EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0747

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Mudell tal-ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fil-Artikolu 54(5) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

COM/2016/0747 final

Brussell, 22.11.2016

COM(2016) 747 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mudell tal-ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fil-Artikolu 54(5) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 1 żied il-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Biex jiġu riflessi dawn il-bidliet, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta 2 ngħatalha isem ġdid.

Il-kooperazzjoni attiva ma’ pajjiżi terzi hija element ewlieni fil-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 jipprevedi li meta jkun previst li jintbagħtu timijiet f'pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, irid jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz konċernat.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-mudell tal-ftehim dwar l-istatus imfassal mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

2.Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qafas tar-Regolament tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija element ewlieni biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE. Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 saħħaħ il-mandat tal-Frontex f’dan ir-rigward. L-Aġenzija tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-kooperazzjoni teknika u operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi 3 .

L-Aġenzija tista' wkoll tikkopera ma’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ ħidma 4 . L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi tali koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma tal-iskambju tal-informazzjoni, tal-analiżi tar-riskji, tat-taħriġ, tar-riċerka u tal-iżvilupp u ta' proġetti pilota. Din il-koperazzjoni tista’ sseħħ fit-territorju ta’ pajjiżi terzi 5 .

L-Aġenzija tista' wkoll tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. F'dan ir-rigward, l-Aġenzija tista' twettaq azzjonijiet fil-fruntieri esterni li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz li jkun ġar ta' mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, soġġett għall-qbil ta' dak il-pajjiż terz ġar, inkluż fit-territorju ta' dak il-pajjiż terz 6 . Fil-każ li jkun hemm bżonn ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ għal persuni fil-periklu fuq il-baħar matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera ma’ pajjiż terz, jeħtieġ li jiżdiedu dispożizzjonijiet speċifiċi mal-ftehim dwar l-istatus u mal-pjan operazzjonali ma’ dak il-pajjiż terz.

Din il-kooperazzjoni se ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Aġenzija li tassisti pajjiżi terzi fil-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom u tal-flussi migratorji. Meta jkun previst li jintbagħtu timijiet f'pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim se jkollhom poteri eżekuttivi, jew fejn ikun meħtieġ minħabba azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi, jeħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ġar konċernat 7 .

L-operazzjonijiet għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ pjan operattiv. Il-pjan operattiv irid jiġi miftiehem bejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu maż-żona operattiva 8 .

Fir-rigward tar-ritorn, tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 jipprevedi li l-Aġenzija tista’ torganizza jew tikkoordina operazzjonijiet ta’ ritorn, bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-Istati Membri li jirritornaw ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 2008/115/KE 9 . L-Aġenzija għandha tikkoopera, dwar ir-ritorn, mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi, inkluż dwar il-ksib ta' dokumenti tal-ivvjaġġar 10 . F’dan il-qafas, il-ftehim dwar l-istatus jista’ pereżempju jagħti lill-membri tat-tim aċċess għall-bażijiet tad-dejta fuq bażi ta’ każ b’każ, meta dan ikun meħtieġ biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ migranti irregolari li se jintbagħtu lura. Madankollu, l-Aġenzija ma għandhiex is-setgħa torganizza jew tikkoordina operazzjonijiet ta’ ritorn minn pajjiżi terzi. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) se jipprovdi pariri u appoġġ lill-Kummissjoni fin-negozjati ta’ dawn il-ftehimiet. B’mod partikolari, se jagħti parir dwar il-pajjiżi li magħhom ikun jenħtieġ li jiġu nnegozjati dawn il-ftehimiet. Għalhekk l-SEAE se jiġi infurmat qabel ma jitnieda proċess ta’ negozjati ma’ pajjiż terz partikolari u se jipprovdi pariri u appoġġ dwar l-operazzjonijiet, inkluż permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE preżenti fil-pajjiżi terzi rilevanti.

L-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tagħha kollha u tivvaluta l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fir-rapport annwali tagħha 11 .

3.Mudell tal-ftehim dwar l-istatus

Il-mudell tal-ftehim dwar l-istatus jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u t-timijiet tagħha minn naħa u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz konċernat min-naħa l-oħra. Għaldaqstant għandu jitqies bħala umbrella li taħtha jistgħu jitwettqu diversi azzjonijiet.

Skont l-Artikolu 54(4) jew ir-Regolament (UE) Nru 2016/1624, il-mudell tal-ftehim dwar l-istatus jeħtieġ li jkopri l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, il-kompiti u l-poteri tal-membri tat-tim kif ukoll il-konformità mad-drittijiet fundamentali.

