IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.1.2016
COM(2016) 5 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Dwar it-Tweġiba għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Evalwazzjoni Ex Post tas-Seba’ Programm Qafas
{SWD(2016) 1 final}
{SWD(2016) 2 final}
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Dwar it-Tweġiba għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Evalwazzjoni Ex Post tas-Seba’ Programm Qafas
1. Introduzzjoni
F'konformità mad-Deċiżjoni dwar is-Seba’ Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (FP7), esperti indipendenti jwettqu evalwazzjoni esterna tal-ħsieb wara, l-implimentazzjoni u l-kisbiet tal-programm sa tmiem l-2015. Għal dan l-għan, twaqqaf Grupp Espert ta' Livell Għoli (HLEG) f'Settembru tal-2014. Il-Grupp ressaq ir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2015. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG u tat-tweġiba tal-Kummissjoni. Hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD) li fih is-servizzi tal-Kummissjoni evalwaw l-FP7 fir-rigward tal-effettività, l-effiċjenza, ir-relevanza, il-koerenza u l-valur miżjud għall-UE tiegħu, f'konformità mar-rekwiżiti għal "Regolamentazzjoni Aħjar".
B’baġit ivvutat ta’ EUR 55 biljun, l-FP7 kien wieħed mill-akbar programmi tranżnazzjonali kompetittivi tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fid-dinja. L-FP7 huwa ffukat prinċipalment fuq ix-xjenza, speċjalment it-tħeġġiġ tar-riċerka kollaborattiva u tal-eċċellenza. Fl-aħħar snin tal-FP7, żdied l-enfasi dwar l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs). Sabiex jitħaffef l-għoti u l-immaniġjar tal-għotjiet, il-Kummissjoni implimentat ukoll għadd ta' miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.
2. Sejbiet ewlenin dwar il-Kisbiet tal-FP7
L-FP7 ħeġġeġ l-eċċellenza billi involva l-aqwa riċerkaturi mill-UE u minn barra l-UE f'aktar minn 25,000 proġett kollaborattiv ta' livell għoli interdixxiplinarju li jiġġenera riżultati ta' riċerka tal-aqwa livell. Madankollu, sal-lum, 50 % ta’ dawn il-proġetti għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ex post tal-FP7 ma tistax tippreżenta stampa sħiħa tar-riżultati u tal-impatti tal-FP7. Sa issa, il-proġetti tal-FP7 iġġeneraw 170,000 pubblikazzjoni. Is-sehem ta’ pubblikazzjonijiet f'ġurnali ta' livell għoli jaqbeż il-medji tal-UE u tal-Istati Uniti. Sa issa, irriżultaw aktar minn 1,700 privattiva u 7,400 esplojtazzjoni kummerċjali minn proġetti tal-FP7. L-FP7 ħeġġeġ riċerka li twassal għal skoperti ġodda permezz tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC). L-għadd ta’ pubblikazzjonijiet fl-aqwa ġurnali xjentifiċi li jirrikonoxxu l-finanzjament tal-ERC, kif ukoll l-għadd ta' Premji Nobel u ta' midalji Fields miksuba minn dawk li rċevew xi għotja tal-ERC, kollha juru li l-għotjiet tal-ERC saru xhieda ta' eċċellenza xjentifika.
Bl-involviment ta' parteċipanti minn 170 pajjiż, l-FP7 kien miftuħ għad-dinja. L-FP7 wessa' l-parteċipazzjoni tal-UE u kkontribwixxa għall-kisba tal-ERA. L-FP7 ħoloq netwerks fit-tul transkonfinali, interdixxiplinarji u transsettorjali: bħala medja, f’kull proġett iffinanzjat mill-FP7 jikkollaboraw 11-il organizzazzjoni minn sitt pajjiżi differenti u disa’ reġjuni differenti. L-FP7 ħeġġeġ l-allineament ta’ sistemi u politiki ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, l-FP7 ikkontribwixxa għall-eċċellenza xjentifika, indirizza l-isfidi soċjetali, u stabbilixxa standards għall-mekkaniżmi tal-finanzjament tar-riċerka u tal-proċessi ta’ għażla.
