EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0324(01)

Rapport dwar l-aċċess għal-liġijiet

OJ C 97, 24.3.2015, p. 2–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/2


Rapport dwar l-aċċess għal-liġijiet

(2015/C 97/03)

I.   INTRODUZZJONI

“Ignorantia juris non excusat”

1.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkopri firxa wiesgħa ta’ azzjoni, fi ħdan il-qafas stabbilit mit-Trattati. Mhux talli ma jittrattax l-aspetti ġenerali, bħad-determinazzjoni ta’ qafas għall-UE u kif taħdem, iżda huwa jkopri wkoll aspetti oħra tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u n-negozji fl-Ewropa. Ir-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-divorzju u d-deċiżjonijiet rigward l-obbligu ta’ manteniment jew kwistjonijiet ta’ wirt huma ta’ importanza kbira għaċ-ċittadini li jgħixu f’kull Stat Membru. Bl-istess mod, il-liġi tal-kumpanniji, ir-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern u l-proċeduri ta’ insolvenza huma eżempji ta’ interess aktar speċifiku għan-negozji.

2.

B’hekk, il-kwistjoni ta’ aċċess għal-liġi hi ta’ importanza ċentrali. Hu f’dan il-kuntest li kienu qed isiru diskussjonijiet tekniċi fi ħdan tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Leġislazzjoni Elettronika. Il-Grupp ta’ Ħidma huwa magħmul mir-rappreżentanti tat-28 Stat Membru, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Ir-rappreżentanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qegħdin ukoll jikkontribwixxu għall-ħidma tagħha. Il-mandat speċifiku tal-grupp ta’ ħidma huwa li jindirizza l-ħtieġa ta’ disseminazzjoni aħjar tad-data legali u koordinazzjoni aħjar tal-mezzi tekniċi użati, biex kemm jista’ jkun jiżgura li jiġi ffaċilitat l-aċċess kemm għad-dritt Ewropew kif ukoll għal-liġijiet tal-Istati Membri, kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-istrumenti Ewropej.

3.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jiddiskuti passi kbar ‘il quddiem li saru f’termini ta’ aċċess għad-dritt Ewropew u l-liġijiet nazzjonali, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi offrut aċċess għal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi, meta dan ikun fl-interess tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri.

II.   AĊĊESS GĦAL-LIĠIJIET

4.

Sabiex jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lill-Unjoni Ewropea skont it-Trattati, l-istituzzjonijiet jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet. Ir-Regolamenti għandhom applikazzjoni ġenerali. Huma vinkolanti fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi pprovdut aċċess immedjat għal tali leġislazzjoni, li hi inkorporata fis-sistemi legali tal-Istati Membri u li tipproduċi effetti mingħajr il-ħtieġa ta’ atti addizzjonali.

5.

Id-direttivi huma vinkolanti, fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, igħal kull Stat Membru li jindirizzaw, iżda jħallu l-għażla tal-forma u tal-metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Id-Direttivi jridu jiġu trasposti fil-liġijiet tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri nazzjonali. Dan hu l-mod partikolari li bih huma marbutin id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-liġijiet nazzjonali.

6.

Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fl-intier tagħhom. Huma biss vinkolanti għal dawk li lilhom ikunu indirizzati d-deċiżjonijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet m’għandhomx forza vinkolanti.

III.   AĊĊESS GĦAL-LIĠIJIET FIL-LIVELL EWROPEW

1.   EUR-Lex

7.

Il-EUR-Lex, li jservi bħala pjattaforma importanti ħafna għall-aċċess għal-liġijiet, ihuwa wieħed mill-prodotti l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea u li l-aktar li ilhom jeżistu. Is-sit web, li huwa aċċessibbli minn eur-lex.europa.eu, jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar id-dritt tal-UE u l-liġijiet nazzjonali, jipprovdi paġni minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u joffri ġabra kbira ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri leġislattivi, l-atti preparatorji u l-każistika tal-UE.

8.

Il-EUR-Lex li qiegħed dejjem jevolvi, u b’mod partikolari jiffoka fuq il-ħtieġa taċ-ċittadini għal informazzjoni legali, gradwalment żied kontenut ġdid, li sussegwentement ġie rikonoxxut bħala essenzjali. Għalhekk, filwaqt li verżjonijiet bikrin tas-sit web ospitaw kontenut purament “Ewropew”, il-portal N-Lex fih links għal-leġislazzjoni nazzjonali. Is-sit web joffri wkoll għodod ta’ tiftix dejjem aktar effiċjenti u dettaljati, mmirati lejn il-ħtiġijiet kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-professjonisti legali.

9.

Is-sit web EUR-Lex hu ġestit mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li min-naħa tiegħu għandu Kumitat ta’ Ġestjoni li fih huma rrappreżentati l-istituzzjonijiet differenti tal-UE. Il-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali Lex (ILWP) ukoll jappoġġa il-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

2.   Pubblikazzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali

10.

