Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4961

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi” [COM(2016) 501 final]

OJ C 173, 31.5.2017, p. 55–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi”

[COM(2016) 501 final]

(2017/C 173/10)

Relatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 20.7.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

10.2.2017

Adottata fil-plenarja

23.2.2017

Sessjoni plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

128/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi (1) (l-istrateġija), inklużi l-għanijiet u l-metodi tagħha, li huma f’konformità mal-White Paper tal-UE dwar il-Politika tat-Trasport tal-2011 (il-White Paper) (2) u l-kontribuzzjonijiet maħsuba determinati fil-livell nazzjonali (INDC) imressqa mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-Konferenza COP 21, approvati wkoll mill-KESE (3) u appoġġjati mill-Konferenza COP 22 ta’ Marrakexx.

1.2.

Il-KESE jtenni d-dikjarazzjonijiet magħmula fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-White Paper u l-implimentazzjoni tagħha u dwar l-effetti tal-ftehim tal-COP 21 fuq il-politika tat-trasport tal-UE, sal-punt li l-għanijiet tal-White Paper għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) għadhom jgħoddu, għalkemm il-metodi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet jeħtieġu aġġornament u tisħiħ.

1.3.

Huwa jilqa’ l-miżuri fl-istrateġija li jmorru lil hinn mill-White Paper, b’mod partikolari l-promozzjoni tal-innovazzjoni inkluża l-Istrateġija Ewropea dwar Sistemi tat-Trasport Kooperattivi u Intelliġenti (4), l-iżvilupp ta’ vetturi konnessi, integrati u awtomatizzati u l-integrazzjoni tal-vetturi tal-elettriku u s-sistema ta’ enerġija permezz ta’ grids intelliġenti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u xejriet ġodda ta’ trasport li jsegwu kemm mill-iżvilupp ta’ ekonomija kollaborattiva kif ukoll mill-iżvilupp ġenerali tal-ekonomija diġitali.

1.4.

Il-KESE japprova l-approċċ olistiku tal-istrateġija, li jipprovdi koerenza bejn oqsma tat-trasport u oqsma ta’ politika oħra bħall-iżvilupp tas-suq tal-elettriku, l-inkoraġġiment tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda tat-trasport u ħiliet ġodda, kif ukoll l-ippjanar ta’ mobbiltà mtejba, inkluż l-iżvilupp tat-trasport pubbliku. Xtaq li dan l-approċċ ikompli jiġi żviluppat f’termini tar-rabtiet bejn l-istrateġija u l-komunikazzjoni dwar it-titjib tas-suq intern, inklużi sinerġiji bejn il-ftuħ tas-swieq u l-effiċjenza. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-prospetti tal-ekonomija diġitali, inkluża l-mobbiltà diġitali, u l-iżvilupp ta’ ekonomija kollaborattiva u ekonomija ċirkolari.

1.5.

Il-KESE jissottolinja l-effetti potenzjali tal-iżviluppi deskritti taħt 1.4 fuq ix-xejriet tat-trasport, u jiġbed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet soċjali tagħhom, inklużi effetti fir-rigward ta’ utenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, u s-sitwazzjoni ta’ mikrointrapriżi użati bħala sottokuntratturi. Dawn il-kwistjonijiet kollha jirrikjedu attenzjoni f’waqtha sabiex jiġu solvuti l-problemi possibbli fi stadju bikri. Bl-istess mod, jinħtieġ li jiġu kkunsidrati l-effetti fuq komunitajiet iżolati.

1.6.

Il-KESE jissottolinja l-importanza kbira tal-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fid-data dwar l-emissjonijiet tal-vetturi pprovduta mill-manifatturi u japprova l-miżuri mfassla biex jinkiseb dan ir-riżultat. Jenfasizza wkoll l-importanza tal-appoġġ minn u d-djalogu mal-partijiet interessati u l-pubbliku kif ukoll il-passi meħuda biex tiġi stabbilita responsabbiltà għal data żbaljata fil-passat u tiġi evitata r-ripetizzjoni tagħha.

1.7.