L-FP7 saħħaħ it-taħriġ u l-mobbiltà fuq terminu twil tar-riċerkaturi, tejjeb il-kwalità tat-taħriġ dottorali u għen fit-titjib tal-kundizzjonijet tax-xogħol għar-riċerkaturi fl-UE. L-Azzjonijiet Marie Curie tal-FP7 appoġġaw 50,000 riċerkatur, fosthom 10,000 kandidat għall-PhD minn 140 pajjiż. Il-programm stimula l-mobbiltà tar-riċerkaturi madwar l-Ewropa. Dan ikkontribwixxa wkoll għall-impjiegi sostenibbli tar-riċerkaturi fl-Ewropa u għen biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi nisa u ta' riċerkaturi internazzjonali f'timijiet ta’ riċerka benefiċjarji.
L-FP7 jirrappreżenta madwar 7% tan-nefqa pubblika totali fuq R&I fl-UE. Madankollu, kemm direttament kif ukoll bl-istimulu ta' finanzjament privat u tal-Istati Membri, l-impatt ekonomiku tiegħu fuq, pereżempju, il-PDG u l-impjieg huwa sostanzjali. Ġie stmat li l-FP7 se jżid il-PDG b’madwar EUR 20 biljun fis-sena matul il-25 sena li ġejjin permezz tal-effetti ekonomiċi indiretti tiegħu u li dan se joħloq aktar minn 130,000 impjieg ta’ riċerka fis-sena u 160,000 impjieg addizzjonali. Teżisti wkoll evidenza ta’ effetti mikroekonomiċi pożittivi: intrapriżi parteċipanti rrappurtaw żvilupp ta’ prodotti, proċessi u servizzi innovattivi u żidiet fid-dħul, fil-produttività u fil-kompetittività. Ir-riżultati tal-analiżijiet ekonometriċi juru li l-SMEs li jipparteċipaw fl-FP7 ġabu punteġġ 38% ogħla minn dak tal-grupp ta’ kontroll fejn jidħlu t-tkabbir fl-impjiegi u d-dħul operattiv. Madankollu, kif jenfasizza l-HLEG, għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni finali tal-impatt fuq is-suq ta’ proġetti tal-FP7.
L-FP7 involva lill-industrija u lill-SMEs b’mod strateġiku. Ġew involuti kemm korporazzjonijiet kbar kif ukoll SMEs b'mod estensiv permezz ta' Sħubijiet Pubbliċi-Privati – inklużi Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija (JTIs) u Sħubijiet Pubbliċi-Privati kuntrattwali – u permezz ta' strumenti speċifiċi għall-SMEs. Dan ikkontribwixxa għall-kompetittività bbażata fuq l-innovazzjoni tal-Ewropa.
L-FP7 indirizza sfidi soċjetali Ewropej f’oqsma bħas-saħħa, l-enerġija, it-trasport u s-sigurtà u kkontribwixxa biex jiġu indirizzati sfidi globali bħall-iżvilupp sostenibbli. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-enfasi ċċaqalqet mill-promozzjoni ta’ xjenzati femminili individwali għat-tħaffif tal-bidla strutturali fl-istituzzjonijiet.
Fl-FP7, il-proporzjon globali ta’ evalwaturi femminili kienet ftit ogħla mill-mira ta’ 40%. Barra minn hekk, 38% tal-ħaddiema rrappurtati tal-FP7 kienu femminili.
3. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-HLEG u t-Tweġiba tal-Kummissjoni
Din it-taqsima tipprovdi t-tweġiba tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG, li huma bbażati fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom tal-FP7.
Rakkomandazzjoni (a): Għandu jkun hemm attenzjoni ffukata fuq sfidi u opportunitajiet kritiċi fil-kuntest globali
Il-Kummissjoni taqbel mal-intenzjoni globali tar-rakkomandazzjoni tal-HLEG.
