EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0381

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI AĠENDA ĠDIDA GĦALL-ĦILIET GĦALL-EWROPA Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività

COM/2016/0381 final

Brussell, 10.6.2016

COM(2016) 381 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

AĠENDA ĠDIDA GĦALL-ĦILIET GĦALL-EWROPA

Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività

{SWD(2016) 195 final}


Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa

Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività

1.Introduzzjoni

Il-ħiliet 1 huma t-triq għall-impjegabbiltà u l-prosperità. Bil-ħiliet it-tajba, in-nies ikunu mgħammra għal impjiegi ta’ kwalità tajba u jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom bħala ċittadini kunfidenti u attivi. F’ekonomija globali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, ħafna drabi l-ħiliet se jiddeterminaw il-kompetittività u l-kapaċità biex jixprunaw l-innovazzjoni. Dawn huma fattur ta' attrazzjoni għall-investiment u katalist fiċ-ċirku virtwuż ta’ ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir. Il-ħiliet huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali.

Madankollu, is-sitwazzjoni fl-Ewropa titlob li tittieħed azzjoni. 70 miljun Ewropew la għandhom ħila adegwata fil-qari u fil-kitba, u wisq inqas ħila matematika u diġitali, b'hekk jinsabu f'riskju kbir ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali 2 . Iktar minn nofs it-12-il miljun ruħ li ilhom qiegħda għal żmien twil, jitqiesu ħaddiema bi ftit ħiliet. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jeħtieġu jiżguraw li l-gradwati jkunu mgħammra b’ħiliet rilevanti u aġġornati.

In-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ huma impressjonanti. Ħafna jaħdmu f’impjiegi li ma jaqblux mat-talenti tagħhom. Fl-istess ħin, 40% tal-impjegaturi Ewropej qed isibuha diffiċli jsibu nies bil-ħiliet li jeħtieġu biex jikbru u jinnovaw. Il-fornituri tal-edukazzjoni minn naħa, u l-istudenti u l-impjegaturi min-naħa l-oħra, għandhom perċezzjonijiet differenti ta’ kemm il-gradwati jkunu preparati tajjeb għas-suq tax-xogħol. Huma ftit wisq in-nies li għandhom l-inklinazzjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali meħtieġa biex iwaqqfu n-negozju tagħhom.

Is-swieq tax-xogħol nazzjonali u reġjonali u s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi, iżda l-Istati Membri kollha qed jaffaċċjaw problemi u opportunitajiet simili:

-L-akkwist u l-iżvilupp tal-ħiliet huma essenzjali għall-prestazzjoni u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol sabiex jipprovdu forom ġodda ta’ flessibbiltà u sigurtà kemm għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif ukoll għall-impjegati u għall-impjegaturi.

-L-ispariġġ tal-ħiliet ixekkel il-produttività u t-tkabbir u jaffettwa r-reżiljenza tal-Istati Membri għall-iskossi ekonomiċi.

-It-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija qed tfassal mill-ġdid il-mod kif in-nies jaħdmu u jmexxu n-negozju tagħhom. Il-metodi ġodda ta’ ħidma qed jaffettwaw it-tipi ta’ ħiliet meħtieġa, inklużi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Ħafna setturi għaddejjin minn bidla teknoloġika rapida u l-ħiliet diġitali huma meħtieġa għal kull impjieg, mill-aktar sempliċi għall-iktar wieħed kumpless. B'livell għoli ta’ ħiliet in-nies ikunu jistgħu jadattaw għall-bidliet mhux mistennija. Bl-istess mod, it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u għal ekonomija ċirkolari tfisser il-ħolqien u l-adattament għal mudelli ta’ negozju u għal profili ta' impjiegi.

-Peress li l-forza tax-xogħol tal-UE qiegħda kulma tmur tixjieħ u tonqos, f'xi każijiet dan qed iwassal għal nuqqas ta’ ħiliet. Bħala kumpens għal dan, jeħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività. In-nisa jirrappreżentaw 60% tal-gradwati l-ġodda, iżda r-rata ta’ impjieg tagħhom tibqa’ xorta waħda inqas minn dik tal-irġiel, anke jekk in-nisa u l-irġiel għandhom it-tendenza li jaħdmu f’setturi differenti. Is-swieq tax-xogħol inklużivi għandhom jużaw il-ħiliet u t-talenti ta' kulħadd, inklużi ta' dawk bi ftit ħiliet u ta' gruppi vulnerabbli oħra. Fit-tellieqa globali għat-talent, jeħtieġ li nrawmu l-ħaddiema tas-sengħa tagħna, innaqsu l-eżodu ta’ mħuħ, filwaqt li niffaċilitaw il-mobilità taċ-ċittadini tal-UE, nattiraw it-talent minn barra u nużaw aħjar il-ħiliet tal-migranti.

-Il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ disponibbli, inklużi l-istandards tat-tagħlim, ivarjaw ħafna. Dan jgħin biex iżid l-inugwaljanzi fil-prestazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, filwaqt li l-politiki aktar b'saħħithom dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet huma fundamentali biex isawru l-innovazzjoni u jistgħu jiffaċilitaw il-konverġenza ‘l fuq lejn il-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni.

-Il-perċezzjonijiet mhux dejjem huma msejsa fuq ir-realtà; pereżempju jekk ikun hemm aktar għarfien tal-eżiti tajba tal-impjiegi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), hemm mnejn li ħafna aktar nies jagħżluhom bħala l-ewwel għażla ġenwina tagħhom. Bl-istess mod, jekk tiżdied l-attrattività tal-professjoni tal-għalliema, hemm mnejn li din tistimula liż-żgħażagħ b’talent biex isegwu din il-karriera.

-Kulma jmur in-nies qed jitgħallmu f’kuntesti barra mill-edukazzjoni formali - onlajn, fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ korsijiet professjonali, ta' attivitajiet soċjali jew ta' volontarjat. Dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim jistgħu ta' spiss ma jkunux rikonoxxuti.

L-indirizzar tal-isfidi tal-ħiliet se jeħtieġ sforzi sinifikanti fil-politika u riformi sistematiċi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. F’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dan se jeħtieġ investimenti għaqlin f’kapital uman kemm minn sorsi pubbliċi kif ukoll privati. FI-abbozz tal-programm tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ppreżentat fit-8 ta' Marzu 3 tidher b'mod prominenti l-ħtieġa ta' ħiliet imsaħħa u aġġornati.

Għalkemm il-kompetenza għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ hija f’idejn l-Istati Membri, hemm bżonn ta' sforz kollettiv biex jinkisbu eżiti sinifikanti u sostenibbli. Fil-livell tal-UE diġà qed isir kontribut importanti għat-tisħiħ tal-bażi tal-ħiliet tal-Ewropa, speċjalment fis-Semestru Ewropew, fl-Istrateġija Ewropa 2020 bl-għan doppju tagħha dwar l-edukazzjoni, fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ "ET2020" u fl-interventi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biss se jikkontribwixxu aktar minn EUR 30 biljun biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet fil-perjodu 2014–2020, u l-programm Erasmus+ jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet fl-edukazzjoni u t-taħriġ bi kważi EUR 15-il biljun.

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet ippreżentata llum tinsab fl-ewwel post fil-lista ta’ inizjattivi ewlenin fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016. Din tappoġġa impenn komuni u taħdem lejn viżjoni komuni dwar l-importanza strateġika tal-ħiliet biex jiġu sostnuti l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività. Din l-Aġenda għall-Ħiliet issaħħaħ u, f’xi każijiet, tissimplifika l-inizjattivi eżistenti biex tgħin aktar lill-Istati Membri fir-riformi nazzjonali tagħhom kif ukoll biex tixpruna l-bidla fil-mentalità tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet. Hija tfittex impenn komuni għar-riforma f’għadd ta’ oqsma fejn l-azzjoni tal-UE ġġib l-iktar valur miżjud. Din hija ċċentrata fuq tliet punti ta’ ħidma ewlenin:

1.It-titjib fil-kwalità u r-rilevanza tal-formazzjoni tal-ħiliet

2.Ħiliet u kwalifiki aktar viżibbli u paragunabbli

3.It-titjib tal-għarfien dwar il-ħiliet u tal-informazzjoni għal għażliet aħjar għall-karriera

Madankollu, l-azzjoni fil-livell tal-UE biss mhux se tkun biżżejjed. Is-suċċess jiddependi fuq l-impenn u fuq l-għarfien espert ta’ ħafna atturi: il-gvernijiet nazzjonali, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali, in-negozji u l-impjegaturi, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili, u n-nies nfushom iridu jaħtfu l-opportunitajiet biex jisfruttaw l-aħjar talenti tagħhom. B’mod partikolari, is-sħab soċjali se jkollhom rwol ewlieni biex jiżguraw li l-Aġenda tiġi żviluppata u implimentata b’suċċess, u li żżomm il-pass mal-ħtiġijiet li kontinwament jinbidlu tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà tagħna.