Fis-7 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 216/2013 (1). Dak ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013, jistipula li l-Ġurnal Uffiċjali għandu jiġi ppubblikat b’mod elettroniku bil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa biss il-Ġurnal Uffiċjali li jiġi ppubblikat f’forma elettronika li huwa awtentiku u jipproduċi effetti legali.

11.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali fis-sistema tal-informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. F’każijiet bħal dawn, l-edizzjoni stampata biss tal-Ġurnal Uffiċjali hija awtentika u tipproduċi effetti legali.

12.

L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandha firma elettronika avvanzata u hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web EUR-Lex f’format li jibqa’ jintuża u għal żmien indeterminat. Dan jista’ jiġi kkonsultat mingħajr ħlas.

13.

L-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament kienet pass kruċjali biex jiġi ggarantit aċċess għad-dritt tal-UE u pprovdiet ċertezza legali liċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet, kif ukoll aċċess sempliċi, dirett u faċli għall-utent.

3.   Traduzzjonijiet

14.

Ir-Regolament Nru 1 (2), kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tas-6 ta’ Ottubru 1958 u emendat minn adeżjonijiet suċċessivi ta’ Stati Membri ġodda, jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-leġislazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea. Attwalment, kull att legali huwa aċċessibbli fi 23 lingwa fost dawk tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll fir-24 lingwa fil-każ ta’ regolamenti adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Dan jiżgura li l-leġislazzjoni adottata fil-livell tal-UE tkun tinftiehem totalment u kompletament aċċessibbli, u li tiġi kkomunikata fl-istess waqt fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea b’rispett sħiħ għalal-kulturi tal-Istati Membri.

4.   Glossarji tal-UE – Eurovoc

15.

L-atti tal-Unjoni Ewropea huma speċifiċi ħafna u fihom ammont kbir ta’ kunċetti, fatt li malajr wassal għal ħtieġa biex ikun hemm għodod li jservu ta’ katalogu għal dawk il-kunċetti. Fil-fatt, it-termini fi ħdan dispożizzjoni tad-dritt tal-UE li ma jagħmlu l-ebda referenza espliċita għal-liġijiet tal-Istati Membri bil-għan li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi kullimkien fl-Unjoni Ewropea, b’rabta mal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-objettiv li jrid jinkiseb mil-leġislazzjoni inkwistjoni (3).

16.

Fid-dawl ta’ dan, l-Unjoni Ewropea żviluppat l-Eurovoc, teżawru ta’ termini użati f’kull qasam tad-dritt tal-UE. Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti u b’konsiderazzjoni tan-natura tal-Unjoni Ewropea, it-teżawru huwa disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE. L-utenti li jfittxu informazzjoni dwar kunċett, bis-saħħa tal-glossarji, ser ikunu jistgħu jsibu l-kunċett korrispondenti f’lingwa oħra.

5.   Standardizzazzjoni ta’ metadata

17.

L-istandardizzazzjoni ta’ metadata awtomatikament tgħin biex tiġiżgurata distribuzzjoni aktar effiċjenti ta’ informazzjoni online. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet Ewropej waqqfu Kumitat Interistituzzjonali ta’ Manutenzjoni ta’ Metadata (IMMC), li r-rwol tiegħu huwa li jiddefinixxi metadata komuni, regoli u protokolli ta’ skambju, u sett minimu ta’ metadata. Fl-istess kuntest, l-istituzzjonijiet tal-UE u ċerti Stati Membri qed jaħdmu wkoll fuq l-implimentazzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni (ELI) (ara hawn taħt).

18.

Billi jsir xogħol fuq l-istandardizzazzjoni ta’ metadata b’dan il-mod, l-UE għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni li titqiegħed online u, b’mod ġenerali, tiżgura komunikazzjoni aħjar tal-liġi u l-aċċess għaliha.

6.   Konsolidazzjoni u kodifikazzjoni

19.

Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, issir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ konsolidazzjoni u dak ta’ kodifikazzjoni. Iż-żewġ termini jistgħu jintużaw ukoll b’tifsiriet oħra fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri.

(a)   konsolidazzjoni

20.

Konsolidazzjoni tfisser il-proċedura li biha d-dispożizzjonijiet ta’ att bażiku u l-emendi sussegwenti kollha għalih jinġabru f’test uniku. Din il-kumpilazzjoni titwettaq biss b’rabta mat-termini normattivi (il-premessi li jidhru f’att konsolidat huma dawk mill-att bażiku). L-għan huwa li l-atti legali tal-UE jiġu ppreżentati liċ-ċittadini b’mod li jista’ jinqara. Għalhekk, il-konsolidazzjoni tkun ta’ kontribut kbir biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-dritt tal-UE u biex dan ikun inqas ta’ piż.

21.

Madankollu, il-konsolidazzjoni ma tinvolvix l-adozzjoni ta’ att legali ġdid u għalhekk m’għandhiex effett legali. Il-konsolidazzjoni ssir mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u t-testi konsolidati jiżdiedu fil-bażi tad-data tal-EUR-Lex.

