Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE1902

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2016) 127 final)

OJ C 125, 21.4.2017, p. 10–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”

(COM(2016) 127 final)

(2017/C 125/02)

Relaturi:

Jacek KRAWCZYK

Gabriele BISCHOFF

Luca JAHIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 8.3.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

247/1/2

Kelmtejn ta' qabel

Artikolu 3 tat-TUE: “L-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b'kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b'livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent.”

Din l-Opinjoni tistabbilixxi l-kontribut inizjali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fit-tfassil ta’ dak li eventwalment jista’ jkun il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Tislet mid-diskussjonijiet rikki u diversi mit-28 dibattitu nazzjonali organizzati mill-Kumitat, li huwa jemmen li jipprovdu l-valur miżjud ta’ din l-Opinjoni. Il-Kumitat jenfasizza li l-Pilastru għandu jkun żviluppat bl-involviment b'saħħtu tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-livelli kollha. Huwa jenfasizza l-bżonn għal aktar ċarezza fir-rigward ta’ x’inhuwa ntiż li jkun fl-aħħar mill-aħħar il-Pilastru u fid-definizzjoni tal-ambitu tiegħu.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Pilastru għandu joffri proġett pożittiv għal kulħadd u għandu japplika għall-Istati Membri kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li ż-żona tal-Euro jista’ jkollha bżonn strumenti/mekkaniżmi partikolari. Il-Kumitat jemmen li l-Futur tax-Xogħol — bl-opportunitajiet u l-isfidi kollha li dan jippreżenta — għandu jkun prijorità prinċipali fid-dibattiti dwar il-Pilastru.

1.   Introduzzjoni

1.1

Wara t-talba mill-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għal kontribut tal-KESE għall-konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“EPSR”) (1), il-Kumitat ħa sehem f’konsultazzjonijiet wiesgħa tas-soċjetà ċivili (2) fit-28 Stat Membru. B’kollox, madwar 116-il membru tal-KESE u kważi 1 800 rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħadu sehem f’dawn id-dibattiti nazzjonali.

1.2

L-opinjoni tal-KESE dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tirrifletti u tintegra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta’ dawn id-dibattiti nazzjonali. Il-Kumitat jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesprimi għadd ta’ prinċipji essenzjali biex tappoġġja swieq tax-xogħol u sistemi ta’ għajnuna soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb (3) u jikkunsidra l-EPSR bħala inizjattiva importanti ħafna għas-sostenibbiltà tal-UE. F’dan il-kuntest, din l-Opinjoni tal-KESE għandha tikkostitwixxi l-ewwel pass fi proċess kontinwu lejn l-istabbiliment ta’ EPSR. Il-Kumitat jistqarr l-intenzjoni tiegħu li jkompli jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari wara l-adozzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni fl-2017.

2.   Sfidi u prijoritajiet

2.1

Fl-2017, l-Unjoni Ewropea ser tiċċelebra s-60 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma. Dan l-anniversarju importanti joffri l-okkażjoni biex niċċelebraw il-kisbiet tal-UE, iżda għandu jkun ukoll l-okkażjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali ewlenin tal-Ewropa. Il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea naqset f’ħafna Stati Membri. Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-Unjoni probabbli se tara Stat Membru jinfired minnha.

2.2

Mix-xokk tal-kriżi finanzjarja tal-2008 ’l hawn, l-Unjoni Ewropea kompliet tesperjenza sensiela ta’ kriżijiet sussegwenti. Għalkemm is-sitwazzjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u kien hemm reazzjonijiet ta’ politika differenti, illum l-UE qed tiffaċċja bosta sfidi li jinkludu: perjodu twil ta’ qgħad għoli, livelli inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, instabilità ekonomika u deterjorament fis-sitwazzjoni soċjali, inklużi livelli ogħla ta’ faqar u ta’ inugwaljanza. Ma’ dan nistgħu nżidu l-globalizzazzjoni, l-iżviluppi demografiċi u d-diġitalizzazzjoni. In-nuqqas ta’ kapaċità tal-Unjoni li tindirizza b’mod adegwat l-influss ta’ persuni li jfittxu l-asil u ta’ migranti, żied mas-sentiment ġenerali li l-UE m’għadhiex tista’ tipprovdi soluzzjonijiet politiċi kif ukoll prattiċi li jaħdmu fl-interess ta’ kulħadd. Partiti ewroxettiċi, populisti u nazzjonalisti qed ifittxu li jikkapitalizzaw fuq dawn il-beżgħat billi joffru soluzzjonijiet sempliċistiċi għal problemi kumplessi, jippontaw saba’ lejn ċerti sezzjonijiet tal-komunitajiet tagħna u joħolqu qasmiet perikolużi fis-soċjetà.

2.3

Uħud mill-isfidi u d-diverġenzi fost l-Istati Membri u fi ħdanhom saru agħar minħabba l-kriżi. Dawn jirriżultaw jew huma aggravati minn, fost l-oħrajn, nuqqas ta’ tkabbir u dgħufijiet struttuali fis-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jeżistu qabel il-kriżi. Ser tkun determinanti l-kapaċità kollettiva tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex joħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u l-impjieg.

2.4

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħala parti mill-isforz biex tiżgura “suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew”, sabiex tikseb “Ewropa soċjali AAA” u biex isservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-euro. Madankollu hemm ħafna inċertezza dwar kif fl-aħħar mill-aħħar huwa maħsub li jkun dan il-“Pilastru”. Fuq kollox, il-KESE jenfasizza li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jirriżulta fi proġett pożittiv għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa. B’dan il-mod jista’ jikkontribwixxi sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tagħhom fil-kapaċità tal-UE biex ittejjeb il-prospetti tagħhom għall-ħajja u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

2.5

Għal dan l-għan, il-Pilastru għandu jindirizza wkoll l-isfidi speċifiċi li jseħħu fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-dimensjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza.

2.6

Il-KESE jirrikonoxxi li l-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew huwa bbażat fuq fehim kondiviż tal-importanza li jiżdiedu l-impjiegi, il-progress soċjali u l-produttività, bħala l-fatturi ewlenin sottostanti għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd b’mod ġust. Il-proċess ta’ tħejjija tal-Pilastru huwa opportunità biex jiġi affermat mill-ġdid l-impenn komuni tagħna lejn il-mudell soċjali Ewropew filwaqt li jiġi żgurat li s-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol ikunu adattabbli u li jkunu adatti għall-ġejjieni (4). Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn tkabbir u kompetittività fl-UE kollha. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-interkonnessjoni neċessarja bejn il-politika ekonomika, tal-impjieg u dik soċjali (5).

2.7

Il-KESE huwa konvint li politiki u azzjonijiet nazzjonali u tal-UE mmirati biex jinkiseb suċċess ekonomiku u progress soċjali jeħtieġ li jkunu aktar fiċ-ċentru tad-dibattiti ta’ politika tal-UE. Barra minn hekk, huwa importanti li jkun hemm tfassil ta’ politika nazzjonali u tal-UE li jkun koerenti u ta’ tisħiħ reċiproku. Bħala parti minn dawn l-isforzi hemm bżonn ta’ mentalità ġdida fir-rigward tal-bidla.

2.8

Filwaqt li jipproċedi l-proċess tas-Semestru Ewropew, l-Istrateġija Ewropa 2020 li timmira lejn “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” saret marġinalizzata u spiċċaw fix-xejn it-tamiet li jintlaħqu l-miri soċjali tagħha, b’mod partikolari l-objettivi li jintlaħqu rati ta’ sehem fl-impjieg ta’ 75 %, jew li 20 miljun ruħ jinħelsu mill-faqar. Bl-istess mod, ir-Rakkomandazzjoni għal Inklużjoni Attiva tal-2008 (6) kellha impatt limitat.

2.9

Bħala punt ta’ tluq, il-Pilastru għandu jippromovi l-acquis soċjali eżistenti u l-infurzar sħiħ u xieraq tiegħu. Fejn huma kkunsidrati inizjattivi u strumenti leġislattivi vinkolanti ġodda, dan għandu jsir skont il-bażijiet legali u l-proċeduri eżistenti. L-istatus legali tal-Pilastru għad irid jiġi determinat, l-istess jgħodd għar-relazzjoni tiegħu mal-Istrument Internazzjonali Ewlieni tad-Drittijiet tal-Bniedem (7). Madankollu, il-KESE jenfasizza li d-drittijiet soċjali għandhom japplikaw għal kull persuna li tgħix fl-UE u fl-Istati Membri kollha tal-UE, filwaqt li jagħraf li jista’ jkun hemm bżonn ta’ strumenti/mekkaniżmi speċifiċi għaż-żona tal-euro.

2.10

L-investiment fil-futur huwa kruċjali iżda l-Ewropa għadha tbati minn nuqqas ta’ investiment pubbliku u privat produttiv. Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-Pjan Juncker għall-Investiment (8) u jilqa’ l-estensjoni tiegħu. Fit-tieni fażi, investiment akbar għandu jiġi mmirat lejn il-pajjiżi u r-reġjuni li l-aktar għandhom bżonnu, sabiex isaħħaħ l-ekonomiji u t-tkabbir tagħhom u jevita diverġenza ikbar bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura soċjali għandhom jiġu appoġġjati b’mod adegwat permezz tal-Pjan Juncker.

2.11

Id-diskussjonijiet dwar il-Pilastru qed iseħħu b’mod parallel ma’ dibattiti ewlenin oħra fil-livell tal-UE u dak globali, b’mod speċjali dwar il-Futur tal-Ewropa u l-Futur tax-Xogħol. Id-diskussjonijiet dwar il-Futur tal-Ewropa fis-Summit ta’ Ruma fl-2017 għandhom ikopru d-dibattiti li jikkonċernaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġija u koerenza f’dawn id-diskussjonijiet li se jiffurmaw il-futur komuni tagħna. L-iżvilupp tal-Pilastru għandu jqis l-Istrateġija Ewropa 2020 u jitgħallem mill-implimentazzjoni problematika tagħha. Għandu jkun marbut ukoll ma’ strateġija globali tal-UE (9) sabiex jimplimenta l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 adottata min-Nazzjonijiet Uniti fl-2015, bl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha. Dawn jistabbilixxu aġenda għal bidla trasformattiva globali biex jintemm il-faqar, għall-protezzjoni tal-pjaneta, l-iżgurar tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem inkluż id-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni b’diżabilità kif imħaddna fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li l-UE u l-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw, u jiggarantixxu l-prosperità għal kulħadd (10). Fil-livell tal-UE, l-isforzi jridu jsiru wkoll biex jiġi żgurat li tiġi implimentata l-leġislazzjoni kollha tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (11).

