EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0382

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

COM/2016/0382 final - 2016/0179 (NLE)

Brussell, 10.6.2016

COM(2016) 382 final

2016/0179(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Il-ħiliet huma importanti

Produttività għolja u kompetittività u tkabbir sostnuti jiddependu fuq forza tax-xogħol b’ħiliet tajbin u adattabbli, u fuq l-użu sħiħ tal-ħiliet disponibbli. L-impjegabbiltà tiddependi fuq il-kwalità tal-kompetenzi. Pajjiżi bi proporzjon għoli ta’ adulti b’livell baxx ta’ profiċjenza f’ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, in-numeriżmu ) u f'ħiliet diġitali għandhom livelli aktar baxxi ta’ produttività tax-xogħol u, fl-aħħar mill-aħħar, prospetti aktar baxxi ta' tkabbir u kompetittività 1 . Hemm skop biex isir użu iktar effiċjenti tal-kapital uman tal-Ewropa tul il-ħajja kollha, u tabilħaqq biex isir titjib fil-kapital uman tal-Unjoni billi jiġu stabbiliti livelli ġenerali ogħla għall-ħiliet. Għal dan l-għan għandhom jiġu mobilizzati riżorsi nazzjonali u tal-UE. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 2 jenfasizza li "investimenti intelliġenti fil-kapital uman" u l-għoti tal-ħiliet rilevanti lin-nies sabiex jiġu xprunati l-innovazzjoni u l-kompetittività u biex tinkiseb produttività għolja huma l-aħjar mod biex jiġi evitat li individwi jispiċċaw qiegħda, kif ukoll biex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Ħiliet bażiċi u l-livell edukattiv milħuq fl-Ewropa

L-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) juri li wieħed minn kull ħames adulti Ewropej (ta’ età bejn is-16 u l-65 sena) għandhom biss livell bażiku ta’ litteriżmu, filwaqt li wieħed minn kull erbgħa għandhom biss l-inqas livell ta’ kompetenza 3 fin-numeriżmu u huma kapaċi biss isolvu kompiti sempliċi ħafna bl-użu tal-ICT. L-istħarriġ PIAAC tal-OECD juri wkoll li l-livell edukattiv milħuq huwa korrelatat mill-qrib mal-profiċjenza f’ħiliet bażiċi, għalkemm il-livelli tal-ħiliet jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost individwi bi kwalifiki simili. Fejn jidħol il-livell edukattiv milħuq, fuq medja, madwar kwart tal-Ewropej ta’ età bejn il-25 u l-64 sena ma għandhomx kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja għolja; f'ċerti pajjiżi l-proporzjon hija ogħla minn 40 %, u tilħaq is-57 %. Barra minn hekk, l-eżiti tal-edukazzjoni mhumiex imqassma b’mod uniformi fis-sottogruppi tal-popolazzjoni; Pereżempju, madwar 44 % ta' ċittadini mhux tal-UE (“ċittadini ta’ pajjiżi terzi”) li jgħixu fl-UE ma għandhomx kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja għolja (jiġifieri madwar 7 % tal-adulti fl-UE mingħajr kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja għolja) u għandhom iktar probabbiltà minn ċittadini tal-UE li jkollhom livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi.

L-impatt ta’ livell baxx ta’ ħiliet fuq l-individwi huwa kwistjoni multidimensjonali li twassal għal konsegwenzi konsiderevoli. B’mod ġenerali, persuni b’livell baxx ta’ ħiliet ikollhom inqas suċċess fis-suq tax-xogħol (rati ogħla ta’ qgħad u ta' qgħad fit-tul, tranżizzjonijiet inqas mgħaġġlin mill-qgħad lejn ix-xogħol, pagi aktar baxxi, eċċ.) u jinsabu iktar esposti għal riskji ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Matul ir-riċessjoni l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol komplew iddeterjoraw: Ir-rata tal-qgħad fost dawk bi kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell bħala l-ogħla kisba edukattiva żdiedet minn 9.7 % (fl-2008) għal 17.4 % (fl-2014), b'kuntrast ma' żieda ta’ inqas minn 3 punt perċentwali fost dawk b’livelli ogħla ta’ edukazzjoni. F’dawn l-aħħar snin il-biċċa l-kbira tat-telf tal-impjiegi seħħ fost persuni bl-anqas kwalifiki (telf ta' aktar minn disa’ miljun impjieg).

Ħiliet baxxi jista’ wkoll ikollhom impatt fuq it-tfal ta' persuni li jinsabu f’din is-sitwazzjoni, hekk kif il-PIAAC żvela li f’xi pajjiżi t-tfal ta’ ġenituri b’kisbiet edukattivi ta' livell baxx għandhom livelli aktar baxxi, b'mod konsiderevoli, ta’ profiċjenza fis-sett ta' ħiliet ittestjat milli għandhom tfal ta’ ġenituri b’livelli ogħla ta’ edukazzjoni.

Meta jitqies l-infiq pubbliku fuq il-benefiċċji tal-qgħad u l-benefiċċji soċjali, l-ispejjeż relatati ma' din is-sitwazzjoni huma għoljin, mhux biss għall-individwu iżda wkoll għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi.

Sfidi ġodda

Metodi ġodda ta’ xogħol, inkluż mudelli ta’ ekonomija kollaborattiva, żieda fix-xogħol indipendenti u fix-xogħol abbażi ta’ kuntratt, bidliet aktar frekwenti fl-impjieg (għal raġunijiet ta' ħtieġa u opportunità) u bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol kollha għandhom impatt fuq it-tipi ta’ ħiliet meħtieġa. It-tbassiriet jindikaw li filwaqt li l-impjiegi b'ħiliet baxxi mhumiex se jgħibu, dawn l-impjiegi se jiġu okkupati minn mhux aktar minn 15 % tal-forza tax-xogħol 4 . Ix-xejra lejn impjiegi bbażati aktar fuq il-ħiliet fil-livelli kollha mistennija tkompli, u ħafna xogħlijiet tradizzjonali manwali u ta’ rutina se jonqsu jew tittrasformaw ruħhom b'mod li se jkunu jesiġu ħiliet bażiċi ta' livelli ogħla.

Ix-xejriet demografiċi mistennija jwasslu għal forza tax-xogħol dejjem iċken, u l-projezzjonijiet għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (20-64) juru tnaqqis minn 306 miljun persuna għal 269 miljun persuna. Dawn ix-xejriet jistgħu jaggravaw in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħiliet fis-swieq tax-xogħol, u jwasslu għal telf fl-investiment, l-innovazzjoni u t-tkabbir. In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħiliet jistgħu jxekklu t-tkabbir tal-produttività u r-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn is-setturi fi ħdan u bejn l-Istati Membri, bir-riżultat li jinħolqu ostakolili li jxekklu l-ksib tal-benefiċċji kollha possibbli tas-Suq Uniku u li tkompli titnaqqas ir-reżiljenza għall-iskossi f’ekonomiji vulnerabbli. Dawn ix-xejriet jirrappreżentaw sfida li tissottolinja l-ħtieġa li l-kapital uman li mhux qed jiġi sfruttat jiġi integrat fis-suq tax-xogħol, speċjalment fost l-adulti b’ħiliet baxxi. Sabiex dawn it-tendenzi demografiċi jiġu bbilanċjati, jidher b'mod ċar li hemm bżonn li jiżdiedu r-rata tal-impjiegi u l-produttività tal-forza tax-xogħol, u li l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Il-migranti jistgħu wkoll jgħinu biex jimtela l-vojt, dment li l-ħiliet tagħhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jintużaw tajjeb.

Ħafna minn dawk li se jkunu membri tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa tul l-għoxrin sena li ġejjin diġà huma adulti llum. Investiment fit-titjib kontinwu tal-ħiliet tagħhom se jiddetermina jekk l-UE hijiex kapaċi tikseb il-benefiċċji tal-avvanzi teknoloġiċi u tiżgura l-kompetittività. Għandu jsir aktar biex jiġi appoġġat l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol.

Ostakoli għat-titjib tal-ħiliet

Dawn l-isfidi kollha jistgħu jiġu indirizzati biss permezz tar-responsabbilizzazzjoni tal-persuni - kemm jekk ikunu impjegati, kif ukoll jekk le - b'mod li jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew, meta jkunu impjegati, biex ilaħħqu mad-domanda għall-ħiliet, li dejjem qed tikber maż-żmien.

Madankollu, parti sinifikanti tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, inkluż persuni li diġà huma impjegati, jonqoshom il-livell bażiku ta' litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali li għandhom bżonn biex jieħdu sehem fit-taħriġ vokazzjonali meħtieġ biex iżommu l-pass mad-domandi dejjem jinbidlu tax-xogħol tagħhom u biex jiġi evitat it-telf ta’ ħiliet. Ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, kif ukoll ħaddiema akbar fl-età u dawk neqsin mill-opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom tul il-ħajja tagħhom tax-xogħol jinsabu fl-ikbar riskju ta' obsolexxenza tal-ħiliet.

Barra minn hekk, hemm it-tendenza li persuni impjegati b'livell baxx ta' ħiliet jagħmlu xogħol li ma jinkludi l-ebda tip ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol, jingħataw inqas taħriġ organizzat mill-impjegaturi u, meta mqabbel ma' persuni b'livell għoli ta' ħiliet, ma jgawdux mill-benefiċċji tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan iwassal biex jinqabdu f'ċirku vizzjuż ikkaretterizzat minn ħiliet ta' livell baxx u impjiegi ta' kwalità baxxa, f’xogħol bla sengħa u b'biss ftit opportunitajiet biex itejbu l-ħiliet tagħhom.

Filwaqt li s-soluzzjoni biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi hija evidenti (jiġifieri t-titjib tal-ħiliet ta' persuni li ma għandhomx il-ħiliet bażiċi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew biex iżommu l-pass miegħu), l-ostaklu ewlieni għall-avvanz ta' din is-soluzzjoni huwa l-impenn limitat tal-adulti, u b'mod partikolari tal-adulti b'livell baxx ta' ħiliet, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 10.8 % biss tal-adulti kienu ħadu sehem f’xi tip ta’ tagħlim matul l-erba’ ġimgħat ta’ qabel l-istħarriġ, meta mqabbel mal-mira Ewropea miftiehma ta’ 15 % sal-2020. Ir-rata ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet hija saħansitra aktar baxxa: bħala medja, 4.3 % biss minnhom jieħdu sehem fit-tagħlim 5 . B'hekk teżisti problema ta’ aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ tagħlim li jeħtieġ li tiġi indirizzata, u li taffettwa wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Din il-parteċipazzjoni limitata fit-tagħlim ulterjuri hija r-riżultat ta' ostakoli ta' natura strutturali u ta' ostakoli relatati mas-sitwazzjoni, li huma interkonnessi mill-qrib.

L-ostakoli strutturali huma relatati, fost l-oħrajn, mal-gwida limitata disponibbli biex il-persuni kkonċernati jsiru konxji mill-benefiċċji tat-titjib tal-ħiliet u mill-opportunitajiet ta’ tagħlim u mekkaniżmi ta’ appoġġ disponibbli, iżda huma relatati wkoll mad-disponibbiltà limitata tal-opportunitajiet ta’ tagħlim adattati għall-adulti.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-servizzi ta’ gwida jiffukaw l-isforzi tagħhom l-aktar fuq l-introduzzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol fi ftit żmien; f’ħafna każijiet ma hemm l-ebda miżuri ta’ appoġġ speċifiċi biex jiġu pprovduti b'opportunitajiet ta’ tagħlim maħsuba biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Barra minn hekk, l-adulti li għandhom impjieg jew li huma ekonomikament inattivi u neqsin minn livell għoli ta' ħiliet ukoll jeħtieġu tagħlim ulterjuri, u kieku jibbenefikaw minn aċċess għal servizzi ta’ gwida.