Jilqa’ l-miżuri għat-titjib tal-effiċjenza bħall-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tat-TEN-T, reviżjoni tan-netwerk ferrovjarju għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv, u l-importanza mogħtija lill-promozzjoni tal-multimodalità u l-inċentivar ta’ bidla lejn mezzi ta’ trasport b’emissjonijiet aktar baxxi, inkluż aċċess għat-trasport ferrovjarju, u t-trasport ikkombinat. Huwa jinnota l-appell tal-Kummissjoni għal aċċess għas-suq għal xarabanks u kowċijiet, iżda l-KESE jirrakkomanda wkoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri ta’ politika oħra biex jespandu n-netwerks tat-trasport pubbliku u titħeġġeġ il-bidla modali mill-karozzi privati. Għalhekk, jirrakkomanda reviżjoni aktar fil-fond tal-opzjonijiet disponibbli. Madankollu, jiddispjaċih għas-silenzju fir-rigward tar-regoli mtejba dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mtejba faċilitata mis-Sistema Modulari Ewropea għall-kombinazzjonijiet tal-vetturi. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-opinjoni tiegħu dwar is-suq intern tal-merkanzija bit-triq internazzjonali: dumping soċjali u kabotaġġ (TEN/575) u jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-leġislazzjoni ċara u infurzabbli u n-neċessità għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ dumping soċjali kif ukoll il-frodi u l-abbuż fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

1.8.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-pjanijiet biex tiġi riveduta d-Direttiva tal-Eurovingette, iżda jtenni l-importanza tal-flessibilità għall-evitar tal-effetti tal-kostijiet irraġonevoli f’żoni skarsament popolati u mbiegħda inklużi gżejjer u reġjuni muntanjużi. Dan jenfasizza wkoll l-importanza ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-modi differenti fir-rigward ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-modi.

1.9.

Huwa jieħu nota tat-tnedija mill-ġdid tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS), iżda jfakkar li l-EETS ġie deċiż fl-2004 u għadu ma ġiex implimentat, li juri li hemm bżonn li tiġi riveduta s-sistema kollha sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-implimentazzjoni.

1.10.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni li qed tingħata lill-fjuwils alternattivi, b’enfasi fuq l-importanza tal-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u l-ħtieġa għal qafas adegwat li jippermetti l-użu transkonfinali tal-elettriku, il-gass naturali, l-idroġenu u l-bijofjuwils li ma għandhom l-ebda impatt fuq il-produzzjoni tal-ikel, f’konformità mal-fehmiet espressi qabel mill-KESE. Jilqa’ l-enfasi fuq l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni fl-elettromobbiltà.

1.11.

Huwa jilqa’ wkoll l-attenzjoni li ngħatat lill-kwistjoni vitali ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet ta’ kofinanzjament għal proġetti żgħar.

1.12.

Il-KESE jagħraf l-importanza li l-istrateġija tagħti lill-appoġġ mis-soċjetà ċivili. Jenfasizza l-potenzjal ta’ djalogu parteċipattiv biex jinkiseb appoġġ u jiġu solvuti l-problemi u l-possibbiltajiet tal-bini ta’ koalizzjoni fis-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet subnazzjonali (5).

1.13.

Minħabba raġuni ta’ trasparenza, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni għandha tippubblika tabella ta’ valutazzjoni tal-emissjonijiet annwali għas-settur tat-trasport.

1.14.

Jappoġġja l-azzjoni ppjanata tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jissuġġerixxi li jittieħdu aktar azzjonijiet, bħat-twettiq ta’ djalogu estern strutturat dwar it-trasport b’emissjonijiet baxxi ma’ pajjiżi tal-viċinat fil-perjodu li jwassal għal proġetti speċifiċi.

1.15.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-kondiviżjoni tal-isforzi tħalli f’idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi dwar kif jiżgura t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) tiegħu u jirrakkomanda li t-talbiet dwar it-trasport jinżammu fil-limiti stabbiliti fil-White Paper.

1.16.

Il-KESE jiddispjaċih li l-aġġornament tal-White Paper m’għadux fuq l-aġenda tal-Kummissjoni, ladarba d-diġitalizzazzjoni, l-evoluzzjoni tal-politika dwar l-enerġija u l-perspettiva olistika tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni attwali jeħtieġu aġġornament.

2.   Kuntest

L-impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE u l-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport

2.1.

Fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet dwar pakkett ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi li mhumiex koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (ETS) (il-pakkett).