2.12

B’mod parallel ma’ din il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, il-KESE nieda sensiela ta’ dibattiti nazzjonali fit-28 Stat Membru għas-sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattiva lil hinn minn Brussell, biex jiġi stimulat dibattitu u jiġi diskuss b’mod miftuħ dwar kif għandu jiġi żviluppat il-Pilastru. Ħafna mir-riżultati ta’ dawn id-dibattiti nazzjonali jiġu riflessi f’din l-opinjoni.

2.13

Huwa essenzjali li jiġi definit aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pilastru. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-inizjattiva għandha tinkludi liċ-ċittadini kollha li jkopru l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ referenza għal dawk li jfittxu asil u l-migranti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru.

2.14

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili għandu jiġi rikonoxxut aħjar u jissaħħaħ. Id-djalogu ċivili jeħtieġ li jissaħħaħ biex ikun żgurat li n-nies, inklużi ż-żgħażagħ (12) u dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni, iħossu li jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. L-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku x’jaqdu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki li direttament jew indirettament jaffettwaw l-impjiegi u s-swieq tax-xogħol. Id-djalogu soċjali għandu jiġi promoss u appoġġat, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u tan-negozjar kollettiv u tiżdied il-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex jinvolvu ruħhom fi djalogu soċjali. L-involviment tajjeb tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet dwar il-Pilastru ġie enfasizzat f’ħafna dibattiti nazzjonali (13). Fi tliet dibattiti ġiet enfasizzata l-importanza li jinħolqu approċċ u sjieda ta’ kunsens (14).

3.   Il-Futur tax-Xogħol

3.1

Il-KESE huwa konvint li l-futur tax-xogħol għandu jkun prijorità ewlenija fi ħdan id-dibattiti dwar il-Pilastru biex jiġu indirizzati l-bidliet ewlenin li għaddejjin fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jemmen li approċċ iktar konsistenti u integrat huwa meħtieġ bħalissa u għalhekk jitlob li jkun hemm Strateġija Ewropea dwar l-Impjiegi koerenti fuq, fost affarijiet oħra, il-futur tax-xogħol, li tindirizza:

l-investimenti u l-innovazzjoni,

l-impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità,

kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd,

tranżizzjonijiet ġusti u bla xkiel appoġġati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol,

l-involviment tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali (15).

3.2

Il-kompitu tat-tfassil u l-ġestjoni ta’ trasformazzjonijiet li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol huwa maqsum bejn diversi atturi istituzzjonali. Il-partijiet interessati rilevanti kollha għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-futur tax-xogħol ikun ġust u inklużiv, li joffri opportunitajiet ta’ impjieg għal kulħadd u li jwassal għall-progress soċjali. Il-KESE huwa konvint li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jkollna forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ edukazzjoni u ħiliet, b’ħaddiema motivati bi dħul diċenti u aċċess għal impjiegi ta’ kwalità. L-iżgurar ta’ riżultati pożittivi fil-futur se jiddependi fuq l-investiment meħtieġ biex in-nies jiġu pprovduti bl-għodod meħtieġa biex jadattaw għal dawn il-bidliet, xbieki ta’ sikurezza adegwati u t-trawwim tal-innovazzjoni, inkluż l-innovazzjoni soċjali.

3.3

Il-bidliet fid-dinja tax-xogħol għandha tintuża għall-“promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd” (16). Dan l-għan għandu jiġi indirizzat mill-UE, l-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali fir-rwoli differenti tagħhom. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol għandhom ikunu involuti wkoll. Il-prekondizzjonijiet għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi ta’ kwalità huma distribwiti b’mod irregolari fost u fi ħdan l-Istati Membri. Il-KESE jħeġġeġ l-atturi istituzzjonali tal-Istati Membri sabiex jimxu mingħajr dewmien lejn strateġija “high-road” flimkien ma’ politika attiva għas-suq tax-xogħol. Hi għandha tiġi appoġġata permezz taal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi inklużiva u riveduta msemmija hawn fuq flimkien ma’ Strateġija Industrijali Ewropea ambizzjuża u koerenti.

3.4

Il-KESE diġà kien għaraf l-importanza li l-aġenda tal-UE għal ħiliet u impjiegi ġodda (17) tissejjes fuq il-kunċett tal-flessigurtà u enfasizza li għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn l-elementi interni u esterni tal-flessigurtà, sabiex is-suq tax-xogħol jitħaddem b’mod iktar effiċjenti u fl-istess ħin il-ħaddiema jitħarsu aħjar. Enfasizza wkoll l-importanza li l-imsieħba soċjali jiġu involuti b’mod attiv fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ flessigurtà (18). Barra minn hekk, il-KESE enfasizza li l-politiki makroekonomiċi sodi li jrawmu t-tkabbir tal-impjieg, kif ukoll ambjent favorevoli għall-intrapriżi li permezz tiegħu jitwettaq u jiġi appoġġjat il-potenzjal sħiħ għat-tkabbir, huma prekondizzjonijiet importanti sabiex tkun tista’ tiffunzjona l-flessigurtà. Il-KESE ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri u l-UE sabiex joħolqu u jżommu qafas legali li jwassal għall-adattabilità, li jkun sempliċi, trasparenti u prevedibbli, kif ukoll sabiex isaħħu u jżommu d-drittijiet tal-impjegati u l-ġustizzjabilità tagħhom u biex jippromovu qafas legali stabbli għan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali fl-UE kollha meta jimplimentaw il-flessigurtà. Huwa enfasizza wkoll li huwa importanti li l-imsieħba soċjali jkunu involuti b’mod attiv fid-dibattitu u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-flessigurtà (19). Il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà (20), kif ukoll il-kapaċità tas-suq tax-xogħol biex jadatta għall-isfidi l-ġodda kienu indirizzati u enfasizzati fid-dibattiti nazzjonali f’għadd ta’ Stati Membri (21).

3.5

Il-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol jeħtieġ li jappoġġjaw mogħdijiet ta’ karriera ġodda u iżjed varjati. Huma meħtieġa fil-ħajja tax-xogħol forom differenti ta’ kif jinstabu l-ħaddiema kif ukoll forom differenti ta’ ħidma. Dan jirrikjedi li jiġi provdut ambjent leġislattiv adatt għall-protezzjoni tal-impjiegi sabiex ikun provdut qafas għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u sabiex jiġi stimolat ir-reklutaġġ taħt kwalunkwe kuntratt ta’ impjieg.

3.6

Il-bidliet li qegħdin iseħħu fid-dinja tax-xogħol huma ħafna u varjati. Għandna nsibu modi biex niżguraw tranżizzjonijiet siguri bejn l-impjiegi, l-istatus u minn sitwazzjonijiet ta’ qgħad għall-impjieg, kif ukoll mill-edukazzjoni għax-xogħol, għall-forza tax-xogħol kollha. Il-kapaċità tan-nies li jgħaddu mit-tranżizzjonijiet neċessarji fi stadji differenti ta’ ħajjithom u d-disponibbiltà tal-oqfsa u tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettulhom jagħmlu dawn il-bidliet se tiddetermina s-soċjetà li ngħixu fiha u l-prosperità ekonomika tagħna. Il-KESE jipproponi li jiġu diskussi b’mod olistiku l-oqfsa u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ sabiex jiġu appoġġjati dawn it-tranżizzjonijiet.

3.7

Il-progress teknoloġiku rapidu qed isawwar ukoll il-mod kif ngħixu u naħdmu. It-tfassil proattiv tal-politika fil-livell tal-UE u nazzjonali jista' u jrid jiżgura li l-opportunitajiet offruti permezz tad-diġitalizzazzjoni jistgħu jiġu sfruttati filwaqt li jiġu evitati jew ibbilanċjati l-iżvantaġġi (22). Fid-dibattiti nazzjonali, id-diġitalizzazzjoni, flimkien mar-referenzi frekwenti għall-ħtieġa tal-investiment neċessarju fit-taħriġ u l-infrastruttura (23), ġew identifikati b’mod wiesa’ bħala waħda mill-isfidi ewlenin li għandhom jiġu riflessi fil-Pilastru (24). Jeħtieġ li jiġi vvalutat bir-reqqa l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq is-suq tax-xogħol u l-istandards, l-ekonomija, is-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u l-paga li tiggarantixxi l-għajxien (25).

3.8

L-Aġenda Diġitali u l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali għandhom ikunu konnessi ma’ approċċ globali ġdid dwar il-ġejjieni tax-xogħol. Dan għandu jindirizza l-isfidi ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali, inkluż l-għan li jiġu pprovduti l-ħiliet meħtieġa u kundizzjonijiet ekwi. Il-KESE jemmen li dan jista’ jinkiseb l-aħjar skont it-Trattati, permezz ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-livell adatt, li jappoġġja l-aċċess għal, fost l-oħrajn, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali u koordinazzjoni aħjar min-naħa tal-UE f’oqsma ewlenin fejn m’għandha l-ebda kompetenza leġislattiva.

3.9

Kif il-KESE diġà enfasizza, “il-kooperazzjoni hija kruċjali” (26) meta jiġu indirizzati l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jindirizza, b’mod partikulari, il-Kummissjoni Ewropea u l-livell ta’ governanza Ewropea b’mod ġenerali, il-gvernijiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili usa’ b’mod ġenerali. Il-Kumitat diġà rrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO għandhom jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali fil-livelli adatti kollha u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili usa’, biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet xierqa dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-protezzjoni meħtieġa biex jitqiesu forom ġodda ta’ xogħol (bħal xogħol onlajn, u l-ekonomija gig u ekonomija kollaborattiva) (27)

3.10

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiżdiedu l-livelli ta’ impjieg taż-żgħażagħ. Kif diġà ġie ddikjarat f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE, miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jitqiesu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (28). Apprendistati li jaħdmu tajjeb u forom oħra ta’ kwalità ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol jistgħu jgħinu biex iż-żgħażagħ ikollhom tranżizzjoni eħfef mill-iskola għax-xogħol (29). Il-KESE appoġġa l-idea li jinħolqu skemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri li jiġu ffinanzjati minn Fond ta’ Inizjattiva dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u apprezza l-ħolqien tagħhom (30).