22.

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jikkonsolida l-atti legali tal-UE fil-lingwi uffiċjali kollha, kuljum. Il-verżjonijiet konsolidati ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet huma aġġornati sistematikament fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħhom hekk kif kwalunkwe att emendatorju jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-konsolidazzjoni hija l-bażi għall-kodifikazzjoni u r-riformulazzjoni.

23.

Minn tmiem l-2014 ‘il hawn, hemm aktar minn 3 650 att legali fis-seħħ li jkunu għaddew minn konsolidazzjoni regolari (familji konsolidati), li ġabret flimkien madwar 15 000 att individwali. Dawn il-familji ma jirrappreżentawx l-acquis kollu kemm hu, minħabba li xi atti qatt ma ġew emendati u l-atti li huma applikabbli biss għal żmien qasir ma jiġux konsolidati.

24.

F’dawn l-aħħar snin, il-produzzjoni annwali kienet ta’ medja ta’ madwar 1 000 000 paġna fil-format PDF, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

(b)   kodifikazzjoni u riformulazzjoni

25.

L-għan tal-proċedura ta’ kodifikazzjoni hu li tħassar l-atti magħżula għall-kodifikazzjoni u tissostitwixxihom b’att wieħed, mingħajr ma, b’xi mod, tinbidel is-sustanza tagħhom.

26.

Il-kodifikazzjoni għalhekk issir mill-istituzzjonijiet li jkunu adottaw l-att inizjali, kif stabbilit fit-Trattati. L-atti li jirriżultaw għandhom validità legali u huma ppubblikati fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali.

27.

Ir-riformulazzjoni hija l-adozzjoni ta’ att legali ġdid li jinkorpora f’test uniku kemm l-emendi sostantivi li din tagħmel għall-att preċedenti kif ukoll id-dispożizzjonijiet mhux mibdula ta’ dak l-att. L-att legali l-ġdid jissostitwixxi u jħassar l-att preċedenti.

28.

Hemm ħafna iktar xi jsir biex ikunu jistgħu jiġu adottati verżjonijiet kodifikati jew ir-riformulazzjoni ta’ atti li jemendaw strument eżistenti, peress li dan jevita li jkun hemm ammont kbir ta’ atti emendatorji iżolati, li minħabba f’hekk ikun aktar diffiċli li l-leġislazzjoni tinftiehem.

29.

F’dan ir-rigward, il-fatt li fit-28 ta’ Novembru 2001, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw Ftehim Interistituzzjonali dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta’ riformulazzjoni għall-atti legali (2002/C 77/01) hu ta’ rilevanza partikolari.

30.

Aktar reċentement, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-ewwel darba qablu li jwettqu eżerċizzju ta’ riformulazzjoni matul il-proċedura leġislattiva, dak il-ftehim ħa s-sura ta’ deċiżjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill bi qbil mal-Kummissjoni. Il-proposta involuta kienet Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (insolvenza) li nbidlet f’riformulazzjoni.

31.

Jekk isir aktar użu minn din it-teknika ta’ riformulazzjoni, jew il-kodifikazzjoni ta’ atti emendatorji mal-adozzjoni tagħhom, iċ-ċittadini jkollhom aċċess għal testi kompleti u li jistgħu jinqraw li jkollhom effett legali.

IV.   LIĠIJIET NAZZJONALI

(a)   Leġislazzjoni

(i)   N-Lex

32.

Is-sit N-Lex li tnieda fl-2006 għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni dwar leġislazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-UE.

33.

N-Lex jinkludi formola ta’ tiftix waħda fil-lingwi kollha li turi riżultati minn bażijiet tad-data nazzjonali tal-Istati Membri. Meta tintuża flimkien ma’ Eurovoc, is-sistema tippermetti liċ-ċittadini jfittxu kunċetti li mhumiex familjari magħhom bil-lingwa tagħhom stess jew minn sistema nazzjonali tagħhom stess.

34.

Il-multilingwiżmu tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li huwa vantaġġ, joħloq sfida sostanzjali f’termini ta’ aċċess għal-liġi, l-aċċess għas-siti nazzjonali li fihom il-leġislazzjoni ftit li xejn ikun ta’ użu fin-nuqqas ta’ xi forma ta’ traduzzjoni. Ta’ min isemmi hawnhekk li xi Stati Membri joffru traduzzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom f’lingwa oħra tal-UE biex jgħinu lill-qarrejja biex jifhmu dawk l-istrumenti. Barra minn hekk, hemm ukoll pjanijiet (ara hawn taħt) biex tingħata link għal għodda ta’ traduzzjoni awtomatizzata li minnha jistgħu jintalbu t-traduzzjonijiet tar-riżultati tat-tiftix, dan jippermetti lill-utenti jikkonsultaw informazzjoni estensiva, aċċessibbli u komprensibbli dwar il-liġijiet tal-Istati Membri.

(ii)   Miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni

35.

