EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0739

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà

COM/2016/0739 final

Strasburgu, 22.11.2016

COM(2016) 739 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli

Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà

{SWD(2016) 390 final}


1. Introduzzjoni: l-impenn tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli

L-iżvilupp sostenibbli ilu żmien twil fil-qalba tal-proġett Ewropew. It-Trattati tal-UE jagħrfu d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu li jinħtieġ li jiġu indirizzati flimkien. L-UE hija impenjata favur żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent u li ma jxekkilx il-ħila tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Ħajja dinjituża għal kulħadd fil-limiti tal-pjaneta, li tirrikonċilja l-prosperità ekonomika u l-effiċjenza, soċjetajiet paċifiċi, l-inklużjoni soċjali u r-responsabbiltà ambjentali, hija fl-essenza tal-iżvilupp sostenibbli.

Is-soċjetajiet Ewropej illum jaffaċċjaw bosta sfidi għas-sostenibbiltà, li jmorru mill-qgħad fost iż-żgħażagħ għat-tixjiħ demografiku, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, l-enerġija sostenibbli u l-migrazzjoni. Irridu nindirizzaw l-isfidi attwali u nħejju wkoll għall-ġejjieni, b’risposta għall-pass u l-kumplessità tal-bidla globali u għad-domandi ta’ popolazzjoni globali li qiegħda tikber. Biex nippreservaw il-mudell soċjali Ewropew u l-koeżjoni soċjali, huwa essenzjali li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna, inrawmu t-tkabbir inklussiv u sostenibbli, nindirizzaw l-inugwaljanza u nimmaniġġaw il-migrazzjoni sew. Il-ħidma favur politki fiskali responsabbli u l-implimentazzjoni ta’ riformi se jsaħħu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet tagħna. Biex nippreservaw il-kapital naturali tagħna, huwa kruċjali li titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, effiċjenti fir-riżorsi, u ċirkolari. Sabiex dawn l-isfidi jissarrfu f’opportunitajiet għal negozji ġodda u impjiegi ġodda, hemm bżonn ta’ impenn qawwi fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

L-UE titlaq minn pożizzjoni b’saħħitha u b’rekord b’saħħtu, b’livell għoli ta’ żvilupp ekonomiku, ta’ koeżjoni soċjali, ta’ soċjetajiet demokratiċi u b’impenn favur żvilupp sostenibbli, li huwa ankrat sod fit-Trattati Ewropej 1 . It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 2 jeżiġi wkoll li l-Unjoni tara li jkun hemm konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politiki l-oħrajn tagħha.

Taħt il-Kummissjoni preżenti, l-iżvilupp sostenibbli ġie integrat fi proġetti transsettorjali ewlenin, kif ukoll f’politiki u inizjattivi settorjali. Fl-imgħoddi, tnediet Strateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli fl-2001 3 , li ġiet riveduta fl-2006 4 u rieżaminata fl-2009 5 . Mill-2010 ’l hawn, l-iżvilupp sostenibbli ġie integrat fl-istrateġija Ewropa 2020 6 , ġie kkonfermat mill-Kummissjoni preżenti u ġie mibni madwar l-edukazzjoni u l-innovazzjoni (“intelliġenti”), emissjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju, ir-reżiljenza tal-klima u l-impatt ambjentali (“sostenibbli”), u l-ħolqien tax-xogħol u t-tnaqqis tal-faqar (“inklużiv”).

1.1 L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs)

L-2015 kienet sena definittiva għall-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja. Matul is-70 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015, il-mexxejja dinjin adottaw qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenda 2030”) 7 li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima (COP21) 8 , l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa 9 , bħala parti integrali mill-Aġenda 2030, u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 10 ġew ukoll adottati fl-istess sena.

L-UE kienet strumentali fit-tiswir tal-Aġenda 2030 globali, li hija kompletament konsistenti mal-viżjoni Ewropea u llum saret il-pjan ta’ azzjoni dinji għall-iżvilupp sostenibbli globali. L-Aġenda 2030 tirrappreżenta impenn għall-qerda tal-faqar u għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli sal-2030 madwar id-dinja, sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura. Is-17-il SDG u l-169 mira assoċjati tagħhom huma ta’ xorta globali, applikabbli b’mod universali u huma minsuġin f’xulxin. Il-pajjiżi kollha, dawk żviluppati kif ukoll dawk fil-fażi tal-iżvilupp jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltà li jinkisbu l-SDGs. L-Aġenda 2030 tintegra b’mod bilanċat it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli - dik ekonomika, dik soċjali, u dik ambjentali - u tirrefletti għall-ewwel darba kunsens internazzjonali li l-paċi, is-sigurtà, il-ġustizzja għal kulħadd, u l-inklużjoni soċjali mhumiex biss affarijiet li għandu jkun hemm sforz li jinkisbu għal rashom, iżda li dawn isaħħu lil xulxin.

L-Aġenda 2030 hija msejsa fuq sħubija globali li tinvolvi l-partijiet interessati kollha, li teħtieġ mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta’ implimentazzjoni kif ukoll mekkaniżmu ta’ segwitu u valutazzjoni b’saħħtu biex ikunu żgurati l-progress u l-għoti ta’ rendikont. Is-17-il SDG jipprovdu għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi għall-15-il sena li jmiss sabiex inħejju lilna nfusha għall-ġejjieni u naħdmu favur id-dinjità tal-bniedem, l-istabbiltà, pjaneta f’saħħitha, soċjetajiet ġusti u reżiljenti u ekonomiji prosperużi. Dawn se jgħinu biex imexxu proċess ta’ konverġenza: bejn l-Istati Membri, fis-soċjetajiet infushom, u mal-bqija tad-dinja.

1.2 Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli

L-UE għandha impenn sħiħ li tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-SDGs, flimkien mal-Istati Membri tagħha, konformi mal-principju tas-sussidjarjetà. L-Aġenda 2030 se tkompli tikkatalizza approċċ konġunt bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki l-oħrajn tagħha, u koerenza bejn l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.

Ir-risposta tal-UE għall-Aġenda 2030 se tinkludi żewġ linji ta’ ħidma. L-ewwel linja ta’ ħidma, ippreżentata f’din il-komunikazzjoni, hija l-integrazzjoni sħiħa tal-SDGs fil-qafas tal-politika Ewropew u fil-prijoritajiet tal-Kummissjoni attwali, valutazzjoni tal-qagħda tagħna bħalissa, u l-identifikazzjoni tal-iktar tħassib dwar is-sostenibbiltà relevanti. It-tieni linja se tvara ħidma ta’ riflessjoni fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-viżjoni fit-tul tagħna u l-fokus ta’ politiki settorjali wara l-2020, bi preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-SDGs fuq żmien twil. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 se jirriorjenta l-kontribuzzjonijiet tal-baġit tal-UE lejn il-kisba tal-objettivi fuq żmien twil tal-UE.

2. It-tweġiba Ewropea għall-Aġenda 2030

L-Aġenda 2030 tipprovdi opportunità għall-UE li tankra fis-sod l-orjentament strateġiku tagħha fl-isforz dinji li jinbena ġejjieni sostenibbli, li l-Unjoni ffurmat flimkien ma’ sħabha. Diġà qed issir ħidma biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli permezz ta’ ħafna mill-politiki tal-UE, u l-għanijiet ġew integrati fl-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni kollha kemm huma.

2.1 Immappjar tal-politiki Ewropej li jikkontribwixxu għall-SDGs

Ħarsa globali sħiħa ta’ kif il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej jikkontribwixxu għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, fl-UE nfisha u permezz tal-azzjoni esterna tal-UE, hija ppreżentata fid-dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. L-iktar azzjonijiet relevanti li l-UE qiegħda twettaq huma ppreżentati fil-qosor għal kull wieħed mis-17-il SDG.

Dan l-eżerċizzju ta’ mmappjar juri li l-politiki preżenti tal-UE jindirizzaw kull wieħed mis-17-il għan. L-istrateġija Ewropa 2020 għandha rwol importanti biex jiġu indirizzati bosta SDGs. Filwaqt li l-Ewropea tista’ turi kisbiet tajbin u progress lejn kull għan, se jkun hemm bżonn implimentazzjoni msaħħa u iktar azzjoni ffukata f’kull qasam biex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi sal-2030.

L-istrumenti użati biex ikun hemm riżultati għal SDGs individwali jiddependu wkoll dwar kif ikunu mqassma r-responsabbiltajiet bejn l-UE u l-Istati Membri.

