EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0542

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali

COM/2016/0542 final

Brussell, 26.8.2016

COM(2016) 542 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali


1.Introduzzjoni

1.1.Objettiv

Id-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali, 1 inkluż il-qasam tal-liġi tal-familja, għandha l-għan li tiffaċilità l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) u biex tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli tat-tilwim billi tinkoraġġixxi l-użu tal-medjazzjoni u tiżgura relazzjoni bbilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji. Tapplika f’tilwimiet transfruntiera, għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-21 ta’ Mejju 2011. Din l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva qed issir skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva.

L-objettiv li jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja, bħala parti mill-politika tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jinkludi l-aċċess kemm għal metodi ġudizzjarji kif ukoll għal metodi ekstra-ġudizzjarji ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Il-medjazzjoni tista’ tipprovdi soluzzjoni kost-effettiva u ekstra-ġudizzjarja ta' malajr tat-tilwim f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ proċessi mfassla skont il-ħtiġijiet tal-partijiet. Hemm aktar ċans li l-partijiet volontarjament jikkonformaw ma’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni. Dawn il-benefiċċji huma aktar evidenti f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Filwaqt li l-medjazzjoni hija ġeneralment ta’ benefiċċju fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, l-importanza partikolari tagħha għandha tiġi enfasizzata fil-qasam tal-liġi tal-familja. Il-medjazzjoni tista’ toħloq atmosfera kostruttiva għad-diskussjonijiet fejn jiġi żgurat negozjar ġust bejn il-ġenituri. Barra minn hekk, soluzzjonijiet amikevoli x’aktarx jibqgħu jinħassu fit-tul u jistgħu jindirizzaw, flimkien ma’ residenza primarja tat-tfal, l-arranġamenti għall-aċċess jew ftehim dwar il-manteniment tal-minuri.

1.2.Kuntest

Id-Direttiva kienet l-ewwel miżura li tħeġġeġ il-medjazzjoni f’tilwim ċivili u kummerċjali b’mod ġenerali. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, saret ħidma ulterjuri dwar il-medjazzjoni fil-livell tal-UE:

   Mill-2012, it-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji kien karatteristika ċentrali tas-Semestru Ewropew. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew u tgħin lill-Istati Membri biex itejbu l-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tinkludi wkoll dejta dwar l-attivitajiet li saru mill-Istati Membri biex jippromwovu l-użu volontarju ta’ metodi ta’ ADR. Il-Kummissjoni tħeġġeġ il-ġbir u l-qasma tal-informazzjoni dwar il-prattiki u l-metodi biex tippromwovi l-użu volontarju tal-ADR. Il-promozzjoni tal-ADR tinkludi reklamar imfassal apposta (fujletti, sessjonijiet ta' għoti ta' tagħrif), il-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-dejta, u l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-metodi ADR u tad-disponibbiltà tal-għajnuna legali għall-ADR 2 .

   Fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, grupp ta’ ħidma elabora sett ta’ rakkomandazzjonijiet bl-għan li jissaħħaħ l-użu tal-medjazzjoni tal-familja f’kuntest transfruntier, b’mod partikolari f’każijiet ta’ sekwestru ta’ minuri. Inħolqot taqsima separata fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika ddedikata għal medjazzjoni transfruntieran 3 fi kwistjonijiet tal-familja biex tipprovdi informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali ta’ medjazzjoni.

   Barra minn hekk, permezz tal-“Programm dwar il-Ġustizzja" 4 il-Kummissjoni tikkofinanzja diversi proġetti dwar il-promozzjoni tal-medjazzjoni u t-taħriġ tal-imħallfin u l-prattikanti.

   Fl-aħħar nett, id-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (id-“Direttiva ADR”) 5 u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi (ir-“Regolament ODR”) 6 jiżguraw illi l-konsumaturi jkollhom entitajiet ta' kwalità għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għal kull tip ta' tilwim kuntrattwali mal-kummerċjanti u jistabbilixxu pjattaforma onlajn mal-UE kollha għat-tilwim mal-konsumaturi li jinqalgħu minħabba tranżazzjonijiet onlajn mal-kummerċjanti ( www.ec.europa.eu/odr ).

1.3.Sorsi ta' informazzjoni

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura minn sorsi differenti:

   Fl-2013 sar studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 7 . L-istudju ġie aġġornat fl-2016 8 .

   Grupp ta’ ħidma fin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali fl-2014 ħejja dokument dwar it-titjib tal-medjazzjoni internazzjonali għall-familja f’każijiet ta’ sekwestru internazzjonali tat-tfal.

   Ir-riżultati tal-istudju u l-esperjenzi tal-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ġew diskussi f’laqgħa tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali f’Lulju 2015.

   Fl-aħħar nett, saret konsultazzjoni pubblika fuq l-internet 9 mit-18 ta’ Settembru sat-18 ta’ Diċembru 2015. Ġew sottomessi 562 tweġiba minn individwi interessati, medjaturi, mħallfin, avukati, professjonisti legali oħra, akkademiċi, organizzazzjonijiet, awtoritajiet pubbliċi u Stati Membri.