Il-Programm Orizzont 2020 huwa ffukat fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal sfidi soċjetali kbar. Huwa msejjes fuq approċċ ibbażat fuq l-isfidi, wieħed li jħeġġeġ l-użu, fir-realtà, tal-għarfien ġdid li jkun ġie ġġenerat. Biex ikun żgurat l-użu reali tar-riżultati tar-riċerka, Orizzont 2020 għandu approċċ mifrux għar-R&I, u jappoġġa l-katina kollha tal-innovazzjoni mir-riċerka fruntiera sal-attivitajiet qrib tas-suq, pereżempju permezz ta' attivitajiet pilota u ta' dimostrazzjoni. Fl-istess waqt, Orizzont 2020 iżid l-investiment fir-riċerka fruntiera permezz ta’ azzjonijiet minn isfel għal fuq. Orizzont 2020 tfassal b'mod li għandu biżżejjed flessibbiltà minnunfih biex jindirizza sfidi ġodda u mhux mistennija.
Orizzont 2020 irawwem djalogu permanenti u strutturat mas-settur privat permezz ta’ pjattaformi stabbiliti, inklużi l-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, diskussjonijiet industrijali fil-kuntest tal-istrateġija industrijali diġitali, u gruppi formali ta' parir fuq l-oqsma kollha tal-programm. Orizzont 2020 jinvolvi lis-settur privat strateġikament fit-tiswir u fl-implimentazzjoni ta’ aġendi tar-riċerka komprensivi f’setturi industrijali ewlenin, u fil-mobilizzazzjoni tal-għarfien u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għal dak l-għan, permezz ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) u Sħubijiet Pubbliċi-Privati kuntrattwali. JTIs li huma parti minn Orizzont 2020 jibbenefikaw minn għadd ta’ elementi tal-implimentazzjoni li jneħħu l-burokrazija żejda għan-negozji u li jagħmluhom aktar adatti għal xogħolhom. Il-ftuħ, it-trasparenza u l-effettività tal-JTIs se tkun evalwata fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet interim tagħhom li għandhom jitlestew sa Ġunju tal-2017.
Orizzont 2020 itejjeb b’mod sinifikanti l-opportunitajiet għall-SMEs innovattivi, billi jalloka 20 % tal-baġits kombinati għall-isfidi soċjetali u għal "Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali" għall-SMEs, u permezz tal-Istrument għall-SMEs, l-istrument "Azzjoni Rapida għall-Innovazzjoni", u s-Sħubija Pubblika-Privata Eurostars. Ir-rata ta’ sottoskrizzjoni eċċessiva turi li l-SMEs iqisu li s-servizzi u n-netwerking fil-livell Ewropew jipprovdu valur miżjud distint.
Il-Programm ta’ Ħidma ta' Orizzont 2020 għall-2016-2017 għandu l-għan li jiżgura d-disponibbiltà miżjuda ta’ finanzjament għal kumpaniji innovattivi billi jisfrutta l-opportunitajiet fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI). Sabiex jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-finanzjament għal finijiet ta' innovazzjoni, il-Kummissjoni se tesplora l-vijabbiltà li jitnieda Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.
|
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni (a), Orizzont 2020 huwa ffukat b'mod qawwi fuq ir-riżoluzzjoni ta’ sfidi soċjetali kbar; Orizzont 2020 għandu l-għan li jrawwem djalogu permanenti u strutturat mas-settur privat u li jinvolvih strateġikament, u li jimmassimizza l-involviment ta’ SMEs innovattivi.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:
Timplimenta fokus strateġiku ġdid għal Orizzont 2020 biex timmassimizza l-kontribut tagħha għall-"innovazzjoni miftuħa", għax-"xjenza miftuħa" u għall-"ftuħ għad-dinja";
Timmassimizza s-sinerġiji bejn ir-R&I fi prijoritajiet tematiċi ta' oqsma ta' sfidi soċjetali u teknoloġiji u infrastrutturi diġitali abilitanti ewlenin ġodda u emerġenti;
Tesplora l-ħtieġa għal, u l-vijabbiltà ta', Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni bħala mezz biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u kif jiġu simplifikati strumenti eżistenti;
Tevalwa l-JTIs f’termini ta’, fost l-oħrajn, il-ftuħ, it-trasparenza u l-effettività tagħhom sa Ġunju 2017;
Tħaffef l-elaborazzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew, li jistgħu jrawmu użu kbir tar-riċerka f’teknoloġiji maturi.
|
Rakkomandazzjoni (b): L-allineament tal-istrumenti u l-aġendi ta' riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa
Il-Kummissjoni taqbel mal-ħtieġa li l-istrumenti u l-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu allineati aħjar fl-Ewropa.