3.11

Ir-rwol tad-djalogu soċjali ġie enfasizzat f’ħafna dibattiti nazzjonali (31). Il-KESE huwa mħasseb li hemm għadd ta’ pajjiżi mingħajr djalogu soċjali adegwat (32), kif ukoll pajjiżi/setturi fejn kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegati mhumiex rappreżentati fid-djalogu soċjali u mhumiex involuti fin-negozjar kollettiv. Dan għandu jiġi kkunsidrat (33), kif ukoll il-ħtieġa li jitrawwem djalogu soċjali orjentat lejn is-soluzzjonijiet li jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-intrapriżi. In-negozjar kollettiv għandu jiġi promoss fil-livelli adatti kollha; u biex dan jiġi monitorjat, il-KESE jirrakkomanda l-ġbir ta’ data dwar il-kopertura tan-negozjar kollettiv madwar l-Ewropa, permezz ta’ indikaturi fis-Semestru Ewropew, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ prattiki nazzjonali u sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali.

3.12

Il-progress teknoloġiku qed joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, iżda l-impjiegi ser jinqerdu wkoll. Sa liema punt dan ser iseħħ huwa kkontestat u studji ta’ previżjoni reċenti jvarjaw (34).

3.13

Fi kwalunkwe każ, l-investiment fil-persuni għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe strateġija tal-futur tax-xogħol. Il-livell tal-kompetenzi u l-ħiliet, b’mod partikolari ħiliet diġitali, se jkun strumentali għaċ-ċittadini u l-ħaddiema biex ikunu mgħammra sew għall-futur. L-introduzzjoni ta’ Garanzija ta’ Ħiliet (35), appoġġjata mill-investiment neċessarju, tista’ tipprovdi l-qafas biex tingħata s-setgħa lin-nies biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa matul ħajjithom. L-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità li tinkludi ċ-ċittadini kollha tal-UE, inkluż l-edukazzjoni vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet huma fundamentali għal dan.

3.14

Il-bidla teknoloġika tista’ ttejjeb l-iżvilupp tal-ħiliet, iżda jista’ jkollha wkoll il-potenzjal li tħaffef il-proċess tal-obsolexxenza tal-ħiliet għal ħaddiema f’ħafna xogħlijiet. Flimkien ma’ atturi tal-edukazzjoni, in-negozju, il-ħidma mat-trejdjunjins, is-CEDEFOP u l-gvernijiet għandhom jaqdu wkoll il-parti tagħhom biex jiġi żgurat li l-kompetenzi u l-ħiliet jiġu żviluppati biex jikkorrispondu mal-ħtiġijiet ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel (36), anke billi tiżdied ir-responsività tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal tibdil fil-ħtiġijiet ta’ ħiliet. Dan għandu jsir b’mod koerenti. L-iżvilupp ta’ kompetenza jieħu ż-żmien u jeħtieġ biżżejjed riżorsi u aktar investiment u investiment iżjed effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ huma meħtieġa b’mod urġenti. L-impatti/riżultati differenti li l-edukazzjoni u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom f’pajjiżi u reġjuni Ewropej iridu jiġu kkunsidrati wkoll.

3.15

Forom ġodda ta’ xogħol tant qed jiżviluppaw malajr li l-arranġamenti kuntrattwali ma jistgħux iżommu l-pass u għalhekk l-istatus legali tagħhom irid jiġi rivedut. Il-KESE appella għal kjarifika urġenti dwar l-istatus tal-intermedjarji tas-suq tax-xogħol u l-pjattaformi onlajn, kif ukoll investigazzjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-crowd workers, u forom ġodda ta’ xogħol u ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. Jinħtieġu wkoll linji gwida biex jiċċaraw kwistjonijiet li jistgħu ma jkunux ċari marbuta mal-istatus tal-impjieg f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali (37). Il-mira ġenerali għandha tkun li jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd u li jkun żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu koperti minn standards tax-xogħol fundamentali u protezzjoni soċjali adegwata.

3.16

L-imsieħba soċjali, b’mod partikolari, huma fiċ-ċentru meta niġu biex nippromovu l-flessibbiltà u l-istabbiltà tax-xogħol negozjati għal kull livell adatt, iżda dan jeħtieġ impenn tal-gvernijiet u fil-livell ta’ governanza Ewropea, kif ukoll it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali. Il-KESE diġà stqarr li l-UE u l-Istati Membri, fi djalogu mal-imsieħba soċjali, għandhom jikkunsidraw strateġiji biex jaġġustaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards soċjali u tax-xogħol b'tali mod li jiġu riflessi l-kundizzjonijiet ta' dinja tax-xogħol diġitalizzata (38).

3.17

L-“ekonomija kollaborattiva” u mudelli ta’ impjieg ġodda oħrajn m’għandhomx jintużaw bħala mezz sabiex jiġu evitati pagi deċenti, jew li jiġu ssodisfati l-obbligi fiskali u ta’ sigurtà soċjali (39). Il-KESE diġà kien issuġġerixxa li l-UE għandha tikkunsidra modi kif jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjattaformi tal-UE b’tali mod li l-valur maħluq jibqa’ fl-ekonomiji lokali (40).

3.18

Il-parteċipanti f’xi dibattiti nazzjonali semmew il-konverġenza tal-pagi u l-ħolqien ta’ pagi minimi fl-Istati Membri (41). Il-KESE jaħseb li hemm bżonn iżjed sforzi f’din id-direzzjoni. L-istudju tal-ILO Building a Social Pillar for European convergence  (42) huwa punt ta’ referenza utli. Huwa jenfasizza li jistgħu jintużaw firxa ta’ indikaturi biex jitqabblu l-livelli tal-pagi minimi, li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali, iżda l-proporzjon tal-paga minima għal dik medjana (jew medja) huwa l-aktar indikatur popolari. Barra minn hekk, huwa jgħid li l-adozzjoni ta’ approċċ komuni għall-politika dwar il-paga minima fil-livell tal-UE jista’ jgħin biex tiġi limitata l-firxa tal-faqar fl-Unjoni mkabbra u l-proporzjon ta’ nies b’pagi baxxi fil-kuntesti nazzjonali. Huwa jissuġġerixxi li punt tat-tluq jista’ jkun analiżi tripartitika fil-livell nazzjonali tal-kopertura, il-livell u l-konformità tal-paga minima, kif imsemmi fl-istrumenti tal-ILO. L-istudju tal-ILO jgħid ukoll li s-sejbiet ta’ għadd ta’ studji jenfasizzaw l-importanza ta’ approċċ ibbilanċjat — kif enfasizzat fil-Konvenzjoni Nru 131 — fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkundsidrati meta jiġi determinat il-livell tal-paga minima li, sakemm huwa possibbli u b’mod adatt skont il-prassi u l-kundizzjonijiet nazzjonali, jinkludi: (a) il-bżonnijiet tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, b’kont meħud tal-livell ġenerali tal-pagi fil-pajjiż, l-għoli tal-ħajja, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u l-istandards tal-għajxien relattivi ta’ gruppi soċjali oħrajn; u (b) fatturi ekonomiċi, inklużi r-rekwiżiti ta’ żvilupp ekonomiku, livelli ta’ produttività u x-xewqa li wieħed jikseb u jżomm livell għoli ta’ impjieg. Jinħtieġu aktar diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet u dawn għandhom iseħħu fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Pilastru Soċjali. Il-KESE jenfasizza li l-kompetenza ewlenija u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali nazzjonali fir-rigward tal-proċedura tal-istabbiliment tal-pagi għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ, f’konformità mal-prattiki nazzjonali. Fid-dibattiti nazzjonali saret referenza wkoll għall-ħtieġa li jiġu rispettati d-diviżjoni tal-kompetenzi u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif ukoll ir-rwol tal-imsieħba soċjali fl-istabbiliment tal-livell tal-paga minima (43). Fuq kollox, il-KESE diġà stqarr li ma kienx hemm konverġenza fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, minkejja l-aspettattivi ta’ żona monetarja ottimali endoġena (44).

3.19

F’ċerti dibattiti nazzjonali ġie rikonoxxut li t-tibdil demografiku (45) u xejriet li qed jinbidlu fis-soċjetà huma fatturi oħrajn li qed jaffettwaw b’mod profond id-dinja tax-xogħol. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) għandhom ikunu effettivi u mmirati sabiex jintlaħqu riżultati tajbin ta’ impjieg. F’pajjiż minnhom ġiet diskussa l-enfasi fuq il-possibbiltà li jiġu involuti aġenziji privati sabiex tittejjeb l-assistenza attiva għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol (46). Il-politiki tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol fl-Ewropa għandhom ikomplu joħolqu miżuri konkreti sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-garanzija tal-ugwaljanza tal-gruppi kollha ta’ ħaddiema (47).

3.20

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija element ċentrali għall-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd. Apparti sehem ikbar ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, il-popolazzjoni li qed tixjieħ u ħajja tax-xogħol itwal x’aktarx jirrikjedu aktar responsabbiltajiet ta’ kura tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Flessibbiltà fil-ħajja tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol u bilanċ sostenibbli bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol se jkunu ta’ importanza dejjem akbar għall-ħaddiema kollha. Il-KESE diġà enfasizza li biex wieħed jirrikonċilja r-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol jeħtieġ koordinazzjoni bejn firxa ta’ oqsma bħalma huma l-provvediment tal-kura, liv tal-ġenituri u postijiet tax-xogħol li huma akkoljenti għall-familja (48). Il-KESE jitlob għal approċċ integrat bejn miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi li għandhom jiġu introdotti fil-livell adatt biex jippromovu l-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol fl-Istati Membri. Huwa importanti li jkun hemm biżżejjed investimenti li huma mmirati lejn faċilitajiet ta’ kura aċċessibbli u affordabbli. Dan se jikkontribwixxi għal parteċipazzjoni ikbar fix-xogħol, b’mod partikolari fost in-nisa u anke għal xogħol full-time.

3.21

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi soċjali vulnerabbli u l-minoranzi. Is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tar-Rom f’bosta Stati Membri mhijiex sejra għall-aħjar u kif ġie ddikjarat f’rapport tal-KESE, l-Istrateġija dwar ir-Rom għandha tiġi inkluża fis-Semestru Ewropew b’mod aktar konsistenti (49).

