għandhom jippermettu li ċ-ċittadini jkollhom il-proċedimenti differenti konnessi tagħhom ittrattati mill-qrati tal-istess Stat Membru. Għal dan il-għan, ir-Regolament għandu jikkonċentra l-ġuriżdizzjoni dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu jissejħu biex jittrattaw is-suċċessjoni ta' persuna miżżewġa jew id-divorzju, is-separazzjoni legali, jew l-annullament taż-żwieġ skont, rispettivament, ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 jew ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 26 .

(33)Ir-Regolament għandu jistipula li, fejn il-proċeduri dwar is-suċċessjoni ta' wieħed mill-konjuġi jkunu pendenti quddiem il-qorti ta' Stat Membru stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandhom ikollhom ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar kwistjonijiet tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali konnessi ma' dak il-każ ta' suċċessjoni.

(34)Bl-istess mod, kwistjonijiet tar-reġimi matrimonjali li jirriżultaw b'konnessjoni ma' proċeduri li jkunu pendenti quddiem il-Qorti ta' Stat Membru invokata għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, għandhom jiġu ttrattati mill-qrati ta' dak l-Istat Membru sakemm il-ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ ma jistgħux ikunu bbażati biss fuq raġunijiet speċifiċi ta' ġuriżdizzjoni. F'każijiet bħal dawn, il-konċentrazzjoni tal-ġuriżdizzjoni ma għandhiex tkun permessa mingħajr il-qbil tal-konjuġi.

(35)Meta l-kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jkunux konnessi ma' proċeduri li jkunu pendenti quddiem il-qorti ta' Stat Membru dwar is-suċċessjoni ta' persuna miżżewġa jew dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, dan ir-Regolament għandu jipprovdu għal skala ta' fatturi ta' konnessjoni għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni, li jibda mar-residenza abitwali tal-konjuġi fil-mument li l-qorti tkun invokata. Dawn il-fatturi ta' konnessjoni huma stabbiliti minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qiegħda tiżdied u sabiex ikun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta' konnessjoni bejn il-konjuġi u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni.

(36)Sabiex jiżdiedu ċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-awtonomija tal-partijiet, dan ir-Regolament għandu jippermetti, taħt ċerti ċirkostanzi, li l-partijiet ikunu jistgħu jagħżlu qorti mill-qrati tal-Istat Membru tal-liġi applikabbli jew mill-qrati tal-Istat Membri fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ.

(37)Għall-fini tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u sabiex ikopri s-sitwazzjonijiet kollha possibbli, l-Istat Membru fejn ikun ġie iċċelebrat iż-żwieġ għandu jkun l-Istat Membru li quddiem l-awtoritajiet tiegħu jiġi ċċelebrat iż-żwieġ.

(38)Il-qrati ta' Stat Membru jistgħu jsostnu li, skont il-liġi internazzjonali privata tagħhom, iż-żwieġ inkwistjoni ma jistax jiġi rikonoxxut għall-fini ta' proċeduri tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali. F'każ bħal dan, jista' jkun meħtieġ f'każijiet eċċezzjonali li l-ġuriżdizzjoni tiġi rifjutata skont dan ir-Regolament. Il-qrati għandhom jaġixxu malajr u l-parti kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tissottometti l-każ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor li għandu fattur ta' konnessjoni li jiggarantixxi ġuriżdizzjoni, irrispettivament mill-ordni ta' dawn ir-raġunijiet ta' ġuriżdizzjoni, filwaqt li jirrispetta fl-istess ħin l-awtonomija tal-partijiet. Kwalunkwe qorti invokata wara li tiġi rifjutata l-ġuriżdizzjoni minbarra l-qrati tal-Istat Membru fejn ikun ġie ċċelebrat iż-żwieġ, jista' jkollha f'każijiet eċċezzjonali tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. Il-kumbinazzjoni tar-regoli differenti tal-ġuriżdizzjoni għandhom, madankollu, jiżguraw li l-partijiet għandhom il-possibbiltajiet kollha li jinvokaw il-qrati ta' Stat Membru li sejrin jaċċettaw il-ġuriżdizzjoni sabiex jagħtu effett lir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom.

(39)Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-partijiet milli jsolvu l-każ tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali b'mod amikevoli barra l-qorti, bħal pereżempju, quddiem nutar, fi Stat Membru tal-għażla tagħhom, fejn dan ikun possibbli skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru. Dan għandu jkun il-każ anki jekk il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma tkunx il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(40)Sabiex ikun żgurat li l-qrati tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu, għall-istess raġunijiet, jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi, dan ir-Regolament għandu jelenka b'mod eżawrjenti r-raġunijiet li għalihom tista' tiġi eżerċitata tali ġuriżdizzjoni sussidjarja.

(41)Sabiex ikun hemm rimedju, partikolarment għal sitwazzjonijiet ta' ċaħda ta' ġustizzja, dan ir-Regolament għandu jipprevedi forum necessitatis li jippermetti qorti ta' Stat Membru, fuq bażi eċċezzjonali, tieħu deċiżjonijiet dwar reġim tal-proprjetà matrimonjali li jkun konness mill-qrib ma' Stat terz. Tali bażi eċċezzjonali tista' titqies li teżisti meta l-proċedimenti jkunu impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat, pereżempju, minħabba gwerra ċivili, jew meta persuna miżżewġa ma tistax tkun raġonevolment mistennija li tibda jew twettaq proċedimenti f'dak l-Istat. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis għandha tiġi eżerċitata biss jekk il-kawża tkun konnessa biżżejjed mal-Istat Membru tal-qorti invokata.

(42)Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja, l-għoti ta' deċiżjonijiet kontradittorji fi Stati Membri differenti għandu jiġi evitat. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli proċedurali ġenerali simili għal dawk ta' strumenti oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili. Waħda mit-tali regoli proċedurali hija regola lis pendens li tidħol fis-seħħ jekk l-istess kawża ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali titressaq quddiem qrati differenti fi Stati Membri differenti. Dik ir-regola tiddetermina liema qorti għandha tipproċedi biex tittratta l-kawża ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali.

(43)Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermetti l-konjuġi jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom. Għalhekk għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta' kunflitti ta' liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li r-reġim tal-proprjetà matrimonjali jkun irregolat minn liġi prevedibbli li magħha jkun marbut mill-qrib. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, il-liġi applikabbli għal reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tirregola dak ir-reġim fl-intier tiegħu, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti minn dak ir-reġim, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

(44)Il-liġi determinata b'dan ir-Regolament, għandha tapplika anke jekk ma tkunx il-liġi ta' Stat Membru.