Il-programmi qafas jista’ jkollhom irwol importanti fl-allineament ta’ strateġiji u programmi nazzjonali ta’ riċerka. Strumenti differenti tal-UE wkoll għandhom jiġu allineati biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali li qed taffaċċa l-Ewropa u biex ikun żgurat l-investiment kontinwu f'dawk l-oqsma fejn l-Ewropa għandha pożizzjoni ta' tmexxija fid-dinja.
Fir-rigward tal-allineament tal-istrateġiji u l-programmi nazzjonali ta' riċerka, Orizzont 2020 isaħħaħ aktar l-istrumenti li ġew żviluppati diġà bħala parti minn FP7 – pereżempju, l-ERA-NET Co-Fund u l-inizjattivi tal-Artikolu 185 – biex jgħaqqad ir-riżorsi madwar l-Istati Membri, jiddefinixxi aġendi ta' riċerka strateġiċi komuni, jevita d-dupplikazzjoni, jimplimenta sejħiet konġunti, u l-bqija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet Faċilità ta' Appoġġ għall-Politika bħala parti minn Orizzont 2020 biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' riformi effettivi, f'konformità mal-prijoritajiet tal-ERA.
Sabiex jinkiseb allineament ma' programi tal-Fondi Strutturali tal-UE, il-Kummissjoni se tissokta bil-ħidma tagħha ma' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali li jippermettu l-ġbir komuni tar-riżorsi u li tinkiseb massa kritika madwar il-prijoritajiet kondiviżi. Il-proċess ta’ skoperta intraprenditorjali minn isfel għal fuq għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fis-snin li ġejjin se jqarrbu lejn xulxin l-atturi ewlenin tar-R&I. Hemm il-ħtieġa għal komunikazzjoni ċara dwar kif jaħdmu l-programmi differenti ta' finanzjament tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni żviluppat gwida għal dawk li jfasslu l-politika u l-korpi ta’ implimentazzjoni biex tappoġġa s-sinerġiji u l-kombinament ta' fondi differenti u nidiet Portal tal-Parteċipanti ġdid bi gwida dettaljata għall-applikanti dwar kif japplikaw għal proġett u kif imexxu tali proġett bħala parti minn Orizzont 2020. Barra minn hekk, għadd ta’ JTIs iffirmaw Memoranda ta’ Ftehim ma' awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u stabbilew qafas għall-kooperazzjoni strutturata.
Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nidiet l-iskema "Siġill ta' Eċċellenza", li se tippermetti lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom li jirrikonoxxu t-tikketta ta' kwalità mogħtija lil proposti għal proġetti li għandhom potenzjal mressqa bħala parti minn Orizzont 2020, u jippromwovu l-aċċess tagħhom għal sorsi differenti ta' finanzjament bħall-ESIF u programmi oħra nazzjonali, reġjonali jew privati ta' investiment.
Orizzont 2020 se jkompli jappoġġa approċċ wiesa' għall-innovazzjoni, fosthom l-innovazzjoni soċjali.