L-adulti rari jinvolvu ruħhom fit-tagħlim ulterjuri, jekk dan jinvolvi li jmorru lura l-iskola u jerġgħu jibdew mill-ġdid. Il-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tissaħħaħ billi dawn jingħataw l-opportunità li l-ħiliet li jkunu kisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali tagħhom jiġi validat u rikonoxxut, u billi l-ħtiġijiet għat-titjib tal-ħiliet tagħhom jiġu identifikati permezz ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. Ir-Rakkomandazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali stiednet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali qabel tmiem l-2018. L-aktar inventarju reċenti (2014) tat-tagħlim mhux formali u informali juri li ġeneralment hemm progress tajjeb fit-twaqqif ta’ mekkaniżmi għall-validazzjoni. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir biex dawn isiru disponibbli b’mod wiesa’: huwa biss fi tmien pajjiżi li gruppi żvantaġġati u b'livell baxx ta' ħiliet x’aktarx li jistgħu jibbenefikaw mill-validazzjoni, filwaqt li 15-il Stat Membru għad ma għandhomx fis-seħħ sistema ta’ verifika tal-ħiliet.

Peress li s-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għall-ieħor u billi l-grupp ta’ adulti b'livell baxx ta' ħiliet jinkludi diversi sottogruppi differenti ħafna minn xulxin (eż. impjegati, persuni qiegħda, persuni ekonomikament inattivi, persuni f’zoni rurali, migranti, gruppi ta’ minoranza żvantaġġati) ma hemm l-ebda soluzzjoni standard individwali; barra minn hekk, fi ħdan kull sottogrupp, kull individwu għandu ħtiġijiet speċifiċi, u għalhekk hemm bżonn ta' approċċ imfassal apposta. Madankollu appoġġ individwalizzat huwa disponibbli fl-UE kollha b’mod mhux uniformi.

Ġie osservat li mogħdijiet flessibbli ta’ tagħlim (pereżempju tagħlim mill-bogħod, tagħlim imħallat, tagħlim modulari eċċ.) jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, iżda f’ħafna każijiet id-disponibbiltà tagħhom għad ma tissodisfax il-ħtiġijiet ta' dawn l-adulti. Nofs biss tal-Istati Membri għandhom programmi jew oqfsa mfassla apposta biex jipprovdu lill-adulti b’ħiliet bażiċi. 3.6 % biss tal-Ewropej kisbu l-kwalifika sekondarja għolja tagħhom wara l-età ta’ 25 sena, u hemm differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi. L-Istati Membri li joffru programmi modulari flessibbli jidhru li għandhom proporzjon akbar tal-popolazzjoni adulta tagħhom ta' età ta’ 25 sena jew aktar bi kwalifika sekondarja għolja.

L-ostakoli relatati mas-sitwazzjoni huma marbuta mal-kuntest speċifiku tal-individwi kkonċernati, u jistgħu jinkludu responsabbiltajiet tal-familja, skedi ta’ żmien konfliġġenti, spejjeż, in-nuqqas ta’ appoġġ mingħand l-impjegatur, id-distanza, eċċ. Minn fost dawn kollha, l-ewwel tnejn jissemmew l-aktar fl-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti. In-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa ostaklu ieħor li jista’ jkun dovut ukoll għan-nuqqas ta’ għarfien dwar il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet u dwar il-benefiċċji li jġib l-investiment fil-ħiliet; ir-riċerka turi wkoll li ta' spiss dawk b’livell baxx ta' ħiliet bażiċi baxxi ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jirrikonoxxu d-dgħufijiet tagħhom u li, minħabba f’hekk, ma jħossux li hemm bżonn li jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Għanijiet

Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-opportunitajiet tan-nies fil-ħajja u l-impjegabbiltà tagħhom, li jwassal għal bażi ta' kapital uman aktar reżiljenti u għal tkabbir akbar u aktar inklużiv fl-UE kollha. Sabiex jinkiseb impatt tanġibbli, hemm bżonn li jsir sforz politiku u finanzjarju konsiderevoli. Kif stabbilit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jimmobilizzaw biżżejjed investimenti pubbliċi fil-ħiliet tan-nies. Madankollu, l-Istati Membri mistennija jibbenefikaw minn dawn l-investimenti peress li se jgħinu biex jiġu impjegati aktar nies u biex tissaħħaħ il-produttività tal-forza tax-xogħol.

L-inizjattiva għandha wkoll l-għan li tappoġġa lil dawk l-individwi li ma komplewx isegwu s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ formali u b'hekk ma kisbux kwalifika sekondarja għolja biex jaċċessaw opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet tagħhom sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali tagħhom, jew sabiex jiksbu kwalifika fil-livell 4 tal-QEK jew kwalifika ekwivalenti. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-livell 4 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) 6 huwa l-livell ta’ kwalifika ekwivalenti għal kwalifika sekondarja għolja.

Il-Garanzija tal-Ħiliet se tinkludi tliet passi:

-    valutazzjoni tal-ħiliet, li permezz tagħha adulti b'livell baxx ta' kwalifiki jkunu jistgħu jidentifikaw il-ħiliet eżistenti tagħhom u l-bżonn li jtejbu l-ħiliet tagħhom;

-    it-tfassil u t-twassil ta’ offerta ta' edukazzjoni u ta’ taħriġ imfassla għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull individwu, li tkompli tibni fuq il-ħiliet eżistenti tiegħu/tagħha;

-    il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-mogħdija personalizzata għat-titjib tal-ħiliet.

Ir-Rakkomandazzjoni hija mmirata lejn adulti li telqu s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ qabel kisbu kwalifika sekondarja għolja (QEK 4) u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi "mogħdija " li tikkonsisti f’serje ta’ interventi mmirati maħsuba biex itejbu u jikkonsolidaw l-appoġġ immirat lejn dan il-grupp, u twassal għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa.

Dawn il-miżuri huma parti minn sistema aktar komprensiva ta’ azzjonijiet politiċi li jittrattaw l-isfidi usa’ relatati mal-ħiliet: li jiġi elevat il-livell tal-ħiliet fl-UE, li jsir użu aħjar tal-ħiliet eżistenti u l-antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa.

Fit-tfassil tal-interventi tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jibnu fuq snin ta’ tagħlim reċiproku u fuq l-esperjenza miksuba fil-qasam tal-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, kif ukoll permezz tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija inkluża fl-inizjattiva Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, li hija parti mill-priorità politika ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea “Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment”. Din hija inizjattiva li se ssaħħaħ l-inklussività tas-suq tax-xogħol u tal-investiment soċjali, u li mistennija tmexxi lill-Ewropa lejn konverġenza soċjali vertikali. Hija konsistenti u komplementari ma' politiki u inizjattivi oħra fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjiegi.

Ġew stabbiliti għadd ta’ politiki, strumenti u inizjattivi tal-UE biex jiġi appoġġat it-titjib tal-ħiliet, b’mod partikolari s-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), (għal aktar dettalji ara t-taqsima “l-implikazzjonijiet baġitarji” hawn taħt).

Ir-rakkomandazzjoni se tappoġġa l-proċess ta’ riformi li nbeda bl-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi għall-għan li tiżdied ir-rata tal-impjieg, għall-għan li jitnaqqas il-faqar u għall-għan li jitnaqqas l-impatt tat-tluq mill-iskola qabel il-waqt. L-għanijiet ġenerali tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma appoġġati mil-linji gwida integrati, li jinkludu kemm il-Linji gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi kif ukoll il-Linji gwida dwar l-Impjiegi (li ssir referenza għalihom kollettivament bħala l-“linji gwida integrati”). Dawn tal-ewwel għandhom l-għan parzjali li jistimolaw it-tkabbir, billi jwettqu riformi strutturali u jeliminaw l-ostakoli ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi. Dawn tal-aħħar ikopru prijoritajiet bħall-iffaċilitar tal-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2015 7 jisħqu li l-programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali effiċjenti, effettivi u li jħarsu ’l quddiem, inkluż it-tagħlim immirat għall-adulti, jaqdu rwol ewlieni sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet jisħqu wkoll li hemm bżonn li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg jissaħħu f’uħud mill-Istati Membri u li l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol jistgħu jimmiraw b’mod iktar effiċjenti għal dawk li huma l-iżjed imbiegħda mis-suq tax-xogħol.

B’mod speċifiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ, din il-proposta se tkompli tibni fuq bosta miżuri eżistenti billi taġixxi fuq messaġġi ta’ politika ewlenin dwar il-ħtieġa li jitnaqqas l-għadd ta’ adulti b'livell baxx ta' ħiliet. Se tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex isaħħu s-sinerġiji bejn il-miżuri ta’ politika li għandhom jaħdmu flimkien sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija, b’mod partikolari l-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, il-gwida u l-konsulenza, il-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-validazzjoni, u l-politiki soċjali.

Il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) joffri pjattaforma lil-Istati Membri biex dawn jaħdmu flimkien f’qasam ta’ politika li għandhom kompetenza fiha. Ir-Rapport Konġunt ET 2020 li ġie adottat f’Novembru 2015 fassal prijoritajiet riveduti, inkluż għall-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim għall-Adulti 8 , b’enfasi fuq il-forniment ta' ħiliet fil-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali, u fuq l-għoti ta' biżżejjed opportunitajiet għal ċans ieħor li jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta tal-QEK għal persuni mingħajr kwalifiki tal-livell 4 (edukazzjoni sekondarja għolja).

Il-qafas QEK jinkludi kwalifiki bbażati fuq riżultati tat-tagħlim miksubin permezz ta’ perkorsi formali ġenerali jew vokazzjonali (bħal pereżempju kwalifiki sekondarji għolja). Fl-istess ħin, l-approċċ ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim promoss mill-QEK jiffaċilita l-kisba ta’ kwalifiki bbażati fuq it-tagħlim f’kuntesti mhux formali jew informali, li jikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tat-tagħlim għall-adulti. Il-livell 4 tal-QEK huwa l-livell li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri indikaw bħala li jikkorrispondi għall-kwalifiki sekondarji għolja tagħhom, il-livell edukattiv li qed isir dejjem aktar livell limitu għall-ksib ta' aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u għal kontinwazzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Ir-rata ta’ impjiegi għal persuni li ma laħqux dan il-livell hija ta’ 25 punt perċentwali inqas mir-rata għal dawk li rnexxilhom; l-għadd ta’ impjiegi xierqa għal persuni mingħajr edukazzjoni sekondarja għolja qed jonqos b’rata mgħaġġla; fil-futur anki l-impjiegi klassifikati bħala “b’ħiliet baxxi” se jeħtieġu livell ogħla ta’ ħiliet.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja qed tiġi implimentata mill-Istati Membri permezz ta’ kurrikuli għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-livelli kollha, u tirreferi għall-importanza tal-kompetenzi fil-litteriżmu u fin-numeriżmu u għall-importanza tal-kompetenzi diġitali.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għat-tagħlim tul il-ħajja tistabbilixxi qafas ta’ referenza ta' livelli tal-kwalifiki definit permezz tar-riżultati tat-tagħlim. Tistipula li kull livell jista’ jintlaħaq permezz ta’ diversi perkorsi ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali. Flimkien mal-għodod l-oħra, is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) hija sistema ta’ krediti bbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim li tiffaċilita l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u l-progressjoni modulari lejn il-ksib ta' kwalifika.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 9 (2011) dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel tipprovdi qafas għal strateġiji komprensivi li jinkludu miżuri ta’ prevenzjoni, intervent u kumpens, b’dawn tal-aħħar immirati lejn l-involviment mill-ġdid ta’ persuni li telqu l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħar edukazzjoni sekondarja għolja. Perkorsi ta’ kumpens, pereżempju opportunità oħra ta' edukazzjoni jew tagħlim mhux formali akkumpanjati minn validazzjoni ta’ tagħlim li jkun sar qabel u opportunitajiet biex persuna taqbad it-triq lura lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ jgħinu liż-żgħażagħ ilestu l-edukazzjoni tagħhom. L-Istati Membri kollha implimentaw miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, li qed ikollhom effett pożittiv; fl-2015 ir-rata medja tal-UE għat-tluq bikri mill-iskola (grupp ta' età 18-24 sena) kienet madwar punt perċentwali wieħed bogħod mill-valur referenzjarju ta’ 10 % ta' Ewropa 2020, iżda b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Anki jekk jinkiseb il-valur referenzjarju, l-10 % li jifdal ta' persuni f’dan il-grupp ta' età se jiffaċċjaw problemi serji biex jaċċessaw impjiegi sostenibbli. Barra minn hekk, uħud mis-sottogruppi fil-koorti ta' età akbar jibqgħu affettwati minn rati għolja ta’ tluq bikri mill-iskola, b’mod partikolari fil-każ ta' adulti li daħlu fis-suq tax-xogħol ta' età żgħira, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fl-UE u persuni oħra li huma migranti.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali tistieden lill-Istati Membri biex sal-2018 jistabbilixxu mekkaniżmu nazzjonali għall-validazzjoni (l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni) tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż possibbiltajiet għal persuni qiegħda jew għall-persuni li jinsabu f'riskju tal-qgħad biex jagħmlu "verifika tal-ħiliet" bl-għan li jiġu identifikati l-ħiliet tagħhom. Il-mekkaniżmi li ddaħħlu fis-seħħ għall-validazzjoni u l-valutazzjoni tal-ħiliet se jkollhom rwol ewlieni fit-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet.

