EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR1726

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

OJ C 17, 18.1.2017, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/13


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

(2017/C 017/04)

Relatur:

is-Sinjura RIES (DE/PSE), 1. Viċi President tal-Parlament ta’ Saarland

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Azzar: – Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

COM(2016) 155 final

KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

L-importanza u l-qagħda tas-settur tal-azzar tal-UE

1.

jenfasizza, li s-settur tal-azzar tal-UE kellu u għad għandu rwol ċentrali fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-Ewropa u huwa wieħed mill-pedamenti ewlenin għall-prosperità, il-valur miżjud, l-investimenti u l-impjiegi fl-Ewropa. Dan jirrappreżenta industrija ewlenija strateġika tal-UE b’330 000 impjegat u 500 faċilità tal-produzzjoni fi 23 Stat Membru. Fis-sena 2014 is-settur ekonomiku pproduċa 169 miljun tunnellata ta' azzar, li jfisser 10 % tal-produzzjoni dinjija, u seta’ jiġġenera fatturat totali ta’ EUR 166 biljun, li huwa ekwivalenti għal 1,3 % tal-prodott gross domestiku tal-UE;

2.

ifakkar li minkejja t-tnaqqis fil-produzzjoni u fl-impjiegi matul id-deċennji reċenti, l-industrija tal-azzar għadha fattur ewlieni għar-rindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa. L-għan iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2014“Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”, sabiex jiżdied il-kontribut tal-industrija għall-prodott gross domestiku sal-2020 b’20 %, jista’ jintlaħaq biss b’industrija tal-azzar kompetittiva;

3.

ifakkar fir-rabtiet ekonomiċi mill-qrib tal-industrija tal-azzar mas-setturi upstream u downstream. Flimkien mal-fornituri bħas)settur tal-minjieri, u tal-enerġija, in-netwerk ta’ trasport u fornituri ta’ servizzi kif ukoll klijenti bħall-industrija tal-metall, il-kostruzzjoni tal-vetturi, l-industrija tal-inġinerija mekkanika u tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-azzar tifforma netwerks ta’ valur miżjud u raggruppamenti estensivi;

4.

jenfasizza li l-iżvilupp ġejjieni tal-industrija tal-azzar għandu effetti diretti u indiretti għall-iżvilupp reġjonali u lokali u industrija tal-azzar kompettitiva u sostenibbli hija l-kundizzjoni għall-irkupru ekonomiku u għall-proċessi ta’ tkabbir f’diversi reġjuni Ewropej; jinnota li s-settur tal-azzar huwa wkoll sors importanti ta’ impjieg indirett, minħabba li għandu rwol sinifikanti għal ħafna setturi industrijali oħrajn;

5.

jindika l-fatt li l-industrija tal-azzar Ewropea hija parti integrali tal-materja prima, tal-akkwist u tas-swieq tal-bejgħ internazzjonali u f’dan ir-rigward tiddependi minn kundizzjonijiet kompettivi ġusti;

6.

jissottolinja li l-kumpaniji tal-industrija tal-azzar jikkonsumaw ħafna enerġija per se u li l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw madwar 40 % tal-ispejjeż operatorji. Għalhekk, l-industrija tiddependi b’mod urġenti fuq provvista tal-enerġija bi prezz raġonevoli u sikura;

7.

jenfasizza l-kontribut tal-industrija tal-azzar għall-iżvilupp tat-transizzjoni tal-enerġija u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Prodotti tal-azzar innovattivi huma essenzjali, pereżempju għall-kostruzzjoni tat-turbini tar-riħ, għall-impjanti tal-enerġija b’effiċjenza għolja u għall-vetturi elettriċi. Għalkemm il-manifattura tal-azzar hija sors kbir ta’ CO2, prodotturi tal-azzar innovattivi jiffrankaw sitt darbiet aktar CO2 milli l-produzzjoni tagħhom tiġġenera;

8.

