Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0616(03)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

OJ C 199, 16.6.2015, p. 6–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/6


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2015/C 199/06)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012  (2)

“CORNISH PASTY”

Nru tal-UE: UK-PGI-0105-01256 – 12.8.2014

DPO ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem:

Cornish Pasty Association

Indirizz:

Chapel View Farm

Coombe Lane

Bissoe

Truro

TR4 8RE

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1872865101

Indirizz tal-posta elettronika:

info@cornishpastyassociation.co.uk

Dikjarazzjoni tal-interess leġittimu tal-grupp applikant:

Il-Cornish Pasty Association (l-Assoċjazzjoni) hija l-unika organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi kollettivi tal-produtturi tal-Cornish Pasty ġenwina, prodott li ngħata l-istatus ta’ IĠP fil-11 ta’ Awwissu 2011. L-Assoċjazzjoni hija l-applikant imsemmi fl-Ispeċifikazzjoni tal-IĠP. Il-produtturi tal-Cornish Pasties ġenwini huma mħeġġa attivament li jsiru membri. L-Assoċjazzjoni fil-preżent għandha 24 membru li ħallas, li jirrappreżentaw madwar 50 % tal-produtturi li ġew identifikati, u aktar minn 90 % tal-pasties kollha prodotti f’Cornwall. L-iskop tal-Assoċjazzjoni, kif iddikjarat fil-kostituzzjoni tagħha, huwa li:

(a)

Tipprovdi vuċi waħda rispettata li tirrappreżenta u tappoġġja lill-produtturi u lill-bejjiegħa bl-imnut tal-Cornish Pasties ġenwini.

(b)

Tmexxi u tirrifletti l-ħsieb tal-industrija u fejn meħtieġ tkun il-kelliem għall-Membri.

(c)

Tiżviluppa u timplimenta strateġiji kontinwi għall-protezzjoni u l-amministrazzjoni tal-istatus ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tal-Unjoni Ewropea, inklużi proċeduri għar-regolamentazzjoni tal-iskema tal-IĠP, il-promozzjoni tal-Cornish Pasties ġenwini u kull azzjoni oħra meħtieġa mill-Assoċjazzjoni biex tilħaq l-għanijiet tagħha.

(d)

Tikkopera mill-qrib mal-gruppi ta’ ħidma, il-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn għall-benefiċċju tal-Membri.

Minn meta ngħatat l-IĠP, sar evidenti li numru ta’ kwistjonijiet minuri qed ifixklu l-proċess ta’ awditjar u konformità minħabba li ċerti produtturi jagħmlu l-pasties skont riċetti u metodi li jvarjaw kemxejn mill-Ispeċifikazzjoni, mingħajr ma jagħmlu differenza materjali għall-awtentiċità tal-prodott. Fil-fehma tal-Assoċjazzjoni dawn il-varjazzjonijiet minuri ma għandhomx jipprevjenu lil dawn il-prodotti milli jikkonformaw mar-regolament.

L-emendi proposti:

(a)

mhumiex relatati mal-karatteristċi essenzjali tal-prodott;

(b)

ma jibdlux ir-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii) tal-Artikolu 7(1);

(c)

ma jinkludux bidla fl-isem, jew f’xi parti tal-isem tal-prodott;

(d)

ma jaffettwax iż-żona ġeografika ddefinita; jew

(e)

ma jirrappreżentawx żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodott jew il-materja prima tiegħu.

L-emendi proposti għalhekk huma mfasslin biex jippermettu li jinkisbu l-interessi li ġejjin tal-grupp ta’ produtturi:

1.

Li jiżguraw li l-metodi moderni tal-produzzjoni tal-Cornish Pasty huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni.

2.

Li jippermettu li l-produtturi kollha tal-Cornish Pasties ġenwini jikkummerċjalizzaw legalment il-prodotti tagħhom taħt l-isem u l-logo tal-IĠP.

Li jistabbilixxu Speċifikazzjoni ċara u mhux ambigwa li tippermetti awditjar effiċjenti u bbażat fuq l-evidenza, kif ukoll verifika tal-konformità mar-rekwiżiti.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Ir-Renju Unit

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

4.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti)

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Emenda 1:

Deskrizzjoni tal-prodott

Din l-emenda tiċċara l-ingredjenti għat-tidlik tal-għaġina li jistgħu jiġu applikati għall-Cornish Pasty qabel it-tisjir.

Raġuni mogħtija għall-emenda:

Il-formolazzjoni tal-kliem tal-Ispeċifikazzjoni eżistenti hija ambigwa. L-Ispeċifikazzjoni oriġinali kellha l-intenzjoni li tippermetti komponenti tal-bajd u ħalib u ingredjenti għat-tidlik proprjetarji bbażati fuq il-bajd u ħalib kif ukoll il-bajd u l-ħalib, għaliex dawn jintużaw b’mod komuni, iżda huwa evidenti li din ma kinitx iddefinita b’mod ċar.