***

2.Ngħollu l-istandards: Prijoritajiet għal Azzjoni

2.1.Titjib tal-kwalità u rilevanza tat-tiswir tal-ħiliet

In-nies jeħtieġu sett wiesa’ ta’ ħiliet biex jissodisfaw il-potenzjal tagħhom kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà.
Fil-livell tal-UE, l-enfasi tal-politika fuq il-livell edukattiv milħuq wasslet għal kisbiet sinifikanti. Fl-2014, madwar 10 miljun ruħ aktar lestew edukazzjoni għolja milli fl-2010, u l-għadd ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola naqas għal 4.5 miljuni minn 6 miljuni fl-2010. Dan qed iwassal għal progress sinifikanti lejn il-miri ta' Ewropa 2020.

Madankollu, kulma jmur l-evidenza turi li l-politiki mmiriati biex iżidu l-livell edukattiv waħedhom mhumiex biżżejjed. Il-kwalità u r-rilevanza ta’ dak li n-nies jitgħallmu issa ħadu prominenza. Ħafna żgħażagħ iħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jkunu ppreparati biżżejjed biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u mingħajr il-ħiliet u l-attitudni biex jibdew in-negozju tagħhom.

Il-kisba tal-ħiliet huwa proċess kemm formali kif ukoll informali, li jdum tul il-ħajja kollha u li jibda minn meta tkun żgħir ħafna. L-effetti pożittivi fit-tul ta’ edukazzjoni bikrija ta’ kwalità tajba li tħejji l-pedament għall-kapaċità u għall-motivazzjoni futura fit-tagħlim, huma sinifikanti u ddokumentati sew.

Apparti milli jfittxu l-ħiliet speċifiċi u adatti għall-impjieg, l-impjegaturi qed jitolbu dejjem aktar għal ħiliet trasferibbli, bħall-kapaċità ta' ħidma f'tim, il-ħsieb kreattiv u s-soluzzjoni tal-problemi. Din it-taħlita ta' ħiliet hija essenzjali wkoll għan-nies li qed jaħsbuha li jibdew negozju tagħhom. Madankollu, ġeneralment il-kurrikuli jagħtu ftit li xejn importanza lil dawn il-ħiliet u f'ħafna Stati Membri rarament jiġu vvalutati formalment. Il-profili interdixxiplinari, jiġifieri n-nies b'kapaċità li jagħmlu xogħol relatat ma' oqsma differenti, qed jiġu apprezzati dejjem aktar mill-impjegaturi, iżda huma skarsi fis-suq tax-xogħol.

It-tisħiħ tas-sisien: ħiliet bażiċi

L-Ewropa qed taffaċċa sfida dwar il-ħiliet bażiċi. Biex ikollhom aċċess għal impjiegi tajbin u biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, in-nies jeħtieġu livell minimu ta’ ħiliet bażiċi, fosthom il-matematika, il-kitba u l-qari u l-ħiliet diġitali bażiċi. Dawn huma wkoll elementi importanti għal aktar tagħlim u żvilupp tal-karriera. Madwar kwart tal-popolazzjoni adulta Ewropea għandha diffikultajiet fil-qari u fil-kitba u għandha ħiliet matematiċi u diġitali dgħajfa. Aktar minn 65 miljun ruħ fl-UE ma kisbux kwalifika li tikkorrispondi għal-livell sekondarju għoli. Din ir-rata tvarja b’mod sinifikanti madwar il-pajjiżi tal-UE, fejn f'xi pajjiżi laħqet il-50% jew aktar.

Peress li l-maġġoranza tal-impjiegi jeħtieġu dejjem aktar ħiliet kumplessi, in-nies bi ftit kwalifiki għandhom anqas opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għalihom. Dawn huma wkoll aktar vulnerabbli għal impjiegi prekarji u għandhom probabbiltà doppja li jesperjenzaw qgħad fit-tul min-nies bi kwalifiki aħjar. L-individwi mingħajr ħiliet suffiċjenti ta' spiss huma wkoll konsumaturi vulnerabbli, speċjalment fi swieq dejjem aktar kumplessi.

1.Sabiex jitjiebu l-opportunitajiet ta’ impjieg tal-adulti bi ftit ħiliet fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji ta’ titjib tal-ħiliet permezz ta' Garanzija ta' Ħiliet stabbilita f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. It-titjib tal-ħiliet għandu jkun miftuħ kemm għallmpjegati kif ukoll għal dawk qiegħda. L-adulti bi ftit ħiliet għandhom jiġu megħjuna biex itejbu l-qari u l-ktiba, il-matematika u l-ħiliet diġitali u, fejn ikun possibbli, jiżviluppaw sett usa’ ta’ ħiliet li jwasslu għal kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja għolja jew ekwivalenti.

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita Garanzija ta’ Ħiliet (ara d-dok. ta' ref. COM(2016) 382) li tipprovdi:

valutazzjoni tal-ħiliet, li permezz tagħha l-adulti bi ftit kwalifiki jkunu jistgħu jidentifikaw il-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet ta' titjib tal-ħiliet tagħhom;

offerta ta’ tagħlim, li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-individwi u tas-swieq tax-xogħol lokali;

opportunitajiet biex il-ħiliet tagħhom ikunu vvalidati u rikonoxxuti.

It-tiswir tar-reżiljenza: kompetenzi ewlenin u ħiliet ogħla u aktar kumplessi

L-edukazzjoni u t-taħriġ formali għandhom jgħammru lil kulħadd b'firxa wiesgħa ta’ ħiliet li jiftħu l-bibien għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-impjiegi. Dawn jinkludu l-qari u l-kitba, il-matematika, ix-xjenza u l-lingwi barranin, kif ukoll il-ħiliet trasversali u l-kompetenzi ewlenin bħall-kompetenzi diġitali, l-intraprenditorija, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi jew it-tagħlim dwar kif titgħallem u l-għarfien finanzjarju.

Il-kisba bikrija ta’ dawn il-ħiliet hija l-pedament għall-iżvilupp ta’ ħiliet ogħla u aktar kumplessi li huma meħtieġa biex jiġu xprunati l-kreattività u l-innovazzjoni. Dawn il-ħiliet li jridu jissaħħu tul il-ħajja, jagħmluha possibbli li n-nies jirnexxu f’postijiet tax-xogħol li qed jevolvu malajr u fis-soċjetà, u li jaffaċċjaw il-kumplessità u l-inċertezza.

Għalkemm xi wħud minn dawn il-kompetenzi diġà għandhom post stabbilit fis-sistemi edukattivi, dan mhuwiex tipikament il-każ għall-kompetenzi ewlenin bħall-intraprenditorja u ċ-ċittadinanza jew il-ħiliet trasversali. Fil-każijiet fejn xi Stati Membri ħadu passi biex jinkluduhom fil-kurrikuli, dan mhux dejjem sar b’mod konsistenti. Sabiex tippromwovi fehim komuni ta' tnejn minn dawn il-kompetenzi, il-Kummissjoni żviluppat oqfsa ta’ referenza għall-kompetenzi diġitali 4 (li issa ġew adottati fi 13-il Stat Membru) u l-intraprenditorija 5 - li għadhom kemm ġew ippubblikati.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa għodod għall-valutazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawn il-kompetenzi. Dawn l-għodod se jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-korpi privati biex itejbu s-servizzi tagħhom ta' gwida, ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ għaż-żgħażagħ, għall-persuni li qed ifittxu xogħol u għaċ-ċittadini b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-pajjiżi tal-UE, lir-reġjuni u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-kompetenzi intraprenditorjali li jistgħu jgħinuhom iwaqqfu n-negozju tagħhom jew intrapriża soċjali. Il-programmi tal-UE bħall-Erasmus +, COSME u l-Fond Soċjali Ewropew diġà jipprovdu appoġġ finanzjarju għal dan l-għan.

