Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0587

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits

COM/2016/0587 final

Brussell, 14.9.2016

COM(2016) 587 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits

{SWD(2016) 300 final}


1.Introduzzjoni

Matul l-aħħar għaxar snin, il-politika tal-UE dwar il-komunikazzjoni elettronika rnexxielha żżid il-kompetizzjoni, traħħas il-prezzijiet u twessa’ l-għażla għan-negozji u għall-konsumaturi. Iżda l-konsumaturi u n-negozji għadhom qed iġarrbu l-frammentazzjoni fis-swieq tal-komunikazzjoni elettronika mal-fruntieri nazzjonali, u l-qafas regolatorju attwali ma jiffavorixxix sistematikament l-introduzzjoni ta’ netwerks b’kapaċità għolja ħafna mill-atturi kollha tas-suq.

Barra minn hekk, minn mindu ġie rivedut il-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjoni tal-UE fl-2009, is-settur tal-komunikazzjoni elettronika għamel bidliet sinifikanti. Ix-xejriet tal-konsum u tal-ħtiġijiet qed jinbidlu mill-qiegħ. Kulma jmur it-telefonija bil-vuċi qed joħdilha postha l-aċċess għall-internet fiss u mobbli b’firxa ta’ apparati konnessi (smartphones, tablets, kompjuters, televiżjoni) li joffri aċċess għal firxa dejjem akbar ta’ servizzi diġitali 1 u dawn tal-aħħar qed ikomplu jżidu d-domandi fuq in-netwerks li jiġu pprovduti minnhom. Fis-snin li ġejjin il-ħtiġijiet se jiżdiedu għax is-servizzi u l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-Internet tal-Oġġetti, il-cloud computing u r-realtà virtwali u awmentata se jiżviluppaw u jikbru.

Il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali sħaħ ta’ din it-trasformazzjoni diġitali se jinkisbu biss jekk l-Ewropa tkun tista’ tiżgura l-introduzzjoni u l-adozzjoni fil-wisa’ ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna fiż-żoni rurali u urbani u fl-inħawi kollha tas-soċjetà. Għaldaqstant wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Mejju 2015 għal Suq Uniku Diġitali kien li jinħolqu l-ambjent u l-kundizzjonijiet it-tajbin għall-introduzzjoni ta’ netwerks diġitali u avvanzati b’kapaċità kbira ħafna. Issa li s-settur tat-telekomunikazzjoni hu faċilitatur għall-ekonomija u s-soċjetà diġitali kollha, l-Ewropa jeħtieġ taġixxi malajr biex tiżgura l-kompetittività globali u l-prosperità tagħha fil-ġejjieni.

F’Jannar 2016, il-Parlament Ewropew 2 enfasizza r-rwol tal-investiment privat f’netwerks tal-konnettività tal-internet għall-progress diġitali, u r-rwol ta’ qafas regolatorju stabbli biex l-atturi kollha jinvestu kullimkien, inkluż fiż-żoni rurali u mbiegħda. Bl-istess mod, f’Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew appella għal konnettività broadband fissa u bla fili b’kapaċità kbira ħafna fl-Ewropa kollha, bħala prikundizzjoni għall-kompetittività futura, u biex ir-riforma regolatorja tat-telekomunikazzjoni tinċentiva investimenti kbar fin-netwerks filwaqt li jiġu promossi l-kompetizzjoni effettiva u d-drittijiet tal-konsumatur 3 .

Din il-Komunikazzjoni tikkonferma l-importanza tal-konnettività tal-internet għas-Suq Uniku Diġitali u l-ħtieġa li l-Ewropa tintroduċi issa n-netwerks għall-ġejjieni diġitali tagħha. Għal dan il-għan, din tistabbilixxi viżjoni għal Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, fejn id-disponibbiltà u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna jippermettu l-użu fil-wisa’ ta’ prodotti, servizzi u applikazzjonijiet fis-Suq Uniku Diġitali. Din il-viżjoni tista’ titwettaq permezz ta’ tliet għanijiet strateġiċi għall-2025: għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Ewropa, konnettività bil-Gigabits fl-inħawi li qed jixprunaw l-iżviluppi soċjoekonomiċi; għall-kompetittività tal-Ewropa, kopertura tal-5G 4 f’kull żona urbana u f’kull rotta ewlenija tat-trasport terresti; għall-koeżjoni tal-Ewropa, aċċess tal-konnettività tal-internet b’mhux inqas minn 100 Mbps għal kull unità domestika Ewropea.

Sabiex din il-viżjoni titwettaq, din il-Komunikazzjoni tipproponi serje ta’ inizjattivi mfassla biex joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajbin biex isiru l-investimenti meħtieġa, l-aktar biex jinkisbu mis-suq. Dawn ifissru riforma kbira fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika, fl-għamla ta’ proposta leġiżlattiva ta’ akkumpanjament għal Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-Kodiċi) 5 u r-Regolament BEREC, Pjan ta’ Azzjoni dwar il-konnettività tal-5G għall-Ewropa 6 u aktar miżuri politiċi u finanzjarji fil-livell tal-Unjoni, fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali, inkluż l-inizjattiva “Wi-Fi għall-Ewropa” li tippromwovi d-disponibbiltà mifruxa ta’ konnessjonijiet tal-Wi-Fi għaċ-ċittadini fl-UE kollha. L-għan hu li tingħata spinta lill-ekonomija diġitali u l-kompetittività tal-Ewropa, li l-komunitajiet jitħeġġu jieħdu sehem b’mod attiv fis-Suq Uniku Diġitali u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet dejjem akbar tal-Ewropej fejn tidħol il-konnettività.

2.Il-Ħtieġa ta’ Konnettività tal-Internet bi Prestazzjoni Għolja fis-Suq Uniku Diġitali

Fl-2010, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ddefiniet għanijiet għall-konnettività sal-2020: disponibbiltà universali ta’ 30 Mbps sabiex tkun żgurata l-koeżjoni territorjali; u abbonamenti ta’ 100 Mbps minn mill-inqas 50% tal-unitajiet domestiċi Ewropej biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-kompetittività futura.

Sa nofs l-2015, 71% tad-djar fl-UE kollha kellhom aċċess għal netwerks fissi li joffru mill-inqas 30 Mbps, u dan meta mqabbel ma’ 48% fl-2011 7 . Kważi nofs id-djar fl-UE huma koperti b’netwerks li jifilħu jipprovdu veloċitajiet tad-downlink ta’ 100 Mbps. L-abbonamenti ta’ 100 Mbps u akbar qed jiżdiedu bil-qawwa, minn livell baxx: 11% tad-djar kollha kellhom dawn l-abbonamenti sa nofs l-2015. It-tendenza ta’ tkabbir hi aktar evidenti fl-Istati Membri bl-akbar rata ta’ abbonamenti tal-100 Mbps, u dan jissuġġerixxi ċirku virtuż tal-adozzjoni. Iżda għad fadal bosta differenzi bejn l-Istati Membri u bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali, kemm fejn tidħol il-kopertura kif ukoll l-adozzjoni.

Filwaqt li l-broadband bażiku 8 hu disponibbli għal kull ċittadin Ewropew, l-aktar bis-saħħa ta’ infrastrutturi legati, dan m’għadux tajjeb biżżejjed għat-trasformazzjoni diġitali li qed issir. Kważi nofs l-Ewropej għandhom smartphone iżda ma jistgħux jużaw il-potenzjal kollu tiegħu għax il-kopertura u l-kwalità tad-dejta mobbli għandhom nuqqasijiet kbar 9 .

Fi żmien għaxar snin hu mistenni li madwar id-dinja jkun hemm sa 50 biljun oġġett fid-djar, fil-karozzi u saħansitra fl-arloġġi tal-idejn li jkunu konnessi flimkien – il-maġġoranza l-kbira tagħhom mingħajr fili 10 . Is-soluzzjonijiet trasformattivi bbażati fuq il-konnettività tal-internet – inkluż il-cloud computing, l-Internet tal-Oġġetti, l-informatika bi prestazzjoni għolja u l-analitika tal-Big Data – se jittrasformaw il-proċessi tan-negozju u jinfluwenzaw l-interazzjonijiet soċjali. Aktarx li fis-snin li ġejjin, it-televiżjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss se jkun qed jixpruna bil-qawwa d-domanda tal-meded tal-baned għall-unitajiet domestiċi. L-applikazzjonijiet diġitali l-ġodda – bħar-realtà virtwali u awmentata, is-sewqan aktar konness u awtomatizzat, il-kirurġija mill-bogħod, l-intelliġenza artifiċjali, il-biedja bi preċiżjoni – se jkollhom bżonn il-veloċità, il-kwalità, u l-kwalità tar-rispons li jistgħu jinkisbu biss b’netwerks tal-broadband b’kapaċità kbira ħafna 11 . 

