EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0182

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

COM/2016/0182 final

Brussell, 7.4.2016

COM(2016) 182 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

1.    SFOND    

2.    IS-SETTUR TAL-LAĦAM TAT-TIĠIEĠ    

2.1. Il-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum fl-UE    

2.2. Is-selezzjoni ta’ tnissil    

3.    IS-SELEZZJONI ĠENETIKA U L-IMPATT TAGĦHA FUQ IL-BENESSERI TAL-BROJLERS    

3.1. Is-selezzjoni ġenetika: ereditabilità u l-pressjoni tas-selezzjoni    

3.2. L-impatt fuq il-benesseri tal-annimali    

3.3. Il-benesseri tal-annimali u l-għanijiet tas-selezzjoni    

4.    IS-SITWAZZJONI ATTWALI    

4.1. Id-dejta disponibbli dwar il-programmi ta’ selezzjoni    

4.2. Id-diversità ġenetika    

5.    KONKLUŻJONIJIET    

ANNESS I: Il-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ fl-UE bejn l-2010 u l-2014 (1000 tunnellata)    

ANNESS II IN-NUMRU TA’ AZJENDI AGRIKOLI TAL-BROJLERS FL-UE-27 FL-2010    

ANNESS III L-ISTRUTTURA PIRAMIDALI TAL-INKROĊJAR TAR-RAZEZ GĦALL-BROJLERS KUMMERĊJALI    

ANNESS IV: IL-KARATTERISTIĊI TAL-PROGRAMMI ATTWALI TAS-SELEZZJONI TAL-BOJLERS    

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

1.SFOND

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE 1  li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam tiddikjara li:

"Abbażi ta’ opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 rapport dwar l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi dwar id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi xierqa, jekk ikun meħtieġ."

Dan ir-rapport huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal dan l-obbligu.

Sabiex tħejji dan ir-rapport, fl-2010, il-Kummissjoni talbet opinjoni xjentifika mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) 2 li ġiet aġġornata fl-2012 3 u tat mandat biex isir studju ekonomiku 4 , li tlesta fl-2013.

Dan ir-rapport jindirizza biss tiġieġ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE 5 .

Iż-żmien addizzjonali mhux mistenni li kien meħtieġ biex tinkiseb id-dejta xjentifika u ekonomika komprensiva jispjega d-dewmien fl-adozzjoni ta’ dan ir-rapport.

2.IS-SETTUR TAL-LAĦAM TAT-TIĠIEĠ

2.1. Il-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum fl-UE

Fl-2014, il-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ fl-UE (it-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam jissejħu wkoll "brojlers") laħqet l-10,5 miljun tunnellata, li tirrappreżenta madwar 6,5 biljun għasfur 6 u madwar 12 % tal-produzzjoni tad-dinja 7 .

Tliet kwarti tal-produzzjoni tal-UE hi kkonċentrata f’seba’ Stati Membri: il-Polonja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi (ara l-Anness I).

Fl-2010 kien hemm aktar minn 2,2 miljun azjenda agrikola tal-brojlers fl-UE-27. Madankollu, kien hemm biss 20 000 azjenda agrikola b’aktar minn 5 000 brojler (ara l-Anness II).

Fl-2014, ir-rata tal-awtosuffiċjenza 8 fl-UE kienet ta’ 103,9 %. Il-kummerċ fi ħdan l-UE huwa prinċipalment ibbażat fuq laħam tat-tiġieġ frisk. Il-Pajjiżi l-Baxxi jiddominaw il-kummerċ fil-laħam tat-tiġieġ fi ħdan l-UE (madwar 30 % tat-total ta’ movimenti transfruntiera fi ħdan l-UE) segwiti minn Franza, mill-Ġermanja u mill-Polonja.

Fl-UE, ix-xerrejja prinċipali tal-laħam tat-tiġieġ huma il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza. Dawn l-erba’ pajjiżi jirrappreżentaw ukoll 62 % tal-importazzjonijiet kollha tal-laħam tat-tiġieġ fl-UE, prinċipalment laħam naturali tas-sidra ffrizat mill-Brażil jew laħam tas-sidra msajjar iffriżat mit-Tajlandja.

B’konsum medju ta’ 26,8 kg kull ras fis-sena fl-2014, il-laħam tat-tiġieġ jikkostitwixxi t-tieni l-aktar laħam ikkonsmat fl-UE (madwar 30 % tal-konsum totali tal-laħam, wara l-laħam tal-majjal 9 ). Il-konsum tat-tiġieġ jibqa' jikber fi kważi l-Istati Membri kollha.