Il-formolazzjoni tal-kliem fl-Ispeċifikazzjoni attwali:

L-għaġina tista’ tkun jew tal-pastafrolla, semisfiljurata jew sfiljurata, skont ir-riċetta individwali tal-furnar. Wara l-mili, l-għaġina tista’ tkun immarkata għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott, eż. b’toqba magħmula bis-sikkina, b’qatgħat żgħar fl-għaġina jew b’forom magħmulin bl-għaġina u tista’ tindilek bil-ħalib, bil-bajd jew bit-tnejn li huma biex tieħu dak il-kulur dehbi tagħha. L-għaġina tal-wiċċ tagħti fil-mielaħ u hija robusta biżżejjed biex iżżomm il-forma tagħha tul il-proċess ta’ tisjir, tberrid u maniġġ u b’hekk jiġi evitat li l-għaġina tinqasam jew tixxaqqaq.

Tiġi emendata biex taqra:

L-għaġina tista’ tkun tal-pastafrolla, semisfiljurata jew sfiljurata, skont ir-riċetta individwali tal-furnar. Wara l-mili, l-għaġina tista’ tkun immarkata għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott, eż. b’toqba magħmula bis-sikkina, b’qatgħat żgħar fl-għaġina jew b’forom magħmulin bl-għaġina, u tista’ tindilek b’komponenti tal-ħalib jew tal-bajd jew tat-tnejn li huma, biex tieħu dak il-kulur dehbi tagħha. L-għaġina tal-wiċċ tagħti fil-mielaħ u hija robusta biżżejjed biex iżżomm il-forma tagħha tul il-proċess ta’ tisjir, tberrid u maniġġ u b’hekk jiġi evitat li l-għaġina tinqasam jew tixxaqqaq.

Emenda 2:

Deskrizzjoni tal-prodott

Tfittex li tagħmel provvediment għall-użu ta’ ammonti żgħar ħafna ta’ ingredjenti mhux obbligatorji fil-mili tal-għaġina jew biex iżidu s-sukkulenza jew inkella biex jgħinu fl-ipproċessar, iżda li ma jaffettwawx il-profil ġenerali tat-togħma tal-mili tal-Cornish Pasty. Tfittex ukoll li tiċċara l-formolazzjoni tal-kliem relatat ma’ kif tiġi ssiġġillata l-għaġina.

Raġuni għall-emenda:

Filwaqt li hemm ħtieġa li jiġi protett sew il-profil tat-togħma tal-Cornish Pasty ġenwina maħluq bl-ingredjenti prinċipali, huwa evidenti li jintużaw ħafna varjazzjonijiet żgħar, ħafna minnhom mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn joħolqu varjazzjonijiet sottili fil-prodotti lesti, li l-furnara huma kburin bihom. Din hija parti mit-tradizzjoni. Taħt l-ebda ċirkostanza din l-applikazzjoni ta’ emenda ma hija maħsuba biex tippermetti l-użu ta’ ingredjenti prinċipali għajr dawk stipulati fl-Ispeċifikazzjoni, jew ingredjenti oħrajn li jistgħu jbiddlu l-profil ġenerali tat-togħma tal-għaġina.

Il-metodi ta’ produzzjoni moderni jfissru wkoll li ċerti furnara jużaw ingredjenti li jgħinu fl-ipproċessar li ma jaffettwawx il-profil ġenerali tat-togħma tal-prodott, bħad-dqiq tal-qamħirrum, li jintuża biex jgħin fid-depożitar tal-mili. Għalkemm il-kwantitajiet huma żgħar ħafna, l-Ispeċifikazzjoni oriġinali ma kinitx tirrifletti dan.

Il-formolazzjoni tal-kliem rivedut iżomm b’mod ċar ir-rekwiżit li l-mili tal-Cornish Pasty ma jkunx fih addittivi artifiċjali.

Il-metodi tradizzjonali ta’ kif tiġi milwija u mmewġa l-għaġina jipproduċu varjazzjonijiet fid-dehra tal-prodott lest. Pereżempju, kultant il-liwja ssir f’angolu ta’ 45 grad u kultant issir fil-forma ta’ D ċatta. Il-Cornish Pasties jingħataw il-forma ta’ D malli l-mili jitqiegħed ġewwa, iżda l-proċess tal-liwi jista’ jirriżulta fi prodott finali li ma jkollux il-forma eżatta ta’ D. Dan huwa differenti mill-ippressar flimkien tat-truf fuq il-wiċċ tal-pasty, li mhuwiex il-metodu distintiv assoċjat mal-Cornish Pasties u huwa maħsub biex jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni.

