EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0419

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles 2020 għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni fl-2015

COM/2016/0419 final

Brussell, 27.6.2016

COM(2016) 419 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles 2020 għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni fl-2015


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles 2020 għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni fl-2015

1.Ġenerali

Il-programm "Pericles 2020" huwa programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni. Huwa jissostitwixxi l-programm Pericles li ġie stabbilit fl-2001 u li kien jopera fil-perjodu 2002-2013. Il-programm kien stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 1 . L-applikazzjoni tiegħu ġiet estiża għal Stati Membri li mhux qed jipparteċipaw permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/768 tal-11 ta' Mejju 2015 2 . Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 jistabbilixxi t-tul ta' żmien tal-programm sal-31 ta' Diċembru 2020. L-Artikolu 13(3) tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan it-tieni Rapport Annwali jwieġeb għal dan ir-rekwiżit għas-sena 2015.

2.L-implimentazzjoni tal-programm u r-riżultati ta’ azzjonijiet impenjati tal-programm Pericles fl-2015

Il-baġit annwali għall-implimentazzjoni tal-programm “Pericles 2020” għas-sena 2015 ġie stabbilit għal EUR 1 024 800 u kien iffinanzjat mil-linja baġitarja 24 03 01 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2015. It-total ta’ EUR 967 739,33 ġew impenjati fl-2015.

L-implimentazzjoni tal-programm tirrifletti l-impenn tal-Istati Membri li jħarsu l-euro kontra l-falsifikazzjoni. Id-diskussjonijiet dwar l-istrateġija pluriennali fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Falsifikazzjoni tal-Euro (ECEG) iffaċilitaw l-impenn ta' 94,4 % tal-baġit globali fl-2015. Meta jiġu kkunsidrati l-kwalità u l-kwantità tal-applikazzjonijiet ta' għotjiet irċevuti fl-2015, kellhom jiġu ttrasferiti EUR 44 496 minn "azzjonijiet tal-Kummissjoni" għal għotjiet.

Fl-2015, il-programm iffinanzja b'kollox 12-il proġett. Mit-12-il applikazzjoni li joriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati membri, disa' (9) għotjiet ingħataw b'suċċess, meta mqabbla ma' sitt (6) għotjiet li ngħataw fl-2014. Barra min hekk, ġew iffinanzjati tliet (3) inizjattivi tal-Kummissjoni, meta mqabbla ma' erba' (4) inizjattivi tal-Kummissjoni fis-sena preċedenti. Żewġ (2) azzjonijiet ġew implimentati fl-2015, filwaqt li għaxar (10) azzjonijiet qed jintbagħtu / se jkunu implimentati fl-2016.

Fl-2015, l-applikanti għall-programm irrappreżentaw ħames Stati Membri, jiġifieri l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Kroazja. Din il-firxa tirrifletti l-aktar il-fatt li l-pajjiżi l-aktar affettwati mill-falsifikazzjoni tal-euro huma dawk li jużaw il-fondi ta' Pericles b'mod aktar frekwenti. Minħabba l-adozzjoni tard tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/768, kien hemm biss applikazzjoni ta' għotja waħda minn Stati Membri li mhux qed jipparteċipaw, li kienet applikazzjoni Kroata. 

Graff I u Graff II: L-għadd ta' azzjonijiet iffinanzjati għal kull Stat Membru u t-tip ta' azzjoni ffinanzjata (azzjonijiet impenjati fl-2015, ara l-Anness I)

L-azzjonijiet li għalihom saru impenji fl-2015 kienu jikkonsistu f'seba' seminars, taħriġ tekniku wieħed (workshop) u erba' skambji tal-persunal.

Dawn l-azzjonijiet twettqu 3 kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, skont il-ħtiġijiet speċifiċi, sabiex l-euro jiġi protett kontra l-falsifikazzjoni. Sa mill-bidu tiegħu, Pericles ikkonsolida l-approċċ reġjonali tiegħu billi implimenta azzjonijiet li jinvolvu reġjuni partikolarment sensittivi tad-dinja. L-oqsma fejn sar fowkus speċifiku fl-2015 kienu l-Amerika Latina (żewġ azzjonijiet organizzati minn Spanja), ix-Xlokk tal-Ewropa (l-azzjonijiet organizzati mill-Kroazja, l-Italja u l-Kummissjoni), ir-reġjun Mediterranju (l-azzjoni organizzata mill-Italja) u ċ-Ċina (l-azzjonijiet organizzati minn Franza, l-Italja u l-Kummissjoni).

