EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR6945

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-innovazzjoni soċjali bħala għodda ġdida sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali”

OJ C 306, 15.9.2017, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 306/28


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-innovazzjoni soċjali bħala għodda ġdida sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali”

(2017/C 306/06)

Relatur:

Marcelle Hendrickx (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Tilburg

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Kummenti ġenerali

1.

Il-Kumitat jirrealizza li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfidi soċjetali kbar: l-Ewropej jinsabu inċerti dwar il-futur tagħhom; ir-rata tal-qgħad għadha ogħla milli kienet qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika, speċjalment fir-rigward tar-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ; l-effetti tat-tibdil fil-klima qed jidhru dejjem aktar; il-popolazzjoni qiegħda tixjieħ; u l-wasla tar-refuġjati, ta’ dawk li jfittxu l-asil u tal-migranti ġġib magħha kwistjonijiet ġodda għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

2.

Il-membri tal-Kumitat qegħdin jaraw is-soċjetà tinbidel. Illum, l-Ewropej huma aktar eżiġenti kif ukoll huma aktar kwalifikati minn qabel. Dan ifisser li qegħdin dejjem aktar imexxu ħajjithom, iridu jtejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom u jkunu involuti aktar fl-indirizzar tal-kwistjonijiet soċjali rilevanti. Fl-istess ħin, aħna bħala awtoritajiet lokali u reġjonali ninsabu konxji li l-interessi taċ-ċittadini tagħna jistgħu jvarjaw ħafna;

3.

Barra minn hekk qiegħda tiżdied il-kumplessità tal-isfidi soċjetali: dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu kklassifikati faċilment f’qasam ta’ politika partikolari, ma jirrispettawx il-fruntieri amministrattivi u jmorru lil hinn mill-perjodi amministrattivi. Dawn jitolbu azzjonijiet immedjati kif ukoll viżjoni u strateġija fit-tul, kif ukoll bidla radikali fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-politiki tal-UE, inkluża dik tal-UEM, sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini kollha u tissaħħaħ is-solidarjetà fost in-nies u l-Istati Membri.

4.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom inqas riżorsi finanzjarji biex jindirizzaw dawn l-isfidi ġodda u kumplessi f’soċjetà li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, u għalhekk kwalunkwe intervent f’dan il-qasam ser jitlob koordinazzjoni oġġettiva, prammatika u effettiva bejn il-livelli differenti tal-governanza;

5.

Il-Kumitat jinnota l-limitazzjonijiet tal-approċċ u l-istrumenti ta’ politika attwali fir-rigward tal-isforzi sabiex jitfasslu soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali tal-lum. Fl-istess ħin, dawn l-iżviluppi joħolqu wkoll opportunitajiet għal Ewropa moderna u innovattiva;

6.

Fl-innovazzjoni soċjali, il-Kumitat jara strument importanti biex, bl-involviment tas-setturi pubbliċi, privati u t-tielet settur, jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali tal-lum u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej. Proġetti soċjalment innovattivi għandhom impatt akbar fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija in ġenerali, meta jiġu kkombinati mal-appoġġ teknoloġiku, peress li dawn joffru soluzzjonijiet aħjar għaċ-ċittadini Ewropej.

Il-karatteristiċi tal-innovazzjoni soċjali

7.

Il-Kumitat jaqbel mad-definizzjoni tal-innovazzjoni soċjali bħala ideat ġodda (prodotti, servizzi u mudelli) li b’mod simultanju jissodisfaw il-bżonnijiet soċjali (b’mod aktar effettiv mill-alternattivi) u joħolqu relazzjonijiet u kollaborazzjonijiet soċjali ġodda (1).

8.

L-innovazzjoni soċjali tista’ tkun strument ewlieni għall-problemi soċjetali kollha. L-eżempji jinkludu l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-kura u l-awtonomija tal-persuni anzjani u l-integrazzjoni tal-persuni li jesperjenzaw diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u r-riġenerazzjoni tar-reġjuni remoti u tar-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi differenti u żoni urbani f’diffikultajiet.

9.

Għall-Kumitat, il-karatteristiċi tal-innovazzjoni soċjali huma approċċ minn isfel għal fuq, il-ħolqien konġunt qrib in-nies sabiex tinstab soluzzjoni (2), il-forniment ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta, rabtiet ġodda u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-intrapriżi, l-istituzzjonijiet tal-għarfien, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini (3).

10.

Il-Kumitat jixtieq li jiġu individwati l-panels tal-konsumaturi bħala eżempju tajjeb ta’ approċċ minn isfel għal fuq. Il-panels tal-konsumaturi jipprovdu punt ta’ kuntatt mal-konsumaturi li huma familjari ma’ ċerti servizzi. Il-panels tal-konsumaturi huma adattati biex jiġbru l-feedback tal-konsumaturi (eż. l-esperjenzi tal-utenti), jiżviluppaw is-servizzi u l-prodotti u kif ukoll joħolqu u jittestjaw ideat ġodda (fuq bażi minn isfel għal fuq). Il-panels tal-konsumaturi jippromovu l-inklużjoni u jipprovdu lill-konsumaturi b’opportunità reali biex isemmgħu leħinhom.