Il-Kummissjoni taqbel mal-HLEG li politiki u regolamenti oħra għandhom iwasslu għall-innovazzjoni. F’dan il-kuntest, l-għodda speċifika tar-R&I fil-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-pakkett tal-Kummissjoni "Regolamentazzjoni Aħjar" se tippermetti lill-Kummissjoni li tiżgura li l-proposti leġiżlattivi ġodda tagħha se jkunu "tajbin għall-innovazzjoni". Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tesplora l-istabbiliment ta’ "Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni" fil-livell tal-UE biex flimkien mal-partijiet interessati tindirizza inċertezzi eżistenti li jtellfu l-innovazzjoni.
|
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni (b), il-Kummissjoni għandha l-għan li, permezz tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, tiżgura l-allineament tal-istrateġiji u l-programmi nazzjonali ta' riċerka u li tiffaċilita s-sinerġiji bejn il-proġetti ta' Orizzont 2020 u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti rilevanti.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:
Tuża l-appoġġ tal-bini tal-kapaċità tal-Faċilità ta' Appoġġ tal-Politika u tal-Politika ta' Koeżjoni biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw riformi effettivi tas-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni tagħhom;
Tkompli trawwem sinerġiji bejn Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali u LIFE, u tirrapporta dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020; se jkunu mħeġġa wkoll sinerġiji potenzjali mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI);
Tiżgura li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni huma “tajbin għall-innovazzjoni” billi tapplika Linji Gwida għal "Regolamentazzjoni Aħjar", u b'mod partikolari l-"Għodda ta' Riċerka u Innovazzjoni" tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt;
Tgħarbel il-qagħda regolatorja tal-UE biex tidentifika inċertezzi rilevanti eżistenti, li jtellfu l-innovazzjoni u, b'hekk, ixekklu l-potenzjal għall-ħolqien ta' valur ekonomiku fl-Ewropa;
Ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas għal ekosistemi ta’ innovazzjoni aħjar fl-UE;
Tesplora l-vijabbiltà tal-istabbiliment ta’“Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni” bħala mod ġdid ta’ kif jiġu indirizzati inċertezzi regolatorji u biex tappoġġa l-iżvilupp u l-użu ta' innovazzjonijiet, li jistgħu jgħinu biex jibnu l-fiduċja tal-investituri.
|
Rakkomandazzjoni (c): L-integrazzjoni tal-komponenti ewlenin tal-Programmi Qafas b’mod aktar effettiv
Il-Kummissjoni taqbel mal-HLEG li l-frammentazzjoni u l-ħolqien ta’ “silos” fil-Programmi Qafas timmina l-effiċjenza u l-koerenza tiegħu. L-istruttura ta' Orizzont 2020 madwar tliet prijoritajiet mistennija li ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-programm. Kwistjonijiet trasversali ġew integrati fi tliet prijoritajiet, u b’hekk jiġu evitati s-"silos" u l-frammentazzjoni. Pereżempju, it-“Tkabbir Blu” u l-“Internet tal-Oġġetti” huma inizjattivi trasversali li jeħtieġu koordinazzjoni bejn “Sfidi tas-soċjetà” u “Tmexxija f’Teknoloġiji Industrijali u Emerġenti” (LEIT). Orizzont 2020 irawwem rabtiet bejn programmi u strumenti finanzjarji speċifiċi u jippermetti trasferimenti baġitarji bejn is-sottoprogrammi differenti.
Sabiex jiġu massimizzati l-effiċjenza u s-sodisfazzjon tal-klijenti, il-ġestjoni tal-għotjiet ta' Orizzont 2020 ġiet delegata lil erba' Aġenziji Eżekuttivi. Il-qsim tax-xogħol bejn il-Kummissjoni u l-Aġenziji Eżekuttivi huwa definit u dokumentat b’mod ċar f’Atti ta’ Delega. L-istrutturi ta’ governanza tal-Aġenziji Eżekuttivi huma mfassla biex jiżguraw is-superviżjoni xierqa mill-Kummissjoni u t-trasparenza. Tingħata attenzjoni speċjali biex tkun żgurata l-effettività u l-effiċjenza tar-riżultati tal-proġett taċ-ċirkwit li jrodd rispons mill-Aġenziji Eżekuttivi lura lejn il-Kummissjoni għal finijiet ta' politika.