2.Valutazzjoni ġenerali

Il-valutazzjoni turi li b’mod ġenerali, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE. Billi qajjmet kuxjenza fost il-leġiżlaturi nazzjonali dwar il-vantaġġi tal-medjazzjoni, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni kellha impatt sinifikanti fuq il-leġiżlazzjoni ta’ bosta Stati Membri. L-impatt tad-Direttiva fuq l-Istati Membri jvarja skont il-livell pre-eżistenti tas-sistemi nazzjonali ta’ medjazzjoni tagħhom:

   15-il Stat Membru diġà kellhom fis-seħħ sistema ta’ medjazzjoni komprensiva qabel l-adozzjoni tad-Direttiva. F’dawn l-Istati Membri, id-Direttiva ġabet magħha ftit jew l-ebda bidla fis-sistema tagħhom.

   9 Stati Membri jew kellhom regoli mferrxa li jirregolaw il-medjazzjoni jew medjazzjoni fis-settur privat li kienet ibbażata fuq l-awtoregolamentazzjoni. F’dawn l-Istati Membri, it-traspożizzjoni tad-Direttiva instigat l-adozzjoni ta’ bidliet sostanzjali fil-qafas ta’ medjazzjoni eżistenti.

   4 Stati Membri adottaw sistemi ta’ medjazzjoni għall-ewwel darba minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva. F’dawn l-Istati Membri, din id-Direttiva xprunat l-istabbiliment ta’ oqsfa leġiżlattivi xierqa li jirregolaw il-medjazzjoni.

Fejn it-traspożizzjoni tad-Direttiva xprunat l-adozzjoni ta’ bidliet sostanzjali fil-qafas ta’ medjazzjoni eżistenti jew l-introduzzjoni ta’ sistema komprensiva ta’ medjazzjoni, sar pass importanti ‘l quddiem fil-promozzjoni ta’ aċċess għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-kisba ta' relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

Madankollu, ġew identifikati ċerti diffikultajiet rigward il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta’ medjazzjoni fil-prattika. Dawn id-diffikultajiet huma relatati prinċipalment man-nuqqas ta’ "kultura" ta' medjazzjoni fl-Istati Membri, nuqqas ta’ għarfien dwar kif għandhom jiġu ttrattati każijiet transfruntierea, il-livell baxx ta’ kuxjenza dwar il-medjazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità għall-medjaturi. Għadd ta’ rispondenti fil-konsultazzjoni pubblika argumentaw li l-medjazzjoni kienet għadha mhix magħrufa biżżejjed u li għadha meħtieġa “bidla kulturali” sabiex iċ-ċittadini jafdaw fil-medjazzjoni. Huma saħqu wkoll li l-imħallfin u l-qrati jibqgħu lura milli jirreferu lill-partijiet għal medjazzjoni.

Dawk li wieġbu fil-konsultazzjoni pubblika irrikonoxxew ir-rwol importanti tal-medjazzjoni, partikolarment f’materji tal-liġi tal-familja (b’mod speċjali fi proċedimenti dwar il-kustodja tat-tfal, id-drittijiet għall-aċċess u każijiet ta’ sekwestru tat-tfal), minbarra t-tilwim kummerċjali.

3.Punti Speċifiċi ta' Valutazzjoni

3.1.Dejta statistika dwar il-medjazzjoni

L-istudju u l-konsultazzjoni pubblika juru li huwa diffiċli ħafna li tinkiseb dejta statistika komprensiva dwar il-medjazzjoni, pereżempju, l-għadd ta’ każijiet li saru bil-medjazzjoni, it-tul medju u r-rata ta’ suċċess ta’ proċessi ta’ medjazzjoni, b’enfasi speċjali fuq il-medjazzjoni transfruntiera. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda dejta komprensiva u komparabbli għal ġurisdizzjonijiet kollha. Madankollu, waqt il-konsultazzjoni ħafna medjaturi pprovdew dejta dwar l-attività tagħhom stess, b’mod partikolari l-għadd ta’ medjazzjonijiet imwettqa, u — ta’ spiss impressjonanti — rati ta’ suċċess. Oħrajn indikaw li r-rata ta’ suċċess tiddependi min-numru ta’ partijiet, is-suġġett inkwistjoni u s-sitwazzjoni individwali, fatturi li huma jqisu li għandhom ukoll impatt fuq it-tul tal-proċedimenti. Oħrajn jiddispjaċihom għall-fatt li fl-assenza ta’ bażi tad-dejta affidabbli huwa diffiċli ħafna li wieħed jiddefendi l-bżonn għall-medjazzjoni, l-effettività tiegħu u biex tinkiseb il-fiduċja pubblika. B’mod ġenerali, dawk li wieġbu dehru li qablu li l-medjazzjoni tikseb iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż f’firxa wiesgħa ta’ tilwim ċivili u kummerċjali u, f’ħafna każijiet, tnaqqas b’mod sinifikanti ż-żmien meħtieġ biex tissolva t-tilwima.

Filwaqt li huwa rikonoxxut li minħabba n-natura “mhux uffiċjali” tal-medjazzjoni meta mqabbla ma’ proċeduri formali tal-qorti, huwa aktar diffiċli li tinkiseb dejta komprensiva dwar il-medjazzjoni, bażi tad-dejta aktar b'saħħitha tista’ tkun ta’ importanza sinifikanti biex tkompli tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni. In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali beda jaħdem biex itejjeb il-ġbir tad-dejta nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni f’materji ċivili u kummerċjali, inkluża d-Direttiva 2008/52/KE.