2.2. Is-selezzjoni ta’ tnissil

Is-sistema ta’ produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ hija ferm sofistikata u tibda qabel ma jitwieldu t-tiġieġ. It-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam huma r-riżultat ta’ kombinazzjonijiet ġenetiċi kumplessi li jitwettqu diversi ġenerazzjonijiet qabel.

Is-selezzjoni ġenetika tidentifika t-tjur l-iktar xierqa biex isiru l-ġenituri tal-ġenerazzjoni li jmiss.. Din tiddetermina l-karatteristiċi li għalihom tintgħażel linja speċifika sabiex jiġu ssodisfati d-domandi tas-suq.

Il-produzzjoni tal-brojlers hija r-riżultat tal-inkroċjar tar-razez f’erba’ fażijiet (ara l-Anness III). Il-punt tat-tluq f’dan il-proċess ta’ produzzjoni piramidali huwa s-selezzjoni ġenetika ta’ numru ta’ linji puri (imsejħa wkoll pedigree) mill-kumpanija tat-tnissil. It-tjur ta’ linji puri magħżula jitnisslu minn xulxin u mrobbija f'livelli għolja ta’ bijosigurtà fi status speċifiku liberu mill-patoġeni u ġeografikament mifrux biex tkun evitata l-kontaminazzjoni li tista’ twassal għal telf ekonomiku u ġenetiku sinifikanti.

It-tjur ta’ linji puri li se jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni li jmiss jiġu allokati fil-proċess ta’ multiplikazzjoni wara s-selezzjoni tagħhom. Dan il-proċess jinkludi tliet passi: l-ewwel fil-livell tal-bużnanniet, it-tieni fil-livell tan-nanniet u t-tielet fil-livell tal-istokk tal-ġenituri biex jipproduċu flieles ta’ jum li jsiru brojlers kummerċjali.

Sal-ġurnata tal-lum, ftit kumpaniji jiddominaw is-suq dinji tal-istokk tal-brojlers għat-tnissil. Dawn il-kumpaniji ma żvelawx dettalji lill-Kummissjoni dwar siti jew tjur għat-tnissil prinċipalment minħabba l-fatt li jikkunsidraw din l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

2.3. Il-mudelli ta’ produzzjoni tat-tiġieġ fl-UE

L-industrija tat-tiġieġ tal-UE topera prinċipalment fi ħdan żewġ mudelli organizzattivi, il-produzzjoni integrata vertikali u l-konnessjonijiet indipendenti tal-katina ta’ produzzjoni.

Permezz tal-mudell integrat vertikali, diversi konnessjonijiet tal-produzzjoni jew kollha (it-tnissil, it-tfaqqis, l-akkomodazzjoni, il-mitħna tal-għalf u l-impjant tal-ipproċessar) huma kkontrollati mill-impriża integrata. L-integratur jipprovdi flieles ta’ jum, l-għalf u xi drabi l-akkomodazzjoni u f'kull waqt ikun is-sid tat-tjur. Il-bdiewa jitħallsu rata stabbilita ta’ xogħolhom u tal-ispejjeż varjabbli. Din is-sistema tintuża fir-Renju Unit, fl-Italja, fi Franza u fi Spanja.

Fit-tieni mudell tal-konnessjonijiet indipendenti, kull konnessjoni taħdem permezz ta’ suq miftuħ li jassumi r-riskji tiegħu stess. Il-bidwi huwa s-sid tat-tjur u hu iżjed ikkonfrontat direttament mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-għalf u mad-domanda għal-laħam tat-tjur. Din is-sistema tintuża fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, filwaqt li fil-Ġermanja jeżistu ż-żewġ mudelli.

Il-biċċa l-kbira tas-selezzjoni ġenetika hi orjentata biex tissodisfa l-ħtieġa għal tjur li jikbru malajr li hi s-sistema predominanti ta’ produzzjoni fl-UE.

Għal dan l-għan, is-settur tal-laħam tat-tiġieġ tal-UE juża l-brojlers li jikbru malajr. Dawn il-brojlers jilħqu l-mira ta’ piż ħaj ta' 2-2,5 kg f’madwar 35-45-il jum. Madankollu, jeżistu varjazzjonijiet skont il-pajjiż, ir-reġjun jew is-settur tas-suq li jrid jiġi fornut. Ix-xejra ġenerali fl-Ewropa hi li jinżammu l-brojlers magħżula għat-tkabbir malajr f’sistemi magħluqa u kkontrollati ta’ akkomodazzjoni, bil-mifrex u bi provvista awtomatizzata tal-għalf u tal-ilma.

