EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0733

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu

COM/2016/0733 final

Strasburgu, 22.11.2016

COM(2016) 733 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu

{SWD(2016) 373 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu

1.    Introduzzjoni

Id-ditti b’rati għolja ta’ tkabbir joħolqu ħafna aktar impjiegi ġodda minn ditti oħrajn 1 . In-negozji ġodda li jespandu f’ditti akbar jifformaw sehem kbir ta’ dawn in-negozji. Iżidu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE, u jsaħħu l-ekonomija. Dawn in-“negozji li qed jespandu” jistgħu jipprovdu wkoll benefiċċji soċjali, inkluża l-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli u moderni.

Fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni ħabbret li se tħares lejn kif tista’ tagħmel is-Suq Uniku aktar effiċjenti għan-negozji l-ġodda (start-ups) u għan-negozji li qed jespandu (scale-ups). Finalment, it-titjib tal-ekosistema għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu fl-Ewropa se jkollu effett ta’ benefiċċju dirett fuq l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE.

In-negozji ġodda, li ta’ spiss huma esperti fl-użu tal-aħħar teknoloġija 2 , ġeneralment jikkombinaw diversi karatteristiċi: it-tkabbir mgħaġġel, id-dipendenza għolja fuq l-innovazzjoni tal-prodott, tal-proċessi u tal-finanzjamenti, l-attenzjoni kbira għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u l-użu vast ta’ mudelli ta’ negozji innovattivi, li ta’ spiss ikunu bbażati fuq pjattaformi kollaborattivi.

Diversi Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ jew qegħdin jikkunsidraw inizjattivi sabiex joħolqu ambjent li jwassal għall-innovazzjoni u għall-intraprenditorija. B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda differenza kbira bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-ħolqien ta’ ditti ġodda 3 . Dan jidher b’mod partikolari fis-settur teknoloġiku fejn il-kumpaniji tal-UE qegħdin fil-proċess li jsiru minn ta’ quddiem nett fid-dinja f’ċerti setturi tat-teknoloġija medja/avvanzata (eż. l-inġinerija, is-settur awtomobilistiku).

Għadd ta’ inizjattivi tal-UE jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u għat-tkabbir: il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) 4 , u għall-estensjoni u t-tisħiħ tiegħu, iżda l-Istrateġija għal Suq Uniku 5 , is-Suq Uniku Diġitali 6 , u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali 7 wkoll ipprovdew qafas għal titjib ulterjuri. Barra minn hekk, għen ukoll l-iffukar tal-attenzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) fuq l-innovazzjoni u l-appoġġ lill-SME, inkluż l-appoġġ għall-kapital ta’ riskju għall-appoġġ ta’ 140,000 negozju ġdid u negozju li qed jespandi 8 . Il-ftehimiet tal-FSIE diġà huma mmirati lejn 377,000 SME, inklużi n-negozji l-ġodda.

Iżda ftit huma dawk in-negozji ġodda Ewropej li, minflok jiffjorixxu u jespandu fl-Ewropa u lil hinn minnha, jibqgħu jeżistu wara l-fażi kritika tal-ewwel sentejn/tliet snin, u wisq inqas huma dawk li jirnexxilhom jiżviluppaw f’ditti akbar 9 . 

Hemm diversi raġunijiet għal din is-sitwazzjoni, iżda ġie stmat li fl-UE, jekk l-għadd ta' negozji li qed jespandu jkun l-istess bħal dak tal-Istati Uniti, jistgħu jinħolqu sa miljun impjieg ġdid u l-PDG jiżdied b’sa EUR 2 000 biljun fl-20 sena li ġejjin. 10 . Minħabba r-rabta pożittiva bejn id-daqs u l-produttività tad-ditti, dan itejjeb it-tkabbir tal-produttività fl-Ewropa 11 12 . Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta’ modi kif jiġu appoġġjati n-negozji ġodda li jridu jespandu tista’ tkun ukoll ta’ benefiċċju għan-negozji tradizzjonali billi jiġu appoġġjati ħalli joperaw u jikbru fis-Suq Uniku.

Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika li għamlet il-Kummissjoni aktar kmieni fl-2016 ikkonfermaw din l-istampa. Is-sejbiet ewlenin 13 kienu li:

negozji ġodda li jkunu qegħdin jippruvaw jespandu għadhom qed jiffaċċjaw wisq ostakoli regolatorji u amministrattivi b’mod partikolari dawk f’sitwazzjoni transfruntera;

kemm għan-negozji ġodda kif ukoll għam-megozji li qed jespandu jeżistu ftit wisq opportunitajiet biex wieħed isib u jaħdem ma’ sħab potenzjali fil-finanzi, fin-negozju u ma’ awtoritajiet lokali;

l-aċċess għall-finanzi huwa wieħed mill-akbar ostakoli għat-tkabbir.

Fi ftit kliem, is-Suq Uniku 14 li għadu frammentat wisq, jista’ b’mod partikolari jillimita l-potenzjal tat-tkabbir tan-negozji ġodda u tan-negozji li qed jespandu. Jidher li l-ostakoli regolatorji u amministrattivi spiss ineħħulhom l-inċentiv li jġeddu, li jivvalorizzaw l-assi intanġibbli tagħhom, u li jespandu madwar l-Ewropa. Il-kumpaniji jistgħu jagħżlu li joperaw f’ġurisdizzjonijiet li mhumiex tal-UE b’potenzjal akbar ta’ tkabbir, li jista' jikkawża telf fl-impjiegi fl-UE.

L-awtoritajiet pubbliċi Ewropej, in-negozji ġodda u s-sħab kummerċjali tagħhom iridu jaġixxu b’mod kollettiv sabiex jevitaw milli jintilfu l-isforzi siewja tan-negozji ġodda. Hemm bżonn ta’ sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u b’mod speċjali man-negozji ġodda nfushom. Dan jinvolvi l-impenn tal-awtoritajiet li jippromwovu kundizzjonijiet li jiżguraw li n-negozji ġodda jistgħu jespandu. Min-naħa tagħhom dawk in-negozji ġodda jistgħu joħolqu l-impjiegi, jikkompetu fis-suq u jkunu soċjalment responsabbli. Il-Manifest riċenti "Scale-up Europe" 15 juri li n-negozji ġodda huma lesti li jimpenjaw ruħhom. Il-Kummissjoni tilqa’ din l-inizjattiva min-naħa tal-atturi fis-settur, u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fiha stess ipprovdew informazzjoni għar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet.

Din l-inizjattiva tindirizza tliet kwistjonijiet: l-ostakoli; in-nuqqas ta’ sħab u ta’ opportunitajiet; u d-diffikultajiet fir-rigward tal-finanzjament.

approċċ koordinat fil-politiki tal-UE, ibbażat fuq il-miżuri fis-seħħ jew li qegħdin jiġu żviluppati, inklużi l-approċċi settorjali bħal dawk fis-settur tal-ispazju;

sett limitat u mmirat ta’ miżuri prattiċi; u, fuq kollox,

sħubija.