B’mod speċifiku fl-impjiegi, il-proposta attwali se tikkomplementa diversi miżuri eżistenti filwaqt li tibni fuqhom.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 10 tistipula li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena – sew jekk irreġistrati mas-servizzi għall-impjiegi jew le – jingħataw offerta konkreta u ta’ kwalità xierqa fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali jew isiru qiegħda. L-offerta għandha tkun għal impjieg, apprendistat, traineeship, jew tkomplija tal-edukazzjoni, u għandha tkun adattata għal kull sitwazzjoni u bżonn individwali. Il-Garanzija tal-Ħiliet se tipprovdi appoġġ lill-adulti kollha, kemm jekk ikunu impjegati kif ukoll jekk le. Madankollu, għal min hu bla xogħol din għandha tikkumplimenta l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li jfisser li mhux se tkopri persuni li huma eliġibbli għal appoġġ bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, peress li dawn diġà jistgħu jirċievu offerta għal edukazzjoni u taħriġ.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol qawwiet l-appoġġ għal aktar minn 11-il miljun persuna li kienu ilhom qiegħda għal aktar minn sena. Din tirrakkomanda li l-persuni qiegħda fit-tul jingħataw valutazzjoni individwali fid-dettall u gwida u ftehim ta' integrazzjoni f'impjieg li jikkonsisti f'offerta individwali u l-identifikazzjoni ta' punt uniku ta' kuntatt mhux aktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda. Ir-rakkomandazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet tista’ tipprovdi gwida dwar kif persuni qiegħda b'livell baxx ta' kwalifiki jistgħu jiġu pprovduti b’opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet bħala parti ta’ ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg.

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Din il-proposta tappoġġa l-prijorità tal-Kummissjoni li tingħata spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir. L-inizjattiva għandha l-għan li tagħti lin-nies ċans reali biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Billi televa aktar nies 'l fuq mil-livell limitu tal-impjegabbiltà, din se tgħin lill-Ewropa tagħmel użu aħjar mill-kapital uman tagħha. It-tisħiħ ta' dan it-tip ta' investiment soċjali jippromwovi l-kompetittività tal-Ewropa, il-konverġenza soċjali vertikali u t-tkabbir ekonomiku.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat abbozz inizjali ta’ dan il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li tħabbar mill-President Juncker f’Settembru 2015 u varat konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tiġbor flimkien fehmiet u reazzjonijiet mingħand dawk kollha kkonċernati. Il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji essenzjali biex jappoġġaw swieq tax-xogħol ġusti u li jaħdmu tajjeb, kif ukoll sistemi soċjali fiż-żona tal-euro. L-ewwel taqsima tal-abbozz tikkonċerna l-bżonn li jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità tul il-ħajja sabiex ikun jista' jikseb livell xieraq ta’ ħiliet bażiċi u kompetenzi ewlenin għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u l-impjiegi. Tinnota b’mod speċifiku li ż-żgħażagħ u l-adulti fl-età tax-xogħol b'livell baxx ta' ħiliet għandhom jitħeġġu biex itejbu l-ħiliet tagħhom.

Għall-finijiet tal-integrazzjoni tal-migranti, il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika ta’ integrazzjoni fl-UE li ġew adottati fl-2004 jiddikjaraw li “l-isforzi fl-edukazzjoni biex l-immigranti, u b'mod partikolari d-dixxendenti tagħhom, jitħejjew biex ikollhom aktar suċċess u biex ikunu parteċipanti aktar attivi fis-soċjetà, huma kritiċi”. L-Istati Membri implimentaw numru ta’ miżuri biex itejbu l-livell tal-edukazzjoni u l-impjegabbiltà ta’ dawk li mhumiex ċittadini tal-UE u ta' persuni oħra li huma migranti, f’xi każi bl-appoġġ tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari mill-FSE. Fl-2014, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini mhux Ewropej li jirrisjedu fl-UE legalment, u li affermaw mill-ġdid il-Prinċipji Bażiċi Komuni. Il-Garanzija tal-Ħiliet tista’ tikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u hija konsistenti mal-inizjattivi tal-UE marbuta mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u tikkontribwixxi wkoll lejn il-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol kompetenti, imħarrġa u adattabbli u ta' livell għoli ta’ impjeg kif meħtieġ mill-Artikoli 145 u 147 tat-TFUE. L-Artikolu 165 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi tal-edukazzjoni. L-Artikolu 166 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta' taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

Din l-inizjattiva tirrakkomanda linji komuni ta’ azzjoni li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri, b’appoġġ Ewropew. Tipproponi azzjonijiet li jeħtieġ li jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Il-livell tal-UE se jipprovdi koordinazzjoni, b’mod partikolari mal-istrumenti Ewropej rilevanti, u jrawwem it-tagħlim bejn il-pari. L-Istati Membri se jibqgħu responsabbli għalkollox mit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tagħhom (il-liġijiet, ir-regolamenti, il-ftehimiet kollettivi) għall-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet fil-livell nazzjonali. L-azzjoni fiż-żewġ livelli hija kumplementari u l-prerogattivi tal-Istati Membri huma mħarsa.

Sussidjarjetà

Raġunijiet għal azzjoni politika fil-livell tal-UE

Il-kwistjonijiet kollha li titratta din l-inizjattiva huma ta’ rilevanza għall-UE; l-iskala tagħhom tfisser li hemm bżonn ta’ azzjoni koerenti u kkoordinata. Hemm bżonn ta' azzjoni mingħand l-Istati Membri kollha biex l-attenzjoni politika u l-investiment jiġu ffukati fuq il-ksib ta’ tnaqqis sinifikanti fil-perċentwal ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet fl-UE. Approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE għandu jiżgura sinerġiji u kooperazzjoni, biex jiġu massimizzati r-riperkussjonijiet pożittivi.

Fil-ħidma tagħha għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u għall-implimentazzjoni ta’ politika ta’ taħriġ vokazzjonali, l-UE għandha r-responsabbiltà li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fejn meħtieġ. Fi ħdan il-qafas strateġiku għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020, l-Istati Membri qablu li l-proporzjon ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet huwa għoli wisq u li din l-isfida għandha tiġi indirizzata fil-livell tal-UE. Filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltà tal-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni tagħti għamla konkreta lil dawn l-ambizzjonijiet billi toffri gwida dwar miżuri għat-titjib tal-ħiliet għal persuni b'livell baxx ta' kwalifiki, u tibni fuq l-aħjar prattiki identifikati permezz ta’ t-tagħlim reċiproku u l-ħidma analitika.

Fl-iżvilupp ta’ strateġija għall-impjieg, l-UE hija responsabbli għall-koordinazzjoni, għat-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni u għall-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri. Filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni tagħti dimensjoni konkreta lil din l-ambizzjoni, b’mod partikolari billi tibni fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki.

Il-prestazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali minħabba perċentwali għolja ta’ adulti b'livell baxx ta' ħiliet u nuqqas ta’ inklużjoni soċjali ta’ nies f’din il-kategorija jista’ jkollhom konsegwenzi ekonomiċi negattivi u jistgħu jdgħajfu l-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE kollha. Hemm bosta sfidi marbuta mal-forniment ta' opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u din l-inizjattiva l-ġdida se tappoġġa l-approċċ lejn effiċjenza akbar u lejn standards ogħla fit-twassil ta’ opportunitajiet bħal dawn. L-inizjattiva tissejjes fuq il-prattiki li rnexxew fil-livell nazzjonali u tibdilhom f’azzjoni konkreta li se tgħin lill-Istati Membri jżidu l-kwalità u l-impatt tal-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, u tal-politiki soċjali tagħhom immirati lejn persuni b’livell baxx ta' ħiliet.

Il-proporzjonalità

Ir-Rakkomandazzjoni tagħti indikazzjoni ta’ liema azzjonijiet iridu jittieħdu fil-livell nazzjonali. Din tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li toffri qafas flessibbli u gwida għall-proċessi ta’ modernizzazzjoni u ta’ riformi fl-Istati Membri. Hija tibni fuq eżempji ta’ prattika tajba mill-UE kollha u tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali differenti jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni. L-Istati Membri se jaħtru l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u jistgħu jagħtu prijorità lil gruppi fil-mira, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli.

Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi qafas għal azzjoni biex l-adulti b'livell baxx ta' ħiliet jingħataw appoġġ u jtejbu l-ħiliet tagħhom, u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-għoti ta' gwida lill-awtoritajiet pubbliċi u lil fornituri oħra dwar il-passi ewlenin fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ Garanzija tal-Ħiliet. Tikkonserva wkoll grad għoli ta’ flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tfassil kif u fis-sustanza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

L-azzjoni proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi. Din taqdi l-bżonn tal-Istati Membri li jkollhom approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti, u l-kundizzjonijiet varjati tas-suq tax-xogħol.

Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha titwassal fuq bażi volontarja, u għandha tkun ibbażata fuq l-impenn u l-interess tal-individwu kkonċernat biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu, filwaqt li tirrispetta l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri.

L-għażla tal-istrument

L-għażla tal-istrument - Rakkomandazzjoni tal-Kunsill - hija proporzjonata; huwa jkompli jibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt Ewropew u huwa konformi mat-tip ta’ strumenti disponibbli għall-azzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjiegi. L-esperjenza mill-passat, b'mod partikolari fir-rigward tal-QEK, uriet li rakkomandazzjoni hija kapaċi tiġġenera riformi strutturali fil-livell tal-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet immirati dwar l-approċċi possibbli biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ livelli baxxi ta’ ħiliet fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol f’diversi kuntesti u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, kif deskritt aktar fid-dettall hawn taħt.

L-imsieħba soċjali indikaw appoġġ wiesa’ għal inizjattiva dwar il-ħiliet u wrew rieda li jaħdmu biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ adulti b'livell baxx ta’ ħiliet. Il-perċezzjoni tat-trejdjunjins rigward il-ħiliet bażiċi hija li huma dritt fundamentali, u dawn issottolinjaw l-importanza ta’ servizzi ta’ gwida xierqa għal kulħadd u li t-tagħlim li l-persuna tkun kisbet qabel għandu jiġi kkunsidrat; huma nnutaw li l-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet ta’ spiss jaqtgħu qalbhom milli jagħmlu t-taħriġ li għandhom bżonn minħabba impenji tal-familja jew ta' xogħol. Huma tal-fehma li l-Istati Membri għandhom ikunu flessibbli fl-implimentazzjoni. L-impjegaturi nnutaw li l-iżgurar tal-kisba ta’ ħiliet bażiċi hija responsabbiltà tal-Istat Membru u enfasizzaw l-importanza tal-impenn personali tal-individwu rigward it-titjib tal-ħiliet. Ir-rilevanza tal-ħiliet għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi għandha tiġi kkunsidrata. L-impjegaturi ssuġġerew li l-opportunitajiet mogħtija għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi ta’ sottogruppi speċifiċi ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet (eż. dawk bla xogħol/impjegati) u nnutaw li jeħtieġ li l-opportunitajiet mogħtija għat-tagħlim ikunu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ grupp adult fil-mira.