3.22

Sistemi ta’ pensjonijiet sostenibbli huma ta’ importanza ewlenija b’kont meħud ta’ soċjetajiet Ewropej li qed jixjieħu. Il-Kummissjoni stqarret li żieda fl-età tal-irtirar f’konformità ma’ żieda fl-istennija tal-għomor, flimkien ma’ sforzi biex jiġi promoss it-tixjiħ attiv, mhux biss jippermettu tnaqqis sostanzjali fin-nefqa fuq il-pensjonijiet, iżda jippermettu wkoll għal intitolamenti tal-pensjoni ogħla. Madankollu, il-KESE kien ikkritika l-proposta tal-Kummissjoni li l-età tal-irtirar għandha tiġi indiċjata ma’ żieda fl-istennija tal-għomor u minflok ippropona miżuri li l-età tal-irtirar fil-prattika titqarreb iżjed lejn l-età statutorja tal-irtirar (50). Kif stqarr il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, li jitnaqqas il-qgħad u li n-nies jitħeġġu jibqgħu iktar fis-swieq tax-xogħol illum, inkluż permezz ta’ żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, ser ikun kruċjali għas-sostenibbiltà futura u l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-pensjonijiet (51). Pereżempju, indiċi komparattiv Ewropew dwar l-adegwatezza u s-sostennibbiltà tal-pensjoni ikun punt ta’ riferiment utli biex jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom u biex jitnaqqas il-faqar.

3.23

L-għan li n-nies jaħdmu għal iktar żmien għandu jkun akkumpanjat minn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja li jinkludi kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol, inklużi politiki tas-saħħa u s-sigurtà u tal-ħin tax-xogħol, u l-inkoraġġiment biex jiġu segwiti opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Jeħtieġ ukoll karriera ta’ xogħol itwal tul iċ-ċiklu tal-ħajja sal-età tal-irtirar bi dħul deċenti matul is-snin ta’ xogħol, bir-riżultat ta’ pensjoni deċenti, kif ukoll politiki li jassiguraw tranżizzjoni bla xkiel lejn l-irtirar għal ħaddiema ta’ età iktar avvanzata: l-evoluzzjoni tal-mod kif naħdmu hija wkoll fattur ewlieni f’dan ir-rigward.

3.24

L-istandards tas-sigurtà soċjali fl-UE huma differenti ħafna, skont is-sistemi u t-tradizzjonijiet differenti. Il-KESE wera l-appoġġ tiegħu għal prijoritajiet stateġiċi aktar ċari min-naħa tal-UE u għat-tfassil ta’ prinċipji ta’ politika soċjali ġenerali bħala parti minn programm ta’ ħidma solidu. Il-KESE semma wkoll il-ħtieġa li naspiraw għal bażi ta’ protezzjoni soċjali vinkolanti (52) u jipproponi li jiġu definiti standards ta’ livell għoli f’livelli xierqa waqt li jitqiesu kif dovut kemm ir-rekwiżiti dwar is-sostenibbiltà u l-adegwatezza. Jinħtieġ skambju aħjar tal-aħjar prattiki għal xibka tas-sigurtà soċjali aktar inklużiva għal kull persuna li qed tgħix fl-UE b’mod legali. Fil-kuntest tal-isfidi ta’ xogħol 4.0 u l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ impjieg u “semi-employment” huwa essenzjali li wieħed jirrifletti u jiddeċiedi kif l-Istati Membri jistgħu jirriformaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom sabiex jiżviluppaw l-assigurazzjonijiet tal-qgħad f’assigurazzjonijiet ta’ impjieg inklużivi li jistgħu jaħdmu bħala ċinturin tas-sigurtà futur u jiffaċilitaw ukoll l-impjieg u x-xogħol deċenti. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-ħidma hija għażla aktar attraenti milli li wieħed jgħix fuq il-benefiċċji, billi jinħolqu l-inċentivi adegwati għal persuni biex ikunu f’qagħda aħjar meta jaħdmu, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tad-dħul għal dawk li ma jsibux xogħol. Valutazzjoni komparattiva f’dan il-qasam tista’ żżid il-valur għall-Istati Membri biex itejbu, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, it-tul ta’ żmien ta’ benefiċċji u l-livelli.

3.25

Sa mill-2009, il-KESE ilu jenfasizza li l-Ewropa trid terġa’ tikseb il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa enfasizza li l-prestazzjoni fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi, u l-applikazzjoni tagħhom fl-ekonomija globalizzata u kompetittiva se jiżguraw li l-Ewropa jkollha futur fix-xena industrijali globali. Barra minn hekk, huwa enfasizza li klima soċjali li hija miftuħa għall-progress hija prerekwiżit għall-innovazzjoni (53). L-intraprenditorija kreattiva li twassal għal opportunitajiet ta’ impjieg taqdi rwol ewlieni wkoll fit-tiswir ta’ ambjent favorevoli għall-innovazzjoni. Is-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali f'dan il-proċess.

3.26

Il-KESE jemmen li hemm rabta bejn il-kapaċità għall-innovazzjoni fil-post tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, ġestjoni korporattiva “tajba” u “sostenibbli” għandha tinbena fuq strutturi legali tas-suq intern li diġà huma stabbiliti u fuq prattiki tal-involviment tal-impjegati bbażati fuq l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u, fejn applikabbli, il-kodeterminazzjoni (54). Id-dispożizzjonijiet dwar l-involviment obbligatorju tal-impjegati għandhom jiġu kkonsolidati u applikati b’mod universali fil-liġi tal-UE abbażi ta’ standards li diġà nkisbu (55).

3.27

It-tibdil fil-klima jippreżenta sfidi ambjentali u soċjali kbar għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja. Il-futur tax-xogħol ukoll se jitfassal skont il-ħtieġa urġenti biex nittrasformaw l-ekonomiji, l-industriji u l-impjiegi tagħna sabiex inħarsu l-pjaneta. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi u appella għal koalizzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet sottonazzjonali sabiex jintlaħqu l-impenji tal-COP21 (56). It-twettiq ta’ dawn l-impenji jrid ikun konformi mal-impenji tal-UE biex jitnaqqas il-faqar. L-appoġġ ta’ tranżizzjoni ġusta, ix-xogħol deċenti u l-impjegabilità se jesiġi l-investiment f’riżorsi għall-appoġġ tal-komunitajiet u l-ħaddiema fis-setturi li diġà huma affettwati minn din it-tranżizzjoni, kif ukoll li jiġu antiċipati u faċilitati l-istrutturar mill-ġdid u t-tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed ekoloġika u sostenibbli. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu jappoġġja proġetti b’konformità mal-impenji tal-COP21.

4.   Il-ħtieġa għal investiment soċjali

4.1

L-iżbilanċi soċjali kif ukoll dawk ekonomiċi huma theddida għall-UE. Huma jheddu l-koeżjoni soċjali u l-kredibbiltà politika, u jxekklu l-progress ekonomiku. Il-KESE diġà esprima ruħu dwar il-ħtieġa li l-faqar jiġi indirizzat bħala prijorità u li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali ssir wieħed mill-komponenti ewlenin tal-Pilastru (57).

4.2

Filwaqt li jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-faqar primarjament huwa kompetenza tal-Istati Membri, il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kunsill tal-UE biex itenni l-impenn għall-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tnaqqis tal-faqar filwaqt li jkompli jimplimenta approċċ aktar integrat. Dan ifisser li t-tnaqqis tal-faqar għandu jiġi indirizzat sistematikament permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun marbuta mal-Aġenda 2030 (58). It-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività huma essenzjali, għalhekk politika makroekonomika li tgħin fil-ħolqien ta’ impjiegi deċenti hija importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-faqar.

4.3

Il-KESE diġà ddikjara li iktar ma nkomplu għaddejjin bil-politika mmirata lejn l-iffrankar — primarjament iffokata fuq tnaqqis fl-infiq — u mingħajr biżżejjed miżuri li jiġġeneraw it-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà, iktar ser ikun ċar li l-integrazzjoni ekonomika u l-prosperità tal-Ewropa huma mhedda minn disparitajiet soċjali li qed jiżdiedu (59). Il-KESE jappella għal sforzi mġedda biex jiġi promoss il-kunċett ta’ investiment soċjali fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha (60). Il-KESE jemmen li jeħtieġ li tingħata aktar konsiderazzjoni dwar kif jistgħu jintrabtu l-“Pjan Juncker 2” mal-għanijiet tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. Barra minn hekk, huwa appella għal Patt ta’ Investiment Soċjali Ewropew (61), li jappoġġja r-riformi soċjali u l-investimenti soċjali u jgħin biex joħloq konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali mġedda.

4.4

Il-KESE laqa’ l-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-Kummissjoni li deher li jimmarka ċaqliq paradigmatiku lejn enfasi aktar qawwija fuq l-investiment soċjali, li jibda jitqies mhux bħala spiża iżda bħala investiment fil-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi (62). Il-KESE jiddispjaċih li ma sarx iżjed biex dawn l-għanijiet jiġu implimentati b’mod effettiv. L-investiment soċjali joffri reddti soċjali u ekonomiċi maż-żmien, f’termini ta’ żieda ta’ impjieg jew l-introjti tax-xogħol, saħħa aħjar, anqas qgħad, edukazzjoni aħjar, anqas faqar u esklużjoni soċjali, eċċ. Itejjeb ukoll il-prosperità u l-benessri tal-individwi, filwaqt li tingħata spinta lill-ekonomija billi tiġi żgurata forza tax-xogħol b’iktar ħiliet, produttività ogħla u impjiegi. Tali investiment, b’mod speċjali meta jħeġġeġ it-tkabbir, għandu jikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ il-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini, itejjeb l-opportunitajiet tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, kif ukoll iħeġġeġ l-ekonomija, u b’hekk jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva. Barra minn hekk, għandu jiżgura infiq pubbliku aktar effiċjenti u effettiv, u dan iwassal għal iffrankar fil-baġits pubbliċi fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil.

4.5

Il-KESE diġà laqa’ l-fatt li l-KE rrikonoxxiet b’mod espliċitu r-rwol importanti li jaqdu l-ekonomija soċjali, l-intrapriżi soċjali, is-soċjetà ċivili u l-Imsieħba Soċjali fl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali (63).

4.6

Il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu li t-twaqqif ta’ introjtu minimu Ewropew taħt id-direttiva qafas għandu jgħin biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali, jiżgura koeżjoni ekonomika u territorjali, jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwu, jiggarantixxi bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali u biex ir-riżorsi u l-introjtu jitqassmu b’mod ġust. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltajiet ta’ finanzjament għal introjtu minimu Ewropew u l-istabbiliment ta’ finanzjament xieraq (64).