(45)Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-beni mill-konjuġi, dan ir-Regolament sejjer jippermetti lill-konjuġi jagħżlu l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, indipendentement min-natura tal-beni jew mill-post fejn ikunu jinsabu, minn fost il-liġijiet li jkollhom rabta mill-qrib mal-konjuġi minħabba r-residenza abitwali jew iċ-ċittadinanza tagħhom. Din l-għażla tkun tista' ssir fi kwalunkwe mument, qabel iż-żwieġ, matul iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew matul iż-żwieġ.

(46)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet, u biex jiġi evitat li jsiru xi emendi tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali mingħajr ma jkunu ġew informati l-konjuġi dwar dan, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali m'għandhiex tinbidel sakemm il-partijiet ma jkunux esprimew ix-xewqa tagħhom f'dan ir-rigward. Din il-bidla deċiża mill-konjuġi ma jistax ikollha effett retroattiv, sakemm il-konjuġi ma jkunux stipulaw dan b'mod espliċitu. Ikun x'ikun il-każ, il-bidla ma tkunx tista' tolqot b'mod negattiv id-drittijiet ta' terzi persuni.

(47)Ir-regoli dwar il-validità materjali u formali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom ikunu ddefiniti sabiex l-għażla informata tal-konjuġi tkun iffaċilitata u l-kunsens tagħhom rispettat bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll aċċess aħjar għall-ġustizzja. Sa fejn hija kkonċernata l-validità formali, għandhom jiġu introdotti ċerti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-konjuġi jkunu konxji tal-implikazzjonijiet tal-għażla tagħhom. Il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandu minn tal-anqas ikun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ partijiet. Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru parteċipanti li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati. Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi huma residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti li jistabbilixxu regoli formali differenti, ikun biżżejjed li jiġu rrispettati r-regoli formali ta' wieħed minn dawn l-Istati. Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, wieħed mill-konjuġi biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru parteċipanti li jistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati.

(48)Ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali huwa tip ta' trasferiment ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali li l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tiegħu tvarja fost l-Istati Membri. Sabiex id-drittijiet ta' reġim matrimonjali jkunu jistgħu jinkisbu aktar faċilment permezz tal-aċċettazzjoni ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri, għandhom jiġu definiti regoli dwar il-validità formali tal-ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali. Il-ftehim għandu minn tal-anqas ikun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ partijiet. Madankollu, il-ftehim għandu jissodisfa wkoll rekwiżiti addizzjonali formali ta' validità stabbiliti fil-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali kif iddeterminat bir-Regolament u fil-liġi tal-Istat Membru li fih il-konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom. Dan ir-Regolament għandu jiddetermina wkoll liema liġi għandha tikkontrolla l-validità materjali ta' ftehim bħal dan.

(49)Fin-nuqqas ta' għażla tal-liġi applikabbli u sabiex ilaqqa' flimkien il-prevedibbiltà u l-eżiġenza taċ-ċertezza legali, filwaqt li tingħata prijorità lill-kunsiderazzjoni tar-realtà tal-ħajja tal-koppja, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-kunflitti tal-liġijiet li jippermettu d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-beni kollha tal-konjuġi fuq bażi ta' skala ta' fatturi konnessjoni. Għaldaqstant, l-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi wara ż-żwieġ ikollha tikkostitwixxi l-ewwel kriterju, li jkollu preċedenza fuq il-liġi taċ-ċittadinanza komuni tal-konjuġi fil-mument taż-żwieġ. Jekk, l-ebda minn dawn il-kriterji ma japplika, jew fin-nuqqas tal-ewwel residenza abitwali komuni f'każijiet ta' ċittadinanza doppja komuni tal-konjuġi fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, għandha tiġi applikata, bħala t-tielet kriterju, il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi l-aktar li għandhom rabta mill-qrib miegħu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, minħabba li jkun ġie speċifikat li dawn ir-rabtiet mill-qrib għandhom ikunu kkunsidrati fil-mument taż-żwieġ.

(50)Meta dan ir-Regolament jirreferi għaċ-ċittadinanza bħala fattur ta' konnessjoni, il-kwistjoni ta' kif titqies persuna li għandha diversi ċittadinanzi hija kwistjoni preliminari li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u hija soġġetta għal-liġi nazzjonali, inkluż, fejn applikabbli, Konvenzjonijiet internazzjonali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Din il-kunsiderazzjoni m'għandu jkollha l-ebda effett fuq il-validità ta' għażla tal-liġi li ssir skont dan ir-Regolament.

(51)Rigward id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fin-nuqqas ta' għażla tal-liġi u ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, l-awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru, fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, għandha, f'każijiet eċċezzjonali – fejn il-konjuġi jkunu marru jgħixu fl-Istat tar-residenza abitwali tagħhom għal żmien twil – tkun tista' tasal għall-konklużjoni li tista' tapplika l-liġi ta' dak l-Istat jekk il-konjuġi jkunu serrħu fuqha. Ikun x'ikun il-każ, il-bidla ma tkunx tista' tolqot b'mod negattiv id-drittijiet ta' terzi persuni.

(52)Il-liġi determinata bħala l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tikkontrolla r-reġim tal-proprjetà matrimonjali mill-klassifikazzjoni tal-beni ta' wieħed mill-konjuġi jew it-tnejn li huma f'kategoriji differenti matul iż-żwieġ u wara x-xoljiment tiegħu, sax-xoljiment tal-beni. Dan għandu jinkludi l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn wieħed mill-konjuġi u partijiet terzi. Madankollu, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista' tiġi invokata kontra parti terza minn wieħed mill-konjuġi biex tikkontrolla t-tali effetti biss meta r-relazzjonijiet legali bejn il-konjuġi u l-parti terza jkunu rriżultaw fil-mument meta l-parti terza kienet taf jew suppost kienet taf b'dik il-liġi.

(53)Kunsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku, bħall-protezzjoni ta' organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika ta' Stat Membru, għandhom jiġġustifikaw l-għoti lill-qrati u l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn tal-Istati Membri l-possibbiltà, f'każijiet eċċezzjonali, li japplikaw eċċezzjonijiet fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. Għaldaqstant, il-kunċett ta' "dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti" għandu jkopri r-regoli ta' natura imperattiva bħar-regoli għall-ħarsien tad-dar taż-żwieġ. Madankollu, din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali teħtieġ interpretazzjoni stretta sabiex tibqa' kompatibbli mal-objettiv ġenerali ta' dan ir-Regolament.