Madankollu, parti mill-produzzjoni, u tabilħaqq is-selezzjoni ġenetika, hija ddisinnjata wkoll għal tjur li jikbru bil-mod.

F'dawn l-aħħar snin, f’ ħafna pajjiżi tal-UE qed jikber l-interess fil-brojlers li jikbru bil-mod (minn 70 sa 81 jum). Dawn il-brojlers jintużaw fil-produzzjoni fil-beraħ u fil-produzzjoni organika, b’densitajiet baxxi u b’aċċess permanenti għal żona fil-miftuħ. Madanakollu, l-esperti tal-industrija jqisu li l-qasam tat-tiġieġ li jikbru bil-mod se jibqa’ suq speċjalizzat. Barra minn hekk, hemm produzzjoni ċċertifikata tal-brojlers, li tinkludi l-brojlers li jikbru bil-mod miżmuma ġewwa sakemm ikollhom 56 jum, bħala produzzjoni intermedja bejn il-brojlers regolari u l-produzzjoni organika. Fl-UE ma hemm l-ebda statistika disponibbli dwar l-għadd eżatt ta' brojlers alternattivi (brojlers li jikbru bil-mod jew brojlers iċċertifikati); madankollu l-esperti tal-industrija jistmaw li hemm sehem mis-suq ta' bejn 5 u 10 % tal-produzzjoni totali 10 .

3.IS-SELEZZJONI ĠENETIKA U L-IMPATT TAGĦHA FUQ IL-BENESSERI TAL-BROJLERS

Is-selezzjoni ġenetika tal-brojlers nbidlet b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 50 sena. B’mod partikolari, ir-rata tat-tkabbir tal-brojlers kummerċjali kibret ferm u issa l-brojlers standard jilħqu piż tal-ġisem ta' 1,5 kg f’inqas minn 30 jum filwaqt li fil-ħamsinijiet kien hemm bżonn ta' 120 jum. Inizjalment, is-selezzjoni kienet immirata lejn rati ta’ tkabbir u rendimenti tal-laħam akbar. Madankollu, sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa ta’ selezzjoni unilaterali tal-produzzjoni, f’dawn l-aħħar snin kien hemm ukoll is-selezzjoni skont is-suxxettibbiltà ta' ċerti tipi ta’ mard u karatteristiċi tal-benesseri.

Il-biċċa l-kbira tal-problemi tal-benesseri fil-brojlers huma r-riżultat ta’ bosta fatturi, bħalma huma fatturi ambjentali, fatturi ta’ ġestjoni u fatturi ġenetiċi. Madankollu, l-opinjonijiet xjentifiċi jirrikonoxxu li xi problemi tal-benesseri huma essenzjalment marbuta ma’ fatturi ġenetiċi u oħrajn huma prinċipalment marbuta ma’ fatturi ambjentali/ta' ġestjoni bħalma huma d-densità ta’ ħażna u l-kwalità tal-mifrex, l-ambjent sterili u d-dawl.

3.1. Is-selezzjoni ġenetika: ereditabilità u l-pressjoni tas-selezzjoni

Il-programmi tat-tnissil huma organizzati biex jipprovdu qatgħat kummerċjali ta' flieles brojlers ta' jum wieħed f'piramida ta' multiplikazzjoni (ara t-taqsima 2.2.). Il-piramida tat-tnissil tiffaċilita l-inkroċjar tar-razez bejn linji distinti ġenetikament biex jintgħażlu karatteristiċi ġenetiċi definiti inklużi fil-programm ġenetiku. Ir-rispons għal ġenerazzjoni waħda ta’ selezzjoni jiddependi mill-ereditabilità 11 tal-karatteristiċi u mill-pressjoni tas-selezzjoni applikati (il-proporzjon ta’ tjur b’karatteristika definita użat bħala ġenituri tal-ġenerazzjoni li jmiss). Barra minn hekk, il-progress li sar permezz tas-selezzjoni ġenetika fil-qatgħat pedigree ma tiggarantix li bidla simili ser tiġi osservata fil-brojlers kummerċjali peress li l-ambjenti li fihom il-brojlers jitrabbew kummerċjalment mhumiex l-istess bħal dawk tal-qatgħat tan-nissiela 12 .

Jeżistu diffikultajiet sinifikanti biex tinkiseb id-dejta dwar l-ereditabilità tal-karatteristiċi magħżula, għax min-naħa l-waħda diversi mijiet ta’ tjur huma meħtieġa biex tinkiseb dejta ta’ min joqgħod fuqha u min-naħa l-oħra ż-żmien meħtieġ biex bidla ġenetika tidher f’qatgħat kummerċjali qatt ma jkun inqas minn erba' snin (ara l-Anness III).