ifakkar li l-industrija tal-azzar hija strateġikament importanti għall-ħolqien ta’ infrastruttura ferrovjarja fil-kontinent Ewropew bħalma huwa importanti wkoll il-kontribut tagħha għat-twaqqif ta’ netwerks ta’ trasport lokali fuq il-ħadid, alternattiva valida għall-konġestjoni tat-trasport bit-triq, speċjalment minħabba li titjieb il-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent fiż-żoni metropolitani;

9.

jenfasizza li l-produtturi tal-azzar ibbażati fl-Ewropa għandhom iwettqu l-produzzjoni tagħhom bl-aktar mod kosteffettiv u b’effiċjenza fir-riżorsi u għandhom iżommu mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi permezz ta’ investimenti kontinwi. Il-kompetittività fit-tul tiddependi wkoll fuq il-ħila tagħhom li jiżviluppaw teknoloġiji innovattivi f’oqsma bħal, pereżempju, l-effiċjenza fl-enerġija. Huwa daqstant importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha fid-deċiżjonijiet tagħhom, jikkunsidraw l-impatt fuq il-kompetittività nazzjonali u internazzjonali tas-settur tal-azzar u l-impatt ekonomiku fit-tul anki fil-kuntest internazzjonali.

10.

jirrimarka li l-industrija tal-azzar għandha tkompli tagħti evidenza, li hija lesta tilqa’ l-isfidi futuri permezz tal-innovazzjonijiet u tal-ħarsien ambjentali, sabiex tiġi żgurata l-eżistenza kontinwa tagħha. Dawn jinkludu, pereżempju kontribuzzjonijiet attivi għall-protezzjoni ambjentali u tal-klima, iżda wkoll il-konformità konsistenti ma’ standards tekniċi fil-kuntest tal-politka dwar il-ħarsien ambjentali u tal-klima permezz ta’ investimenti mill-ġdid;

11.

jenfasizza l-istandards soċjali għolja tal-industrija tal-azzar Ewropea u l-isforzi tagħhom għall-ħarsien tal-klima u tal-ambjent;

12.

jirrimarka li r-riċiklaġġ tal-azzar jiffranka l-materja prima, l-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u jsaħħaħ l-ekonomija ċirkolari. Jirrimarka b’mod partikolari li l-materjal tal-azzar huwa sa 100 % riċiklabbli. L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-azzar għandu jiġi żviluppat aktar minħabba l-għan li tinħoloq ekonomija ċirkolari kompetittiva u sostenibbli, u minħabba l-fatt li l-UE għandha bilanċ pożittiv fil-kummerċ tar-ruttam tal-metall. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ azzar, ligi tal-ħadid, u tekniki ta’ kkastjar u manifattura għandhom potenzjal tas-suq enormi;

13.

jenfasizza li l-industrija tal-azzar Ewropea tipprovdi prestazzjoni eċċellenti fl-azzar permezz tal-aktar teknoloġiji moderni u ta’ professjonisti mħarrġa sew, filwaqt li tiffoka fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti orjentati lejn il-ħtiġijiet tal-klijenti. L-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi u ta’ kwalità għolja jikkontribwixxi għall-iżgurar u l-iżvilupp tal-kompetittività tal-kumpaniji;

14.

isostni li l-produzzjoni tal-azzar moderna tiddependi ħafna fuq l-iżvilupp kontinwu ta’ forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin, li huma kapaċi jsibu soluzzjonijiet proattivi; jinnota li l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda ser tagħmel il-każ sabiex tiġġustifika l-investimenti kontinwi fin-nies, inkluż permezz ta’ politiki ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Minnha ser jibbenifikaw firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, inkluża l-industrija tal-azzar;

15.