Xi wħud mill-azzjonijiet ewlenin li jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs fl-UE nfisha jinkludu:

Għall-SDG 1 "Jintemm il-faqar f'kull forma tiegħu kullimkien", ir-rwol tal-Unjoni Ewropea internament, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa primarjament li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-faqar sabiex tgħinhom jilħqu l-mira ewlenija dwar il-faqar stabbilita mill-istrateġija Ewropa 2020 f’kuntest fejn il-kriżi affettwat il-progress fil-kisba ta’ din il-mira.

Għall-SDG 2 "Jintemm il-ġuħ, tinksib is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli", il-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata għandha tliet objettivi li għadhom rilevanti ħafna u li ngħataw prijorità fl-aġenda: il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u tal-azzjoni klimatika, u l-iżvilupp territorjali bilanċjat. B’mod simili, il-Politika Komuni tas-Sajd għandha l-għan li tikkontribwixxi għal provvista sostenibbli tal-ikel permezz ta’ attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli. Permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, l-UE tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu biżżejjed ammonti ta’ ikel sikur u nutrittiv lill-aktar persuni fil-bżonn. Dawn il-politiki huma kkumplimentati minn azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni dwar is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni bħal FOOD 2030.

Għall-SDG 3 "Jiġu żgurati ħajjiet f'saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età", l-UE tikkomplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta’ leġiżlazzjoni u inizjattivi oħrajn dwar is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa u problemi tas-saħħa marbutin mal-ambjent (inkluża l-kwalità tal-arja, is-sustanzi kimiċi, u l-iskart). Is-saħħa hija importanti għall-benessri individwali tan-nies, u biex tissawwar ekonomija sostenibbli, minħabba li din hija kruċjali tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività 11 . Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-SDG, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-mortalità minn mard kroniku, l-iżgurar ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità, it-tisħiħ tal-kapaċità għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ theddid globali għas-saħħa (inkluża r-reżistenza għall-antimikrobiċi), it-tmiem tal-HIV/AIDS u t-tuberkulożi (u t-tnaqqis tal-epatite), u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.

Għall-SDG 4 "Tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwitabbli u jiġu promossi l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd", l-UE stabbiliet miri ewlenin tal-Ewropa 2020 fuq in-numru ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u fuq il-kisba ta’ edukazzjoni terzjarja. Permezz tal-Aġenda għall-Ħiliet, il-qafas strateġiku tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 għat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju, u l-programm Erasmus+, l-UE tiffoka l-isforzi tagħha biex tappoġġa b’mod attiv l-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiggarantixxu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

B’rabta mal-SDG 5 "ITinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet kollha", l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ilha mnaqqxa fil-qafas politiku u legali tal-UE mill-bidu nett tal-integrazzjoni Ewropea u qegħdin jiġu żviluppati politiki ġodda sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet persistenti bejn is-sessi. Bl-istess mod, l-SDG 10 "Titnaqqas l-inugwaljanza ġewwa u bejn il-pajjiżi", hija fil-qalba tal-aġenda soċjali u tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

Il-ħarsien tal-ambjent huwa fundamentali għall-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Diversi SDGs għandhom dimensjoni ambjentali b’saħħitha, inklużi l-SDG 6 ("Jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u miżuri sanitarji għal kulħadd"), l-SDG 14 ("Jiġu kkonservati u użati b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli") u l-SDG 15 ("Jitħarsu, jiġu restawrati u jiġi promoss l-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri, il-foresti jiġu ġestiti b'mod sostenibbli, tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni, u titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità"). It-titjib ambjentali tal-Ewropa fl-aħħar deċennji kien xprunat mil-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni f’oqsma bħall-kwalità tal-ilma u l-konservazzjoni tan-natura. Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats iħarsu l-ekosistemi, u l-espansjoni tan-netwerk Natura 2000 ta’ żoni protetti għal 18 % tal-art tal-UE kienet kisba importanti. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE tal-waqfien tat-telfien tal-bijodiversità sal-2020 u tar-restawr ta’ tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati. Filwaqt li l-istokkijiet ta’ ħut tal-Ewropa storikament batew minn sajd eċċessiv, ħafna stokkijiet illum il-ġurnata qegħdin jirkupraw bis-saħħa ta’ Politika Komuni tas-Sajd ibbażata sew fuq ix-xjenza. Il-Komunikazzjoni Konġunta adottata dan l-aħħar dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 12 tistipula azzjonijiet biex jiġu żgurati oċeani siguri, nodfa u mmaniġġati b’mod sostenibbli.

Filwaqt li għadha affaċċjata b’firxa ta’ sfidi relatati mal-kapital naturali, l-UE qiegħda tikkomplimenta dejjem aktar approċċi leġiżlattivi b’politiki oħrajn imfasslin għal "Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni" jew l-SDG 12. Hawnhekk, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari għandhom l-għan li jtemmu r-relazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu ta’ riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali. Għall-konsum sostenibbli se jkun hemm bżonn ukoll politiki tal-konsumatur li jqajmu kuxjenza u jippermettu lill-konsumatur jagħmel għażliet informati li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà.

Fil-qasam tal-enerġija u tal-klima, l-SDG 7 "Jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd" u l-SDG 13 "Tittieħed azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu", l-UE fasslet miri ambizzjużi għall-2030 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u żżid il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, hemm impenn politiku li jiġi ddedikat tal-anqas 20 % mill-baġit tal-UE għall-azzjoni klimatika. Il-Kummissjoni diġà pproponiet kif jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra f’kull settur tal-ekonomija 13 u huwa mistenni li ma jdumx ma jkun hemm pakkett ta’ inizjattivi biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa. Dan il-pakkett se jiffukaw fuq it-twettiq tal-objettivi għall-effiċjenza enerġetika u tar-rinnovabbli bil-ħsieb li tiġi realizzata l-Unjoni tal-Enerġija u b’mod partikolari l-qafas ta' politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030. Dan se jgħin biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir u jagħmel differenza rapida għall-ekonomija reali.

Min-naħa soċjo-ekonomika, l-istrateġija Ewropa 2020 għal impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li timmira għal rata ta’ impjieg ta’ 75 % għall-etajiet ta’ bejn l-20 u l-64 sena, u dan jgħin sabiex tindirizza l-SDG 8 "Jiġu promossi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, okkupazzjoni sħiħa u produttiva u ta’ xogħol diċenti għal kulħadd". L-irkupru fis-suq tax-xogħol issaħħaħ matul l-2015 u l-2016, b’titjib sinifikanti f’ħafna mill-indikaturi. Ir-rata ta’ impjieg (20-64 sena) żdiedet fl-UE b’0,9 punti perċentwali fl-2015 u baqgħet tiżdied sa 71,1 % fit-tieni trimestru tal-2016, sabiex qabżet il-livell ta’ qabel il-kriżi ta’ 70,3 % (annwali) fl-2008 14 . Madankollu, għad li qegħdin jonqsu, id-disparitajiet fis-suq tax-xogħol bejn l-Istati Membri għadhom kbar meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel il-kriżi u l-isfidi marbutin mal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad ta’ persuni b’diżabilità għadhom preżenti f’diversi Stati Membri.

Għall-SDG 9 "Tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossa industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni ", il-Pjan ta’ Investiment ikopri investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin bħall-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fil-finanzjament ta’ riskju għal negozji żgħar. Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 15 ikopru wkoll l-investimenti fl-infrastruttura u fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qed tiffinanzja netwerks u infrastrutturi reżiljenti fit-trasport, fit-telekomunikazzjoni u fl-enerġija. Ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jirfdu l-implimentazzjoni ta’ tista’ tgħid kull SDG, huma ffinanzjati permezz tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020). It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-2016 għadha turi li l-prestazzjoni tal-UE qiegħda f’vantaġġ fuq bosta oħrajn u l-isfida hi li din il-pożizzjoni tinżamm.

Rigward l-SDG 11 "L-ibliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli", l-ibliet tal-UE, immexxija minn Stokkolma, Vjenna, Londra, Frankfurt u Hamburg, saru ħamsa mill-aktar tmien ibliet sostenibbli 16 . L-Aġenda Urbana għall-Unjoni Ewropea hija sforz konġunt tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-bliet Ewropej, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-politiki Ewropej u nazzjonali. B’konformità mal-Aġenda Urbana l-Ġdida tan-NU, l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-kuntesti urbani permezz tal-prevenzjoni ta’ diżastri u ta’ riskji relatati mal-klima. Il-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u għall-Enerġija huwa azzjoni lokali u reġjonali minn isfel għal fuq għall-indirizzar b’mod integrat tal-mitigazzjoni u tal-adattament għat-tibdil fil-klima, u tal-aċċess għal enerġija sigura, sostenibbli u affordabbli.