4.7

Il-KESE jtenni l-opinjoni tiegħu li sistemi tas-sigurtà soċjali sostenibbli, effettivi u effiċjenti huma ta’ importanza kbira għas-soċjetajiet kollha fl-UE. Dawn huma mezzi essenzjali biex tinżamm il-koeżjoni soċjali u territorjali, is-solidarjetà, l-istabilità fis-soċjetà, kif ukoll l-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali wkoll għandhom funzjoni importanti bħala stabbilizzaturi awtomatiċi, kif intwera matul il-kriżi. Filwaqt li jirrikonoxxi li d-deċiżjoni dwar l-istruttura u l-kontenut tal-politiki soċjali hija qabel kollox il-kompetenza tal-Istati Membri, ll-inizjattivi nazzjonali u tal-UE għandu jkollhom l-għan li jagħmlu iżjed effiċjenti u jsaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkopru s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u s-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa u l-provvediment tal-akkomodazzjoni (65). Kif indikat mill-Kunsill u mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-prestazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jiżguraw li jipproduċu riżultati soċjali aħjar filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tal-impjieg u t-tkabbir (66).

4.8

L-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-responsabilità li jiżguraw servizzi soċjali universali, ta’ kwalità, affordabbli u aċċessibbli. L-Istat għandu jakkredita, jinvesti u jikkontrolla l-aċċess għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, li jistgħu jkunu pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi, atturi bi skop ta’ qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ, kif diġà huwa l-każ f’bosta pajjiżi tal-UE. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi soċjali u s-soċjetajiet mutwi jaqdu rwol importanti. Dan ir-rwol jestendi għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-forniment u s-sorveljanza ta’ skemi tas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tas-saħħa u ta’ assistenza soċjali. Barra minn hekk, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi kollha tista’ tikkontribwixxi għal użu aktar effettiv u aħjar tar-riżorsi pubbliċi fit-twettiq tal-politiki soċjali. Dan għandu jinkludi wkoll il-possibbiltà li jsir użu ta’ sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u atturi privati, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi ta’ sistemi nazzjonali.

4.9

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa meħtieġ djalogu aktar b’saħħtu u trasparenti bejn atturi rilevanti biex jagħmlu u biex jittrasformaw sistemi ta’ protezzjoni soċjali aktar sostenibbli f’termini ta’ prijoritizzazzjoni tar-riżorsi f’investiment pubbliku effiċjenti, effettiv u rilevanti, b’rispett sħiħ u bl-għan tal-promozzjoni tad-drittijiet soċjali u b’mod partikolari tal-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri.

4.10

It-tranżizzjoni għax-Xogħol 4.0 trid tkun akkumpanjata minn tranżizzjoni parallela għal Għajnuna Soċjali 4.0. Il-kriżi, tkabbir kajman, livelli għolja ta’ qgħad kif ukoll taħlita ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u forza tax-xogħol li qed tonqos huma sfida għas-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. B’mod parallel, is-servizzi soċjali huma dejjem aktar mitluba prinċipalment bħala riżultat tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, iżda r-riżorsi biex tintlaħaq din id-domanda huma limitati. Huma għalhekk essenzjali riformi biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ protezzjoni soċjali, servizzi u politiki soċjali effettivi u ekonomikament effiċjenti. Il-Pilastru m’għandux jirreaġixxi biss b’mod li jirrifletti l-bidliet li jiġru fid-dinja tax-xogħol, iżda għandu jappoġġja wkoll l-Istati Membri fl-għoti ta’ soluzzjonijiet xierqa b’reazzjoni għall-bidliet importanti li seħħew fir-rigward tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, il-politiki u s-servizzi soċjali. L-għanijiet ewlenin għandhom ikunu li jiġu protetti l-kwalità, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-adegwatezza tagħhom għal dawk kollha li jiddependu minnhom, permezz ta’ oqfsa u politiki regolatorji adatti.

4.11

Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li l-pressjoni kontinwa fuq il-baġits pubbliċi, it-tibdiliet soċjetali u demografiċi u sfidi soċjali emerġenti ġodda, f’ħafna Stati Membri ħolqu forom ġodda u innovattivi ta’ organizzazzjoni għall-finanzjament u l-għoti ta’ benefiċċji u servizzi. Dan il-fenomenu, imsejjaħ l-innovazzjoni soċjali, huwa xprunat mill-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali mhux issodisfati. Dan jikkomplementa l-għoti ta’ benefiċċji soċjali tradizzjonali mill-Istat, billi jiġu mmobilizzati diversi atturi soċjali u ekonomiċi u riżorsi finanzjarji filwaqt li jaħdmu b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali. Madankollu, dan m’għandux jissostitwixxi r-responsabbiltà u r-rwol tal-Istat u l-komponenti pubbliċi differenti tiegħu sabiex jiġi żgurat l-aċċess universali għal servizzi ta’ kwalità, affordabbli, sostenibbli u aċċessibbli għar-residenti tal-UE, skont il-prattiki nazzjonali. L-innovazzjoni soċjali toħloq kapital soċjali u ssaħħaħ ir-rwol tal-komunitajiet lokali. Huwa rrakkomandat li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jiżguraw li strumenti ewlenin bħall-akkwist pubbliku u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jintużaw b’mod effettiv biex jappoġġjaw l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

4.12

Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għar-rwol partikolari u importanti tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi soċjali, sabiex jitwettqu soluzzjonijiet ekonomiċi u soċjali (67). Is-settur jikkostitwixxi element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew u jikkontribwixxi direttament għall-koeżjoni soċjali u ekonomika u t-tibdil, lejn dħul u tqassim tal-ġid aktar ġust u ċittadinanza attiva. Dan l-aħħar, il-KESE appella għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ekonomija Soċjali (68).

4.13

B’mod ġenerali, u fil-qafas tal-kompetenzi tal-UE, il-Pilastru għandu jimmira li jipprovdi qafas ta’ referenza komuni bħala punt ta’ riferiment u għal sorveljanza tal-qafas legali u ta’ politika nazzjonali meħtieġ biex jiġi żgurat id-dritt għal dispożizzjonijiet ta’ kwalità tajba b’mod partikolari tal-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali (69), inkluż id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali kif ukoll is-sostenibbiltà u l-effettività. Dan għandu japplika għal kull fergħa tas-sigurtà soċjali (70) kif ukoll għas-servizzi (ta’ protezzjoni) soċjali l-oħrajn kollha.

4.14

Bl-istess mod, il-Pilastru għandu jkollu l-għan li joħloq l-inċentivi meħtieġa għall-Istati Membri sabiex jassiguraw l-portabilità tal-intitolamenti akkwistati skont kriterji nazzjonali rilevanti, biex b’hekk tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera. Dan ir-rikonoxximent jista’ jippermetti appoġġ aktar adattat għal kull individwu biex jorganizza l-ħajja professjonali u privata tiegħu. Għandu jipprovdi mezzi iktar rispettużi u flessibbli sabiex jadattaw għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull ċittadin tal-UE, b’mod partikolari li jippermettu tranżizzjonijiet mingħajr xkiel lejn is-suq tax-xogħol, fih u 'l barra minnu.

4.15

Barra minn hekk, il-Pilastru għandu jintuża biex jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment dwar il-forniment ta’ servizzi essenzjali. L-istrateġiji ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri għandhom jiġu żviluppati b’kont meħud tas-sitwazzjoni soċjoekonomika u fiskali speċifika ta’ kull pajjiż. Il-punti ta’ riferiment m’għandhomx ikunu limitati għad-disponibilità ta’ servizzi u għandhom imexxu l-implimentazzjoni ta’ prinċipji essenzjali stabbiliti fil-Protokoll 26 (aċċess universali, kwalità, sikurezza, affordabilità, trattament indaqs u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-utenti). Il-Qafas Ewropew Volontarju għall-Kwalità għas-Servizzi Soċjali u l-Qafas Ewropew għall-Kwalità fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom jintużaw bħala referenza fl-iżvilupp ta’ punti ta’ riferiment.

4.16

Il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd huwa mnaqqax fit-Trattati Ewropej u għandu jkun rifless kompletament u adegwatament f’pilastru soċjali inklużiv. Billi l-acquis tal-UE diġà tipprevedi sett komuni ta’ standards minimi għall-ħaddiema madwar l-Ewropa, huma għandhom jiġu infurzati. L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu żgurati għall-irġiel u għan-nisa u għall-gruppi kollha fis-soċjetà tagħna, inklużi l-persuni b’diżabilità, persuni LGBTI, persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet etniċi u oħrajn li jiffaċċaw diskriminazzjoni.

4.17

Il-kisba ta’ livelli ogħla ta’ parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol ta’ gruppi diversi fl-Ewropa hija essenzjali sabiex jiġu ffaċċjati t-tixjiħ demografiku u popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos. Hemm bżonn isir progress ukoll fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni f’aspetti oħra tal-ħajja, lil hinn mix-xogħol, bħalma huma l-aċċess għall-beni u għas-servizzi, għall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa. F’dan il-kuntest, it-tama hi li d-diskussjonijiet dwar Direttiva dwar it-Trattament Indaqs tal-UE dwar l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi jiġu mnedija mill-ġdid malajr kemm jista’ jkun.

5.   Ir-riżultati minn dibattiti mas-soċjetà ċivili organizzata

5.1

Il-KESE organizza dibattiti mas-soċjetà ċivili organizzata f’kull Stat Membru bejn it-2 ta’ Settembru u t-2 ta’ Novembru 2016. Id-dibattiti kienu kkoordinati minn tliet membri tal-KESE (“triji”) mill-pajjiż ikkonċernat, ħafna drabi f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea (15-il dibattitu) jew il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali nazzjonali (7 dibattiti). Il-parteċipanti kienu ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, trejdunjins u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn, kif ukoll, b’mod anqas frekwenti, mill-qasam akkademiku. B’kollox, madwar 1 800 rappreżentant ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili pparteċipaw fit-28 dibattitu.