jappoġġja l-impenji tal-industrija tal-azzar Ewropea biex jiġu żgurati aktar opportunitajiet ugwali għall-impjegati kollha. Għalhekk, pereżempju, is-sehem tan-nisa fis-settur tal-azzar żdied fl-aħħar 10 snin u attwalment jinsab bejn 6 % u 25 %, jiddependi mill-pożizzjoni u l-Istat Membru tal-UE rispettivament. Barra minn hekk, fl-aħħar sentejn, il-kumpaniji tal-azzar bdew serje ta’ inizjattivi fi Stati Membri differenti, biex iħeġġu n-nisa lejn is-settur tal-azzar;

16.

jinnota li l-industrija tal-azzar tal-UE għandha pożizzjoni ewlenija f’termini ta’ saħħa u sigurtà u toffri l-ogħla standards globali għall-iġjene industrijali fuq il-post tax-xogħol. L-iskambju tal-aħjar prattiki għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa diskuss fid-dettall fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-industrija tal-azzar tal-UE hija attiva fi djalogu soċjali intensiv fil-livell tal-UE;

17.

jenfasizza li l-ħiliet u t-teknoloġiji diġitali jeħtieġu li jkunu involuti aktar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari apprendistati, u jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni teħtieġ li l-impjegati jkollhom ħiliet akbar minħabba l-kumplessità akbar tal-kompiti (1);

18.

jenfasizza, li d-diġitalizazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni teħtieġ kapaċitajiet imtejba tal-impjegati għall-estrazzjoni u għas-soluzzjonijiet tal-problemi minħabba l-kumplessità akbar tal-kompiti. Barra minn hekk, il-ħaddiema għandhom ikunu organizzati u jkollhom grad għoli ta’ kompetenza fl-azzjoni interdixxiplinari u f’dik awto diretta, kif ukoll fil-komunikazzjoni;

19.

jirrimarka li l-kapaċità żejda globali, il-fażijiet bi prezz baxx, il-prezzijiet tal-enerġija għoljin, kif ukoll it-taxxi u l-imposti fuq l-enerġija, ir-riforma futura dwar l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, iżda wkoll il-prattiki tad-dumping distortivi tal-produtturi tal-azzar barra mill-UE jpoġġu pressjoni kbira fuq l-Ewropa bħala reġjun produttur tal-azzar. Il-produzzjoni tal-azzar u s-sehem tas-suq globli tas-settur tal-azzar Ewropew qegħdin jonqsu, u dan jirriżulta fi proċessi ta’ adattament intraprenditorjali u tal-impjiegi;

20.

jinnota bi tħassib l-effetti soċjali u ekonomiċi devastanti fuq il-komunitajiet lokali u reġjonali mill-għeluq jew it-tnaqqis fil-manifattura tal-ħadid u tal-azzar, u l-miżuri meħtieġa sabiex dawk il-komunitajiet jiġu appoġġjati jirriġeneraw u jikbru;

21.

iqis li strateġija Ewropea għall-futur tal-industrija tal-azzar hija sinfikanti u xierqa. F’dan ir-rigward huwa essenzjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti fil-proċessi tal-votazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet lokali rispettivi u l-ispeċjalizzazzjonijiet tal-kumpaniji;

22.

jinkoraġġixxi politika industrijali fi ħdan l-UE, ibbażata fuq il-prinċipji ta’ gwida tal-kompetittività tal-industrija tal-azzar u l-kundizzjonijiet ġenerali kompetittivi, li bihom l-impjanti tal-azzar u l-impjiegi eżistenti jistgħu jiġu żgurati u żviluppati b’mod perspettiv;

23.