2.Sabiex aktar nies jakkwistaw sett bażiku ta’ ħiliet, fl-2017 il-Kummissjoni beħsiebha tniedi reviżjoni tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin 6 . L-għan huwa li jiġi żviluppat fehim komuni tal-kompetenzi ewlenin u biex titħeġġeġ aktar l-introduzzjoni tagħhom fil-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-reviżjoni se tipprovdi wkoll appoġġ għall-iżvilupp u l-valutazzjoni aħjar ta' dawn il-ħiliet. Se tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi promossa l-mentalità intraprenditorjali u orjentata lejn l-innovazzjoni, anke billi jitħeġġu esperjenzi intraprenditorjali prattiċi.

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu l-ewwel għażla

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) huma apprezzati għax irawwmu ħiliet trasversali u speċifiċi għall-impjieg, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn l-impjiegi u ż-żamma u l-aġġornament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol skont il-ħtiġijiet settorjali, reġjonali u lokali. Għalkemm aktar minn 13-il miljun student huma involuti kull sena fl-ETV, il-previżjonijiet f'diversi Stati Membri jindikaw li fil-futur se jkun hemm nuqqas ta’ persuni bi kwalifiki tal-ETV.

Għal ħafna żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom, l-ETV jibqgħu t-tieni għażla. Il-koordinazzjoni bejn l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija xi kultant diffiċli. Jeħtieġ li l-ETV isiru aktar attraenti b'offerta ta' kwalità u b'organizzazzjoni flessibbli, biex b'hekk isir progress lejn tagħlim vokazzjonali jew akkademiku għoli u b'rabtiet eqreb mad-dinja tax-xogħol.

Il-livell ogħla ta’ ETV qiegħed jespandi b’mod kostanti u huwa apprezzat kemm mill-istudenti kif ukoll mill-impjegaturi peress li jipprovdi l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li dawn l-iżviluppi jitħeġġu aktar u jiġu integrati b'mod xieraq fl-oqfsa u fis-sistemi ta' kwalifika.

In-negozji u s-sħab soċjali għandhom jiġu involuti fit-tfassil u fit-twettiq tal-ETV fil-livelli kollha, kif muri fis-“sistema doppja” tal-apprendistati. L-ETV għandhom jinkludu dimensjoni b’saħħitha msejsa fuq ix-xogħol li kull meta jkun possibbli tkun abbinata ma’ esperjenza internazzjonali.

3.Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, se ssostni l-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet ta’ Riga dwar il-kwalità u l-ħiliet u l-kwalifiki professjonali rilevanti għas-suq tax-xogħol, billi:

tappoġġa l-opportunitajiet għall-istudenti li jidħlu għal esperjenza ta’ tagħlim ibbażata fuq ix-xogħol bħala parti mill-istudji tagħhom.

iżżid l-opportunitajiet għal dawk li qed jitgħallmu f'istituzzjoni vokazzjonalibiex jagħqdu l-esperjenzi ta’ tagħlim miksuba f’kuntesti differenti, tkompli tibni fuq l-istrumenti tal-ETV eżistenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità 7 u l-kredits 8 , u tkun konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-QEK riveduta.

tappoġġa l-iżvilupp u l-viżibbiltà ta’ opportunitajiet għolja tal-ETV permezz ta’ sħubiji bejn il-fornituri tat-tagħlim, is-settur tar-riċerka u n-negozji, b’attenzjoni partikolari fuq il-ħtiġijiet għall-ħiliet ta’ livell għoli fil-livell settorjali.

ittejjeb id-disponibbiltà tad-dejta dwar l-eżiti tas-suq tax-xogħol tal-ETV.

tesplora modi kif tiġi ssimplifikata l-governanza eżistenti fil-livell tal-UE tas-settur tal-ETV, inkluż ir-rwol ta’ koordinazzjoni aktar espliċita għall-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali.

tniedi l-ewwel Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet tal-ETV fl-2016 u żżid il-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Ħiliet biex tippreżenta l-istudji vokazzjonali bħala l-għażla prinċipali.

Inkunu konnessi: niffukaw fuq il-ħiliet diġitali

It-trasformazzjoni diġitali mgħaġġla tal-ekonomija tfisser li issa kważi l-impjiegi kollha jeħtieġu xi livell ta’ ħiliet diġitali, kif teħtieġ ukoll il-parteċipazzjoni fis-soċjetà inġenerali. L-ekonomija kollaborattiva qed tbiddel il-mudelli tan-negozju, tiftaħ opportunitajiet u rotot ġodda tax-xogħol, titlob settijiet differenti ta’ ħiliet, u ġġib magħha sfidi bħall-aċċess għall-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet. Ir-robotizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali qed jieħdu post l-impjieg ta' rutina, mhux biss fil-fabbriki iżda anke fl-uffiċċji. L-aċċess għas-servizzi, inklużi s-servizzi elettroniċi, qiegħed jinbidel u jeħtieġ li kemm l-utenti, kif ukoll il-fornituri u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkollhom biżżejjed ħiliet diġitali. Is-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa, pereżempju, qed jibdlu l-mod kif in-nies jaċċessaw u jirċievu l-kura tas-saħħa.

F'dawn l-aħħar għaxar snin id-domanda għall-professjonisti tat-teknoloġija diġitali żdiedet b'4% fis-sena. Madankollu, fl-Ewropa għad hemm nuqqas ta' ħiliet diġitali fil-livelli kollha. Minkejja t-tkabbir qawwi fl-impjiegi kontinwu, l-għadd ta’ postijiet tax-xogħol battala għal professjonisti tal-ICT huwa mistenni li kważi jirdoppja għal 756000 sal-2020. Barra minn hekk, kważi nofs il-popolazzjoni tal-UE hija nieqsa minn ħiliet diġitali bażiċi; b’madwar 20% tal-popolazzjoni li ma għandha l-ebda ħila diġitali. L-Istati Membri, in-negozji u l-individwi jridu jilqgħu l-isfida u jinvestu aktar fil-formazzjoni tal-ħiliet diġitali (inklużi l-kodifikazzjoni u x-xjenza tal-kompjuters) fl-ispettru sħiħ tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

L-Ewropa teħtieġ nies b'kompetenzi diġitali li mhux biss kapaċi jużaw dawn it-teknoloġiji diġitali iżda wkoll li jkunu innovattivi u minn ta' quddiem fl-użu tagħhom. Fin-nuqqas ta' dan, l-Ewropa mhux se jirnexxielha tħaddan din it-trasformazzjoni diġitali. Il-kisba ta’ ħiliet ġodda hija fundamentali biex jinżamm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-industrija diġà qed tintroduċi metodi ta’ taħriġ innovattivi. Iċ-ċentri ta’ riċerka u innovazzjoni jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu żviluppati u ttrasferiti ħiliet bħal dawn, billi jaġixxu bħala katalizzaturi għall-investiment u għan-negozju u l-ħolqien tal-impjiegi.

4.Il-Kummissjoni qed tniedi il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġiatli biex tiġi żviluppata riżerva kbira ta' talent diġitali u tiżgura li l-individwi u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa jkunu mgħammra b’ħiliet diġitali adegwati.

Abbażi tar-riżultati pożittivi tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali u tal-istrateġija tal-Ħiliet elettroniċi tal-UE u f'koordinazzjoni mal-ħidma tal-inizjattiva Edukazzjoni u Taħriġ 2020, l-Istati Membri huma mistiedna li, sa nofs l-2017 jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi dwar il-ħiliet diġitali abbażi tal-miri stabbiliti sa tmiem l-2016. Dawn jinkludu:

L-istabbiliment ta’ koalizzjonijiet nazzjonali tal-ħiliet diġitali li jgħaqqdu l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati fis-suq tax-xogħol.

L-iżvilupp ta' miżuri konkreti biex il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jkunu disponibbli għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-appoġġ għall-għalliema u għall-edukaturi u l-promozzjoni attiva ta' negozji u ta' organizzazzjonijiet oħra.