L-aħjar aċċess għall-informazzjoni legali għaċ-ċittadini jfisser mhux biss aċċess għall-istrumenti Ewropej kollha, iżda wkoll aċċess għall-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-dritt Ewropew. Kif inhu, is-sit EUR-Lex jipprovdi informazzjoni dwar direttivi adottati fil-livell tal-UE, flimkien ma’ sett ta’ metadata dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ġew adottati mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dawk id-Direttivi.

36.

Tqajmet il-ħtieġa li jkun hemm rabta bejn dawn iż-żewġ settijiet ta’ informazzjoni, u fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni elettronika, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet qegħdin jeżaminaw il-possibbiltà li tinħoloq sistema li tagħmel dan. Ir-riżultat joffri liċ-ċittadini aċċess mhux biss għad-direttivi, iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw dawn id-Direttivi fil-prattika. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni elettronika bħalissa qed janalizza l-aspett tekniku marbut mal-forniment ta’ aċċess effettiv, affidabbli u aġġornat għal miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni, bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza waqt li tiġi limitata l-informazzjoni doppja. Ir-riflessjonijiet attwali dwar l-ELI jkopru wkoll r-referenzjar tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

(iii)   Traduzzjoni awtomatizzata

37.

L-użu ta’ lingwi differenti fl-Unjoni Ewropea jirrappreżenta sfida formidabbli b’rabta mal-aċċess għall-informazzjoni legali. Ċerta informazzjoni katalogata ma tkunx utli jekk l-utent ma jkunx jista’ jifhimha.

38.

Barra minn hekk, in-natura tal-informazzjoni legali minnha nnifisha tipprovdi sfida dejjem akbar. Biex jiġi evitat ir-riskju li l-qarrej jinterpreta t-termini li jintużaw b’mod żbaljat, hu għandu jifhem b’mod sħiħ ir-rilevanza tat-termini użati.

39.

Is-servizz tat-traduzzjoni awtomatizzata tal-Kummissjoni Ewropea (MT@EC) ilu disponibbli minn Lulju 2013. L-utenti li jfittxu fil-portal ta’ N-Lex ingħataw aċċess għal dan is-servizz permezz ta’ link. Is-servizz għandu jittieħed bħala sors ta’ informazzjoni ġenerali, biex b’hekk l-utent ikun jista’ jifhem l-essenza b’mod ġenerali ta’ kwalunkwe riżultat tat-tiftix bħala bażi biex imbagħad jikkonsulta lil speċjalist kif xieraq. Ta’ min jinnota li t-traduzzjoni ta’ ċerti kombinazzjonijiet lingwistiċi għadha problematika u għandha tittejjeb.

(iv)   Glossarji nazzjonali: Legivoc

40.

Minħabba l-kumplessità tat-termini legali ta’ kull sistema nazzjonali, u d-differenzi bejniethom, ġiet identifikata l-ħtieġa għal proġett sabiex jitfasslu glossarji dwar il-leġislazzjoni tal-Istati Membri.

41.

Il-produzzjoni ta’ glossarju dwar il-leġislazzjoni nazzjonali hi sfida ferm akbar milli kieku dan kellu jsir fil-livell Ewropew. Dan għaliex, l-ewwel nett, l-għarfien rilevanti jinsab mifrux bejn għadd ta’ ċentri, u b’hekk isir prerekwiżit li titwettaq ħidma preparatorja marbuta mal-ġbir tal-vokabularji legali. It-tieni nett, billi kull sistema fiha nnifisha topera f’ambjent multilingwistiku termini simili minn żewġ Stati Membri differenti jista’ jkollhom tifsiriet differenti, jew inkella termini differenti jista’ jkollhom tifsira simili jew relatata. Huwa għalhekk meħtieġ li titfassal struttura bħal dik ta’ siġra bil-konnessjonijiet rilevanti.

42.

Proġett pilota li jġib l-isem Legivoc, imniedi mid-delegazzjoni Franċiża, ipproduċa deskrizzjoni inizjali ta’ glossarju kompilat minn xi glossarji nazzjonali. Dan dalwaqt ser jiffaċilita l-allinjament kunċettwali tat-termini legali nazzjonali.

(v)   ELI (Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni)

43.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet fl-2012 li fihom kien hemm stedina għall-introduzzjoni, fuq bażi volontarja, ta’ Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni (ELI) (ĠU C 325, 26.10.2012, p. 3).

44.

Il-Kunsill qies li kien importanti li jintlaħaq l-objettiv li jingħata aċċess għall-informazzjoni dwar is-sistemi legali tal-UE u l-Istati Membri u jiġi stabbilit għodda utli għaċ-ċittadini, il-professjonisti legali u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

45.