3.2.Kamp ta' Applikazzjoni (l-Artikolu (1)(2))

Kważi l-Istati Membri kollha estendew il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva għal każijiet domestiċi transfruntiera. 3 Stati Membri biss għażlu li jittrasponu d-Direttiva fir-rigward ta’ każijiet transfruntiera, bl-użu tad-definizzjoni “transfruntiera” tad-Direttiva. L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għal każijiet domestiċi għandha tintlaqa’ tajjeb peress li s'issa n-numru ta’ każijiet domestiċi jaqbeż dak tal-każijiet transfruntiera sa issa. Ir-regoli ta’ din id-Direttiva b’hekk jestendu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għall-benefiċċju tal-utenti ta’ medjazzjoni. L-estensjoni għal każijiet interni turi wkoll li l-Istati Membri ġeneralment kienu xtaqu jitrattaw bl-istess mod il-każijiet interni u transfruntiera. B’kont meħud tal-kontenut tar-regoli tad-Direttiva, m’hemm l-ebda raġuni li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ każijiet.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm fil-prattika, il-liġi tal-familja tidher li tikkostitwixxi l-qasam fejn isir l-akbar użu mill-medjazzjoni, id-Direttiva tapplika għall-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kollha. Qasam wieħed fejn il-medjazzjoni għadha mhix żviluppata biżżejjed huwa dak tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għandu jiġi mfakkar li fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, il-Kummissjoni inkoraġġiet il-ħatra ta’ medjaturi mill-qrati meta huma jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ biex jassistu lid-debitur u l-kredituri fit-tmexxija b’suċċess ta' negozjati għal pjan ta’ ristrutturar.

3.3.Mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità (l-Artikolu 4(1))

3.3.1.Kodiċijiet ta’ Kondotta

L-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta fil-livell nazzjonali huwa pperċepit mill-partijiet konċernati bħala għodda importanti biex jiżguraw il-kwalità tal-medjazzjoni. 19-il Stat Membru jeħtieġu l-iżvilupp ta’ u l-adeżjoni ma’ kodiċijiet ta’ kondotta filwaqt li fi Stati Membri oħra dawk li jipprovdu s-servizzi ta' medjazzjoni jistabbilixxu l-kodiċi ta’ etika tagħhom stess. F’xi każijiet, l-Istati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva, u bl-aderenza għall-kodiċi ta’ kondotta tkun obbligatorja għall-medjaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ medjazzjoni. Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Medjaturi Ewropejs 10 għandu rwol ewlieni f’dan il-kuntest, jew minħabba li huwa direttament użat mill-partijiet konċernati jew minħabba li kien ta' ispirazzjoni għall-kodiċi nazzjonali jew settorjali. F’xi Stati Membri, l-aderenza għal kodiċi Ewropew huwa stabbilit bil-liġi, filwaqt li fi Stati Membri oħra dan il-Kodiċi hu applikat fil-prattika mingħajr ma jkun stabbilit bil-liġi. Bosta partijiet konċernati kienu tal-opinjoni li l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ u l-adeżjoni ma’ kodiċi ta’ kondotta volontarji minn medjaturi u organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni rikjesti mid-Direttiva kien effettiv. Jidher għalhekk li fir-rigward tal-kodiċijiet ta’ kondotta, l-implimentazzjoni tad-Direttiva hija sodisfaċenti b’mod ġenerali.

3.3.2.Standards ta’ kwalità għall-għoti ta’ servizzi ta’ medjazzjoni

18-il Stat Membru għandhom regoli dwar mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità li jikkonċernaw l-għoti ta’ servizzi ta’ medjazzjoni. Bosta Stati Membri għandhom proċeduri ta’ akkreditazzjoni obbligatorji għall-medjaturi u jmexxu reġistri għall-medjaturi. Fejn il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għal reġistri jew għall-proċeduri ta’ akkreditazzjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ medjazzjoni normalment ikunu waqqfu tagħhom stess. Bħalissa teżisti varjetà kbira ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità fl-UE.

Fil-konsultazzjoni, għadd kbir ta’ dawk li wieġbu kienu favur l-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità mal-Ewropa kollha għall-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni, fosthom b’mod partikolari, ħafna medjaturi. Madankollu, ftit li xejn kien hemm appoġġ mill-Istati Membri.

Dawk li wieġbu favur l-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità mal-Ewropa kollha kienu maqsuma bejn dawk li huma favur standards uniformi madwar l-UE kollha li huma jqisu meħtieġa sabiex ikomplu jippromwovu l-użu tal-medjazzjoni u dawk favur standards minimi għall-konsistenza li jqisu wkoll id-differenzi f’kulturi ta’ medjazzjoni. Oħrajn enfasizzaw li l-istandards Ewropej għandhom ikunu bbażati fuq l-ogħla standards nazzjonali eżistenti sabiex jiġi evitat li jsiru prodott tal-aktar denominatur komuni baxx.