Għall-SDG 16 "Jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, jingħata aċċess għall-ġustizzja lil kulħadd u jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha" il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE huma implimentati b’ħafna mill-prinċipji sottostanti ankrati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u jmorru lil hinn mill-ambizzjoni stabbilita fl-SDG 16.

Skont l-SDG 17 "Jissaħħu l-mezzi ta’ implimentazzjoni tas-Sħubija Globali għat-Tkabbir Sostenibbli u li din tiġi rivitalizzata", il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se taħdem sabiex timplimenta l-aġenda billi ddaħħal fis-seħħ politiki faċilitanti, timmobilizza mezzi finanzjarji adegwati ta’ implimentazzjoni mis-sorsi kollha inkluż is-settur privat, il-bini ta' kapaċità, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, il-kummerċ, filwaqt li tiżgura koerenza bejn il-politiki, u ssawwar sħubijiet għat-tisħiħ tat-twassil. L-istrateġija “Kummerċ għal Kulħadd” 17 adottata dritt wara l-Aġenda 2030 tan-NU, torbot lill-UE għal politika ta’ kummerċ u investiment responsabbli bħala strument tal-implimentazzjoni tal-SDGs li tikkontribwixxi għal spinta għall-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment fl-Ewropa u barra minnha.

Barra minn hekk, diversi strumenti finanzjarji tal-UE jikkomplimentaw il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej u jikkontribwixxu b’mod orizzontali għall-SDGs. Pereżempju, il-politika ta’ koeżjoni - permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej - hija l-politika ta’ investiment ewlenija tal-UE, li għandha l-għan li tikseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni. Din tikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 u għad-diversi ħtiġijiet ta’ żvilupp fir-reġjuni kollha tal-UE b'aktar minn EUR 350 biljun għall-perjodu 2014-2020. Barra minn hekk, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE, Orizzont 2020, huwa transettorjali u jiffinanzja proġetti li jikkontribwixxu għal diversi SDGs. F’diversi modi, l-UE tara li jkunu żgurati s-sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji u l-politiki.

2.2. Il-kontribuzzjoni tal-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-Aġenda 2030

L-aġenda politika tal-Kummissjoni preżenti hija ffukata fuq l-impjiegi, it-tkabbir, il-korrettezza u l-bidla demokratika, wara diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew ispirata mill-“Aġenda strateġika għall-Unjoni fi żminijiet ta' bidla” tal-Kunsill Ewropew. L-għaxar prijoritajiet tal-aġenda jindirizzaw sfidi ewlenin għall-Ewropa. Ħafna mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli huma minsuġa sew ma’ dawn l-isfidi u l-għanijiet tal-Kummissjoni skont l-għaxar prijoritajiet.

It-taqsima li ġejja tikkondensa l-iktar sinerġiji relevanti bejn l-SDGs u l-10 prijoritajiet. Billi nisfruttaw is-sinerġiji bejn l-SDGs u l-ogħla prijoritajiet tal-Kummissjoni, inkunu qegħdin niżguraw sens ta’ sjieda politiku b’saħħtu, u nevitaw li l-implimentazzjoni tal-SDGs isseħħ f’vakwu politiku.

Barra minn hekk, it-Taqsima 2.3 tagħti ħarsa lejn l-iktar impenji relevanti skont l-azzjoni esterna tal-UE, u tkopri l-prijorità 6 dwar il-kummerċ u l-prijorità 9 dwar attur globali aktar b’saħħtu.

Il-biċċa l-kbira tal-ħidma skont il-“Prijorità 1. Spinta ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment” qiegħda tagħti riżultati li jaqgħu taħt bosta SDGs u jindirizzaw sfidi ewlenin għas-sostenibbiltà li l-Ewropa qiegħda taffaċċja.

Mindu faqqgħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-UE batiet minn qgħad għoli, diskrepanza fl-investiment u nuqqas ta’ kompetittività. Il-faqar u l-inugwaljanza għadhom ta’ tħassib. Il-mudell soċjali Ewropew mhuwiex se jkun sostenibbli fil-ġejjieni jekk it-tkabbir jibqa’ fil-livell li hu. F’soċjetà li qiegħda tixjieħ, bi proporzjon preżenti ta’ żewġ (2) persuni attivi jsostnu persuna mhux attiva bħala medja madwar l-UE 18 , l-obbligazzjonijiet tal-pensjoni f’bosta Stati Membri se jiżdiedu b’mod sinifikanti 19 filwaqt li ċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqgħu għoljin.

Din hija r-raġuni għaliex il-prijorità ewlenija mill-bidu ta’ din il-Kummissjoni kienet li tagħti spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir, u lill-investiment. Ir-rekord Ewropew ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku ta’ suċċess tul l-aħħar 60 sena jrid jiġi estiż permezz tal-ħolqien sostenibbli tax-xogħol biex jingħataw opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri u jitjiebu l-eżiti soċjali f’termini ta’ tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza. Dan se jiżgura l-kompetittività fit-tul tal-Ewropa fl-ekonomija globali filwaqt li jiġi ppreservat l-istil ta’ ħajja Ewropew.

F’ambjent globali kompetittiv li fih l-UE ma għandhiex tikkompeti b’pagi baxxi, l-investiment f’edukazzjoni u f’taħriġ ta’ kwalità (SDG 4) u fiż-żgħażagħ huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-kompetenza ċentrali taqa’ taħt l-Istati Membri, iżda sabiex ikunu sostnuti, l-istrumenti kollha disponibbli fil-livell tal-UE bħal Erasmus+ u l-politika ta' koeżjoni jridu jiġu mmobilizzati bis-sħiħ. Il-prosperità u l-istil tal-ħajja tal-Ewropa huma msejsin fuq l-akbar assi tagħha: in-nies tagħha. Mill-2010 sal-2014, l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ naqas bi 2,5 % fl-UE kollha kemm hi 20 . Investimenti intelliġenti li jtejbu l-kwalità tal-ħiliet u jsaħħu l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni huma essenzjali. Il-Kummissjoni se tindirizza l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u l-kwalità tal-apprendistati u l-intraċċar aħjar tal-gradwati s-sena d-dieħla. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ se tissaħħaħ bħala għodda għall-investiment fiż-żgħażagħ, fil-ħiliet tagħhom u fl-ewwel passi fil-karriera tagħhom.

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa 21 ( pereżempju SDG 8, 9, 12, 13 u oħrajn) huwa intiż biex jiġu mobilizzati EUR 500 bn f’investimenti addizzjonali fl-ekonomija reali permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) sal-2020. L-investiment f’diversi setturi strateġiċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-ilma, l-enerġija, it-trasport u infrastruttura oħra, l-industriji u l-agrikoltura, u l-promozzjoni ta’ inizjattivi orjentati lejn il-futur, bħall-enerġija rinnovabbli, l-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kellhom sehem importanti fis-suċċess tal-ewwel stadju tal-FEIS. Għat-tieni stadju, FEIS 2.0 22 , il-Kummissjoni pproponiet mira kwantitattiva (40 %) fuq proġetti mmirati dwar it-tibdil fil-klima. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni fl-ogħla livell se jippromwovu proposti li jħarsu ’l quddiem mhux biss għall-mira tal-klima iżda anki sabiex jiżguraw l-adozzjoni ta’ proġetti tat-tkabbir sostenibbli usa’. Barra minn hekk, il-proposta l-ġdida se tagħmilha iktar faċli li tiġi kkombinata ma’ sorsi ta’ finanzjament ewlenin oħrajn bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej biex jiġi sostnut it-tkabbir sostenibbli f’bosta setturi fl-UE.