Il-formolazzjoni tal-kliem fl-Ispeċifikazzjoni attwali:

L-ingredjenti għall-mili tal-Cornish Pasties huma:

patata maqtugħa fi flieli jew maqtugħa f’għamla ta’ kubi,

swede,

basla,

(il-kontenut tal-ħaxix fil-pastizott m’għandux ikun inqas minn 25 %),

ċanga mqatta’ f’biċċiet żgħar jew f’għamla ta’ kapuljat (il-kontenut tal-laħam fil-pastizzott m’għandux ikun inqas minn 12,5 %)

taħwir tal-ikel għat-togħma, b’mod ewlieni melħ u bżar.

L-ebda tip ieħor ta’ laħam, ħaxix eż. karrotti jew kwalunkwe addittiv artifiċjali ieħor m’għandu jintuża fil-mili u l-ingredjenti kollha għall-mili m’għandhomx ikunu msajrin meta l-prodott jiġi ssiġillat.

Nota: Tradizzjonalment, f’Cornwall wieħed jirreferi għal “swede” bħala “nevew”, jiġifieri ż-żewġ termini jfissru l-istess, iżda l-ingredjent minnu huwa s-“swede”. Waqt it-tiswir tagħhom, il-Cornish Pasties jingħataw forma ta’ “D” u t-trufijiet tal-għaġina jintlewew bl-idejn jew bil-magni fuq naħa waħda, qatt ‘il fuq.

Il-pastizzott sħiħ jinħema bil-mod sabiex ikun żgurat li t-togħmiet mill-ingredjenti mhux imsajrin jintiegħmu kemm jista’ jkun. Karatteristika oħra distintiva tal-Cornish Pastry hija dik li filwaqt illi l-ingredjenti użati jintgħarfu fl-apparenza, fit-togħma u fil-konsistenza, il-fużjoni ta’ togħmiet li jiġu mil-laħam taċ-ċanga nej u mill-ħaxix, jagħtu lill-prodott kollu togħma li tagħti fil-mielaħ ibbilanċjata u naturali. L-għaġina wkoll tieħu dik it-togħma ftit mielħa.

Il-Cornish Pasties jeħtieġ li jkunu mingħajr kuluri, togħmiet u preservattivi artifiċjali. Jinbiegħu f’diversi qisien u piżijiet u minn firxa ta’ ħwienet, inklużi ħwienet tal-laħam u furnara, supermarkets, delicatessens u ħwienet li jservu l-ikel.

Tiġi emendata biex taqra:

L-ingredjenti obbligatorji għall-mili tal-Cornish Pasties huma:

patata mqattgħa fi flieli jew imqattgħa f’għamla ta’ kubi,

swede,

basla,

(il-kontenut tal-ħaxix m’għandux ikun inqas minn 25 % tal-pasty kollu),

ċanga mqatta’ f’biċċiet żgħar jew f’għamla ta’ kapuljat (il-kontenut tal-laħam m’għandux ikun inqas minn 12,5 % tal-pastizzott kollu),

taħwir tal-ikel għat-togħma, l-iktar melħ u bżar.

L-ingredjenti għall-mili obbligatorji elenkati m’għandhomx ikunu msajrin meta l-prodott jiġi ssiġillat.

Fil-mili ma jista’ jintuża l-ebda laħam ieħor għajr iċ-ċanga, u l-ebda ħaxix ieħor għajr dawk elenkati fl-ingredjenti obbligatorji. Madankollu, ammonti żgħar ta’ ingredjenti oħrajn mhux obbligatorji huma permessi biex iżidu s-sukkulenza u t-togħma tal-pasty jew biex jgħinu fl-ipproċessar. Dawn ma jistgħux ibiddlu l-profil ġenerali tat-togħma maħluq mill-ingredjenti obbligatorji. Il-volum ikkombinat tal-ingredjenti li jgħinu fl-ipproċessar u ingredjenti oħrajn miżjuda ma għandux jammonta b’mod globali għal iżjed minn 5 % tal-mili, skont il-piż, fil-pasty mhux imsajjar.

Ma għandu jkun preżenti ebda addittiv artifiċjali fil-mili fil-pasty moħmi.

Nota: Tradizzjonalment, f’Cornwall wieħed jirreferi għal “swede” bħala “turnip” (nevew), jiġifieri ż-żewġ termini jintużaw flok xulxin, iżda l-ingredjent proprju huwa s-“swede”.

Il-Cornish Pasties jingħataw forma ta’ “D” u t-trufijiet tal-għaġina mbagħad jitmewġa bl-idejn jew bil-magni. Il-liwi huwa l-proċess tradizzjonali li permezz tiegħu t-truf ta’ Cornish Pasty jiġu ssiġillati. It-tarf mitwi bl-idejn li jirriżulta jinsab fuq naħa waħda tal-pasty u huwa karatteristika distintiva u differenti minn sempliċi siġill maqrus fuq il-parti ta’ fuq tal-pasty.