Dawk li wieġbu kontra l-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità mal-Ewropa kollha argumentaw li tali standards mhumiex meħtieġa għas-suċċess tal-medjazzjoni, li l-istandards nazzjonali huma differenti wisq, li l-iżvilupp ta’ dawn l-istandards għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri, jew li l-awtoregolazzjoni f’kull suq nazzjonali hija biżżejjed. Huma enfasizzaw ukoll li l-Istati Membri għandhom differenzi kulturali u legali rigward ir-riżoluzzjoni tat-tilwim li jaffettwaw il-mod li bih il-partijiet jużaw il-medjazzjoni. L-uniformità tista’ tillimita l-għażla tal-konsumatur u twassal għal tilwim. L-iktar l-iktar, l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi u tiffaċilità l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Filwaqt li jitqies in-nuqqas ta' kunsens tal-Istati Membri rigward l-istandards tal-kwalità vinkolanti għall-UE kollha, iżda wkoll l-appoġġ sinifikanti mill-partijiet konċernati, it-triq’ il quddiem tista’ eventwalment tikkonsisti fl-għoti ta' finanzjament mill-UE għall-iżvilupp mill-partijiet konċernati ta’ standards ta’ kwalità mal-Ewropa kollha għall-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni fil-kuntest tal-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, pereżempju Ftehim tal-Workshop tas-CEN (CWA). Minkejja l-fatt li fil-prinċipju l-ħidma CWA għandha tkun kompletament immexxija mis-suq, dan il-finanzjament huwa possibbli jekk ikun ikkunsidrat bħala “meħtieġ u adattat għall-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni” 11 . 

3.4.It-taħriġ tal-medjaturi (l-Artikolu 4(2))

17-il Stat Membru jinkoraġġixxu t-taħriġ jew jirregolawh parzjalment jew fid-dettall fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Hekk kif imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva, ħafna Stati Membri jirregolaw it-taħriġ inizjali tal-medjaturi u jagħmluh obbligatorju. Ħafna jimponu wkoll rekwiżit għal taħriġ addizzjonali. Fi Stati Membri fejn it-taħriġ mhuwiex regolat, l-organizzazzjonijiet tal-medjazzjoni ġeneralment jipprovdu taħriġ fuq bażi volontarja.

Fil-konsultazzjoni, maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu qiesu li l-inkoraġġiment għat-taħriġ inizjali u ulterjuri tal-medjaturi meħtieġ mid-Direttiva kien effettiv. Oħrajn enfasizzaw il-livelli ta’ inugwaljanza u diverġenza bejn l-Istati Membri differenti fir-rigward tal-ħolqien, ir-rikonoxximent, it-tkabbir u l-iżvilupp tal-professjoni ta’ medjatur. Fl-opinjoni tagħhom, hemm bażi komuni iżda ftit sinerġija bejn id-diversi tipi ta’ ġuriżdizzjoni fir-rigward tat-taħriġ u l-istabbiliment ta’ standards. Huma jqisu li t-taħriġ tal-medjaturi madwar l-Ewropa jvarja b’mod sostanzjali fir-rigward ta’ sigħat meħtieġa u l-kontenut tat-taħriġ.

F’każijiet ta' medjazzjoni fi kwistjonijiet tal-familja, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali enfasizza l-importanza għaċ-ċittadini ta' aċċess għal medjaturi li tħarrġu speċifikament fil-medjazzjoni internazzjonali tal-familja u f’każijiet ta’ sekwestru ta’ minuri.

Sabiex tkompli tippromwovi t-taħriġ tal-medjaturi, il-Kummissjoni se tkompli tikkofinanzja diversi proġetti li jikkonċernaw it-taħriġ fil-medjazzjoni permezz tal- “Programm dwar il-Ġustizzja” tagħha.

3.5.Rikors għal medjazzjoni (l-Artikolu 5(1))

L-Istati Membri kollha jipprevedu l-possibbiltà li l-qrati jistgħu jistiednu lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni jew tal-inqas jattendu sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-medjazzjoni. F’xi Stati Membri, il-parteċipazzjoni f’dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni hija obbligatorja, fuq inizjattiva ta’ mħallef (eż. fir-Repubblika Ċeka) jew fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi previsti mil-liġi, bħal kwistjonijiet familjari (il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ingilterra u Wales). Xi Stati Membri jeħtieġu li l-avukati jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar il-possibbiltà li jużaw il-medjazzjoni jew li r-rikorsi lill-qorti jikkonfermaw jekk sarx tentattiv għall-medjazzjoni jew jekk hemmx xi raġuni li ma tippermettix tali tentattiv. F’xi Stati Membri, l-iskemi għal medjazzjoni ġew żviluppati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ proċedimenti speċifiċi, pereżempju fejn japplikaw skadenzi stretti. Pereżempju, fin-Netherlands, l-imħallef inkwirenti jiddiskuti b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ medjazzjoni transfruntiera mal-ġenituri li jixtiequ jidħlu f’medjazzjoni f’każijiet ta’ sekwestru tat-tfal mill-ġenituri. Il-medjazzjoni transfruntiera tibda fil-jum ta’ wara s-seduta ta' smigħ ta' qabel il-proċess u tkun konkluża fi żmien tlett ijiem. Fil-każ ta’ eżitu b’suċċess, ir-riżultati jiġu mmedjatament ippreżentati lill-imħallef li qed jittratta l-kawża. Fir-Renju Unit, fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti ġudizzjarji, l-imħallfin għandhom jikkunsidraw jekk is-sistemi għas-soluzzjoni alternattiva ta’ tilwim, inkluża l-medjazzjoni, jistgħux jintużaw biex tissolva t-tilwima. F’każijiet bħal dawn, l-imħallef jista’ jistieden lill-partijiet sabiex jirreferu t-tilwima tagħhom għal dik is-sistema.