2.    Inneħħu l-ostakoli

Ħafna ditti ġodda innovattivi jibżgħu li jekk jikbru żżejjed jiġu ppenalizzati b’regoli aktar onerużi, anki mingħajr espansjoni lil hinn mill-fruntieri tagħhom. Ħafna inizjattivi kurrenti li għandhom it-tir li jnaqqsu l-ostakoli għall-attivitajiet transfruntiera mhumiex limitati għal negozji ġodda, iżda jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq in-negozji ġodda, eż. il-ħidma fuq l-ekonomija kollaborattiva 16 , l-inizjattivi kurrenti sabiex jitjieb aktar il-forniment ta’ servizzi fis-Suq Uniku u fil-Gvern elettroniku, jew il-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni tal-ICT 17 .

L-ewwel nett, l-identifikazzjoni u l-konformità tar-regoli u tal-formalitajiet regolatorji u amministrattivi jistgħu jieħdu ħafna ħin għaliex spiss l-informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE tkun frammentata u diffiċli biex tinftiehem. Li tifhem kull liġi dwar it-taxxa, dwar il-kumpaniji u dwar ix-xogħol u rekwiżiti oħrajn hija sfida reali, speċjalment għal negozju ġdid b’riżorsi jew kompetenzi limitati. Il-konsultazzjoni wriet li anki meta n-negozji l-ġodda jifhmu u jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha, isibuhom onerużi żżejjed. Kważi 40% ta' dawk li wieġbu sabu li l-espansjoni hija ħafna aktar diffiċli minn kemm kienu qegħdin jistennew.

In-negozji ġodda, speċjalment dawk diġitali, isibuha diffiċli wkoll li jimpjegaw persunal ibbażat f’pajjiżi oħrajn tal-UE (peress li r-regoli dwar it-taxxa u l-impjiegi jvarjaw). It-twaqqif ta’ kumpanija sussidjarja spiss ikun jinvolvi wisq xogħol u ma jkunx jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom (eż. li jimpjegaw persuna waħda biss).

Għaldaqstant l-awtoritajiet pubbliċi f’kull livell – lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew - iridu jaġixxu sabiex ineħħu l-ostakoli u l-piżijiet mhux meħtieġa u jgħinu lin-negozji biex jindirizzaw l-ostakoli inevitabbli.

Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni u ħabbret miżuri oħrajn f’uħud minn dawn l-oqsma 18 . Fl-2017, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta inizjattivi għal Portal Diġitali Uniku li jipprovdi aċċess onlajn faċli għall-informazzjoni dwar is-Suq Uniku, proċeduri elettroniċi, assistenza, pariri u servizzi ta’ soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini u għan-negozji, kif ukoll possibbiltajiet sabiex jitlestew onlajn il-proċeduri transfruntiera 19 .

L-awtoritajiet nazzjonali fil-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri qegħdin iħarsu lejn il-qafas regolatorju ġenerali għan-negozji ġodda, appoġġjati mill-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politika ta’ Orizzont 2020, li tippermetti lill-Istati Membri individwali jfittxu rakkomandazzjonijiet dwar kif itejbu l-qafas tan-negozju għal dawn id-ditti. Sabiex tiżgura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkollhom informazzjoni dettaljata u evidenza dwar negozji ġodda u dwar negozji li qed jespandu, bl-Osservatorju Ewropew għar-Raggruppamenti u għall-Bidla Industrijali 20 rinnovat, għall-ewwel darba l-Kummissjoni se tiġbor b’mod sistematiku informazzjoni dwar negozji ġodda u negozji li qed jespandu, se twettaq analiżi dettaljata u tipprovdi feedback u evidenza lill-Istati Membri sabiex tgħinhom itejbu t-tfassil tal-politika u jissimplifikaw l-għodod ta’ implimentazzjoni. 

It-tieni, in-negozji ġodda huma mħassbin b’mod partikolari dwar it-taxxa u d-diffikultà biex jikkonformaw mat-28 reġim tat-taxxa differenti: 58 % minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni rrapportaw kostijiet għoljin ta’ konformità mat-taxxa. L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jonfqu madwar 30 % tan-nefqa relatata mat-taxxa fuq kostijiet ta’ konformità, u saħansitra aktar jekk jespandu lil hinn mill-fruntieri 21 . L-indirizzar ta’ din il-kwistjoni jagħmel differenza tanġibbli u jista’ jgħin fit-tkabbir tan-negozji ġodda.

Kif ippreżentat fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha adottat fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni beħsiebha timmodernizza u tissimplifika s-sistema ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) li tapplika għall-kummerċ transfruntier fl-UE billi toħloq Żona Unika tal-VAT 22 . Għaldaqstant fix-xhur li ġejjin se tipproponi pakkett komprensiv sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u l-frammentazzjoni tas-sistema tal-VAT tal-UE u, b’hekk, toħloq ambjent li jġib miegħu tkabbir tal-kumpaniji u li jkun favorevoli għall-kummerċ transfruntier. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tipproponi li jiġi ssimplifikat il-Mini-One Stop Shop (MOSS) u testendih għall-provvisti transfruntiera ta’ oġġetti u servizzi oħrajn min-negozju għall-konsumatur. Fl-2017, se tissuġġerixxi pakkett immirat għas-simplifikazzjoni tal-VAT għall-SMEs, inklużi n-negozji ġodda. Se tipproponi wkoll reġim definittiv tal-VAT għall-kummerċ transfruntier fi ħdan l-UE li se jkompli jnaqqas id-diffikultajiet għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu.

Barra minn hekk, il-proposti adottati riċentement għat-tnedija mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) fihom inċentivi għan-negozji sabiex jikbru u jespandu b’mod transfruntier fi ħdan is-Suq Uniku. B’mod partikolari, għan-negozji ġodda innovattivi u għan-negozji li qed jespandu innovattivi li jagħżlu li jipparteċipaw fil-BKKTK, din tinkludi super tnaqqis għar-R&Ż, u provvediment li jiżgura li l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma u l-finanzjament b’dejn jiġu ttrattati bl-istess mod minn perspettiva tat-taxxa 23 .

It-tielet, in-nies onesti li jieħdu r-riskji jkunu ta’ sikwit soġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza ineffiċjenti u twal wisq. Barra minn hekk, kumpaniji vijabbli ma jkollhomx il-possibbiltà li jirristrutturaw. Jidher ukoll li ftit li xejn hemm lok għat-“tieni opportunità” għall-imprendituri onesti b’ħafna dejn, minkejja li l-falliment spiss ikun parti mit-triq sabiex wieħed isir imprenditur ta' suċċess. Il-biża’ li jfallu u li jkunu penalizzati għal dak il-falliment jista’ jaqta’ qalb dawk li qed ifittxu li jespandu.