Id-Diretturi Ġenerali għall-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) ġew ikkonsultati wkoll rigward il-kwistjoni ta' kif jista’ jiġi indirizzat id-distakk tal-livell baxx ta’ ħiliet li jiffaċċjaw persuni fl-età tax-xogħol. Bosta persuni li wieġbu qablu li hemm bżonn ta' azzjoni mmirata lejn l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet. Il-kwistjonijiet li saret enfasi fuqhom kienu l-bżonn li l-adulti jiġu motivati biex jieħdu sehem fit-tagħlim, li l-opportunitajiet ta' tagħlim jiġu mfassla apposta skont il-ħtiġijiet ta’ min jitgħallem, li jiġu indirizzati sottogruppi speċifiċi ta’ adulti b'livell baxx ta’ ħiliet, l-importanza tal-mekkaniżmi għall-validazzjoni tal-ħiliet miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali u l-importanza ta’ servizzi ta’ gwida b'saħħithom. Ta' spiss ġie enfasizzat li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista’ jkollhom rwol ewlieni.

Saru wkoll konsultazzjonijiet dwar l-Aġenda għall-Ħiliet fil-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar it-Taħriġ Vokazzjonali. B’mod aktar speċifiku b'rabta mal-kwistjoni ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, kien hemm qbil ġenerali li l-ksib ta' ħiliet bażiċi solidi huwa pedament essenzjali għat-tagħlim ulterjuri, għall-aċċess għax-xogħol u biex persuna jkollha rwol sħiħ fis-soċjetà, filwaqt li ġie maqbul ukoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-adulti kollha jilħqu r-rekwiżiti minimi. Flimkien mal-litteriżmu u n-numeriżmu bħala ħiliet bażiċi, issa għandu jiġi inkluż ukoll għarfien minimu fil-ħiliet diġitali. Għandu jkun hemm disponibbli programmi mmirati ta' tagħlim għal adulti li jonqoshom dawn il-ħiliet. Il-programmi għandhom jiġu mfassla skont il-ħtiġijiet tal-ħaddiema adulti, u għandhom jgħinhom jegħlbu kwalunkwe nuqqas ta’ motivazzjoni. Min-naħa tal-impjegaturi ġie enfasizzat li l-provvista tal-ħiliet bażiċi hija r-responsabbiltà tal-Istat, u li l-impjegaturi ma għandhomx iġorru l-piż kollu meta jindirizzaw l-ineffiċjenzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali. It-trejdjunjins issottlinjaw li jistgħu jaqdu rwol ċentrali fis-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-titjib tal-ħiliet u dwar l-opportunitajiet disponibbli, u fil-konklużjoni ta' ftehimiet mal-impjegaturi sabiex persuni impjegati jkollhom aċċess aħjar għal dawn l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet. Saret enfasi fuq għadd ta' eżempji ta’ ftehimiet tal-imsieħba soċjali li kisbu suċċess, bħal pereżempju l-esperjenza reċenti ta' Franza permezz tal-iżvilupp ta’ Ċertifikat Interdixxiplinari ta’ Ħiliet Bażiċi u Kompetenzi Professjonali li ġie miftiehem mill-imsieħba soċjali u li huwa disponibbli għal persuni impjegati b'livell baxx ta’ ħiliet jew għal persuni qiegħda.

B’mod ġenerali, it-tweġibiet enfasizzaw il-ħtieġa għal gwida u servizzi ta’ appoġġ xierqa għall-istudenti adulti, għal flessibbiltà fl-opportunitajiet mogħtija b'mod li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi differenti ta’ gruppi differenti ta’ studenti adulti, u l-ħtieġa li l-progress li jsir ikompli jinbena fuq il-ħiliet li diġà jkollu kull individwu.

Waqt laqgħat tal-kumitati rilevanti, tal-gruppi konsultattivi u tal-gruppi ta’ ħidma li saru f'diversi kuntesti, seħħew diskussjonijiet ma’ awtoritajiet nazzjonali, imsieħba soċjali, rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali u ma' partijiet ikkonċernati oħra.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

L-istħarriġ PIAAC jipprovdi ammont kbir ta' dejta dwar il-livelli tal-ħiliet tal-adulti fi 17-il Stat Membru u dwar l-impatt tal-ħiliet fuq l-opportunitajiet tal-ħajja tal-individwu u fuq il-kompetittività u t-tkabbir tal-pajjiżi. Jenfasizza wkoll li proporzjon sinifikanti ta’ adulti fl-UE li għandhom problemi relatati mal-qari, il-kitba, l-aritmetika u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Il-PIAAC, il-PISA u l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol jipprovdu evidenza dwar ir-relazzjoni bejn il-livelli tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-impjegabbiltà.

Studju li sar mill-Osservatorju Ewropew dwar il-Politika tal-Impjiegi fl-2015 wettaq analiżi fil-fond dwar il-forniment ta' opportunitajiet ta' taħriġ iffinanzjati fl-Istati Membri kollha immirati lejn it-titjib tal-ħiliet ta’ persuni adulti qiegħda (ta' età ta' 25-64 sena) b’livelli baxxi ta’ kwalifiki jew b'ħiliet bażiċi mhux xierqa. L-istudju sab li l-miżuri ta’ taħriġ bl-aktar riżultati ta’ valutazzjoni pożittivi huma ġeneralment imfassla tajjeb skont il-potenzjal tal-persuna li tkun qed tfittex impjieg; jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegaturi (lokali) rigward il-ħiliet; iwasslu għal kwalifiki professjonali formali; huma fuq skala iżgħar; u huma mmirati lejn gruppi żvantaġġati speċifiċi u lejn impjiegi partikolari. L-istudju identifika wkoll li approċċi individwalizzati huma ta' importanza ewlenija għal taħriġ effettiv, u li għandu jkun hemm gwida u segwitu għal dawk li jitilqu t-taħriġ, speċjalment għal min huwa kkunsidrat bħala mbiegħed mis-suq tax-xogħol u li qed iħabbat wiċċu ma’ bosta ostakoli għall-impjieg, bil-ħsieb li dawn jinżammu fuq perkors ta’ tagħlim tul il-ħajja.

L-inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni li jsir mis-Cedefop kull sentejn u l-monitoraġġ tal-QEK tas-Cedefop jiddeskrivu b'mod ġenerali l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

L-istudju Eurydice tal-2015 “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Adulti fl-Ewropa: Inwessgħu l-Aċċess għall-Opportunitajiet ta’ Tagħlim” janalizza d-disponibbiltà tal-forniment ta’ ħiliet bażiċi u ta' programmi mfasslin apposta għal kwalifiki sekondarji tal-ewwel livell u sekondarji għolja għall-adulti fl-Istati Membri. Studji oħra dwar it-tagħlim għall-adulti iffokati fuq il-kwalità u l-finanzjament u fuq l-effiċjenza tal-interventi ta’ politika, flimkien mar-riżultati tal-gruppi ta’ ħidma f’dan il-qasam ta’ politika jipprovdu ammont kbir ta’ informazzjoni mill-Istati Membri u jenfasizzaw il-prattiki tajbin.

Studju tas-Cedefop 11 li għadu ma ġiex ippubblikat se jipprovdi analiżi tal-ispejjeż soċjali u tal-ispejjeż u l-konsegwenzi l-oħra ta' livelli baxxi ta’ ħiliet.

Valutazzjoni tal-impatt

L-istrument propost – Rakkomandazzjoni tal-Kunsill – għandu l-effett li joffri gwida dwar it-triq 'il quddiem fl-organizzazzjoni tal-għoti ta’ opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet lill-adulti, iżda jippermetti marġni kbir ta' flessibbiltà lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri. Dan jillimita l-punt sa fejn l-impatti jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar ex ante. B'hekk ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, tħejja rapport analitiku li jinkludi taqsima li tagħti ħarsa lejn l-impatti possibbli u l-ispejjeż relatati; dan huwa anness mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet.

Il-proposti deskritti fir-Rakkomandazzjoni huma bbażati fuq analiżi estensiva tad-dejta statistika u fuq l-evidenza disponibbli miksuba mill-politiki u mill-opportunitajiet eżistenti fl-Istati Membri. Minflok valutazzjoni tal-impatt kompluta ġie adottat approċċ iktar proporzjonat, li warajh tħejja rapport analitiku; dan huwa anness mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet.

Din l-analiżi wriet li jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni l-opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b'livell baxx ta’ ħiliet tista’ tkun mistennija li tmur għall-agħar; wieġed jista' jistenna wkoll li t-tendenza li ilha evidenti għal żmien twil lejn aspettattivi ta’ ħiliet ta' livell dejjem ogħla se tkompli tippersisti, u se żżid ir-riskju li persuni b'livell baxx ta’ ħiliet isiru qiegħda. Investiment kontinwu fil-programmi attwali għat-titjib tal-ħiliet, li mhumiex neċessarjament iwasslu l-kwalità u l-impatt meħtieġ u mhumiex neċessarjament adattati tajjeb għall-ħtiġijiet tal-grupp varjat fil-mira, x'aktarx li mhux se jbiddel is-sitwazzjoni. Għalhekk il-ħtieġa għal azzjoni hija evidenti. Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni, l-analiżi identifikat l-għażla ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija tal-Ħiliet għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet bħala l-aktar waħda konsistenti mal-għanijiet ta' politika tal-UE. Għandha l-vantaġġ li tħallat flimkien impenn Ewropew ma’ azzjoni fil-livell nazzjonali ibbażata fuq impenn politiku qawwi sabiex tiġi indirizzata l-isfida ta' livelli baxxi ta’ ħiliet tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, li tfassal qafas komprensiv u sistematiku għal perkorsi għat-titjib tal-ħiliet, filwaqt li fl-istess ħin tagħti flessibilità lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni.

Abbażi ta’ mudelli ta’ tkabbir makroekonomiku, is-Cedefop ikkalkulat l-impatt potenzjali ta’ livell ogħla ta’ ħiliet fuq it-tkabbir tal-PDG per capita, permezz ta’ dejta tas-suq osservata (PDG/PDG per capita) u varjabbli makroekonomiċi oħra rilevanti mill-bażi ta' dejta AMECO tal-Kummissjoni Ewropea u mill-bażi ta' dejta Total Economy tal-Conference Board. L-istima turi li żieda ta’ punt perċentwali wieħed fil-ħiliet intermedji tal-popolazzjoni adulta (livelli ISCED 3-4) tista’ żżid ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG per capita b’0.99 punti perċentwali. Bl-użu ta’ din l-evidenza empirika, is-Cedefop simulat it-tkabbir fil-prodott fuq terminu twil abbażi ta’ ħiliet ta’ livell ogħla. Din is-simulazzjoni turi li, meta mqabbel max-xenarju bażi tas-Cedefop ta’ tnaqqis fil-proporzjon ta’ adulti b'livell baxx ta’ ħiliet, tnaqqis ulterjuri (ta’ 4 punti perċentwali) fil-proporzjon ta’ nies b'livell baxx ta’ kwalifiki fil-popolazzjoni adulta kieku jirriżulta f’żieda ta’ madwar EUR 350 biljun fil-PDG annwali tal-UE.

Drittijiet fundamentali

Wieħed mill-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 hu li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha u proporzjon sostanzjali ta’ adulti, kemm irġiel kif ukoll nisa, jiksbu livell ta' litteriżmu u numeriżmu sal-2030.

L-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipula li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt li jkollha aċċess għal taħriġ vokazzjonali u kontinwu. Minkejja dan id-dritt universali, proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tal-UE ma tibqax fis-sistema formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal żmien bizzejjed biex tikseb livell minimu ta’ ħiliet, filwaqt li l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim wara l-iskola mhuwiex imqassam b’mod ġust fost iċ-ċittadini tal-UE. Din il-proposta għandha l-għan li tippromwovi ekwità aħjar billi toffri lill-adulti b'livell baxx ta' ħiliet l-opportunità li jiksbu livell minimu ta’ ħiliet bażiċi u javvanzaw lejn kwalifika formali.