jikkunsidra, simili għal dak li l-Kummissjoni ikkunsidrat fil-pjan direzzjonali tal-enerġija 2050 tagħha, li tnaqqis fl-emmissjonijiet tal-karbonju tal-enerġija u xenarju bi proporzjon għoli ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli jistgħu jkunu kost-effettivi fit-tul, aktar mill-kontinwazzjoni tal-politika attwali, u li l-ispejjeż għall-enerġija nukleari u l-enerġija minn karburanti fossili huma previsti li jkomplu jogħlew matul iż-żmien, filwaqt li dawk l-ispejjeż assoċjati ma’ sorsi ta’ enerġiji rinovabbli jistgħu jonqsu; jirrikonoxxi f’dan ir-rigward l-impenn tal-Istati Membri biex jipprovdu kumpens xieraq għal piżijiet finanzjarji eċċessivi, li jirriżultaw mill-kompetizzjoni internazzjonali marbuta mal-industrija tal-azzar matul l-iżvilupp tal-enerġiji rinovabbli; jitlob madankollu biex jiġi żgurat fil-livell Ewropew li l-mekkaniżmi ta’ kumpens nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna, ma jikkawżawx distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE;

24.

jirrimarka dwar il-bżonn li jkun hemm għajnuna għal komunitajiet li jiddependu ħafna fuq l-azzar biex tiżdied il-wisgħa tal-ekonomiji tagħhom, qabel jirrikorru għall-miżuri ta’ ristrutturar; id-diversifikazzjoni tal-firxa tal-ekonomija lokali għandha timmira b’mod partikolari lejn sinerġiji bejn l-industrija sostenibbli u s-servizzi u tista’ tiġi promossa wkoll permezz ta’ inċentivi fiskali;

Riforma dwar l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE

25.

jilqa’ l-fatt li fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew impenja ruħu biex min-naħa waħda jinstab bilanċ bejn l-għanijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u min-naħa l-oħra tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija Ewropea;

26.

jikkunsidra madankollu, li ż-żieda tal-koeffiċjent ta’ tnaqqis annwali għall-emissjonijiet massimi permessibbli tal-industrija, deċiża mill-Kunsill Ewropew, minn 1,74 % fit-tielet perjodu ta’ skambju 2013-2020 sa 2,20 % fir-raba’ perjodu 2021-2030 tista’, minkejja l-allokazzjoni bla ħlas kontinwa ta’ drittijiet tal-emissjonijiet abbażi tal-punt ta’ riferiment, twassal għal nuqqasijiet sinifikanti fil-kwoti u b’hekk twassal għal piżijiet żejda fuq is-settur tal-azzar, li l-kompetituri f’pajjiżi mingħajr l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijet ma jġorrux;

27.

iqis li huwa essenzjali li tiġi stabbilita skema ta’ skambju tal-emissjonijiet fil-livell globali biex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji Ewropej u jiġi evitat rilaxx tal-karbonju billi jiġu evitati żidiet addizzjonali tal-kwoti li jridu jiġu rkantati. Garanziji ulterjuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ mekkaniżmi ta’ kumpens armonizzat għal spejjeż indiretti (bħal dawk ta’ elettriku) jew ta’ parametri referenzjarji bbażati fuq dejta preċiża u aġġornata;

28.

jirrimarka barra minn hekk f’dan il-kuntest li l-punt ta’ riferiment tal-ħadid mhux maħdum għall-allokazzjoni tal-kwoti lill-industrija tal-azzar, diġà jinsab madwar 10 % inqas mill-kisbiet fiżikament u teknikament possibbli fit-tielet perjodu ta’ skambju 2013-2020; barra minn hekk, il-punt ta’ riferiment tas-sinter mhux determinat sew billi jinkludi sistemi bil-pellets. L-allokazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi attwali, b’kont sħiħ meħud tal-produzzjoni tal-elettriku mill-gassijiet tal-blast furnace tal-industrija tal-azzar, u jiġu aġġustati sabiex iżommu mal-iżviluppi tekniċi. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu allokati wkoll b’mod proattiv tul il-proċess ta’ produzzjoni.