Fir-rigward tad-dritt tal-kumpaniji u d-dritt dwar l-insolvenza, illum il-Kummissjoni adottat strument leġiżlattiv li se (i) jiggarantixxi mekkaniżmu ta’ twissija bikrija u d-disponibbiltà ta’ oqfsa ta’ ristrutturar fl-Istati Membri sabiex tiġi restawrata l-vijabbiltà u tiġi evitata l-insolvenza, b’mod partikolari għall-SMEs, (ii) jipprovdi għal reġim tat-tieni opportunità għal imprendituri onesti individwali b’ħafna dejn bir-rilaxx tad-djun tagħhom u (iii) isaħħaħ l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u ta’ rilaxx. Fl-2017, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta wkoll inizjattiva tad-dritt tal-kumpaniji li tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija, b’mod partikolari b'rabta mar-reġistrazzjoni tagħha u mal-arkivjar ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni tal-kumpanija, u dwar il-fużjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntiera, inklużi l-aġġornament tar-regoli dwar il-fużjonijiet transfruntiera u l-ikkomplimentar tagħhom b’regoli dwar id-diviżjonijiet transfruntiera. Kif imħabbar fis-Suq Uniku Diġitali u fil-pjan ta’ azzjoni tal-gvern elettroniku, fl-2016 se jitnieda proġett pilota fuq skala kbira dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju “ta’ darba biss” fuq livell transfruntier fil-qasam ta’ bejn in-negozju u l-gvern u bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri 24 .

Ir-raba’, fir-rigward tal-liġi tax-xogħol, il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-konformità u r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema min-negozji l-ġodda anke fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà.

Barra minn hekk, l-UE se tkompli tuża l-politika kummerċjali sabiex tiftaħ opportunitajiet għal negozji ġodda u għal negozji li qed jespandu, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet kummerċjali u miżuri xierqa sabiex tiżgura regoli kummerċjali prevedibbli u ċari.

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex tiżgura l-adozzjoni u l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proposta dwar l-oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità għal imprendituri onesti u l-effiċjenza msaħħa tal-proċeduri ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u ta’ rilaxx

-    Il-Kummissjoni se twessa’ l-gwida li jmiss dwar l-aħjar prattiki fir-reġimi tat-taxxa tal-Istati Membri għall-Kapital ta’ Riskju.

- Sabiex jgħin lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu biex jinnavigaw fis-sorsi ta’ informazzjoni spiss mifruxa, in-Netwerk Enterprise Europe (EEN) se jespandi s-servizzi ta’ konsulenza tiegħu b’Konsulenti ddedikati għall-Espansjoni dwar ir-regoli nazzjonali u Ewropej rilevanti, l-opportunitajiet ta’ finanzjament, is-sħubijiet u kif jiġi aċċessat l-akkwist pubbliku transfruntier, b’konnessjoni ma’ Startup Europe u mal-aċċess tal-SMEs għaċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali u l-linji pilota tal-manifattura għall-SMEs, skont Orizzont 2020.

-    Fl-2017 skont il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kunsill tal-Kompetittività, il-Kummissjoni se tappoġġja reviżjoni bejn il-pari kbira, komprensiva u dettaljata tar-regoli u tal-prattiki tal-Istati Membri kollha għal negozji ġodda u għal negozji li qed jespandu.

3. Ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda

L-UE u l-Istati Membri jistgħu jkomplu jissimplifikaw il-ħajja tan-negozji ġodda billi jappoġġjawhom fl-oqsma li ġejjin:

il-kuntatt mas-sħab adattati (eż. investituri, sħab tan-negozju, universatijiet, ċentri ta’ riċerka);

l-aċċess għal opportunitajiet kummerċjali (b’mod speċjali kuntratti ta’ akkwist);

ir-reklutaġġ ta’ impjegati bil-ħiliet xierqa, inkluż minn barra l-UE.

3.1    Sħab, raggruppamenti u ekosistemi

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE appoġġjaw il-ħolqien ta’ “komunitajiet” biex jgħinu lin-negozji l-ġodda jaqbdu ma' sħab potenzjali (eż. investituri, sħab tan-negozju, universitajiet, ċentri ta’ riċerka) permezz ta’ avvenimenti, pjattaformi, raggruppamenti ta’ negozju, netwerking u “ekosistemi” ta’ appoġġ lokali/reġjonali 25 .

Fil-livell tal-UE, l-inizjattiva Startup Europe irriżultat bħala marka rikonoxxuta għall-ħolqien ta’ rabtiet bejn l-ekosistemi 26 , li tiffoka fuq il-konnessjoni bejn il-persuni, l-ekosistemi lokali, is-sensibilizzazzjoni internazzjonali u l-għoti ta’ informazzjoni permezz ta’ One Stop Shop għan-negozji ġodda. Filwaqt li sar ċertu progress, l-attivitajiet se jissaħħu, b’mod partikolari t-tlaqqigħ tal-investituri, tal-korporazzjonijiet u tal-imprendituri kif ukoll in-netwerking ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell reġjonali.

Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) waqqaf numru ta’ Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni fl-oqsma tematiċi tal-ICT, tal-Enerġija, tat-Tibdil fil-Klima, tas-Saħħa u tal-Materja prima, b'finanzjament pubbliku ta' 25 %, filwaqt li l-bqija ġej minn investimenti privati. L-EIT qiegħed jgħin f’numru ta’ oqsma: il-ħiliet intraprenditorjali, il-mentoraġġ u l-aċċeleraturi tan-negozji ġodda.

L-UE waqqfet Pjattaformi Tematiċi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti 27 , li jgħaqqdu lir-reġjuni u lin-negozji u jappoġġjaw l-investimenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għan-negozji li qed jespandu promossi min-netwerks reġjonali u mis-Sħubijiet ta’ Raggruppamenti Strateġiċi Ewropej. Flimkien mal-appoġġ immirat li jirċievu 28 , dawn il-proġetti se jgħinu sabiex jinħolqu l-opportunitajiet għan-negozji li qed jespandu. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu sehem f’dawn il-Pjattaformi Tematiċi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u jużaw il-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politika ta’ Orizzont 2020.

Madankollu, minkejja dawn l-inizjattivi, il-konsultazzjoni pubblika wriet li n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu jistgħu jibbenefikaw minn aktar appoġġ koordinat.

massa kritika ta’ raggruppamenti u ekosistemi interkonnessi b’mod effettiv madwar l-UE

użu aħjar tal-aċċeleraturi u tal-inkubaturi;

pjattaforma fl-UE kollha li tgħaqqad lin-negozji l-ġodda ma’ sħab potenzjali (flimkien ma’ pjattaformi pubbliċi u privati eżistenti).

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Fl-2017, il-Kummissjoni se ssaħħaħ Startup Europe li se jkollha kamp ta’ applikazzjoni usa’ lil hinn mis-settur tal-ICT u tan-negozji l-ġodda fuq il-web. Il-Kummissjoni se tikkoordina l-ħidma tal-UE biex tgħaqqad ir-raggruppamenti u l-ekosistemi madwar l-Ewropa u ġġib koerenza akbar bejn l-inizjattivi differenti tal-UE b’mod partikolari billi tiġbor flimkien il-Ministeri nazzjonali u reġjonali, l-aġenziji innovattivi u partijiet ikkonċernati u ekosistemi oħrajn.