Il-ħtieġa li jingħata aċċess għal-liġijiet hija parzjalment ssodisfata mill-informazzjoni legali disponibbli b’mezzi diġitali u l-użu mifrux tal-Internet. Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni legali huwa limitat ħafna mid-differenzi li hemm bejn id-diversi sistemi legali nazzjonali u bejn is-sistemi tekniċi li dawn jużaw għall-ħżin u l-pubblikazzjoni tal-leġislazzjoni fis-siti web rispettivi tagħhom. Dan ifixkel l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, minkejja ż-żieda fid-disponibbiltà ta’ dokumenti f’format elettroniku.

46.

L-introduzzjoni tal-ELI hija maħsuba biex jingħelbu dawn il-problemi. Meta jsiru referenzi għal-leġislazzjoni nazzjonali fil-ġurnali uffiċjali u l-gazzetti legali, l-użu ta’ identifikaturi uniċi u metadata u ontoloġija strutturati jagħmel ir-riċerka u l-iskambju ta’ informazzjoni aktar effettiv, aktar faċli għall-utent u aktar rapidu, filwaqt li jipprovdi mekkaniżmi effiċjenti ta’ riċerka għal-leġislaturi, l-imħallfin, il-professjonisti legali u ċ-ċittadini.

47.

Il-leġislazzjoni tiġi identifikata permezz ta’ identifikatur uniku li jkun jingħaraf, jinqara u jinftiehem kemm mill-bnedmin kif ukoll mill-kompjuters, u li jkun kompatibbli mal-istandards teknoloġiċi eżistenti. Barra minn hekk, l-ELI joffri ġabra ta’ elementi ta’ metadata biex jiddeskrivu l-leġislazzjoni f’konformità ma’ ontoloġija rakkomandata. Dan għandu jiggarantixxi aċċess pubbliku kosteffikaċi għal leġislazzjoni affidabbli u aġġornata. Peress li l-ELI jibbenefika mill-arkitettura emerġenti tal-web semantiku, li tippermetti li l-informazzjoni tiġi pproċessata direttament mill-kompjuters kif ukoll mill-bnedmin, tkun tista’ ssir kondiviżjoni awtomatika tad-data u b’hekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun aktar veloċi, effiċjenti u estensiv.

48.

Għalhekk, l-ELI jieħu kont mhux biss tal-kumplessità u l-ispeċifiċità tas-sistemi leġislattivi domestiċi u Ewropej eżistenti, iżda anki tal-bidliet fit-testi legali (eż. konsolidazzjonijiet, atti mħassra, eċċ). Huwa mfassal sabiex jiġi sovrapost fuq sistemi eżistenti li jużaw data strutturata. Jista’ jiġi implimentat mill-Istati Membri skont il-pass individwali tagħhom.

49.

L-introduzzjoni tal-Identifikatur tal-Leġislazzjoni Ewropea (ELI) hija volontarja. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u diversi Stati Membri bħalissa qed jimplimentaw l-ELI.

(vi)   Netwerk għal kooperazzjoni leġislattiva

50.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2008 stabbilixxiet netwerk għal kooperazzjoni leġislattiva bejn il-Ministeri għall-Ġustizzja tal-Istati Membri.

51.

Pjattaforma elettronika sigura (www.legicoop.eu) inħolqot fl-2001, u tintuża mill-Ministeri għall-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’aktar minn 4 000 talba u tweġiba skambjati mill-ħolqien tagħha sal-lum, il-pjattaforma tarkivja, online, informazzjoni essenzjali li tippermetti konsultazzjonijiet u studji dwar id-dritt komparattiv permezz ta’ għodda ta’ komunikazzjoni unika u effiċjenti. Il-korrispondenti għal kull Stat Membru għalhekk jużaw in-netwerk biex jiġi żgurat l-iskambju kruċjali ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-leġislazzjoni fis-seħħ, is-sistemi leġislattivi u ġudizzjarji, u l-pjanijiet ta’ riforma.

(b)   Każistika

(i)   ECLI (Identifikatur Ewropew tal-Każistika)

52.

Fl-2011 il-Kunsill adotta konklużjonijiet li stiednu, fuq bażi volontarja, l-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika u ġabra minima ta’ metadata uniformi għall-każistika (ĠU C 127, 29.4.2011, p. 1).

53.

Il-ħtieġa li jingħata aċċess għal-liġijiet għandha tilħaq l-objettiv tad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sistemi legali tal-UE u tal-Istati Membri u għandha sservi bħala għan għall-ħolqien ta’ għodda utli għaċ-ċittadini, il-professjonisti legali u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

54.

L-għarfien dwar is-sustanza u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jistax jinkiseb biss minn sorsi legali tal-UE; għandu jittieħed kont ukoll tal-każistika tal-qrati nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jitolbu deċiżjoni preliminari, deċiżjonijiet li jsegwu deċiżjoni preliminari, u deċiżjonijiet li jinfurzaw id-dritt tal-UE b’mod dirett. Barra minn hekk, l-aċċess transkonfinali mtejjeb għall-każistika tal-qrati tal-Istati Membri u dawk Ewropej jiffaċilita l-istudji dwar id-dritt komparattiv u jistimula l-kisba ta’ għarfien dwar id-diversi kulturi legali.