29.

jilqa’ l-fatt li Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal “Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE bl-għan li titjieb il-kosteffettività tal-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u li tippromwovi investimenti f’teknoloġiji effiċjenti tal-karbonju” qabel ma beda r-raba’ perjodu ta’ negozjar tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE;

30.

jispera li minn stadju bikri tkun tista’ tinħoloq ċarezza dwar il-kundizzjonijiet tal-qafas futuri tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE għal partijiet ikkonċernati kollha;

31.

jara fl-istess ħin, il-ħtieġa ta’ votazzjoni u diskussjoni mill-qrib tar-riforma dwar l-iskema ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE mal-partijiet ikkonċernati kollha;

32.

jinsab imħasseb li d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni ma tiżgurax b’mod sodisfaċenti t-talba tal-Kunsill Ewropew għall-iżgurar tal-kompetittività internazzjonali tal-industrija peress li attwalment hemm piżijiet finanzjarji sostanzjali u li huma ta’ theddida għall-eżistenza tal-industrija tal-azzar Ewropea;

33.

iħeġġeġ għalhekk reviżjoni essenzjali tad-Direttiva proposta fil-proċess leġislattiv ulterjuri, u – filwaqt li jiġu kkunsidrati l-effettività tal-iskema tal-UE tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u distribuzzjoni adegwata tal-piżijiet bejn is-setturi ekonomiċi kollha – b’mod partikolari jiġu inklużi l-miżuri li ġejjin:

ir-rinunzja fundamentali tal-piżijiet fuq l-impjanti l-aktar effiċjenti,

jitkomplew l-inċentivi għall-iżvilupp tekniku u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali permezz ta’ punti ta’ riferiment realistiċi, kif ukoll tekniċi u ekonomiċi li jistgħu jintlaħqu bbażati fuq 1-10 % tal-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti,

fl-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment, tingħata kunsiderazzjoni sħiħa tal-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-forn tal-blast,

l-ebda tnaqqis ġenerali tal-punti ta’ riferiment u rinunzja tal-fattur ta’ korrezzjoni,

l-ebda degradazzjoni tal-kumpens tal-prezz tal-elettriku għall-industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija u l-possibbiltà għall-kumpens tal-ispejjeż indiretti totali, filwaqt li għall-inqas għandhom jiġu kkunsidrati kriterji ta’ referenza fil-livell Ewropew sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku Ewropew;

l-inklużjoni tal-prodotti fi stadju aktar bikri tal-produzzjoni tal-industrija li tikkonsma ħafna enerġija fir-Regolamenti dwar l-evitar tar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż u

l-adattament tal-ammonti allokati għal-livelli tal-produzzjoni li qegħdin jinbidlu;

34.

iqis essenzjali l-kumpens sħiħ tal-ispejjeż trasferiti fuq il-prezz elettriku tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, sabiex tiġi miġġielda r-rilokazzjoni possibbli tal-emissjonijiet tal-karbonju. Mhumiex esklużi distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, peress li s’issa dan il-kumpens jista’ jseħħ biss fl-Istati Membri individwali u b’modi differenti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk tivverifika jekk fil-futur il-kumpens għandux jingħata b’mod unifikat jew fil-livell Ewropew;

35.

jilqa’ b’mod espliċitu l-fatt li, fil-kors tal-Konferenza ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-komunità internazzjonali għamlet għall-ewwel darba impenn vinkolanti sabiex it-tisħin globali jiġi llimtat taħt it-2 gradi Celsius, u li ser tagħmel sforzi serji biex tillimita ż-żieda tat-temperatura globali għal 1,5 gradi Celsius. L-idea ewlenija li tinkiseb newtralità globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fit-tieni nofs tas-seklu, teħtieġ speċifikazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-impatti tagħha fuq l-iżvilupp tal-industrija tal-produzzjoni. L-għażla miftuħa li jiġu żviluppati u miftiehma mekkaniżmi tas-suq għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet kosteffettivi, toffri l-opportunità li jitnaqqsu u jiġu evitati b’mod perspettiv distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-ħarsien tal-klima;

Il-fruntieri esterni tal-UE

36.

jirrikonoxxi li l-prattiki inġusti tal-kummerċ barrani minn kumpaniji, kif ukoll nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi u politika tal-kummerċ barrani inugwali minn pajjiżi barra mill-UE huma ta’ theddida serja għall-industrija tal-azzar Ewropea;