2.2.

Il-pakkett huwa parti mill-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, deċiżi fit-23–24 ta’ Ottubru 2014, u l-impenn (kontribuzzjonijiet maħsuba determinati fil-livell nazzjonali (INDC)) mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fil-Konferenza tal-COP 21 f’Pariġi f’Diċembru 2015.

2.3.

Skont il-konklużjonijiet ta’ Ottubru 2014, is-setturi li jaqgħu taħt l-ETS jinħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet bi 43 % u s-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, inkluż trasport ieħor għajr l-avjazzjoni, bi 30 %, li għandu jiġi kondiviż bejn l-Istati Membri abbażi tal-ġustizzja u s-solidarjetà. Il-konklużjonijiet ma jagħmlu ebda referenza speċifika għat-trasport.

2.4.

Il-White Paper tal-UE dwar il-Politika tat-Trasport tal-2011 [COM(2011) 144] issib li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) ta’ pajjiżi żviluppati jridu jitnaqqsu “bi 80–95 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050”, sabiex it-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 oC. Għat-trasport, “tnaqqis ta’ […] 60 % […] sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990” jew 20 % taħt il-livelli tal-2008 (8 % ‘ogħla mil-livelli tal-1990) sal-2030 ikun biżżejjed.

2.5.

Il-Kummissjoni kkonfermat li dawn l-għanijiet huma kompatibbli mal-qafas ta’ politika tal-2014 għall-klima u l-enerġija fil-perjodu tal-2020 sal-2030, il-qafas għall-Unjoni tal-Enerġija tal-2015 u l-impenji tal-INDC magħmula mill-UE (6).

2.6.

Hija ddikjarat ukoll li ser ikunu meħtieġa aktar sforzi wara l-2020 biex jintlaħqu dawk l-għanijiet (7).

2.7.

Il-valutazzjoni ta’ progress reċenti dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper sabet li huwa kmieni wisq biex wieħed jasal għall-konklużjonijiet u titfa’ enfasi fuq l-implimentazzjoni (8).

Il-Pakkett

2.8.

Il-pakkett jikkonsisti minn:

Komunikazzjoni ġenerali intitolata “L-aċċelerazzjoni tat-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” [COM(2016) 500] (il-komunikazzjoni)

Proposta leġislattiva dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra annwali vinkolanti mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 [COM(2016) 482] (Proposta dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi)

Proposta leġislattiva dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 (COM(2016) 479)

Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi (COM(2016) 501) (l-istrateġija).

2.9.

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-implimentazzjoni, bħall-kondiviżjoni tal-piżijiet marbuta mal-ekonomiji tal-Istati Membri (il-ġustizzja u s-solidarjetà), il-flessibilità permezz tal-użu tad-drittijiet tal-emissjonijiet f’setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, iż-żamma ta’ livelli ambizzjużi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) billi kull settur jiġi indirizzat b’mod separat (integrità ambjentali). Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza ta’ kuntest li jippromovi t-transizzjoni.

2.10.

Il-proposta dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi taqsam ir-responsabbiltà bejn l-Istati Membri għall-INDC taħt il-Ftehim tal-COP 21 ta’ Pariġi. Kull Stat Membru jiddeċiedi kif għandhom jinkisbu r-riżultati tiegħu.

2.11.

L-istrateġija timplimenta l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-White Paper. Din tiffoka fuq it-trasport bit-triq, u tinkludi l-punti prinċipali li ġejjin:

(a)

L-effiċjenza, l-imġiba, l-ipprezzar tat-toroq

L-ottimizzazzjoni tas-sistemi ta’ trasport

L-influwenza fuq l-imġiba permezz tan-nollijiet fit-toroq

Tiġi ffavorita l-multimodalità

(b)

Fjuwils alternattivi

Il-promozzjoni ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport

L-iżvilupp ta’ bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni

Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (2014/94/UE)

(c)

Vetturi b’emissjonijiet baxxi

Standards komuni li jippermettu l-ivvjaġġar transkonfinali

Il-promozzjoni ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku

Iċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil għal karozzi tal-linja u HGVs

Ir-ritorn tal-fiduċja fil-kejl tal-livelli ta’ emissjonijiet f’kundizzjonijiet reali tas-sewqan