Konsegwentement, il-mudell jinkludi d-dispożizzjonijiet speċifiċi segwenti:

L-Artikolu 1 jiddetermina l-ambitu tal-ftehim dwar l-istatus, li jkopri l-aspetti kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ azzjonijiet fit-territorju tal-pajjiż terz;

L-Artikolu 2 jipprovdi definizzjonijiet tat-termini ewlenin użati fil-mudell, inkluż li azzjoni tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

L-Artikolu 3 jgħid li għandhom jiġu adottati pjanijiet operattivi għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera 12 , li jispjegaw id-dettalji dwar l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-azzjoni;

L-Artikolu 4 jiddeskrivi l-kompiti u l-poteri tal-membri tat-tim, inkluż li dawn ikunu jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw setgħat taħt l-istruzzjonijiet ta’ għassiesa tal-fruntiera tal-pajjiż terz u fil-preżenza tagħhom;

L-Artikolu 5 fih regoli dwar is-sospensjoni u t-tmiem tal-azzjoni;

L-Artikolu 6 jelenka l-privileġġi u l-immunitajiet tal-membri tat-tim, inkluż ir-responsabbiltà ċivili u kriminali;

L-Artikolu 7 jiddetermina li jenħtieġ li jinħarġu dokumenti tal-akkreditazzjoni mill-Aġenzija lill-membri tat-tim;

L-Artikolu 8 jgħid li d-drittijiet fundamentali jridu jiġu mħarsa matul kwalunkwe azzjoni;

L-Artikolu 9 fih regoli dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-dejta personali;

L-Artikolu 10 jirregola x’għandu jsir f’każ ta’ tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim;

L-Artikolu 11 jiddeskrivi l-proċedura tad-dħul fis-seħħ, it-tul taż-żmien u t-terminazzjoni tal-ftehim.

4.    Konklużjonijiet

Il-kompetenza l-ġdida tal-Aġenzija li twettaq azzjonijiet fit-territorju ta’ pajjiżi terzi ġirien se tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE.

Filwaqt li l-Kummissjoni se tuża l-mudell tal-ftehim dwar l-istatus mehmuż meta tinnegozja ma’ pajjiż terz ġar f’isem l-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li jiġi nnutat li t-testi finali ta’ tali ftehimiet ser ivarjaw skont l-eżitu tan-negozjati mal-pajjiż terz. Madankollu, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tippreserva l-essenza tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus matul negozjati bħal dawn.

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ fi żmien debitu Komunikazzjoni riveduta u mudell rivedut tal-ftehim dwar l-istatus fejn tqis it-tagħlimiet meħuda.

(1)

ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.

(2)

Skont il-Premessa (11) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624, l-Aġenzija se tkompli tissejjaħ b’mod komuni l-Frontex.

(3)

L-Artikolu 54(1).

(4)

L-Artikolu 54(2).

(5)

Cp. Ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(6)

L-Artikolu 54(3).

(7)

L-Artikolu 54(4).

(8)

L-Artikolu 54(3).

(9)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(10)

L-Artikolu 54(6).

(11)

L-Artikolu 54(11).

(12)

Ma hemmx bżonn ta' pjan operazzjonali għal operazzjoni ta’ ritorn.

Top

Brussell, 22.11.2016

COM(2016) 747 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar mudell tal-ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fil-Artikolu 54(5) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta


Mudell tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u [pajjiż terz] dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta fi [pajjiż terz]

L-Unjoni Ewropea,

u [Pajjiż terz],

Minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Partijiet",

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta tikkoordina kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri tal-UE u [pajjiż terz], inkluż fit-territorju ta’ [pajjiż terz],

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta se jkollhom poteri eżekuttivi fit-territorju ta’ [pajjiż terz],

FID-DAWL li jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta fit-territorju ta’ [pajjiż terz] jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali,

iddeċidew li jikkonkludu l-Ftehim segwenti:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim

1.    Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta li jistgħu jsiru fit-territorju ta’ [pajjiż terz] fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta jkollhom poteri eżekuttivi.

2.    Dan il-Ftehim għandu japplika biss [fit-territorju tal-pajjiż terz jew f'partijiet minnu].

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

(2) “operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali, theddid tal-preżent jew tal-futur fil-fruntieri esterni ta’ [pajjiż terz] jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operattiva għall-kontroll ta’ dawk il-partijiet tal-fruntieri esterni li jmissu ma’ Stat Membru;

(3) “Intervent Rapidu fil-Fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza sitwazzjoni b'diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri ta’ [pajjiż terz] ġarr ta' Stat Membru u mwettqa fit-territorju ta’ [pajjiż terz] għal perjodu limitat ta’ żmien;

(4) “operazzjoni ta' ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u tinvolvi li jingħata rinfurzar tekniku u operazzjonali minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn [pajjiż terz];

(5) “kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni mwettqa fuq il-fruntiera b’reazzjoni esklussiva għall-intenzjoni li wieħed jaqsam jew għall-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

(6) “tim” tfisser tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li huma sekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija biex jieħdu sehem f'azzjoni;

(7) “Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(8) “Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li membru ta' tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal tiegħu;

(9) “dejta personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, dejta dwar il-post, identifikatur onlajn jew aktar fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(10) “Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fi [pajjiż terz] billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;

(11) “Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Artikolu 3

Pjan operazzjonali

Pjan operazzjonali għandu jiġi miftiehem għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera. Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-dejta personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn il-[pajjiż terz] u l-Aġenzija. 

Artikolu 4

Kompiti u poteri tal-membri tat-tim

1.    Il-membri tat-tim għandhom ikollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2.    Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ [pajjiż terz].