L-ekonomija ċirkolari (SDG 6, 8, 9, 11, 12, 13, 14, 15) toffri aġenda trasformattiva b’potenzjal sinifikanti ta’ impjiegi ġodda u għat-tkabbir u tistimola l-mudelli sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni. Enfasi fuq l-effiċjenza fir-riżorsi u l-minimizzazzjoni tal-iskart f’kuntest ta’ tnaqqis globali rapidu tar-riżorsi tagħti lill-UE spinta kompetittiva u tistimola l-innovazzjoni. Din toħloq impjiegi lokali, fil-livelli ta’ ħiliet kollha u b’opportunitajiet għal integrazzjoni soċjali. It-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari toffri opportunità għall-Ewropa sabiex timmodernizza l-ekonomija tagħha, tadattaha aħjar għall-ġejjieni, tagħmilha aktar ekoloġika u kompetittiva. L-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi wkoll għal livelli anqas ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u għall-iffrankar tal-enerġija kif ukoll għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2015 dwar l-ekonomija ċirkolari għadha għolja fl-aġenda tal-Kummissjoni kif jikkonferma l-Programm ta’ Ħidma għall-2017.

Il-qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa se jkun lest fl-2017. Sabiex jiżdied l-investiment fl-ekonomija ċirkolari, se tiġi mwaqqfa pjattaforma li ssostni l-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari. Inizjattiva ġdida oħra fl-2017 se tkun strateġija komprensiva dwar il-plastik sabiex jittejbu l-ekonomija, il-kwalità u l-użu tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-plastik u sabiex jitnaqqas il-ħrib tal-(mikro)plastik fl-ambjent. Din se tgħin lill-industrija Ewropea biex tiżviluppa l-plastik tal-futur, li jkun inqas dependenti fuq il-karburanti fossili u li joffru soluzzjonijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis marittimu globali (SDG 14). Biex jiġi promoss l-użu mill-ġdid ta’ ilma mormi ttrattat, se jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-ilma użat mill-ġdid (SDG 6). Se tittieħed azzjoni dwar sistemi ta’ ikel sostenibbli u dwar il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel (SDG 12) permezz tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf ta’ Ikel u l-Ħela ta’ Ikel, biex isostnu l-mira tan-NU li l-ħela tal-ikel titnaqqas bin-nofs sal-2030. Hija ppjanata azzjoni ffukata biex jiġu ffaċilitati d-donazzjoni tal-ikel u l-użu sikur tal-ikel mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem għall-produzzjoni ta’ għalf tal-annimali kif ukoll immarkar aktar effettiv tad-data fuq l-ikel.

L-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali tal-UE (SDGs 6, 14, 15) għadha vitali għas-sostenibbiltà fit-tul, għall-kwalità tal-ħajja u hija inseparabbli mill-isfidi ekonomiċi u soċjali ġenerali. Kif inhu enfasizzat fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, il-manutenzjoni u t-titjib tal-bażi ta’ riżorsi naturali tagħna huma essenzjali wkoll għas-setturi ekonomiċi tagħna sabiex ifornu s-servizzi tagħhom, pereżempju l-agrikoltura, is-sajd jew l-enerġija. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-intraċċar tal-progress tal-objettivi ambjentali permezz tar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali u se tvara inizjattivi li jissimplifikaw ir-rapportar ambjentali, jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, u jappoġġaw il-konformità ambjentali fl-Istati Membri (SDG 17).

L-agrikoltura (SDG 2) taqdi rwol sostanzjali fl-Aġenda 2030 u fi kwalunkwe ġejjieni sostenibbli billi hija marbuta b’mod intrinsiku ma’ kwistjonijiet bħall-impjiegi, l-ikel, l-arja, it-tibdil fil-klima, l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità (SDGs 8, 12, 6, 13 u 15). Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma u tikkonsulta b’mod wiesa’ dwar is-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni sabiex timmassimizza l-kontribuzzjoni tagħha għall-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Bil-ħidma tagħha fuq il-“Prijorità 3. Enerġija tal-Unjoni reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem”, l-UE adottat qafas ċar għall-2030 u qiegħda taħdem b’mod attiv favur il-kisba taż-żewġ SDGs relevanti.

L-UE hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja 23 , vulnerabbli għal xokkijiet fil-provvista. Huwa għalhekk li s-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq, l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ riżorsi tal-enerġija indiġeni, b’mod partikolari r-rinnovabbli, huma importanti sabiex inaqqsu d-dipendenza tagħna fuq fornituri esterni filwaqt li niddekarbonizzaw l-ekonomija u nistimolaw setturi kummerċjali ġodda. L-Ewropa teħtieġ l-għażliet it-tajbin issa, minħabba li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju se tkun iktar diffiċli mill-kostijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ swieq tal-enerġija frammentati. L-objettiv tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li tiżgura enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi (SDG 7). L-Unjoni tal-Enerġija tippromwovi kooperazzjoni u integrazzjoni tal-enerġija sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. Ir-rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari, huma fil-qalba ta’ din l-istrateġija tal-UE billi għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima filwaqt li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija u jsaħħu l-pożizzjoni ta’ tmexxija industrijali u teknoloġika tal-UE.

Il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 huwa stadju storikament sinifikanti fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima (SDG 13); huwa suċċess għad-dinja u konferma tat-triq tal-UE lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. L-UE ffissat mira domestika ambizzjuża mifruxa mal-ekonomija kollha ta’ tnaqqis ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2030. Il-mira hija bbażata fuq tbassir globali li huwa konformi mal-ambizzjoni ta' terminu medju tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE se tkompli tmexxi bl-eżempju u bl-azzjoni fuq politiki regolatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għat-tisħiħ tal-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-ġestjoni tar-riskju minn diżastri, iżda wkoll fuq fatturi faċilitanti li jaċċeleraw l-investiment pubbliku u privat fl-innovazzjoni u fil-modernizzazzjoni fis-setturi ewlenin kollha. L-istrateġija ta’ mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet tikkontribwixxi għall-kisba ta’ sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi. Dwar l-avjazzjoni u t-tbaħħir, l-UE qdiet rwol ta’ tmexxija fil-ftehimiet globali li ġew maqbula din is-sena biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet. Il-proposti għall-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, li jkopru s-setturi kollha tal-ekonomija fl-UE, qegħdin jiġu nnegozjati 24 .

Għall-“Prijorità 4. Suq intern aktar approfondit u ġust b’bażi industrijali msaħħa”, b’mod partikolari l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jitmexxa ’l quddiem approċċ ġdid u li jħares ’il quddiem sabiex jiġi żgurat finanzjament sostenibbli, b’rabta ma’ bosta SDGs.

Il-finanzi sostenibbli (SDG 8, 9, 13, 14 u 15) għandhom prijorità fl-aġenda tal-G20 u fl-Ewropa, il-ministri tal-finanzi, ir-regolaturi u l-industrija lkoll qegħdin jaraw b’mod attiv x’jista’ jsir. Fid-dawl tal-SDGs, il-Ftehim ta’ Pariġi u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, aktar ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi, l-UE trid li s-sistema finanzjarja attwali tkun allinjata aħjar mal-politiki tagħha b’appoġġ għat-tkabbir sostenibbli u tal-investimenti. F'dan il-kunest, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tistipula inizjattivi konkreti dwar, pereżempju, il-bonds ħodor, il-promozzjoni ta’ investimenti ta’ terminu twil jew l-aspetti prudenzjali marbutin mar-regolamentazzjoni tal-banek. Barra minn hekk, hemm sistema fis-seħħ li tiżgura trasparenza akbar għall-investituri dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità, inkluż fuq kwistjonijiet ambjentali, aspetti soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tixħim u kwistjonijiet oħrajn. Id-definizzjoni ta’ strateġija koerenti tal-UE dwar finanzjament sostenibbli se tgħin sabiex jiġu identifikati, prijoritizzati u sekwenzjati l-modi li bihom ir-riforma tal-politika finanzjarja tal-UE tista’ tippermetti u tiggalvanizza l-fluss ta’ kapital (pubbliku u privat) lejn investimenti sostenibbli.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti ta’ livell għoli sabiex jipprovdi pariri dwar l-iżvilupp ta’ strateġija ġenerali u komprensiva tal-UE dwar il-finanzjament sostenibbli, b’enfasi partikolari fuq l-isfidi li jġib miegħu r-riskju mill-klima u ambjentali għas-sistema finanzjarja u l-ħtieġa li jiġu kkontrollati s-swieq finanzjarji bi tweġiba għal dawn l-isfidi. Il-grupp ta’ esperti se jirrifletti wkoll fuq kif ir-rakkomandazzjonijiet pertinenti jistgħu jiġu estiżi għal dimensjonijiet oħrajn ta’ sostenibbiltà. Dan għandu jippermetti lill-UE tibqa’ mexxej internazzjonali fl-iżvilupp ta’ swieq sostenibbli. Il-Kummissjoni se tagħti segwitu fuq din il-ħidma fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fl-2017.