5.2

Intuża sett ta’ mistoqsijiet ewlenin bħala bażi għad-diskussjonijiet fil-biċċa l-kbira tad-dibattiti. Id-dibattiti koprew firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, li jirriflettu d-diversi sistemi nazzjonali, il-prijoritajiet u ċ-ċirkostanzi. Wara d-dibattiti, it-triji kkoordinaturi ħejjew rapporti nazzjonali li, fil-biċċa l-kbira tal-każi, kienu jinkludu Konklużjonijiet u/jew Rakkomandazzjonijiet. Il-mistoqsijiet ta’ gwida kienu dawn:

1)

X’taħseb li huma l-iżjed sfidi ekonomiċi u soċjali urġenti fl-Ewropa u f’pajjiżek? X’hemm bżonn biex dawn jiġu indirizzati?

2)

Taħseb li hemm bżonn ta’ Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u, jekk iva, kif għandu jkun imfassal biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi ewlenin fl-Ewropa u f’pajjiżek?

3)

Kif tista’ strateġija mġedda tas-suq tax-xogħol fil-livell tal-UE tindirizza l-ħtiġijiet tal-intrapriżi, il-ħaddiema u dawk li jkunu qed ifittxu impjieg fir-rigward tal-flessibbiltà u s-sigurtà? Din kif tista’ tikkunsidra kwistjonijiet importanti bħar-realtajiet ġodda ta’ ekonomiji u swieq tax-xogħol li qed isiru dejjem iżjed diġitalizzati, l-isfida tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, u l-bżonn li jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol?

4)

Kif għandhom jiġu żgurati s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u li r-riżorsi disponibbli jiġu prijoritizzati f’investimenti u servizzi soċjali effettivi, rilevanti u bżonjużi? X’inhu r-rwol tal-atturi differenti?

5)

Kif jista’ l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jappoġġja b’mod pożittiv il-konverġenza ekonomika u soċjali fl-Ewropa?

6)

X’neħtieġu biex nippromovu u nsostnu soċjetajiet koeżivi fl-Ewropa?

5.3

Il-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tal-pajjiż tal-membri tat-triju żvelaw li għadd ta’ temi/suġġetti komuni tqajmu matul diversi dibattiti. Dawn huma miġbura fil-qosor f’din it-taqsima tal-Opinjoni.

5.3.1

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-format tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

Fi 18-il Stat Membru, il-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet juru li s-soċjetà ċivili organizzata, jew partijiet minnha, appoġġjaw l-inizjattiva tat-tnedija tal-EPSR (CY, DE, EE, EL, ES, FI, FR, IE, IT, LT, LV, MT, PL, PT, RO, SE, SI, SK). Fi 12-il Stat Membru (DE, EE, ES, FI, HR, HU, IE, IT, LU, MT, PT, SK) ġie ddikjarat li l-għanijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni u/jew il-kontenut tal-Pilastru għandhom jiġu ċċarati aktar.

Fi 13-il Stat Membru, il-konklużjonijiet enfasizzaw l-interdipendenza bejn il-politiki ekonomiċi u soċjali (BG, CY, CZ, DE, ES, FI, HR, IE, IT, RO, SE, SI, UK). Barra minn hekk, f’disa’ Stati Membri (DE, DK, EE, EL, ES, FI, MT, RO, SE) ġiet enfasizzata l-importanza tat-tkabbir u f’sitt każi, tal-kompetittività (EE, ES, FI, DK, MT, SE).

Fi 12-il Stat Membru, il-konklużjonijiet jaffermaw li l-EPSR għandu japplika għall-UE kollha (BG, DE, CZ, EE, ES, FI, HR, HU, IT, PL, SK, SE).

F’disa’ Stati Membri, il-konklużjonijiet semmew jew l-implimentazzjoni/infurzar tal-EPSR, jew l-implimentazzjoni/infurzar tal-acquis u l-politiki eżistenti (BG, DK, EE, HR, IE, LV, LT, PL, SE). F’ħamsa minn dawn il-pajjiżi, (BG, HR, IE, LV, LT) kien enfasizzat b’mod partikolari li l-pilastru għandu jiġi inkluż fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew.

Fil-konklużjonijiet ta’ tmien pajjiżi (DE, EL, ES, FI, HU, PT, SK, RO), il-ħtieġa li tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u li jiġi miġġieled il-faqar li qed jiżdied, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali ġew enfasizzati.

F’seba’ Stati Membri (BE, CZ, DE, DK, FI, HR, SE), inġibdet l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’dan il-kuntest, tliet Stati Membri Nordiċi (FI, SE, DK) iddefendew il-kompetenza nazzjonali tan-negozjar kollettiv u tliet Stati Membri t-tqassim tal-kompetenzi (FI, SE, BE).

Il-kwistjoni tal-konverġenza (inkluż konverġenza ’l fuq, konverġenza fuq il-politiki soċjali u/jew il-konverġenza bejn l-Istati Membri b’mod ġenerali) kienet imsemmija minn tmien Stati Membri (BG, DE, FR, HR, HU, IT, PT, SK).

Il-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet f’sitt Stati Membri semmew il-ħtieġa għal investiment, kemm pubbliku, privat u/jew soċjali (CZ, EL, ES, HR, IE, SL).

5.3.2

It-temi ewlenin imsemmija fil-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet u marbuta mal-abbozz preliminari tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-EPSR:

Ir-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali kien imsemmi fil-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet ta’ 11-il Stat Membru (CY, EE, ES, FI, HU, HR, IE, LV, RO, SI, SK).

F’seba’ Stati Membri (CY, EE, FI, IE, LV, RO, SI), l-importanza tad-djalogu ċivili ġiet enfasizzata (anke jekk din il-kwistjoni ma kinitx inkluża fl-abbozz preliminari tal-Kummissjoni dwar l-EPSR).

F’sitt Stati Membri (CY, DK, HR, HU, PL, SI) il-konklużjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa li jadattaw għal bidliet, b’mod partikolari minħabba d-diġitalizzazzjoni.

Il-ħtieġa li jittieħed kont tal-isfidi u l-bidliet li jirriżultaw mill-iżviluppi demografiċi ssemmew fil-konklużjonijiet ta’ tliet pajjiżi (BG, CY, SI).

Kwistjonijiet bħal benefiċċji u servizzi soċjali integrati, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji tal-mard, il-pensjonijiet, il-benefiċċji tal-qgħad, dħul minimu u aċċess għal servizzi essenzjali (li huma fost l-20 prinċipju msemmija fl-abbozz preliminari tal-Kummissjoni dwar l-EPSR) kif ukoll is-sigurtà soċjali, l-istandards soċjali u s-sostenibbiltà tal-protezzjoni soċjali kienu l-kwistjonijiet imsemmija l-iżjed ta’ spiss fil-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet. Waħda jew aktar minn dawn il-kwistjonijiet kienu msemmija fil-konklużjonijiet ta’ 22 Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EL, FI, FR, HR, HU, IT, LT, LU, LV, MT, PT, RO, SE, SI, SK, UK).

L-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad (inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ) issemmew fil-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet ta’ seba’ pajjiżi (BE, CZ, EL, ES, FI, HR, RO).

Fi 11-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DE, DK, FI, FR, HR, HU, SI) il-konklużjonijiet iffukaw fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet (ukoll fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol).

F’10 Stati Membri (BE, CY, CZ, DK, FI, HR, HU, MT, RO, UK) il-konklużjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi marġinalizzati u sottorappreżentati u f’seba’ minn dawn (BE, DE, DK, FI, HU, MT, UK) l-ugwaljanza bejn is-sessi ssemmiet f’dan il-kuntest.

Fi tmien Stati Membri (CZ, CY, DK, FI, FR, HR, RO, SE) issemmiet kwistjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: il-ħtieġa għall-istabbilità tal-impjieg, tranżizzjonijiet, xogħol deċenti u/jew sigurtà soċjali, xi drabi flimkien mad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol.

Fi tliet Stati Membri (DK, FI, SI) il-konklużjonijiet semmew, rispettivament, il-fatt li l-kunċett ta’ “flessigurtà” jista’ jgħin biex ikun mħares mill-ġejjieni (“future proof) il-mudell soċjali tal-Ewropa, il-ħtieġa għal bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà u li l-ħtiġijiet ekonomiċi tax-xogħol flessibbli għandhom jiġu kkunsidrati.

5.4

Il-Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet urew ukoll li l-element prinċipali ta’ diverġenza kien jekk l-EPSR għandu jipprevedi miżuri leġislattivi. Il-parteċipanti fi ħdan u fost il-pajjiżi kienu diviżi dwar il-kwistjoni, bir-rappreżentanti ta’ min iħaddem (ġeneralment) ma jappoġġjawx l-idea ta’ leġislazzjoni ulterjuri u r-rappreżentanti tat-trade unions (ġeneralment) jesprimu fehma għall-kuntrarju.

6.   Governanza

6.1.1

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jeħtieġ ħafna aktar ċarezza f’dak li jikkonċerna l-kontenut, il-proċessi, l-inizjattivi konkreti għall-implimentazzjoni tiegħu, il-finanzjament u l-monitoraġġ, minbarra ċarezza dwar ir-rwol tal-atturi differenti. Il-kwistjoni ta’ governanza hija tal-akbar importanza, b’rispett lejn dak li hu previst mit-Trattati, inkluż il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Iċ-ċittadini għandhom dritt li jkunu jafu min huwa responsabbli u min irid jagħti kont ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

6.1.2

Fir-rigward tal-atturi rilevanti u r-rwol tagħhom, il-KESE jenfasizza li fi kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol, sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali hija kruċjali biex jittejjeb il-progress tal-politika lejn l-objettivi appoġġjati b’mod wiesa’. Fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, jaqdu rwol ċentrali l-gvernijiet, l-awtoritajiet pubbliċi/reġjonali/lokali u istituzzjonijiet nazzjonali differenti li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali kif ukoll bħala provvedituri ta’ servizz soċjali. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali wkoll ta’ spiss għandhom rwol u responsabbiltajiet fl-elaborazzjoni/fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali u fis-servizzi soċjali. Partijiet interessati oħra, bħalma huma l-aġenziji soċjali, jista’ jkollhom kompetenza b’mod partikolari fl-assistenza soċjali u jistgħu jaqdu rwol u jipprovdu xbieki ta’ sikurezza għal grupp tal-popolazzjoni li huwa fir-riskju tal-faqar.