Fl-Unjoni Ewropea, id-dritt għall-protezzjoni ta' data personali huwa ggarantit skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kull meta l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali, dawn għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ data personali, u b’mod partikolari skont id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data 12 u l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni relatati magħha, u skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data 13 .

Ir-Regolament 95/46/KE se jiġi sostitwit bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 14 , li huwa applikabbli mill-25 ta' Mejju 2018.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implimentazzjoni b’suċċess tar-rakkomandazzjoni proposta se teħtieġ finanzjament xieraq u adegwat. Filwaqt li se tibqa' konsistenti mal-impenji tal-Istati Membri skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, din se jkollha implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi fil-livell nazzjonali. Qed jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE, inkluż permezz tal-possibbiltà ta' allokazzjoni mill-ġdid tal-programmi tal-FSE.

Ir-Rakkomandazzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni kbir ta' flessibbiltà fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u l-gruppi prijoritarji fil-mira, u dan ifisser li ma tistax issir stima tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ din il-Garanzija għall-UE kollha. Madankollu, ġew żviluppati għadd ta' xenarji bl-użu ta’ fatturi varjabbli ewlenin (l-għadd ta’ persuni li jinvolvu ruħhom fil-Garanzija tal-Ħiliet u l-ispiża tal-intervent għal kull individwu). Dawn jagħtu indikazzjoni tal-firxa wiesgħa ta’ spejjeż mistennija. It-taqsima 3.4 tal-Anness Tekniku 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tinkludi aktar tagħrif.

L-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huwa wieħed mill-11-il għan tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni u r-regolamenti attwali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jirreferu b'mod speċifiku għat-titjib tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol. Riżorsi eżistenti ta’ fondi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali (eż. FSE, EaSi, FEAD, EGF) jew l-iżvilupp tal-ħiliet settorjali (eż. il-FAEŻR) jistgħu jintużaw ukoll, speċjalment biex jappoġġaw gruppi żvantaġġjati bħal adulti qiegħda b'livell baxx ta’ ħiliet, persuni ekonomikament inattivi u migranti. Huwa stmat li matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2014-2020) l-programmi tal-FSE se jippermettu lil aktar minn 3 miljun ruħ jiksbu kwalifika. Permezz tal-FSE se jiġu investiti aktar minn EUR 27 biljun fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jipprovdi EUR 6 biljun.

Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi qafas flessibbli ta’ intervent, li fi ħdan tiegħu l-Istati Membri jistgħu jadattaw l-allokazzjonijiet eżistenti tar-riżorsi biex persuni b’livell baxx ta’ ħiliet jiġu appoġġati skont il-qagħda baġitarja tagħhom. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni essenzjalment se tibni fuq politika u provvista diġà eżistenti, billi l-Istati Membri diġà għandhom fis-seħħ sistemi jew partijiet ta’ sistemi maħsuba biex jilħqu persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u jgħinuhom itejbu l-ħiliet tagħhom. Uħud mill-Istati Membri diġà ħadu l-impenn li jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ validazzjoni tal-ħiliet, inkluż verifiki tal-ħiliet għal gruppi vulnerabbli, skont ir-Rakkomandazzjoni dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. L-Istati Membri kkonfermaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-għadd ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u b’livell baxx ta’ kwalifiki, l-aktar reċentement fir-Rapport Konġunt ET 2020. Fl-UE kollha hemm fis-seħħ programmi ta’ taħriġ għall-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll opportunitajiet għall-ksib ta' kwalifiki sekondarji għolja iktar tard fil-ħajja.

L-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali se tinvolvi spiża amministrattiva biex jitwaqqfu perkorsi koerenti għat-titjib tal-ħiliet, għall-adattament tal-kapaċitajiet amministrattivi u t-taħriġ tal-persunal, għal twassil ikkoordinat, għal verifiki tal-kompetenzi u għall-għoti ta’ edukazzjoni mfassla apposta jew ta' offerti ta’ taħriġ. Madankollu, l-impatt baġitarju globali jista’ jkun limitat tul il-perjodu medju meta dan l-investiment jissarraf f’aktar tranżizzjonijiet lejn l-impjieg, pagi ogħla, forza tax-xogħol aktar produttiva u tbassir aħjar tal-ħiliet għall-ġenerazzjonijiet futuri (speċjalment jekk dawn ikunu akkumpanjati minn riformi rilevanti oħra fil-ħiliet), kif ukoll lejn soċjetà aktar ekwa u integrata.

Studju tas-CEDEFOP li għad irid jiġi ppubblikat jelenka l-benefiċċji ta’ livelli ogħla ta’ ħiliet:

(a)żieda fit-taxxi tax-xogħol;

(b)taxxi indiretti ogħla mill-introjtu disponibbli ogħla ta’ nies b’ħiliet aħjar;

(c)inqas benefiċċji tal-qgħad (minħabba t-titjib fl-impjiegi li jirriżulta minn livelli ogħla ta’ ħiliet), li jwassal għal effetti pożittivi fuq il-baġits pubbliċi fuq perjodu twil;

(d)inqas spejjeż relatati mal-kura tas-saħħa;

(e)tnaqqis fl-infiq minħabba tnaqqis fl-attività kriminali.

Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma teħtieġ l-ebda baġit addizzjonali tal-UE u l-ebda riżorsi addizzjonali ta’ persunal għall-Kummissjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jfasslu pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni fi żmien sena mill-adozzjoni tagħha. Dan għandu jinkludi mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, gruppi fil-mira ta’ prijorità identifikati fil-livell nazzjonali u r-riżorsi finanzjarji disponibbli.

Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza, ir-Rakkomandazzjoni tipproponi wkoll li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri xierqa fil-livell nazzjonali sabiex il-miżuri meħuda u l-impatti tagħhom fuq il-progress fit-titjib tal-livelli ta’ ħiliet diġitali u bażiċi u fuq it-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet jiġu mmonitorjati u evalwati. Dawn ir-riżultati għandhom jiġu analizzati u għandhom jiffurmaw il-bażi biex il-miżuri għall-implimentazzjoni jiġu adattati kif xieraq.

Il-progress fl-ilħiq tal-għanijiet tal-inizjattiva għandu jitkejjel fil-livell tal-UE permezz tal-mekkaniżmi ta’ rappurtar eżistenti, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tal-proċess ET 2020, irrispettivament mill-mekkaniżmi li se jkunu fis-seħħ wara l-2020.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi

Il-paragrafi 1 u 2

Din il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu Garanzija tal-Ħiliet li tippermetti lil dawk li jkunu telqu l-edukazzjoni jew it-taħriġ formali mingħajr ma jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja jew ekwivalenti (il-livell 4 tal-QEK), u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jaċċessaw perkorsi għat-titjib tal-ħiliet li jippermettulhom:

jiksbu livell minimu ta’ litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali, u/jew

jimxu 'l quddiem biex jiksbu kwalifika tal-livell 4 tal-QEK jew ekwivalenti filwaqt li jiksbu sett usa’ ta’ ħiliet billi jibnu fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

Il-livell 4 tal-QEK huwa l-livell li fih il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jqiegħdu l-kwalifiki tagħhom ta’ livell sekondarju għoli tal-iskola u l-kwalifiki ta' livell ekwivalenti. Dan qed isir dejjem aktar il-livell edukattiv minimu għall-aċċess għal xogħol ta’ sengħa fis-suq tax-xogħol u għal progress lejn edukazzjoni u taħriġ ulterjuri (ara t-taqsima dwar “sfidi ġodda”).

Il-livell 4 tal-QEK huwa l-livell ta’ edukazzjoni li jinkiseb fl-aħħar tal-edukazzjoni sekondarja għolja f’ħafna mill-Istati Membri li għaqqdu l-kwalifiki ta' edukazzjoni mal-QEK, u jagħti aċċess lill-istudenti għal edukazzjoni ulterjuri fil-livell terzjarju. Il-QEK jippermetti li ssir korrelazzjoni tal-kwalifiki miksuba kemm permezz tat-tagħlim formali u mhux formali kif ukoll permezz tat-tagħlim informali, u peress li huwa iktar probabbli li l-adulti jipparteċipaw f’tagħlim mhux formali milli f'dak formali, ġie propost li fit-test tar-Rakkomandazzjoni jintużaw il-livelli ta’ referenza tal-QEK.

Fil-premessi t-terminu adult b'livell baxx ta' ħiliet huwa definit bħala individwu li jkun ħareġ mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali mingħajr ma jkun lesta l-edukazzjoni sekondarja għolja u li mhuwiex eliġibbli għal appoġġ bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Il-Garanzija tal-Ħiliet proposta tinkludi tliet stadji, u t-twettiq tagħha għandu jkun appoġġat minn sett ta’ prinċipji ewlenin ibbażati fuq l-aħjar prattika. It-tliet stadji huma:

valutazzjoni tal-ħiliet biex jiġu identifikati l-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet ta' titjib tal-ħiliet;

offerta ta' edukazzjoni u taħriġ imfassla apposta; u

il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' ħiliet miksuba permezz tal-Garanzija tal-Ħiliet skont il-qafas u s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki.

Il-paragrafi 3-4 - Valutazzjoni tal-ħiliet

Persuni b’livell baxx ta’ litteriżmu, numeriżmu jew b'livell baxx ta' ħiliet diġitali spiss diġà jkollhom ħiliet, inklużi ħiliet professjonali, iżda jista’ jkollhom nuqqasijiet speċifiċi b'rabta ma' ħiliet bażiċi jew sett usa’ ta’ ħiliet; l-għoti lil kulħadd ta' kors ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ standard li ma jqisx il-ħiliet eżistenti tal-persuni tkun azzjoni ineffiċjenti u kontroproduttiva. B'hekk, l-adattament tat-taħriġ għall-bżonnijiet individwali għandu jkun karatteristika ewlenija ta’ għoti effettiv tat-taħriġ. L-għan ta’ valutazzjoni tal-ħiliet huwa li jiġu identifikati l-ħiliet li persuna tkun diġà kisbet, u kwalunkwe lakuni li jridu jiġu indirizzati sabiex jinġiebu sal-livell meħtieġ.

Din tista’ tieħu l-forma ta’ "verifika tal-ħiliet", kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali; dan ġeneralment jirriżulta f’dikjarazzjoni tal-ħiliet tal-individwu, li tista’ tkun il-bażi għal pjan għall-passi li jkun imiss fit-taħriġ u l-appoġġ offrut. Verifiki tal-ħiliet ta' dan it-tip diġà huma disponibbli f’diversi pajjiżi Ewropej u jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi li jixtiequ jiżviluppawhom. Għodda ta’ valutazzjoni "Edukazzjoni u Ħiliet Online", li ġiet żviluppata mill-OECD bl-appoġġ tal-Kummissjoni, tipprovdi riżultati fuq livell individwali relatati mas-sistema ta' kejl tal-PIAAC tal-litteriżmu, in-numeriżmu u s-soluzzjoni tal-problemi f’ambjenti teknoloġikament avvanzati, u għadd żgħir ta' pajjiżi Ewropej diġà żviluppaw verżjonijiet bil-lingwi nazzjonali tagħhom.

Il-proposta hija li l-Istati Membri jagħtu lill-adulti b'livell baxx ta' kwalifiki l-opportunità li ssirilhom valutazzjoni, pereżempju verifika tal-ħiliet, bl-għan li jiġu identifikati l-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet tat-titjib tal-ħiliet.

Il-paragrafi 5-8 - Offerta ta' tagħlim imfassla apposta u flessibbli

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-ħiliet jiffurmaw il-bażi biex issir offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ imfassla apposta għall-individwu kkonċernat. Il-karatteristika ewlenija tal-offerta ta’ tagħlim li ssir lil kull benefiċjarju hija li din tkun imfassla b'mod li timla l-lakuni speċifiċi fil-ħiliet identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-ħiliet. Għalhekk l-offerta tista’ tkun ta' taħriġ fil-litteriżmu, in-numeriżmu, il-ħiliet diġitali jew taħlita ta’ dawn, jew ta' taħriġ li jwassal għal kwalifika.