Il-Kummissjoni se tlaqqa' flimkien l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, biex jimpenjaw ruħhom ħalli jidentifikaw u jaqsmu l-aħjar prattiki, sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati u adattati aħjar skont il-kobor. Dan se jtejjeb it-tixrid ta' informazzjoni dwar il-fondi tal-UE disponibbli (il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Erasmus +) u jesplora opportunitajiet possibbli ta’ finanzjament, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi ta’ vawċers.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress annwali permezz tar-Rapport dwar il-progress Diġitali tal-Ewropa (EDPR) 9 .

2.2.Il-ħiliet u l-kwalifiki jsiru aktar viżibbli u paragunabbli

Il-kwalifiki jgħarrfu lill-impjegaturi b'dak li jafu u kapaċi jagħmlu n-nies iżda rarament jagħtu każ tal-ħiliet miksuba barra mill-istituzzjonijiet formali ta' tagħlim, u għalhekk jinsabu fir-riskju li jiġu sottovalutati. L-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawn il-ħiliet hija partikolarment importanti għan-nies bi ftit kwalifiki, għan-nies qiegħda jew għal dawk li jinsabu f'riskju ta' qgħad, għan-nies li jridu jibdlu l-karriera u għall-migranti. B'hekk in-nies juru u jużaw aħjar l-esperjenza u t-talent tagħhom, ikomplu jidentifikaw l-ħtiġijiet ta’ taħriġ u jaħtfu l-opportunitajiet ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid.

Madankollu, id-differenzi bejn is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-UE jagħmluha diffiċli għall-impjegaturi biex jivvalutaw l-għarfien u l-ħiliet tan-nies bi kwalifiki minn pajjiż ieħor li ma jkunx tagħhom.

Il-mobilità bejn il-fruntieri tista' tgħin biex is-swieq tax-xogħol jaħdmu tajjeb u biex in-nies ikollhom aktar opportunitajiet f'ħajjithom. Iżda minħabba n-nuqqas ta' fehim u rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom, il-ħaddiema tal-UE u mhux tal-UE li jmorru jgħixu f’pajjiżi ieħor, ta' sikwit iħabbtu wiċċhom ma’ iktar ostakli biex isibu impjieg jew saħansitra jitħallsu anqas minn ħaddiema bi kwalifiki paragunabbli miksuba fil-pajjiż ospitanti.

It-titjib tat-trasparenza u l-paragunabbiltà tal-kwalifiki

Fil-livell tal-UE, id-Direttiva 2005/36/KE tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u tgħin fl-aċċess għall-professjonijiet regolati. Minn Jannar tal-2016 din qed tipprovdi l-ewwel proċedura elettronika mal-UE kollha għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-hekk imsejħa Karta Professjonali Ewropea) 10 għal ħames professjonijiet. Biex jiġu ffaċilitati l-fehim u l-paragunabbiltà ta' x'verament tgħallmu n-nies waqt li kisbu l-kwalifika tagħhom ("l-eżiti tat-tagħlim"), ġie stabbilit il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (QEK).

Il-QEK iħeġġeġ lill-atturi minn setturi edukattivi nazzjonali differenti biex jaħdmu flimkien ħalli jfasslu oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali koerenti bbażati fuq "l-eżiti tat-tagħlim". Madankollu, il-QEK xorta waħda jeħtieġ spinta ġdida biex jilħaq bis-sħiħ lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet u biex iservi bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' kuljum dwar ir-reklutaġġ jew l-aċċess għat-tagħlim, anke permezz ta’ riflessjoni dwar il-modi differenti kif iseħħ it-tagħlim.

Diversi pajjiżi mhux Ewropej esprimew interess fil-QEK biex il-kwalifiki tagħhom jiġu pparagunati ma’ dawk Ewropej. Dan jgħin biex jattira riċerkaturi u professjonisti b’livell għoli ta’ ħiliet minn barra l-UE biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tagħna u viċi versa, u se jagħmilha eħfef għar-riċerkaturi u għall-professjonisti fl-UE biex jaħdmu barra mill-UE, u huwa konformi mal-mira li jkun hemm politika dwar il-migrazzjoni legali aktar għaqlija u mmaniġġjata sewwa 11 . Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu hija partikolarment importanti f’dan ir-rigward 12 . Bir-reviżjoni tal-QEK se jitjieb il-fehim tal-kwalifi miksuba barra mill-pajjiż u se tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol tal-UE, kemm ta' dawk li għadhom jaslu kif ukoll ta' dawk li jgħixu barra mill-UE.

5.Biex ikun aktar faċli li wieħed jifhem il-kwalifiki u l-ħiliet relatati u biex tikkontribwixxi għall-użu aħjar tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-UE, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għar-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki 13 (ara d-dok. ta’ ref. COM(2016) 383). Ir-reviżjoni se:

tappoġġa l-aġġornament regolari tas-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki;

tiżgura li l-kwalifiki b'livell tal-QEK ikunu bbażati fuq prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità 14 ;

tiżgura li l-prinċipji komuni għas-sistemi ta' kreditu jintużaw meta l-kwalifiki b'livell tal-QEK ikunu mibnija fuq il-kredits;

tħeġġeġ l-użu tal-QEK mis-sħab soċjali, mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, mill-fornituri tal-edukazzjoni u mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu appoġġati t-trasparenza u l-paragun tal-kwalifiki;

tippromwovi l-paragunabbiltà tal-kwalifiki bejn il-pajjiżi koperti bil-QEK u pajjiżi oħra, b’mod partikolari bejn il-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi oħra b’oqfsa ta’ kwalifiki maturi, skont il-ftehimiet internazzjonali tal-UE.

Tfassil ta' profil bikri tal-ħiliet u tal-kwalifiki tal-migranti

Meta jitqabblu maċ-ċittadini tal-UE, huma ftit iċ-ċittadini mhux tal-UE li jgħixu fl-UE u li għandhom kwalifika ta' livell sekondarju għolja (jew anke baxxa). Madwar 25% taċ-ċittadini mhux tal-UE għandhom kwalifiki għoljin. Madankollu, fost dawk b’ħiliet għoljin, madwar żewġ terzi huma inattivi, qiegħda jew kwalifikati żżejjed għal xogħolhom. Barra minn hekk, xi migranti li diġà jgħixu fl-UE, kif ukoll dawk li jkunu għadhom kif waslu, inklużi r-refuġjati, jista' jkun li għandhom għarfien limitat tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti.

Il-fehim tal-ħiliet, tal-kwalifiki u tal-esperjenzi professjonali tal-migranti li jkunu għadhom kif waslu huma sfida għal ħafna pajjiżi tal-UE. L-għodod żviluppati permezz tal-Europass 15 , tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, tat-tagħlim bejn il-pari u tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jappoġġaw it-tfassil ta' profil tal-ħiliet u l-integrazzjoni tal-migranti. L-identifikazzjoni bikrija tal-ħiliet tal-migranti tista' tgħin biex jiġu ddeterminati l-ewwel passi meħtieġa biex dawn jiġu integrati fis-soċjetà li tospitahom u fis-suq tax-xogħol. Għal dan il-għan hemm mnejn ikun neċessarju li jiġu indirizzati għal taħriġ xieraq (li jinkludi t-taħriġ fil-lingwa, it-taħriġ jew l-apprendistat fin-negozju, disponibbli permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati) jew għal servizzi tal-impjieg.

6.Biex tintegra aktar malajr iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se:

tniedi "Għodda ta’ tfassil tal-profil tal-ħiliet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”. Din l-għodda se tgħin lis-servizzi ta' akkoljenza u lill-pajjiżi ospitanti biex jidentifikaw u jiddokumentaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kif waslu.

taħdem id f'id mal-awtoritajiet nazzjonali biex tappoġġa r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki tal-migranti, inklużi r-refuġjati, tappoġġa t-taħriġ tal-persunal fil-faċilitajiet ta' akkoljenza biex iħaffu l-proċeduri ta' rikonoxximent u tippromwovi l-qsim tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar il-fehim u r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki.

tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-migranti ġodda li jkunu għadhom kif waslu, inklużi r-refuġjati, it-tagħlim tal-lingwa onlajn permezz tal-programm ta' appoġġ lingwistiku onlajn ta' Erasmus + (fuq perjodu ta' tliet snin ir-refuġjati se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom 100.000 liċenzja għal korsijiet tal-lingwa onlajn) 16 .