37.

jemmen, għaldaqstant, li l-politika kummerċjali esterna tal-UE, li tinkludi l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tagħha, huwa mezz essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-kompetittività globali tal-industrija tal-azzar tal-Ewropa u jappoġġja s-sejħa tal-Parlament għal riforma ġenerali tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ sabiex jitneħħew l-hekk imseħja “elementi WTO +” mis-sistema tal-UE u jiggarantixxu b’mod partikolari kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tal-UE maċ-Ċina (2);

38.

jinsab imħasseb li l-kapaċitajiet żejda attwali tal-industrija tal-azzar Ċiniża jattiraw magħhom kontinwament importazzjonijiet fl-UE, anke permezz ta’ pajjiżi terzi, bi prezzijiet ta’ dumping, li mingħajr kontromiżuri kummerċjali tal-UE, jheddu direttament jew indirettament l-eżistenza kollha tal-industrija tal-azzar Ewropea, kif ukoll bosta impjiegi;

39.

jappella għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu, li jista’ jopera f’pajjiżi terzi, maħsub biex jikkontrolla l-mod kif jaħdmu l-faċilitajiet ta’ trattament ta’ materja prima sekondarja (fdalijiet) fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni, biex tiġi evitata l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma jittrattawx l-iskart b’mod li jirrispetta l-ambjent;

40.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tuża metodoloġija mhux standardizzata fl-investigazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidju dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi taħt it-Taqsima 15 fil-Protokoll ta’ Adeżjoni mal-WTO taċ-Ċina sakemm iċ-Ċina tissodisfa l-ħames kriterji tal-UE meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq. Barra minn hekk jirrimarka, bi tħassib kbir, li b’rikonoxximent possibbli tal-istatus ta’ ekonomija tas-suq għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’Diċembru 2016, miżuri tal-antidumping effettivi jkunu kważi impossibbli minħabba metodoloġija tal-kalkolu riveduta għall-marġni tad-dumping. jenfasizza, fl-istess ħin, li m’hemm l-ebda rekwiżit li l-membri tad-WTO awtomatikament jagħtu MES liċ-Ċina fl-2016;

41.

Ifakkar, f’dan ir-rigward, li attwalment iċ-Ċina tissodisfa biss wieħed mill-ħames kriterji tal-UE għar-rikonoxximent bħala ekonomija tas-suq. Il-kriterji tekniċi jinkludu deċiżjonijiet kummerċjali b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq, reġistri ta’ kontabiltà tal-kumpaniji skont standards kontabilistiċi internazzjonali, l-ebda distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, il-liġijiet dwar falliment u l-proprjetà, l-iżgurar taċ-ċertezza legali u l-istabbiltà għat-tmexxija tal-kumpanija, kif ukoll il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju skont ir-rati tas-suq;

42.

jitlob lill-Kummissjoni li qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-istatus ta’ ekonomija tas-suq, tistenna l-opinjoni tal-partijiet ekonomiċi involuti bl-istudju tagħhom dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ekonomija tas-suq għaċ-Ċina, u tfittex koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri l-oħrajn importanti tad-WTO, bħall-Istati Uniti;

43.

jitlob li jekk iċ-Ċina tingħata l-istatus ta’ ekonomija tas-suq, jinħolqu strumenti ekwivalenti u effettivi għall-ħarsien tal-kummerċ ġust; F’dan ir-rigward, għandha wkoll tiġi kkunsidrata soluzzjoni biex fil-futur il-pajjiżi li mhumiex ekonomiji tas-suq ma jkunux elenkati b’mod espliċitu fir-regolament bażiku tal-UE rigward l-antidumping, iżda jkun hemm regoli ġenerali għall-pajjiżi li mhumiex ekonomiji tas-suq fir-Regolament. Il-metodoloġija tal-pajjiż analogu tista’ tinbidel ma’ metodoloġija oħra, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq għandu jibqa’ għall-pajjiżi li mhumiex ekonomiji ts-suq;