L-offerta tista’ tkun f’żewġ stadji iżda għandha tkun miftuħa għall-progressjoni lejn kwalifika tal-livell 4 tal-QEK sa mill-bidu nett. Filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġijiet identifikati tat-titjib tal-ħiliet, il-programmi għandhom l-ewwel jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-ħiliet ta’ litteriżmu, numeriżmu u tal-ħiliet diġitali tal-persuni li jkunu qed jitgħallmu, u għandhom jipprovduhom b’pedament sod għal progressjoni lejn tagħlim ulterjuri u, fl-aħħar mill-aħħar, lejn kwalifika. Il-programmi jistgħu jiffokaw ukoll minnufih fuq il-progressjoni lejn kwalifika tal-livell 4 tal-QEK jew ekwivalenti, jekk ir-riżultati tal-valutazzjoni juru li r-riżultati juru li dan huwa possibbli għall-individwu kkonċernat.

Biex jiġu megħluba l-ostakoli għall-parteċipazzjoni fit-titjib tal-ħiliet, l-offerta ta' edukazzjoni u taħriġ għandha tkun flessibbli u adattata għax-xejriet ta' tagħlim tal-adulti. Għaldaqstant ir-rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ ambjenti ta’ tagħlim xierqa, ta' għalliema u ħarrieġa kwalifikati, ta' metodi ta’ tagħlim adattati skont l-età u tal-użu tat-tagħlim diġitali. L-adulti li l-esperjenza tagħhom fil-passat kienet fqira jiġu mmotivati billi jaraw li qegħdin jagħmlu progress; dan jista’ jinkiseb billi l-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiġi strutturat f’unitajiet maniġġabbli ta’ riżultati ta’ tagħlim li jistgħu jiġu dokumentati, ivvalutati u vvalidati individwalment.

Jekk jiġi offrut taħriġ għal kwalifika, huwa importanti li dan ikun rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali sabiex l-offerta ta' titjib tal-ħiliet taqbel mal-lakuni fil-ħiliet fil-livell lokali u reġjonali.

Il-paragrafu 9 - Validazzjoni u rikonoxximent

Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li l-Istati Membri jibnu fuq il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni eżistenti biex jivvalutaw u jiċċertifikaw il-ħiliet miksuba permezz tal-Garanzija tal-Ħiliet, u li dawn jiggarantixxu u jiżguraw ir-rikonoxximent tagħhom bil-ħsieb li tinkiseb kwalifika, skont il-qafas u s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki.

Il-validazzjoni se tippermetti li l-progress tal-istudenti jiġi rreġistrat fi stadji differenti tul il-perkors, sabiex ikunu jistgħu jiksbu krediti għall-ksib ta' kwalifika jew ta' kwalifika parzjali fil-qafas nazzjonali tal-kwalifiki, f'livell ekwivalenti għal-livell 4 tal-QEK. Dan ikun iżjed faċli jekk l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki jakkomodaw stadji żgħar u trasparenti li jwasslu għal għotjiet sħaħ għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet u jippermettu li r-riżultati tat-tagħlim jinkisbu permezz ta' modi differenti.

It-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet għandu jkun sostnut minn sett ta’ prinċipji ewlenin, kif spjegat hawn taħt.

Il-paragrafu 11 - Koordinazzjoni u sħubija

Spiss, l-offerti ta' tagħlim għall-adulti huma frammentati; jista' jagħti l-każ li l-politika ssir minn diversi korpi governattivi responsabbli għal sottogruppi differenti; l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti jitwasslu minn għadd kbir ta’ fornituri; il-firxa tal-offerti tista' tvarja minn post għal ieħor. L-appoġġ disponibbli permezz ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol għal adulti bi kwalifiki baxxi mhux dejjem jiffoka fuq il-ħtiġijiet tat-titjib tal-ħiliet, u f’ħafna każijiet dan ikun immirat biss lejn persuni qiegħda.

Koordinazzjoni effettiva ta’ politika u ta’ għoti hija wieħed mill-fatturi ewlenin li wrew li jgħinu jiżguraw li interventi ta’ politika pubblika dwar it-tagħlim għall-adulti jilħqu l-għanijiet tagħhom 15 . Filwaqt li l-koordinazzjoni tal-politika hija essenzjali, l-implimentazzjoni tista’ tkun ta’ suċċess biss permezz tal-involviment attiv ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u sħubiji, li huma essenzjali biex din tirnexxi.

Għalhekk, din il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed, jew għadd żgħir ta’ korpi, biex ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet, billi jikkoordinaw ix-xogħol ta’ korpi pubbliċi rilevanti u jappoġġaw is-sħubijiet ma’ varjetà wiesgħa ta’ atturi. Dan jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-koordinazzjoni effettiva tad-diversi awtoritajiet pubbliċi, inklużi s-servizz pubbliku tal-impjiegi, il-fornituri, il-korpi ta’ gwida għall-karriera u l-korpi ta' validazzjoni.

Is-sħubijiet għandhom jiġu mħeġġa jinvolvu firxa wiesgħa ta’ atturi, imsieħba soċjali, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, impjegaturi, organizzazzjonijiet intermedjarji u settorjali, atturi ekonomiċi lokali u reġjonali, servizzi tal-impjiegi, servizzi soċjali u komunitarji, libreriji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ. Anki l-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet fil-livell lokali u fl-iffaċilitar tas-sensibilizzazzjoni tal-grupp fil-mira. Dawn kollha jistgħu jaqdu rwol ċentrali fit-twassil tal-istadji differenti tal-Garanzija, u fl-iżgurar ta’ sensibilizzazzjoni u gwida tul il-proċess kollu.

Il-paragrafi 12-16 Miżuri ta' sensibilizzazzjoni, gwida u appoġġ

Ir-riċerka turi li ħafna adulti mhumiex konxji mill-benefiċċji li jġib miegħu titjib fil-livell tal-ħiliet tagħhom jew mill-vantaġġi li jġibu magħhom opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet li ma jeħtiġux li dak li jkun imur lura lejn ambjent formali tal-iskola. Hemm bżonn ta’ strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati bir-reqqa biex in-nies jiġu mħeġġa jagħmlu kuntatt mas-servizzi rilevanti. It-tfassil ta’ miżuri ta' sensibilizzazzjoni ta' dan it-tip għandu jkun ibbażat fuq deskrizzjoni ġenerali xierqa tad-diversi sottogruppi li huma inklużi fil-popolazzjoni b’livell baxx ta' ħiliet, li kull wieħed minnhom jista' jeħtieġ approċċ xi ftit differenti. Persuni qiegħda rreġistrati, pereżempju, jistgħu jintlaħqu aktar faċilment permezz ta’ korpi li jgħinuhom jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, persuni f’impjieg jistgħu jintlaħqu bl-involviment attiv ta-impjegatur jew tat-trejdjunjins. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi biex jintlaħqu l-migranti jekk dawn ma jkunux familjari mal-lingwa tal-pajjiż ospitanti eċċ. Is-sensibilizzazzjoni għandha tqajjem il-kuxjenza tal-adulti rigward il-benefiċċji tat-titjib tal-ħiliet, u għandha wkoll tinfurmahom dwar il-gwida u l-miżuri ta’ appoġġ disponibbli u dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim disponibbli, filwaqt li tipprovdihom b'inċentivi biex jiġu motivati jieħdu vantaġġ minnhom.

Is-sensibilizzazzjoni hija biss stadju wieħed fit-twassil ta' persuni b'livell baxx ta' ħiliet aktar viċin ta' opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet. Il-gwida hija prerekwiżit ieħor fl-għoti ta’ pariri u informazzjoni dwar x'tinvolvi Garanzija tal-Ħiliet, dwar min għandu jiġi kkonsultat jekk dak li jkun ikun jixtieq jibda u dwar kif wieħed għandu jagħmel biex jibqa' fit-triq it-tajba matul il-proċess kollu. Gwida u appoġġ ta' dan it-tip għandhom ikunu disponibbli għall-istudenti tul l-istadji kollha tal-perkors tat-titjib tal-ħiliet.

Ir-Rakkomandazzjoni titlob li l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-persunal fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti jiġi appoġġat, filwaqt li għandu jiġi rikonoxxut ir-rwol ewlieni tagħhom fl-għoti ta’ edukazzjoni u taħriġ lil adulti b’livell baxx ta' ħiliet, u fl-għoti ta' gwida u l-appoġġ.

Flimkien mas-sensibilizzazzjoni u l-gwida, l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-parteċipazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tagħti eżempji ta’ miżuri ta’ appoġġ dirett jew indirett ta' dan it-tip, li jinkludu drittijiet għall-liv għat-taħriġ jew inċentivi finanzjarji għal min jitgħallem jew appoġġ għall-impjegaturi biex dawn jiġu mħeġġa jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet tal-impjegati tagħhom. Inċentivi u diżinċentivi finanzjarji wkoll għandhom rwol fid-deċiżjoni li jsir investiment fil-ħiliet, kemm għal min ikun qed jitgħallem kif ukoll għall-impjegaturi, u jista’ jkun hemm bżonn li dawn jiġu eżaminati mill-ġdid.

Il-paragrafi 17-26

Is-suċċess tar-Rakkomandazzjoni se jiddependi wkoll fuq ir-rigorożità li biha l-passi meħuda fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħha huma mmonitorjati u evalwati b'mod regolari sabiex jinħoloq ċirku virtuż ta’ verifiki u titjib tal-politika li jiġu riflessi b'mod awtomatiku fit-twassil. Bażi ta’ evidenza dwar liema miżuri jaħdmu, li tista' tiġi kondiviża mill-Istati Membri kollha u mill-Kummissjoni biex jinfurmaw b'mod kostanti u jtejbu l-prattika, se tkun riżultat dejjiemi ta’ din l-inizjattiva. Il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE) hija disponibbli biex l-informazzjoni miġbura tiġi magħmula disponibbli fil-pront għal dawk kollha involuti fit-titjib tal-ħiliet ta' persuni b'livell baxx ta' ħiliet f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Din inħolqot biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kollaborazzjoni fost il-professjonisti responsabbli għat-tagħlim tal-adulti, u se sservi bħala arkivju għal materjal ta’ tagħlim, għodod ta’ valutazzjoni u materjali oħrajn għal min jimplimenta din ir-Rakkomandazzjoni.

Il-pajjiżi huma mistiedna jfasslu pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fi żmien sena mill-adozzjoni tagħha. Il-pjan għandu jidentifika gruppi ta’ prijorità fil-mira definiti fil-livell nazzjonali fuq il-bażi tar-riżultati tal-identifikazzjoni ta’ adulti b'livell baxx ta' ħiliet u skont iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi nazzjonali disponibbli, filwaqt li r-riżultati tal-ewwel stħarriġ tal-PIAAC jittieħdu bħala punt ta’ tluq fejn xieraq.

Billi tibni fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni fil-livell nazzjonali (li għandhom jiġu kondiviżi fil-kuntest tal-proċessi tas-Semestru Ewropew u ET 2020) u fuq il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni se tieħu kont tal-miżuri ta' implimentazzjoni implimentati sa tmiem l-2018. Il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Kunsill rapport komprensiv li jevalwa l-impatt u r-riżultati tal-Garanzija tal-Ħiliet fl-UE kollha lill-Kunsill fi żmien ħames snin mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Id-dejta miġbura mill-Eurostat permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti u l-istħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu se tappoġġa dan il-proċess, kif se tagħmel ukoll il-ħidma kontinwa tal-OECD fuq l-istħarriġ tal-PIAAC. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tappoġġa l-immirar tar-riżorsi finanzjarji tal-UE għall-parteċipazzjoni fil-PIAAC u għall-analiżi sussidjarja tad-dejta tal-PIAAC.

2016/0179 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-soċjetà tal-lum kulħadd għandu bżonn ikollu livell suffiċjenti ta’ litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali biex jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, biex jieħu sehem attiv fis-soċjetà u biex iwettaq ir-responsabbiltajiet soċjali u ċiviċi tiegħu. Dawn il-ħiliet huma wkoll kruċjali biex ikun hemm aċċess għas-suq tax-xogћol u progress fis-suq tax-xogћol, u involviment f’edukazzjoni u taħriġ ulterjuri. Il-kwalifiki sekondarji għolja ġenerali jew vokazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ tal-livell 4 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK 4) qed jiġu perċepiti dejjem aktar bħala l-livell ta' kwalifika li tagħti aċċess għas-suq tax-xogħol u għal opportunitajiet ulterjuri ta' edukazzjoni u taħriġ.