Maġġoranza sinifikanti tal-partijiet konċernati kkunsidraw li prattiki mmirati biex jimmotivaw lill-partijiet jużaw il-medjazzjoni ma kienux effettivi. Huma ddikjaraw li stediniet bħal dawn huma rari wisq minħabba li l-imħallfin ma jafux jew ma għandhomx fiduċja fil-medjazzjoni. Dawk li wieġbu u qalu li dawn il-prattiki kienu effettivi kienu qiegħdin jirreferu prinċipalment għall-qasam tal-liġi tal-familja.

Dak li ntqal hawn fuq juri li l-prattiki li jinċentivaw lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni, ħlief għal ċerti każijiet speċifiċi stabbiliti hawn fuq, għadhom mhumiex ġeneralment sodisfaċenti. Għalhekk għandhom isiru aktar sforzi fil-livell nazzjonali, b’konformità mas-sistemi ta’ medjazzjoni rispettivi fis-seħħ. Dawk li wieġbu indikaw bħala partikolarment utli l-miżuri li ġejjin fil-liġi nazzjonali: talba lill-partijiet biex jenfasizzaw fir-rikorsi tagħhom quddiem il-qrati jekk sarx tentattiv għall-medjazzjoni li mhux biss iservi ta' tfakkira lill-imħallfin li jkunu qiegħdin jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-qorti, iżda wkoll lill-avukati li jagħtu parir lill-partijiet dwar il-possibbiltà li jużaw medjazzjoni, sessjonijiet ta’ informazzjoni obbligatorja fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja u l-obbligu tal-qrati li jikkunsidraw il-medjazzjoni f’kull stadju tal-proċedimenti ġudizzjarji, b’mod partikolari f’materji tal-liġi tal-familja.

3.6.Leġiżlazzjoni fejn l-użu tal-medjazzjoni jsir obbligatorju jew soġġett għal inċentivi jew sanzjonijiet (l-Artikolu 5(2))

Mill-istudju jirriżulta li l-medjazzjoni hija obbligatorja f’ċerti każijiet speċifiċi f’5 Stati Membri. Pereżempju, fl-Italja, il-medjazzjoni hija obbligatorja f’bosta u diversi tipi ta’ tilwim, fl-Ungerija u l-Kroazja f’ċerti kwistjonijiet familjari.

Ħafna Stati Membri jippromwovu l-użu tal-medjazzjoni billi jagħtu inċentivi finanzjarji lill-partijiet. 13-il Stat Membru jagħtu inċentivi finanzjarji għal medjazzjoni, permezz ta’ tnaqqis jew rimbors sħiħ tat-tariffi u l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti jekk jintlaħaq ftehim permezz tal-medjazzjoni waqt li l-proċedimenti jkunu pendenti quddiem il-qorti. Pereżempju, fis-Slovakkja 30%, 50% jew 90% tad-drittijiet tal-qorti jiġu rifużi, skont f’liema stadju tal-proċedimenti jintlaħaq ftehim bil-medjazzjoni. F’xi Stati Membri, il-medjazzjoni, fiha nnifisha tiġi offruta mingħajr ħlas jew bi spejjeż baxxi, skont is-sitwazzjoni ekonomika tal-partijiet.

Hemm ukoll inċentivi finanzjarji fil-forma ta’ għajnuna legali. L-Istati Membri japplikaw regoli differenti għal tipi differenti ta’ tilwim jew proċessi ta’ medjazzjoni. Pereżempju, fil-Ġermanja, l-għajnuna legali dejjem tapplika għall-medjazzjoni ordnata mill-qorti, iżda hija limitata fir-rigward tal-medjazzjoni barra l-qorti. Fis-Slovenja, din tapplika biss għal medjazzjoni bil-qorti. Fil-Lussemburgu, l-għajnuna legali hija disponibbli għall-medjazzjoni bil-qorti u l-medjazzjoni tal-familja mmexxija minn medjatur ċertifikat. Fl-Italja, l-għajnuna legali hija disponibbli għall-medjazzjoni obbligatorja. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/8/KE jestendi d-dritt għal għajnuna legali f’tilwimiet transfruntieri għal proċeduri ekstraġudizzjarji, inkluża l-medjazzjoni, jekk il-liġi tirrikjedi li l-partijiet jużawhom, jew jekk il-partijiet fit-tilwima jkunu ordnati mill-qorti biex ikollhom rikors għalihom.

Ħames Stati Membri jimponu sanzjonijiet bħala mezz ta' promozzjoni għall-użu tal-medjazzjoni. Fl-Ungerija, hemm sanzjonijiet għall-partijiet li wara li jkunu kkonkludew ftehim ta’ medjazzjoni, jmorru l-qorti xorta waħda jew ma jissodisfawx l-obbligi assunti skont ftehim ta’ medjazzjoni. Fl-Irlanda, is-sanzjonijiet japplikaw għal rifjut inġustifikat għall-possibiltà ta' medjazzjoni. Fl-Italja, il-parti rebbieħa f’proċedimenti ta’ litigazzjoni ma tistax tirkupra l-ispejjeż jekk tkun qabel rifjutat proposta ta’ medjazzjoni li kellha l-istess kundizzjonijiet bħas-sentenza tal-qorti. Jeżistu wkoll sanzjonijiet f’każijiet fejn il-medjazzjoni hija obbligatorja u l-partijiet ma jagħmlux użu minnha, iżda minflok imorru l-qorti. Fil-Polonja, jekk parti li preċedentement kien qablet dwar il-medjazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni tirrifjuta li tieħu sehem fiha, il-qorti tista’ tordna li tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti, irrispettivament mill-eżitu tal-każ. Fis-Slovenja, il-qorti tista’ tordna lil parti minnhom li mingħajr ġustifikazzjoni rrifjutat ir-riferiment tal-każ għall-medjazzjoni biex tħallas l-ispejjeż ġudizzjarji tal-parti opposta, kollha kemm huma jew parti minnhom.