55.

Studju (4) li sar mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Leġislazzjoni Elettronika sab li, minbarra l-kwistjonijiet ta’ multilingwiżmu, il-problemi ta’ aċċess għall-każistika kienu prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ identifikaturi u metadata uniformi. Fil-livell nazzjonali jeżistu diversi sistemi ta’ identifikazzjoni, xi wħud minnhom magħżula mill-qorti, oħrajn speċifiċi għall-bejjiegħ. Il-bażijiet ta’ data mfassla għat-tfittxija ta’ każistika minn diversi Stati Membri jew jivvintaw sistema ta’ identifikazzjoni proprja jew inkella jerġgħu jużaw waħda jew aktar mis-sistemi nazzjonali ta’ numerazzjoni. Minħabba f’hekk, it-tfittxija u ċ-ċitar tal-każistika f’kuntest transkonfinali huwa diffiċli ferm peress li l-identifikaturi maħruġa minn waħda mis-sistemi jistgħu ma jkunux kompatibbli ma’ sistemi oħra.

56.

Kemm biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ulterjuri ta’ bażijiet ta’ data tal-każistika kif ukoll biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-professjonisti legali u ċ-ċittadini, ġie meqjus bħala essenzjali li jkun hemm sistema komuni għall-identifikazzjoni, iċ-ċitar u l-metadata tal-każistika.

57.

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiġu identifikati bl-użu ta’ identifikatur standard li jkun jingħaraf, jinqara u jinftiehem kemm mill-bnedmin kif ukoll mill-kompjuters, u li jkun kompatibbli mal-istandards teknoloġiċi. Fl-istess ħin għandu jkun possibbli li s-sistemi ta’ identifikazzjoni tal-każistika nazzjonali joperaw b’mod parallel ma’ standard Ewropew bħal dan, iżda wkoll li l-istandard Ewropew iservi bħala l-uniku standard nazzjonali għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ hekk.

58.

Minħabba li l-organizzazzjoni tal-qrati u l-applikazzjonijiet tal-IT li jintużaw mill-qrati jvarjaw mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll fi ħdan l-istess Stat Membru, għandu jsir possibbli li s-sistema ta’ identifikazzjoni u metadata tkun tista’ tintuża fil-qrati kollha.

59.

L-Istati Membri ġew mistiedna jintroduċu, fuq bażi volontarja fil-livell nazzjonali, l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika u ġabra minima ta’ metadata uniformi għall-każistika. Bħalissa, għadd ta’ Stati Membri diġà introduċew is-sistema tal-ECLI fil-livell domestiku.

(ii)   JURE

60.

Il-bażi ta’ data JURE tinkludi deċiżjonijiet rilevanti meħuda mill-qrati tal-Istati Membri tal-UE u, fejn xieraq, tal-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera, u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-konvenzjonijiet u r-regolamenti li ġejjin:

il-Konvenzjoni ta’ Brussell (1968)

il-Konvenzjoni ta’ Lugano (1988)

ir-Regolament Brussell I (2000)

ir-Regolament Brussell II (2000)

ir-Regolament il-Ġdid Brussell II (2003)

il-Konvenzjoni l-Ġdida ta’ Lugano (2007)

61.

Attwalment, id-deċiżjonijiet huma disponibbli bil-lingwa oriġinali biss.

62.

Hemm ukoll disponibbli taqsira ta’ kull deċiżjoni bil-Franċiż, l-Ingliż u l-Ġermaniż (u bil-lingwa oriġinali jekk din it-taqsira tkun pprovduta mill-pajjiż ikkonċernat).

63.

Il-ġabra ta’ JURE attwalment hi disponibbli fuq is-sit tal-EUR-Lex, taħt it-taqsima “Liġi Nazzjonali” u s-subtaqsima “JURE”. Din tinkludi wkoll il-kontenut tal-bażi ta’ data JURE preċedenti. L-Istati Membri qegħdin jaġġornaw din il-bażi ta’ data b’mod attiv, bil-kontribut ta’ każistika reċenti.

(iii)   Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi

64.

In-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea, li nħoloq fl-2004, stabbilixxa pjattaforma għall-komunikazzjoni bejn il-Qrati Supremi tal-UE. Minbarra l-istimulazzjoni ta’ dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, il-kuntatti maħluqa bejn il-Presidenti tal-Qrati Supremi wasslu għall-ħolqien fl-2007 ta’ portal komuni tal-każistika b’magna tat-tiftix kapaċi li tfittex f’magni tat-tiftix oħrajn.

(iv)   Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea

65.

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea (ACA-Europe) tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kunsilli tal-Istat jew il-ġurisdizzjonijiet amministrattivi supremi ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-qrati u l-istituzzjonijiet b’setgħat simili fi Stati involuti f’negozjati bil-ħsieb li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu ammessi bħala osservaturi.

66.