Meta s-selezzjoni tapplika għal diversi karatteristiċi fl-istess ħin, ir-rispons tas-selezzjoni għal kull karatteristika jkun inqas milli kieku din il-karatteristika kienet l-unika waħda magħżula u għalhekk titnaqqas il-pressjoni tas-selezzjoni. Pereżempju, jekk wieħed jassumi li l-programm ta' selezzjoni A jinkludi r-rata ta’ tkabbir u r-reżistenza għall-mard u l-programm ta’ selezzjoni B jinkludi biss ir-rata ta’ tkabbir, ir-rispons tas-selezzjoni għar-rata ta’ tkabbir fil-programm A se jkun aktar kajman minn dak tal-programm B.

Fl-imgħoddi, il-karatteristiċi tal-produzzjoni kienu l-uniku kriterju fil-programmi tat-tnissil u tas-selezzjoni. Peress li l-ispiża tal-għalf hija l-fattur ewlieni li jaffettwa l-ekonomija tal-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ, l-effiċjenza tat-trasformazzjoni tal-ikel 13 kienet l-kriterju prinċipali tas-selezzjoni. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin dan kien qed jinbidel biex l-enfasi kienet qed tkun dejjem iktar fuq il-karatteristiċi tan-nonproduzzjoni bħalma huma, il-kwalità tal-għadam, l-effiċjenza kardjovaskulari u r-reżistenza għall-axxite (ara l-Anness IV).

Il-mod kif dawn il-karatteristiċi jiġu inklużi fi programmi tas-selezzjoni ġenetika tikkostitwixxi informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-kumpaniji tat-tnissil ma jiżvelawhx. Għalhekk, il-pressjoni preċiża tas-selezzjoni fuq il-karatteristiċi tal-produzzjoni u tan-nonproduzzjoni mhix magħrufa.

3.2. L-impatt fuq il-benesseri tal-annimali

F’dawn l-aħħar deċennji, ġiet modifikata firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi metaboliċi u tal-imġiba fil-brojlers bis-selezzjoni ġenetika, li wasslet għal diversi kwistjonijiet tal-benesseri, kif deskritt hawn taħt:

Ir-riġlejn u l-lokomozzjoni

Il-problemi fir-riġlejn li jaffettwaw is-sistema tal-lokomozzjoni, bħalma huma deformitajiet fl-għadam u z-zappip, huma kawża ewlenija ta' nuqqas ta' benesseri fil-brojlers u jista’ jkollhom komponent ġenetiku. L-EFSA indikat li madwar 30 % tal-brojlers kummerċjali mrobbija b’mod intensiv kellhom anomaliji fir-riġlejn. Dawn il-limitazzjonijiet bijomekkaniċi huma konsegwenza probabbli tal-bidliet morfoloġiċi bħalma huma t-tkabbir rapidu tal-muskolu tas-sider li jispostja iċ-ċentru tal-gravità 'l quddiem u r-riġlejn relattivament qosra f'relazzjoni mal-piż tal-ġisem tat-tjur.

L-opinjoni xjentifika tat prova kif l-għadam tar-razza magħżula li tikber malajr huma aktar porużi u għandhom inqas minerali mill-għadam ta' dik ir-razza tal-kontroll li tikber bil-mod. Barra minn hekk, l-istudji wrew li l-brojlers li jikbru bil-mod u mrobbija sal-età ta' 56 jum kienu kapaċi jimxu ferm aħjar minn oħrajn imrobbija sal-età ta' 42 jum.

It-tjur li jsofru minn anomaliji gravi ta' xengil għandhom diffikultajiet biex jiċċaqilqu u x’aktarx li jbiddlu l-attivitajiet tal-ikel tagħhom, jiġifieri, iqattgħu aktar ħin mimdudin minħabba l-uġigħ miċ-ċaqliq u bħala riżultat ibatu minn livelli ogħla ta’ dermatite tal-kuntatt (ara hawn taħt).

L-axxite u s-sindrome ta' mewt għall-għarriedamhux mistennija (SDS)

L-axxite hija l-akkumulazzjoni ta’ fluwidu fil-kavità addominali u hija taqlib metaboliku li ġej minn dilatazzjoni u ipertrofija tal-qalb li twassal għal insuffiċjenza kardijaka u għal bidliet fil-funzjoni tal-fwied. L-SDS huwa l-akbar kawża ta’ mwiet fil-qatgħat tal-brojlers li taffettwa l-aktar lit-tjur irġiel li jikbru malajr 14 . Huwa ġeneralment preżunt li l-kawża prinċipali tat-tnejn hija provvista insuffiċjenti tal-ossiġenu jew domanda għal ossiġenu li tkun għolja wisq. Fatturi oħra bħan-nutrizzjoni, il-kwalità tal-arja jew il-kundizzjonijiet tad-dawl jistgħu jinfluwenzaw ukoll l-inċidenza tal-axxite u tal-SDS.