Il-Kummissjoni hija impenjata għall-applikazzjoni konsistenti ta' sett wieħed ta' regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid ta' Orizzont 2020 mal-atturi kollha li jkunu qed jimplimentaw il-programm. Biex tgħin fil-koordinazzjoni u t-twettiq tal-programm, twaqqaf Ċentru Komuni ta' Appoġġ (CSC) fil-Kummissjoni. Dan jipprovdi servizzi ta' appoġġ legali, awditi ex post, sistemi u operazzjonijiet tal-IT, proċessi tan-negozju, informazzjoni u dejta dwar il-programm għad-DĠ kollha tar-riċerka, Aġenziji Eżekuttivi u Impriżi Konġunti li jimplimentaw Orizzont 2020. Il-koordinazzjoni effettiva bejn l-atturi kollha li jimplimentaw Orizzont 2020 hija sfida permanenti li tinsab fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tilħaq ta’ kuljum.
Ġew implimentati għadd ta' miżuri fl-FP7 sabiex tiġi ssimplifikata l-ġestjoni ta’ proposti u għotjiet u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Huwa stmat li l-bidliet fis-sistema tal-kalkolu tal-ispejjeż fl-FP7 wasslu għal frankar ta’ EUR 551 miljun fl-FP7 meta mqabbel mal-FP6. Madankollu, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha tal-2014, ikkonkludiet li r-rata ta’ żbalji persistentament għolja jirrifletti riskji inerenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-FP7. Dan kien kontribut importanti għat-tfassil ta’ Orizzont 2020 li rriżulta fis-simplifikazzjoni kbira tar-regoli tal-finanzjament, tal-proċessi u tal-IT.
|
F’konformità ma’ Rakkomandazzjoni (c), il-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn id-diversi prijoritajiet ta’ Orizzont 2020, fost l-oħrajn permezz ta’ kwistjonijiet trasversali, u stabbiliet mekkaniżmi effettivi biex tikkoordina mal-Aġenziji Eżekuttivi u biex tapplika b’mod konsistenti sett uniku ta’ regoli.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:
Tissokta tidentifika u timplimenta miżuri ta’ simplifikazzjoni;
Tlesti, kif kien legalment rikjest, l-evalwazzjoni tal-operat tal-Aġenziji Eżekuttivi REA u ERCEA sal-ewwel kwart tal-2016.
|
Rakkomandazzjoni (d): Ix-xjenza eqreb taċ-ċittadini
Il-Kummissjoni taqbel mal-HLEG li l-involviment tal-pubbliku fil-programm u, b’mod aktar ġenerali, il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fix-xjenza huwa importanti. Fl-implimentazzjoni tiegħu, Orizzont 2020 jinvolvi liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati rilevanti l-oħra permezz tal-iżvilupp ta’ aġendi responsabbli tar-riċerka u l-innovazzjoni u billi tipprovdi appoġġ akbar għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku.
Il-Kummissjoni implimentat għadd ta' miżuri biex tappoġġa l-komunikazzjoni tal-impatt u tar-rilevanza tal-appoġġ tal-għotjiet tal-UE għar-R&I. F'Orizzont 2020, il-benefiċjarji tal-finanzjament tar-R&I tal-UE huma obbligati li jikkomunikaw b'mod proattiv ma' udjenzji mhux speċjalizzati biex jenfasizzaw l-impatt soċjetali ta' xogħolhom. Pereżempju, l-avvenimenti tal-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi għandhom l-għan li jżidu l-għarfien taċ-ċittadini dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-isforzi biex tikkomunika dwar ir-riżultati tar-riċerka u l-impatt fuq il-pubbliku u billi tiżviluppa preżenza aktar viżibbli u attiva fil-midja soċjali. Repożitorju tal-Programm Qafas jista' jinstab onlajn u jiġi aġġornat regolarment biex jintwera l-impatt li x-xjenza għandha fuq ħajjet iċ-ċittadin.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni intensifikat l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi riveduti mill-pari f’FP7. F’Orizzont 2020, il-Kummissjoni għamlet l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi obbligatorju, u wittiet it-triq għal trasparenza sħiħa fir-rigward ta’ innovazzjonijiet u skoperti prodotti minn finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tmexxi eżerċizzju pilota dwar l-aċċess miftuħ għad-dejta ta’ riċerka f’Orizzont 2020 li jinvolvi l-aċċess miftuħ bħala modalità prestabbilita (imma li tinkludi l-possibbiltà li wieħed ma jipparteċipax) u pjanijiet ta’ ġestjoni obbligatorja tad-dejta.