Il-grafika t’hawn fuq turi l-ħtieġa għal veloċità u għal kwalità tar-rispons fil-konnettività tal-internet għal użu wieħed ta’ applikazzjoni jew servizz. Din il-ħtieġa tiżdied jekk ikun hemm użi multipli, bħalma hi n-norma, għax ħafna drabi utent wieħed ikd jagħmel bosta użi f’daqqa (eż. jara t-televiżjoni u juża n-netwerks soċjali) u ħafna drabi konnessjoni waħda taqdi bosta utenti fl-istess ħin (eż. għall-unitajiet domestiċi bit-tfal, għall-SMEs u għal organizzazzjonijiet bħall-iskejjel u l-libreriji).

Analiżi tax-xejriet tat-teknoloġija u tad-domanda turi li l-forniment ta’ ħafna mill-prodotti, mis-servizzi u mill-applikazzjonijiet se jkun sostenibbli biss fejn ikun hemm netwerks tal-fibrottika sa punt tal-aċċess fiss jew bla fili qrib l-utent finali 12 . Bħalissa anki l-kejbils tal-fibrottika huma rrakkomandati bħala mezz ta’ konnessjoni bejn in-netwerk ewlieni u s-subnetwerks finali għal aċċess bla fili tal-5G 13 .

Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtiġijiet għall-veloċità u għall-kwalità tal-internet lil hinn mill-2020 u l-miżuri biex jintlaħqu dawn il-ħtiġijiet sal-2025 14 turi aspettattivi ċari biex titjieb il-kwalità tas-servizz tal-konnettività tal-internet fiss sal-2025, speċjalment fejn tidħol il-veloċità tad-downlink 15 (akbar minn 1 Gbps) u l-kwalità tar-rispons (inqas minn 10 millisekondi), u tikkonferma li dejjem qed tiżdied l-importanza ta’ karatteristiċi oħra, apparti l-veloċità tad-download 16 , għall-konnettività fissa u mobbli. Kulma jmur dawn l-aspettattivi qed jiġu dejjem aktar riflessi fil-pjanijiet nazzjonali għall-broadband tal-Istati Membri 17 .

L-Istat tal-konnettività tal-broadband fl-Ewropa u t-tendenzi attwali tal-modernizzazzjoni tagħha mhux se jissodisfaw il-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu għal internet aħjar u aktar veloċi, bis-saħħa ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna. Dawn hemm bżonnhom biex iċ-ċittadini u n-negozji jiżviluppaw, iwasslu u jgawdu minn prodotti, servizzi u applikazzjonijiet online madwar l-Ewropa. Is-suċċess tal-kummerċ elettroniku, l-affidabbiltà tal-applikazzjonijiet tas-saħħa elettronika, l-esperjenza tal-utent tal-kontenut bil-vidjo u bl-awdjo fil-logħob u fl-istreaming, ilkoll jiddependu fuq il-kwalità tan-netwerks.

In-netwerks b’kapaċità kbira ħafna huma meħtieġa wkoll biex jiġi massimizzat il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea. Permezz ta’ trażmissjoni immedjata u affidabbiltà kbira, mijiet ta’ magni jkunu jistgħu jikkoperaw f’ħin reali f’ambjenti industrijali, professjonali jew domestiċi. Bl-omnipreżenza, il-karozzi jkunu jistgħu jinstaqu b’mod awtonomu. Il-kapaċità tar-rispons u l-affidabbiltà huma karatteristiċi ewlenin li jippermettu lit-tobba jwettqu kirurġija mill-bogħod u l-bliet jadattaw il-konsum tal-enerġija jew s-sinjali tat-traffiku skont il-ħtiġijiet reali. B’veloċitajiet tad-download/upload kbar, in-negozji jkunu jistgħu jagħmlu vidjokonferenzi b’definizzjoni għolja (HD) ma’ diversi parteċipanti f’postijiet differenti jew jaħdmu fuq softwer komuni bil-cloud computing. L-istudenti jkunu jistgħu jsegwu korsijiet ta’ universitajiet li jinsabu fi Stati Membri oħra.

In-netwerks b’kapaċità kbira ħafna hemm bżonnhom biex tkun żgurata l-koeżjoni territorjali ħalli kull ċittadin f’kull komunità fl-Ewropa kollha jkun parti mis-Suq Uniku Diġitali u jibbenefika minnu.

Dawn in-netwerks b’kapaċità kbira ħafna qed isiru meħtieġa għat-tkabbir, għall-impjiegi, għall-kompetittività u għall-koeżjoni fl-Ewropa. Sabiex tiddefinixxi b’aktar preċiżjoni kif għandha tkun il-konnettività tal-internet fl-Ewropa tal-ġejjieni, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi sett ta’ għanijiet għall-introduzzjoni tan-netwerk sal-2025. Dawn jimmiraw li jsawru soċjetà tal-Gigabits li sserraħ fuq netwerks b’kapaċità kbira ħafna li se jiżguraw il-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali għal kulħadd.

3.Nistabbilixxu viżjoni u għanijiet għall-konnettività tal-internet tal-ġejjieni fis-Suq Uniku Diġitali

Il-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa juru l-benefiċċji li jinkisbu jekk jitfasslu għanijiet fit-tul għax maż-żmien dawn saru punt ta’ referenza għall-politika pubblika, ngħidu aħna għar-regoli u l-linji gwida li għandhom x’jaqsmu mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (l-FSEI), mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF) u mal-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband. Għalkemm mhux vinkolanti, sal-lum kważi kull Pjan Nazzjonali għall-Broadband tal-Istati Membri jħaddan dawn l-għanijiet 18 . Ħafna drabi anke l-pjanijiet ta’ investiment tas-settur privat u l-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni jkunu allinjati mal-għanijiet.

Filwaqt li l-għanijiet tal-konnettività tal-2010 jibqgħu validi sal-2020 u taw prospettiva politika stabbli għal għaxar snin, u jaqblu mal-medda taż-żmien għall-investimenti fl-infrastruttura u jaqblu mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-ħtiġijiet futuri identifikati hawn fuq, hemm bżonn li jiġu stabbiliti għanijiet kumplimentari aktar fit-tul. Dawn se jservu bħala punt ta’ riferiment li jista’ jitkejjel u jista’ jintlaħaq għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur privat u fis-settur pubbliku, filwaqt li jiżviluppaw u jsaħħu l-investimenti eżistenti fin-netwerks sal-2025 u lil hinn.

3.1.Il-konnettività tal-Gigabits 19  

Sabiex jiġi ottimizzat l-investiment fin-netwerks b’kapaċità kbira ħafna, hu importanti li l-prijoritajiet jinxteħtu f’posthom. Il-postijiet fiżiċi jew is-siti online fejn jinġabru n-nies jew li jżuruhom biex jitgħallmu, jaħdmu u jaċċessaw is-servizzi pubbliċi u fejn konnessjoni waħda tipprovdi internet lil diversi utenti, jixprunaw l-iżviluppi soċjoekonomiċi. Dawn il-postijiet huma s-sinsla tat-tkabbir, tal-edukazzjoni, tal-innovazzjoni u tal-koeżjoni fl-Ewropa; li apparti n-negozji, normalment jinkludu wkoll l-iskejjel u l-libreriji, iċ-ċentri tar-riċerka u bosta servizzi pubbliċi. Fid-dinja diġitali, dawn iridu jkunu fuq quddiem nett fejn tidħol il-konnettività tal-Gigabits ħalli ċ-ċittadini Ewropej jinfetħulhom il-bibien għall-aqwa servizzi u applikazzjonijiet.

Għal modi innovattivi tat-tagħlim 20 hemm bżonn konnettività tal-Gigabits, biex dawn jibbenefikaw minn materjali, għodod u tattiki tat-tagħlim aġġornati, filwaqt li l-istudenti jiksbu l-ħiliet diġitali. Anki fi żmienna, biex tkun tista’ tieħu vantaġġ sħiħ mis-servizzi edukattivi disponibbli online, skola b’għoxrin klassi ta’ 25 student il-waħda għandha bżonn veloċitajiet ta’ 700 Mbps għal użu fl-istess ħin.

Kulma jmur qed jiżdied l-għadd ta’ negozji u industriji, b’mod partikolari l-intrapriżi intensivi diġitalment 21 , li jkunu jeħtieġu konnettività tal-Gigabits biex joħolqu applikazzjonijiet ġodda u mudelli kummerċjali li jipproduċu, jqassmu u jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod aktar kompetittiv. Mis-sistemi tal-manifattura sal-proċessi tal-ordnijiet u t-twassil, mill-ħżin tad-dejta u l-analitika sal-komunikazzjoni interna u esterna, il-kompetittività futura tagħhom teħtieġ aċċess kosteffettiv għal din it-tip ta’ konnettività.