Diversi studji kkwotati mill-EFSA juru li s-suxxettibbiltà għall-axxite kellha sfond ereditarju. Ir-rati ta’ tkabbir mgħaġġel miksuba permezz tas-selezzjoni ġenetika jżidu r-riskju ta’ dawn iż-żewġ mardiet b'domanda kimika akbar ta' ossiġenu li tpoġġi pressjoni fuq is-sistema kardjopulmunari Bosta studji kkonkludew li hemm persentaġġ ogħla ta’ mortalità kkawżata mill-axxite fil-brojlers li jikbru malajr (maqtula fl-età ta’ 42 jum) milli fil-brojlers li jikbru bil-mod (maqtula fl-età ta’ 56 jum).

Id-dermatite tal-kuntatt

Il-mard tal-ġilda bħalma hu d-dermatite tal-kuntatt (l-erożjonijiet tas-sider, tal-għaksa u tas-saqajn jistgħu jiżviluppaw f’ulċerazzjonijiet u jiġu infettati) huwa prinċipalment marbut ma’ prattiki ta’ ġestjoni, peress li l-mifrex imxarrab flimkien mal-kompożizzjoni tal-għalf (sa ċertu punt) jidhru li huma l-aktar fatturi importanti fil-prevenzjoni ta’ dan il-mard 15 . Madankollu, diversi studji wrew li d-dermatite tal-kuntatt għandha grad moderat ta’ ereditabilità u għalhekk is-selezzjoni ġenetika tista’ tnaqqas din il-problema ewlenija tal-benesseri.

3.3. Il-benesseri tal-annimali u l-għanijiet tas-selezzjoni

Minn perspettiva ġenetika, l-eżitu mixtieq tas-selezzjoni se jkun għasfur li b’mod effettiv ikollu l-karatteristiċi tal-produzzjoni, tar-riproduzzjoni, tas-saħħa u tal-benesseri. L-istima tal-korrelazzjonijiet ġenetiċi bejn il-karatteristiċi tal-produzzjoni u tal-benesseri użati bħala kriterji tas-selezzjoni fil-programmi tat-tnissil tal-annimali tista' tgħin biex jiġi antiċipat kif selezzjoni diretta tista' tinfluwenza l-karatteristiċi l-oħrajn.

Jista’ jkun hemm korrelazzjoni baxxa jew għolja bejn ċerti karatteristiċi tas-saħħa u tal-benesseri fuq naħa waħda u l-karatteristiċi tal-produzzjoni fuq in-naħa l-oħra. Meta l-korrelazzjoni tkun għolja bejn żewġ karatteristiċi, dan ifisser li s-selezzjoni ġenetika ma tistax issir separatament. Fejn il-karatteristiċi tal-produzzjoni jkollhom korrelazzjoni negattiva għolja mal-karatteristiċi tas-saħħa u tal-benesseri, dan ifisser li titjib f’karatteristika tal-produzzjoni (eż. ir-rata tat-tkabbir) se jikkomprometti l-karatteristiċi l-oħrajn (eż. l-axxite). Dan jippreżenta sfida li tista' tiġi ttrattata f'programm ta' tnissil bbilanċjat bl-użu xieraq tal-indiċijiet tas-selezzjoni.

Idealment, il-programmi tat-tnissil għandhom jgħaqqdu l-karatteristiċi f'indiċi ta' selezzjoni li jqis l-impatt fuq il-karatteristiċi varji tat-tjur.

Rigward l-impatti ewlenin fuq il-benesseri deskritti hawn fuq, l-istudji xjentifiċi kkwotati mill-EFSA wrew li:

Il-korrelazzjonijiet ġenetiċi bejn il-karatteristiċi bħalma huma l-problemi skeletali speċifiċi u t-tkabbir għandhom jippermettu titjib ġenetiku fis-saħħa tar-riġlejn flimkien ma’ titjib kontinwu, minkejja li aktar modest, fir-rata tat-tkabbir.  