-    Biex tgħaqqad lill-kumpaniji l-ġodda mas-sħab tan-negozju, fl-2017 il-Kummissjoni se tniedi għadd ta’ miżuri pilota dwar it-tlaqqigħ ta' negozji ġodda, kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u intrapriżi akbar u se testendi l-programm Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ għall-inkubaturi u għall-imprendituri fis-swieq internazzjonali.

3.2    Opportunitajiet ta’ akkwist

Il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jistgħu jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ espansjoni, iżda l-SMEs għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed 29 b’mod partikolari għall-hekk imsejjaħ akkwist “ogħla mil-limitu” 30 . 

L-akkwist pubbliku, suq ta’ EUR 2 triljun, jirrappreżenta potenzjal kbir ta’ tkabbir kemm għan-negozji ġodda kif ukoll għan-negozji li qed jespandu. Illum, dan il-potenzjal għadu mhuwiex użat biżżejjed. Meta mqabbel mal-piż tagħhom fl-ekonomija, in-negozji ġodda/li qed jespandu ma jiksbux sehem proporzjonat ta’ kuntratti pubbliċi 31 . Appoġġ aħjar lill-awtoritajiet kontraenti dwar l-użu tal-opportunitajiet tas-suq u l-għodod ta’ akkwist immodernizzati huwa neċessarju sabiex jitjieb il-ftuħ ta’ negozji ġodda/negozji li qed jespandu innovattivi. B’mod partikolari, il-konsultazzjonijiet preliminari tas-suq u s-sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jkunu modi b’saħħithom għan-negozji ġodda/għan-negozji li qed jespandu sabiex jippromwovu l-prodotti innovativi tagħhom max-xerrejja pubbliċi. B’hekk, in-negozji ġodda/in-negozji li qed jespandu se jkollhom opportunità akbar ta' suċċess fl-akkwist pubbliku. It-tnedija tal-akkwist elettroniku hija essenzjali f’dak ir-rigward.

Akkwist pubbliku tal-innovazzjoni mfassal kif suppost diġà għen sabiex jiddaħħlu ideat mhux ittestjati fis-suq u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ tkabbir transfruntiera.

Fl-ewwel azzjonijiet ta’ akkwist biex jippromwovu l-innovazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) jirriżulta li l-SMEs rebħu darbtejn u nofs aktar kuntratti milli f’eżerċizzji standard (73 % kontra 29 %) u ngħataw 15-il darba aktar kuntratti transfruntiera mill-medja tal-akkwist pubbliku fl-Ewropa (29 % kontra 2 %) 32 .

Fl-2014, l-UE adottat qafas ġdid għall-akkwist pubbliku li jipprovdi opportunitajiet għan-negozji l-ġodda biex jaċċessaw l-akkwist pubbliku. Madankollu, jidher li l-awtoritajiet tal-offerti nazzjonali jew reġjonali/lokali għadhom ma jafux wisq dwar dawn il-possibbiltajiet.

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Fl-2017, il-Kummissjoni se tintroduċi miżuri dwar l-akkwist tal-UE sabiex: (I) tistabbilixxi sensara tal-innovazzjoni li jibnu netwerks ta’ xerrejja interessati fl-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni, iddaħħalhom f’kuntatt ma’ negozji innovattivi u tgħin lin-negozji jaċċessaw il-finanzjament tar-riskju 33 ; (ii) tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jistabblixxu miri ta’ xiri tal-innovazzjoni ambizzjużi; (iii) tipprovdi gwida dwar l-akkwist innovattiv 34 , billi tibni fuq is-Sħubija għall-Innovazzjoni.

3.3    Ħiliet

Il-kumpaniji li qegħdin jikbru jridu jimpjegaw nies bil-ħiliet it-tajba, b’mod partikolari ħiliet tekniċi, finanzjarji u diġitali. Il-mentalità intraprenditorjali, il-ħiliet fil-ġestjoni u fit-tmexxija għall-espansjoni huma wkoll kruċjali.

Abbażi tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (ta' Ġunju 2016), il-Kummissjoni qiegħda taħdem sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħiliet u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol.

Dawn l-isfidi se jiġu indirizzati permezz ta’ tliet sfidi:

Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali li jmiss – tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-industrija.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet itejjeb l-informazzjoni dwar il-ħiliet u jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet.

L-għodda għall-big data li jmiss għall-previżjonijiet u l-informazzjoni dwar il-ħiliet bħala parti mill-Panorama ta’ Ħiliet.

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll żewġ oqfsa biex ittejjeb it-tagħlim u l-valutazzjoni tal-ħiliet:

Il-Qafas Ewropew tal-Intraprenditorija (EntrComp);

Il-Qafas tal-Kompetenzi Diġitali (DigComp).

Hija se taħdem mal-Istati Membri sabiex tippromwovi dawn l-oqfsa fil-livell nazzjonali. Fl-istess ħin, l-EIT se jfittex u jżid il-ħidma tiegħu fit-taħriġ ta’ studenti fil-livell tal-Masters b’ħiliet tekniċi u intraprenditorjali kkombinati.

Il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi wkoll il-professjonaliżmu fl-ICT – il-Qafas Ewropew għall-Kompetenza fl-Elettronika 35 issa sar standard għall-professjonisti tal-ICT. Finalment, il-kapaċità li tattira l-aqwa talent, inkluż minn barra l-UE, huwa xprunatur ieħor importanti tas-suċċess tagħha. F’Ġunju tal-2016, il-Kummissjoni pproponiet li tirriforma l-Karta Blu tal-UE sabiex tattira aktar il-ħaddiema bi kwalifiki għolja ta’ pajjiżi terzi 36 . Peress li t-talent minn barra l-pajjiż jista’ jagħti kontribut importanti fil-fondazzjoni ta’ negozji ġodda, jeħtieġ li jsir aktar xogħol fl-UE sabiex tattirahom u tappoġġjahom.

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Fl-2017, il-Kummissjoni se tibni fuq l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa billi tara li żżid l-attivitajiet tal-EIT sabiex jippromwovi l-ħiliet tal-intraprenditorja, tal-ġestjoni u tal-innovazzjoni.

-    Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu akbar mill-Alleanzi ta’ Għarfien ta’ Erasmus+ u mill-għodda ta’ awtovalutazzjoni HEInnovate.

3.4    Tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ innovazzjoni tal-UE għal negozji ġodda u għal negozji li qed jespandu

Il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha lill-SMEs permezz tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Orizzont 2020, kemm bħala sħab fi proġetti ta’ kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ditti oħrajn, kif ukoll bħala benefiċjarji uniċi. Tat spinta wkoll lill-appoġġ għall-innovazzjoni fosthom permezz ta’ aktar proġetti ta’ dimostrazzjoni, aċċess faċilitat għall-esperimentazzjoni u l-faċilitajiet pilota, azzjonijiet dwar l-akkwist innovattiv u strumenti finanzjarji msaħħa. Minħabba f’hekk, il-parteċipazzjoni tal-SMEs żdiedet u attwalment hija ogħla mil-livell mira ta’ 20 %.