Il-pasty sħiħ jinħema bil-mod sabiex ikun żgurat li t-togħmiet mill-ingredjenti mhux imsajrin jintiegħmu kemm jista’ jkun. Karatteristika oħra distintiva tal-Cornish Pasty hija dik li filwaqt illi l-ingredjenti użati jintgħarfu fl-apparenza, fit-togħma u fil-konsistenza, il-fużjoni ta’ togħmiet li jiġu mit-tisjir tal-laħam taċ-ċanga nej u mill-ħaxix tagħti lill-prodott kollu togħma li tagħti fil-mielaħ ibbilanċjata u naturali. L-għaġina wkoll tieħu dik it-togħma ftit mielħa.

Il-Cornish Pasties jinbiegħu f’diversi qisien u piżijiet u minn firxa ta’ ħwienet, inklużi ħwienet tal-laħam u furnara, supermarkets, delicatessens u ħwienet li jservu l-ikel.

Emenda 3:

Prova tal-oriġini

Sabiex tiċċara l-metodi tat-traċċabbiltà.

Raġuni mogħtija għall-emenda:

L-emenda tneħħi l-ambigwità u toħloq metodu wieħed li permezz tiegħu l-oriġini tal-prodott jista’ jiġi rintraċċat għad-daqsijiet u t-tipi kollha ta’ produttur. Pereżempju, il-Marka tas-Saħħa msemmija fil-formolazzjoni tal-kliem eżistenti tapplika biss għal dawk li jipproduċu prodotti ppakkjati.

Il-formolazzjoni tal-kliem fl-Ispeċifikazzjoni attwali:

Prova li l-prodott huwa manifatturat fiż-żona denominata tista’ tintwera b’referenza għar-rekords li jżommu l-produtturi u b’referenza għas-sistemi ta’ traċċabilità li jeżistu. Il-korp ta’ spezzjoni nominat għandu jagħmel spezzjonijiet annwali fuq kull produttur biex jiżgura li jkun hemm konformità mal-ispeċifikazzjoni.

Kull membru għandu jirċievi Numru ta’ ċertifikazzjoni tiegħu stess ipprovdut mill-korp ta’ spezzjoni biex jintwera fuq l-imballaġġ u fuq kwalunkwe materjal tal-post tal-bejgħ meta jbiegħ il-Cornish Pasties. Dan in-numru uniku għandu juri fejn ikun sar kull pastizzott mibjugħ direttament lura sal-produttur. Fil-każ ta’ produtturi fuq skala żgħira, xi prodotti li jkunu ġew manifatturati jinbiegħu biss minn ħwienet tal-bejgħ tagħhom stess, filwaqt li membri ta’ daqs ikbar ibiegħu l-prodotti permezz tal-bejjiegħa bl-imnut ewlenin.

Il-produtturi tinħarġilhom Marka tas-Saħħa mill-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel (Food Standards Agency) u din flimkien mal-użu ta’ kodiċi tad-dejta tipprovdi traċċabilità sħiħa ta’ prodott mill-post tal-bejgħ, għal-lott tal-produzzjoni, sal-fornitur approvat ta’ kull ingredjent li fih il-prodott.

L-Assoċjazzjoni tal-Cornish Pasty sejra tissorvelja l-użu tat-timbru ta’ awtentifikazzjoni tagħha stess, mogħti lil kull wieħed mill-membri tagħha. Dan it-timbru jerġa’ jintuża fuq kwalunkwe imballaġġ u materjal tal-post tal-bejgħ.

Tiġi emendata biex taqra:

Prova li l-prodott huwa manifatturat fiż-żona denominata tista’ tintwera b’referenza għar-rekords li jżommu l-produtturi u b’referenza għas-sistemi ta’ traċċabilità fis-seħħ.

Kull produttur jirċievi n-numru ta’ ċertifikazzjoni tiegħu pprovdut mill-Cornish Pasty Association biex jurih fuq l-imballaġġ u fil-post tal-bejgħ. Dan in-numru uniku għandu jippermetti t-traċċabbiltà ta’ fejn ikun sar kull pasty mibjugħ, direttament lura sal-produttur. Reġistru tan-numri ta’ ċertifikazzjoni jinżamm mill-Cornish Pasty Association permezz ta’ komunikazzjoni mal-organi ta’ spezzjoni maħtura.

Il-Cornish Pasty Association tissorvelja l-użu tat-timbru ta’ awtentifikazzjoni tagħha stess, mogħti lil kull wieħed mill-membri tagħha.

Emenda 4:

Metodu ta’ produzzjoni

Iż-żieda tal-kelma “kapuljat” biex tiċċara l-ingredjenti tal-mili, u l-għoti ta’ deskrizzjoni aktar konċiża tal-metodu ta’ produzzjoni.

Raġuni għall-emendi:

L-emendi jirriflettu l-partijiet l-oħrajn tal-Ispeċifikazzjoni b’mod aktar preċiż u jneħħu kwalunkwe ripetizzjoni mhux meħtieġa.