Huwa possibbli li tiġi żviluppata linja reżistenti għall-axxite peress li jidher li hemm ftit ġeni biss responsabbli għas-suxxettibbiltà tal-axxite u dawn għandhom ereditabilità għolja. Is-sindrome ta' mewt għal għarrieda għandu korrelazzjoni mal-axxite.

Hemm korrelazzjoni ġenetika baxxa bejn id-dermatite tal-kuntatt (il-ħruq fil-kuxxinetti tar-riġlejn u fl-għaksa) u l-piż tal-ġisem li tissuġġerixxi li s-selezzjoni skont is-suxxettibbltà għad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn għandha tkun possibbli mingħajr effett negattiv fuq il-piż.

F’dan l-isfond is-sinjali pożittivi ta’ integrazzjoni aħjar ta’ problemi tal-benesseri fil-proċess tas-selzzjoni tal-programmi tat-tnissil diġà jistgħu jinstabu. Pereżempju, stħarriġ reċenti fil-qatgħat kummerċjali jirrappurtaw tnaqqis fl-inċidenza ta’ problemi tar-riġlejn u tal-axxite matul l-aħħar 10 snin. Skont id-dejta tal-industrija dawn ir-riżultati huma minħabba l-fatt li dawn jintegraw il-karatteristiċi tas-saħħa u tal-benesseri fl-iskemi tagħhom tas-selezzjoni.

4.IS-SITWAZZJONI ATTWALI

4.1. Id-dejta disponibbli dwar il-programmi ta’ selezzjoni

It-teknoloġiji l-ġodda bbażati fuq markaturi ġenetiċi jistgħu jgħinu fis-selezzjoni ġenetika biex jiġu identifikati tjur li jkollhom il-ġeni mixtieqa. Is-selezzjoni ġenetika fi programmi ta’ tnissil tat kontribut biex tiġi żgurata produzzjoni kompetittiva tal-brojlers fl-UE, madankollu, il-livell ta’ titjib ġenetiku jew tal-karatteristiċi individwali ma jistax jiġi kkwantifikat f’dan ir-rapport minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal dejta kunfidenzjali tan-nissiela.

Barra minn hekk, dawn il-proċessi ta' selezzjoni huma bbażati essenzjalment fuq qatgħat ikkontrollati mill-kumpaniji tat-tnissil. Fid-dinja, huma biss ftit kumpaniji tat-tnissil li jipprovdu brojlers nissiela u tiġieġ brojlers 16 . Il-produtturi għandhom aċċess limitat għal informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji ta’ selezzjoni fil-programm tat-tnissil.

Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-pressjoni tas-suq attwalment ma tipprovdix inċentivi suffiċjenti lill-kumpaniji tat-tnissil biex jagħtu aktar importanza lill-karatteristiċi tal-benesseri fil-programmi tagħhom tat-tnissil.

Il-kompetizzjoni fis-suq tal-laħam tat-tiġieġ kienet iffokata prinċipalment fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet. L-għalf jirrappreżenta madwar 65 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni u għalhekk is-selezzjoni ġenetika ffokat prinċipalment fuq rati ta’ tkabbir mgħaġġel biex jitnaqqsu l-ispejjeż. L-effiċjenza inferjuri tat-trasformazzjoni tal-ikel tal-brojlers magħżula għall-karatteristiċi tal-benesseri żżid l-ispejjeż tal-produzzjoni.

4.2. Id-diversità ġenetika

Il-programmi ta’ selezzjoni huma għodda utli għat-titjib ta’ ċerti karatteristiċi tal-produzzjoni fil-linji kummerċjali. Madankollu, dawn wasslu wkoll għal telf tad-diversità ġenetika filwaqt li wasslu għall-eliminazzjoni involontarja possibbli ta’ karatteristiċi ġenetiċi li jistgħu jkunu utli fil-futur jekk il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni jinbidlu (ir-reżistenza għal mard ġdid, il-kundizzjonijiet klimatiċi ġodda, eċċ).

Din hija r-raġuni għaliex il-programm Komunitarju tal-UE dwar il-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura jippromwovi d-diversità ġenetika. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ffinanzjat il-proġett Globaldiv 17 bl-għan ewlieni li tiġbor esperti internazzjonali minn oqsma differenti marbuta mal-karatterizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-annimali tal-azjendi agrikoli għar-rieżami tal-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u l-istrateġiji għall-konservazzjoni.

5.KONKLUŻJONIJIET

In-nissiela progressivament iqisu l-karatteristiċi marbuta mas-saħħa u mal-benesseri tat-tiġieġ tagħhom fil-programmi ta’ selezzjoni.