(54)F'ċirkustanzi eċċezzjonali, kunsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku għandhom jippermettu lill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħrajn li jittrattaw kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri, jinjoraw ċerti dispożizzjonijiet ta' liġi barranija fejn, f'każ partikolari, l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku ("ordre public") tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħrajn ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku sabiex iqisu bla effett liġi ta' Stat Membru ieħor jew jirrifjutaw li jirrikonoxxu, — jew, kif jista' jkun il-każ, jaċċettaw — jew jeżegwixxu deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti li jkunu saru fi Stat Membru ieħor, jekk permezz ta' dawn imorru kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

(55)Peress li hemm xi Stati li fihom jeżistu fl-istess ħin żewġ sistemi legali jew aktar jew ġabriet ta' regoli li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġi previst il-limitu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fl-unitajiet territorjali differenti ta' dawn l-Istati.

(56)Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet simili għal dawk ta' strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

(57)Sabiex jitqiesu s-sistemi differenti għat-trattament ta' kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jiżgura l-aċċettazzjoni u l-eżekutorjetà ta' strumenti awtentiċi fl-Istati Membri kollha, fi kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali.

(58)L-istrumenti awtentiċi għandu jkollhom l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandhom fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli. Meta jkunu qegħdin jiġu ddeterminati l-effetti evidenzjarji ta' strument awtentiku partikolari fi Stat Membru ieħor jew l-aktar effetti komparabbli, għandha ssir referenza għan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-effetti evidenzjarji tal-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini. L-effetti evidenzjarji li strument awtentiku partikolari għandu jkollu fi Stat Membru ieħor għaldaqstant sejrin jiddependu mil-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini.

(59)L-"awtentiċità" ta' strument awtentiku għandha tkun kunċett awtonomu li jkopri elementi bħall-ġenwinità tal-istrument, il-prerekwiżiti formali tal-istrument, is-setgħat tal-awtorità li qegħdin ifasslu l-istrument u l-proċedura skont liema jitfassal l-istrument. Huwa għandu jkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem dik l-awtorità fid-data indikata u li jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati. Parti li tixtieq tikkontesta l-awtentiċità ta' strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-istrument awtentiku skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(60)It-terminu "l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku" għandhom jiġu interpretati bħala referenza għall-kontenuti sustantivi reġistrati fl-istrument awtentiku. Parti li tixtieq tikkontesta l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament, li għandhom jiddeċiedu dwar il-kontestazzjoni f'konformità mal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali.

(61)Jekk kwistjoni relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku titqajjem bħala kwistjoni sekondarja fi proċedimenti quddiem qorti ta' Stat Membru, dik il-qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

(62)Strument awtentiku li jiġi kkontestat ma għandu jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta' oriġini sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Jekk il-kontestazzjoni tikkonċerna biss kwistjoni speċifika relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fl-istrument awtentiku, l-istrument awtentiku inkwistjoni ma għandux jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta' oriġini fir-rigward tal-materja li qiegħda tiġi kkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Strument awtentiku li ġie ddikjarat invalidu bħala riżultat ta' kontestazzjoni, ma għandux jibqa' jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju.

(63)Jekk awtorità, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, tiġi ppreżentata b'żewġ strumenti awtentiċi inkompatibbli, din għandha tivvaluta l-kwistjoni dwar liema strument awtentiku għandu, jekk ikun hemm, jingħata prijorità, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari. Fejn, minn dawk iċ-ċirkostanzi, ma jkunx ċar liema strument awtentiku, jekk ikun hemm, għandu jingħata prijorità, il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament, jew, meta l-kwistjoni titqajjem bħala kwistjoni sekondarja matul il-proċedimenti, mill-qorti vestita b'dawk il-proċedimenti. F'każ ta' inkompatibbiltà bejn strument awtentiku u deċiżjoni, għandhom jiġu kkunsidrati r-raġunijiet tan-non-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament.

(64)Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni dwar reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament ma għandhomx fi kwalunkwe mod jimplikaw ir-rikonoxximent taż-żwieġ sottostanti għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li wassal għad-deċiżjoni.

(65)Għandha tiġi speċifikata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali li għalihom l-Istati Membri huma parti.

(66)Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi Stati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni tas-6 ta' Frar 1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li fiha dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali dwar iż-żwieġ, l-adozzjoni u l-t-tutela, kif riveduta fl-2006; għall-Konvenzjoni tad-19 ta' Novembru 1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja inkużi dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar suċċessjoni, testmenti u amministrazzjoni tal-patrimonju, kif riveduta f'Ġunju 2012; u għall-Konvenzjoni tal-11 ta' Ottubru 1977 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili, milli jkomplu japplikaw ċerti dispożizzjonijiet ta' dik il-Konvenzjoni, sa fejn dawn jipprovdu għal proċeduri simplifikati u aktar mgħaġġla għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali.

(67)Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġi previst obbligu li jeħtieġ lill-Istati Membri li jikkomunikaw ċerta informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħhom relatati mar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE 27 . Sabiex tkun tista' tiġi ppubblikata fil-ħin f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kollha b'relevanza għall-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ukoll tali informazzjoni lill-Kummissjoni qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(68)Kemm biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif ukoll biex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni, għandhom jiġu preskritti formoli standard għall-attestazzjonijiet li għandhom jingħataw b'rabta mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti.

(69)Meta jiġu kkalkulati l-perjodi u l-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien 28 , għandu japplika.

(70)Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-forom relatati mad-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' deċiżjonijiet, soluzzjonijiet bil-qorti u strumenti awtentiċi. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni 29 .

(71)Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli previsti f'dan ir-Regolament f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(72)L-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà li l-konjuġi jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom bejniethom stess u fil-konfront ta' partijiet terzi matul il-ħajja miżżewġa u fil-mument tax-xoljiment tal-beni tagħhom, iktar prevedibbiltà u iktar ċertezza legali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, fejn xieraq permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri. Skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għalhekk għandha l-kompetenza li taġixxi. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(73)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari, l-Artikoli 7, 9, 17, 21 u 47 dwar, rispettivament, ir-rispett lejn il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri fir-rispett ta' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1
Il-kamp ta' applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

   Ma għandux japplika għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)il-kapaċità legali tal-konjuġi,

(b) l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' żwieġ,

(c)l-obbligi ta' manteniment,

(d)is-suċċessjoni għall-patrimonju ta' konjuġi deċedut,

(e)is-sigurtà soċjali,

(f)l-intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn konjuġi fil-każ ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabilità akkumulati matul iż-żwieġ u li ma ġġenerawx dħul ta' pensjoni matul iż-żwieġ,

(g)in-natura tad-drittijiet in rem marbuta ma' proprjetà, u

(h)kwalunkwe reġistrar f'reġistru ta' drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta' reġistrar jew in-nuqqas ta' reġistrar ta' dawn id-drittijiet f'reġistru.