Il-formolazzjoni tal-kliem attwali:

Qatgħat taċ-ċanga magħżula speċifikament u patata, basal u swede/nevew jiġu ppreparati, billi jitqattgħu f’biċċiet kbar. Il-pastizzott jiġi ppreparat, u rrumblat fil-forma meħtieġa.

L-ingredjenti tal-mili mhux imsajrin jiġu mħawwrin bi ftit melħ u bżar u jitpoġġew fuq l-għaġina tal-pastizzott. L-għaġina tintlewa u l-ġnub jintlewew bl-idejn biex tingħata l-forma ta’ D. Il-pastizzott jindilek u jinħema bil-mod sabiex toħroġ it-togħma tal-ingredjenti mhux imsajrin. Il-ħin tal-ħami jiddependi fuq id-daqs tal-prodott, li jista’ jvarja.

Il-pastizzotti jinbiegħu f’varjetà wiesgħa ta’ ħwienet li jvarjaw mis-supermarkets ewlenin sal-ħanut tal-produttur stess.

Tiġi emendata biex taqra:

Qatgħat taċ-ċanga magħżula speċifikament u patata, basal u swede/nevew jiġu ppreparati billi jitqattgħu f’biċċiet kbar. Il-pasty jiġi ppreparat u rrumblat fil-forma meħtieġa.

L-ingredjenti tal-mili mhux imsajrin jiġu mħawra xi ftit u jitpoġġew fuq l-għaġina tal-pasty. L-għaġina tintlewa u tingħata l-forma ta’ D. Il-pasty mbagħad jintlewa bl-idejn, jindilek u jinħema bil-mod sabiex toħroġ it-togħma tal-ingredjenti mhux imsajrin. Il-ħin tal-ħami jiddependi mid-daqs tal-prodott, li jista’ jvarja.

Emenda 5:

Oħrajn - Tikkettar

Jitneħħa r-rekwiżit li l-logo tal-Cornish Pasty Association jintuża fuq l-imballaġġ kollu.

Raġuni mogħtija għall-emenda:

Il-formolazzjoni tal-kliem oriġinali kienet teħtieġ li l-prodotti kollha jkollhom il-logo tal-Cornish Pasty Association, li ma tistax tiġi infurzata għaliex mhux il-produtturi kollha tal-Cornish Pasty huma meħtieġa jkunu membri tal-Cornish Pasty Association u l-logo jista’ jintuża biss mill-membri.

Ir-rekwiżit li jintuża s-simbolu tal-IĠP jibqa’ fis-seħħ, iżda mhux meħtieġ li jiġi inkluż f’dan id-dokument għaliex huwa kopert mil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-Ismijiet tal-Ikel Protetti.

Il-formolazzjoni tal-kliem attwali:

Is-simbolu approvat tal-IĠP se jintuża fil-post tal-bejgħ, jew fuq kwalunkwe imballaġġ li fih il-prodott u l-logo li ġie żviluppat biex jagħti prova tal-awtentikazzjoni, se jkun appoġġjat mill-materjal użat fil-post tal-bejgħ.

Tiġi emendata biex taqra:

(jiġifieri ħalli vojt)

Emenda 6

Oħrajn – Aġġornament tad-dettalji tal-Organu ta’ Spezzjoni maħtur

Raġuni għall-emendi:

Id-dettalji tal-organi ta’ spezzjoni eżistenti ġew aġġornati. Connaught Compliance Services Ltd ma għadhiex topera u għalhekk tneħħiet mil-lista. Iż-żieda tal-Kunsill ta’ Cornwall bħala organu ta’ spezzjoni jagħti lill-produtturi l-flessibbiltà li jagħżlu minn firxa usa’ ta’ organi ta’ spezzjoni.

Il-formolazzjoni tal-kliem attwali:

Korp ta’ Spezzjoni:

Isem:

Product Authentication Inspectorate Limited

Indirizz:

Rowland House

65 High Street

Worthing

W. Sussex

BN11 1DN

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1903237799

Fax

+44 1903204445

E-Mail:

paul.wright@thepaigroup.com

Isem:

Connaught Compliance Services Ltd

Indirizz:

Connaught House

Sky Parks Business Centre

Caerphilly

CF83 3GG

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 2920856505

E-Mail:

 

Isem

:

SAI Global

Indirizz

:

PO Box 44

Winterhill House

Snowdon Drive

Milton Keynes

MK6 1AX

UNITED KINGDOM

Tiġi emendata biex taqra:

Organu ta’ Spezzjoni:

Product Authentication Inspectorate Limited

Indirizz:

The Inspire

Hornbeam Park

Harrogate

North Yorkshire

HG2 8PA

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1423878878

E-Mail:

food@thepaigroup.com

Isem:

SAI Global

Indirizz:

42 The Square

Kenilworth

CV8 1EB

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1926854111

E-Mail:

info.emea@saiglobal.com

Isem:

Cornwall Council

Indirizz:

Public Health & Protection Service

Unit 6 Threemilestone Industrial Estate

Truro

Cornwall

TR4 9LD

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 3001234191

E-Mail:

tradingstandards@cornwall.gov.uk

L-organu ta’ spezzjoni jikkonforma mal-prinċipji tal-istandard EN45011.