Il-leġiżlazzjoni attwali tipprovdi sistema ta’ monitoraġġ għall-indikaturi tal-benesseri tal-annimali 18 f’kundizzjonijiet kummerċjali li jistgħu jiġu sfruttati aktar f’kuntest ta’ selezzjoni ġenetika.

Il-konsumaturi qed jesprimu dejjem aktar interess fil-brojlers magħżula għall-karatteristiċi tal-benesseri li jkunu prodotti bi spejjeż ogħla.

Il-preżenza ta’ informazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali f’livelli differenti u mfassla speċifikament għal kull tip ta’ udjenza (l-iskejjel, il-midja ...) tista' tgħin biex tiżdied id-domanda għal prodotti li jħarsu l-benesseri tal-annimali.

F’dan l-istadju l-ebda proposta leġiżlattiva mhi meħtieġa. F’konformità mal-mandat tagħha dwar il-benesseri tal-annimali u permezz tal-għodda eżistenti, il-Kummissjoni Ewropea lesta li tiffaċilità it-titjib f’dan il-qasam.

ANNESS I: Il-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ fl-UE bejn l-2010 u l-2014 (1000 tunnellata)

 

2010

2011

2012

2013

2014

Il-Belġju

497 117

487 05

401,747

379,33

425,01

Il-Bulgaria

72,763

73,428

74,482

69,81

71,53

Ir-Repubblika Ċeka

182,723

166,636

148,986

143,85

143,87

Id-Danimarka

184

185,7

153,9

159,3

142,8

Il-Ġermanja

802,781

853,525

864

911

969

L-Estonja

11,244

11,244

11,244

11,244

11,244

L-Irlanda

108,554

108,554

108,554

108,554

108,554

Il-Greċja

175,898

173,05

179,999

177,73

187,86

Spanja

1 115,86

1 111,91

1 128,37

1 133,70

1 236,83

Franza

1 037,00

1 060,00

1 044,00

1 078,00

1 047,00

Il-Kroazja

48,5

50

48,8

49,8

L-Italja

864,969

894,744

922,353

902,74

919,55

Ċipru

27,473

27,22

25,148

21,83

21,48

Il-Latvja

23,394

22,807

24,491

26,71

28,56

Il-Litwanja

63,994

67,943

73,773

82,94

86,69

Il-Lussemburgu

0

0

0

0

0

L-Ungerija

208,275

219,828

240,09

235,59

261,26

Malta

4,398

4,155

4,252

4,13

3,94

Il-Pajjiżi l-Baxxi

781,454

840,922

888,521

920,8

956,12

L-Awstrija

96,562

95,063

92,681

94,94

97,27

Il-Polonja

1 000,29

1 046,25

1 270,70

1 365,61

1 477,09

Il-Portugall

248,848

245,633

244,311

245,4

248,9

Ir-Rumanija

298,386

298,386

298,386

301,877

301,877

Is-Slovenja

54,626

52,903

53,957

52,81

55,64

Is-Slovakkja

71,315

71,315

71,315

69,739

69,739

Il-Finlandja

86,544

92,493

98,183

102,33

104,55

L-Iżvezja

111,993

111,528

109,671

117,42

126,12

Ir-Renju Unit

1 379,37

1 357,00

1 378,97

1 442,55

1 437,64

UE

9 509,83

9 727,78

9 962,09

10 208,73

10 589,92

ANNESS II IN-NUMRU TA’ AZJENDI AGRIKOLI TAL-BROJLERS FL-UE-27 FL-2010

Pajjiż

> brojler wieħed

> 5000 brojler

% tat-total tal-UE-27

(> 5000 brojler)

Il-Belġju

930

620

3,2

Il-Bulgaria

19 470

140

0,7

Ir-Repubblika Ċeka

280

130

0,7

Id-Danimarka

280

170

0,9

Il-Ġermanja

4540

1040

5,3

L-Estonja

120

0

0,0

L-Irlanda

550

170

0,9

Il-Greċja

102 280

630

3,2

Spanja

36 570

3 360

17,1

Franza

41 710

5 780

29,4

L-Italja

13 200

1 550

7,9

Ċipru

2 570

40

0,2

Il-Latvja

480

0

0,0

Il-Litwanja

13 190

10

0,1

Il-Lussemburgu

40

Ara BE

0,0

L-Ungerija

18 760

250

1,3

Malta

160

40

0,2

Il-Pajjiżi l-Baxxi

640

620

3,2

L-Awstrija

1 190

300

1,5

Il-Polonja

337 540

2 330

11,8

Il-Portugall

105 010

750

3,8

Ir-Rumanija

1 532 550

300

1,5

Is-Slovenja

2910

170

0,9

Is-Slovakkja

470

60

0,3

Il-Finlandja

100

100

0 05

L-Iżvezja

180

80

0,4

Ir-Renju Unit

1 740

1 040

5,3

L-UE-27

2 237 460

19 680

100,0

Sors: L-Eurostat (2010)