Għall-“Prijorità 5. Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u ġusta”, b’mod partikolari l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-azzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jgħinu sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-ħidma fis-Seklu 21 kif meħtieġ mill-SDGs.

F’kuntest ta’ tibdil rapidu ekonomiku, fis-suq tax-xogħol, soċjali, demografiku, u teknoloġiku, il-kwistjoni ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli, ta’ impjiegi u ta’ xogħol diċenti (SDG 8) saret aktar rilevanti minn qatt qabel għall-Ewropa. Wara l-kriżi, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu l-għan li jqiegħed il-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-politiki tal-UE. Sett ta’ prinċipji ewlenin għat-twettiq tal-politiki dwar l-impjiegi u soċjali se jgħin sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni xejriet ekonomiċi, soċjali u demografiċi ġodda. Is-saħħa hija wieħed mill-elementi li għandhom rwol fil-promozzjoni tal-kapital uman fit-termini ta’ produttività u parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Bħala mod biex itejjeb il-konverġenza axxendenti soċjali u tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fiż-żona euro, il-Pilastru se jgħin fit-twettiq tal-SDGs 1, 3 u 10.

Barra minn hekk, l-azzjoni tal-UE dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u l-Imġiba Responsabbli tan-Negozju tħeġġeġ lis-settur privat jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi soċjali u ambjentali, u b’hekk irawwem tkabbir ekwitabbli u sostenibbli u l-ħarsien tad-drittijiet soċjali (SDG 8). Tul il-ktajjen ta’ provvista globali, il-politiki tal-UE jikkontribwixxu għal prattiki iktar sostenibbli fil-ġestjoni tal-foresti, kundizzjonijiet ta’ xogħol u ambjentali fir-riċiklaġġ tal-vapuri u t-tessuti, il-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-kummerċ ta’ minerali ta' kunflitt u speċijiet mhedda. Il-Kummissjoni se tintensifika xogħolha dwar l-Imġiba Responsabbli tan-Negozju, b’enfasi fuq azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati sfidi soċjali, ambjentali u ta’ governanza attwali u futuri, filwaqt li tibni fuq il-prinċipji ewlenin u l-approċċ ta’ politika identifikati fl-Istrateġija tal-UE dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Kummissjoni tal-2011.

“Prijorità 7. Żona ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq fiduċja reċiproka” tinkludi sforzi tal-politika ssoktati marbutin mal-SDGs dwar il-ġustizzja u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Is-sistemi ġudizzjarji effettivi għandhom rwol kruċjali biex jiddefendu l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali tal-Unjoni (SDG 16). Huma wkoll prerekwiżit għal ambjent tajjeb għall-investiment u n-negozju. L-UE qiegħda tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu tal-politika annwali tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

L-ugwaljanza bejn is-sessi (SDG 5) hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tmur lura għall-1957 u l-prinċipju ta’ paga ndaqs għal xogħol indaqs fit-Trattat ta’ Ruma. Illum, il-politiki attivi għadhom neċessità sabiex jintuża aħjar it-talent tan-nisa u jkun hemm titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-indipendenza ekonomika, il-paga u l-pensjonijiet tagħhom, l-ugwaljanza fil-karigi ta’ tmexxija, il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-azzjoni esterna tagħna. Fl-aħħar snin sar progress, pereżempju, bl-ogħla rata ta’ impjieg qatt irreġistrata għan-nisa (65,3 % fit-tieni trimestru tal-2016) li telgħet minn 62,8 % fl-2008 25 , minkejja li għad hemm disparità bejn is-sessi fl-impjiegi. Mill-2003 sal-2016, is-sehem ta’ nisa fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati fil-Borża fl-UE żdied minn 8,5 % għal 23 % 26 . Għad hemm ħafna sfidi fid-disparità fil-pagi u l-pensjonijiet: id-disparitajiet bejn is-sessi fil-paga u fil-pensjonijiet ma juru ebda sinjal ta’ tidjiq. Għad li n-nisa qed igawdu l-benefiċċji tal-edukazzjoni, fl-2014 xorta waħda kienu għadhom jitħallsu 16,7 % anqas mill-irġiel għal kull siegħa xogħol u, bħala medja, il-pensjoni tagħhom hija 40 % anqas mill-pensjoni tal-irġiel 27 . Permezz tal-“Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019”, il-Kummissjoni ħadet impenn li taħdem favur aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’oqsma ta’ prijorità u fl-2017 se tippreżenta inizjattiva sabiex tippromwovi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-irġiel u għan-nisa.

Fil-kuntest tal-kriżi tar-refuġjati, il-ħidma fuq il-“Prijorità 8. Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni” issostni l-progress relatat ma’ bosta SDGs.

Id-dinja qed taffaċċa l-ogħla numru ta’ flussi ta’ refuġjati minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, b’iktar minn 65 miljun spostata b’mod furzat mad-dinja 28 . F’dan il-kuntest, neħtieġu politika dwar il-migrazzjoni komprensiva ġdida, li tippromwovi l-kanali regolari u li tindirizza l-flussi ta’ migrazzjoni irregolari, u b’hekk issalva l-ħajjiet, tmantni d-dinjità tal-bniedem u tgħin li jiġi promoss it-tkabbir u titnaqqas l-inugwaljanza (pereżempju SDG 1 u 10). Il-ġestjoni tal-migrazzjoni hija responsabbiltà kondiviża, mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE, iżda anki fir-rigward ta’ pajjiżi terzi ta’ tranżitu u oriġini. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 29 u l-azzjonijiet ta' segwitu tagħha, fosthom il-Qafas ta’ Sħubija l-ġdid ma’ Pajjiżi Terzi 30 , jipprovdu dan it-tip ta’ approċċ komprensiv imsejjes fir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-fiduċja, is-solidarjetà u r-responsabbiltà reċiproka .

2.3. L-Unjoni Ewropea bħala sieħeb globali impenjat għall-promozzjoni tal-Aġenda 2030

Il-viżjoni tal-Aġenda 2030 hija kompletament konsistenti mal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluża l-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli 31 . L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 32 tistabbilixxi d-direzzjoni strateġika għall-azzjoni esterna tal-UE u tidentifika rabtiet ċari mal-Aġenda 2030. Din tisħaq fuq l-importanza ta’ approċċ komprensiv fl-azzjonijiet esterni tal-UE u l-ħtieġa għal approċċ integrat tal-UE sabiex jiżdied l-impatt tal-UE fit-tweġib għal kunflitti u kriżijiet vjolenti u fil-prevenzjoni tagħhom kif ukoll ta’ titjijb tal-koerenza bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. L-SDGs se jkunu dimensjoni transettorjali tax-xogħol kollu biex tinġieb ’il quddiem l-Istrateġija Globali 33 . L-Istrateġija Globali tissottolinja li hemm rabta diretta bejn is-sigurtà u l-prosperità tagħna fir-reġjuni ta’ madwarna, fosthom il-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE. B’mod simili għall-SDGs, il-promozzjoni tar-reżiljenza tal-istati u s-soċjetajiet f’kull livell hija mod kif tiġi l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli jiġu promossi globalment, filwaqt li jsaħħu s-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa stess.

Il-Politika tat-Tkabbir tal-UE se tkompli tiffoka l-isforzi fuq l-istat ta' dritt, inklużi s-sigurtà, id-drittijiet fundamentali, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku. Dawn il-prinċipji fundamentali biex jiġu ssodisfati l-kriterji tas-sħubija ta’ Copenhagen u Madrid huma konsistenti għalkollox mal-prinċipji fundamentali tal-Aġenda 2030.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta (2015) introduċiet sħubijiet differenzjati mal-pajjiżi tal-viċinat, bl-istabbilizzazzjoni tkun l-għan ewlieni. Din tipprovdi lill-UE bl-għodod meħtieġa biex ikun hemm avviċinament ma’ pajjiżi sħab dwar is-sigurtà, il-bini ta’ reżiljenza, il-governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp ekonomiku, il-konnettività, l-enerġija, il-migrazzjoni u l-mobilità, u għaldaqstant, din tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli.