Il-kwistjoni dwar jekk il-medjazzjoni għandhiex tkun obbligatorja jew le hija kontroversjali. Xi partijiet konċernati jikkonkludu li n-nuqqas ta’ medjazzjoni obbligatorja tfixkel il-promozzjoni tal-medjazzjoni 12 . Oħrajn min-naħa l-oħra jqisu li, min-natura tagħha, il-medjazzjoni tista' tkun biss volontarja sabiex taħdem tajjeb u li titlef il-ġibda tagħha meta mqabbla mal-proċeduri tal-qorti jekk issir obbligatorja.

Huwa importanti li jiġi mfakkar li l-medjazzjoni obbligatorja taffettwa l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal kif inhu stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet konċernati huma favur metodu aktar obbligatorju ta’ medjazzjoni. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri u l-akkademiċi huma kontra. Fost dawk li huma favur metodu aktar obbligatorju, grupp fost dawk li wieġbu taw parir sabiex il-medjazzjoni ssir obbligatorja għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (bħal każijiet kummerċjali, il-liġi tal-familja, il-liġi tax-xogħol jew it-talbiet iż-żgħar). Sa ċertu punt, il-proposta għal medjazzjoni obbligatorja għal kull tip ta’ każ sabet appoġġ.

B’mod ġenerali ftit kien hemm appoġġ għas-sanzjonijiet minħabba nuqqas ta’ użu ta’ medjazzjoni, għalkemm kien hemm xi appoġġ għall-ħlas tal-ispejjeż tal-medjazzjoni mill-partijiet li jirrifjutaw mingħajr raġunijiet. L-għoti ta' inċentivi lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni sab aktar appoġġ b’mod ġenerali. Eżempji ta’ inċentivi utli mill-persuni li wieġbu huma inqas tariffi tal-qorti għal persuni li ppruvaw il-medjazzjoni qabel il-preżentata tat-talba tagħhom, deduzzjonijiet fiskali effikaċi u attraenti, il-medjazzjoni mingħajr ħlas jew, tal-inqas, appoġġ finanzjarju għas-servizzi ta’ medjazzjoni mill-Istat.

L-użu ta’ inċentivi jidher utli biex iħeġġeġ lill-partijiet jużaw il-medjazzjoni. L-ispejjeż relatati mas-soluzzjoni ta’ tilwim huma fattur importanti għall-partijiet meta jiddeċiedu jekk jippruvawx il-medjazzjoni jew jitilgħux quddiem il-qorti. Għalhekk, l-inċentivi finanzjarji li jagħmluha aktar attraenti f’termini ekonomiċi għall-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni minflok jirrikorru għal proċedimenti ġudizzjarji, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-aħjar prattika. L-impożizzjoni tal-medjazzjoni fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja tista’ tiġi kkunsidrata fejn il-partijiet jista' — minħabba n-natura tar-relazzjoni tagħhom — għandhom raġunijiet għal nuqqas ta’ qbil ripetuti jew anki l-litigazzjoni l-qorti, bħal f’ċerti kwistjonijiet tal-familja (eż. id-drittijiet ta’ aċċess għal minuri) jew tilwim mal-ġirien. Għandu jiġi enfasizzat li f’tali każijiet ukoll, id-dritt ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja li hija ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi rrispettat.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jista’ jitqies xieraq.

3.7.L-eżekuzzjoni ta’ ftehimiet li jirriżultaw minn medjazzjoni (l-Artikolu 6)

L-Istati Membri kollha jipprevedu l-infurzabilità tal-ftehimiet tal-medjazzjoni kif preskritt mid-Direttiva. Xi Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva: Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Italja ma jitolbux b’mod espliċitu l-kunsens tal-partijiet kollha fit-tilwim għal talba għall-eżegwibbiltà tal-ftehim ta’ medjazzjoni. Fil-Greċja u s-Slovakkja, it-talba għall-eżekuzzjoni tista’ ssir minn waħda mill-partijiet mingħajr il-kunsens espliċitu mill-oħrajn. Skont il-liġi Pollakka, bl-iffirmar tal-ftehim, il-partijiet jagħtu l-kunsens tagħhom biex jitolbu l-approvazzjoni tal-qorti għall-eżekuzzjoni.

Jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ eżekutorjetà ta’ ftehimiet bil-medjazzjoni. Eċċezzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu, pereżempju, meta l-ftehim imur kontra l-ordni pubbliku jew kontra l-interess tat-tfal f’tilwim tal-familja.