2.3.Avvanzar tal-għarfien dwar il-ħiliet, id-dokumentazzjoni u l-għażliet infurmati ta’ karriera

Dawk li jfasslu l-politika u l-fornituri tal-edukazzjoni jeħtieġu evidenza soda tal-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur biex tgħinhom jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba dwar il-politiki u r-riformi, il-kurrikuli tal-edukazzjoni u l-investiment. Iżda l-pass mgħaġġel tal-bidliet fis-suq tax-xogħol jagħmilha diffiċli li tingħata informazzjoni affidabbli. Barra minn hekk ma hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd: is-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali jfasslu l-ħtiġijiet tal-ħiliet skont it-tendenzi globali, u b'hekk ikun hemm varjazzjonijiet fil-ħiliet speċifiċi għall-impjiegi l-aktar mitluba f’reġjuni u/jew f'setturi ekonomiċi differenti.

Informazzjoni aħjar għal għażliet aħjar

Kemm jekk ikunu qed ifittxu impjieg kif ukoll jekk qed jiddeċiedu x'jitgħallmu u fejn jitgħallmuh, in-nies iridu jkunu jistgħu jaċċessaw u jifhmu l-għarfien dwar il-ħiliet disponibbli. In-nies jeħtieġu wkoll mezzi xierqa biex jivvalutaw (jagħmlu awtovalutazzjoni) il-ħiliet tagħhom u jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom b’mod effettiv. Bl-istess mod, l-impjegaturi u organizzazzjonijiet oħra jistgħu jibbenefikaw minn modi aktar effiċjenti u effettivi għall-identifikazzjoni u r-reklutaġġ tan-nies bil-ħiliet it-tajba.

L-effettività tal-għarfien dwar il-ħiliet tvarja fost il-pajjiżi tal-UE. F’xi wħud, is-sħubiji bejn is-sħab soċjali, il-gvernijiet u l-fornituri tal-edukazzjoni diġà qed jidentifikaw b'mod effettiv il-ħiliet meħtieġa u jadattaw il-kurrikuli skont dan. F’oħrajn, is-sħubiji għadhom mhux in-norma.

Il-kooperazzjoni tkun aktar effettiva meta tkun imsejsa fuq il-punti b’saħħithom u l-ispeċjaliżmi reġjonali u lokali. L-interazzjoni lokali aħjar bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fuq naħa u s-suq tax-xogħol fuq naħa oħra, appoġġati b'investiment immirat, jistgħu wkoll jillimitaw l-eżodu ta’ mħuħ u jgħinu biex jiżviluppaw, iżommu u jattiraw it-talent meħtieġ f’ċerti reġjuni u industriji speċifiċi.

7.Biex tgħin lin-nies jagħmlu għażliet ta’ karriera u ta’ tagħlim infurmati, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-Qafas Europass 17 biex titwaqqaf pjattaforma ta’ servizz onlajn intuwittiva u mingħajr intoppi. Din se tipprovdi għodod ibbażati fuq l-internet għad-dokumentazzjoni u għall-qsim tal-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki, u għodod bla ħlas ta' awtovalutazzjoni.

Id-dejta dwar il-ħtiġijiet u t-tendenzi tal-ħiliet se tissaħħaħ permezz tal-web crawling u l-analiżi tal-Big Data, u se tkun appoġġata aktar b’evidenza minn setturi differenti li jiġbru flimkien informazzjoni preċiża u fil-ħin reali fis-servizz offrut mill-"Panorama tal-Ħiliet” eżistenti bħala parti mis-servizz integrat tal-Europass.

8. Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-kwistjoni tal-eżodu ta’ mħuħ u tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki dwar modi effettivi kif tiġi indirizzata l-problema.

Spinta lill-għarfien dwar il-ħiliet u l-kooperazzjoni f’setturi ekonomiċi

Il-ħtiġijiet futuri u attwali tal-ħiliet ivarjaw fis-setturi differenti tal-ekonomija. Setturi ġodda jinħolqu jew jinbidlu radikalment, prinċipalment iżda mhux esklussivament minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi. It-tranżizzjoni xprunata mill-innovazzjoni għal ekonomija ċirkolari u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u t-teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs) bħan-nanoteknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika, qed jittrasformaw għadd dejjem akbar ta’ setturi. Il-provvista tal-ħiliet it-tajba fil-ħin it-tajjeb hija kruċjali biex jinħolqu l-kompetittività u l-innovazzjoni. Id-disponibbiltà tal-ħiliet l-aktar avvanzati hija wkoll element kritiku għad-deċiżjonijiet ta’ investiment. Minħabba r-ritmu tal-bidla teknoloġika, sfida ewlenija għall-industrija, b’mod partikolari għall-SMEs, hija li tantiċipa u timmaniġġja aħjar il-bidla trasformattiva dwar ir-rekwiżiti tal-ħiliet.

Tnedew ħafna inizjattivi settorjali u reġjonali biex jippromwovu l-ħiliet, li jinvolvu korpi u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. Iżda ħafna drabi dawn il-proġetti jibqgħu frammentati u l-impatt tagħhom fuq is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa limitat. Din hija r-raġuni għala l-mobilizzazzjoni tal-industrija, li tinkludi s-sħab soċjali, hija indispensabbli għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Għalhekk jeħtieġ li jinħoloq approċċ strateġiku li jindirizza s-swieq u l-ħtiġijiet ta' ħiliet settorjali ddefiniti sew.

Sabiex jiġu żgurati eżiti dejjiema b’impatt reali, il-kooperazzjoni għall-ħiliet settorjali tista' tkun marbuta ma’ strateġiji tat-tkabbir għas-setturi kkonċernati u appoġġata b’impenn politiku u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali.

9.Biex jitjieb l-għarfien dwar il-ħiliet u jiġi indirizzat in-nuqqas tal-ħiliet f’setturi ekonomiċi, il-Kummissjoni qed tniedi Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet. Dan se jgħin biex jimmobilizza u jikkoordina atturi ewlenin, iħeġġeġ l-investiment privat u jippromwovi l-użu aktar strateġiku tal-programmi ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE rilevanti.

Se jitwaqqfu sħubiji settorjali, fl-industrija u s-servizzi, tal-ħiliet fil-livell tal-UE li mbagħad jiġu implimentati fil-livell nazzjonali (jew fejn rilevanti fil-livell reġjonali) biex:

japplikaw l-istrateġiji settorjali għall-5-10 snin li ġejjin biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet konkreti, bħall-iżvilupp konġunt tal-opportunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ta' livell għoli u tas-sħubiji bejn in-negozju, l-edukazzjoni u r-riċerka;

fejn ikun rilevanti, jappoġġaw ftehimiet dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki u ċertifikazzjonijiet settorjali.

Il-pjan ta’ azzjoni se jkun appoġġat minn finanzjament eżistenti tal-UE 18 u għall-bidu se jiġi introdott bħala proċess immexxi mid-domanda f'6 setturi, bix-xogħol ta’ tħejjija li se jibda fl-2016: is-setturi tal-karozzi, tat-teknoloġija marittima, tal-ispazju, tad-difiża, tat-tessuti u tat-turiżmu. Fit-tieni fażi ta’ implimentazzjoni li tibda mill-2017 se jiġu vvalutati setturi addizzjonali (is-setturi tal-kostruzzjoni, tal-azzar, tas-saħħa, tat-teknoloġiji ekoloġiċi u l-enerġiji rinnovabbli). L-għażla tas-setturi tinkludi t-teknoloġiji l-aktar avvanzati biex tiżgura l-kompetittività fit-tul fis-setturi l-aktar tradizzjonali li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi fuq żmien qasir u medju.

Fehim aħjar tal-prestazzjoni tal-gradwati

L-universitajiet u l-fornituri tal-ETV iħejju liż-żgħażagħ għall-ħajja tax-xogħol. Għalhekk jeħtieġu li jifhmu t-tendenzi tas-suq tax-xogħol, ikunu konxji ta' kemm verament l-istudenti tagħhom isibu impjieg, u jadattaw il-programmi tagħhom skont dan. L-istudenti u l-familji tagħhom ukoll jeħtieġu din l-informazzjoni biex jagħmlu għażliet infurmati dwar x'għandhom jistudjaw u fejn jaqblilhom jagħmlu dan. Madankollu, l-aġġustament tal-kurrikuli jieħu ż-żmien u huwa proċess kumpless.