6.1.3

Il-KESE jenfasizza li dan il-Pilastru jista’ jsir proġett pożittiv għall-Ewropa, u għal kulħadd, iżda biss jekk ir-riżultati tiegħu jkunu viżibbli. F’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, il-Pilastru jista’ jkun opportunità tajba biex jintwera li l-livell tal-UE għadu kapaċi jagħti tweġiba adatta, fejn xieraq, għall-isfidi li jiffaċċjaw persuni normali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-diviżjoni tal-kompetenzi u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. B’mod partikolari, il-Pilastru għandu jservi biex jippromovi l-benesseri tan-nies f’konformità mal-obbligu tat-Trattat lejn, fost l-oħrajn, ‘ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent’ (Artikolu 3 TUE). Barra minn hekk, il-Pilastru għandu jikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Fl-istess waqt, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ ċarezza tal-Pilastru fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-KESE jibża’ li dan jista’ joħloq aktar inċertezza u frustrazzjoni billi jgħolli l-aspettattivi li mhux jew ma jistgħux jintlaħqu (71).

6.2    Drittijiet soċjali għal kulħadd

6.2.1

Il-Kummissjoni tipproponi li l-ewwel Pilastru għandu japplika l-ewwel għaż-żona tal-euro, billi diġà beda l-proċess ta’ integrazzjoni u konsolidazzjoni ulterjuri lejn livell ogħla ta’ konverġenza. Madankollu, id-dispożizzjonijiet soċjali fit-Trattati tal-UE (72) jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE. Fid-dawl ta’ dak li ġie ddikjarat f’bosta dibattiti nazzjonali, il-KESE huwa tal-fehma li l-Pilastru għandu japplika għal kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE.

6.2.2

F’opinjoni preċedenti, il-KESE nnota li politiki makroekonomiċi soċjalment sostenibbli huma prerekwiżit għal irkupru ekonomiku aktar b’saħħtu u biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, kunsiderazzjoni aħjar tar-realtajiet ekonomiċi hija prekondizzjoni essenzjali biex jinkiseb impjieg produttiv u politiki soċjali mfassla tajjeb fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’mod ġust bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq l-użu tal-flessibilità fir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, fejn il-Kummissjoni se tqis ċerti investimenti pubbliċi meta tikkalkula d-defiċit fiskali, iżda jikkunsidra dan bħala miżura limitata u parzjali (73).

6.3    Is-Semestru Ewropew

6.3.1

Is-Semestru Ewropew u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma — li japplikaw bl-istess mod għal pajjiżi li mhumiex fiż-żona euro — għandhom isiru l-vetturi prinċipali għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pilastru. Madankollu, meta wieħed iqis il-mekkaniżmi addizzjonali ta’ monitoraġġ makroekonomiku li jeżistu fi ħdan is-Semestru Ewropew, huwa possibbli li jistgħu jiżviluppaw punti ta’ riferiment addizzjonali bħala appoġġ għar-riformi nazzjonali. Ir-rabta bejn il-Pilastru u s-Semestru Ewropew kienet imsemmija f’għadd ta’ dibattiti nazzjonali (74).

6.3.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wħud mill-għanijiet ta’ politika ekonomika tal-governanza ekonomika tas-snin reċenti għandhom isiru iktar konformi mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE (75). L-azzjonijiet kollha tas-Semestru Ewropew — f’konformità mal-klawżola soċjali orizzontali (76) — għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt soċjali. Dawn ir-riżultati għandhom isiru pubbliċi u jiġu diskussi fil-livell nazzjonali u Ewropew (77).

6.3.3

Il-KESE ddikjara fil-passat li matul is-Semestru Ewropew, il-miri soċjali u tal-impjieg għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-kwistjonijiet makroekonomiċi fis-Semestru Ewropew (78). Huwa rrakkomandat ukoll li għandu jkun hemm indikaturi komuni u paragunabbli, pereżempju dwar il-faqar u l-inugwaljanza, kif ukoll valutazzjonijiet mandatarji tal-impatt soċjali tal-aġendi ta’ riforma kollha proposti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) (79).

6.3.4

Il-KESE jappella għal bilanċ ġdid tas-Semestru Ewropew sabiex it-tabella ta’ valutazzjoni li diġà teżisti tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali tiġi kkunsidrata meta jiġu fformulati s-CSRs.

6.3.5

L-objettiv ta’ aktar konverġenza lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għaxjien għandu jiġi ffaċilitat b’miri speċifiċi, b’kont meħud tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-gwida tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali.

6.4    Governanza Ekonomika u Soċjali

6.4.1

Il-KESE huwa mħasseb immens dwar l-istabbiltà tal-UE, peress li r-riformi meħtieġa, b’tibdil jew mingħajru fit-Trattati, dejjem iseħħu fl-aħħar minuta u ħafna drabi taħt pressjoni kbira. Hemm bżonn li għal darb” oħra tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, politika u ekonomika tal-UE u li titkompla l-integrazzjoni ekonomika u monetarja bħala l-bażi għal UEM li tiffunzjona tajjeb. Għaldaqstant, irid bilfors isir dibattitu serju dwar arkitettura robusta tal-UEM, li tkun teħtieġ kunsens dwar l-għanijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll governanza maqbula (80).

6.4.2

Il-koeżjoni soċjali, politika u ekonomika trid tiġi infurzata biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja li tassorbi x-xokkijiet . Il-KESE jinnota li għandha titqies aktar id-diverġenza tal-ekonomiji tal-UEM u li f’dawn il-pajjiżi għandhom jiġu introdotti riformi strutturali bilanċjati li jirriflettu r-rekwiżiti tal-unjoni monetarja u r-rekwiżiti nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza meħtieġa.

6.4.3

Il-KESE diġà ssuġġerixxa kif l-UEM tista’ titfassal aħjar u ressaq proposti għall-iżvilupp tad-disinn soċjali u demokratiku tagħha, kemm jista’ jkun malajr fil-qafas tal-metodu Komunitarju. Dan għandu jsaħħaħ ir-reżiljenza demokratika u jilħaq l-obbligi soċjali tat-Trattati (81).

6.4.4

UEM ekonomikament soda hija ta’ importanza ewlenija. Kif diġà ġie ddikjarat mill-KESE, f’dan il-kuntest, il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom responsabbiltà importanti għall-iżvilupp ulterjuri ta’ UEM demokratika u soċjali. Dan japplika wkoll għall-imsieħba soċjali, kemm nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, li għalihom l-UEM tipprovdi qafas globali għas-sistemi rispettivi tagħhom tal-formazzjoni tal-pagi u l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-politika soċjali. Bħala atturi ekonomiċi u soċjali jaqdu rwol prinċipali fir-rigward tal-konformità mal-għan tal-istabbiltà komuni tal-UEM (82). Involviment akbar tal-imsieħba soċjali jista’ jikkontribwixxi għal governanza mtejba tal-UEM. Il-fehmiet tagħhom dwar l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-politika soċjali għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-kuntest tad-dibattiti dwar il-futur tal-UEM (83). Djalogu msaħħaħ u strutturat mas-soċjetà ċivili għandu jgħin ukoll biex titjieb ir-reżiljenza demokratika u l-governanza.

6.4.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-indirizzar ta’ żbilanċi persistenti kif ukoll il-ħolqien ta' fiduċja u kunfidenza madwar l-Ewropa, jeħtieġu governanza ekonomika aktar effettiva u demokratika, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro (84).

6.5    L-infurzar u l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Acquis Soċjali eżistenti

6.5.1

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal infurzar effettiv tal-acquis soċjali legali eżistenti stabbilit fil-leġislazzjoni primarja u sekondarja tal-UE fir-rigward tal-impjieg u d-drittijiet soċjali, inklużi b’mod partikolari l-protezzjoni soċjali u superviżjoni effettiva, permezz ta’ spezzjoni tax-xogħol, fost oħrajn, u d-dritt għal rimedju effettiv u aċċess għall-ġustizzja. Is-sorsi internazzjonali legalment vinkolanti tad-drittijiet ratifikati mill-Istati Membri għaċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu rispettati b’mod sħiħ.

6.5.2

Il-KESE jemmen li l-Pilastru jipprovdi għall-opportunità biex jiġi affermat mill-ġdid l-acquis soċjali eżistenti. Barra minn hekk, il-proċess tal-iżvilupp ta’ Pilastru jagħti wkoll skop biex jiġi valutat x’jaħdem u x’ma jaħdimx, dak li hemm nieqes u x’għandu jittejjeb fl-approċċ tal-Istati Membri u tal-UE sabiex titrawwem konverġenza soċjali u ekonomika mġedda, ikun hemm tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE.

6.6    Riżorsi għall-istabbilizzazzjoni soċjali tal-Ewropa

6.6.1

Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma maħsuba biex jaqdu rwol kruċjali fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi u fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-KESE huwa tal-fehma li użu aktar effettiv u effiċjenti ta’ dawn il-fondi huwa meħtieġ u li l-investiment fit-tul f’infrastruttura soċjali u servizzi soċjali ta’ kwalità għolja, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Bank Ewropew tal-Investiment, għandu jingħata prijorità u jiġi akkoppjat mal-implimentazzjoni tal-Pilastru.

6.6.2

Fil-limiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-KESE ppreżenta proposti u għażliet differenti. Waħda tista’ tkun regola “tad-deheb” jew tabilħaqq, “tal-fidda” (85) għall-investiment pubbliku, inkluż fis-settur soċjali, mill-Istati Membri biex jiżdied mal-investiment pubbliku tal-UE permezz ta' sistema ta' parametri maqbula b'mod komuni li, flimkien mar-riformi strutturali t-tajbin, irawwmu wkoll l-investiment privat (86);

6.6.3

Fil-kuntest tal-baġits u r-reviżjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-KESE jemmen li huwa neċessarju li jintużaw, kif diġà indikat mill-Kummissjoni, 25 % tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, biex jiġi promoss l-investiment soċjali fil-politiki u s-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u ta’ akkomodazzjoni. Barra minn hekk, xi riżorsi għandhom jiġu allokati fil-livell tal-UE taħt il-FSE bħala finanzjament disponibbli biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jippromovu l-investiment soċjali fil-prattika u kif għandhom jimmonitorjaw il-kwalità u l-effikaċja tal-proġetti.

6.6.4

Fl-2014, il-KESE għamel referenza għal mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni mill-ġdid li għandu jintuża f’każ ta’ xokkijiet asimetriċi (87) u indika li l-Unjoni u speċjalment iż-żona tal-euro ma jistgħux jinjoraw il-konsegwenzi soċjali tal-politiki ekonomiċi attwali billi jitħallew kompletament f’idejn il-pajjiżi individwali. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu bħala investiment fil-ġejjieni (88). Il-parteċipanti f’ċerti dibattiti nazzjonali ddiskutew jekk l-assigurazzjoni kontra l-qgħad jew fond ta’ aġġustament tal-UE kinux meħtieġa u jekk jistgħux ikunu fattibbli (89). Dawn id-dibattiti wrew li fehmiet dwar din il-kwistjoni jvarjaw b’mod sinifikanti u li dawn id-diskussjonijiet għandhom jitkomplew (90).