It-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE huma wkoll prinċipji ewlenin tal-Aġenda tal-Kummissjoni għal “Regolamentazzjoni Aħjar”. Twettqet konsultazzjoni mifruxa mal-partijiet interessati meta Orizzont 2020 kien qed jitfassal u l-Kummissjoni se tissokta bl-involviment tal-partijiet interessati fl-evalwazzjoni u t-tfassil tal-Programmi Qafas.
|
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni (d), il-Kummissjoni qarrbet ix-xjenza lejn iċ-ċittadin billi involvithom fit-tfassil ta’ Orizzont 2020, permezz tal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet dedikati u trasversali f’Orizzont 2020 li jiffukaw fuq l-involviment akbar taċ-ċittadini, u billi kkomunikat aħjar l-impatt li x-xjenza jista’ jkollha fuq ħajjithom.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:
Ssaħħaħ aktar l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet u dejta tar-riċerka;
F’konformità mal-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar, tinvolvi liċ-ċittadini fid-definizzjoni tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni mmexxija mill-utent, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-Programmi Qafas u Programmi ta’ Ħidma speċifiċi.
|
Rakkomandazzjoni (e): L-istabbiliment tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni strateġiċi tal-programmi
Il-Pakkett "Regolamentazzjoni Aħjar" jintroduċi approċċ sistematiku u koerenti għall-evalwazzjonijiet kollha mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni u se jiżgura l-kontroll b'saħħtu tal-kwalità tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-użu tar-riżultati tal-evalwazzjoni fit-tfassil tal-politika tal-ġejjieni. Il-Linji Gwida għal "Regolamentazzjoni Aħjar" dwar l-evalwazzjoni jiggarantixxu l-kontroll tal-kwalità ta' evalwazzjonijiet mogħtija b'kuntratt permezz tal-Kumitati ta' Tmexxija u formuli ta' valutazzjoni tal-kwalità standardizzati. Il-Kummissjoni se tagħmel aktar sforzi biex ittejjeb il-kwalità u l-koerenza tad-dejta f'eżerċizzji differenti, inkluż il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, biex ikunu provduti stokkijiet tad-dejta trasparenti u preċiżi li jappoġġaw teħid tad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza.
Orizzont 2020 għandu indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin konkreti u definiti għal kwistjonijiet trasversali - fosthom dwar il-ġeneru u l-kooperazzjoni internazzjonali - u miri speċifiċi, fosthom dwar is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima u l-SMEs, li jippermettu li l-kisbiet ta' Orizzont 2020 jitqabblu mal-linji bażi fil-bidu tal-programm b'mod aktar sistematiku u rikorrenti.
Madankollu, jgħaddu għadd ta' snin qabel għarfien ġdid iġġenerat fl-ambitu ta' proġett wieħed jew portafoll ta' proġetti jiġi valorizzat fl-għamla ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda u qabel ma' dawn iħallu impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali. Bħalissa, aktar minn 50 % tal-proġetti FP7 għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tibqa' tirrapporta dwar ir-riżultati tal-FP7 fir-Rapporti ta' Monitoraġġ Annwali ta' Orizzont 2020. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta' Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-impatt fit-tul ta’ Programmi Qafas preċedenti fl-Evalwazzjoni Interim ta’ Orizzont 2020.