Filwaqt li s-servizzi pubbliċi qed jużaw l-internet dejjem aktar, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġu konnettività tal-Gigabits biex jipprovdu servizzi mingħajr intoppi lil bosta ċittadini u negozji b’mod paralleli. Għaċ-ċentri tat-trasport, il-konnettività tal-Gigabits tiffaċilita l-użu tat-trasport intermodali bbażat fuq applikazzjonijiet innovattivi.

Bħala effett sekondarju pożittiv, jekk iċ-ċittadini jingħataw l-opportunità li jippruvaw u jittestjaw l-aktar għodod diġitali avvanzati, fosthom billi jingħataw aċċess għall-internet permezz ta’ konnessjonijiet tal-Wi-Fi disponibbli għall-pubbliku, il-postijiet bħal-libreriji, l-istazzjonijiet tal-ferrovija jew l-uffiċċji tal-agenziji tax-xogħol u t-taħriġ ikunu jistgħu jrawmu wkoll għarfien dwar l-aċċess għall-internet tal-Gigabits u jżidu d-domanda għalih.

Jekk f’dawn il-punti fokali tiġi pprovduta konnettività tal-Gigabits, ngħidu aħna għallinqas 200,000 skola u 200,000 binja ta’ awtorità pubblika, kif ukoll parks kummerċjali fejn jinġabru l-intrapriżi ż-żgħar, ikunu qed jintlaħqu bosta utenti u jitrażżnu l-ispejjeż, u b’hekk jitħallew effetti pożittivi mifruxa fuq l-ekonomija usa’ u fuq is-soċjetà b’mod ġenerali. Aktarx dan iħajjar l-estensjoni tan-netwerks fissi lokali, li min-naħa tagħhom jappoġġaw it-titjib tal-kopertura tal-5G bla fili għax iżidu l-kapaċitajiet backhaul. Dawn iż-żewġ effetti għandhom iwasslu għal offerti kummerċjali fissi u mobbli aħjar għal aktar intrapriżi żgħar u unitajiet domestiċi, filwaqt li jekk l-utenti finali jkunu esposti għal offerti kompetittivi minn netwerks b’kapaċità kbira ħafna, aktarx li d-domanda tiżdied u b’hekk jitjieb il-każ ekonomiku għal aktar investiment 22 . Għalhekk l-investimenti fil-konnettività tal-internet għal dawn l-ixpruni soċjoekonomiċi se jgawdu minn għadd ferm akbar ta’ utenti potenzjali fl-ekonomija u fis-soċjetà diġitali Ewropea.

Għan strateġiku għall-2025: konnettività tal-Gigabits għall-ixpruni soċjoekonomiċi kollha bħall-iskejjel, iċ-ċentri tat-trasport u l-fornituri ewlenin tas-servizzi pubbliċi 23 u anki għall-intrapriżi intensivi diġitalment.

3.2.Konnettività tal-5G bi prestazzjoni għolja

Minbarra li tiżdied l-eżiġenza tal-konnettività għall-applikazzjoniet medjali, il-komunikazzjoni ta’ livell professjonali fis-settur industrijali u fis-settur tas-servizzi bħal dawk tal-karozzi, tat-trasport, tal-manifattura, tas-saħħa kif ukoll tas-servizzi tas-sikurezza u tal-emerġenza tal-ġenerazzjoni li jmiss se jkunu jeħtieġu infrastruttura bla intoppi, kondiviża, fissa u bla fili li toffri firxa ta’ livelli kkontrollati mill-konsumaturi ta’ affidabbiltà u kwalità tas-servizz, imfasslin skont ħtiġijiet kummerċjali speċifiċi.

Il-komunikazzjoni tal-5G se tibni fuq il-konnettività tad-dejta mobbli tal-4G u fuq in-netwerks fissi – l-infrastrutturi li bħalissa huma separati se jkunu jistgħu jintegraw is-servizzi tagħhom f’“netwerks virtwali” ta’ kwalità kbira, preżenti kullimkien u programmabbli . Din teħtieġ l-użu bikri ta’ spettru tar-radju armonizzat mal-UE kollha, disponibbiltà malajr ta’ spettru ġdid bħall-banda tas-700 MHz għall-kopertura rurali u għall-użu fil-bini tal-bliet, u koordinazzjoni aħjar fl-assenjament tal-ispettru mal-Ewropa kollha 24 biex jinkisbu tmexxija bikrija u netwerks tal-fibra mifruxin għal backhaul b’kapaċità kbira ħafna mill-arbli u ċ-ċelloli żgħar.

Is-servizzi l-ġodda mistennija jaqsmu l-infrastruttura ewlenija u teknoloġija tal-5G komuni, u bihom l-utenti u l-oġġetti “mobbli” 25 se jkunu jistgħu jibqgħu konnessi għalkollox f’kull ħin, fit-trasport urban, tul il-passaġġi interurbani, jew saħansitra fl-arja (eż. id-droni għal-loġistika). Iż-żoni industrijali, it-toroq u l-konnessjonijiet ferrovjarji huma mistennija jkunu żoni importanti fl-ewwel fażi tal-applikazzjonijiet il-ġodda 26 . Il-vijabbiltà ta’ wħud minn dawn l-applikazzjonijiet ġodda teħtieġ id-disponibbiltà ta’ servizzi tal-5G b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha biex ikun hemm kontinwità tas-servizzi bejn il-fruntieri u biżżejjed ekonomiji ta’ skala. Għalhekk, permezz ta’ għan intermedju komuni, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi appoġġata l-iskeda komuni għall-introduzzjoni tan-netwerks proposta fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G.

Studju 27  riċenti jistma li l-introduzzjoni b’suċċess tal-5G tista’ twassal għal EUR 113-il biljun fis-sena f’benefiċċji f’erba’ setturi industrijali (tal-karozzi, tal-kura tas-saħħa, tat-trasport u tal-utilitajiet), b’benefiċċji mifruxa b’mod wiesa’ fuq in-negozji, il-konsumaturi u s-soċjetà usa’. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-5G tista’ tappoġġa l-ħolqien ta’ aktar minn żewġ miljun impjieg fl-UE.

Għan strateġiku għall-2025: Kull żona urbana 28 u kull rotta ewlenija tat-trasport terrestri 29  jkollhom kopertura tal-5G mingħajr interruzzjonijiet.

Għan intermedju għall-2020: Il-konnettività tal-5G tkun disponibbli bħala servizz kummerċjali komplut f’mill-inqas belt prinċipali waħda f’kull Stat Membru, imsejsa fuq l-introduzzjoni kummerċjali tal-2018.

3.3.Konnettività aħjar fiż-żoni rurali

F’ħafna miż-żoni rurali u mbiegħda, il-konnettività tal-internet jista’ jkollha rwol essenzjali biex jiġi evitat id-distakk, l-iżolament u d-depopolazzjoni diġitali billi jonqsu l-ispejjeż għat-twassil tal-oġġetti u s-servizzi u parzjalment tiġi kkumpensata d-distanza. In-negozji jistgħu inaqqsu l-ispejjeż bil-vidjokonferenza, b’aċċess online għall-amministrazzjoni, bil-kummerċ elettroniku, u bil-ħażniet tad-dejta fil-cloud computing. L-iżvilupp rurali u l-agrikoltura moderna jiddependu dejjem aktar fuq l-applikazzjonijiet online favur it-turiżmu, il-monitoraġġ bis-sensers tal-uċuħ tar-raba’ u l-użu tad-droni fil-kummerċ u fl-agrikoltura.

Il-familji Ewropej, rurali jew urbani, għandu jkollhom aċċess għal livell minimu ta’ konnettività fissa jew bla fili. Biex fl-2025 il-konnettività titqies adegwata, jeħtieġ ikollha kapaċità ferm akbar milli għandha llum. Daż-żmien, filwaqt li l-Ewropa qed tifrex in-netwerks fissi tal-ġenerazzjoni li jmiss u tal-4G mobbli, iż-żoni rurali għadhom lura fit-tnejn li huma.

Il-kopertura għall-aħħar 5% tad-djar u tan-negozji għadha l-akbar sfida, iżda jeżisti mod kost-effettiv kif jista’ jsir titjib imsejjes fuq soluzzjonijiet bla fili kif ukoll bil-linji fissi. Abbażi tal-miri tal-2020 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, sal-2025 kull unità domestika għandu jkollha konnessjonijiet tal-100 Mbps disponibbli, u jkollha mod għal aktar żvilupp biex tikseb forniment tad-dejta b’kapaċità akbar. Dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl ta’ ambizzjoni akbar li għandu jkun hemm aċċess għal konnettività tad-dejta mobbli fit-territorju kollu, kull fejn jgħixu n-nies, kull fejn jaħdmu, jivvjaġġaw u jinġabru.

Għan strateġiku għall-2025: Il-familji Ewropej kollha, rurali jew urbani, se jkollhom aċċess għal konnettività tal-internet li toffri downlink ta’ mill-inqas 100 Mbps li jista’ jiġi aġġornat għal veloċitajiet bil-Gigabits.