11.

L-innovazzjoni soċjali hija mod ieħor ta’ ħidma għall-awtoritajiet pubbliċi. Din titlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom attitudni miftuħa għall-inizjattivi u l-ideat mill-pubbliku, min-negozji, mill-istituzzjonijiet ta’ għarfien u dawk edukattivi, u mill-organizzazzjonijiet soċjali. Għalhekk huwa importanti l-għarfien li s-soluzzjoni għal ħafna mistoqsijiet tal-lum il-ġurnata ma tinstabx biss fis-settur pubbliku. Iżda attitudni miftuħa ma tfissirx attitudni passiva. Il-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali ta’ spiss tirrikjedi rwol ta’ tmexxija kif ukoll ta’ koordinazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet lokali sabiex jiġu negozjati s-sħubijiet, jitlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati, jinħolqu ekosistemi ta’ innovazzjoni, jiġu promossi inizjattivi tajba mill-pubbliku u l-komunitajiet lokali, jinħolqu oqfsa legali flessibbli, tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-għarfien u jitħeġġeġ id-djalogu.

12.

B’mod ġust, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-UE għandha tikseb riżultati konkreti li jindirizzaw il-ħtiġijiet u t-tħassib taċ-ċittadini tagħna. Jekk l-innovazzjoni soċjali tkun appoġġjata u faċilitata mill-bidu nett fit-tfassil tal-politika u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jinkisbu soluzzjonijiet aħjar, kif ukoll soluzzjonijiet li jiġu appoġġjati aktar.

13.

L-appoġġ taċ-ċittadini huwa kruċjali fi żmien meta l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna tinsab taħt pressjoni. L-innovazzjoni soċjali tibda mill-pubbliku u l-komunitajiet lokali: mill-konsultazzjoni pubblika sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet soċjetali, sat-tfassil ta’ soluzzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ proċess ta’ inklużjoni, kondiviżjoni, koresponsabbiltà, reċiproċità u l-istabbiliment ta’ netwerks bejn diversi partijiet interessati. Din id-dimensjoni għandha tiġi integrata mad-dimensjoni territorjali, li u tkun tikkorrispondi mill-qrib kemm jista’ jkun mal-ħtiġijiet tal-individwi, il-familji u l-komunità.

Nisfruttaw il-potenzjal, inneħħu l-ostakli

14.

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir ir-rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-importanza tal-innovazzjoni soċjali, u b’mod partikolari l-potenzjal tal-Portal Komunitarju tal-Innovazzjoni Soċjali u l-Kompetizzjoni annwali tal-Innovazzjoni Soċjali Ewropea. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-innovazzjoni soċjali mhijiex biss dwar it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Huwa importanti li l-innovazzjoni soċjali tiġi magħrufa u rikonoxxuta bħala strument li għandu jintuża f’oqsma ta’ politika differenti, inkluż fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni ekonomika, u li jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-Ewropa.

15.

Fil-fatt, proġetti ta’ innovazzjoni soċjali li rnexxew jiżguraw il-komplementarjetà bejn it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u tas-solidarjetà u l-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi. Għalhekk, il-Kumitat jisħaq dwar il-ħtieġa li l-innovazzjoni soċjali tiġi integrata fl-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali;

16.

Barra minn hekk, l-innovazzjoni soċjali twassal għal innovazzjoni aħjar. L-iżviluppi teknoloġiċi qegħdin dejjem javvanzaw b’mod rapidu u x-xejriet bħad-diġitizzazzjoni u l-awtomazzjoni qegħdin ifasslu mill-ġdid is-suq tax-xogħol u l-ekonomija usa’ b’modi fundamentali fil-bliet u r-reġjuni: minn naħa, qegħdin jintilfu l-impjiegi minħabba l-awtomazzjoni u r-robotizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, qegħdin jinħolqu impjiegi ġodda. Il-big data taffettwa l-privatezza taċ-ċittadini tagħna u mhux kulħadd jista’ jsegwi u jipproċessa bl-istess mod il-progress teknoloġiku. L-innovazzjonijiet soċjali jistgħu jgħinu biex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna. Il-Kumitat josserva eżempji tajbin ta’ innovazzjoni soċjali li qed jitwettqu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE. (4)

17.