L-istrument il-ġdid tal-SMEs diġà appoġġja proġetti ta’ innovazzjoni f’1,924 37 SME. Madankollu, l-evidenza u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati 38 juru li Orizzont 2020 huwa aktar tajjeb biex jappoġġja teknoloġiji u kumpaniji li diġà jeżistu milli negozji ġodda li huma innovattivi fi swieq ġodda jew li jinsabu fl-intersezzjoni bejn it-teknoloġiji diġitali u fiżiċi. L-appoġġ attwali huwa meqjus ikkumplikat iżżejjed, mhux flessibbli u jaħdem bil-mod wisq biex jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel xi tibdiliet f’Orizzont 2020 għall-perjodu (2018-2020). Dawn jinkludu:

l-adozzjoni ta’ approċċ kompletament "minn isfel għal fuq", biex proġetti innovattivi li jinteressaw diversi setturi/teknoloġiji jsiru eliġibbli għall-appoġġ;

aċċess aktar faċli għan-negozji l-ġodda għall-appoġġ finanzjarju u tekniku;

l-immirar ta’ innovazzjonijiet sinifikanti li joħolqu swieq b’potenzjal ta’ tkabbir.

Abbażi ta' dan u tar-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea se tikkunsidra li toħloq Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 39 għal programmi futuri sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ innovazzjonijiet sinifikanti li jistgħu jinteressaw u joħolqu swieq ġodda.

Minbarra li tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, bħall-aċċess miftuħ u ffaċilitat għall-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni u l-faċilitajiet pilota, u f’kooperazzjoni mar-reġjuni dwar iċ-ċentri ta’ innovazzjoni, l-inizjattiva Radar ta’ Innovazzjoni tagħmilha aktar faċli li jiġu individwati minn kmieni innovazzjonijiet iffinanzjati minn Orizzont 2020 b’potenzjal tas-suq u t-timijiet warajhom (eż. SMEs, negozji ġodda, spin-offs, universitajiet).

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) stabbilixxa aċċeleraturi pan-Ewropej għall-kumpaniji innovattivi. Barra minn hekk, l-EIT se jesplora l-ħolqien ta’ skemi ta’ investiment dirett fl-espansjoni ta’ kumpaniji innovattivi eżistenti billi jattira investiment addizzjonali minn sorsi tas-settur pubbliku u privat u minn strumenti eżistenti.

Barra minn hekk, huwa diffiċli wisq għan-negozji l-ġodda u għan-negozji li qed jespandu (u l-SMEs b’mod aktar ġenerali) li lesti li jagħmlu dan, li jipproteġu u jivvalorizzaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u kompetenzi preċiżi dwar kif jużaw l-IPRs b’mod strateġiku bħala strumenti ta’ investiment/ta’ tkabbir; kostijiet tas-sistemi relattivament għoljin; diffikultà fil-kisba ta’ valwazzjoni tal-IPRs;  40 u kostijiet għoljin għall-infurzar.

9 % biss tal-kumpaniji żgħar tal-UE jużaw proprjetà intellettwali reġistrata u huma bil-wisq inqas dawk li jużaw drittijiet b’kopertura fl-UE kollha (3 % jirreġistraw trademarks tal-UE) 41 . Dan spiss iżommhom milli jgawdu mill-benefiċċji potenzjali kbar tal-isforzi ta’ innovazzjoni tagħhom. Meta mqabbla mal-pari tagħhom, l-SMEs, li b’mod attiv jużaw l-IP, jiġġeneraw 32 % aktar ta' dħul għal kull impjegat, b'hekk ikunu jistgħu joffru pagi aktar attraenti u jżidu l-forza tax-xogħol tagħhom aktar malajr. Għaldaqstant l-IP hija essenzjali għall-proċess ta’ tkabbir ta’ ditti żgħar innovattivi.

Finalment, l-innovaturi, u b’mod partikolari n-negozji ġodda, spiss jiffaċċjaw ostakoli regolatorji jew inċertezzi fl-introduzzjoni tal-innovazzjonijiet tagħhom fis-suq. Bħala parti mill-aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni qiegħda tqis l-impatt potenzjali fuq l-innovazzjoni tar-regolamentazzjoni attwali u ġdida 42 , b’konformità mal-“prinċipju innovattiv” 43 kif mitlub mill-Kunsill.

Azzjonijiet ulterjuri:

-     Biex ittejjeb l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel bidliet għall-perjodu li fadal ta’ Orizzont 2020 sabiex tipprovdi appoġġ minn isfel għal fuq li jimmira l-proġetti ta’ innovazzjoni sinifikanti li għandhom potenzjal ta’ espansjoni, u se tikkunsidra t-tisħiħ ta’ dan l-approċċ fil-futur bil-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 44 .

-    Il-Kummissjoni se tuża r-Radar ta’ Innovazzjoni sabiex tlaqqa’ sħab potenzjali tan-negozju u investituri ma’ innovaturi ffinanzjati minn Orizzont 2020 sabiex tappoġġjahom fl-espansjoni tagħhom. 

-    Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tal-iskema ta’ Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni li tippermetti lill-innovaturi jaħdmu mal-awtoritajiet pubbliċi u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex isibu modi kif jindirizzaw ostakoli regolatorji perċepiti, u jekk tirnexxi, jestenduha għal oqsma oħrajn rilevanti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora wkoll qafas ta' abilitazzjoni għal esperimenti regolatorji. 

-    Fl-2017-18, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta sett ta’ miżuri sabiex tappoġġja l-użu tal-IPR mill-SMEs 45 jiġifieri (i) iżżid l-għarfien dwar l-iskemi eżistenti ta’ Appoġġ għall-IP għall-SMEs; (ii) tiżviluppa netwerk tal-UE ta’ medjazzjoni u ta’ arbitraġġ dwar l-IP għall-SMEs; (iii) tħeġġeġ il-ħolqien ta’ skemi ta’ assigurazzjoni fil-livell Ewropew għal-litigazzjoni u għas-serq tal-IP; (iv) ittejjeb il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ finanzjament ta’ appoġġ għall-IP, inkluż permezz ta’ gwida possibbli għall-Istati Membri 46 .

3.5.    Ekonomija soċjali u intrapriżi soċjali

B’mod globali, qed ikun hemm interess dejjem akbar fl-innovazzjoni soċjali bħala mod ta’ tkabbir sostenibbli, eż. il-kummerċ ġust, it-tagħlim mill-bogħod, it-trasferiment ta’ flus mobbli, l-integrazzjoni ta’ migranti u d-djar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju.