Artikolu 2
Kompetenza fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali
fl-Istati Membri

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)"reġim tal-proprjetà matrimonjali" jfisser sett ta' regoli li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, b'riżultat taż-żwieġ jew ix-xoljiment tiegħu;

(b)"ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali" jfisser kull ftehim bejn il-konjuġi jew persuni li se jiżżewġu li permezz tiegħu jorganizzaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom;

(c)"strument awtentiku" jfisser dokument fi kwistjoni ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; u

(ii)tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini;

(d)"deċiżjoni" tfisser kwalunkwe deċiżjoni f'reġim tal-proprjetà matrimonjali mogħtija minn qorti ta' Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

(e)"soluzzjoni bil-qorti" tfisser soluzzjoni fi kwistjoni relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li kienet approvata minn qorti jew li kienet konkluża quddiem qorti matul il-proċedimenti;

(f)"Stat Membru tal-oriġini" jfisser l-Istat Membru li fih, skont ma jkun il-każ, ingħatat id-deċiżjoni, ġie mfassal l-att awtentiku, u ġiet approvata jew konkluża s-soluzzjoni bil-qorti;

(g)"Stat Membru tal-eżekuzzjoni" tfisser l-Istat Membru li fih ikunu mitluba ir-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, l-att awtentiku u s-soluzzjoni bil-qorti. 

2.Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "qorti" jfisser kull awtorità ġudizzjarja u l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn kollha bħal dawn b'kompetenza f'materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta' setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll tagħha, dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li joperaw fih:

(i)jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell jew rieżami minn awtorità ġudizzjarja; u

(ii)għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja dwar l-istess kwistjoni.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 64.

Kapitolu II

Ġuriżdizzjoni

Artikolu 4
Ġuriżdizzjoni f'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi

Meta l-qorti ta' Stat Membru tkun invokata fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni ta' konjuġi skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżultaw b'konnessjoni ma' dak il-każ ta' suċċessjoni.

Artikolu 5
Ġuriżdizzjoni f'każ ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ

1.Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, meta l-qorti ta' Stat Membru tkun invokata biex tagħti sentenza fuq talba għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżultaw b'konnessjoni ma' dik it-talba.

2.Il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali skont il-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-qbil tal-konjuġi meta l-qorti li tkun invokata biex tagħti sentenza dwar it-talba għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ:

(a)tkun il-qorti ta' Stat Membru li l-applikant ikun resident abitwali fih u hu jew hi jkunu għexu hemm mill-inqas għal sena immedjatament wara li tkun saret it-talba, skont l-Artikolu 3(1)(a) il-ħames inċiż tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jew

(b)tkun il-qorti ta' Stat Membru li l-applikant huwa ċittadin tiegħu u l-applikant ikun resident abitwali hemmhekk u jkun għex hemm għal mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel ma tkun saret l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3(1)(a) is-sitt inċiż tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jew

(c)tkun invokata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 fil-każijiet ta' konverżjoni tas-separazzjoni legali f'divorzju, jew

(d)tkun invokata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 fil-każijiet ta' ġuriżdizzjoni residwa.

3.Jekk il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 jiġi konkluż qabel ma l-qorti tiġi invokata biex tagħti sentenza dwar kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jikkonforma mal-Artikolu 7(2).

Artikolu 6
Ġuriżdizzjoni f'każijiet oħrajn

Meta l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 jew fil-każijiet minbarra dawk previsti f'dawn l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar proċedura relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tkun dik tal-qrati tal-Istat Membru:

(a)li l-konjuġi jkunu residenti abitwali fit-territorju tiegħu fil-mument li jinġieb il-każ quddiem il-qorti, jew jekk dan ma jseħħx,

(b)li l-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar fit-territorju tiegħu, sakemm wieħed minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti, jew jekk dan ma jseħħx,

(c)li l-konvenut ikun residenti abitwali fit-territorju tiegħu fil-mument li jinġieb il-każ quddiem il-qorti, jew jekk dan ma jseħħx,

(d)li tiegħu il-konjuġi għandhom ċittadinanza komuni fil-mument li jinġieb il-każ quddiem il-qorti.

Artikolu 7L-għażla ta' qorti

1.Fil-każijiet koperti bl-Artikolu 6, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont l-Artikoli 22, 26(1)(a) jew (b) jew il-qrati tal-Istat Membru fejn ġie ċċelebrat it-tieġ għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom.

2.Il-ftehim għandu jiġi espress bil-miktub, iddatat u ffirmat mill-partijiet ikkonċernati. Kull komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.

Artikolu 8
Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut

1.Apparti mill-ġuriżdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħrajn ta' dan ir-Regolament, qorti ta' Stat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont l-Artikoli 22, 26(1)(a) jew (b), u qabel ma konvenut ikun deher quddiemha jkollha l-ġuriżdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika meta d-dehra tkun saret biex tkun ikkontestata l-ġuriżdizzjoni, jew fil-każijiet koperti bl-Artikoli 4 jew 5(1).

2.Qabel ma tassumi ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tiżgura li l-konvenut ikun informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġuriżdizzjoni u bil-konsegwenzi li jirriżultaw minn jekk jidhirx quddiemha jew le.

Artikolu 9
Ġuriżdizzjoni alternattiva

1.B'eċċezzjoni, jekk qorti tal-Istat Membru li jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 6, 7 jew 8 ssostni li skont id-dritt internazzjonali privat tagħha, iż-żwieġ inkwistjoni ma jistax jiġi rikonoxxut għall-fini ta' proċeduri tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, din tista' tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni. Jekk qorti tiddeċiedi li tirrifjuta, din għandha tagħmel dan mingħajr dewmien bla bżonn.

2.Meta qorti li jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 jew 6 tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni u meta l-partijiet jaqblu li jikkonferixxu l-ġuriżdizzjoni lill-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 7, il-ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun tal-qrati ta' dak l-Istat Membru.

F'każijiet oħrajn, il-ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun tal-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikoli 6 u 8 jew il-qrati tal-Istat Membru fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ.

3.Dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-partijiet ikunu kisbu divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ li jista' jiġi rikonoxxut fl-Istat Membru tal-forum. 30

Artikolu 10
Ġuriżdizzjoni sussidjarja

Meta l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni f'konformità mal-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8 jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 9(2), ikollhom il-ġuriżdizzjoni l-qrati ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu xi beni immobbli ta' wieħed mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma, iżda f'dan il-każ, il-qorti invokata tintalab tiddeċiedi fuq dawn il-beni immobbli biss.