L-informazzjoni aħjar dwar l-eżiti tas-suq tax-xogħol jew dwar il-progress tat-tagħlim tal-gradwati tal-edukazzjoni għolja u tal-gradwati tal-ETV għandha tkun aktar faċilment disponibbli u paragunabbli. Din għandha tuża indikaturi tal-assigurazzjoni tal-kwalità, dejta amministrattiva (inklużi t-taxxa u s-sigurtà soċjali) u approċċi bbażati fuq stħarriġ li fejn ikun xieraq jisfruttaw il-pjattaformi soċjali jew tal-midja soċjali.

F'diversi Stati Membri ġew żviluppati mekkaniżmi ta' traċċar għall-gradwati terzjarji. Is-sistemi għat-traċċar fuq skala kbira tal-gradwati tal-ETV huma ħafna inqas żviluppati u, anke f'dawn il-każijiet, hemm lok għal appoġġ għall-Istati Membri biex tittejjeb l-informazzjoni.

10.Sabiex tgħin lill-istudenti u lill-fornituri tal-edukazzjoni jivvalutaw ir-rilevanza tal-offerti ta’ tagħlim, il-Kummissjoni qed tippjana li tipproponi bħala l-ewwel pass fl-2017 inizjattiva dwar it-traċċar tal-gradwati terzjarji biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tal-informazzjoni dwar kif il-gradwati jipprogressaw fis-suq tax-xogħol.

3.Ħidma kontinwa: jitħaffef il-pass

L-għaxar inizjattivi ewlenin deskritti hawn fuq huma parti minn strateġija ambizzjuża fit-tul biex tiżgura li n-nies jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu ħalli jirnexxu kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà inġenerali.

Xogħol ieħor li għaddej fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali se jgħin ukoll biex tiġi promossa din l-Aġenda tal-Ħiliet, jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ tagħlim għan-nies u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu għadhom siewja għas-seklu 21. Jeħtieġ li jsir sforz partikolari biex jonqos id-distakk bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Irridu ninvestu aktar fl-immodernizzar tal-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja, u nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom bħala xprunaturi għall-iżvilupp reġjonali.

3.1.Żieda fl-opportunitajiet ta’ tagħlim

Aktar tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u sħubiji bejn in-negozju u l-edukazzjoni

It-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, bħall-apprendistati, huwa punt ta' tluq ippruvat għall-impjiegi tajbin u għall-iżvilupp ta' ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, inklużi l-ħiliet trasversali u personali, fejn is-sħab soċjali tipikament ikollhom rwol ewlieni. Iżda, aktar nies għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ tagħlim. Attwalment kwart biss tal-istudenti tal-edukazzjoni vokazzjonali sekondarja għolja jieħdu sehem fi programmi msejsa fuq ix-xogħol, filwaqt li l-programmi ta' edukazzjoni ġenerali u għolja rari jinkludu xi esperjenza msejsa fuq ix-xogħol. Is-sħubiji bejn in-negozju u l-edukazzjoni, li jinvolvu s-setturi u l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jistgħu jisfruttaw dan il-potenzjal.

Xi inizjattivi li rnexxew u li huma ta' eżempju, jinvolvu l-atturi tas-suq tax-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fid-dinja tal-impjiegi. L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati s’issa mobilizzat 250,000 opportunità ta' taħriġ f'kumpaniji u ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Permezz tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, miljun żagħżugħ u żagħżugħa se jiġu mħarrġa f’ħiliet diġitali u l-programm "klassi intelliġenti" se jilħaq il-100,000 student. Bil-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra offrew miljuni ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ addizzjonali 19 .

Fil-livell tal-edukazzjoni għolja u fil-livell postlawrja, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jagħti eżempju ta’ kif il-kooperazzjoni man-negozji u mal-istituti tar-riċerka tista' trawwem l-iżvilupp tal-kurrikulu, ta' programmi tal-mobilità u tagħti aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka u tal-industrija għal taħriġ prattiku f’ambjent reali.

Dawn huma sinjali pożittivi iżda żgur mhumiex biżżejjed. Biex tgħin lill-istudenti jiksbu aktar espożizzjoni għad-dinja tax-xogħol, il-Kummissjoni se tiżviluppa sett ta’ servizzi ta’ appoġġ biex jiffaċilitaw il-qsim tal-għarfien, in-netwerking u l-kooperazzjoni dwar l-apprendistati. Dawn se jappoġġaw riformi strutturali b'konsulenza bejn il-pari u l-qsim tal-aħjar prattiki, anke permezz tal-midja soċjali.

Is-sħab soċjali f’diversi setturi, inkluż fil-kummerċ, fil-kostruzzjoni u fit-telekomunikazzjoni, laħqu pożizzjonijiet komuni dwar il-ħiliet, inklużi inizjattivi speċifiċi dwar it-traineeships. Diversi sħab soċjali f'setturi ekonomiċi differenti għamlu wkoll wegħdiet konġunti taħt l-Alleanza għall-Apprendistat sabiex jipprovdu aktar apprendistati u li jkunu ta’ kwalità aħjar. Din hija wkoll prijorità għall-programm ta' ħidma konġunta tas-sħab soċjali Ewropej 2015–2017. Il-Kummissjoni se tgħin lis-sħab soċjali jkomplu jaħdmu fuq ir-riżultati tal-proġetti konġunti tagħhom, pereżempju l-esplorazzjoni tal-kosteffettività tal-apprendistati u l-istabbiliment possibbli ta' Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati. 

Aktar appoġġ għall-mobilità tal-istudenti

Aktar studenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn esperjenza ta’ tagħlim barra l-pajjiż. Id-dejta turi li ż-żgħażagħ li jistudjaw jew jitħarrġu barra l-pajjiż isibu impjieg aktar malajr minn dawk mingħajr esperjenza internazzjonali. Dawn jadattaw ruħhom aktar malajr għas-sitwazzjonijiet ġodda u jsibuha aktar faċli biex isolvu l-problemi. Dan l-aħħar l-UE adattat il-qafas legali tagħha għall-istudenti u għar-riċerkaturi mhux tal-UE 20 , b’mod partikolari biex tiffaċilita l-kapaċità li tattira u żżomm lil dawn in-nies kwalifikati.

Il-mobilità tal-istudenti fl-edukazzjoni għolja diġà għandha tradizzjoni twila. S'issa, aktar minn 3 miljun student ħadu sehem fil-programm Erasmus. L-opportunitajiet ta’ mobilità għal apprendisti u studenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) huma wkoll appoġġati bil-programm Erasmus +. Madankollu, l-opportunitajiet ta’ mobiltà għall-istudenti għadhom mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda attwali. Ftit pajjiżi biss jinkludu opportunitajiet ta’ mobilità fl-iskemi nazzjonali tagħhom dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

L-apprendisti jibbenefikaw ukoll minn tagħlim u xogħol barra l-pajjiż. Sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-mobilità tagħhom, il-Kummissjoni qed twettaq proġett pilota kkummissjonat mill-Parlament Ewropew biex jivvaluta l-fattibilità u l-benefiċċji għal perjodi itwal ta’ mobilità barra l-pajjiż (bejn 6 u 12-il xahar) għall-apprendisti.

L-appoġġ baġitarju tal-UE waħdu qatt mhu se jkun biżżejjed. Jekk l-Istati Membri jinkludu l-appoġġ għall-mobilità fil-programmi nazzjonali tagħhom dan jista' jgħin lil għadd kbir ta' żgħażagħ biex jibbenefikaw minn esperjenza barra l-pajjiż.

Il-kwalità tal-kollokamenti tax-xogħol jew tal-istudju hija essenzjali. Il-finanzjament irid jimxi id f’id mal-politiki u mal-miżuri nazzjonali li jħeġġu u japprezzaw it-tagħlim miksub u jiżguraw ir-rilevanza u l-kwalità tat-taħriġ. Fl-2016, se titnieda it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità tal-ETV biex tagħti ħarsa ġenerali tal-miżuri ta’ appoġġ fis-seħħ fl-UE u tipprovdi bażi tajba għall-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn jeħtieġ li jsir aktar.