6.7    Ir-rabta bejn l-istrateġiji globali u tal-UE

6.7.1

Ir-riflessjonijiet dwar il-Pilastru għandhom jikkunsidraw ukoll, fejn xieraq, id-dimensjoni globali. L-aħħar dibattiti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u l-FMI huma essenzjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evidenza li turi li l-inugwaljanza taffettwa d-durabilità tat-tkabbir u li r-ridistribuzzjoni ma tagħmilx ħsara lit-tkabbir. Ir-riflessjonijiet għandhom jirrikonoxxu wkoll li s-sostenibilità tal-mudell soċjali Ewropew hija marbuta mat-titjib tal-kompetittività globali tal-Ewropa.

6.7.2

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ġiet miftiehma bejn l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015. Bħala tali, l-ilħiq ta’ dawn l-għanijiet huwa obbligu għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Pilastru jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-Għan 1 (Jinqered il-Faqar), 3 (Is-Saħħa u l-Benessri), 5 (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi) u 8 (Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku).

6.8    Strateġija ġenerali ċara għal ġejjieni aħjar fl-Ewropa

6.8.1

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija ċara u koerenti għall-Pilastru. Il-KESE jaqbel mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) li ddikjaraw li “il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jibbaża fuq u jtejjeb l-istrumenti eżistenti, inklużi l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES) u l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (MMK soċjali), u abbażi ta’ dan iservi bħala boxxla għall-proċess tat-trawwim ta’ konverġenza ‘l fuq sostenibbli f'termini ta’ eżiti soċjali u ta’ impjiegi, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali” (91). Jista’ jkun parti minn dan il-proċess it-tfassil ta’ punti ta’ riferiment adatti ġodda fuq għadd limitat ta’ sfidi ewlenin tas-suq tax-xogħol u tal-qasam soċjali, sabiex jiġi evalwat il-progress. L-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ kooperazzjoni għandu jgħin lill-Istati Membri jiksbu riżultati pożittivi permezz ta’ riformi (92) u jikkontribwixxu għal koeżjoni soċjali akbar.

6.8.2

Minkejja r-riskji evidenti, madankollu, il-KESE għadu jemmen li l-UE hija kapaċi twassal UE aħjar, aktar demokratika u soċjali. Il-KESE ser jagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex jappoġġja dibattiti fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE biex jiġu involuti ċ-ċittadini “għal futur aħjar fl-Ewropa”. Globalizzazzjoni ġusta, li tipprovdi ħajja tajba, biżżejjed opportunitajiet ta’ impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd, tista’ tinkiseb biss jekk l-UE żżomm l-għaqda tagħha u tkun kapaċi taġixxi. Sabiex tippreserva l-mudell tas-soċjetà tagħha, l-Ewropa trid tkun kapaċi tadatta ruħha għar-realtajiet li qed jinbidlu sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għal kulħadd. Din hija l-alternattiva tagħna għall-protezzjoniżmu, in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu.

Brussell, il-25 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ittra mis-Sur JUNCKER, President tal-Kummissjoni Ewropea lil Sur DASSIS, il-President tal-KESE, bid-data tat-8 ta’ Marzu 2016.

(2)  Skont it-terminoloġija tal-KESE, it-terminu “soċjetà ċivili” jirreferi għas-“soċjetà ċivili organizzata u rappreżentattiva”. Ara l-opinjonijiet ĠU C 329, 17.11.1999, p. 30ĠU C 193, 10.7.2001, p. 117.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(4)  Dibattiti nazzjonali fl-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall u Spanja.

(5)  Artikolu 3 tat-TUE: “L-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b'kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b'livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent.”

(6)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(7)  http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CoreInstruments.aspx

(8)  https://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan_mt

(9)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58.

(10)  http://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

(11)  Id-Direttiva 2000/43/KE dwar it-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000), id-Direttiva 2000/78/KE dwar Qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000), id-Direttiva 2004/113/KE dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004), id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol “tfassil mill-ġdid” (ĠU L 204, 26.7.2006).

(12)  L-importanza li jiġu involuti ż-żgħażagħ fid-djalogu tqajmet f’diversi dibattiti nazzjonali, pereżempju fis-Slovenja.

(13)  Dibattiti nazzjonali fl-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall, il-Finlandja, il-Belġju, il-Greċja, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Kroazja.

(14)  Dibattiti nazzjonali f’Ċipru, il-Belġju u n-Netherlands, pereżempju.

(15)  Dibattiti nazzjonali fil-Finlandja u l-Ungerija, pereżempju.

(16)  L-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8.

(17)  Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, COM(2010) 682 final

(18)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 142.

(19)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 48.

(20)  Dibattiti nazzjonali fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Ungerija.

(21)  Dibattiti nazzjonali fil-Bulgarija, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja, pereżempju.

(22)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

(23)  Dibattiti nazzjonali fl-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja.

(24)  Dibattiti nazzjonali fil-Bulgarija, pereżempju.

(25)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.

(26)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 50.

(27)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

(28)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67.

(29)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57.

(30)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

(31)  Dibattiti nazzjonali f’Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(32)  Dibattiti nazzjonali fl-Ungerija, pereżempju.

(33)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

(34)  Ara pereżempju Frey and Osborne 2013: The Future of employment:How susceptible are jobs to computerisation, u Breugel 2014: The computerisation of Europe jobs.

(35)  Fil-21 u t-22 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar rakkomandazzjoni dwar “Titjib tal-kompetenzi: Opportunitajiet ġodda għall-adulti” (li qabel kienet il-“Garanzija ta’ Ħiliet”).

(36)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

(37)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

(38)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

(39)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

(40)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

(41)  Indirizzati f’pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, pereżempju l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, iżda wkoll fi Franza.

(42)  Studies on Growth with Equity, Building a Social Pillar for European convergence, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2016.

(43)  Dibattiti nazzjonali fil-Finlandja u d-Danimarka, pereżempju.

(44)  Il-bidliet ekonomiċi fid-dinja, il-konsegwenzi għall-kompetittività tal-UE (Rapport ta' informazzjoni)

(45)  Dibattitu nazzjonali fil-Finlandja, is-Slovenja, Malta, l-Irlanda, il-Polonja u l-Estonja, pereżempju.

(46)  Dibattitu nazzjonali fir-Repubblika Ċeka.

(47)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

(48)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 6.

(49)  Rapport tal-KESE “Inklużjoni aħjar tal-komunità tar-Rom permezz ta’ inizjattivi tas-soċjetà ċivili” (2014).

(50)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115, ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68.

(51)  Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali (SPPM) – Rapport dwar sfidi soċjali ewlenin u l-messaġġi ewlenin mill-SPC, 12606/16.

(52)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

(53)  Dokument ta’ pożizzjoni tal-KESE dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-UE (EESC-13-19-EN).

(54)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

(55)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.

(56)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.

(57)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 9.

(58)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57.

(59)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33.

(60)  Il-kontribut tal-KESE għall-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, l-14 ta’ Lulju 2016.

(61)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 1.

(62)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91.

(63)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 62.

(64)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23 (din l-opinjoni ma ngħatatx l-appoġġ tal-Grupp ta’ Min Iħaddem; ara www.eesc.europa.eu/resources/docs/statement-minimum-income.pdf).

(65)  Dibattiti nazzjonali fil-Bulgarija, l-Irlanda, ir-Rumanija u Spanja pereżempju.

(66)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2015 dwar il-Governanza Soċjali għal Ewropa Inklużiva (dokument tal-Kunsill 14129/15) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali (SPPM) — Rapport dwar sfidi soċjali ewlenin u l-messaġġi ewlenin mill-SPC, (dokument tal-Kunsill 12606/16).

(67)  Ara pereżempju ĠU C 117, 26.4.2000, p. 52, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44, ĠU C 458, 19.12.2014, p. 14 Proġett dwar l-Intraprenditorija Soċjali. Ir-rwol importanti tal-ekonomija soċjali ġie indirizzat ukoll f’diversi dibattiti nazzjonali fil-Bulgarija, l-Estonja, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall u Spanja pereżempju.

(68)  Il-kontribut tal-KESE għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017, il-15 ta’ Ġunju 2016.

(69)  Inkluż f’każ ta’ diżabbiltà, kura fit-tul, ħarsien tat-tfal.

(70)  Il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa u tal-mard, il-benefiċċji tal-qgħad, il-benefiċċji tax-xjuħija, il-benefiċċji għal korriment fuq il-post tax-xogħol, il-benefiċċji tal-familja, il-benefiċċji -tal-maternità, il-benefiċċji tal-invalidità, il-benefiċċji tas-superstiti.

(71)  In-nuqqas ta’ ċarezza tqajjem f’ħafna Stati Membri, b’ċerti sezzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu tħassib li dan jista’ jkollu effett ta’ ‘boomerang’. Jekk jinħolqu aspettattivi li fl-aħħar mill-aħħar ma jiġux ssodisfati, dan jista’ jwassal għal iktar frustrazzjoni u nuqqas ta’ fiduċja.

(72)  L-Artikolu 3 tat-TUE, l-Artikolu 9 tat-TFUE, Titolu X tat-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

(73)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33.

(74)  Dibattiti nazzjonali fl-Awstrija, il-Bulgarija, l-Italja, in-Netherlands u r-Rumanija.

(75)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.

(76)  Artikolu 9 tat-TFUE.

(77)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57.

(78)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 61.

(79)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57.

(80)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.

(81)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33.

(82)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.

(83)  Ara pereżempju l-analiżi dettaljata dwar l-impjieg.

(84)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.

(85)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73.

(86)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10, dwar aktar flessibbiltà tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fir-rigward ta’ ċertu “investiment pubbliku”.

(87)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 86.

(88)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58, ĠU C 271, 19.9.2013, p. 1.

(89)  Dibattiti nazzjonali fil-Finlandja u Franza, pereżempju.

(90)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.

(91)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali — Opinjoni Konġunta EMCO-SPC, dokument Nru 12605/16, approvata mill-Kunsill EPSCO fit-13 ta’ Ottubru 2016.

(92)  Dibattiti nazzjonali fir-Rumanija, pereżempju.


Top