Għaldaqstant in-negozji ġodda soċjali 47 għandhom potenzjal għoli ta' innovazzjoni u ta’ impatt pożittiv fuq l-ekonomija u fis-soċjetà inġenerali 48 . Il-mudell ta’ negozju tagħhom li jgħaqqad l-effiċjenza ekonomika ma’ objettivi ċċentrati fuq is-soċjetà 49 , wera li huwa reżiljenti ħafna 50 .

Minħabba li qed tiżdied id-domanda għall-innovazzjoni soċjali u l-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda u pjattaformi kollaborattivi, hemm prospetti tajba għal dawn in-negozji ġodda. Barra minn hekk, ħafna minnhom għandhom il-potenzjal biex iwettqu mudelli ta’ negozju ppruvati li jistgħu jiġu replikati f’territorji oħra. Madankollu, dawn il-kumpaniji xorta waħda jsibuha diffiċli biex jiksbu finanzjament u appoġġ, b’mod speċjali minħabba l-fatturi li ġejjin:

in-nuqqas ta’ rikonoxximent u fehim tal-potenzjal ekonomiku tagħhom;

l-użu insuffiċjenti tat-teknoloġiji moderni. 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni flimkien mal-Fond Ewropew tal-Investiment, nediet strumenti finanzjarji ġodda biex jixprunaw is-self għall-intrapriżi soċjali, kif ukoll strumenti ġodda ta’ ekwità b’impatt soċjali skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Abbażi tal-Inizjattiva għan-Negozjar Soċjali, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lin-negozji ġodda soċjali biex jespandu anke b’miżuri li jiffukaw fuq l-aċċess aħjar għall-finanzi, l-aċċess imtejjeb għas-swieq, u t-tisħiħ tal-oqfsa regolatorji billi tagħti pariri lill-Istati Membri dwar it-tfassil tal-politika.

-    Il-Kummissjoni se tesplora wkoll miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, l-użu ta’ mudelli ta’ negozju ġodda 51 u li jappoġġjaw il-finanzjament tal-impatt tal-ekonomija soċjali u tal-intrapriżi soċjali permezz ta’ politiki dwar l-iżvilupp/il-viċinat tal-UE u fora internazzjonali (eż. il-pjattaforma Inclusive Business tal-G20) 52 .

4. Aċċess għall-finanzjament

It-tneħħija u l-issimplifikar tar-regolamenti, u ż-żieda ta’ opportunitajiet għall-pariġġar, il-kuntratti pubbliċi u r-reklutaġġ effettiv jgħinu lin-negozji ġodda jespandu u joħolqu impjiegi sostenibbli. L-aċċess għall-finanzjament huwa ostakolu importanti li jrid jiġi indirizzat.

Għalkemm il-problemi li jiffaċċjaw id-ditti tal-UE fil-fażi tal-bidu mhumiex akbar minn dawk iffaċċjati fl-Istati Uniti, l-evidenza akkademika u l-konsultazzjoni pubblika jikkonfermaw li hemm differenzi sostanzjali waqt il-fażi tat-tkabbir. Dan huwa parzjalment dovut għall-ammont ta’ finanzjament disponibbli għall-investiment ta’ kapital ta’ riskju: huwa stmat li fl-2014 kienu disponibbli biss madwar EUR 5 biljun fl-UE, meta mqabbla ma’ aktar minn EUR 26 biljun fl-Istati Uniti 53 .

Barra minn hekk, il-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju huma iżgħar fil-medja 54 u ma jistgħux jgħinu biżżejjed lill-kumpaniji biex jikbru minn negozji ġodda għal negozji b’kapitalizzazzjoni medja u għal atturi globali. Fil-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2012, id-daqs medju tal-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (fl-għeluq finali) kien ta’ EUR 61 miljun u 50 % minnhom kienu iżgħar minn EUR 27 miljun; il-kapital ta’ riskju medju tal-Istati Uniti fl-2014 kien jammonta għal USD 135 miljun 55 . Din hija problema partikolari għall-kumpaniji li qed jespandu, peress li l-finanzjament għandu t-tendenza li jonqos maż-żmien.

Huwa essenzjali għall-investituri li jkunu jistgħu jagħżlu minn firxa ta’ strateġiji ta’ ħruġ. Iridu jkunu jafu li se jkunu kapaċi jirkupraw l-investimenti tagħhom, kemm jekk permezz ta’ IPO, permezz ta’ bejgħ ta’ negozju lil kumpanija oħra, permezz ta’ bejgħ fi stadju aktar tard lil fond ta' kapital ta’ riskju jew lil fond tal-ekwità privata, jew billi jerġgħu jbigħu lill-fundatur(i) tal-kumpanija. Iżda n-nuqqas attwali ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament iwassal għal inċertezza u għal inqas investiment. Bl-istess mod, aktar ma jkun disponibbli l-finanzjament fl-aħħar stadji, aktar hemm possibbiltà li l-investituri primarji u dawk sekondarji jinvestu.

Meta aċċessaw il-finanzjament pubbliku, 85 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika talbu għal aktar koerenza u trasparenza fl-inizjattivi ta’ finanzjament, u għal immirar aħjar tal-kumpaniji li jistgħu jkunu l-mexxejja ta’ għada.

Il-Kummissjoni qiegħda tindirizza dawn il-kwistjonijiet f’diversi politiki. Fir-reviżjoni tal-baġit ta’ nofs it-terminu, hija pproponiet li żżid il-baġit għall-FEIS 56 u għall-COSME, filwaqt li jissaħħu l-istrumenti finanzjarji eżistenti u jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali għall-SMEs fil-fażijiet tal-bidu u ta’ espansjoni.

Mill-2010, il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-predeċessur tiegħu fetħu EUR 1 biljun f’mikrokrediti għat-twaqqif jew l-iżvilupp ta’ negozji żgħar, b’appoġġ għal aktar minn 100,000 mikroimprenditur madwar l-Ewropa.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali mnedija fl-2015 se tkun ukoll ta' għajnuna. Il-Kummissjoni qiegħda tmexxi ’l quddiem pakkett komprensiv ta’ miżuri sabiex tappoġġja l-finanzjament tal-kapital ta’ riskju fl-UE. Flimkien mal-Istrateġija għal Suq Uniku, tipproponi li jinħoloq Fond ta’ Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju pan-Ewropew sabiex tindirizza ċ-ċokon u l-frammentazzjoni tal-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju, tattira aktar kapital privat lejn il-kapital ta’ riskju, tippermetti li aktar SMEs ikunu ffinanzjati għal perjodi itwal ta’ żmien, u tiddiversifika l-finanzjament għan-negozji ġodda, għall-innovazzjoni u għall-kumpaniji mhux elenkati 57 . Barra minn hekk, f’Lulju 2016 il-Kummissjoni adottat proposta sabiex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju (EuVECA) u, kif intqal hawn fuq, dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorja Soċjali Ewropew (EuSEF) sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-finanzajment transfruntier għall-SMEs. B’mod komplimentari għall-Fond ta' Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju pan-Ewropew u l-FEIS, il-Kummissjoni se tanalizza l-valur miżjud potenzjali ta’ inċentivi addizzjonali għall-kapital ta’ riskju permezz ta’, pereżempju, skemi li jippermettu li l-fondi ta’ investiment bi sjieda u b’amministrazzjoni privati jibbenefikaw minn garanzija pubblika meta jiżdied il-finanzjament b’dejn sabiex isiru investimenti ta’ ekwità u ta’ dejn f’negozji ġodda u f’negozji li qed jespandu.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iskemi/inċentivi fiskali għall-investimenti fin-negozji ġodda/li qed jespandu, u filwaqt li tibni fuq l-approċċi ta’ suċċess implimentati mill-Istati Membri u fuq ir-riżultati tal-istudju attwali dwar l-effettività tal-inċentivi fiskali għall-Kapital ta’ Riskju u l-investituri informali sabiex tattira aktar kapital paċenzjuż, hija se tikkunsidra modi oħrajn kif tappoġġja t-tfassil tal-politiki tal-Istati Membri.