Aktar tagħlim fuq il-post tax-xogħol

Ħafna mill-ħaddiema Ewropej tal-għoxrin sena li ġejjin huma diġà adulti u jeħtieġu taħriġ kontinwu biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jisfruttaw opportunitajiet ta’ karrieri ġodda.

Attwalment adult wieħed minn kull għaxra biss qed jipparteċipa f’tagħlim organizzat, b'mod partikolari dawk li għandhom livell għoli ta’ ħiliet u l-impjegati ta’ kumpaniji kbar. Fl-2010, madwar terz tal-kumpaniji fl-UE ma pprovdew l-ebda taħriġ għall-persunal tagħhom, filwaqt li madwar terz biss tal-impjegati huma involuti f’xi forma ta’ taħriġ. Aktar reċentement, kwart tal-ħaddiema rrapportaw li ma żviluppawx il-ħiliet tagħhom minn mindu bdew l-impjieg tagħhom.

Jista’ jsir aktar biex ikun hemm appoġġ għal ambjenti ta’ tagħlim fuq il-post tax-xogħol u biex b'mod partikolari l-SMEs ikunu jistgħu jipprovdu taħriġ, pereżempju billi jkun aktar faċli li jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-infrastruttura għat-taħriġ konġunt. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma diġà disponibbli biex jappoġġaw l-immodernizzar tal-infrastruttura għall-edukazzjoni u għat-taħriġ. Flimkien mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltajiet li tappoġġa aktar lill-SMEs b'self mill-banek b’rati favorevoli permezz ta' strument finanzjarju speċifiku għall-ħiliet.

Aktar opportunitajiet għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

In-nies għandhom ikunu jistgħu jużaw il-firxa sħiħa ta’ ħiliethom għall-karrieri tagħhom u għal aktar tagħlim. Kulma jmur jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet f’varjetà wiesgħa ta’ kuntesti li jmorru lil hinn mis-sistema ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ formali, kemm permezz tal-esperjenza tax-xogħol, tat-taħriġ fil-kumpanija, tar-riżorsi diġitali kif ukoll tal-volontarjat. Dawn il-ħiliet jistgħu jiġu vvalidati permezz tal-identifikazzjoni u tad-dokumentazzjoni, tal-valutazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni, b’għażliet li jwasslu għal kwalifika parzjali jew sħiħa.

Madanakollu, f’ħafna pajjiżi hemm livell baxx ta’ għarfien tal-possibbiltajiet ta’ validazzjoni u aċċettazzjoni baxxa tal-kunċett. F’xi wħud, il-validazzjoni hija possibbli biss fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi; filwaqt li f’oħrajn, l-ispejjeż amministrattivi huma projbittivi.

Biex jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika u lill-prattikanti jistabbilixxu l-arranġamenti tal-validazzjoni nazzjonali sal-2018 21 , fil-bidu tal-2016 il-Kummissjoni u s-Cedefop ippubblikaw linji gwida għall-validazzjoni li għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari. Fi tmiem l-2016 se jiġi ppubblikat aġġornament tal-inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, li jipprovdi ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni fl-Ewropa u jagħti eżempji ta’ prattika tajba. 

3.2.Twettiq tal-isforzi tal-immodernizzar

Appoġġ għall-għalliema u għal min iħarreġ

L-istudenti ta’ kull età jeħtieġu edukaturi eċċellenti biex jiżviluppaw sett wiesa’ ta’ ħiliet u attitudnijiet li jeħtieġu kemm għall-ħajja kif ukoll għall-ħidma futura. Il-varjazzjoni fil-kisbiet tal-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tiddependi prinċipalment mill-karatteristiċi individwali u mill-isfond familjari. Madankollu, fl-istituzzjonijiet edukattivi huma l-għalliema u l-ħarrieġa li jkollhom l-aktar impatt fuq il-prestazzjoni tal-istudenti. Dawn jistgħu jispiraw u jgħinu lill-istudenti jiksbu ħiliet ta’ livell ogħla u aktar rilevanti. Barra minn hekk, jaqdu wkoll rwol ewlieni fl-introduzzjoni ta’ metodi ġodda ta’ tagħlim, li jistimulaw il-kreattività u l-innovazzjoni, jegħlbu l-preġudizzji u jivvalorizzaw l-aħjar kwalitajiet fi klassijiet dejjem aktar imħallta.

It-tixjiħ tal-għalliema hija tendenza allarmanti f’ħafna pajjiżi. Meta jirtiraw, hemm riskju dejjem akbar ta’ telf ta’ esperjenza u ta' nuqqas ta’ persunal. Ir-reklutaġġ innovattiv, il-kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u l-politiki taż-żamma tal-impjiegi huma meħtieġa biex tinħoloq ġenerazzjoni ġdida ta’ għalliema. L-iżvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema, inklużi dawk li ilhom fil-professjoni għal żmien twil, huwa wkoll ta' prijorità kontinwa u dejjem aktar urġenti fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-qsim tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati permezz tal-kooperazzjoni u l-opportunitajiet ta’ mobilità. Se tingħata attenzjoni partikolari għall-innovazzjoni fil-pedagoġija; din se tinkludi l-appoġġ għall-kurrikuli flessibbli, il-promozzjoni ta' approċċi interdixxiplinari u kollaborattivi fl-istituzzjonijiet u l-appoġġ tal-iżvilupp professjonali biex tissaħħaħ il-prattika ta’ tagħlim innovattiv, inklużi l-introduzzjoni u l-użu tal-għodod diġitali fil-klassi u l-istimular tal-mentalitajiet intraprenditorjali.

Immodernizzar tal-edukazzjoni għolja

Sal-2025 kważi nofs il-postijiet tax-xogħol battala kollha fl-UE se jeħtieġu kwalifiki ogħla, normalment mogħtija permezz ta’ programmi akkademiċi u professjonali fil-livell terzjarju. Il-ħiliet żviluppati b'dawn il-programmi ġeneralment jitqiesu bħala l-ixprunaturi tal-produttività u tal-innovazzjoni. Il-gradwati jkollhom opportunitajiet aħjar ta’ impjieg u qligħ ogħla minn dawk bi kwalifiki sekondarji għolja biss.

Konsultazzjoni pubblika riċenti dwar l-"Aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa" 22 turi li aktar minn żewġ terzi tal-istudenti u ta' dawk li gradwaw dan l-aħħar jsibu nuqqas ta’ qbil bejn il-provvista tal-gradwati u l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa mill-ekonomija. Kważi nofs il-fornituri tal-edukazzjoni għolja jaqblu ma’ din il-valutazzjoni. Il-konsultazzjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jkunu atturi attivi fil-livell reġjonali u nazzjonali, li mhux biss ifornu nies kwalifikati lis-suq tax-xogħol iżda wkoll li jippromwovu l-innovazzjoni.

Sfidi oħra importanti identifikati mill-partijiet ikkonċernati jinkludu l-impatt tat-teknoloġija u tal-globalizzazzjoni fuq l-edukazzjoni għolja, u l-ħtieġa li jittejbu l-eżiti tat-tagħlim u tal-impjiegi għall-gradwati, biex tingħata gwida aħjar għall-istudenti prospettivi u titħeġġeġ aktar il-multidixxiplinarjetà.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex jappoġġaw l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja billi tibbaża ruħha fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Din se tinkludi, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ valutazzjoni tal-kompetenza għal dixxiplini differenti ta’ edukazzjoni għolja li jippermettu valutazzjoni paragunabbli tal-ħiliet tal-istudenti u tal-gradwati.

***

4.Twettiq tal-aġenda

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tistabbilixxi aġenda konġunta għall-UE, għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha. L-għan huwa li jintlaħqu viżjoni u impenn komuni biex ikun hemm ħidma flimkien għat-titjib tal-kwalità u tar-rilevanza tal-formazzjoni tal-ħiliet sabiex jinżamm il-pass mar-rekwiżiti tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol li dejjem jinbidlu, kulħadd ikun mgħammar b’sett minimu ta’ ħiliet bażiċi u l-kwalifiki jkunu aktar faċli biex jinftiehmu u b'hekk jgħinu lill-ħaddiema u lill-istudenti jivvjaġġaw b'mod aktar faċli fl-UE.