ANNESS IV: IL-KARATTERISTIĊI TAL-PROGRAMMI ATTWALI TAS-SELEZZJONI TAL-BOJLERS

L-oqsma għas-selezzjoni

Il-kategoriji ta' karatteristiċi ewlenin (jistgħu jinkludu diversi karatteristiċi)

Is-saħħa u l-benesseri

Ir-reazzjoni immuni l-integrità skeletali l-istat mediku tal-qalb u tal-pulmuni l-adegwatezza għall-għajxien/is-sopravivenza/il-mortalità baxxa it-tnittif tar-rix l-assenza ta’ leżjonijiet tas-sider

Ir-riproduzzjoni

It-tifqis l-għadd ta’ bajd il-fertilità l-età tal-maturità sesswali

Il-produzzjoni

It-trasformazzjoni tal-ikel il-profil tat-tkabbir il-kwalità tal-laħam ir-rendiment tal-laħam tas-sider il-kontenut tax-xaħam imnaqqas

(1)

   ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19.

(2)

   Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa u l-Welfare tal-Annimali (AHAW): Scientific Opinion on the influence of genetic parameters on the welfare and the resistance to stress of commercial broilers. EFSA Journal 2010; 8 (7):1666. [82 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1666. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu

(3)

   de Jong I, Berg C., Butterworth A., Estevéz I.; Scientific report updating the EFSA opinions on the welfare of broilers and broiler breeders. Pubblikazzjonijiet ta' Sostenn 2012:EN-295. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/publications

(4)

   Study of the impact of genetic selection on the welfare of chickens bred and kept for meat production (January 2013): http://ec.europa.eu/food/animals/docs/aw_practice_farm_broilers_653020_final-report_en.pdf

(5)

   Ara l-Artikolu 1(1)(b) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2007/43/KE.

(6)

   Sors: L-Eurostat

(7)

   http://www.avec-poultry.eu/system/files/archive/new-structure/avec/Communication/Study%20final%20version.pdf

(8)

   Ir-rata ta’ awtosuffiċjenza tesprimi l-kobor tal-produzzjoni tal-UE fir-rigward tal-użu domestiku (ir-rata tal-awtosuffiċjenza = il-produzzjoni/(il-produzzjoni + l-importazzjonijiet – l-esportazzjonijiet).

(9)

   http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2013/origin-labelling/fulltext_en.pdf

(10)

    http://www.avec-poultry.eu/system/files/archive/new-structure/avec/Communication/Study%20final%20version.pdf

(11)

   L-ereditabilità tirrifletti l-proporzjon ta’ differenzi fost l-individwi dovut għall-ġenetika. L-ereditabilità tanalizza l-kontribuzzjonijiet relattivi ta’ differenzi f’fatturi ġenetiċi u mhux ġenetiċi għall-varjanza totali osservabbli f’popolazzjoni. Pereżempju, xi bnedmin f'popolazzjoni huma itwal minn oħrajn; l-ereditabilità tipprova tidentifika kemm il-ġenetika tilgħab sehem fil-parti tal-popolazzjoni li hi itwal.

(12)

   Study of the impact of genetic selection on the welfare of chickens bred and kept for meat production (January 2013): http://ec.europa.eu/food/animals/docs/aw_practice_farm_broilers_653020_final-report_en.pdf

(13)

   L-Indiċi tat-Trasformazzjoni tal-Ikel: l-ammont ta' għalf ikkonsmat biex il-piż tal-ġisem jiżdied b'kg.

(14)

   Maxwell u Robertson (1997;1998) ikkonkludew li kienu affettwati 4,7 % tal-brojlers fuq bażi dinjija.

(15)

   Il-prevalenza tad-dermatite tal-kuntatt hija varjata u r-riżultati jvarjaw skont l-età tat-tjur fiż-żmien tal-valutazzjoni.

(16)

   Madwar 60–70 % tat-tnissil tal-brojlers jitwettaq minn kumpaniji Ewropej u d-domanda għall-prodotti tagħhom qiegħda tiżdied, b’mod partikolari minn pajjiżi li qed jiżviluppaw (iċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja).

(17)

   http://ec.europa.eu/agriculture/genetic-resources/actions/f-067/067-executive-summary_en.pdf

(18)

   Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE.

Top