Biex issaħħaħ l-istrateġiji ta’ ħruġ għall-investituri bikrin fil-kumpaniji ġodda u li jkunu qed jespandu, u biex tikkumplimenta l-proġett pilota li jmiss għal pjattaforma ta’ pariġġar pan-Ewropea kif ukoll l-inizjattivi Start-up Europe, fl-2017-2018 il-Kummissjoni se timmonitorja l-ħolqien ta’ swieq ta’ tkabbir tal-SMEs, kategorija ġdida ta’ faċilitajiet multilaterali tan-negozjar li se tingħata forma legali mid-Direttiva II dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) 58 . B'hekk se jkun aktar faċli li jinġabar kapital għad-ditti ta’ daqs medju, u biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tidentifika inizjattivi mmexxija mis-suq u pubbliċi li jrawmu l-ammissjoni ta’ ishma ta’ SMEs għall-kummerċ u tesplora soluzzjonijiet fattibbli għall-kwistjonijiet regolatorji u n-nuqqasijiet tas-suq.

Azzjonijiet ulterjuri:

-    Fl-2017 il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew tal-Investiment se jagħmlu l-investimenti ewlenin fil-Fond tal-Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju pan-Ewropew ġdid u li huwa taħt ġestjoni indipendenti flimkien ma’ investituri privati kbar sabiex ikabbru d-daqs tal-Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju fl-Ewropa u jegħlbu l-frammentazzjoni attwali. L-investimenti ewlenin tal-UE li jlaħħqu mal-EUR 400 miljun se jkunu limitati għal massimu ta’ 25 % tal-kapital totali fil-Fondi tal-Fondi, biex b’hekk iġibu potenzjal minimu ta’ EUR 1.6 biljun f’investimenti addizzjonali għall-Kapital ta’ Riskju fl-Ewropa.

-    Fl-2017, il-Kummissjoni se tikkoordina pjattaforma pan-Ewropea fejn se jkunu jistgħu jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-finanzjament kollettiv, flimkien ma’ valutazzjoni tan-nuqqasijiet fil-finanzjament minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament, sabiex tifhem jekk hemmx bżonn ta' finanzjament pubbliku jew ta' miżuri oħrajn.

5. Konklużjoni

Minkejja l-ħafna imprendituri żgħar u innovattivi tagħha, l-Ewropa għadha mhijiex qiegħda tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-kapaċità u tat-talent imprenditorjali tagħha.

Għalkemm ittieħdet azzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ negozji ġodda, għad fadal ħafna xi jsir.

Il-ftuħ u l-espansjoni ta’ kumpanija madwar l-Ewropa saru aktar sempliċi. L-għan huwa li l-Ewropa ssir l-ewwel għażla għall-imprendituri ambizzjużi sabiex jibnu u jkattru l-ideat ta’ negozju innovattivi tagħhom f’kumpaniji ta’ suċċess f’ekosistemi li jaħdmu kif xieraq. Min-naħa tagħhom, dawn se joħolqu impjiegi ġodda, irawmu r-responsabbiltà soċjali u wħud se jsiru mexxejja globali.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi approċċ koordinat bejn il-politiki tal-UE li jrid jitwettaq permezz ta’ sett ta’ miżuri pragmatiċi. Il-ħidma fi sħubija mal-livelli kollha tal-gvern, fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fil-bliet u mal-partijiet ikkonċernati kollha - inklużi man-negozji l-ġodda u man-negozji li qed jespandu stess - se tkun neċessarja wkoll għall-implimentazzjoni effiċjenti u b’suċċess ta’ dan l-approċċ. 

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din il-Komunikazzjoni u biex jipparteċipaw attivament fl-implimentazzjoni tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(1)

Skont Henrekson u Johansson, 2010, 4 % tad-ditti jiġġeneraw 70 % tal-impjiegi l-ġodda. Ara wkoll: http://www.kauffman.org/blogs/policy-dialogue/2015/august/deconstructing-job-creation-from-startups

(2)

Konnettività; 5G u broadband eċċ..

(3)

Għalkemm jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri tal-UE. OECD (2015), Entrepreneurship at a glance.

(4)

https://ec.europa.eu/growth/industry/innovation/funding/efsi_mt

(5)

 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0550&from=MT

(6)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447773803386&uri=CELEX:52015DC0192

(7)

 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52015DC0468

(8)

Ara https://cohesiondata.ec.europa.eu/themes/3

(9)

 Il-perċentwal tad-ditti li ma jikbru b’inqas minn 5 % jew li ma jikbru xejn, huwa ogħla minn 45 % fl-Ewropa meta mqabbel mas-37 % fl-Istati Uniti (Bravo-Biosca, 2011, A look at business growth and contraction in Europe.

(10)

Rapport tar-Rappreżentanti tal-SME Daniżi, 2016, Scale-up Companies– is a new policy agenda needed?   http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=26381&no=1

(11)

Ara l-Eurostat (Marzu, 2016), Statistics Explained: Entrepreneurship — Statistical indicators: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Entrepreneurship_-_statistical_indicators#Small.2C_medium_and_large_enterprises .

(12)

Il-produttività f’kumpaniji b’aktar minn 1000 impjegat hija ferm ogħla milli f’kumpaniji oħrajn. L-Awtorità tan-Negozju Daniża.

(13)

  http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8723&lang=mt

(14)

Li jinkludi s-Suq Uniku Diġitali.

(15)

"Scale Up Europe: A Manifesto for change and empowerment in the digital age", 2016.

(16)

  http://ec.europa.eu/growth/single-market/strategy/collaborative-economy_mt

(17)

  http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8852&lang=mt

(18)

Il-Kummissjoni Ewropea kontinwament qiegħda timmaniġġja l-ġabra ta’ leġiżlazzjoni Ewropea permezz tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) li għandu l-għan li jiżgura li l-liġi tal-UE tibqa’ idonea għall-iskop tagħha u tagħti r-riżultati mixtieqa minn dawk li jfasslu l-politika bl-aktar mod effiċjenti u effettiv. Dan għandu l-għan li jneħħi l-burokrazija u li jnaqqas il-kostijiet mingħajr ma jikkomprometti l-objettivi politiċi u l-istandards għoljin tal-UE.