DOKUMENT UNIKU

“CORNISH PASTY”

Nru tal-UE: UK-PGI-0105-01256 – 12.8.2014

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/Ismijiet (tad-DPO jew tal-IĠP)

“Cornish Pasty”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott (elenkati fl-Anness XI)

Klassi 2.3 – ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

Il-Cornish Pasty huwa tip ta’ pastizzott li jagħti fil-mielaħ forma ta’ “D” mimli bil-laħam taċ-ċanga, ħaxix u taħwir tal-ikel.

Għaġina:

L-għaġina tista’ tkun tal-pastafrolla, semisfiljurata jew sfiljurata, skont ir-riċetta individwali tal-furnar. Wara l-mili, l-għaġina tista’ tkun immarkata għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott, eż. b’toqba magħmula bis-sikkina, b’qatgħat żgħar fl-għaġina jew b’forom magħmulin bl-għaġina, u tista’ tindilek b’komponenti tal-ħalib jew tal-bajd jew tat-tnejn li huma, biex tieħu dak il-kulur dehbi tagħha. L-għaġina tal-wiċċ tagħti fil-mielaħ u hija robusta biżżejjed biex iżżomm il-forma tagħha tul il-proċess ta’ tisjir, tberrid u maniġġ u b’hekk jiġi evitat li l-għaġina tinqasam jew tixxaqqaq.

Mili tal-pasty:

L-ingredjenti obbligatorji għall-mili tal-Cornish Pasties huma:

patata mqattgħa fi flieli jew mqattgħa f’għamla ta’ kubi,

swede

basla

(il-kontenut tal-ħaxix m’għandux ikun inqas minn 25 % tal-pasty kollu)

ċanga mqatta’ f’biċċiet żgħar jew f’għamla ta’ kapuljat (il-kontenut tal-laħam m’għandux ikun inqas minn 12,5 % tal-pasty kollu)

taħwir tal-ikel għat-togħma, l-iktar melħ u bżar.

L-ingredjenti għall-mili obbligatorji elenkati m’għandhomx ikunu msajrin meta l-prodott jiġi ssiġillat.

Fil-mili ma jista’ jintuża l-ebda laħam ieħor għajr iċ-ċanga, u l-ebda ħaxix ieħor għajr dawk elenkati fl-ingredjenti obbligatorji. Madankollu, ammonti żgħar ta’ ingredjenti oħrajn mhux obbligatorji huma permessi biex iżidu s-sukkulenza u t-togħma tal-pasty jew biex jgħinu fl-ipproċessar. Dawn ma jistgħux ibiddlu l-profil ġenerali tat-togħma maħluq mill-ingredjenti obbligatorji. Il-volum ikkombinat tal-ingredjenti li jgħinu fl-ipproċessar u ingredjenti oħrajn miżjuda ma għandux jammonta b’mod globali għal iżjed minn 5 % tal-mili, skont il-piż, fil-pasty mhux imsajjar.

Eżempji ta’ ingredjenti mhux obbligatorji li huma permessi, sakemm l-użu tagħhom ma jwaqqafx il-prodott finali milli jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha ta’ din l-ispeċifikazzjoni, huma:

Sabiex iżidu s-sukkulenza: xaħmijiet bħal butir, krema magħquda jew xaħam ta’ dam taċ-ċanga.

Sabiex jikkumplimentaw it-togħmiet tal-mili: ingredjenti bħal ċanga jew stokk tal-ħaxix.

Sabiex jgħinu fl-ipproċessar: ingredjenti bħal dqiq tal-qamħirrum, lamtu tal-patata u sulfiti.

Ma għandu jkun preżenti ebda addittiv artifiċjali fil-mili fil-pasty moħmi.

Nota: Tradizzjonalment, f’Cornwall wieħed jirreferi għal “swede” bħala “turnip” (nevew), jiġifieri ż-żewġ termini jintużaw flok xulxin, iżda l-ingredjent proprju huwa s-“swede”.

Il-Cornish Pasties jingħataw forma ta’ “D” u t-trufijiet tal-għaġina mbagħad jitmewġa bl-idejn jew bil-magni. Il-liwi huwa l-proċess tradizzjonali li permezz tiegħu t-truf ta’ Cornish Pasty jiġu ssiġillati. It-tarf mitwi bl-idejn li jirriżulta jinsab fuq naħa waħda tal-pasty u huwa karatteristika distintiva u differenti minn sempliċi siġill maqrus fuq il-parti ta’ fuq tal-pasty.