Artikolu 11
Forum necessitatis

Meta l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 u 10, jew fejn il-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 9(2) u 6, il-qrati ta' Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu dwar każ ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali jekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitressqu jew jitwettqu raġonevolment, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li l-każ ikun marbut miegħu mill-qrib.

Il-każ għandu jkollu rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti invokata.

Artikolu 12
Ġuriżdizzjoni f'każ ta' kontrotalba

Il-qorti li l-proċeduri jkunu għadhom pendenti quddiemha skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9(2), 10 jew 11, ikollha ġuriżdizzjoni wkoll biex teżamina l-kontrotalba, f'każ li din tal-aħħar tkun tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13
Limitazzjoni tal-proċedimenti

1.Meta l-patrimonju tad-deċedut li s-suċċessjoni tiegħu taqa' taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 ikun jinkludi assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti invokata biex tiddeċiedi dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista', fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn dawn l-assi jekk jista' jiġi mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' dawk l-assi ma tkunx se tiġi rikonoxxuta u, fejn applikabbli, iddikjarata bħala eżekutorja f'dak l-Istat terz.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-partijiet li jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedimenti skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti invokata.

Artikolu 14
Invokazzjoni ta' qorti

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, qorti tkun ikkunsidrata invokata:

(a)fil-mument meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, dment li l-attur ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li hu kien meħtieġ jieħu biex id-dokument ikun notifikat lill-konvenut, jew

(b)jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, fil-mument li fih jasal għand l-awtorità responsabbli għan-notifika, dment li l-attur ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat lill-qorti, jew

(c)jekk il-proċedimenti jinfetħu ex officio, fil-mument meta d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti tittieħed mill-qorti, jew, meta deċiżjoni bħal din ma tkunx meħtieġa, fil-mument meta l-każ jiġi rreġistrat mill-qorti.

Artikolu 15
Verifika tal-ġuriżdizzjoni

Meta qorti ta' Stat Membru tiġi invokata fir-rigward ta' każ ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali li, skont dan ir-Regolament, ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fuqhom, il-qorti għandha tiddikjara hi stess li m'għandha l-ebda ġuriżdizzjoni.

Artikolu 16
Verifika tal-ammissibbiltà 

1.Meta konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat minbarra l-Istat Membru fejn saret l-azzjoni ma jidhirx, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex hu jkun seta' jħejji d-difiża tiegħu, jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.

2.L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali 31 għandu japplika minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk l-att promotur jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed għal ieħor f'konformità ma' dak ir-Regolament.

3.Meta r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunx japplika, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, jekk l-att promotur jew att ieħor ekwivalenti kellu jiġi trażmess 'il barra mill-pajjiż f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 17
Lis pendens

1.Meta l-proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti, ħlief il-qorti li ġiet invokata l-ewwel, għandha tissospendi l-proċedimenti ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

2.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba minn qorti invokata għat-tilwim, kull qorti oħra invokata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-qorti preċedenti bid-data li fiha ġiet invokata.

3.Meta l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel tiġi stabbilita, kull qorti, ħlief l-ewwel qorti invokata, għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni favur dik l-ewwel qorti.

Artikolu 18
Kawżi relatati

1.Meta kawżi relatati jkunu pendenti fi qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti ħlief l-ewwel qorti invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta' quddiemha.

2.Meta dawn il-kawżi jkunu pendenti fl-ewwel istanza, kull qorti ħlief l-ewwel qorti invokata tista' wkoll, wara talba minn waħda mill-partijiet, tirrinunzja l-ġuriżdizzjoni jekk l-ewwel qorti invokata jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi kkonċernati u l-liġi tagħha tkun tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3.Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, kawżi huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien biex ikun evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

Artikolu 19
Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi

Tista' ssir talba fil-qrati ta' Stat Membru għal tali miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli skont il-liġi ta' dak l-Istat, anke jekk, skont dan ir-Regolament, il-qrati ta' Stat Membru ieħor ikollhom il-ġuriżdizzjoni dwar il-mertu tal-każ.

Kapitolu III

Liġi Applikabbli

Artikolu 20
Applikazzjoni universali

Il-liġi speċifikata bħala li applikabbli minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta' Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.

Artikolu 21
L-unità tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, skont l-Artikoli 22 jew 26, għandha tapplika għall-beni kollha tal-konjuġi, irrispettivament minn fejn jinsabu.

Artikolu 22
L-għażla tal-liġi applikabbli

1.Il-konjuġi jew l-għarajjes jistgħu jiftiehmu li jagħżlu jew ibiddlu l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, sakemm din tkun waħda mil-liġijiet li ġejjin:

(a)il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi jew l-għarajjes, jew wieħed minnhom, ikunu residenti abitwali fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew

(b)il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta' wieħed mill-konjuġi jew għarajjes fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim.

2.Sakemm il-konjuġi ma jkunux ftiehmu mod ieħor, bidla tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali matul iż-żwieġ għandu jkollha effett prospettiv biss.

3.Kull bidla retroattiva tal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 2 ma għandhiex taffettwa ħażin id-drittijiet ta' partijiet terzi li jirriżultaw minn dik il-liġi.

Artikolu 23
Validità formali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli

1.Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 22 għandu jkun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ konjuġi. Kull komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.

2.Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal dan it-tip ta' ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

3.Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi jkunu residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti u jekk il-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għall-ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalunkwe waħda minn dawk il-liġijiet.

4.Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru parteċipanti u jekk dak l-Istat ikun jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għall-ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 24
Kunsens u validità materjali

1.L-eżistenza u l-validità ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi jew ta' kwalunkwe terminu tiegħu għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih skont l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament li kieku l-kuntratt jew it-terminu kienu jkunu validi.

2.Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista' tiddependi mil-liġi tal-pajjiż fejn ikollha r-residenza abitwali tagħha fil-mument li tiġi invokata l-qorti jekk miċ-ċirkostanzi jkun jidher li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-imġiba ta' tali parti skont il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.

Artikolu 25
Validità formali ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali 

1.Il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali għandu jkun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ konjuġi. Kull komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.

2.Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru li ż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fih fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi jkunu residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti u jekk il-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għall-ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta' waħda minn dawk il-liġijiet.

Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru parteċipanti u jekk dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għall-ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

3.Madankollu, jekk il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali timponi rekwiżiti formali addizzjonali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 26
Il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla mill-partijiet

1.Fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi skont l-Artikolu 22, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun il-liġi tal-Istat: 

(a)tal-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi wara ċ-ċelebrazzjoni ż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta' din,

(b)taċ-ċittadinanza komuni tal-konjuġi fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta' din,

(c)li l-konjuġi flimkien ikollhom l-aktar rabtiet mill-qrib miegħu fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha.

2.Jekk il-konjuġi jkollhom iżjed minn ċittadinanza komuni waħda fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, japplikaw biss il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1.

3.F'każijiet eċċezzjonali u wara talba minn kwalunkwe wieħed mill-konjuġi, l-awtorità ġudizzjarja li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista' tiddeċiedi li l-liġi ta' Stat minbarra l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont il-paragrafu 1(a) għandha tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali jekk min jagħmel it-talba juri li:

(a)il-konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor għal perjodu ta' żmien ferm itwal milli fl-Istat innominat fil-paragrafu 1(a); u

(b)iż-żewġ konjuġi kienu jiddependu fuq il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor biex jirranġaw u jippjanaw ir-relazzjonijiet tal-beni tagħhom.

Il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika mill-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, sakemm wieħed mill-konjuġi ma jkunx kontra tagħha. Fil-każ tal-aħħar, il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandu jkollha effett sa mill-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.

L-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat l-ieħor ma għandhiex taffettwa ħażin id-drittijiet tal-partijiet terzi li jirriżultaw mil-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1(a).

Il-paragrafu 3 ma għandux japplika meta l-konjuġi jkunu kkonkludew ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali qabel l-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor.

Artikolu 27
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina, fost affarijiet oħra:

(a)il-klassifikazzjoni tal-beni ta' wieħed minn jew iż-żewġ konjuġi f'kategoriji differenti matul u wara ż-żwieġ,

(b)it-trasferiment ta' beni minn kategorija waħda għall-oħra,

(c)ir-responsabbiltà ta' konjuġi wieħed għar-responsabbiltajiet u d-dejn tal-konjuġi l-ieħor,

(d)is-setgħat, id-drittijiet u l-obbligi ta' wieħed jew iż-żewġ konjuġi fir-rigward tal-beni,

(e)ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-qsim, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-beni,

(f)l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn wieħed mill-konjuġi u terzi persuni, u

(g)il-validità materjali ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.

Artikolu 28
Effetti fil-konfront ta' partijiet terzi

1.Minkejja l-Artikolu 27(f), il-liġi li tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma tistax tiġi invokata minn konjuġi kontra parti terza f'tilwima bejn il-parti terza u wieħed mill-konjuġi jew iż-żewġ konjuġi sakemm il-parti terza ma kinitx taf jew, fit-twettiq ta' diliġenza dovuta, ma kellhiex tkun taf dwar dik il-liġi.

2.Il-parti terza titqies li jkollha dan l-għarfien, jekk

(a)il-liġi li tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tkun il-liġi

(i)    tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn wieħed mill-konjuġi u l-parti terza,

(ii)    tal-Istat fejn il-konjuġi kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, jew,

(iii)    fil-każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà,

jew

(b)kwalunkwe wieħed mill-konjuġi jkun ikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għad-divulgazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali speċifikati mil-liġi:

(i)    tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn wieħed mill-konjuġi u l-parti terza,

(ii)    tal-Istat fejn il-konjuġi kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, jew,

(iii)    fil-każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà,

3.Meta l-liġi li tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma tkunx tista' tiġi invokata minn konjuġi kontra parti terza permezz tal-paragrafu 1, l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fir-rigward tal-parti terza għandhom ikunu rregolati:

(a)    mil-liġi tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn wieħed mill-konjuġi u l-parti terza; jew

(b)    fil-każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli jew beni reġistrati jew drittijiet, bil-liġi tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà jew fejn ikunu rreġistrati l-beni jew id-drittijiet.

Artikolu 29
Adattament ta' drittijiet in rem

Meta persuna tinvoka dritt in rem li tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt ikun invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u sa fejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt ekwivalenti skont il-liġi ta' dak l-Istat waqt li jittieħed kont tal-għanijiet u tal-interessi li jfittex id-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.

Artikolu 30
Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

1.Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

2.Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 31
Ordni pubbliku 

L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat innominata b'dan ir-Regolament tista' tiġi rifjutata biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.

Artikolu 32
Esklużjoni ta' renvoi

L-applikazzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikat minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat minbarra r-regoli tad-dritt internazzjonali privata tiegħu.

Artikolu 33
Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti territorjali ta' liġijiet

1.Meta l-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament tkun dik ta' Stat li jinkludi diversi unitajiet territorjali, fejn kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha rigward ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, ir-regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ta' dak l-Istat għandhom jiddeterminaw l-unità territorjali rilevanti li għandhom japplikaw ir-regoli tal-liġi rilevanti tagħha.

2.Fin-nuqqas ta' tali regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet:

(a)kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għar-residenza abitwali tal-konjuġi, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha l-konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom;

(b)kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għaċ-ċittadinanza tal-konjuġi, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha l-konjuġi jkollhom l-akbar rabta;

(c)kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirreferi għal elementi oħrajn bħala fatturi ta' konnessjoni, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha jinsab l-element rilevanti.

Artikolu 34
Stati b'aktar minn sistema legali waħda— kunflitti ta' liġijiet interpersonali

Fir-rigward ta' Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew settijiet ta' regoli applikabbli għal kategoriji differenti ta' persuni fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, kwalunkwe referenza għal-liġi ta' dan l-Istat għandha titqies bħala li tirreferi għas-sistema legali jew sett ta' regoli determinati mir-regoli fis-seħħ f'dak l-Istat. Fin-nuqqas ta' regoli bħal dawn, għandhom japplikaw is-sistema ta' liġijiet jew is-sett ta' regoli li magħhom il-konjuġi jkollhom l-akbar rabta.

Artikolu 35
Nonapplikazzjoni ta' dan ir-Regolamenti għal kunflitti ta' liġijiet interni

Stat Membru li jkollu diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli ta' liġi proprji tagħha fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali ma għandux ikun obbligat li japplika dan ir-Regolament għall-kunflitti tal-liġijiet li jirriżultaw bejn dawn l-unitajiet territorjali biss.

Kapitolu IV

Rikonoxximent, eżekutorjetà u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet

Artikolu 36
Rikonoxximent

1.Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.

2.Kull parti interessata li tinvoka bħala talba prinċipali r-rikonoxximent ta' deċiżjoni f'kawża, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57, tista' titlob li d-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.