Il-graffs III u IV li ġejjin jipprovdu diżaggregazzjoni tal-oriġini u l-isfond professjonali tal-parteċipanti tal-programm “Pericles 2020”:



Graff III u Graff IV: L-oriġini tal-parteċipanti u l-isfond professjonali tal-parteċipanti 4 (azzjonijiet impenjati fl-2015, ara l-Anness I)

Huwa stmat li 618-il espert ħadu sehem fl-azzjonijiet ta’ Pericles li għalihom saru impenji fl-2015.

F’termini ta’ oriġini, il-parteċipanti ġew minn 59 pajjiż. Il-maġġoranza tal-apprendisti (65 %) huma parteċipanti Ewropej: 44 % ġejjin mill-Istati Membri, filwaqt li l-pajjiżi Ewropej mhux fl-UE jirrappreżentaw it-tieni l-akbar grupp ta’ 24 %; 14 % tal-apprendisti huma mill-Amerika Latina (prinċipalment il-Kolombja u l-Perù), u 7 % ġejjin mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Ta' min jinnota speċjalment iż-żieda fil-parteċipanti mill-Asja, li jirrappreżentaw 4 %, bil-parteċipanti kollha ġejjin miċ-Ċina.

Rigward l-isfond professjonali tal-parteċipanti, il-membri mill-forzi tal-pulizija jirrappreżentaw 53 % mit-total. Din il-preżenza prominenti hija dovuta għall-fatt li l-awtoritajiet tal-pulizija jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro, u li l-persunal tal-pulizija jinkludi kemm investigaturi u kemm persunal tekniku. Madankollu, għandha tiġi enfasizzata tendenza kontinwa ta' divrenzjar fost il-kategoriji l-oħra differenti ta' parteċipanti (47 %), Kien hemm parteċipazzjoni kbira minn Banek Ċentrali (19 %), u żieda fil-parteċipazzjoni ta' persunal ġudizzjarju (10 %) 5 u doganali (4 %).

Bħala riżultat, l-implimentazzjoni ta’ Pericles tissodisfa d-dimensjonijiet transnazzjonali u multidixxiplinari tal-programm meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.



3.    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet imwettqa fl-2015: punti ewlenin 6

L-implimentazzjoni tal-programm “Pericles 2020” fl-2015 turi xejra pożittiva lejn divrenzjar dejjem jiżdied fl-isfondi professjonali tal-parteċipanti. B'mod partikolari, l-involviment dejjem jiżdied tal-ġudikatura f'ħames azzjonijiet, kif ukoll il-parteċipazzjoni doganali li dejjem tiżdied huma sinifikanti.

Il-programm irnexxielu jżomm u jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali tiegħu b’saħħithom fl-2014, b’għadd ta’ azzjonijiet li jseħħu fl-Amerika Latina, iż-żona tal-Mediterran u r-reġjun tal-Balkani, kif ukoll tliet azzjonijiet li jinvolvu rappreżentanti miċ-Ċina. Barra minn hekk, l-impenji ta' Pericles 2015 jirriflettu aktar diversifikazzjoni fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li japplikaw għall-programm; il-"Polizeipräsident in Berlin, Landeskriminalamt" qiegħed japplika għall-ewwel darba għal fondi ta' Pericles.

Diversi azzjonijiet skont il-baġit "Pericles 2020" tal-2015, ipprovaw isaħħu l-kooperazzjoni multidixxiplinari fil-qasam kontra l-falsifikazzjoni u fl-iskambju tal-kompetenza teknika u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti taċ-Ċina, min-naħa l-oħra. F'Jannar 2016, f'Pariġi kien hemm il-konferenza ffinanzjata minn Pericles bl-isem "Kooperazzjoni Sino-Ewropea fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-Euro". Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali inkluda l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti Ċiniżi fl-azzjoni tagħhom iffinanzjata minn Pericles. Finalment, il-"Workshop UE-Ċina dwar il-protezzjoni tal-muniti" huwa azzjoni li se ssir fi Brussell bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru Ċiniż tas-Sigurtà Pubblika. Dan jipprova jikseb kooperazzjoni aktar strutturata dwar kwistjonijiet strateġiċi u operazzjonali fil-qasam kontra l-falsifikazzjoni bejn l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti Ċiniżi.