Dejta ewlenija għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tingħata mill-benefiċjarji tal-Programm Qafas permezz ta' mudelli ta' rappurtar standard jew ta' stħarriġ; dawn jiġu ġġenerati wkoll permezz ta' uffiċjali xjentifiċi u tal-proġetti fis-servizzi u l-Aġenziji tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qed tesplora l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex tislet u tgħaqqad dejta eżistenti, biex tidentifika riċerkaturi individwali, il-fatturat tal-kumpaniji u l-impjieg. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tesplora l-użu ta’ metodoloġiji ta’ evalwazzjoni ġodda biex tirrapporta dwar l-impatti soċjoekonomiċi usa' tal-Programmi Qafas. Il-metodoloġiji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda għandhom jappoġġaw il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kif ukoll ir-rispons tar-riżultati tar-riċerka, u esternament għall-utenti esterni. L-irbit tad-dejta ta' informazzjoni disponibbli ma' bażijiet tad-dejta esterni (kummerċjali u b'aċċess miftuħ) għandu jiġi introdott biex jiġi minimizzat il-piż ta' rappurtar għall-parteċipanti, jiġu awtomatizzati l-proċessi u tittejjeb il-kwalità tad-dejta u l-affidabbiltà tal-analiżi. Fl-istess waqt, il-benefiċjarji għandhom jibqgħu jirrappurtaw dwar ir-riżultati u l-impatti wara t-tlestija tal-proġetti biex b'hekk ikun jista' jiġi evalwat l-impatt soċjoekonomiku fuq terminu twil.
Fl-aħħar nett, sabiex tappoġġa l-evalwazzjonijiet fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogu mal-Istati Membri bil-għan li trawwem l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Programmi Qafas tal-UE fil-livell nazzjonali.
|
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni (e), il-Kummissjoni stabbiliet sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni bħala parti minn Orizzont 2020 ibbażata fuq indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:
Tiżgura l-kwalità u l-koerenza tad-dejta biex issaħħaħ is-sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, f'konformità mar-rekwiżiti ta' "Regolamentazzjoni Aħjar";
Tesplora l-użu ta' għodod għat-tislit tat-test u tad-dejta, metidoloġiji għall-evalwazzjoni u obbligi tar-rappurtar ġodda lil hinn mit-tul tal-proġetti biex jittejbu u jiġu żviluppati settijiet tad-dejta li se jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt soċjo-ekonomiku fuq terminu twil tal-Programmi Qafas tal-UE;
Tistabbilixxi konnessjonijiet ma’ bażijiet tad-dejta esterni biex tlesti u ttejjeb il-kwalità tas-settijiet tad-dejta;
Tappoġġa lill-Istati Membri fl-evalwazzjoni nazzjonali tal-impatt tal-Programmi Qafas tal-UE;
Ittejjeb l-appoġġ li Orizzont 2020 jipprovdi għall-bażi tal-għarfien għat-tfassil tal-politika fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, inkluża l-kompetittività tal-SMEs.
|
3. X’inhuma l-prospetti?
L-FP7 witta t-triq biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker, billi żviluppa bażi komuni għall-għarfien u għat-teknoloġija u soluzzjonijiet innovattivi f'oqsma li jindirizzaw sfidi pan-Ewropej, pereżempju fl-oqsma tal-ambjent, tal-enerġija tat-trasport, tas-suq uniku diġitali, tas-saħħa u tas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel. L-FP7 kien programm globali b’parteċipanti minn 170 pajjiż u ffinanzja proġetti fl-oqsma kollha koperti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. L-FP7 rawwem it-tkabbir u l-impjiegi u, partikolarment matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, għen biex iżomm l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fil-livell nazzjonali.
Il-Kummissjoni tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG. Għaldaqstant, għall-Programmi Qafas attwali u futuri, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tieħu azzjoni biex tiżgura fokus fuq sfidi u opportunitajiet kritiċi fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-Ewropa; li tallinea l-istrumenti u l-aġendi ta' riċerka u innovazzjoni fl-UE; li trawwem il-koerenza u s-sinerġiji interni tal-Programmi Qafas; li tinvolvi liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati b’mod miftuħ u trasparenti; u li timmonitorja u tevalwa r-riżultati u l-impatt tal-programmi bħala bażi għat-tfassil tal-politika tal-ġejjieni.
Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG fl-Evalwazzjoni Interim ta’ Orizzont 2020, mistennija sa tmiem l-2017.