L-Assoċjazzjoni hija bbażata fuq filosofija ta’ skambju ta’ ideat u esperjenzi dwar kwistjonijiet relatati mal-każistika, l-organizzazzjoni u l-ħidma tal-membri tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom, kemm dawk ġudizzjarji kif ukoll dawk konsultattivi, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-UE. Għal dan il-għan, l-Assoċjazzjoni tinkoraġġixxi kuntatti u skambji ta’ informazzjoni bejn il-membri u l-osservaturi tal-Assoċjazzjoni u mal-qrati tal-UE.

67.

L-Assoċjazzjoni stabbilixxiet bażi ta’ data li tikkonsisti prinċipalment mis-sentenzi, l-opinjonijiet u l-istudji maħruġa mill-membri tagħha. Din tinkludi żewġ bażijiet ta’ data, l-ewwel waħda (Dec.Nat.) fiha deċiżjonijiet nazzjonali u t-tieni waħda (JuriFast) fiha fajls preliminari (mistoqsijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-tweġibiet tagħha, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-livell nazzjonali b’reazzjoni għal dawk it-tweġibiet) kif ukoll deċiżjonijiet nazzjonali li jinterpretaw id-dritt tal-UE.

V.   OPEN DATA

68.

L-għan tal-Portal tal-Open Data tal-UE (http://open-data.europa.eu) huwa l-ġbir u d-disseminazzjoni tal-open data tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-UE. Inizjattiva oħra għandha l-għan li tistabbilixxi portal pan-Ewropew dwar l-open data, li jlaqqa’ flimkien u jiddissemina open data mill-portali lokali, reġjonali u nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

69.

Iż-żewġ portali huma katalogi ta’ metadata u huma maħsuba sabiex tkun tista’ ssir interoperabbiltà semantika fuq livell ta’ metadata sabiex tinħoloq rabta effettiva bejn is-settijiet tad-data.

(a)   Open data fil-livell tal-UE

70.

Il-portal tal-Open Data tal-UE (http://open-data.europa.eu, ODP) inħoloq bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE (5) biex jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għall-open data, jiġi inkoraġġut ir-riutilizzazzjoni u titrawwem l-attività ekonomika. Dan hu l-uniku punt ta’ aċċess għall-open data miżmuma mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-UE.

71.

Il-ħolqien tiegħu huwa parti minn strateġija usa’ li tippromovi d-disponibbiltà mifruxa u bla ħlas ta’ informazzjoni prodotta mill-gvernijiet fil-livell Ewropew jew għalihom. Il-ħtieġa li nimxu lejn l-open data ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2013.

72.

Minbarra l-obbligu tagħhom skont id-Deċiżjoni 2011/833/UE, is-servizzi tal-Kummissjoni jridu jipprovdu lill-ODP b’data li jipproduċu huma stess jew li tiġi prodotta għalihom, filwaqt li l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra huma mistiedna jissieħbu. Il-portal jippermetti li kwalunkwe persuna tfittex, tniżżel u tirriutilizza b’mod faċli firxa dejjem ikbar ta’ data għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, permezz ta’ katalogu ta’ metadata komuni. Huwa jsaħħaħ il-viżibbiltà u l-possibbilità tas-sejbien ta’ data tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u jikkontribwixxi sostanzjalment għall-aċċessibbiltà u t-trasparenza tagħha.

73.

Lejn l-aħħar tal-2014, l-għadd ta’ fornituri tad-data li qed jikkontribwixxu għall-ODP kien laħaq 43 (26 servizz tal-Kummissjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u 15-il aġenzija), u b’hekk kien hemm aċċess għal madwar 6 650 sett tad-data.

(b)   Open data fil-livell tal-Istati Membri

74.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Pluriennali Ewropew dwar il-Ġustizzja elettronika 2014-2018 (2014/C 182/02) jipprevedi l-ħolqien ta’ grupp informali li l-konklużjonijiet tiegħu ser jiġu ppreżentati lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja elettronika. L-objettiv huwa li jiġi diskuss u mħejji l-metodu li għandu jintuża fir-rigward tal-open data fil-qasam tal-ġustizzja.

VI.   AĊĊESS GĦAL-LIĠIJIET TA’ PAJJIŻI TERZI

75.

L-aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ EUR-Lex, N-Lex u l-Portal tal-Ġustizzja elettronika huwa attwalment limitat fil-prattika għal informazzjoni legali dwar il-liġijiet u l-każistika tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. Madankollu, jista’ jkun opportun li immorru lil hinn u nestendu l-firxa ta’ informazzjoni legali disponibbli biex tinkludi l-aċċess għal-liġijiet u l-każistika ta’ pajjiżi terzi.

76.