L-azzjoni tal-UE għandha rwol partikolari fl-appoġġ tal-prevenzjoni, tal-ġestjoni u tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet madwar id-dinja, bil-missjonijiet tagħha tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, kontribuzzjoni finanzjarja sinifikanti għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u l-proposta riċenti ta’ appoġġ tal-bini ta' kapaċità għas-sigurtà u għall-iżvilupp fi ħdan il-qafas strateġiku l-ġdid għar-riforma tas-settur tas-sigurtà 34 . L-UE se tippromwovi kunċett usa’ ta’ sigurtà, li jinkludi istituzzjonijiet inklużivi u responsabbli fil-livelli kollha.

L-UE tħaddem approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp, li l-implimentazzjoni tagħha hija kritika għat-twettiq tal-SDGs. Dan l-approċċ ikopri d-drittijiet kollha tal-bniedem u jippromwovi l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-ekwità, it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija fil-qalba tal-valuri tal-UE u hija mnaqqxa fil-qafas legali u politiku tagħha. L-UE se tippromwovi d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet bħala prijorità fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna.

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE għandha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030. Bħala l-akbar attur tal-iżvilupp fid-dinja, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom impatt sinifikanti fuq il-kisba tal-SDGs madwar id-dinja. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, qiegħda tippreżenta proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp 35 , li jirrifletti l-approċċ olistiku tal-Aġenda 2030. Il-proposta għal Kunsens ġdid tfittex li tikseb l-objettiv primarju ta’ qerda tal-faqar billi tintegra b’mod sistematiku d-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali u t-tisħiħ tan-nisġiet bejn l-iżvilupp u s-sigurtà, kwistjonijiet umanitarji u tal-migrazzjoni.

Il-proposta għal Kunsens Ewropew ġdid tirrappreżenta wkoll bidla paradigmatika f’termini tal-mezzi ta’ implimentazzjoni. Din tmur lil hinn mill-enfasi tradizzjonali fuq l-għajnuna għall-iżvilupp internazzjonali biex timmobilizza l-fondi ferm ikbar meħtieġa biex jiġu ffinanzjati l-SDGs, billi tikkombina l-għajnuna flimkien ma’ riżorsi domestiċi u tingrana investimenti privati. Din tisħaq ukoll fuq ir-rwol ta’ politiki domestiċi u internazzjonali tajbin, inkluża l-koerenza tal-politiki. Il-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew propost dan l-aħħar 36 , li jibni fuq l-esperjenza b’suċċess tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, huwa eżempju tajjeb ta’ dan l-approċċ il-ġdid għall-mezzi ta’ implimentazzjoni.

Fil-proposta għal Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ġdid, il-Kummissjoni tipproponi mod ġdid kif taħdem ma’ pajjiżi sħab u flimkien mal-Istati Membri – minn programmazzjoni konġunta sa azzjonijiet konġunti – sabiex tiżgura koerenza u komplimentarjetà akbar, sabiex jiġu żgurati iktar koerenza, komplementarjetà u effettività. Hemm ukoll bżonn ċar li jitrawmu aktar sħubijiet differenzjati skont il-perkorsi u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tas-sħab tagħna – filwaqt li nżommu l-enfasi fuq l-ifqar u l-aktar vulnerabbli, filwaqt li nagħrfu wkoll l-importanza ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp aktar avvanzati għall-kisba tal-SDGs. Il-Komunikazzjoni dwar ir-relazzjonijiet futuri mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku rigward qafas wara dak ta’ Cotonou 37 , adottata wkoll flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, hija eżempju tajjeb ta’ dan l-approċċ ta’ sħubijiet imfassla apposta.

L-assistenza umanitarja tal-UE għandha rwol importanti fl-għoti ta’ assistenza li ssalva l-ħajjiet u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem. Il-konċentrazzjoni ta’ faqar estrem u kroniku fi stati fraġli spiss tkompli titgħarraq biċ-ċikli rikorrenti ta’ diżastri naturali u kunflitti devastanti, li jirriżultaw f’sitwazzjonijiet umanitarji dejjem aktar serji, li jixħtu l-gwadanji fl-iżvilupp taħt theddida dejjem akbar u jaffettwaw b’mod negattiv l-istabbiltà ta’ reġjuni u ta’ soċjetajiet sħaħ. L-UE hija minn ta’ quddiem nett fil-bini ta’ reżiljenza tal-aktar komunitajiet vulnerabbli. Hija tistabilixxi t-triq għal azzjoni kollaborattiva aktar effettiva, billi tgħaqqad flimkien l-azzjoni umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul u l-involviment politiku kurrenti, u b’hekk tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar.

 

Il-Politika kummerċjali tal-UE kif stipulat fil-Komunikazzjoni Kummerċ għal Kulħadd tappoġġa bis-sħiħ l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja, b’mod partikolari billi tiffoka fuq ir-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp. Il-ftehimiet kummerċjali bħall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u sistemi ta’ kummerċ bħal Kollox Ħlief Armi (Everything But Arms, EBA) u s-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Msaħħa (Generalised System of Preference, GSP+) jipprovdu appoġġ b'saħħtu għall-iżvilupp sostenibbli billi jorbtu l-kummerċ mal-iżvilupp u mal-governanza tajba.

L-impatt tal-UE barra mill-fruntieri tagħha mhuwiex limitat għall-aġenda tagħha tal-azzjoni esterna. Ħafna mill-politiki tal-UE b’dimensjoni domestika jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli madwar id-dinja. Għaldaqstant, il-kisba ta’ koerenza fil-politiki kollha tal-UE hija kruċjali għall-kisba tal-SDGs. Il-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp hija element essenzjali tar-rispons tal-UE għall-isfida ta’ żvilupp sostenibbli mnaqqxa fit-Trattati Ewropej. Proġetti konkreti bħall-interkonnessjonijiet tal-enerġija fl-Afrika u mal-Ewropa fir-reġjun tal-Mediterran, kif ukoll azzjoni tal-UE kontinwa favur ktajjen ta’ provvista globali sostenibbli, bħal fis-settur tal-għuda u l-ilbies, juru l-valur miżjud ta’ ħidma favur approċċ koerenti.

3. Kif l-UE se tmexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030

3.1. Governanza

L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ approċċ tal-politika olistika u transettorjali sabiex jiġi żgurat li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu indirizzati flimkien. Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar l-iżvilupp sostenibbli huwa kwistjoni ta’ governanza u jeħtieġ l-istrumenti t-tajbin li jiżguraw koerenza bejn il-politiki, tul oqsma tematiċi kif ukoll bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki l-oħrajn tagħha.

L-istruttura l-ġdida ta’ din il-Kummissjoni b’Viċi Presidenti u l-approċċ tagħha bbażat fuq proġetti huma strument importanti li jiffaċilitaw dan il-mod ta’ ħidma. It-timijiet tal-proġetti li jiġbru flimkien angoli tal-politiki settorjali differenti għandhom l-għan li jiżguraw li l-isforzi f’qasam ta’ politika wieħed isaħħu inizjattivi f’oqsma oħra, u b’hekk tinħoloq aġenda iktar koordinata u li ssaħħaħ lilha nfisha. Barra minn hekk, il-funzjoni l-ġdida tal-Ewwel Viċi President tinkludi responsabbiltà orizzontali għall-iżvilupp sostenibbli. Sabiex jiżgura koerenza tal-politiki, l-Ewwel Viċi President se jkollu rwol ta’ koordinazzjoni fit-tmexxija tal-ħidma tal-Kummissjoni ’l quddiem fl-implimentazzjoni attiva tal-Aġenda 2030.

L-użu tal-għodod għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni huwa mod ieħor kif tiġi żgurata aktar integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki Ewropej. Il-valutazzjonijiet kollha tal-impatt tal-Kummissjoni jridu jevalwaw l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi sabiex is-sostenibbiltà tkun ikkunsidrata u inkluża kif xieraq. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet ex post iridu janalizzaw it-tliet dimensjonijiet kollha kemm huma f’approċċ integrat b’saħħtu. Il-linji gwida msaħħa għall-valutazzjoni tal-impatt u l-proċeduri msaħħa li jikkonfermaw dan l-approċċ ta’ integrazzjoni kienu komponent importanti tal-pakkett ta’ regolamentazzjoni aħjar adottat fl-2015. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjonijiet pubbliċi jifformaw komponent ieħor tal-istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ inklużività li huwa fil-qalba tal-Aġenda 2030.

Is-Semestru Ewropew, bħala l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, jixħet enfasi qawwija fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali u, b’hekk, jippromwovi mudell soċjo-ekonomiku aktar sostenibbli fl-Unjoni Ewropea.