44.

jitlob li jekk iċ-Ċina tingħata l-istatus ta’ ekonomija tas-suq, jinħolqu strumenti ekwivalenti u effettivi għall-ħarsien ta’ kummerċ ġust;

45.

jilqa’ l-fatt li fi Frar 2016 il-Kummissjoni imponiet dazji antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar ċatti mremblin-kesħin mir-Russja u ċ-Ċina;

46.

jiddispjaċih madankollu li l-Kummissjoni użat ir-“Regoli tal-inqas dazju” fil-każ tal-prodotti tal-azzar Ċiniżi u b’hekk imponiet dazji antidumping provviżorji, li huma aktar baxxi mill-marġni tad-dumping;

47.

iqis li fl-applikazzjoni ta’ din ir-regola, il-ħarsien għall-kompetittività tal-industrija tal-azzar Ewropea huwa baxx wisq;

48.

ifakkar li d-dispożizzjonijiet tad-WTO ma jimponux tali regola u reġjuni oħrajn, bħall-Istati Uniti, lanqas ma jipprattikawha;

49.

iqis importanti t-tneħħija tar-“Regoli tal-inqas dazju” matul riforma tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali, partikolarment fil-każ tal-kapaċità żejda eżistenti;

50.

jilqa’ li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, kif tħabbar fil-pjan ta’ azzjoni, li fit-28 ta’ April 2016, terġa tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza preventiva għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-azzar fl-UE li jirrikjedu liċenzja ta’ importazzjoni għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-azzar fl-UE, isservi biex jiġu antiċipati żviluppi fis-suq fuq perjodu qasir u tgħin lill-Kummissjoni biex tindirizza sew l-importazzjonijiet inġusti, bil-possibiltà li jinfetħu każijiet meta x-xejriet fl-importazzjonijiet jheddu li jkunu ta’ ħsara għall-produtturi tal-Unjoni;

51.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni mfissra permezz tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali diġà fis-seħħ rigward il-prodotti tal-azzar, biex tgħin fl-implimentazzjoni tar-regoli dwar kompetizzjoni internazzjonali ġusta u b’hekk tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-industrija tal-azzar Ewropea;

52.

iqis fl-istess ħin li l-proċedura antidumping tal-UE, b’mod partikolari meta mqabbla mal-proċedura ta’ Stati Membri tad-WTO oħrajn, tieħu wisq żmien u dan inaqqas l-effettività tal-protezzjoni tal-kompetittività tal-industrija tal-azzar Ewropea;

53.

jitlob għalhekk li fil-kuntest ta’ riforma tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali tal-UE, għandha titqies ukoll aċċellerazzjoni tal-proċedura antidumping tal-UE;

54.

jappoġġja l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha, li tippromwovi l-għan tal-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fid-diskussjoni u n-negozjati fil-livell internazzjonali;

55.

jistenna li l-Kunsill jinkludi kapitoli dwar l-enerġija u l-materja prima f’kull ftehim ġdid ta’ kummerċ ħieles (FTA);

56.

jitlob lill-Kummissjoni ssejjaħ lill-KtR bħala rappreżentant istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Grupp ta’ Livell Għoli eżistenti minn Mejju 2015 dwar l-industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija, sabiex b’hekk jiġi żgurat li l-partijiet interessati diġà rappreżentanti jirrikonoxxu l-interessi u l-potenzjal fil-livell reġjonali u lokali;

Miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżgurar tal-kompetittività tas-settur tal-azzar tal-UE

57.

jafferma, li l-programmi ta’ finanzjament tal-UE rispettivi għall-investimenti f’tagħmir ġdid, ir-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll għall-kwalifikazzjoni u t-taħriġ kontinwu jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżgurar tal-kompetittività, tal-konformità man-normi ambjentali u tal-ħarsien tal-klima, kif ukoll tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tal-azzar;