Il-Kummissjoni tkompli s-serje ta' Konferenzi "Euro South East", fejn it-12-il konferenza se ssir f'Ottubru 2016 f'Zagreb, fil-Kroazja. Dawn il-konferenzi kienu vitali biex jirrinforzaw il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fix-Xlokk tal-Ewropa li għandha diversi hotspots rigward it-tranżitu u l-produzzjoni possibbli ta' euros foloz.

Il-Kummissjoni taqsam konstatament ir-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati skont il-programm ta' esperti tal-Grupp ta' Esperti dwar l-il-Falsifikazzjoni tal-Euro (ECEG). Fl-2015, kien hemm tliet laqgħat tal-ECEG.

Il-programm juri livell għoli ta’ konsistenza u ta' kumplimentarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni għax huwa ddedikat esklussivament għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra forom speċifiċi ta’ kriminalità organizzata u jiffoka fuqhom, b’mod partikolari l-falsifikazzjoni tal-euro. Għalhekk huwa komplementari u konsistenti mal-programm Hercule III tal-OLAF 7 li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u dan juri livell għoli ta’ kumplimentarjetà, inter alia, mal-Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija tad-DĠ HOME 8 , li jkopri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali.

4.    L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet tal-programm Pericles fl-2015 li twettqu skont il-programm "Pericles 2020" tal-2014 jew il-programm "Pericles"

Fis-sena 2015 ġew implimentati għaxar (10) azzjonijiet ta' Pericles li twettqu skont il-programm Pericles 2020 jew skont il-baġits tal-programm "Pericles" 9 . Minn dawn il-proġetti, ħamsa (5) oriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri – rispettivament il-Latvja, l-Italja u Franza - filwaqt li ħames (5) proġetti kienu mibdija mill-Kummissjoni. Il-proġetti kienu jikkonsistu f'żewġ (2) seminars, żewġ (2) taħriġiet tekniċi, tliet (3) skambji ta’ persunal u l-aġġornament tal-Istruzzjonijiet dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni tal-Euro. Żoni ta’ fowkus partikolari kienu fl-Ewropa tax-Xlokk u r-reġjun tal-Mediterran.

5.    Konklużjoni u t-triq fil-futur

Il-programm “Pericles 2020” jibqa’ strument importanti u effettiv fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Din il-konklużjoni hija appoġġata mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni li meta mqabbel mas-sena preċedenti, ngħataw aktar azzjonijiet kofinanzjati taħt il-programm "Pericles 2020" 10 . Il-programm jifforma l-bażi għall-appoġġ ta’ studji, iż-żamma u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-atturi kollha involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro. Abbażi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programm u tal-analiżi kontinwa ta’ theddid emerġenti diskussi fl-ECEG, il-prijoritajiet għall-2015 huma dawn li ġejjin 11 :

1.l-attivitajiet ta' appoġġ kellhom l-għan li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma milquta b'mod partikolari mill-produzzjoni u mid-distribuzzjoni ta' flus foloz;

2.trawwim ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ dawk it-terzi pajjiżi fejn hemm suspett jew evidenza tal-preżenza ta’ produzzjoni ta' flus foloz;

3.żamma ta' qafas effiċjenti għall-protezzjoni tal-euro fix-Xlokk tal-Ewropa;

4.żviluppi ġodda: il-karatteristiċi ta' sigurtà jew il-metodi ta' awtentikazzjoni, id-distribuzzjoni ta' kontrafazzjonijiet u ta' materja prima fuq l-internet u l-involviment tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni tal-munita.

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm "Pericles 2020") (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1). Dan ir-Regolament ħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2006/75/KE, u 2006/849/KE.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/768 tal-11 ta' Mejju 2015 li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) għal Stati Membri mhux parteċipanti (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 1).
(3) Xi azzjonijiet għadhom qed jiġu implimentati fl-2016.
(4) Il-kategorija l-oħra tinkludi, inter alia, l-Interpol, il-banek kummerċjali u l-persunal minn ministeri nazzjonali.
(5) Din tirrappreżenta żieda ta' erba' (4) punti perċentwali mill-implimentazzjoni ta' Pericles tal-2014, ara COM(2015) 507 final.
(6) Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet tal-programm Pericles li twettqu fl-2015 tista’ tinstab fl-Anness I.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014).
(8)

   Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(9) Fl-Anness II, wieħed jista' jsib ħarsa ġenerali komprensiva dwar l-azzjonijiet ta' Pericles impenjati skont il-baġit għall-programm Pericles 2020 fl-2014 jew il-baġits għall-programm "Pericles" iżda implimentati fl-2015.
(10) Ara COM(2015) 507 final.
(11) Il-prioritajiet tal-programm għall-2015 huma parti essenzjali mill-Programm ta’ Ħidma Annwali, li huwa anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 316 tas-27 ta’ Jannar 2016 li tikkonċerna l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2015 tal-Programm Pericles 2020.
Top

Brussell, 27.6.2016

COM(2016) 419 final

ANNESS

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet imwettqa fl-2015

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles 2020 għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni fl-2015


Anness I: Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet imwettqa fl-2015:

Organizzatur

Attività

Post u data

Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni

(ammont totali impenjat f’euro)

Seminars

Franza

DCPJ-OCRFM

Seminar: "Coopération en matière de lutte contre la contrefaçon de l'euro avec la République Populaire de Chine"

Pariġi, Franza

mid-19 sal-20 ta’ Jannar 2016

25 106

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

L-Italja

UCAMP

Seminar:  "A Community Strategy to Protect the Euro in the Mediterranean Area"

Marrakesh, il-Marokk

mill-25 sas-27 ta’ Novembru 2015

111 800,53

L-għan ewlieni tal-azzjoni: l-iżvilupp ta' istituzzjoni (il-ħolqien ta' Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali abbażi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Falsifikazzjoni tal-Flus, f'Ġinevra, l-20 ta' April 1929); it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Spanja

BIBE

Seminar: "Train the trainers on Euro Currency Counterfeiting in Latin American Countries"

Lima, il-Perù

mill-24 sas-27 ta’ Novembru 2015

183 755,79

L-għan ewlieni tal-azzjoni: l-iżvilupp ta' istituzzjoni (il-ħolqien ta' Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali abbażi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Falsifikazzjoni tal-Flus, f'Ġinevra, l-20 ta' April 1929); it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

L-Italja

UCIFM

Seminar: "Euro Counterfeiting in Europe: Analysis of the situation and possible future threats and measures to adopt"

Ruma, l-Italja

mit-12 sat-13 ta’ April 2016

58 480,96

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Il-Kroazja

Il-Bank Nazzjonali Kroat

Seminar: "2nd Balkan Network for Euro Protection"

Split, il-Kroazja

mill-21 sal-24 ta’ Marzu 2016

59 115,98

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Il-Ġermanja

Landes- kriminalamt Berlin

Seminar: "Combating Counterfeit Currency - Berlin 2016"

Berlin, il-Ġermanja

mill-24 sas-27 ta' Ottubru 2016

22 700

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Il-Kummissjoni

ECFIN

"Pericles 12th Euro South East Conference"

Zagreb, il-Kroazja

mis-17 ta' Marzu sal-21 ta' Ottubru 2016

197 199

L-għan ewlieni tal-azzjoni: l-iżvilupp ta' istituzzjoni (il-ħolqien ta' Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali abbażi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Falsifikazzjoni tal-Flus, f'Ġinevra, l-20 ta' April 1929); it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Taħriġ tekniku

Il-Kummissjoni

ECFIN

"Pericles EU-China Workshop on the protection of currencies"

Brussell, il-Belġju

mill-31 ta’ Mejju sat-2 ta’ Ġunju 2016

(pospost)

103 549,9

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Skambji ta' persunal

L-Italja

CCAFM

"Staff exchange on investigative techniques: Italy, Albania, Greece, Hungary, Bulgaria, Turkey, Serbia, Croatia, China and Slovenia"

Diversi postijiet

mill-14 ta' Frar sat-18 ta' Ġunju 2016

64 696,56

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Taħriġ dwar id-detezzjoni ta’ muniti tal-euro foloz, il-ġbir ta’ evidenza għal segwitu ġudizzjarju u metodoloġiji ta’ investigazzjoni; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

L-Italja

UCIFM

"Staff-exchange: Italy, Armenia, France, Georgia, Germany, Slovakia, Switzerland"