Diġà saret riflessjoni dwar l-esplorazzjoni ta’ kif jista’ jiġi mtejjeb l-aċċess għal-liġijiet u l-każistika tal-Istati terzi. Fil-fatt, aċċess bħal dan jista’ jkun ta’ interess anki fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ strumenti adottati fil-livell tal-UE. Pereżempju, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistipula li kwalunkwe liġi, ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, tista’ tapplika għal kuntratt kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Dan ifisser li f’ċerti sitwazzjonijiet qorti ta’ Stat Membru jkollha tapplika l-liġi ta’ Stat terz li miegħu l-każ ikollu konnessjoni partikolari. Barra minn hekk, sitwazzjonijiet oħra fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini jew l-attivitajiet professjonali ta’ kumpanniji jew professjonisti legali jistgħu jeħtieġu jew juru l-użu tal-aċċess għal-liġijiet barranin.

77.

Xi Stati Membri għandhom regoli li jippermettu li l-qrati tagħhom jew awtoritajiet oħra jiksbu informazzjoni dwar il-liġijiet barranin. Dawk ir-regoli jindikaw awtorità li hija kompetenti biex tagħmel mistoqsijiet dwar il-liġijiet barranin. Huma jippermettu wkoll li jinkisbu l-opinjonijiet ta’ xhieda esperti. L-Istati Membri kważi kollha huma wkoll partijiet għall-Konvenzjoni Ewropea dwar Informazzjoni rigward il-Liġi Barranija.

78.

Ikun utli jekk jibqgħu jiġu esplorati modi ta’ kif jista’ jiġi ffaċilitat jew estiż l-aċċess għal-liġijiet ta’ Stati terzi. F’liema stadju waslu d-diskussjonijiet?

(i)   L-Istati ta’ Lugano

79.

L-Istati firmatarji għall-Konvenzjonijiet ta’ Lugano (l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda) għandhom relazzjoni partikolari mal-UE. F’dan ir-rigward, kien hemm kuntatti regolari ma’ rappreżentanti tal-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda biex jiġu diskussi b’mod partikolari l-bażijiet tad-data tal-każistika relatati mal-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet. Abbażi ta’ din il-kooperazzjoni speċifika, l-Istati ta’ Lugano wrew ukoll interess partikolari fil-ħidma li saret mill-Kunsill fuq il-web semantiku, u huma direttament involuti fid-diskussjonijiet dwar l-ELI u l-ECLI. Biż-żmien, l-idea hi li jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-web semantiku sabiex il-paġni tal-leġislazzjoni u l-każistika tal-pajjiżi inkwistjoni jkollhom ukoll referenzi għall-ELI u l-ECLI, u b’hekk jiġi inkoraġġut l-aċċess faċli u awtomatiku permezz tal-paġni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

(ii)   Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat

80.

Il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tinkludi għadd kbir ta’ Stati. Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u l-Politika tal-Konferenza stieden lill-Uffiċċju Permanenti biex ikompli jsegwi l-iżviluppi fil-qasam tal-aċċess għall-kontenut tal-liġijiet barranin.

81.

Peress li l-għodod tal-web semantiku żviluppati fuq inizjattiva tal-Unjoni Ewropea jistgħu, minħabba l-flessibilità tagħhom, ikunu wkoll adatti għal kwalunkwe sistema nazzjonali, saru kuntatti bil-ħsieb li dawn is-soluzzjonijiet jiġu esplorati. L-Unjoni Ewropea ppreżentathom fil-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u l-Politika tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat f’April 2014. Żviluppi futuri f’dan il-qasam ser jibqgħu jiġu segwiti mill-qrib.

(iii)   Inizjattivi tal-Istati Membri

82.

Permezz ta’ żewġ Stati Membri, l-UE hija f’kuntatt ukoll mas-Summit Ġudizzjarju Ibero-Amerikan, korp li jinkludi l-Istati tal-Amerika t’Isfel u Ċentrali. Peress li dawk l-Istati jixtiequ wkoll li jkunu jistgħu jinkoraġġixxu l-aċċess online għal-liġijiet, saru kuntatti biex jiġu kkomunikati s-soluzzjonijiet tal-web semantiku żviluppati mill-Unjoni Ewropea.

83.

Permezz ta’ wieħed mill-Istati Membri, il-Grupp ta’ Ħidma ġie informat ukoll bir-riżultati tal-iskema ta’ ġemellaġġ mal-Marokk, li inkludiet preżentazzjoni dwar l-ELI.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

84.

L-Unjoni Ewropea, konxja mil-importanza tal-kwistjoni tal-aċċess għal-liġijiet, żviluppat għodod u pjattaformi għall-faċilitazzjoni u l-estenzjoni tal-aċċess għal-liġijiet għaċ-ċittadini, inklużi professjonisti legali, kumpanniji u istituzzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-UE. Din il-ħidma diġà tat il-frott u għandha titkompla.

85.

Dan ir-rapport tfassal għad-disseminazzjoni lill-pubbliku.

86.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Leġislazzjoni elettronika ser ikompli jsegwi din il-ħidma u jipproponi li jitfasslu rapporti regolari dwar il-progress li jkun sar, mill-inqas kull ħames snin.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1).

(2)  Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(3)  Padawan, C-467/08, EU:C:2010:620, il-paragrafu 32.

(4)  12907/1/09.

(5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

(6)  Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).


Top