(d)

Il-ħolqien ta’ kuntest: sinerġiji u mudelli ġodda ta’ negozju, l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali, l-iżvilupp tal-kompetenza, l-investiment u l-appoġġ

Jinħoloq kuntest favorevoli għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi permezz ta’ sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bini ta’ kompetenza

(e)

L-avjazzjoni u t-trasport marittimu – azzjoni internazzjonali

Miżura globali bbażata fuq is-suq għall-avjazzjoni issa ġiet proposta mill-ICAO u l-IMO qed tiżviluppa kriterji tat-tfassil tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għat-tbaħħir, li jibdew bil-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

F’konformità mal-pożizzjoni tiegħu dwar il-White Paper u l-INDC tal-UE (9), il-KESE jappoġġja l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija.

3.2.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-White Paper u jerġa’ jesprimi d-dispjaċir tiegħu fl-opinjoni tal-2015 tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper li s-suq tat-trasport intern jonqsu ħafna biex jiġi komplut u li l-miżuri f’dik id-direzzjoni jkunu milqugħa (10). Implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi u tnaqqas l-emissjonijiet. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ regoli ċari u infurzabbli u akkumpanjati minn miżuri għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ dumping soċjali kif ukoll il-frodi u l-abbuż fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

3.3.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-elementi ġodda u innovattivi fl-istrateġija, bħas-C-ITS, inkluż l-iżvilupp ta’ vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati u l-integrazzjoni tal-vetturi tal-elettriku fis-sistema ta’ enerġija permezz ta’ grids intelliġenti, l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u xejriet ġodda ta’ trasport li jsegwu kemm mill-iżvilupp ta’ ekonomija kollaborattiva permezz ta’ pjattaformi tal-IT kif ukoll l-iżvilupp ġenerali tal-ekonomija diġitali. Is-sistemi diġitali se jkollhom ukoll effett fuq it-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-oġġetti u, pereżempju, se jottimizzaw il-flussi tat-traffiku u l-possibbiltà li jsiru għażliet effiċjenti fir-riżorsi li jnaqqsu l-emissjonijiet (11).

3.4.

Jissottolinja l-importanza kbira tal-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fid-data dwar l-emissjonijiet tal-vetturi provduta mill-manifatturi u japprova l-miżura mfassla biex jinkiseb dan ir-riżultat. Jenfasizza wkoll l-importanza tal-appoġġ minn u d-djalogu mal-partijiet interessati u l-pubbliku kif ukoll il-passi meħuda biex tiġi stabbilita responsabbiltà għal data żbaljata fil-passat u tiġi evitata r-ripetizzjoni tagħha.

3.5.

Itenni li ħafna mill-miżuri proposti jeħtieġu flessibbiltà u adattament għall-kundizzjonijiet lokali, inkluż l-ipprezzar tat-toroq (12).

3.6.

Huwa jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-Ftehim tal-COP 21 ta’ Pariġi u l-INDC tal-UE u jżomm il-fehma tiegħu li dawn l-impenji ma jżidux mal-għanijiet stabbiliti fil-White Paper (13). Jinnota l-appoġġ tal-partijiet għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-Proklamazzjoni tal-Azzjoni ta’ Marrakexx u l-kostituzzjoni ta’ Sħubija ta’ Marrakexx għal Azzjoni Globali li tinvolvi kemm il-partijiet interessati li huma parti kif ukoll dawk li mhumiex parti.

3.7.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-implimentazzjoni tal-White Paper u l-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti (COM(2015) 80) jeħtieġ li jiġu rieżaminati u, fejn xieraq, jiżdiedu miżuri ġodda biex jiksbu l-għanijiet tagħhom (14).

3.8.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-istrateġija jew qafas ta’ abilitazzjoni, u f’dan ir-rigward jirreferi għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Wara Pariġi” (15), dwar il-ħtieġa li “nitbiegħdu minn sistema frammentata kkaratterizzata minn politiki nazzjonali mhux ikkoordinati, ostakoli għas-suq u żoni iżolati mill-enerġija”. L-Unjoni tal-Enerġija hija qafas għal ambjent li jippermetti transizzjoni tal-enerġija u l-istrateġija futura dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività ser tisfrutta s-sinerġiji bejn l-enerġija, it-trasport, l-ekonomija ċirkolari u industrijali u l-innovazzjoni diġitali biex it-teknoloġiji Ewropej b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija jkunu aktar kompetittivi. Kif diġà ntqal fil-punt 3.3 hawn fuq, dan jinkludi wkoll miżuri biex jittejbu l-ħiliet u l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp.