Diversi postijiet

mill-15 ta' Mejju sat-30 ta' Novembru 2016

42 131,50

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Spanja

BIBE

Staff Exchange "Argentina, Colombia,

Mexico, Peru, Spain and Belgium"

Diversi postijiet

mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Lulju 2016

76 709,03

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Il-Kummissjoni

ECFIN

"Pericles Staff exchange Albania - Kosovo"

Tirana, l-Albanija u Pristina, il-Kosovo

mis-27 ta' Ġunju sal- 1 ta' Lulju, mill-4 sat-8 ta' Lulju 2016

22 494,08

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Top

Brussell, 27.6.2016

COM(2016) 419 final

ANNESS

Azzjonijiet impenjati skont baġits preċedenti iżda implimentati fl-2015

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles 2020 għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni fl-2015


Anness II: Azzjonijiet impenjati skont baġits preċedenti iżda implimentati fl-2015

Organizzatur

Attività

Data

Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni

(ammont totali impenjat f’euro)

Seminars

Il-Kummissjoni

ECFIN

Seminar: L-Iżvilupp ta’ Approċċ Komuni għall-Protezzjoni tal-Euro

Ankara

mit-3 ta' Marzu sal-5 ta' Marzu 2015

96 501

L-għan ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Il-Kummissjoni

ECFIN

Seminar: It-tielet (3) Konferenza Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Euro kontra l-Falsifikazzjoni

Frankfurt

mill-24 sas-27 ta’ Marzu 2015

79 000

L-għan ewlieni tal-azzjoni: L-iżvilupp ta' istituzzjoni (il-ħolqien ta' Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali abbażi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Falsifikazzjoni tal-Flus, f'Ġinevra, l-20 ta' April 1929); it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Taħriġ tekniku

Il-Kummissjoni

ECFIN

Taħriġ Tekniku Tattiku: Il-Protezzjoni tal-Euro kontra l-Falsifikazzjoni

Cali

mit-22 sal-24 ta’ April 2015

138 649

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Taħriġ dwar id-detezzjoni ta’ muniti tal-euro foloz, il-ġbir ta’ evidenza għal segwitu ġudizzjarju u metodoloġiji ta’ investigazzjoni.

Il-Kummissjoni

ECFIN

Taħriġ tekniku: It-tisħiħ tal-ħarsien tal-euro

Tirana

mid-19 sal-21 ta’ Marzu 2015

109 967

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Taħriġ dwar id-detezzjoni ta’ muniti tal-euro foloz.

Studji/manwali

Franza

DCPJ-OCRFM

Għotja

Studju dwar il-Falsifikazzjoni tal-Munita tal-Euro fi Franza - Atturi u Organizzazzjonijiet

Pariġi

mis-16 ta' Settembru 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015

41 371

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Ir-riċerka

Franza

Monnaie de Paris

Għotja

Studju: Polimeri Fotokromiċi Nanostrutturati b’karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda għal użu fil-muniti tal-euro “Nanoguard Project”

Pariġi

mis-27 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015

100 500

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Ir-riċerka

Il-Kummissjoni

ECFIN

Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro

manwal (aġġornament tal-lista

tal-awtoritajiet kompetenti)

Ġurnal Uffiċjali tal-UE Nru C 264:

it-12 ta' Awissu 2015

1 500

L-għan ewlieni tal-azzjoni: aġġornament tal-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Skambji ta' persunal

Pulizija Latvjana

Għotja

Skambju ta' Persunal Pulizija Latvjana

Madrid, Lisbona, Tallinn

mill-10 ta' Frar 2015 sas-16 ta' Marzu 2015

23 373

L-għan ewlieni tal-azzjoni: taħriġ tekniku u skambju ta' għarfien.

L-Italja

CCAFM

Għotja

Skambju tal-Persunal dwar Tekniki Investigattivi kontra l-Falsifikazzjoni tal-Flus

Ruma

mill-4 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Lulju 2015

57 794

L-għan ewlieni tal-azzjoni: Taħriġ dwar id-detezzjoni ta’ muniti tal-euro foloz, il-ġbir ta’ evidenza għal segwitu ġudizzjarju u metodoloġiji ta’ investigazzjoni; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

L-Italja

Banca D'Italia

Għotja

Skambju ta’ Persunal Banca D’Italia/Bank tal-Albanija

Ruma

mis-17 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Awissu 2015

6 674

L-għan ewlieni tal-azzjoni: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

Top