4.Inwasslu konnettività tal-internet bil-Gigabits għas-Suq Uniku Diġitali

Sabiex il-viżjoni u l-għanijiet imsemmija hawn fuq jintlaħqu sal-2025, hu stmat li dawn jeħtieġu investiment ġenerali ta’ madwar EUR 500 biljun fl-għaxar snin li ġejjin, jiġifieri EUR 155 biljun oħra li jiżdiedu mas-sempliċi kontinwazzjoni tax-xejra tal-investiment tan-netwerk attwali u l-isforzi tal-modernizzazzjoni tal-fornituri tal-konnettività 30 .

Għaldaqstant il-qafas ta’ politika u legali għall-investiment jeħtieġ jiġi adattat biex jipprovdi l-kundizzjonijiet biex dan l-investiment addizzjonali jkun jista’ jitwettaq b’mod kosteffettiv.

4.1.Qafas regolatorju tajjeb għall-konnettività

Il-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjoni tal-UE tal-2002 jiffoka fuq il-ħolqien ta’ swieq kompetittivi, it-tneħħija tal-ostakli u l-ftuħ tal-aċċess għal infrastruttura ewlenija. Minbarra li ffaċilita bil-kbir id-dħul fis-suq, dan żgura żieda fil-kompetizzjoni, roħs fil-prezzijiet u titjib fil-kwalità tas-servizz lill-konsumaturi u lin-negozji. Filwaqt li se jkomplu jipproteġu l-kompetizzjoni, l-għażla tal-utent finali u l-livell xieraq ta’ protezzjoni tal-konsumatur, ir-regoli għall-għaxar snin li ġejjin se jissimplifikaw l-intervent regolatorju meta possibbli u se jikkontribwixxu aktar biex l-investituri, l-operaturi u l-fornituri tas-servizzi fis-suq intern ikollhom kundizzjonijiet stabbli u konsistenti. Barra minn hekk, dawn ir-regoli se jipprovdu wkoll aktar inċentivi b’saħħithom għal tifrix primarjament iffinanzjat mis-suq ta’ netwerks fissi u mobbli b’kapaċità kbira ħafna, minn bosta atturi differenti, kemm ġodda kif ukoll stabbiliti, u se jiffaċilitaw l-adozzjoni billi jżommu l-kompetizzjoni u l-għażla. Għalhekk din l-isfida mkabbra u l-għanijiet strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni huma riflessi fl-għanijiet regolatorji li l-Kummissjoni tipproponi fil-Kodiċi.

Sabiex il-Kodiċi jirrifletti l-ħtiġijiet tal-konnettività tal-internet tal-ġejjieni tas-Suq Uniku Diġitali, fost l-għanijiet regolatorji li jinkludi hemm l-aċċess għal konnettività b’kapaċità kbira ħafna u l-adozzjoni tagħha, flimkien mal-għanijiet regolatorji eżistenti li jippromwovu l-kompetizzjoni, jikkontribwixxu għas-suq intern u jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini.

Inċentivi għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna fi swieq kompetittivi

Sabiex joħloq inċentivi xierqa għall-investiment fil-konnettività tal-internet, il-Kodiċi propost jagħmel bidliet immirati lejn ir-regolamentazzjoni tas-swieq imfassla biex ikunu jistgħu jsiru redditi adegwati mill-investimenti l-ġodda b’mod relattiv għar-riskji, ħalli l-komunità internazzjonali tal-investiment tingħata l-prevedibbiltà mal-Ewropa kollha filwaqt li jitħalla ambitu xieraq għal adattament għall-kundizzjonijiet lokalizzati tan-netwerk.

Ir-Regolament ikun aktar effettiv jekk dan jissejjes fuq għarfien lokali dettaljat ta’ xenarju tan-netwerks dejjem aktar divers, b’varjetà ta’ atturi lokali, nazzjonali u multinazzjonali. L-interventi se jitfasslu apposta għaż-żoni ġeografiċi fejn tippersisti d-dominanza tas-suq u għall-prospetti reali ta’ introduzzjoni tan-netwerks minn operaturi stabbiliti u operaturi alternattivi. Bl-immappjar se tkun tista’ ssir politika aktar magħquda, u jiġi identifikati opportunitajiet għall-investiment privat jew ħtiġijiet għal investiment pubbliku, jew żoni li b’inizjattiva lokali jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakli jew jippromwovu d-domanda. Dan se jippermetti li r-regolaturi jżidu t-trasparenza dwar il-pjanijiet tal-introduzzjoni tan-netwerks, u lill-investituri se jagħtihom aktar prevedibbiltà u protezzjoni. Dan hu importanti b’mod speċjali biex ikun żgurat li l-komunitajiet anqas popolati jibbenefikaw minn konnettività tal-internet aħjar.

Il-Kodiċi propost jeħtieġ li r-regolaturi jimmeppjaw l-intenzjonijiet tal-investiment fin-netwerks, u lill-awtoritajiet pubbliċi jippermettilhom ifittxu investituri f’żoni b’nuqqas ta’ provvista

Fost l-aktar modi effettivi biex tingħata konnettività tal-internet ġdida jew aġġornata fiż-żoni b’densità tal-popolazzjoni (jew tan-negozju) li tiflaħ għal aktar minn netwerk wieħed hemm il-kompetizzjoni bbażata fuq l-infraastruttura. L-investiment f’netwerks ġodda b’kapaċità kbira ħafna jħalli impatt ukoll fuq id-dinamiki kompetittivi għax iżid il-possibbiltajiet għad-divrenzjar. Aċċess effettiv għal infrastruttura ċivili bħall-kanali u l-arbli miżmuma minn impriżi li għandhom saħħa sinifikattiva fis-suq jagħti potenzjal għal kompetizzjoni u investiment u għandu jkun l-ewwel rimedju li jitqies f’każ ta’ problemi ta’ konġestjoni. Il-ħtieġa li jinstabu rimedji oħrajn bl-ingrossa biex tkun tista’ ssir kompetizzjoni bbażata fuq l-aċċess għandha tiġi vvalutata fid-dawl ta’ xi ftehimiet kummerċjali eżistenti bejn l-operaturi u fid-dawl ukoll tal-għażliet bl-imnut effettivament disponibbli għall-utenti finali. Għalhekk intervent regolatorju mhux se jtaqqal lill-operaturi aktar milli meħtieġ meta jiġu biex jieħdu d-deċiżjonijiet marbutin mal-investiment, filwaqt li jiżgura riżultati kompetittivi.

Il-Kodiċi propost jagħti prijorità lil rimedji ta’ aċċess għan-netwerk li jkunu jappoġġaw direttament l-introduzzjoni ta’ infrastruttura kompetittiva kull fejn ikun fattibbli, u se jirrifletti l-għażliet bl-imnut diġà disponibbli għall-utenti finali.

Fiż-żoni fejn il-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura jaf ma tkunx realistika, jekk isir koinvestiment minn operaturi rivali jkunu jistgħu jinqasmu l-ispejjeż, jonqsu r-riskji, jingħelbu l-ostakli tal-iskala b’operaturi iżgħar u matul iż-żmien il-kompetizzjoni sostenibbli bl-imnut tkun inqas dipendenti fuq ir-regolamentazzjoni. Għalhek l-operaturi b’saħħa sinifikanti fis-suq li huma miftuħa għal dan il-koinvestiment f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna, għandhom ikunu jistgħu jiddistingwu lilhom innifishom minn kompetituri lima jinvestux; dan jista’ jagħti inċentiv lill-atturi kollha biex jinvolvu l-kapital meħtieġ.

Il-mudelli kummerċjali bbażati fuq il-bejgħ ta’ aċċess għan-netwerks bl-ingrossa lill-operaturi tal-imnut jistgħu jnaqqsu r-riskji tal-kompetizzjoni, jattiraw kapital “paċenzjuż” li jappoġġa l-investiment fit-tul f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna u b’hekk tiġi evitata l-qasma bejn iż-żoni ta’ introduzzjoni kummerċjali u ż-żoni ta’ introduzzjoni mhux kummerċjali. Dan il-mudell kummerċjali relattivament ġdid, iżda li qed jikber, jistħoqqlu trattament regolatorju aktar ċar u sempliċi meta jinstab li dawn l-operaturi jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq.

Il-Kodiċi propost jistabbilixxi kundizzjonijiet regolatorji prevedibbli biex jippromwovi l-koinvestimenti u mudelli kummerċjali li huma biss bl-ingrossa, filwaqt li jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna fiż-żoni suburbani u rurali b’mod profond.

L-utenti finali f’żoni aktar diffiċli jaf ikunu lesti jinvestu bil-quddiem f’konnessjonijiet tal-fibra b’kapaċità kbira ħafna fi djarhom, kemm għal rashom jew bħala parti minn skemi tal-aggregazzjoni tad-domanda. Dan l-impenn finanzjarju għandu jkun possibbli abbażi ta’ kuntratt separat li jippermetti investimenti affordabbli fit-tul, diment li l-utent finali jżomm id-dritt li jaqleb il-fornitur tas-servizzi wara massimu ta’ 24 xahar.