58.

iħares lejn l-objettivi tal-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (RFCS) kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), kif ukoll il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li bihom jistgħu jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-azzar, anke permezz tal-possibilità ta’ sinerġiji u koordinazzjoni tal-azzjoni. jindika, madankollu, li hemm aktar potenzjal limitat tal-FEIS għas-settur tal-azzar peress li l-kundizzjonijiet tas-suq ma jistgħux jiggarantixxu redditu adegwat fuq l-investiment bil-livell baxx attwali tal-prezzijiet tal-azzar. Kooperazzjonijiet fir-rigward tar-reġim strett għall-għajnuna tal-industrija tal-azzar ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali bi prijoritajiet speċifiċi tal-azzar jistgħu jagħtu kontribuzzjonijiet siewja;

59.

ifakkar fl-importanza tal-investimenti pubbliċi u fil-livell Ewropew u r-riżorsi tal-Programm Orizzont 2020, sabiex jiġu promossi innovazzjonijiet futuri fl-industrija tal-azzar u titjieb l-effiċjenza ambjentali u enerġetika tas-settur;

60.

jittama li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-azzar li jeħtieġ kemm ir-riċerka kif ukoll azzjonijiet ta’ natura strutturali, fl-evalwazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka fil-qafas tal-Orizzont 2020 jingħataw aktar punti lil dawk li jipprovdu sħubija Ewropea li tinkludi anke riżorsi li joriġinaw mill-fondi strutturali sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar bejn id-diversi programmi Ewropej;

61.

itenni l-objettiv tal-kwalifikazzjoni u taż-żamma tal-livelli ta’ impjieg fil-kuntest ta’ industrija tal-azzar tal-UE iżjed kompetittiva, filwaqt li titqies, fil-każijiet ta’ ristrutturazzjoni industrijali, l-importanza tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-appoġġ soċjali fil-każ ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont ta’ ħaddiema, peress li f’sitwazzjoni fejn aktar minn 500 ħaddiem f’kumpanija waħda (inklużi fornituri u industriji downstream) jiġu mkeċċija jew li f’reġjun wieħed jew aktar maġenb xulxin, bosta impjegati jitilfu xogħolhom f’settur wieħed industrijali, ikunu jistgħu jiġu kkontestati sa 60 % tal-ispejjeż minn proġetti permezz ta’ dawn il-fondi, sabiex jgħinu lil ħaddiema mkeċċija jsibu impjieg ieħor jew iwaqqfu l-kumpanija tagħhom; huwa dubjuż madankollu jekk il-baġit annwali massimu fil-perjodu 2014-2020 ta’ EUR 150 miljun jissodisfax l-isfidi;

62.

jenfasizza r-rwol importanti tat-trasferiment tal-esperjenza u l-għarfien lil ġenerazzjonijiet ġodda ta’ ħaddiema fl-industrija tal-azzar tal-UE u għandhom jissaħħu l-ħiliet, kif ukoll il-kompetenzi tal-ħaddiema permezz ta’ miżuri speċifiċi ta’ taħriġ;

63.

jara l-ħtieġa li jiġu stabbiliti u jitkomplew sistemi tal-ġestjoni ta’ riċiklaġġ effiċjenti fl-użu tar-riżorsi fis-siti kollha tal-produzzjoni tal-industrija tal-azzar, sabiex tkun tista’ titjieb il-kompetittività tal-impjanti permezz tal-użu akbar ta’ prodotti sekondarji u l-azzar riċiklat, kif ukoll f’konformità ma’ dak previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari fir-rigward ta’ “simbjożi industrijali”, jiżdied l-użu ta’ skart mill-ipproċessar tal-azzar.

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  CDR 1319/2014 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

(2)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2016 dwar l-istatus ta’ ekonomija tas-suq taċ-Ċina (2016/2667 (RSP)).


Top