3.Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 37
Raġunijiet għal nonrikonoxximent

Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)jekk rikonoxximent bħal dan ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku ("ordre public") fl-Istat Membru li fih intalab rikonoxximent;

(b)meta tkun ingħatat f'kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie nnotifikat jew infurmat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali manjiera li dan ikun jista' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jiftaħ il-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;

(c)jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent;

(d)jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz fi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta' azzjoni u bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.

Artikolu 38
Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 36 għandu jkun applikat mill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri b'osservanza tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

Artikolu 39
Il-projbizzjoni ta' reviżjoni ta' ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-oriġini

1.Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta.

2.Il-kriterju tal-ordni pubbliku ("ordre public") imsemmi fl-Artikolu 37 ma japplikax għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 4 sa 11.

Artikolu 40
Projbizzjoni ta' rieżami tal-mertu

Taħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma tista' tiġi rieżaminata fir-rigward tal-mertu tagħha.

Artikolu 41
Sospensjoni tal-proċeduri ta' rikonoxximent

Qorti ta' Stat Membru li ssirilha talba ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti tagħha jekk ikun ġie ppreżentat appell kontra dik id-deċiżjoni fl-Istat Membru ta' oriġini.

Artikolu 42
Eżekutorjetà

Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u eżekutorja f'dak l-Istat għandhom ikunu eżekutorji fi Stat Membru ieħor meta, wara talba minn kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew iddikjarati eżekutorji fi Stati Membri oħrajn f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

Artikolu 43
Determinazzjoni ta' domiċilju 

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57, parti hijiex domiċiljata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-qorti invokata għandha tapplika l-liġi interna ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 44
Ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali

1.L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni kkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

2.Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata b'referenza għal post tad-domiċilju tal-parti li l-eżekuzzjoni tkun qed tintalab kontriha, jew fil-post tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 45
Proċedura

1.Il-proċedura ta' applikazzjoni għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

2.L-applikant ma għandux ikun meħtieġ li jkollu indirizz postali jew rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

3.L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

(a)kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

(b)l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46.

Artikolu 46
Nuqqas ta' preżentazzjoni tal-attestazzjoni

1.Jekk l-attestazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) ma tiġix ippreżentata, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien għall-preżentazzjoni tagħha jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li jkollha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tgħaddi mingħajrha.

2.Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti titlob dan, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni jew trażlitterazzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f'wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 47
Dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

Id-deċiżjoni għandha tiġi ddikjarata eżekutorja immedjatament wara li jitlestew il-formalitajiet fl-Artikolu 45 mingħajr ebda rieżami skont l-Artikolu 37. Il-parti li l-eżekuzzjoni tintalab kontriha ma għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti tkun intitolata tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 48
Notifika tad-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

1.Id-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tinġieb immedjatament għall-attenzjoni ta' min ikun għamel it-talba skont il-proċedura stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

2.Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li l-eżekuzzjoni qiegħda tintalab kontriha, akkumpanjata mid-deċiżjoni, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.

Artikolu 49
Appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

1.Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.

2.L-appell għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

3.L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontradittorji.

4.Jekk il-parti li l-eżekuzzjoni tintalab kontriha tonqos milli tidher quddiem il-qorti tal-appell fi proċedimenti dwar appell imressaq mill-applikant, għandu japplika l-Artikolu 16, anki meta l-parti li l-eżekuzzjoni tintalab kontriha ma tkunx domiċiljata f'ebda wieħed mill-Istati Membri.

5.L-appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tiegħu. Jekk il-parti li l-eżekuzzjoni tintalab kontriha tkun domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għal appell għandu jkun ta' 60 jum u għandu jibda jgħodd mill-jum tal-wasla tan-notifika għandha personalment jew fir-residenza tagħha. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni minħabba d-distanza.

Artikolu 50
Proċedura biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fl-appell

Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

Artikolu 51
Rifjut jew revoka ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

Il-qorti ppreżentats b'appell skont l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà unikament għal xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 37. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

Artikolu 52
Sospensjoni tal-proċedimenti

Il-qorti ppreżentata b'appell skont l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha, wara talba mill-parti li l-eżekuzzjoni qed tintalab kontriha, tissospendi l-proċedimenti jekk l-eżekutorjetà tad-deċiżjoni tiġi sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini minħabba appell.

Artikolu 53
Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi

1.Meta deċiżjoni tkun trid tiġi rikonoxxuta skont dan il-Kapitolu, xejn ma għandu jimpedixxi lill-applikant milli jagħmel użu minn miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 46.

2.Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha ġġib magħha skont l-applikazzjoni tal-liġi l-poter li wieħed jipproċedi għal kwalunkwe miżura protettiva.

3.Matul iż-żmien speċifikat għal appell, skont l-Artikolu 49(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sakemm ikun determinat kull appell ta' dan it-tip, ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi kontra l-proprjetà tal-parti li l-eżekuzzjoni tintalab kontriha.

Artikolu 54
Eżekutorjetà parzjali

1.Meta tkun ingħatat deċiżjoni rigward diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tkunx tista' tingħata għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda minnhom jew aktar.

2.Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet minn deċiżjoni.

Artikolu 55
Għajnuna legali

Applikant li, fl-Istat Membru tal-oriġini jkun ibbenefika bis-sħiħ jew parzjalment mill-għajnuna legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż jew l-infiq, għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew mill-eżenzjoni l-aktar estiża mill-ispejjeż jew l-infiq kif previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 56
Ebda garanzija, bond jew depożitu

L-ebda garanzija, bond jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni, ma għandhom ikunu meħtieġa minn parti li fi Stat Membru titlob rikonoxximent, eżekutorjetà jew eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 57
Ebda imposta, dazju jew onorarju

Fil-proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, ma għandhom jiġu imposti l-ebda imposta, dazju jew onorarju kkalkulati b'referenza għall-valur tal-materja inkwistjoni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Kapitolu V

Atti awtentiċi u soluzzjonijiet bil-qorti

Artikolu 58
Aċċettazzjoni ta' atti awtentiċi

1.Att awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħalma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku ("ordre public") fl-Istat Membru kkonċernat.

   Persuna li tixtieq tagħmel użu minn att awtentiku fi Stat Membru ieħor tista' titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-att awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-att awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.