Il-pasty sħiħ jinħema bil-mod sabiex ikun żgurat li t-togħmiet mill-ingredjenti mhux imsajrin jintiegħmu kemm jista’ jkun. Karatteristika oħra distintiva tal-Cornish Pasty hija dik li filwaqt illi l-ingredjenti użati jintgħarfu fl-apparenza, fit-togħma u fil-konsistenza, il-fużjoni ta’ togħmiet li jiġu mit-tisjir tal-laħam taċ-ċanga nej u mill-ħaxix tagħti lill-prodott kollu togħma li tagħti fil-mielaħ ibbilanċjata u naturali. L-għaġina wkoll tieħu dik it-togħma ftit mielħa.

Il-Cornish Pasties jinbiegħu f’diversi qisien u piżijiet u minn firxa ta’ ħwienet, inklużi ħwienet tal-laħam u furnara, supermarkets, delicatessens u ħwienet li jservu l-ikel.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Għaġina tal-pastafroll, semisfiljurata jew sfiljurata

Ċanga

Patata

Basla

Swede

Taħwir tal-ikel

Ingredjenti mhux obbligatorji u li jgħinu fl-ipproċessar, soġġetti għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.2.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-assemblaġġ tal-pasties bi tħejjija għall-ħamja għandu jsir fiż-żona ddefinita.

Mhux bilfors li l-ħamja effettiva ssir fiż-żona ġeografika, iżda huwa possibbli li l-pasties mhux moħmija u/jew iffriżati jintbagħtu lill-furnara jew ħwienet oħrajn barra miż-żona fejn jistgħu jiġu moħmija fi fran għall-konsum.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

In-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-produttur għandu jintwera fuq l-imballaġġ (fejn il-prodott jinbiegħ ippakkjat minn qabel) u fil-post tal-bejgħ jekk il-prodott ma jinbiegħx ippakkjat.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona amministrattiva ta’ Cornwall.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

In-natura tal-klima ta’ Cornwall – umda u moderata – u l-ġeografija fiżika tiegħu għamlu minnu post ideali kemm għall-produzzjoni taċ-ċanga kif ukoll għat-tkabbir tal-ħaxix. Il-patata u s-swedes/nevew ilhom, u għadhom sal-lum, uħud mill-prodotti tal-ortikultura prinċipali ta’ Cornwall. Għalkemm ma hemmx il-ħtieġa li l-ingredjenti nejjin ikunu ġejjin minn Cornwall, fil-prattika ħafna minnhom huma pprovduti mill-bdiewa lokali u għalhekk titkompla r-relazzjoni simbjotika li ilha stabbilita bejn il-bidwi u l-furnar ta’ Cornwall.

It-tħaffir fil-minjieri f’Cornwall imur lura diversi sekli, bl-industrija tilħaq il-qofol tagħha fis-sekli 18 u 19. L-importanza li għandu l-patrimonju tat-tħaffir fil-minjieri f’din iż-żona hija tant kbira li għalkemm l-industrija hija estinta llum il-ġurnata, fl-2006, uħud mill-pajsaġġi fejn hemm il-minjieri f’Cornwall tniżżlu bħala parti mill-Patrimonju Dinji.

Dawk li kienu jaħdmu fil-minjieri u fl-irziezet kienu jieħdu magħhom dan l-ikel konvenjenti li tista’ ġġorru faċilment miegħek u tieklu x-xogħol għax kien ferm adatt għal dan l-iskop. Minħabba d-daqs u l-forma tiegħu kien faċli li wieħed iġorru miegħu (normalment fil-but), hekk kif l-għaġina tiegħu kienet tipproteġi l-kontenut u kienet reżistenti biżżejjed filwaqt li l-ingredjenti tajbin għas-saħħa u nutrittivi kienu jsostnu lill-ħaddiema tul ġurnata twila u iebsa tax-xogħol. Hemm bosta stejjer rigward il-forma tal-pasty, bl-aktar popolari tkun dik li l-forma ta’ “D” kienet tippermetti lill-ħaddiema fil-minjieri tal-landa li jerġgħu jsaħħnuhom taħt l-art u jikluhom b’mod sikur. Il-qoxra (it-tarf immewweġ) kienet tintuża bħala maqbad li mbagħad jintrema minħabba l-livelli għoljin ta’ arseniku f’ħafna mill-minjieri tal-landa.

Hemm ħafna evidenza storika li tikkonferma l-importanza tal-Cornish Pasty bħala parti mill-patrimonju kulinarju tal-kontea. Il-pasty sar komuni fis-sekli 16 u 17 u kiseb tassew l-identità vera tiegħu bħala tal-post matul dawn l-aħħar 200 sena.