3.2. Finanzjament

Il-baġit tal-UE, li jirrappreżenta madwar 1 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE huwa baġit ta’ investiment li jikkomplimenta l-baġits nazzjonali u s-sett ġenerali ta’ strumenti tal-politika u regolatorji tal-UE għall-indirizzar tal-isfidi kemm f’livell Ewropew kif ukoll f’dak internazzjonali. Il-Kummissjoni diġà inkorporat fil-parti l-kbira d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li huma fil-qalba tal-SDGs, fil-baġit tal-UE u fil-programmi ta’ nfiq. Il-qafas ta' prestazzjoni tal-programmi ta' nfiq tal-UE għall-2014 u l-2020 diġà fih elementi rilevanti biex ikun hemm rapportar dwar it-tliet dimensjonijiet. 

L-inizjattiva Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati (budget focused on results - BFOR) 38 għandha wkoll l-għan li tiżgura li kull euro tal-kontribwenti Ewropej li jintefaq jikkontribwixxi kemm jista' jkun biex jitjieb il-ġejjieni tagħna. It-tranżizzjoni mill-kejl tal-infiq lejn il-kejl tar-riżultati - minn approċċ li kien l-iktar jiżgura l-konformità mar-regoli lejn wieħed li jimmira wkoll għall-prestazzjoni massima - tiżgura li r-riżorsi jiġu allokati b'manjiera flessibbli biżżejjed biex jiġu indirizzati bżonnijiet urġenti u niffukaw fuq il-prijoritajiet.

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jsemmi b’mod speċifiku l-SDGs u jippromwovi l-koerenza mal-baġit tal-UE. Politiki differenti bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u strumenti bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jistgħu jaħdmu flimkien mal-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jippromwovu objettivi ta’ sostenibbiltà, bħall-effiċjenza enerġetika u t-trasport nadif, permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi li jgħinu sabiex tintlaħaq l-iskala neċessarja ta’ investiment meħtieġ. Hemm impenn politiku li jiġi ddedikat tal-anqas 20 % mill-baġit tal-UE għall-azzjoni klimatika. Barra minn hekk, Orizzont 2020 huwa mistenni li jikkontribwixxi tal-anqas 60 % mill-baġit għall-iżvilupp sostenibbli u 35 % għall-azzjoni klimatika. Bħala parti mill-Isħubija Globali għall-implimentazzjoni tal-SDGs (SDG 17), l-UE hija kollettivament impenjata li tipprovdi 0,7 % tal-ING bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance, ODA) fi żmien l-iskeda ta' żmien tal-Aġenda 2030. Hija se tipprovdi kolletivament ukoll 0,15 % tal-ING bħala ODA lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fit-terminu ta' żmien qasir, u din tilħaq 0,20 % fil-perjodu ta’ żmien tal-Aġenda 2030.

Filwaqt li tħares 'il quddiem lejn il-Qafas Finanzjarju Pluriennali lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni se tesplora kif il-baġits tal-UE u programmi finanzjarji futuri jistgħu l-aħjar ikomplu jikkontribwixxu b'mod adegwat lejn it-twettiq tal-Aġenda 2030 u tappoġġa l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom.

3.3. Il-kejl tal-progress f’livell nazzjonali, reġjonali tan-NU, tal-UE u globali

It-traċċar tal-progress b’mod sistematiku u trasparenti huwa essenzjali. L-Aġenda 2030 tipprovdi għal segwitu u evalwazzjoni f’livell nazzjonali, reġjonali u globali. L-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha, ħadet impenn li taqdi rwol attiv f’kull livell sabiex timmassimizza l-progress fl-SDGs, sabiex tiżgura responsabbiltà lejn iċ-ċittadini, u tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

L-Aġenda tinkludi 17-il għan u 169 mira sottostanti li dwarhom il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU f’Marzu 2016 qablet fuq qafas indikatur li jinvolvi 230 indikatur bħala punt tat-tluq prattiku għall-monitoraġġ globali. L-Aġenda 2030 tipprevedi wkoll il-monitoraġġ fil-livell tar-reġjuni tan-NU. Rigward il-monitoraġġ fir-reġjun tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), qiegħed jitħejja pjan direzzjonali sabiex jiggwida l-ħidma tal-pajjiżi tan-NU/KEE dwar l-istatistika għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. F’livell nazzjonali, l-Istati Membri ntalbu min-Nazzjonijiet Uniti sabiex jimplimentaw sistemi għall-kejl tal-progress u għar-rapportar.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi bil-monitoraġġ, bir-rapportar u bil-valutazzjoni tal-progress lejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-kuntest tal-UE. Dan jinkludi r-rapportar regolari fuq il-kontribuzzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-kuntest tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-ewwel ħarsa ġenerali lejn l-istatistika dwar fejn jinsabu l-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-SDGs tista’ tinkiseb mill-pubblikazzjoni tal-Eurostat ippubblikata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 39 . Mill-2017 'il quddiem, il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ regolari iktar dettaljat tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli f'kuntest tal-UE, u tiżviluppa qafas ta' indikaturi ta' referenza għal dan il-għan u tieħu mill-firxa wiesgħa ta' monitoraġġ u valutazzjoni mill-Kummissjoni, l-Aġenziji, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri.

   

3.4. Responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni u għall-ippremjar tal-eċċellenza

L-SDGs huma aġenda kollaborattiva bejn il-livelli kollha ta’ gvernijiet pubbliċi u soċjetà ċivili, li daħlu għalihom l-istati membri kollha tan-NU. L-implimentazzjoni trid titmexxa ’l quddiem bi sħubija ma’ kulħadd.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi qafas għall-UE u għall-Istati Membri tagħha sabiex jimplimentaw l-Aġenda 2030. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE se taġixxi biss f'oqsma barra mill-kompetenzi esklużivi tagħha meta l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni milli bl-azzjoni tal-Istati Membri. Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għaldaqstant hija neċessarja, u bosta kwistjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp sostenibbli se jkollhom jiġu indirizzati mill-Istati Membri nfushom, li bħalissa qegħdin fil-proċess li jistabbilixxu l-oqfsa nazzjonali tagħhom għall-ksib tal-SDGs u għar-rapportar liċ-ċittadini tagħhom stess u lin-NU.

L-ibliet u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol partikolari fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’għan iddedikat speċifiku (SDG 11) kif ukoll il-miri relatati urbani l-oħrajn tal-Aġenda 2030. L-ibliet huma fil-qalba tal-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-lum. Aktar minn 70 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’żoni urbani filwaqt li madwar 85 % tal-PDG tal-UE huwa ġġenerat fl-ibliet 40 . Dawn iż-żoni urbani huma l-muturi tal-ekonomija Ewropea u jaġixxu bħala katalisti għal soluzzjonijiet sostenibbli innovattivi li jippromwovu t-tranżizzjoni lejn soċjetà b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti. Madankollu, huma wkoll postijiet li fihom problemi bħall-qgħad, is-segregazzjoni, il-faqar u t-tniġġis qegħdin fl-agħar tagħhom.

L-Aġenda Urbana għall-UE adottata fl-2016 se titmexxa ’l quddiem b’mod olistiku flimkien mal-awtoritajiet lokali b’tali mod li jkunu koperti l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli, u tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-“Aġenda Urbana Ġdida” globali 41 . Il-Kummissjoni se jkollha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana għall-UE filwaqt li tieħu kont tad-diversità tal-ibliet u tar-responsabbiltajiet u tal-interazzjonijiet tagħhom mat-territorju usa', billi tipprovdi kompetenzi, timplimenta azzjonijiet u tiffaċilita l-proċess ta’ governanza fuq diversi livelli.

L-iżvilupp sostenibbli mhuwiex se jinkiseb permezz ta’ politiki tas-settur pubbliku waħedhom. Huwa aġenda konġunta taċ-ċittadini, tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet u tan-negozji. Aktar u aktar kumpaniji qegħdin iħaddnu l-SDGs u jimplimentaw responsabbiltà soċjali korporattiva, fl-interess tagħhom stess, kif ukoll fl-interess tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej. Il-kumpaniji Ewropej jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi t'għada. u jkunu l-muturi tal-bidla fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħna. Is-soċjetà inġenerali teħtieġ li tadotta s-sostenibbiltà bħala prinċipju li jiggwidaha fid-diversi għażliet li kull ċittadin, kumpanija u kull attur fis-soċjetà ċivili jieħdu kuljum.