Is-sħab soċjali se jkollhom rwol ċentrali fl-iżvilupp b’suċċess ta’ din l-aġenda, billi jibnu fuq inizjattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali, jibbażaw fuq għarfien settorjali speċifiku u jaħdmu fis-setturi u fl-industrija kollha.

Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika se jibqa' jkollu rwol ewlieni fil-monitoraġġ tar-riformi politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet. L-UE se tivvaluta l-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri bl-analiżi speċifika għall-pajjiż, bil-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku u bl-evidenza bbażata fuq it-twettiq tal-politika tagħha. Biex tgħin fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-OECD, se tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji tal-ħiliet nazzjonali u pjani ta’ azzjoni bbażati fuq approċċ interdixxiplinari. 

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet huwa li titqajjem kuxjenza politika dwar l-importanza kritika tal-ħiliet għall-prospetti tat-tkabbir u tal-impjiegi tal-Ewropa, u biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata fl-ogħla livell politiku. Biex jinżamm il-momentum politiku, il-Kummissjoni se teżamina modi kif isiru rapporti fuq bażi regolari dwar il-progress li jkun sar. Dawn ir-rapporti jistgħu jinfurmaw it-tħejjijiet tas-Semestru Ewropew kif ukoll id-dibattiti politiki fil-Kunsill Ewropew.

Il-Kummissjoni se timpenja ruħha wkoll fi djalogu iktar fil-fond mal-Istati Membri dwar l-aħjar mod kif jintużaw l-opportunitajiet offruti mill-programmi eżistenti ta’ finanzjament biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Aġenda. L-istrumenti ewlenin ikkonċernati huma l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), l-Orizzont 2020 u l-Erasmus +. Il-potenzjal tal-BEI u ta' organizzazzjonijiet u prodotti finanzjarji oħra - inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi - għandhom jintużaw bis-sħiħ biex jagħtu spinta lill-investiment fis-settur privat għall-iżvilupp tal-ħiliet.

Fl-okkażjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020, il-Kummissjoni se teżamina l-aġġustamenti potenzjali meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Aġenda. F'perspettiva aktar fit-tul lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni se tippromwovi dibattitu dwar l-istrumenti differenti ta’ finanzjament għall-appoġġ tal-ħiliet.

Is-simplifikazzjoni tal-istrutturi ta’ governanza attwali għandha tappoġġa aktar l-implimentazzjoni kkoordinata ta’ xi wħud mill-inizjattivi proposti f’din l-Aġenda. L-ewwel pass se jkun l-effiċjenza ulterjuri ta' għadd ta’ gruppi ta’ esperti fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet u l-kwalifiki, mingħajr preġudizzju għall-governanza eżistenti li attwalment hemm fis-seħħ għall-professjonijiet regolati. Se jittieħdu passi ulterjuri bbażati fuq evalwazzjoni tal-istrutturi ta’ governanza eżistenti. Se jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-koerenza mal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ 23 (ET 2020) u l-prijoritajiet politiċi tiegħu li ġew adottati dan l-aħħar 24 . Bl-istess mod, il-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri nazzjonali ta’ kuntatt li huma appoġġati mill-UE għall-QEK, il-Europass u l-Euroguidance se jiġu stimulati biex iħeġġu interfaċċja unika għal diversi inizjattivi Ewropej dwar il-ħiliet vis-à-vis partijiet ikkonċernati nazzjonali u li tiffaċilita l-aċċess għall-utenti. Din is-simplifikazzjoni se tiġi segwita b'konsultazzjoni mal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex japprovaw din l-Aġenda u biex jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni tinsab impenjata bil-promozzjoni ta' konsultazzjoni u djalogu kontinwi dwar l-Aġenda għall-Ħiliet ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku ġenerali.

Anness

Lista ta’ azzjonijiet u skeda indikattiva

Azzjoni

Skeda taż-żmien

Titjib tal-kwalità u rilevanza tat-tiswir tal-ħiliet

It-tisħiħ tas-sisien: ħiliet bażiċi

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija ta’ Ħiliet (ara d-dok. ta’ ref COM(2016) 382)

Ġunju 2016

It-tiswir tar-reżiljenza: kompetenzi ewlenin u ħiliet ogħla u aktar kumplessi

Il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja b’attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tal-inklinazzjonijiet intraprenditorjali u l-Oqfsa ta’ Referenza Ewropej li jakkumpanjawha

Ir-raba' kwart tal-2017

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu l-ewwel għażla

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-immodernizzar tal-ETV, bħar-reviżjoni possibbli tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u s-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)

It-tieni kwart tal-2017

Inkunu konnessi: niffukaw fuq il-ħiliet diġitali

It-tnedija tal-inizjattiva “Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali”

Tmiem l-2016

Il-ħiliet u l-kwalifiki jsiru aktar viżibbli u paragunabbli

It-titjib tat-trasparenza u l-paragunabbiltà tal-kwalifiki

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (ara d-dok. ta’ ref. COM(2016) 383)

Ġunju 2016

Tfassil ta' profil bikri tal-ħiliet u tal-kwalifiki tal-migranti

Tnedija tal-"Għodda ta’ tfassil tal-profil tal-ħiliet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi"

Ġunju 2016

Avvanzar tal-għarfien dwar il-ħiliet, id-dokumentazzjoni u l-għażliet infurmati ta’ karriera

Għarfien u informazzjoni aħjar għal għażliet aħjar

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Qafas Europass għall-forniment ta’ servizzi aħjar tal-ħiliet u tal-kwalifiki

It-tielet kwart tal-2016

Għarfien u informazzjoni aħjar għal għażliet aħjar

Aktar analiżi u qsim tal-aħjar prattiki biex jiġi indirizzat l-eżodu ta' mħuħ.

Tmiem l-2016

Spinta lill-għarfien dwar il-ħiliet f’setturi ekonomiċi

It-tnedija ta’ Pjan ta’ azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet

Ġunju 2016

Fehim aħjar tal-prestazzjoni tal-gradwati

Il-proposta tal-Kummissjoni għal inizjattiva dwar it-traċċar tal-gradwati

It-tieni kwart tal-2017

(1) It-terminu "ħiliet" jintuża biex jirreferi b’mod ġenerali għal dak li persuna taf, tifhem u tista’ tagħmel.
(2) L-evidenza tal-informazzjoni ppreżentata f’din il-Komunikazzjoni hija pprovduta fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha.
(3)

Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; COM(2016) 127

(4) https://ec.europa.eu/jrc/digcomp/  
(5) https://ec.europa.eu/jrc/entrecomp  
(6)

Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja; ĠU 2006/962/KE

(7)  Il-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (1); ĠU 2009/C/155/01
(8) Is-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). ĠU 2009/C 155/02
(9) Ir-rapport dwar il-progress diġitali tal-Ewropa 2016; SWD(2016)187.
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/983 tal-24 ta’ Ġunju 2015 dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; ĠU L 159, 25.6.2015.
(11)  L-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni; COM(2015) 240 u Għar-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u għat-tisħiħ ta' rotot legali lejn l-Ewropa; COM(2016) 197.
(12) Il-Proposta għal Direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta' residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin; COM(2016) 378.
(13) Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja; ĠU 2008/C 111/01
(14)  Il-prinċipji għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell Ewropew għall-edukazzjoni ġenerali huma soġġetti għal diskussjonijiet kontinwi fil-kuntest tal-ET2020.
(15) Il-qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass); ĠU 2241/2004/KE.
(16) Il-firxa sħiħa ta’ azzjoni biex tgħin l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija ppreżentata fil-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi: COM(2016) 377.
(17)  Il-qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass); ĠU 2241/2004/KE.
(18)  Il-Kummissjoni impenjat ruħha fid-djalogu ma' setturi speċifiċi, fil-ġbir ta’ evidenza ta’ nuqqasijiet fil-ħiliet u l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-impjiegi, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Abbażi ta’ din l-analiżi u filwaqt li jitqies l-impenn b’saħħtu tal-politika u tal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, ġew identifikati sitt setturi għall-fażi pilota.
(19) http://www.linkedpolicies.eu/pledge.
(20) Id-Direttiva (UE) 2016/801 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing.
(21)

 Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali; ĠU 2012/C 398/01

(22)

 Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa; COM (2011) 567 finali

(23) Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020); ĠU 2009/C 119/2
(24)

Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ; ĠU 2015/C 417/04

Top