(2)Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-opportunitajiet ta' xogħol (inkluż kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi ta' sostituzzjoni) jeħtieġu livelli ogħla u firxa usa’ ta’ ħiliet. Fil-futur se jkun hemm inqas impjiegi ta’ natura elementari. Anki l-impjiegi "elementari" li tradizzjonalment ma jeħtieġu l-ebda kwalifiki jew kwalifiki ta’ livell baxx qed isiru aktar eżiġenti. B’mod partikolari, il-biċċa l-kbira mill-impjiegi se jeħtieġu ċertu livell ta’ ħiliet diġitali, u għadd dejjem akbar ta’ impjiegi elementari jeħtieġu xi ħiliet bażiċi jew ġeneriċi (komunikazzjoni, soluzzjoni ta’ problemi, xogħol f’tim, ħiliet emozzjonali).

(3)Fl-2015, 64 miljun ruħ, jew aktar minn kwart tal-Unjoni Ewropea ta' età bejn 25 u 64 sena, telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali bi kwalifika massima ta' edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell 16 . Filwaqt li ma jeżisti l-ebda kejl tal-livelli tal-ħiliet bażiċi ta' dawn in-nies, l-istħarriġ tal-OECD dwar il-Ħiliet tal-Adulti, li ttestja l-livelli ta’ litteriżmu u numeriżmu u l-użu tal-ICT f’ambjenti teknoloġikament avvanzati, juri li proporzjonijiet simili ta' adulti ta' età bejn 16 u 65 sena kellhom l-aktar livell baxx ta' profiċjenza fi 17-il Stat Membru.

(4)Barra minn hekk, id-dejta tal-PISA tenfasizza l-proporzjon sinifikanti ta’ persuni ta' 15-il sena li ma jiksbux riżultati aċċettabbli fil-qari (17.8 %), fil-matematika (22.1%) u fix-xjenza (16.6 %), u dawn ir-riżultati huma ogħla mill-valur referenzjarju ta’15 % ta' ET 2020.

(5)Din l-evidenza empirika wiesgħa tindika li bejn 20 % u 25 % tal-adulti Ewropej ma għandhomx il-ħiliet meħtieġa għat-tagħlim ulterjuri, u li huwa inqas probabbli li dawn jieħdu sehem fit-tagħlim jew li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija mmexxija mit-teknoloġija diġitali. Dawn il-persuni jiffaċċjaw riskju ogħla ta’ qgħad, inċidenza ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, aktar riskji ta’ saħħa u stennija tal-ħajja aktar baxxa, kif ukoll riskju ogħla li uliedhom ma jilħqux livelli aċċettabbli ta' edukazzjoni.

(6)Persuni b'livel baxx ta' ħiliet b’nuqqasijiet fundamentali fil-ħiliet bażiċi jammontaw għal proporzjon kbir ħafna ta’ persuni qiegħda, b'mod partikolari persuni qiegħda fit-tul. Dawn in-nuqqasijiet jagħmluha aktar diffiċli għalihom biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-istess jgħodd għal gruppi oħra vulnerabbli, bħal pereżempju l-ħaddiema anzjani, persuni ekonomikament inattivi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(7)Il-politiki tal-Istati Membri għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, li huma bbażati fuq miżuri ta’ prevenzjoni, intervent u kumpens, qed ikollhom effett pożittiv; fl-2015 ir-rata medja tal-UE għat-tluq bikri mill-iskola (fost il-grupp ta' età ta' 18-24 sena) kienet madwar punt perċentwali wieħed bogħod mill-mira ewlenija ta’ 10 % ta' Ewropa 2020, iżda b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. Anki jekk tinkiseb il-mira ewlenija, l-10 % li jifdal ta' persuni se jiffaċċjaw problemi serji biex jaċċessaw impjiegi sostenibbli fil-ħajja adulta tagħhom. Barra minn hekk, koorti ta' età akbar (25+) jibqgħu milquta minn għadd kbir ta’ persuni li telqu mill-iskola qabel il-waqt, b’mod partikolari ċittadini minn pajjiżi terzi u persuni oħra migranti.

(8)Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja minn adulti b'livell baxx ta' kwalifiki hija erba’ darbiet inqas minn dik ta’ persuni bi kwalifiki terzjarji. L-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għadu mhux uniformi fost il-gruppi soċjoekonomiċi u xi gruppi tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, b’mod partikolari ċittadini minn pajjiżi terzi, għandhom inqas aċċess. L-ostakoli għall-parteċipazzjoni fit-titjib tal-ħiliet huma relatati kemm ma’ fatturi strutturali kif ukoll ma' fatturi relatati mas-sitwazzjoni. Dawn jinkludu l-firxa dejqa ta’ opportunitajiet offruti, twassil mhux xieraq permezz ta’ programmi formali u li jieħdu fit-tul, in-nuqqas ta’ validazzjoni ta’ tagħlim preċedenti, approċċi pedagoġiċi mhux xierqa, żvilupp insuffiċjenti ta’ tagħlim fuq il-post tax-xogħol u nuqqas ta’ għarfien dwar il-benefiċċji tat-titjib tal-ħiliet u dwar l-appoġġ disponibbli.

(9)Sabiex jiġi promoss aċċess aktar ġust u ekwu għall-opportunitajiet għal titjib tal-ħiliet, u biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati fid-dawl tal-eteroġeneità tal-grupp fil-mira, Garanzija tal-Ħiliet għandha tagħti aċċess għal perkorsi flessibbli ta’ titjib tal-ħiliet li jippermettu lill-adulti b'livell baxx ta' ħiliet itejbu l-ħiliet tagħhom ta’ litteriżmu, numeriżmu u l-ħiliet diġitali tagħhom, u biex ikomplu jitgħallmu bil-pass tagħhom stess biex jiksbu sett usa’ ta’ ħiliet u kwalifiki tal-livell 4 tal-QEK.

(10)Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha tkun immirata lejn adulti b'livell baxx ta' ħiliet, li huma definiti bħala individwi li jkunu ħarġu mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali mingħajr ma jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ 17 .

(11)Filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq il-gruppi prijoritarji fil-mira (eż. nies qiegħda, gruppi żvantaġġati, ċerti gruppi ta’ età, eċċ.).

(12)Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha titwassal skont il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u bbażati fuq l-impenn u l-interess tal-individwu li jipparteċipa fil-perkors ta’ titjib tal-ħiliet.

(13)L-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet għandha sseħħ f’konformità sħiħa mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(14)Kull meta l-miżuri stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni jinvolvu l-ipproċessar ta' dejta personali, dawn għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni ta' dejta personali 18 u skont il-miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni relatati.

(15)Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni u l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali u kontinwu għal kulħadd.

(16)L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 jitolbu li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha u proporzjon sostanzjali ta’ adulti, kemm irġiel kif ukoll nisa, jiksbu livell ta' litteriżmu u numeriżmu sal-2030.

(17)Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja 19 tipprovdi qafas ta’ referenza li jgħin lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sa tmiem l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, iż-żgħażagħ ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin li jħejjuhom għall-ħajja adulta, għal tagħlim ulterjuri u għall-ħajja tax-xogħol; din tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom.

(18)Il-Qafas ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini tal-UE jipprovdi referenza komuni Ewropea dwar xi jfisser li tkun midħla tat-teknoloġija diġitali fis-soċjetà tal-lum, u jiddefinixxi kompetenzi u livelli ta’ kompetenza f’ħames oqsma ewlenin. Dan jista’ jintuża bħala bażi għall-iżvilupp ta’ għodda ta’ valutazzjoni biex jiġu identifikati l-lakuni fil-ħiliet u għall-ħolqien ta' taħriġ imfassal apposta biex jiġu indirizzati dawn il-lakuni.

(19)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja 20 (QEK) sawret qafas ta’ referenza komuni bi tmien livelli ta’ kwalifiki, espress bħala eżiti tat-tagħlim. Kull livell jista’ jintlaħaq permezz ta’ diversi perkorsi ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali.

(20)Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti tal-2011 21 stabbilixxiet il-prijoritajiet għall-iżvilupp tas-settur tat-tagħlim għall-adulti. Din tat prijorità għal attenzjoni immedjata lill-għoti ta’ opportunitajiet għal ċans ieħor u, b’mod partikolari, lill-ksib ta’ ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u n-numeriżmu, iżda wkoll ta' ħiliet diġitali. Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) 22 jiddefinixxi bħala prijoritajiet għal azzjoni ż-żieda fil-provvista ta’ ħiliet fil-litteriżmu u n-numeriżmu u ta' ħiliet diġitali, u l-għoti ta' biżżejjed opportunitajiet għal ċans ieħor li jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta tal-QEK għal persuni mingħajr kwalifiki tal-livell 4. Ir-Rapport Konġunt jinkludi wkoll riżultati fuq perijodu medju għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), fosthom it-tisħiħ tal-aċċess għall-kwalifiki għal kulħadd permezz ta’ sistemi tal-ETV iktar flessibbli u permeabbli, b’mod partikolari billi jiġu offruti servizzi effiċjenti u integrati ta’ gwida u billi tiġi magħmula disponibbli l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(21)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel 23 tipprovdi qafas għal politiki komprensivi li jinkludu miżuri ta’ prevenzjoni, intervent u kumpens. Il-miżuri ta’ kumpens joffru perkorsi għad-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-ksib ta' kwalifiki mhux miksuba, bħal opportunitajiet oħra ta' edukazzjoni jew tagħlim mhux formali flimkien mal-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti.

(22)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 24 tistieden lill-Istati Membri biex sal-2018 jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali għall-validazzjoni (l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni) tat-tagħlim mhux formali u informali. Dan jinkludi possibbiltajiet għal persuni qiegħda jew għal persuni fir-riskju tal-qgħad biex jagħmlu ‘verifika tal-ħiliet’ maħsuba għall-identifkazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom.

(23)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 25 tirrakkomanda li ż-żgħażagħ ta’ età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali. Din tistieden lill-Istati Membri joffru liż-żgħażagħ b'ħiliet baxxi u lil dawk li jitilqu kmieni mill-iskola perkorsi biex jaqbdu t-triq lura għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jew biex jattendu programmi ta’ edukazzjoni li jagħtuhom ċans ieħor, programmi li joffru ambjenti ta' tagħlim li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u li jippermettulhom jiksbu l-kwalifika li ma kisbux.

(24)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-Integrazzjoni tal-Persuni li Ilhom Qiegħda fis-Suq tax-Xogħol 26 tirrakkomanda li l-persuni qiegħda fit-tul jingħataw valutazzjonijiet individwali fid-dettall u gwida u ftehim ta' integrazzjoni f'impjieg li jikkonsisti f'offerta individwali u fl-identifikazzjoni ta' punt uniku ta' kuntatt mhux aktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda.

(25)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/EC tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol 27 stiednet lill-Istati Membri biex jespandu u jtejbu l-investiment fil-kapital uman permezz ta' politiki ta' edukazzjoni u ta’ taħriġ inklussivi li jinkludu strateġiji effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja, u biex jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'rispons għal ħtiġijiet ġodda relatati mal-ħiliet, u l-ħtieġa għall-ħiliet diġitali.

(26)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014 dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Unjoni affermaw mill-ġdid il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta' Integrazzjoni fl-UE li ġew adottati fl-2004, u f'waħda minnhom jiġi ddikjarat li “l-isforzi fl-edukazzjoni biex l-immigranti, u b'mod partikolari d-dixxendenti tagħhom, jitħejjew biex ikollhom aktar suċċess u biex ikunu parteċipanti aktar attivi fis-soċjetà, huma kritiċi”.