Il-Kodiċi propost jikkjarifika li l-ħlasijiet bin-nifs fit-tul għall-konnessjonijiet huma konsistenti mar-regoli tal-protezzjoni tal-utenti finali.

Regoli tal-ispettru għall-konnettività mobbli u l-5G

L-UE kienet tal-ewwel li żviluppat it-teknoloġija tal-4G bla fili iżda damet biex firxitha meta mqabbla ma’ reġjuni oħra avvanzati. Jekk l-assenjament tal-ispettru rilevanti mill-Istati Membri jittardja u jkun frammentat, dan iħalli impatt ħażin dirett fuq il-kopertura u l-penetrazzjoni tan-netwerks bla fili madwar l-Ewropa kollha. Dan id-dewmien, jekk jittenna, se jipperikola s-suċċess tal-introduzzjoni tal-5G fl-Ewropa u ta’ servizzi innovattivi ġodda.

Minbarra proċessi aktar mgħaġġla għad-deżinjazzjoni tal-ispettru għall-komunikazzjoni elettronika, bi skadenzi ċari għal meta l-ispettru għandu jsir disponibbli għas-suq, l-investituri fil-broadband bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss jeħtieġu aktar prevedibbiltà u konsistenza fejn jidħlu l-mudelli futuri tal-liċenzjar u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-assenjament jew it-tiġdid ta’ drittijiet tal-ispettru nazzjonali. Dawn jinkludu tul taż-żmien minimu għal-liċenzja biex ikunu żgurati redditi mill-investiment, ambitu akbar għall-bejgħ u l-kiri tal-ispettru, u konsistenza u oġġettività fil-miżuri regolatorji li jiffurmaw is-swieq (prezzijiet ta’ riżerva, disinn ta’ rkant, blokki u limiti tal-ispettru, riżervi eċċezzjonali tal-ispettru, jew obbligi għall-aċċess bl-ingrossa). Min-naħa l-oħra, l-operaturi għandhom jimpenjaw ruħhom li jużaw l-ispettru assenjat lilhom b’mod effettiv.

Il-Kodiċi propost jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għall-assenjament tal-ispettru fl-Unjoni, strumenti ġodda fil-livell tal-Unjoni li jistabbilixxu skadenzi u perjodi ta’ assenjament tal-liċenzji (minimu ta’ 25 sena), u evalwazzjoni bejn il-pari fost ir-regolaturi nazzjonali biex ikunu żgurati prattiki tal-assenjament konsistenti.

L-obbligi ta’ kopertura fil-liċenzji tal-ispettru huma għodda effiċjenti biex jindirizzaw il-lakuni fil-konnettività bla fili u biex jiżguraw li l-popolazzjoni u t-territorju tal-UE ikunu koperti bi kwalità kbira. Filwaqt li l-obbligi ta’ kopertura diġà qed jintużaw ħafna, dawn jeħtieġ jitfasslu aħjar skont l-għanijiet tal-2025 f’din il-Komunikazzjoni, b’mod partikolari fejn jidħlu r-rotot ewlenin tat-trasport u ż-żoni rurali. Jeħtieġ li l-operaturi jkunu jistgħu jifirxu malajr netwerks aktar densi bbażati fuq iċ-ċelloli żgħar. Ir-regolaturi jeħtieġu għodod addizzjonali biex jindirizzaw il-lakuni tal-kopertura lokalizzata (it-tikek il-bojod), bħall-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tan-netwerks.

Il-Kodiċi propost jippromwovi approċċ konsistenti għall-obbligi ta’ kopertura, għall-introduzzjoni ta’ ċelloli żgħar u għall-kondiviżjoni tan-netwerk, biex b’hekk jistimula l-introduzzjoni tal-5G u l-konnettività rurali.

L-użu kondiviż tal-ispettru, abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew abbażi ta’ drittijiet individwali tal-użu, jista’ jippermetti sfruttament intensiv u aktar effiċjenti ta’ din ir-riżorsa skarsa. Dan hu rilevanti b’mod partikolari għall-baned tal-ispettru l-ġodda (“ta’ millimetru”) b’firxa qasira ħafna previsti għall-komunikazzjoni tal-5G. L-utenti tal-ispettru tar-radju b’awtorizzazzjoni ġenerali jistħoqqilhom protezzjoni regolatorja akbar minn interferenza dannuża fil-baned; jitneħħew l-ostakli għat-tifrix tal-punti tal-aċċess tal-wifi; u jeħfief l-aċċess tal-utent finali għal konnessjonijiet tal-Wi-Fi kondiviżi.

Il-Kodiċi propost jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-ispettru fin-netwerks 5G, u jippromwovi l-aċċess tal-utent finali għal konnettività bbażata fuq il-Wi-Fi.

Ninċentivaw l-adozzjoni bi swieq kompetittivi b’għażla għall-konsumatur u b’tariffi li jiflaħ il-but

In-netwerks b’kapaċità kbira ħafna jkunu jistgħu jiġġeneraw redditu mill-investiment u benefiċċji ekonomiċi usa’ biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jużawhom. Għalkemm hemm bosta fatturi differenti li jaqdu xi rwol, ir-regoli jeħtieġ jiżguraw swieq kompetittivi u l-għażla tal-konsumatur. Fost l-oħrajn, il-Kodiċi propost jiżgura li l-utenti finali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ qlib, inkluż meta jkollhom kuntratt għal pakketti ta’ servizzi tal-aċċess għall-internet jew pakketti ta’ servizzi tal-komunikazzjoni u oġġetti jew servizzi oħra (bħal apparati jew kontenut).

Il-Kodiċi propost jimmodernizza d-drittijiet tal-qlib għall-utenti finali, inkluż għall-pakketti.

Anki meta l-lenti qed iddur fuq l-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ konnettività b’kapaċità kbira ħafna, ħadd ma għandu jiġi eskluż minn aċċess għal konnettività bażika. Filwaqt li strumenti oħrajn ta’ politika huma aktar xierqa għall-promozzjoni tat-tifrix tan-netwerks fiż-żoni esklużi, is-servizz universali għandu jintuża biex ikun żgurat li l-membri ta’ gruppi soċjali vulnerabbli jkunu jistgħu jiksbu aċċess għal servizzi bażiċi affordabbli jekk is-suq ma jipprovdihx.

Il-Kodiċi propost jiżgura li l-utenti finali vulnerabbli jkollhom dritt għal kuntratt ta’ konnettività bi prezz li jifilħu.

Ir-regoli adattati għal servizzi ġodda tal-komunikazzjoni u għas-suq intern

Bil-konnettività tal-internet setgħu jinħolqu forom ġodda ta’ servizzi tal-komunikazzjoni onlajn, b’benefiċċji kbar għall-utenti finali. Ir-regoli settorjali m’għandhomx ifixklu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tradizzjonali u pjattaformi ġodda tal-komunikazzjoni, iżda għandhom jindirizzaw l-kwistjonijiet li baqgħalhom l-utenti finali b’mod proporzjonat u nondiskriminatorju abbażi tal-karatteristiċi rilevanti tas-servizzi kkonċernati. Kemm il-fornituri tas-servizz kif ukoll l-utenti finali għandhom jibbenefikaw ugwalment minn suq tas-servizzi tassew intern, bi protezzjoni adegwata f’oqsma bħalma huma s-sigurtà. Permezz ta’ kundizzjonijiet ekwi jkun żgurat ukoll li l-operaturi tan-netwerk ma jkunux fi żvantaġġ meta jipprovdu wkoll servizzi tal-komunikazzjoni.

Il-Kodiċi propost jiżgura suq intern ġust b’armonizzazzjoni massima tar-regoli ewlenin tal-utenti finali speċifiċi għas-setturi, applikabbli kif xieraq għal kategoriji differenti ta’ servizzi.

Mudell ta’ governanza li jiżgura l-istabbiltà u l-koerenza regolatorja

Sistema ta’ governanza effiċjenti tistrieħ fuq il-koperazzjoni ta’ regolaturi nazzjonali b’saħħithom u indipendenti b’setgħat adegwati, li jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fi struttura istituzzjonali msaħħa (il-BEREC) b’kompiti korrispondenti, u b’użu aktar strutturat ta’ għarfien espert strateġiku fejn tidħol il-politika tal-ispettru (permezz tal-RSPG). L-għan komuni għandu jkun li jkun żgurat li, abbażi tal-esperjenza u l-għarfien espert żviluppati mill-BEREC u mir-regolaturi nazzjonali waqt l-implimentazzjoni tal-qafas attwali, il-Kodiċi l-ġdid jiġi applikat b’mod konsistenti, prevedibbli u li jħares fil-bogħod u dan fl-interessi fit-tul tal-utenti finali u f’suq intern kompetittiv.