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet konċernati tqis illi l-prattiki li jikkonċernaw l-infurzar ta’ ftehimiet li jirriżultaw mill-medjazzjoni bħala effettivi. Huma argumentaw illi l-ħtieġa għal infurzar ta’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni hija estremament rari. Fil-fehma tagħhom, in-natura stess tal-medjazzjoni tagħmilha probabbli li jekk ikunu taw il-kunsens tagħhom, il-partijiet jirrispettaw il-ftehim. Xi wħud minn dawk li wieġbu li jikkunsidraw illi l-prattiki mhumiex effettivi huma tal-opinjoni li kull ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni għandu jsir infurzabbli irrispettivament mir-rieda tal-partijiet. Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-medjazzjoni, l-aħjar prattika tista’ tikkonsisti f’parti waħda li titlob l-eżekuzzjoni tal-ftehim anki mingħajr il-kunsens espliċitu tal-parti l-oħra.

3.8.Kunfidenzjalità tal-medjazzjoni (l-Artikolu 7)

Il-kunfidenzjalità tal-medjazzjoni hija protetta fl-Istati Membri kollha kif meħtieġ skont id-Direttiva u għalhekk ġiet implimentata b’mod korrett. Xi Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva u ntroduċew regoli aktar stretti. Pereżempju, f’Malta, il-medjaturi għandhom iżommu l-kunfidenzjalità jekk intlaħaq ftehim matul il-medjazzjoni u dik l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata biss jekk il-partijiet jaqblu b’mod espliċitu bil-miktub.

Għadd kbir ta’ partijiet konċernati jikkunsidraw illi l-prattiki li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità tal-medjazzjoni huma effettivi. Madankollu, kwistjoni msemmija minn ħafna minn dawk li wieġbu hija li filwaqt li l-medjaturi għandhom l-obbligu tal-kunfidenzjalità, ma għandhom l-ebda dritt ġenerali li jirrifjutaw li jixhdu bħal professjonijiet legali oħra bħal l-avukati. Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni li f’termini prattiċi, l-Artikolu 7 ma jkunx ta' protezzjoni suffiċjenti għall-kunfidenzjalità tal-medjazzjoni.

3.9.L-effett tal-medjazzjoni fuq il-perijodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni (Artikolu 8)

Il-liġijiet nazzjonali kollha jiżguraw illi l-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni ma jiġux sussegwentement impediti milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji minħabba l-iskadenza tal-perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni matul il-proċess ta’ medjazzjoni. Id-Direttiva għalhekk ġiet implimentata b’mod korrett f’dan ir-rigward.

Is-sospensjoni tal-perijodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni hija partikolarment importanti f’każijiet fejn japplikaw skadenzi stretti fil-proċedimenti ġudizzjarji, pereżempju fi proċedura ta’ ritorn tat-tfal fil-kuntest ta’ sekwestru tat-tfal mill-ġenituri.

Għadd kbir ta’ partijiet konċernati huwa tal-fehma illi l-prattiki li jirrigwardaw is-sospensjoni tal-perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni matul il-proċess ta' medjazzjoni huma effettivi. Fost dawn, xi wħud saħqu li fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom din is-sospensjoni kienet garantita grazzi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.

3.10.Informazzjoni għall-pubbliku ġenerali (Artikolu 9)

13il-Stat Membru nkluda l-obbligu ta' tixrid ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Ġew adottati għadd ta’ miżuri biex jinfurmaw liċ-ċittadini u lill-impriżi dwar il-medjazzjoni (pereżempju bħala informazzjoni onlajn fuq websajts ta’ korpi nazzjonali kompetenti, konferenzi pubbliċi, kampanji ta’ promozzjoni pubbliċi, riklami televiżivi, xandiriet tar-radju, posters, eċċ.). Fl-Istati Membri kollha, hija provduta wkoll informazzjoni dwar il-vantaġġi tal-medjazzjoni u informazzjoni prattika u utli dwar l-ispejjeż u l-proċedura minn assoċjazzjonijiet ta’ medjaturi, assoċjazzjonijiet tal-avukati, jew mill-medjaturi nfushom.

Madankollu, l-istudju juri li l-għarfien dwar il-medjazzjoni għadu baxx u għad hemm nuqqas ta' informazzjoni għal partijiet potenzjali. Dan jaffettwa b’mod negattiv l-effiċjenza tas-servizzi ta’ medjazzjoni, kif ġie kkonfermat mill-partijiet konċernati fi 18-il Stat Membru. Hemm nuqqas ta' informazzjoni mhux biss għall-partijiet iżda wkoll għal professjonisti legali; dan jikkostitwixxi ostaklu addizzjonali għall-possibbiltà ta’ użu mifrux tal-medjazzjoni f’tal-anqas 10 Stati Membri. F’din il-konsultazzjoni, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jikkunsidraw illi l-għoti ta’ informazzjoni għall-pubbliku ġenerali mhux effettiv. Fost dawk li jqisuh bħala effettiv, bosta qalu li l-informazzjoni disponibbli fuq l-internet eż. mill-qrati, ministeri, kmamar tal-kummerċ u organizzazzjonijiet ta’ medjazzjoni hija l-aktar effettiva. Mekkaniżmi effettivi oħra msemmija huma brochures ta’ informazzjoni, żjarat personali fil-qorti jew avvenimenti informattivi bħal jiem iddedikati għall-medjazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkofinanzja proġetti dwar il-promozzjoni tal-medjazzjoni permezz tal-“Programm dwar il-Ġustizzja” tagħha. Barra minn hekk, fuq is-sit web tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika 13 hemm ammont sinifikanti ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-medjazzjoni fis-sistemi tal-Istati Membri u dwar lil min għandhom jikkuntattjaw. Għandu jiġi esplorat permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali kif l-għarfien tal-informazzjoni disponibbli jista’ jiġi mifrux iktar.