Din tkun opportunità mitlufa jekk l-innovazzjonijiet soċjali li jirnexxu ma jiġux kondiviżi u jibqgħu fil-livell lokali biss. L-innovazzjonijiet ta’ spiss jibdew fil-livell lokali u fuq skala żgħira iżda jistgħu jkunu ta’ valur u applikabbli għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-innovazzjoni soċjali, huwa meħtieġ ambjent li jsaħħaħ dan il-potenzjal u li jagħmel possibbli li jinxtered.

18.

Hemm ħafna eżempji ta’ prattiki tajbin ta’ innovazzjoni soċjali li jgħinu kemm lin-nisa kif ukoll lit-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ riskju. Dawn il-prattiki għandhom jingħataw importanza sabiex ikunu jistgħu jiġu estiżi madwar l-Ewropa lil persuni f’sitwazzjonijiet bħal dawn, fejn dan ikun meħtieġ billi jiġi ffaċilitat il-finanzjament tagħhom permezz tal-Fondi Strutturali.

19.

Sabiex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni soċjali, hemm bżonn li l-piż amministrattiv tal-politika ta’ koeżjoni jiġi ssemplifikat u jitnaqqas. Il-kumplessità attwali u l-ambitu tal-qafas regolatorju jbiegħdu lill-applikanti. F’diversi okkażjonijiet, il-Kumitat appella lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex ġenwinament jissemplifikaw il-pakkett leġislattiv għall-politika ta’ koeżjoni (5).

20.

Il-politika ta’ koeżjoni Ewropea tagħmilha diffiċli li l-innovazzjoni soċjali tiġi implimentata bħala strument. Il-proġetti fuq skala żgħira, l-imsieħba żgħar u mhux tradizzjonali u l-fatt li l-innovazzjoni soċjali mhux dejjem tiġi inkluża bħala kriterju meta ssir applikazzjoni għall-fondi Ewropej jimpedixxu li proġetti ta’ innovazzjoni soċjali jiġu ffinanzjati mill-UE.

21.

Għalhekk, mhux il-fondi u l-programmi Ewropej kollha huma adatti għall-innovazzjonijiet soċjali. Bl-istess mod bħal fil-każ tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi, l-innovazzjonijiet soċjali jeħtieġu spazju sabiex jesperimentaw u r-rieda sabiex jiġu aċċettati l-innovazzjonijiet li ma jirnexxux.

22.

Il-Kumitat jenfasizza li l-innovazzjoni soċjali tista’ tiġi żviluppata aktar, fost affarijiet oħra, permezz tal-ekonomija soċjali. F’dan ir-rigward jirrimarka li, minħabba l-fatt li dawn huma bbażati fuq il-kooperazzjoni u l-impenn ċiviku ta’ individwi fil-komunitajiet, l-inizjattivi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu biex tiżdied il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u biex iżdied il-livell ta’ fiduċja fl-UE kollha. Għalhekk huwa essenzjali li l-innovazzjoni soċjali tiġi appoġġjata anke bl-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali permezz ta’ titjib fl-aċċess għal forom differenti ta’ finanzjament u permezz tal-isfruttar ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u f’dak tal-UE (6).

L-innovazzjoni mqabbla mal-innovazzjoni soċjali

23.

Jagħraf l-importanza kbira tal-innovazzjoni għall-Unjoni Ewropea sabiex iċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jiksbu l-aħjar edukazzjoni, ikun hemm biżżejjed xogħol, ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi soċjetali attwali u l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja jibqgħu għoljin. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Unjoni tal-Innovazzjoni biex l-UE ssir aktar favur l-innovazzjoni, fejn l-ideat it-tajba jistgħu jiġu ttrasformati aktar malajr fi prodotti u servizzi.

24.

Jilqa’ bi pjaċir id-diversi sforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi l-innovazzjoni soċjali, fl-oqsma tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-mudelli ta’ ekonomija kollaborattiva, l-Orizzont 2020, il-pjattaformi tal-għarfien kulturali, u l-programmi tal-Istrument għall-SMEs.

25.

Madankollu, il-Kumitat jikkunsidra li, għalkemm il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, li jiġġieled kontra l-qgħad fit-tul u kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għad m’hemmx mekkaniżmi fuq livell Ewropew sabiex jiġu ttrattati dawn il-problemi komuni b’mod effettiv.

26.

Minkejja dawn l-isforzi, il-Kumitat iqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 tiffoka aktar b’mod unilaterali fuq l-aspetti tad-dimensjoni teknoloġika tal-innovazzjoni u l-aspett soċjali mhuwiex żviluppat biżżejjed. Il-Kumitat jenfasizza li l-innovazzjoni soċjali u l-innovazzjoni teknoloġika jikkomplementaw lil xulxin u huwa billi titħeġġeġ il-komplementarjetà tagħhom li jkunu jistgħu jinkisbu riżultati li jkollhom effett fuq is-soċjetà.

Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u rakkomandazzjonijiet

27.