Il-Kodiċi jipproponi li titwaqqaf sistema aktar effiċjenti tal-UE ta’ regolaturi tal-komunikazzjoni elettronika biex tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju biex jiġi żviluppat is-suq intern.

4.2.Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll Pjan ta’ Azzjoni għall-5G biex trawwem approċċ koordinat għall-introduzzjoni ta’ infrastrutturi tal-5G li se jkollhom rwol ewlieni fil-konnettività tal-internet tal-ġejjieni tal-Ewropa. Dan se jiftaħ opportunitajiet kompletament ġodda biex mhux biss jiġi innovat is-settur tal-komunikazzjoni, iżda anki l-ekonomija u s-soċjetà kollha. Sabiex tiġi stabbilita l-infrastruttura l-ġdida tal-5G hemm bżonn livell xieraq ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn is-setturi rilevanti biex tixpruna l-investimenti. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jwettaq dan koordinazzjoni abbażi ta’ għadd ta’ azzjonijiet immirati, l-aktar b’natura volontarja. Flimkien mal-Kodiċi propost, dan għandu jkun il-muftieħ biex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fil-5G għall-benefiċċju tal-kompetittività internazzjonali tagħha.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G u se taħdem mal-partijiet konċernati kollha biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

4.3.L-appoġġ pubbliku għall-investiment

L-azzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji jistgħu jegħlbu l-ostakli, isaħħu l-inċentivi kompetittivi, jipprovdu prevedibilità akbar għall-investituri u jnaqqsu l-ispejjeż għall-introduzzjoni tan-netwerk. L-għanijiet tal-konnettività tal-internet għall-2025 huma stabbiliti f’livell maħsub biex kemm jista’ jkun ikunu jistgħu jintlaħqu mill-operaturi kummerċjali. Madankollu se jkun hemm bżonn il-finanzjament pubbliku biex jitjieb il-każ tan-negozju għal promoturi privati fl-aktar żoni diffiċli.

Sal-lum, il-biċċa l-kbira tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (l-FSEI) għall-investiment fil-broadband għandu l-għamla ta’ għotjiet; il-qafas regolatorju għall-FSEI għall-2014-2020 daħħal il-possibbiltà ġdida għall-użu ta’ strumenti finanzjarji f’dan il-qasam, kif enfasizzat mill-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li ssejjaħ biex jirduppja l-użu tal-istrumenti finanzjarji b’dawn il-Fondi. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jipprovdu strumenti finanzjarji mfassla apposta għal proġetti tal-broadband żgħar u kbar rispettivament jew jistgħu jitħalltu biex jappoġġaw fondi u pjattaformi dedikati. L-assistenza teknika tista’ titwassal permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti.

L-għotjiet finanzjarji għall-broadband huma ta’ spiss meħtieġa fl-iktar żoni mbiegħda, li altrimenti ma jagħmilx qligħ. Madankollu, kontribuzzjoni pubblika permezz ta’ strumenti finanzjarji tista’ tattira investiment privat addizzjonali fit-tul għax tnaqqas ir-riskji fuq perjodu qasir għall-introduzzjoni f’żoni fejn il-każ tan-negozju jista’ jkun pożittiv fit-tul. Bit-taħlit – jiġifieri jekk jitħalltu ż-żewġ forom ta’ finanzjament pubbliku f’żoni b’potenzjal kummerċjali globali għal netwerks b’kapaċità kbiraa ħafna – l-għotjiet jistgħu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jinbena każ tan-negozju f’subżoni li ma jħallux qligħ, filwaqt li jiġi massimizzat l-involviment tas-settur privat bejn żoni usa’.

Sabiex jiġi sfruttat għalkollox l-effett lieva tal-finanzjament pubbliku tal-investimenti mħallta għal netwerks b’kapaċità kbira ħafna, madwar l-Ewropa, jeħtieġ li l-Istati Membri jużaw taħlita xierqa ta’ finanzjamenti ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji u azzjonijiet komplementari bejn id-diversi programmi ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE 31 .

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF) hi l-istrument tal-UE dedikat speċifikament biex jappoġġa n-netwerks trans-Ewropej. Madankollu, il-baġit attwali tagħha jista’ jappoġġa biss subtaqsima limitata ta’ proġetti tal-broadband, jiġifieri proġetti innovattivi bbażati fuq l-aktar teknoloġija avvanzata u b’potenzjal għal replikabbiltà, u li jkunu jużaw strumenti finanzjarji biss. Il-finanzjament eżistenti u futur tal-UE fil-livelli kollha għandu jiġi ssimplifikat u jsir aktar flessibbli biex ikun jippermetti t-taħlit ta’ strumenti finanzjarji u għotjiet. Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 32 , il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri li jiffaċilitaw it-taħlit tal-FSIE mal-FEIS fl-oqsma kollha, inkluż il-broadband.

Waqt it-tħejjija tal-programmazzjoni finanzjarja ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtiġijiet għall-appoġġ finanzjarju futur skont id-diversi programmi tal-investiment tal-UE fid-dawl tal-għanijiet għall-2025.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex iħalltu l-appoġġ pubbliku tagħhom b’mod effiċjenti permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji ħalli jilħqu l-għanijiet fit-tul stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.

Sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, se tniedi Fond tal-Broadband imsejjes fuq is-CEF u l-FEIS, u qed tesplora inizjattiva dwar alternattivi ta’ finanzjament għall-attivitajiet relatati mal-istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali, fosthom dwar it-taħlit ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament għal proġetti Ewropej tal-konnettività tal-internet ta’ interess komuni sal-2025.

Fil-kuntest tal-programmazzjoni finanzjarja ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni se tevalwa l-bżonn ta’ riżorsi baġitarji adegwati għal finanzjament effiċjenti tal-broadband fi nħawi mhux moqdijin tajjeb permezz tal-qafas tas-CEF, u l-bżonn li tiddedika appoġġ mill-FSIE, possibbilment b’sehem indikattiv, lit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej.

L-appoġġ pubbliku nazzjonali għall-investiment li mhux fuq termini tas-suq jaqa’ taħt ir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat, kif stabbilit bl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat dwar il-Broadband jippermettu finanzjament pubbliku għall-introduzzjoni ta’ netwerks li joffru titjib sostanzjali meta mqabbla man-netwerks eżistenti (il-prinċipju ta’ “bidla fil-pass” mil-lat ta’ disponibbiltà tal-broadband). Ir-riskji ta’ tfixkil fil-kompetizzjoni jindirizzawhom ir-rekwiżiti, bħal pereżempju bl-inqas mekkaniżmu ta’ finanzjament pubbliku li jfixkel u billi jkun żgurat aċċess miftuħ għal infrastruttura ffinanzjata mill-Istat.

Il-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa għall-2020 diġà huma riflessi fil-Linji Gwida: Hu meqjus li l-għajnuna mill-Istat għal bidla fil-pass minn broadband bażiku għal aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) bażiku (li tipikament joffri minn 30 Mbps u inqas minn 100 Mbps) tilqa’ kontra l-falliment tas-suq f’każ li ma jkunx hemm introduzzjoni kummerċjali ta’ netwerks b’kapaċità kbira. Il-Linji Gwida jipprevedu wkoll il-possibbiltà ta’ aktar bidliet fil-pass, pereżempju t-titjib, permezz tal-estensjoni tal-fibrottika eqreb lejn l-utent finali, għal broadband “ultraveloċi” ta’ 100 Mbps jew aktar, soġġett għal verifika tad-domanda mhix issodisfata f’każijiet meta diġà jkun hemm netwerk tat-tip NGA bażiku eżistenti jew ippjanat.

Meta tiġi biex tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali li jappoġġaw in-netwerks b’kapaċità kbira ħafna, il-Kummissjoni se tqis il-ħtiġijiet u l-għanijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni u l-evidenza sottostanti ta’ domanda fit-tul għal netwerks bħal dawn li jaf ma jkunux moqdija biżżejjed mis-suq. Filwaqt li ssegwi l-prinċipju ta’ intervent mill-Istat immirat sew u limitat għall-minimu meħtieġ biex jissewwew il-fallimenti tas-suq u biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess Ewropew, il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod favorevoli l-użu ta’ finanzjamenti mħallta fost l-istrumenti ta’ finanzjament u ż-żoni fejn dan iwassal għal bidla fil-pass lejn netwerks tal-broadband ultraveloċi. Dan jista’ jnaqqas ir-riskju marbut mal-investimenti f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna, u b’hekk jonqsu l-ispejjeż għall-pubbliku filwaqt li jiġi minimizzat kull tfixkil fil-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni se tirrifletti l-evoluzzjoni prevedibbli tad-domanda fit-tul meta tiġi biex tapplika l-approċċ ta’ “bidla fil-pass” tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband flimkien mal-għanijiet strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, u se tikkunsidra b’mod favorevoli l-finanzjament mħallat u effiċjenti li jikkontribwixxi biex tonqos l-intensità tal-għajnuna u jonqsu r-riskji tat-tfixfil fil-kompetizzjoni, bħala bħala parti mill-valutazzjoni tal-interventi tal-Għajnuna mill-Istat.