(27)Minkejja dawn l-isforzi, l-aċċess ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni, u l-parteċipazzjoni tagħhom fihom, jibqgħu sfida li għad trid tingħeleb. Politiki attivi fis-suq tax-xogħol għandhom l-għan li jġibu lin-nies qiegħda f’impjieg kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux dejjem jipprovdu opportunitajiet personalizzati flessibbli ta’ titjib tal-ħiliet. Huma biss ftit il-politiki pubbliċi li jindirizzaw il-ħtieġa għat-titjib tal-ħiliet tal-persuni li diġà għandhom xogħol, u b’hekk dawn jitqiegħdu fir-riskju ta' obsolexxenza tal-ħiliet u ta' telf tal-impjieg, filwaqt li l-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol għandhom l-akbar bżonn ta' titjib tal-ħiliet iżda huma l-aktar diffiċli biex jintlaħqu.

(28)Il-bażi ta’ għarfien meħtieġa minn dawk li jfasslu l-politika u mill-prattikanti qed tikber, iżda għadha mhux kompluta. L-għarfien espert tal-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Eurostat, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (Cedefop) għall-iżvilupp ta' riċerka u analiżi rilevanti huwa essenzjali u għandu jkompli jiġi msaħħaħ.

(29)L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, l-impjegaturi, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-industrija, tan-negozju, tal-kummerċ u tal-artiġjanat, l-entitajiet nazzjonali involuti fl-ippjanar, l-organizzazzjoni jew il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-politiki ta’ integrazzjoni tal-migranti, is-servizzi għall-impjiegi, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-servizzi komunitarji huma partijiet ikkonċernati ewlenin fl-isforz komuni meħtieġ biex persuni b’livell baxx ta’ ħiliet jiġu milħuqa, involuti, iggwidati u appoġġati tul il-perkorsi għat-titjib tal-ħiliet imfassla apposta għalihom.

(30)Id-diversità tal-grupp fil-mira u l-frammentazzjoni u l-kumplessità tal-interventi ta' politika f'dan il-qasam ta' spiss jirriżultaw f'nuqqas ta' approċċi sistematiċi għat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u f'nuqqas ta' għarfien dwar il-benefiċċji soċjali li jista' jġib miegħu dan it-titjib. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' intervent koerenti ta' politika ibbażat fuq koordinazzjoni u partenarjati effettivi u trasversali.

JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-fornituri ta' edukazzjoni u ta' taħriġ,

1.Jistabbilixxu Garanzija tal-Ħiliet li toffri lil adulti b'livell baxx ta' kwalifiki, jiġifieri dawk li jkunu telqu l-edukazzjoni jew it-taħriġ formali mingħajr ma jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja jew ekwivalenti (il-livell 4 tal-QEK), u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, aċċess għal perkorsi għat-titjib tal-ħiliet li jippermettulhom:

(a)Jiksbu livell minimu ta’ litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali; u/jew

(b)Jimxu 'l quddiem biex jiksbu kwalifika tal-livell 4 tal-QEK jew ekwivalenti filwaqt li jiksbu sett usa’ ta’ ħiliet billi jibnu fuq ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

2.Jibbażaw it-tfassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq tliet stadji: valutazzjoni tal-ħiliet, l-għoti ta’ offerta ta' tagħlim flessibbli u ta' kwalità u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-perkors tat-titjib tal-ħiliet.

Valutazzjoni tal-ħiliet

3.L-għoti lill-adulti b'livell baxx ta' kwalifiki l-opportunità li ssirilhom valutazzjoni, pereżempju verifika tal-ħiliet, bl-għan li jiġu identifikati l-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet tat-titjib tal-ħiliet.

4.L-applikazzjoni, għal adulti b'livell baxx ta' kwalifiki, tal-arranġamenti ta’ validazzjoni stabbiliti f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, biex il-ħiliet eżistenti jiġu identifikati, dokumentati, valutati u ċertifikati.

Offerta ta' tagħlim imfassla apposta u flessibbli

5.L-għoti ta' offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ imfassla apposta, skont il-paragrafu 1, abbażi tas-sejbiet tal-proċeduri ta' valutazzjoni u ta’ validazzjoni tal-ħiliet. Għal migranti minn pajjiżi terzi għandhom jiġiu inklużi, skont kif xieraq, opportunitajiet ta' taħriġ lingwistiku u ta' tħejjija għat-taħriġ.

6.It-twassil tal-offerta ta' edukazzjoni u taħriġ f'ambjenti ta’ tagħlim xierqa, fi skejjel jew f'ċentri ta’ taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol, fejn għalliema u ħarrieġa kkwalifikati kif suppost japplikaw metodi speċifiċi għall-adulti u jisfruttaw il-potenzjal tat-tagħlim diġitali.

7.Strutturazzjoni tal-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim li jistgħu jiġu dokumentati, valutati u validati b’mod individwali, sabiex il-progress tal-istudenti jiġi rreġstrat fi stadji differenti.

8.L-adattament, sa fejn ikun possibbli, tal-kontenut tal-offerta ta’ tagħlim li twassal għal kwalifika, skont il-paragrafu 1(b) ta’ hawn fuq, għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali tas-suq tax-xogħol, u t-twassil tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mal-imsieħba soċjali u l-atturi ekonomiċi lokali u reġjonali.

Validazzjoni u rikonoxximent

9.Żvilupp ulterjuri fuq il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni eżistenti għall-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba permezz tal-Garanzija tal-Ħiliet, inkluż it-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, u l-iżgurar tar-rikonoxximent ta' dawn il-ħiliet bil-ħsieb li tinkiseb kwalifika, skont il-qafas u s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki.

10.Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, it-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji deskritti hawn taħt.

Koordinazzjoni u sħubija

11.Il-ħatra ta' korp wieħed jew ta' għadd limitat ta' korpi pprovduti b'mandat suffiċjenti biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari biex:

- jikkoordinaw ix-xogħol tal-korpi pubbliċi rilevanti, inkluż is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, il-fornituri ta' edukazzjoni u taħriġ, il-korpi ta’ validazzjoni u ta' gwida għall-karriera biex b'hekk il-Garanzija tal-Ħiliet issir parti integrali mill-politika attiva fis-suq tax-xogħol, mill-miżuri relatati mat-tluq bikri mill-iskola u mill-integrazzjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi;

- Jappoġġaw il-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati li jinvolvu, pereżempju, imsieħba soċjali, fornituri ta' edukazzjoni u taħriġ, impjegaturi, organizzazzjonijiet intermedjarji u settorjali, atturi ekonomiċi lokali u reġjonali, servizzi tal-impjiegi, soċjali u komunitarji, libreriji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni.

Miżuri ta' lħiq, gwida u appoġġ

12.L-identifikazzjoni ta' gruppi prijoritarji fil-mira għat-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fil-livell nazzjonali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli. Filwaqt li jkun qed isir dan, għandhom jitqiesu wkoll is-sess, id-diversità u l-preżenza ta' diversi sottogruppi tal-popolazzjoni fil-mira.

13.L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni li jinkludu s-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-titjib tal-kompetenzi, l-iżgurar tad-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar il-gwida eżistenti, il-miżuri ta’ appoġġ, l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u l-korpi responsabbli, u l-għoti ta' inċentivi lill-persuni l-inqas motivati sabiex jagħmlu użu produttiv minnhom.

14.L-għoti ta' servizzi ta’ gwida biex il-progressjoni tal-istudenti tiġi appoġġata tul l-istadji kollha tal-proċess tat-titjib tal-ħiliet.

15.L-appoġġ tal-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-persunal involut fit-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet, b’mod partikolari tal-professjonisti tat-tagħlim.

16.Il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jiġu mfassla u appoġġati miżuri ta’ appoġġ li jindirizzaw b’mod ekwu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni f’perkorsi għat-titjib tal-ħiliet. Dawn jistgħu jikkonsistu jew minn appoġġ dirett għall-istudenti (eż. liv għat-taħriġ, inċentivi finanzjarji jew ħelsien mit-taxxa) jew minn appoġġ indirett għall-impjegaturi biex dawn itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

17.Għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fi żmien sena mill-adozzjoni tagħha. Il-pjan għandu jinkludi informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, il-gruppi prijoritarji fil-mira, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli inkluż, fejn xieraq, il-finanzjament Ewropew rilevanti u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.

18.Is-sorveljanza u l-valutazzjoni fil-livell nazzjonali tal-miżuri kollha tal-Garanzija tal-Ħiliet u l-impatt fuq il-progress tal-grupp fil-mira rigward il-ksib tal-litteriżmu, in-numeriżmu u ta’ ħiliet diġitali u l-ksib ta’ kwalifiki tal-livell 4 tal-QEK jew ta' unitajiet tagħhom.

19.L-użu tar-riżultati tal-monitoraġġ u tal-valutazzjoni biex it-tfassil u t-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet jiġu adattati fil-livell nazzjonali skont il-bżonn, u l-iżvilupp ta' politiki u riformi oħra bbażati fuq l-evidenza.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

20.Bl-appoġġ tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, ssegwi l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, flimkien mal-korpi u l-proċessi rilevanti ta’ koordinazzjoni Ewropej dwar l-impjiegi u l-edukazzjoni u l-politiki dwar it-taħriġ.

21.Tippromwovi l-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza għal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali u ta' għodod ta’ valutazzjoni.

22.Tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri u tagħmel disponibbli r-riżorsi u l-informazzjoni ewlenija disponibbli fuq il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE).

23.Tappoġġa u twettaq, b'kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mal-OECD, riċerka u analiżi rilevanti dwar il-ħiliet tal-adulti, kif ukoll valutazzjonijiet tal-ħiliet (eż. PIAAC).

24.Tappoġġa l-użu ta’ programmi Ewropej ta’ finanzjament attwali u futuri fil-qasam tal-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-programm Erasmus +, għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’konformità mal-bażi legali tagħhom, mingħajr ħsara għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti għall-perjodu 2014-2020.

25.Tieħu nota tal-miżuri ta' implimentazzjoni mdaħħla fis-seħħ mill-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2018, fuq il-bażi tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni fil-paragrafu 17 hawn fuq.

26.Tivvaluta u tevalwa, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-parti ikkonċernati rilevanti, l-azzjoni meħuda bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni u, fi żmien ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha, tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fit-titjib tal-livelli ta’ litteriżmu, numeriżmu u tal-ħiliet diġitali fost adulti b'livell baxx ta' kwalifiki, kif ukoll dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) OECD, Skills Outlook 2013: First Results from the Survey of Adult Skills
(2) Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza, Brussell, 26.11.2015, COM (2015) 690 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0690&qid=1456148888831&from=MT  
(3) F’dan id-dokument, it-terminu “ħiliet” jintuża f’sens wiesa’ u jirreferi għal dak li persuna taf, tifhem u hi kapaċi tagħmel, u jinkludi l-għarfien u l-kompetenzi
(4) http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/5526
(5) Eurostat, L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2014.
(6) Ara t-Taqsima I.2 tal-Anness Tekniku SWD(2016) 195 mehmuż
(7) Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riformi, ĠU 215/C 272, 18.08.2015
(8) Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (2011/C 372/01)
(9) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1441711487189&uri=CELEX:32011H0701(01)  
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01).
(11) Cedefop (2016, għadu mhux ippubblikat). Economic and social consequences of low skilled adults in the EU (Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ adulti livelli baxxi ta’ ħiliet fl-UE), Dokument ta’ riċerka tas-Cedefop.
(12) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(13) ĠU L 8, 12.01.2001, p. 1.
(14) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88
(15) An in-depth analysis of adult learning policies and their effectiveness in Europe (Analiżi fil-fond dwar il-politiki tat-tagħlim għall-adulti u l-effettività tagħhom fl-Ewropa); Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, 2015
(16) Eurostat, L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2015
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01).
(18) B’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.01.2001, p. 1); li għandu jinbidel bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88), li huwa applikabbli mill-25 ta' Mejju 2018.
(19) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(20) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(21) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(22) Ir-rapport ET 2020 jistabbilixxi l-azzjonijiet għall-kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020; ĠU C 417, 15.12.2015. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015XG1215(02)&from=MT  
(23) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(24) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(25) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(26) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(27) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
Top