2.Kwalunkwe kontestazzjoni marbuta mal-awtentiċità ta' att awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta' oriġini u għandha tittieħed deċiżjoni dwarha skont il-liġi ta' dak l-Istat. L-att awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ieħor sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

3.Kwalunkwe kontestazzjoni marbuta mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati f'att awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati li għandhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament u għandha tittieħed deċiżjoni dwarha skont il-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III. L-att awtentiku li jkun ġie kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ħlief l-Istat Membru tal-oriġini fir-rigward tal-materja li tkun qiegħda tiġi kkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

4.Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali relatata mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati f'att awtentiku fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 59
Eżekutorjetà ta' atti awtentiċi

1.Att awtentiku li huwa eżekutorju fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala eżekutorju fi Stat Membru ieħor wara talba minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

2.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3) l-awtorità li stabbiliet l-att awtentiku għandha, wara talba minn kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

3.Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tal-att awtentiku tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku ("ordre public") fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 60
Eżekutorjetà ta' soluzzjonijiet bil-qorti

1.Soluzzjonijiet bil-qorti li huma eżekutorji fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu ddikjarati bħala eżekutorji fi Stat Membru ieħor wara talba minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

2.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3) il-qorti li approvat is-soluzzjoni jew li s-soluzzjoni ġiet konkluża quddiemha għandha, wara talba minn kwalunkwe parti interessata, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

3.Il-qorti li jkun ġie ppreżentat appell quddiemha skont l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tas-soluzzjoni bil-qorti tkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku ("ordre public") fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 61
Legalizzazzjoni u formalitajiet simili oħra

L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra ma għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta' dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 62
Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu partijiet tagħhom meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jirrigwardaw kwistjonijiet koperti minnu, mingħajr preħudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 351 tat-Trattat.

2.Minkejja l-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, f'relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet regolati minnu u li l-Istati Membri jkunu partijiet tagħhom.

3.Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tas-6 ta' Frar 1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li fiha dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar iż-żwieġ, l-adozzjoni u t-tutela, kif riveduta fl-2006; għall-Konvenzjoni tad-19 ta' Novembru 1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja inkużi dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar suċċessjoni, testmenti u amministrazzjoni tal-patrimonju, kif riveduta f'Ġunju 2012; u għall-Konvenzjoni tal-11 ta' Ottubru 1977 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili, mill-Istati Membri li huma partijiet tagħha, sa fejn dawn jipprovdu għal proċeduri simplifikati u aktar mgħaġġla għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali.

Artikolu 63
Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku

L-Istati Membri għandhom, bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju qasir tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta' awtorità li għandha kompetenza fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali u dwar l-effetti fir-rigward ta' partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 28.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni permanentement aġġornata.

Artikolu 64
Informazzjoni dwar dettalji ta' kuntatt u proċeduri

1.Permezz ta' … 32 *, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 44(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 49(2);

(b)il-proċeduri biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 50.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal din l-informazzjoni.

2.Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji ta' kuntatt oħrajn tal-qrati u l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha kkomunikata skont il-paragrafu 1 pubblikament disponibbli bi kwalunkwe mezz xieraq, b'mod partikolari bin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali.

Artikolu 65
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-lista li fiha l-informazzjoni
msemmija fl-Artikolu 3(2)

1.Il-Kummissjoni, abbażi ta' notifiki mill-Istati Membri, għandha tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).

2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f'dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont dan.

3.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u kwalunkwe emendi sussegwenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni kollha nnotifikata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 permezz ta' kwalunkwe mezz ieħor li jkun adattat, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Artikolu 66
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fl-Artikoli 45(3)(b), 58, 59 u 60

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fl-Artikoli 45(3)(b), 58, 59 u 60. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

Artikolu 67 
Proċedura ta' kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 68
Klawżola ta' reviżjoni

3.Sa mhux aktar tard minn tmien snin wara d-data tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-operat ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għat-tibdil ta' dan ir-Regolament.

4.Sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 38 ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jevalwa b'mod partikolari l-limitu sa fejn dawn l-artikoli għandhom aċċess żgurat għall-ġustizzja.

5.Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.

Artikolu 69
Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-proċeduri legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi mfassla formalment jew irreġistrati u għal soluzzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi fid-data tal-applikazzjoni tiegħu jew wara, soġġett għall-paragrafi 2 u 3.

2.Madanakollu, jekk l-azzjoni fl-Istat Membru ta' oriġini kienet stabbilita qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-deċiżjonijiet mogħtija wara din id-data jkunu rikonoxxuti u eżegwiti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, sakemm ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li jkunu applikati jkunu konformi ma' dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II.

3.Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III huma biss applikabbli għall-koppji li jkunu żżewġu jew li jkunu speċifikaw il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. 

Artikolu 70
Dħul fis-seħħ

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Dan ir-Regolament għandu japplika minn.... 33 , minbarra għall-Artikoli 63 u 64 li għandhom japplikaw minn... 34 , u l-Artikoli 65, 66 u 67 li għandhom japplikaw minn... 35 .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

(1) ĠU L 12, 15.1.2001, p. 1.
(2) ĠU L 53, 3.3.2005, p. 1.
(3) COM (2010) 603.
(4) COM (2011) 126.
(5) COM (2011) 127.
(6) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattati, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament propost u mhix marbuta bih u lanqas mhi soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattati, l-Irlanda u r-Renju Unit ma avżawx bix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament propost.
(7) A7-0253/2013.
(8) L-Iżvezja, il-Belġju, il-Greċja, il-Kroazja, is-Slovenja, Spanja, Franza, il-Portugall, l-Italja, Malta, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Finlandja.
(9) Study in comparative law on the rules governing conflicts of jurisdiction and laws on matrimonial property regimes and the implementation for property issues of the separation of unmarried couples in the Member States, il-Konsorzju ASSER-UCL.  Ara:http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm.
(10) COM(2006) 400.
(11) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2010) 573 tad-19.10.2010.
(12) Irregolati mir-Regolament (KE) Nru 4/2009 (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).
(13) Irregolati mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, (ĠU L 338, 23.12.2003).
(15) ĠU C […], […], p. […].
(16) ĠU C […], […], p. […].
(17) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.
(18) ĠU L 53, 3.3.2005, p. 1.
(19) COM(2006) 400.
(20) ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
(21) COM(2010) 603.
(22) COM (2011) 126.
(23) COM (2011) 127.
(24) ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.
(25) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107.
(26) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
(27) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
(28) ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.
(29) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(30) Lingwaġġ simili ("li jista' jiġi rikonoxxut") jista' jinstab fir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), l-Artikolu 33(1)(a) u (3), l-Artikolu 34(1)(b) u l-premessa 23.
(31) ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.
(32) *ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: 9 xhur qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(33) Sentejn u nofs wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
(34) Disa' xhur qabel id-data tal-applikazzjoni
(35) L-għada tad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Top