Tinħtieġ azzjoni minn bosta partijiet interessati mis-soċjetà ċivili – il-pubbliku, il-konsumaturi, l-imsieħba soċjali, l-SMEs, negozji ġodda innovattivi u industriji globalment kompetittivi. Il-bliet intelliġenti u l-komunitajiet urbani u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp tat-trasport pubbliku u l-ippjanar tat-trasport huma msemmija bħala kuntesti li fihom ser isseħħ parti kbira tat-trasformazzjoni fil-futur (16).

3.9.

L-istrateġija tadotta approċċ transsettorjali, pereżempju meta tindirizza l-ħtieġa għal ambjent ta’ abilitazzjoni u meta tirreferi għal soluzzjonijiet ta’ mobbiltà diġitali u rabtiet mal-politika dwar l-enerġija. Dan l-approċċ huwa konformi mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper u mal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-titjib tas-suq uniku, li tnejn li huma jimpenjaw ruħhom biex itejbu l-viżibilità u l-fehim tal-politiki settorjali billi jpoġġuhom fil-kuntest ta’ strateġiji ġenerali tal-UE (17).

3.10.

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija ta’ approċċ olistiku lejn il-politika tat-trasport, iżda xtaq jara li hi aktar żviluppata, pereżempju dwar konsistenza bejn l-Istrateġija u l-Komunikazzjoni dwar it-titjib tas-suq uniku, inklużi s-sinerġiji bejn il-ftuħ tas-suq u l-effiċjenza, u l-prospetti li joffri s-suq intern diġitali, l-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija ċirkolari, inklużi l-effetti fuq it-tendenzi tat-trasport kif ukoll l-aspetti soċjali (18).

3.11.

Id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-istrateġija jġib miegħu għadd ta’ żviluppi ġodda tas-“soċjetà”, bħall-ekonomija kollaborattiva fit-trasport, vetturi awtomatiċi u vetturi konnessi, id-diġitalizzazzjoni u l-mobbiltà bħala servizz. Dawn l-iżviluppi, inkluż l-użu li qed jikber ta’ pjattaformi tal-Internet, kellhom jiġu msemmija fl-istrateġija.

3.12.

Il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija ma ssemmix l-aspetti soċjali, inklużi d-drittijiet tal-konsumatur, ir-relazzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-istatus tal-mikrointrapriżi, ta’ xi wħud mill-inizjattivi ppjanati, pereżemju l-pjan C-ITS, l-ekonomija diġitali, ix-xejriet il-ġodda tat-trasport jew il-ftuħ ulterjuri tas-suq f’setturi tat-trasport differenti. Iqis li huwa importanti li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati fi stadju bikri sabiex jiġu evitati tensjonijiet bla bżonn.

3.13.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-finanzjament jiġi indirizzat fl-istrateġija, peress li huwa ta’ importanza fundamentali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ oqsma b’riżorsi finanzjarji limitati u proġetti li mhumiex kbar biżżejjed biex jilħqu l-livelli stabbiliti għall-kofinanzjament tal-UE. Opzjonijiet għall-finanzjament ta’ proġetti żgħar jinħtieġ li jkunu disponibbli fis-settur tat-trasport, bħal fil-każ tas-settur tal-enerġija.

3.14.

Il-KESE jagħti importanza lir-reviżjoni tal-White Paper, li l-Kummissjoni kienet diġà ppjanat għall-2016 (19). Huwa ma jaqbilx li għadu kmieni wisq li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni (20), ladarba l-iżviluppi soċjali bħad-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp tal-politika dwar l-enerġija u t-tfassil ta’ politika olistika u l-implimentazzjoni tal-politika mħaddma mill-Kummissjoni attwali jeħtieġu aġġornament tal-White Paper.

3.15.