4.Konklużjonijiet

Id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni ġiet introdotta biex tiffaċilità l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ tilwim, tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ tilwim u sabiex jiġi żgurat li l-partijiet li jirrikorru għall-medjazzjoni jkunu jistgħu jserrħu fuq qafas legali prevedibbli. L-għan ta' din il-politika jibqa validu llum u għall-ġejjieni: il-medjazzjoni tista’ tgħin biex jiġu evitati litigazzjonijiet għad-detriment tal-kontribwenti tat-taxxa u tnaqqas il-ħin u l-ispejjeż assoċjati mal-litigazzjoni fil-qorti. Fuq perjodu ta’ żmien itwal tista' toħloq kultura mingħajr litigazzjoni fejn m’hemmx rebbieħa u telliefa, iżda msieħba. Id-Direttiva tal-Medjazzjoni introduċiet modi differenti biex tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ tilwim transfruntier f’materji ċivili u kummerċjali u pprovdiet qafas Ewropew għall-medjazzjoni bħala soluzzjoni ekstraġudizzjarja jew soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

Fuq il-bażi ta’ dan l-istudju, il-konsultazzjoni pubblika onlajn u d-diskussjoni mal-Istati Membri fin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, jidher li l-implimentazzjoni tad-Direttiva kellha impatt sinifikanti fuq il-leġiżlazzjoni ta’ bosta Stati Membri. Barra milli tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ewlenin għal użu ta’ medjazzjoni f’tilwim transfruntier f'materji ċivili u kummerċjali, id-Direttiva tat impetu għal użu usa’ tal-medjazzjoni wkoll f’kuntest purament domestiku fl-UE kollha. Dan huwa dovut b’mod partikolari għall-fatt li ħafna Stati Membri estendew l-ambitu tal-miżuri tagħhom bit-traspożizzjoni tad-Direttiva għal każijiet domestiċi. B’mod ġenerali, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE billi qajjmet kuxjenza fost il-leġiżlaturi nazzjonali dwar il-vantaġġi tal-medjazzjoni, l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ medjazzjoni jew l-ixprunar tal-estensjoni ta’ sistemi eżistenti ta’ medjazzjoni.

L-impatt tad-Direttiva fuq l-Istati Membri jvarja skont il-livell pre-eżistenti tas-sistemi nazzjonali ta’ medjazzjoni tagħhom. Id-diffikultajiet dwar il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta’ medjazzjoni fil-prattika jikkonċernaw prinċipalment it-tradizzjoni kontradittorja prevalenti f’bosta Stati Membri, livell ta' spiss baxx ta’ għarfien dwar il-medjazzjoni u l-funzjonament ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità.

L-evalwazzjoni turi li ma hemm l-ebda ħtieġa f’dan l-istadju li ssir reviżjoni tad-Direttiva, iżda l-applikazzjoni tagħha tista’ tittejjeb aktar:

   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju u xieraq, iżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jħeġġu l-użu ta’ medjazzjoni permezz tad-diversi mezzi u mekkaniżmi previsti fid-Direttiva u indirizzati f’dan ir-rapport. B’mod partikolari, għandhom isiru aktar sforzi fil-livell nazzjonali, sabiex jiżdied l-għadd ta’ każijiet li fihom il-qrati jistiednu lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni sabiex isolvu t-tilwim tagħhom. Dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala eżempji ta’ prattika tajba f’dan ir-rigward: rekwiżiti biex il-partijiet jenfasizzaw fir-rikorsi tagħhom quddiem il-qrati jekk sarx tentattiv ta' medjazzjoni, b’mod partikolari fi kwistjonijiet tal-liġi tal-familja sessjonijiet obbligatorji ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja u l-obbligu fuq il-qrati li jikkunsidraw il-medjazzjoni f’kull stadju tal-proċedimenti ġudizzjarji, inċentivi finanzjarji sabiex issir ekonomikament aktar attraenti għall-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni minflok jirrikorru għal proċedimenti ġudizzjarji, u li tiġi żgurata l-infurzabbiltà mingħajr ma tkun teħtieġ il-kunsens tal-partijiet kollha għall-ftehim.

   Il-Kummissjoni se tkompli tikkoffinanzja proġetti marbuta mal-medjazzjoni, permezz tal-“Programm dwar il-Ġustizzja” tagħha.  Fil-prinċipju hija miftuħa wkoll biex tipprovdi finanzjament mill-UE għal żvilupp mill-partijiet konċernati ta’ standards ta’ kwalità mal-Ewropa kollha għall-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tkompli tikkonsulta man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali biex tkompli tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni, eż. sabiex tinkiseb bażi ta’ dejta iktar solida dwar l-użu tal-medjazzjoni u sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku, b’mod partikolari dwar l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit web tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika dwar is-sistemi ta' medjazzjoni tal-Istati Membri. 

Top