Sabiex jinħoloq spazju dinamiku li jiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati differenti mill-isfera pubblika u privata, il-Kummissjoni se tniedi Pjattaforma għal diversi partijiet ikkonċernati bi rwol fis-segwitu u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs tul is-setturi, fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE. Din il-Pjattaforma tista’ taġixxi bħala ċentru għat-tagħlim bejn il-pari fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jidħlu f’dibattiti dwar l-attivitajiet ta’ sostenibbiltà u jgħarrfu lill-oħrajn dwar inizjattivi kurrenti li jirnexxu. Kull sena, se jingħata Premju Ewropew għas-Sostenibbiltà li jirrikonoxxi inizjattivi b’kontribuzzjoni trasformattiva għall-implimentazzjoni globali tal-Aġenda 2030.

4. Konklużjoni

L-UE, bħala proġett imsejjes fuq il-valuri fundamentali u l-korrettezza, tħaddan l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU bħala opportunità unika għal ġejjieni aħjar. Il-viżjoni globali wara l-SDGs li tittieħed azzjoni għan-nies, il-pjaneta u l-prosperità timxi perfettament mal-Aġenda Ewropea tagħna: is-sostenibbiltà hija marka Ewropea. Konxji tal-limiti tal-pjaneta, tal-iskarsezza tar-riżorsi, taż-żieda fl-inugwaljanzi u l-importanza tat-tkabbir sostenibbli biex jiġu ppreservati s-sistemi ta' protezzjoni soċjali li għandna, irridu nqiegħdu l-ekonomija Ewropea u globali fuq mogħdija ġdida biex nagħtu ħajjiet aħjar lin-nies, filwaqt li niżguraw sehem ġust lil kulħadd, partikolarment lill-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa.

Biex nippreservaw il-ġejjieni, l-għażliet ta' politika t-tajbin iridu jsiru llum. L-eżerċizzju ta' mmappjar tal-politiki u l-acquis tagħna wera biċ-ċar li s-17-il SDG huma kollha indirizzati permezz tal-azzjoni Ewropea. Barra minn hekk, bosta SDGs qegħdin fil-qalba tal-ogħla prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jistgħu jinkisbu b'suċċess fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri tagħha biss jekk il-politiki l-ġodda jqisu s-sostenibbiltà u l-koerenza tal-politiki mill-bidu u jekk l-implimentazzjoni fil-prattika tal-politiki eżistenti ssir fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati kollha u fuċ kull livell.

Il-Kummissjoni hija totalment impenjata għat-twettiq tal-Aġenda 2030 permezz tal-azzjonijiet ewlenin u elementi ta’ governanza li ġejjin:

Il-Kummissjoni se tintegra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-politiki u fl-inizjattivi tal-UE, bl-iżvilupp sostenibbli jkun prinċipju ta’ gwida essenzjali għall-politiki kollha tagħha. Jinħtieġ li l-politiki eżistenti u ġodda jieħdu kont tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżgura li jkun iggarantit li l-politiki tagħha huma sostenibbli permezz tal-għodod tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar.

Mill-2017, il-Kummissjoni se tipprovdi rapportar regolari tal-progress tal-UE lejn l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030.

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja, l-UE se tkompli taħdem mas-sħab esterni tagħha, billi tuża l-għodod kollha disponibbli skont il-politiki esterni tagħha u tappoġġa b’mod partikolari l-isforzi fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tmexxi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 ’il quddiem mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew bħala l-koleġiżlaturi u mal-awtorità tal-baġit tal-UE, u ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħrajn, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, maċ-ċittadini u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

Il-Kummissjoni se tniedi Pjattaforma għal diversi partijiet ikkonċernati bi rwol fis-segwitu u fl-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs tul is-setturi, fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

Il-Kummissjoni se tvara ħidma ta' riflessjoni dwar l-iżvilupp ulterjuri ta' viżjoni iktar fit-tul f'perspettiva ta’ wara l-2020.

B’konformità mal-impenji fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Membri huma mistednin li jżommu s-sjieda u li jaħdmu fuq oqfsa nazzjonali għall-ksib tal-SDGs, li jimplimentaw il-politiki Ewropej fil-ħin u li jivvalutaw il-progress li jkun sar.

 



Tabella: L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 42

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030

L-Għan Nru 1.        Jintemm il-faqar f'kull forma tiegħu kullimkien

L-Għan Nru 2.    Jintemm il-ġuħ, tinkseb is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli

L-Għan Nru 3.        Jiġu żgurati ħajjiet f'saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età

L-Għan Nru 4.        Tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwitabbli u jiġu promossi l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd

L-Għan Nru 5.        Tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet kollha

L-Għan Nru 6.        Jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u miżuri sanitarji għal kulħadd

L-Għan Nru 7.        Jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd

L-Għan Nru 8.        Jiġu promossi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, okkupazzjoni sħiħa u produttiva u ta’ xogħol diċenti għal kulħadd

L-Għan Nru 9.        Tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossa industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni

L-Għan Nru 10.    Titnaqqas l-inugwaljanza ġewwa u bejn il-pajjiżi

L-Għan Nru 11.    L-ibliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, sikuri, reżiljenti u

       sostenibbli

L-Għan Nru 12.    Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni

L-Għan Nru 13.    Tittieħed azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu*

L-Għan Nru 14.    Jiġu kkonservati u użati b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli

L-Għan Nru 15.    Jitħarsu, jiġu restawrati u jiġi promoss l-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri,il-foresti jiġu ġestiti b'mod sostenibbli, tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni, u titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità

L-Għan Nru 16.    Jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, jingħata aċċess għall-ġustizzja lil kulħadd u jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha

L-Għan Nru 17.    Jissaħħu l-mezzi ta’ implimentazzjoni tas-Sħubija Globali għat-Tkabbir Sostenibbli u li din tiġi rivitalizzata

* Jirrikonoxxi li l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima hija l-forum internazzjonali, intergovernattiv primarju għan-negozjar tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima.

(1)

L-Artikoli 3(5) u 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

(2)

L-Artikolu 21(3), it-tieni (2) subparagrafu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(3)

COM/2001/0264 final

(4)

Kunsill Ewropew DOK 10917/06

(5)

COM(2009) 400 final

(6)

COM(2010) 2020 final

(7)

Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1

(8)

Id-Deċiżjoni tan-NU -/CP.21, adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/69/313

(10)

 Adottat matul it-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri f’Sendai, il-Ġappun, fit-18 ta’ Marzu 2015

(11)

 Il-pubblikazzjoni “OECD/EU's Health at a Glance: Europe 2016”, li għad trid toħroġ, turi li minkejja l-istennija tal-għomor fl-UE żdiedet b’medja ta’ seba' (7) snin mill-bidu tas-snin 90 'il hawn, ma kien hemm l-ebda gwadanni fi snin ta' ħajja f'saħħitha f’bosta pajjiżi tal-UE.

(12)

JOIN(2016) 49 final

(13)

COM(2016) 500

(14)

Eurostat

(15)

Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE): it-tliet fondi tal-politika ta’ koeżjoni (jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (Cohesion Fund, CF), il-Fond Soċjali Ewropew (il-FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS)).

(16)

Arcadis, Sustainable Cities Index 2016 (2016)

(17)

COM(2015) 497 final

(18)

Eurostat

(19)

The 2015 Ageing Report: Economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013-2060)

(20)

Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016

(21)

COM(2014) 903 final

(22)

COM(2016) 581 final

(23)

Il-Eurostat u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija

(24)

COM(2015) 337, COM(2016) 482 u COM(2016) 479

(25)

Eurostat

(26)

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/business-finance/supervisory-board-board-directors/index_en.htm

(27)

Eurostat

(28)

L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), "Global trends: forced displacement in 2015" (2015)

(29)

COM(2015) 240

(30)

COM(2016) 385

(31)

Ara l-Artikolu 21(2)(d) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(32)

Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea “Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe”, Ġunju 2016

(33)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża (il-paragrafu 5), 17 ta’ Ottubru 2016

(34)

JOIN(2016) 31 final

(35)

COM(2016) 740

(36)

COM(2016) 581 final

(37)

JOIN(2016) 52

(38)

http://ec.europa.eu/budget/budget4results/initiative/index_en.cfm.

(39)

Eurostat, "Sustainable Development in the European Union - A statistical glance from the viewpoint of the UN Sustainable Development Goals" (2016)

(40)

Eurostat

(41)

Adottata f’Ottubru 2016 f’Quito matul il-konferenza tan-NU Habitat III, A/CONF.226/4

(42)

Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1

Top