Il-KESE jappoġġja l-proposti stipulati fl-Istrateġija għal Azzjoni Esterna, b’mod partikolari l-azzjoni ulterjuri fl-ICAO u l-OMI dwar l-avjazzjoni u t-tbaħħir. Jiddispjaċih li l-istrateġija ma ssemmix forom oħra ta’ azzjoni esterna, bħal djalogi strutturati u valutazzjoni komparattiva mal-pajjiżi tal-viċinat fil-Lvant tal-Ewropa u fit-Tramuntana tal-Afrika.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni anness għall-Istrateġija, soġġett għall-kummenti li ġejjin:

Jiddispjaċih dwar il-fatt li, filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni jsemmi l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tat-TEN-T, reviżjoni ta’ netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv, u r-regoli dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, ma jissemmewx il-proposti ppjanati fir-rigward tar-regoli mtejba dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq tal-merkanzija. Dan iħalli barra element ta’ regolamentazzjoni tas-suq tat-trasport fejn hemm lok konsiderevoli għal titjib fil-funzjonament tas-suq b’tali mod li dan jiżviluppa f’sistema ta’ trasport aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opinjoni tiegħu dwar is-suq intern tal-merkanzija bit-triq internazzjonali: dumping soċjali u kabotaġġ (TEN/575) u jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-leġislazzjoni ċara u infurzabbli u n-neċessità għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ dumping soċjali kif ukoll il-frodi u l-abbuż fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

Il-KESE bi pjaċir jinnota l-pjani li tiġi riveduta d-Direttiva tal-Eurovignette (1999/62/KE), id-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) (2004/52/KE) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar l-aspetti tekniċi tal-EETS.

Huwa jtenni l-fehma tiegħu li l-flessibilità u l-evitar ta’ effetti ta’ spejjeż mhux raġonevoli f’reġjuni remoti u reġjuni b’popolazzjoni baxxa inklużi gżejjer u reġjuni muntanjużi għandhom ikunu elementi importanti fi kwalunkwe proposta futura (21).

Id-Direttiva dwar l-EETS ġiet adottata fl-2004 u għadha ma ġietx implimentata, minkejja d-diversi tentattivi. Il-KESE huwa tal-opinjoni li jinħtieġ li issal-kunċett jiġi rivedut biex ikun aktar attraenti għall-operaturi u l-utenti.

4.2.

Jaqbel li l-Istrateġija Ewropea dwar Sistemi tat-Trasport Kooperattivi u Intelliġenti għandha potenzjal kbir biex tipprovdi l-valur miżjud permezz ta’ effiċjenza aħjar, u jiġbed l-attenzjoni għat-tibdil li s-C-ITS se jġib għall-mudelli tat-trasport, l-istruttura tas-suq, il-liġi kuntrattwali u aspetti soċjali, pereżempju, b’numru miżjud ta’ mikrointrapriżi mmaniġġjati minn pjattaformi tal-Internet. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lil dawn l-aspetti (22).

4.3.

Il-KESE japprova l-għan tal-istrateġija li tiffavorixxi l-multimodalità u jenfasizza li għandha tingħata preferenza lis-soluzzjonijiet ta’ trasport l-aktar effiċjenti f’kull każ partikolari. Jittama wkoll li l-evalwazzjoni tad-direttiva dwar it-trasport ikkombinat se twassal għal aġġornament utli bi flessibilità suffiċjenti biex tiġi żgurata effiċjenza massima, mingħajr, madankollu, ma jiġi previst aċċess għas-suq parallel fit-trasport bit-triq. Huwa jissottolinja l-importanza li tiġi inċentivata l-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi, inkluż il-ferroviji u t-trasport ikkombinat u l-importanza f’dan ir-rigward li l-imposti tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni huma indirizzati b’mod li jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-modi.

4.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-effiċjenza fir-riżorsi mtejba mwassla minn kombinazzjonijiet tal-vetturi ta’ 25,25 metru (Sistema Modulari Ewropea (EMS)). Żewġ kombinazzjonijiet ta’ vetturi tal-EMS jistgħu jgħabbu t-tagħbija ta’ tliet kombinazzjonijiet konvenzjonali, li jfisser żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet għal kull unità. Soġġett għall-apprezzament ta’ kull Stat Membru, il-kombinazzjonijiet ta’ EMS jinħtieġ għalhekk li jkunu permessi fejn il-kundizzjonijiet ikunu xierqa, inkluż fit-traffiku transkonfinali.