3.    Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju ta' [pajjiż terz] biss fuq struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ta' [pajjiż terz]. Il-[pajjiż terz] għandu jagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-Pjan Operazzjonali meta xieraq. [pajjiż terz] jista' jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f'ismu.

L-Aġenzija, permezz tal-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni tagħha, tista’ tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lil [pajjiż terz] dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F'dak il-każ, [pajjiż terz] għandu jikkunsidra dawn il-opinjonijiet u jsegwihom sa fejn ikun possibbli.

F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-Pjan Operazzjonali, l-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni għandu jirrapporta immedjatament għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.

4.    Il-membri tat-tim għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu b'mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali ta' [pajjiż terz], il-membri tat-timijiet għandhom, f'kull ħin iġorru magħhom id-dokument ta' akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 7.

5.    Meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini. [pajjiż terz] għandu, qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kondizzjonijiet biex jintużaw.

6.    Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini u ta' [pajjiż terz], fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ta' [pajjiż terz] u f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' [pajjiż terz]. [Pajjiż terz] jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ta’ [pajjiż terz].

7.    [Pajjiż terz] jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw il-bażijiet tad-dejta tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-dejta li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw il-poteri tagħhom. [pajjiż terz] għandu, qabel ma jitbagħtu l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar liema bażijiet ta' dejta nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta ta' [pajjiż terz].

Artikolu 5

Is-sospensjoni u t-Terminazzjoni tal-azzjoni

1.    Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jkun informa lil [pajjiż terz] bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati minn [pajjiż terz]. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lil [pajjiż terz] bir-raġunijiet għal dan.

2.    [Pajjiż terz] jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni, wara li jinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettat mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant. [Pajjiż terz] għandu jinnotifika lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.

3.    B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jew il-[pajjiż terz] jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

4.    It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

Artikolu 6

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

1.    Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni.

2.    Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 6.

3.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] fi kwalunkwe ċirkostanza. Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] ma jeżentahomx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini. L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru tal-oriġini skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.

4.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-[pajjiż terz] fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra l-membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tal-[pajjiż terz], id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx imwettaq mill-Membri tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jibda. Jekk l-att ma kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv u mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tal-[pajjiż terz], li ma jistax jikkontestaha. Il-bidu ta’ proċedimenti minn membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontrotalba relatata mat-talba prinċipali.

5.    Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu xhieda.

6.    L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. L-oġġetti tal-membri tat-tim, li jkunu ċertifikati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandhom ikunu ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunke miżura oħra ta’ kostrinġiment.

7.    L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni ta' [pajjiż terz] ma għandhiex teżentahom mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri tal-oriġini rispettivi tagħhom.

8.    Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fi [pajjiż terz].

9.    Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fi [pajjiż terz] fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra [pajjiż terz].

10.    [Pajjiż terz] għandu, f'konformità ma' dawk il-liġijiet u r-regolamenti li jista' jadotta, jippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandu jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta' dawn l-oġġetti. [Pajjiż terz] għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti.

11.    Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun ikkunsidrat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina ta' [pajjiż terz]. L-ispezzjoni ta' dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija. 

Artikolu 7

Dokument ta' Akkreditazzjoni

1.    L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni ma’ [pajjiż terz], toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali ta' [pajjiż terz] u f’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz] u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

2.    Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għal [pajjiż terz] mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

3.    Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

Artikolu 8

Drittijiet Fundamentali

1.    Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

2.    Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Ipproċessar ta' dejta personali

1.    L-ipproċessar tad-dejta personali għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim minn [pajjiż terz], mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti. 

2.    L-ipproċessar ta’ dejta personali minn [pajjiż terz] għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu.

3.    L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Aġenzija u mill-Istat(i) Membru/i parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ dejta personali lejn [pajjiż terz], għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

4.    F'każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta' dejta personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-dejta personali lil [pajjiż terz], kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f'termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għal trasferiment, tħassir jew qerda. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-dejta personali, dawn għandhom jinformaw lil [pajjiż terz] dwar dan.

5.    Dejta personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Aġenzija, mill-Istati Membri parteċipanti u [pajjiż terz] f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

6    L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u [pajjiż terz] għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta. Huma għandhom jirrapportaw għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Artikolu 10

Tilwim u interpretazzjoni

1.    Il-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu b'rabta mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti ta' [pajjiż terz].

2.    Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjar bejn [pajjiż terz] u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha, kull meta jkun meħtieġ, tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġarr tal-pajjiż terz.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni tal-Ftehim

1.    Dan il-Ftehim għandu jkun approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni proprji tagħhom.

2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data minn meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri legali interni msemmija fil-paragrafu 1 tlestew.

3.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu b'mod indefinit. Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tan-notifika.

4.    Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan. It-terminazzjoni għandha tieħu effett mill-ewwel jum tax-xahar li jsegwi dak tan-notifika tagħha.

5.    In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ ta’ [pajjiż terz], lil [għad irid jiġi determinat].

Magħmul fi.... fi... bi [waħda mil-lingwi tal-Unjoni] u bi [il-lingwa/i tal-pajjiż terz], biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi.

Firem:

Għall-Unjoni Ewropea

Għal [pajjiż terz]

Top