4.4.Wi-Fi għall-Ewropa

L-aċċess għall-internet bil-Wi-Fi faċilment jikkonnetta bosta utenti, u ħafna awtoritajiet lokali diġà qed jagħtu aċċess bla ħlas għall-internet fl-ispazji pubbliċi. Il-Kummissjoni tixtieq tappoġġa u tħeġġeġ il-ftuħ ta’ aċċess bla ħlas għall-Wi-Fi liċ-ċittadini fl-ispazji pubbliċi kollha (eż. l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-iskejjel, il-libreriji, iċ-ċentri tas-saħħa, il-mużewijiet, il-ġonna pubbliċi u l-pjazez) ħalli tintegra aħjar il-komunitajiet fis-Suq Uniku Diġitali, l-utenti iduqu s-soċjetà tal-Gigabits, isir titjib fil-litteriżmu diġitali u tikkumplimenta s-servizzi pubbliċi pprovduti f’dawk il-postijiet.

Il-Kummissjoni se twaqqaf skema ta’ kupuni għall-WiFi pubbliku biex l-awtoritajiet pubbliċi joffru konnessjonijiet tal-Wi-Fi bla ħlas fil-qalba tal-ħajja tal-komunitajiet.

4.5.Miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġaw il-konnettività u l-konverġenza tal-internet

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-konnettività tal-internet tal-Ewropa se jkun hemm bżonn ukoll politiki nazzjonali jew reġjonali proattivi, imsejsa fuq il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband tal-Istati Membri 33 . Hu essenzjali li tiżdied it-trasparenza tal-ippjanar, tissaħħaħ il-governanza f’diversi livelli u jinqasmu l-aqwa prattiki għall-ġid tal-fornituri tal-infrastruttura, l-awtoritajiet pubbliċi u l-utenti tal-konnettività.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jirrevedu l-progress fejn jidħlu l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband tagħhom u jaġġornawhom sa tmiem l-2017 b’viżjoni sal-2025 u b’konformità mal-għanijiet strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G.

Bħalma wriet l-inizjattiva Komunitajiet Konnessi 34 , żviluppata mill-Kummissjoni fl-2014, jeżisti livell għoli ta’ interess fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali f’li tiżdied il-koperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati tal-konnettività, li tiżdied l-għajnuna teknika, u li tissaħħaħ il-komunikazzjoni tal-aqwa prattiki u għodod disponibbli. Anki bl-immeppjar tan-netwerks attwali u prospettivi, l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern se jiksbu aktar viżibbiltà fuq il-fallimenti tas-suq u l-lakuni fil-konnettività, u se jingħataw l-opportunità li jieħdu inizjattivi pubbliċi mmirati sew. iżda s-suċċess jeħtieġ ukoll l-involviment tagħhom biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-attivitajiet diġitali.

Sal-aħħar tal-2016, il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, se twaqqaf pjattaforma parteċipatorja għall-broadband li tiżgura livell għoli ta’ involviment u koperazzjoni fost l-entitajiet pubbliċi u privati rilevanti għall-investiment fil-broadband u l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-broadband.

Sabiex tiffaċilita t-twassil effettiv tal-FSIE allokati għall-proġetti tal-broadband, il-Kummissjoni pproponiet li jitwaqqaf netwerk tal-UE ta’ Uffiċċji Kompetenti fil-Broadband (BCOs) 35 . Dan ikollu l-għan li jħaffef l-iskambji tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri/ir-reġjuni u jipprovdi appoġġ tekniku dwar modi kif isiru investimenti effettivi fi proġetti tal-broadband, flimkien mal-istrumenti finanzjarji kull meta dan ikun possibbli.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jistabbilixxu u jappoġġaw in-netwerk tal-UE ta’ Uffiċċji Kompetenti fil-Broadband fil-livell reġjonali/nazzjonali.

Jekk l-ispejjeż tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili – li jirrappreżentaw sa 80% tal-investiment fin-netwerks tal-broadband – jiġu limitati, dan jista’ jiffaċilita aktar it-tifrix tal-broadband. Id-Direttiva 2014/61/KE 36 (id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband) għandha l-għan li żżid il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura fiżika eżistenti, f’diversi setturi (l-enerġija, it-trasport, eċċ.) u li tiffaċilita s-sinerġiji max-xogħlijiet pubbliċi; u tagħti mandat li kull bini ġdid jew irranġat ikollu aċċess għall-broadband diġà installat. Is-sinerġiji u l-kollaborazzjoni bejn id-diversi servizzi pubbliċi qed iqajmu aktar interess minn setturi oħra u diġà wrew riżultati tajbin. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħaffu t-traspożizzjoni u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, ħalli jinħafen il-potenzjal kollu tal-miżuri, u b’mod partikolari s-sinerġiji transsettorjali.

B’konformità mad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband, sal-1 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni tagħha; tivvaluta l-impatt fuq l-ispiża tal-proġetti tal-broadband iffinanzjati mill-UE u toħroġ gwida dwar il-promozzjoni tal-aqwa prattiki li jikkontribwixxu aktar għall-għanijiet fit-tul stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.

5.Konklużjoni

Daż-żmien, l-aċċess għall-internet hu importanti għall-ekonomija u għas-soċjetà daqs kemm kien l-elettriku fit-tieni rivoluzzjoni industrijali. Il-konnettività tal-internet b’kapaċità kbira ħafna hu essenzjali biex tinbeda l-mewġa li jmiss tal-kompetittività u l-innovazzjoni u biex in-negozji u ċ-ċittadini tal-Ewropa jieħdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali. Din il-Komunikazzjoni u l-miżuri ta’ akkumpanjament huma maħsuba biex jipprovdu l-għodod meħtieġa lill-Ewropa sabiex dan iseħħ.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex f’koperazzjoni mill-qrib mal-partijiet konċernati rilevanti kollha jimpenjaw ruħhom b’appoġġ politiku, regolatorju u finanzjarju għall-viżjoni ta’ Soċjetà Ewropea tal-Gigabits li hemm f’din il-Komunikazzjoni u tistieden lil:

-Il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew japprovaw l-għanijiet strateġiċi għall-konnettività tal-internet fis-Suq Uniku Diġitali;

-Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jipproċedu malajr bid-diskussjoni leġiżlattiva dwar il-proposta ta’ akkumpanjament għal Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku sal-aħħar tal-2017, u biex l-implimentazzjoni ssir fl-Istati Membri sew qabel l-2020.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress tal-inizjattivi ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni bħala parti mir-rappurtar regolari tagħha dwar is-Suq Uniku Diġitali.



ANNESS

Inwasslu Konnettività tal-Internet bi Prestazzjoni Għolja għas-Suq Uniku Diġitali

Inizjattiva

Azzjonijiet u Skeda taż-Żmien

Miżuri tal-qafas regolatorju

Proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jipproċedu malajr bid-diskussjoni leġiżlattiva bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku sal-aħħar tal-2017, u biex l-implimentazzjoni ssir fl-Istati Membri sew qabel l-2020.

Proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika

L-appoġġ u miżuri oħrajn

L-għanijiet strateġiċi għall-konnettività tal-internet

Il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew japprovaw l-għanijiet strateġiċi għall-konnettività tal-internet fis-Suq Uniku Diġitali.

5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni

L-istabbiliment ta’ skeda komuni u sett ta’ azzjonijiet li jippermettu t-tnedija koordinata ta’ netwerks 5G fl-Ewropa.

Il-Fond tal-Broadband imsejjes fuq is-CEF u l-FEIS

Sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni b’koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment tniedi l-Fond għall-Broadband.

Alternattivi ta’ finanzjament għall-attivitajiet relatati mal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali

Il-Kummissjoni tesplora inizjattiva dwar l-alternattivi ta’ finanzjament, inkluż dwar it-taħlit ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, għal proġetti Ewropej tal-konnettività tal-internet ta’ interess komuni sal-2025.

Il-programmazzjoni finanzjarja wara l-2020

Il-Kummissjoni tevalwa l-bżonn ta’ riżorsi baġitarji adegwati għal finanzjament effiċjenti tal-broadband fi nħawi mhux moqdijin tajjeb permezz tal-qafas tas-CEF, u l-bżonn li tiddedika appoġġ mill-fondi strutturali, possibbilment b’sehem indikattiv, lit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej.