(19)

Ir-reġistrazzjoni onlajn tal-kumpaniji se tiġi indirizzata bħala parti mill-proposta ppjanata tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar tal-użu tat-teknoloġiji diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)550, p. 5; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020” (COM(2016)179, p. 8; il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 (COM(2016)710, p. 8).

(20)

Dan se jikkonsulta ma’ pjattaformi bħan-Netwerk Ewropew għan-Negozji Ġodda u n-Netwerk Globali għall-Intraprenditorija

(21)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Il-bini ta' sistema ta' taxxa korporattiva ġusta, kompetittiva u stabbli għall-UE.

(22)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/com_2016_148_mt.pdf  

(23)

Il-BKKTK tista’ tagħti spinta lin-negozji l-ġodda u lil dawk li jixtiequ jespandu biex jinvestu u jespandu fis-Suq Uniku. Din se tippremja l-attivitajiet tagħhom ta’ tkabbir bħall-investiment fir-R&Ż u l-finanzjament mill-bejgħ tal-ishma. Biex tappoġġja lill-intraprenditorija żgħira u innovattiva, se jingħata tnaqqis akbar għall-investimenti fir-R&Ż lin-negozji l-ġodda. Il-BKKTK se tindirizza t-trattament preferenzjali tad-dejn fuq l-ekwità li se jkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji innovattivi ffinanzjati mill-bejgħ tal-ishma u b'mod partikolari għan-negozji ġodda.

(24)

Ara l-pjan ta’ azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 COM(2016)179 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016DC0179

(25)

 L-"approċċ ta’ ekosistema ta’ intraprenditorija" jispjega għalfejn ċerti bliet/reġjuni għandhom ħafna aktar negozji ġodda/negozji li qed jespandu minn oħrajn, minkejja li għandhom l-istess qafas regolatorju. L-ekosistemi jmexxu lir-riżorsi lejn l-użu l-aktar produttiv. Jagħmluha possibbli li jiġu mfassla politiki olistiċi li ma jinkisbux b'approċċi tradizzjonali.

(26)

Pereżempju, is-Summit Start-up Europe, Start-up Europe Accelerators Assembly, in-netwerk ta' universitajiet ta' Start-up Europe; is-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli ta’ finanzjament u ta’ netwerking; it-tlaqqigħ ta’ korporazzjonijiet kbar u ta’ negozji ġodda (Start-up Europe Partnership), u l-promozzjoni tal-intraprenditorija.

(27)

S’issa dwar il-Modernizzazzjoni Industrijali, il-prodotti Agroalimentari u l-Enerġija

(28)

Pereżempju dwar it-trasformazzjoni ta’ reġjuni u bliet f’ċentri li jniedu t-trasformazzjoni diġitali u l-modernizzazzjoni industrijali.

(29)

Flash Eurobarometer 417 dwar l-ostakoli għall-akkwist għall-kumpaniji ż-żgħar.

(30)

L-akkwist b’valur daqs il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew ogħla minnhom.

(31)

Dan huwa partikolarment minnu għall-akkwist b’valur ugwali għal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew ogħla minnhom.

(32)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/updated-results-ongoing-pre-commercial-procurements-pcp-projects

(33)

Dawn is-sensara jidentifikaw u jaggregaw il-ħtiġijiet tax-xerrejja pubbliċi, jidentifikaw fornituri potenzjali, jikkonċentraw l-ideat u jiffinanzjaw dawk l-aktar promettenti f’setturi partikolari.

(34)

Abbażi tad-direttivi modernizzati tal-akkwist pubbliku.

(35)

 http://www.ecompetences.eu/.

(36)

Fl-2016 ukoll, ġiet adottata r-riforma tar-regoli dwar l-immigrazzjoni għall-istudenti u r-riċerkaturi ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tagħtihom id-dritt joqogħdu fl-UE sabiex ifittxu impjieg jew jibdew negozju għal mill-inqas disa’ xhur wara l-gradwazzjoni jew it-tmiem tar-riċerka (id-Direttiva (UE) 2016/801).

(37)

Abbażi tas-Sħubija għall-Innovazzjoni u fid-dawl tal-aspetti soċjali u ekoloġiċi.

(38)

https://ec.europa.eu/research/eic/pdf//eic_call_for_ideas-overview.pdf#view=fit&pagemode=none .

(39)

Isem provviżorju

(40)

Rapport dwar l-aċċess għall-finanzi għas-Setturi Kulturali u Kreattivi (Il-Kummissjoni Ewropea, 2015)

(41)

"Intellectual property rights and firm performance in Europe: an economic analysis" (EUIPO, 2015).

(42)

Fir-reviżjoni li jmiss tal-għodda tar-riċerka u l-innovazzjoni skont il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt.

(43)

 https://ec.europa.eu/epsc/sites/epsc/files/strategic_note_issue_14.pdf

(44)

Isem provviżorju

(45)

Aktar dettalji dwar dawn il-miżuri huma mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah. Dawn il-miżuri se jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EUIPO (l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE).

(46)

SWD(2016) 373, 22.11.2016, "Inqiegħdu l-proprjetà intellettwali għas-servizz tal-SMEs sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir".

(47)

 Negozju ġdid soċjali huwa negozju ġdid li jipproduċi impatt soċjetali.

(48)

  http://eureka.sbs.ox.ac.uk/761/1/Social_Innovation.pdf , Oxford Said Business School, Social Innovation.

(49)

  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:347:0238:0252:mt:PDF ..

(50)

  http://europa.eu/rapid/press-release_CES-12-60_en.htm?locale=en  

(51)

Fl-2017, il-Kummissjoni se tniedi Pjattaforma għall-Isfida tal-Innovazzjoni Soċjali biex tinċentiva lill-intrapriżi soċjali jingħaqdu ma’ tipi oħrajn ta’ intrapriżi sabiex jiżviluppaw flimkien soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali. Se tniedi wkoll sejħa għall-analiżi u għall-ġbir tal-aħjar prattiki dwar kif l-intrapriżi soċjali jistgħu jużaw aħjar l-ekonomija diġitali.

(52)

  http://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

(53)

Thomson ONE f’BSG Perspectives “The State of European Venture Capital”.

(54)

Iċ-ċifri tal-Istati Uniti ttieħdu mir-rapport tal-NVCA, filwaqt li dawk tal-UE ttieħdu mir-rapport tal-UE.

(55)

L-istudju “Assessing the Potential for EU Investment in Venture Capital and Other Risk Capital Fund of Funds”.

(56)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0581&from=MT  

(57)

 F’Novembru 2016 saret sejħa għal espressjoni ta’ interess biex jintgħażlu l-promoturi tal-Fond ta’ Fondi pan-Ewropew.

(58)

Id-Direttiva 2014/65/UE.

Top