L-isfidi soċjetali attwali huma transkonfinali u ħafna drabi jolqtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa. L-innovazzjoni soċjali tista’ taqdi rwol importanti biex tinħoloq koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. F’dan il-qasam, huwa mixtieq li l-UE taqdi ta’ xprun, ta’ faċilitatur u ta’ koordinatur.

28.

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li fit-tfassil tal-politika tagħha, titqies b’mod sħiħ il-fattibilità fil-livell lokali u reġjonali. Dan huwa konformi mal-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE, fejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-bliet jidentifikaw il-fattibbiltà tal-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE fil-livell lokali. Dan huwa aktar u aktar rilevanti għal proġetti ta’ innovazzjoni soċjali, li spiss huma appoġġjati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċess kollu ta’ innovazzjoni (it-tnedija, l-esperimentazzjoni, it-tixrid u l-evalwazzjoni).

29.

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi l-innovazzjoni soċjali bħala strument sabiex jiġu indirizzati diversi sfidi soċjetali u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

30.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tassumi rwol ta’ mexxejja fl-iżvilupp tal-innovazzjoni soċjali, il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tixrid ta’prattiki tajba f’dan il-qasam, pereżempju, min-naħa tal-korpi tal-ekonomija soċjali għandha tiżgura li jiġu adottati politiki li jwasslu għall-innovazzjoni soċjali u li tinħoloq komunità Ewropea ġenwina ta’ innovazzjoni soċjali, bejn id-diversi livelli ta’ governanza, inklużi miżuri integrati fil-qasam tal-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u t-tiftix attiv għal impjieg.

31.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tneħħi l-ostakli msemmija u tinkludi l-innovazzjoni soċjali fost il-kriterji li jitqiesu meta ssir applikazzjoni għall-fondi tal-UE, u sabiex tiftaħ il-fondi u l-programmi għal istituzzjonijiet jew gruppi mhux tradizzjonali, u tagħmel possibbli spazji għall-esperimentazzjoni fejn jiġi aċċettat esperiment li jkun falla.

32.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżviluppa arranġamenti ta’ monitoraġġ u valutazzjonijiet tal-impatt, b’indikaturi ċari, u kif ukoll valutazzjonijiet tal-iżviluppi fl-innovazzjoni soċjali fid-diversi Stati Membri, speċjalment min-naħa tal-ekonomija soċjali. B’dan il-mod jistgħu jitkejlu r-riżultati tal-innovazzjoni soċjali u dan jippermetti li jiġi stabbilit l-impatt tagħha. Dan għandu jagħmilha eħfef biex jiġi attirat il-finanzjament.

33.

Bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-innovazzjoni soċjali, il-Kumitat jitfa’ l-attenzjoni wkoll fuqu. Huwa jitlob lill-membri tiegħu biex jesperimentaw bl-innovazzjoni soċjali fil-livell lokali, sabiex jiġu involuti awtoritajiet pubbliċi oħra, intrapriżi, istituzzjonijiet tal-għarfien u residenti, u jitlobhom ukoll jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

34.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-klawsoli soċjali fl-evalwazzjoni tal-offerti għall-akkwist pubbliku u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li dawn jiġu trasposti u implimentati b’mod tajjeb fl-Istati Membri. Jitlob ukoll flessibbiltà fir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-istat sabiex titrawwem l-innovazzjoni soċjali. Barra minn hekk, jissuġġerixxi li jiġi mistħarreġ il-potenzjal tal-kapital tal-membri u tal-innovazzjoni parteċipatorja għall-programmi eżistenti tal-innovazzjoni soċjali u tal-investiment soċjali, li normalment ikunu bbażati fuq mudelli ta’ tmexxija mill-investituri.

Brussell, il-11 ta’ Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Empowering people, driving change: Social innovation in the European Union, BEPA (Bureau of European Policy Advisers) – 2011.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: “Il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-UE”, CDR1999-2013_00_00_TRA_AC.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: “Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea”, COR-2013-06902.

(4)  Pereżempju, Proeftuin Dementie (Dementia Testbed) f’Tilburg, in-Netherlands. F’dan jaħdmu b’mod konġunt intrapriżi, stabbilimenti edukattivi u xjentifiċi, infirmiera kif ukoll pazjenti u l-familji tagħhom sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’darhom għal perjodu itwal u f’kundizzjonijiet aħjar. L-innovazzjonijiet tekniċi li qegħdin jiġu applikati f’dan il-proġett qegħdin jiġu żviluppati flimkien ma’ dawn il-gruppi differenti.

(5)  Fost oħrajn: l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: Semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (COR-2016-00008).

(6)  Opinjoni tal-KtR dwar “Ir-rwol tal-ekonomija soċjali sabiex jerġa’ jinkiseb it-tkabbir ekonomiku u jiġi miġġieled il-qgħad” (COR-2015-01691).


Top