Wi-Fi għall-Ewropa

Il-Kummissjoni se twaqqaf skema ta’ kupuni għall-Wi-Fi biex l-awtoritajiet pubbliċi joffru konnessjonijiet tal-Wi-Fi bla ħlas fil-qalba tal-ħajja tal-komunitajiet.

Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband

Sa tmiem l-2016, l-Istati Membri jirrevedu l-progress fejn jidħlu l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband tagħhom u jaġġornawhom, b’viżjoni sal-2025 u b’konformità mal-għanijiet strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G.

Il-Pjattaforma Parteċipatorja għall-Broadband

Sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, twaqqaf pjattaforma parteċipatorja għall-broadband li tiżgura livell għoli ta’ involviment u koperazzjoni fost l-entitajiet pubbliċi u privati għall-investiment fil-broadband u l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-broadband.

In-netwerk tal-UE ta’ Uffiċċji Kompetenti fil-Broadband fil-livell reġjonali/nazzjonali.

Sa tmiem l-2016, l-Istati Membri u r-reġjuni iwaqqfu u jappoġġaw in-netwerk tal-UE ta’ Uffiċċji Kompetenti fil-Broadband fil-livell reġjonali/nazzjonali.

Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband u gwida dwar il-promozzjoni tal-aqwa prattiki

Sa Lulju 2018, il-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband, tivvaluta l-impatt fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-broadband iffinanzjati mill-UE u toħroġ gwida dwar il-promozzjoni tal-aqwa prattiki.

Għajnuna mill-Istat

Il-Kummissjoni tirrifletti l-evoluzzjoni prevedibbli tad-domanda fit-tul meta tiġi biex tapplika l-approċċ ta’ “bidla fil-pass” tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband flimkien mal-għanijiet strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, u se tikkunsidra b’mod favorevoli l-finanzjament imħallat u effiċjenti li jikkontribwixxi biex tonqos l-intensità tal-għajnuna u jonqsu r-riskji tat-tfixfil fil-kompetizzjoni, bħala bħala parti mill-valutazzjoni tal-interventi tal-Għajnuna mill-Istat.

(1)  Pereżempju, in-netwerks soċjali, il-logħob bil-mowbajl, l-apps u l-videostreaming, id-diġitalizzazzjoni kontinwa tal-attività ekonomika u tas-servizzi pubbliċi, l-applikazzjonijiet tal-vuċi u tal-messaġġi bbażati fuq l-IP, u l-ħżin imbiegħed u l-ġbir tad-dejta għall-konsumaturi u għan-negozji.
(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali ( 2015/2147(INI) ).

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2016 (EUCO 26/16).

(4) Il-5G jirreferi għall-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji tan-netwerk u joffri prospetti għal mudelli ekonomiċi u kummerċjali diġitali ġodda.
(5) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika
(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”.

(7)

L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali: il-kopertura ta’ teknoloġiji bażiċi fissi tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) (b’veloċitajiet tad-download ta’ mill-inqas 30 Mbps).

(8)

B’veloċità ta’ mill-inqas 2 Mbps.

(9)

L-Assoċjazzjoni GSM: http://www.gsmamobileeconomy.com/GSMA_Global_Mobile_Economy_Report_2015.pdf , p. 8 u 13.

(10)

Rapporti separati ta’ Ericsson, Cisco, il-GSMA u Gartner jipprevedu żieda qawwija f’dawn l-oġġetti konnessi. Ara t-Taqsima 2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(11)

“netwerk b’kapaċità kbira ħafna” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni elettronika li jikkonsisti għalkollox minn elementi tal-fibrottika tal-inqas sal-ewwel punt tad-distribuzzjoni fil-post fejn qed iservi jew li fl-istess kundizzjonijiet waqt il-peak-time ikun kapaċi jagħti prestazzjoni tan-netwerk simili mil-lat ta’ meded tal-baned tad-downlink u tal-uplink disponibbli, reżiljenza, parametri relatati mal-iżbalji, u latenza u l-varjazzjoni tagħha. Il-prestazzjoni tan-netwerk tista’ titqies simili irrispettivament minn jekk l-esperjenza tal-utent finali tvarjax minħabba l-karatteristiċi minnhom innifishom differenti tal-mezz li bih in-netwerk fl-aħħar jikkonnetta mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk.

(12)

 Il-fibrottika tittrażmetti sinjali bil-veloċità tad-dawl u għandha firxa tal-effiċjenza biex twassal konnessjonijiet simetriċi ta’ kwalità għal għexieren ta’ kilometri. Bħalissa l-aktar teknoloġiji promettenti li jtejbu l-azzar għandhom firxa effettiva ta’ madwar 250 metru u jiddependu fuq il-fibra fil-bqija tan-netwerk. In-netwerks (HFC) bil-kejbil imtejjeb, li jużaw standards tal-familja DOCSIS biex itejbu l-prestazzjoni, jiddependu fuq il-fibra, tal-anqas sakemm jaslu sal-hekk imsejjaħ nodu ottiku.

(13)

Magħrufa wkoll bħala “backhaul”. Ara l-punt 4.3 fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G.

(14)

Il-konsultazzjoni pubblika saret mill-11 ta’ Settembru sas-7 ta’ Diċembru 2015. Ir-rapport fil-qosor kollu jinsab hawn https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/full-synopsis-report-public-consultation-needs-internet-speed-and-quality-beyond-2020 .

(15)

Minn fost dawk li wieġbu, 59% jidhrilhom li fl-2025 se jkollhom bżonn veloċitajiet tad-download akbar minn 1 Gbps; filwaqt li 8% biss jaħsbu li se jkollhom bżonn veloċitajiet tad-download inqas minn 100 Mbps fl-2025.

(16)

Ammont kbir minnhom fakkru l-importanza tal-veloċitajiet tal-upload u tas-simetrija.

(17)

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Lussemburgu, is-Slovenja, l-Iżvezja, ara l-figuri 22 u 23 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(18)

Ara t-Taqsima 3.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(19) Il-konnettività tal-Gigabits għandha tinftiehem bħala konnettività tal-internet kosteffettiva u simetrika li toffri downlink u uplink ta’ mill-inqas 1 Gbps.
(20)

Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji Ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa, COM(2013) 654

(21)

L-intrapriżi b’livell għoli  ta’ integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni elettronika jew il-midja soċjali.

(22)

Għal evidenza li fis-settur tat-telekomunikazzjoni, id-domanda tirrispondi għall-provvista u li veloċitajiet limitati tad-downlink u tal-uplink jaf jirrestrinġu x’tipi ta’ użu u ta’ applikazzjonijiet joħorġu, ara t-Taqsima 2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(23)

Li jkopru: eż. l-iskejjel primarji u sekondarji, l-istazzjonijiet tal-ferrovija, il-portijiet u l-ajruporti, il-binjiet tal-awtoritajiet lokali, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, il-kliniki, l-isptarijiet u l-grawnds.

(24) B’konformità mal-Kodiċi propost.
(25)

Il-5G se jkun jista’ jeżisti mingħajr intoppi ma’ teknoloġiji komplimentari li diġà qed jintużaw bħal pereżempju għal komunikazzjoni fuq medda qasira minn vettura għal vettura u minn vettura għal infrastruttura (ITS-G5). 

(26)

Għar-rotot tat-trasport terrestri, u skont is-servizz tat-trasport meqjus, se jiġu kkunsidrati l-investimenti li qed isiru fit-teknoloġiji tas-C-ITS filwaqt li se tkun żgurata koordinazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti, l-Azzjoni 4 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G.

(27)

L-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta’ dejta soċjoekonomika ewlenija biex tappoġġa l-ippjanar strateġiku għall-introduzzjoni tal-5G fl-Ewropa, SMART 2014/0008.

(28)

Skont id-definizzjoni: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/European_cities_%E2%80%93_the_EU-OECD_functional_urban_area_definition .

(29)

L-awtostradi, it-toroq nazzjonali u l-linji ferrovjarji, b’konformità mad-definizzjoni ta’ Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej.

(30)

Abbażi tal-istudju ta’ Analysys Mason (SMART 2015/0068) u stimi tal-Kummissjoni. Ara t-Taqsima 4.4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(31)

Għal aktar tagħrif fuq il-kumplimentarjetà bejn l-FSIE u l-FEIS, ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/thefunds/fin_inst/pdf/efsi_esif_compl_en.pdf  

(32)

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa: Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jiġi estiż wara s-suċċess tal-ewwel sena tiegħu ( IP-16-1933 ) u l-linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-FSIE mal-FEIS ( IP-16-329 )

(33)  L-iżvilupp tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband, il-Kummissjoni tirrappurtah fir-Rapporti tal-Progress Diġitali tagħha.
(34) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/connected-communities-initiative Għal aktar tagħrif fuq l-inizjattiva Komunitajiet Konnessi, ara: .
(35)

Għal aktar tagħrif fuq l-inizjattiva tal-BCOs, ara: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/broadband-competence-offices .

(36)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja.
Top