Riċerka wriet li l-assoċjazzjonijiet bejn il-pasty u Cornwall huma b’saħħithom illum daqs kemm kienu 200 sena ilu, kemm fil-kontea kif ukoll lil hinn minnha. It-turisti ilhom iżuru Cornwall sa minn mindu ġew żviluppati l-linji tal-ferrovija fil-kontea, li wassal biex il-Cornish Pasty isir parti integrali mill-esperjenza tal-viżitaturi. Skont riċerka li saret rigward l-attitudnijiet lejn l-ikel lokali f’Cornwall, il-Cornish Clotted Cream (li hu diġà DPO) u l-Cornish Pasty huma l-prodotti li l-viżitaturi l-aktar li jduqu. Effettivament, in-nies li kienu intervistati għal din ir-riċerka ddeskrivew it-tip ta’ pasties li kielu meta żaru l-kontea bħala “pasties ġenwini”, u dan jindika d-differenza konsiderevoli bejn il-Cornish Pasties minn Cornwall u l-varjetà iktar ġenerika prodotta għall-massa li attwalment jista’ jkollha l-istess isem. Il-Cornish Pasties u l-Cornish Clotted Cream huma wkoll dawk il-prodotti li probabbilment jinxtraw l-aktar mill-viżitaturi biex jeħduhom magħhom id-dar, permezz ta’ ordni bil-posta jew minn ħwienet lokali (sors: “Consumer Attitudes to Cornish Produce”, Ruth Huxley, 2002).

Il-Cornish Pasty fl-apparenza tiegħu jintgħaraf permezz tal-forma tiegħu ta’ “D” u t-tarf immewweġ. Il-forma ġiet imfassla sabiex ikun jista’ jinġarr faċilment (normalment fil-but) u kienet tippermetti lill-ħaddiema fil-minjieri tal-landa li jerġgħu jsaħħnuhom taħt l-art, kif ukoll li jikluhom b’mod sikur. Il-qoxra (it-tarf mitwi) kienet tintuża bħala maqbad li mbagħad jintrema minħabba l-livelli għoljin ta’ arseniku f’ħafna mill-minjieri tal-landa. L-għaġina kienet tipproteġi l-kontenut u kienet reżistenti biżżejjed filwaqt li l-ingredjenti tajbin għas-saħħa u nutrittivi kienu jsostnu lill-ħaddiema tul ġurnata twila u iebsa tax-xogħol.

Il-Cornish Pasty għandu reputazzjoni b’saħħitha u huwa popolari fil-wirt kulinarju ta’ Cornwall u għal bosta sekli nkiteb ħafna dwaru. Il-pasty sar komuni fis-sekli 16 u 17 u kiseb tassew l-identità vera tiegħu bħala tal-post matul dawn l-aħħar 200 sena.

Sal-aħħar tas-seklu 18 il-Cornish Pasty sar ikel ta’ kuljum għall-ħaddiema f’Cornwall, u għall-familji tagħhom ukoll. Dawk li kienu jaħdmu fil-minjieri u fl-irziezet kienu jieħdu magħhom dan l-ikel konvenjenti li tista’ ġġorru miegħek faċilment u tieklu x-xogħol għax kien ferm adatt għal dan l-iskop.

Evidenza tal-Cornish Pasty bħala ikel tradizzjonali ta’ Cornwall tinsab fl-Agricultural Survey of Cornwall ta’ Worgan li nkiteb fl-1808. Referenzi għal dan jinkludu “l-ħaddiem li s-soltu jieħu ftit laħam miegħu għall-mili tal-pasty”. Mir-reġistri tal-1860 jirriżulta li t-tfal impjegati fil-minjieri kienu jieħdu magħhom il-pasties wkoll bħala parti mill-“crib” jew “croust” (djalett lokali għal ikla ħafifa jew l-ikla ta’ nofsinhar) tagħhom.

Sal-bidu tas-seklu 20, il-Cornish Pasty kien qed jiġi prodott fil-kontea kollha bħala ikel bażiku tal-ħaddiema fl-irziezet u dawk fil-minjieri. Hemm eżempji ta’ kartolini ta’ żmien ir-Re Dwardu li huma datati bejn wieħed u ieħor 1901-1910 li juru l-Cornish Pasties, u hemm siltiet mill-kotba tat-tisjir “Good Things in England” (1922) u “Cornish Recipes, Ancient and Modern” (1929) b’riċetti tipiċi ta’ dan it-tip ta’ pasty.

Riċerka wriet li l-assoċjazzjonijiet bejn il-pasty u Cornwall huma b’saħħithom illum daqs kemm kienu 200 sena ilu, kemm fil-kontea kif ukoll lil hinn minnha. It-turisti ilhom iżuru Cornwall sa minn mindu ġew żviluppati l-linji tal-ferrovija fil-kontea, u dan wassal biex il-Cornish Pasty isir parti integrali mill-esperjenza tal-viżitaturi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/386027/cornish-pasty-pgi-amendment-spec.pdf


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top