4.5.

Huwa jappoġġja l-istrateġija dwar il-fjuwils alternattivi, inkluża l-ħtieġa għall-appoġġ tas-suq u l-użu tal-infrastruttura f’konformità mad-diversi ħtiġijiet tal-mezzi differenti tat-trasport, attwalment l-aktar a) l-elettriku, l-aktar għall-karozzi; b) gass naturali f’forom varji, l-aktar użat minn trakkijiet, xarabanks u vapuri; u c) bijofjuwils. Il-KESE jissottolinja li s-settur tal-fjuwils alternattivi qiegħed jiżviluppa b’mod kostanti u li kemm il-provvista kif ukoll id-domanda jistgħu jinbidlu.

4.6.

Il-KESE jappoġġja l-pjani biex jiġu żviluppati l-bijofjuwils li ma jiġux minn prodotti agrikoli jew l-użu tal-art li għandhom effett fuq il-produzzjoni tal-ikel, iżda minn sorsi oħra bħal prodotti residwi, sekondarji u tal-iskart, inkluż mill-forestrija, f’konformità mal-fehmiet espressi preċedentement mill-KESE (23).

4.7.

Huwa jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Parti importanti ta’ dan tkun użu ikbar tad-djalogu parteċipatorju mas-soċjetà ċivili, kif issuġġerit fl-opinjoni ta’ spjegazzjoni tal-KESE tal-11 ta’ Lulju 2012 bit-titolu: “Impenn tas-soċjetà ċivili” (24) li rriżultat f’żewġ konferenzi, f’Malmö fl-2015 u f’Milan fl-2016, dwar il-futur tal-Kurituri Ewropej tan-Netwerk Ċentrali li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, governanza u finanzjament.

4.8.

Biex tittejjeb it-trasparenza, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni jinħtieġ li tippubblika tabella ta’ valutazzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet annwali għas-settur tat-trasport.

4.9.

Huwa jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-importanza tal-bini ta’ koalizzjoni għall-appoġġ tal-implimentazzjoni u jiġu solvuti l-problemi, kif propost fl-Opinjoni tal-KESE dwar din il-kwistjoni (25).

4.10.

Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi ma tiddiskutix il-ħtieġa possibbli għal għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi għas-setturi. L-istrateġija ssostni li l-White Paper hija mmirata lejn it-trasport, u hija bbażata fuq valutazzjoni soda ta’ x’inhu fattibbli, mingħajr effetti negattivi fuq il-funzjonijiet tat-trasport. Passi addizzjonali deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-istrateġija huma modesti u jnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport bi 18-22 % sal-2030, minflok bi 18-19 % li huwa ppjanat bħalissa (26).

Brussell, it-23 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2016) 501 final.

(2)  COM(2011) 144 final.

(3)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146, ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14, u ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10.

(4)  COM(2016) 766 final.

(5)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170, ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.

(6)  COM(2014) 15 final, paġna 14, punt 4.1; COM(2015) 80 final; COM(2011) 112 final, p. 6-8.

(7)  COM(2014) 15 final, p. 14, punt 4.1.

(8)  SWD(2016) 226.

(9)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146; ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10.

(10)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14, punti 1.5 u 1.6.

(11)  COM(2016) 766 final.

(12)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146.

(13)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10, punti 1.3, 3.1, 4.6, 5.1 u 5.2.

(14)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10, punti 1.4, 5.2 u 5.3.

(15)  COM(2016) 110 final, Taqsima 3.1, p. 5.

(16)  COM(2016) 110 final, Taqsima 3.1, p. 7.

(17)  SWD(2016) 226, Taqsima 4.1, paġna 27.

(18)  COM(2016) 288 final u COM(2016) 356 final.

(19)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10, punti 1.4 u 5.2.

(20)  SWD(2016) 226, Taqsima 5, p. 34 u t-Taqsima 2, p. 4.

(21)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10, punt 1.6.

(22)  COM(2015) 192 final.

(23)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10, punt 1.8.

(24)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170, punt 1.11u ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.

(25)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.

(26)  SWD(2016) 501, Taqsima 5, p. 82 -83.


Top