EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0310(05)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 82, 10.3.2015, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/17


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 82/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

FESOLS DE SANTA PAU

Numru tal-UE ES-PDO-0005-01226-14.5.2014

DPO ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Fesols de Santa Pau”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew proċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Fesols de Santa Pau” tipproteġi ż-żerriegħa tal-varjetajiet tradizzjonali ta’ fażola (Phaseolus vulgaris L.): Tavella Brisa, Setsetmanera u Gra Petit imnixxfa, imsajra kif ukoll ippriservata.

Il-fażola protetta b’din id-DPO hija tal-kategorija kummerċjali “extra” u għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

3.2.1.   Fożola mnixxfa, mhux imsajra

3.2.1.1.   Karatteristiċi morfoloġiċi

Iż-żerriegħa ta’ dawn it-tliet (3) varjetajiet tradizzjonali, li jagħmlu parti mill-klassi kummerċjali Navy, hija bajda, tonda u tiżen bejn 18 g u 30 g kull 100 żerriegħa, b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.

3.2.1.2.   Karatteristiċi kimiċi

—   Proteina: kontenut għoli ta’ proteina, tal-anqas 25 %,

—   Umdità: anqas minn 15 %.

3.2.2.   Fażola msajra kemm fid-djar kif ukoll fl-industrija tal-ipproċessar

3.2.2.1.   Karatteristiċi organolettiċi

Qoxra lixxa u kemm kemm tinħass (bejn 2 u 4 fi skala bejn 0 u 10),

Livell baxx-medju ta’ konsistenza ramlija (bejn 3 u 4 fi skala bejn 0 u 10),

Togħma ħafifa ta’ fażola (4 fi skala bejn 0 u 10) u nuqqas ta’ togħmiet barranin (bejn 0 u 1 fi skala bejn 0 u 10).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-DPO “Fesols de Santa Pau” tipproteġi ż-żerriegħa tal-fażola mnixxfa, msajra u ppriżervata. Fil-preparazzjoni tal-prodott ipproċessat tista’ tintuża biss fażola li tissodisfa l-karatteristiċi speċifikati mid-DPO, ilma u melħ. Mhux permess jintuża xi tip ieħor ta’ addittiv jew konservant.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-fażola tad-DPO “Fesols de Santa Pau” għandha ssir fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, billi huwa l-kombinament tal-ġermoplażma tradizzjonali mal-ħamrija volkanika, iż-żmien tat-tkabbir u t-teknika tal-produzzjoni li jagħtu l-karatteristiċi partikolari lill-prodott finali. Dawn il-passi jridu jsiru speċifikament fiż-żona ddefinita:

Il-kultivazzjoni: għandha ssir esklussivament f’ħamrija vulkanika naturali fil-muniċipalitajiet li jagħmlu parti miż-żona ġeografika ddefinita fil-parti 4,

Tnixxif tal-pjanti,

Dris u tindif taż-żerriegħa,

Trattament kontra l-insetti (iffriżar)

Preparazzjoni tal-prodott.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tagħmel referenza d-denominazzjoni

Għall-fażola mnixxfa huwa permess kull tip ta’ ppakkjar li tgħaddi l-arja minnu b’kapaċita massima ta’ 25 kg.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih tagħmel referenza d-denominazzjoni

Fuq l-imballaġġi għandu jidher b’mod obbligatorju u ċar l-isem tad-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Fesols de Santa Pau”, il-logo tad-DPO u dak tal-UE għad-DPO, kif ukoll it-tagħrif li ġeneralment tirrikjedi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Riproduzzjoni tal-logo tal-prodott (verżjoni bil-kulur u bla kulur):

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni u l-ipproċessar tad-DPO “Fesols de Santa Pau” hija l-muniċipalitajiet ta’ Santa Pau (iċ-ċentru ewlieni għall-produzzjoni), Castellfollit de la Roca, Les Planes d’Hostoles, Les Preses, Olot, Sant Feliu de Pallerols u Sant Joan les Fonts (li kollha jinsabu fid-distrett ta’ Garroxta, fil-Komun Awtonomu tal-Katalunja, fil-Grigal ta’ Spanja).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-kultivazzjoni tal-“fesolos” (fażola) bdiet fir-reġjun vulkaniku ta’ Santa Pau fis-seklu XVIII. Minn dakinhar il-bdiewa sawru l-varjetajiet, billi l-ewwel għażlu l-ġenotipi adattati għall-kultivazzjoni mal-qamħirrum u mbagħad, mis-sebgħinijiet tas-seklu XX, għażlu l-ġenotipi adattati għall-kultivazzjoni weħidhom u għalġestjoni effiċjenti. Dan wassal għall-varjetajiet tradizzjonali awtorizzati għad-DPO “Fesols de Santa Pau”, Tavella Brisa, Setsetmanera u Gra Petit, li huma ferm adattati għall-kundizzjonijiet lokali u huma ta’ kwalità rikonoxxuta.

Il-fażola protetta mid-DPO hija kkaratterizzata mill-kontenut għoli ħafna ta’ proteina, qoxra rqiqa, b’togħma ħafifa u mhux ramlija wisq. Dawn il-karatteristiċi ġejjin kemm mill-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona ġeografika fejn titkabbar il-fażola kif ukoll mill-varjetajiet tradizzjonali użati.

Il-klima taż-żona ġeografika tad-DPO hija mediterranja iżda b’komponenti kontinentali. Il-medja tax-xita annwali hija madwar 1 000 l/m2, b’distribuzzjoni irregolari, prinċipalment ikkonċentrata fir-rebbiegħa u l-ħarifa, għalkemm b’biżżejjed xita matul is-sajf biex tippermetti l-ikkultivar tal-fażola mingħajr ma tissaqqa. It-temperaturi massimi f’Lulju u fl-ewwel nofs ta’ Awwissu jistgħu jitiligħu sa 35 °C, iżda mit-tieni nofs ta’ Awwissu u f’Settembru, it-temperaturi massimi jinżlu anqas minn 27 °C (temperaturi ħfief).

Iż-żona ta’ Garroxta ilha b’attività vulkanika b’mod intermittenti għal 350 000 sena, bl-aħħar eruzzjoni sseħħ mal-11 000 sena ilu. Il-blat vulkaniku taż-żona huwa prinċipalment bażalt, ikkaratterizzat min-natura ftit li xejn aċiduża tiegħu, jiġifieri fqir mil-lat ta’ SiO2 (SiO2 bejn 52 u 45 %). Il-proċessi tal-formazzjoni tal-ħamrija biddlu l-bażalt f’art estremament fertili kkaratterizzata minn:

Kontenut relattivament għoli ta’ materja organika (normalment bejn 2,5 u 5,0 g/100 g),

pH ftit li xejn aċiduż jew newtrali, normalment bejn 6,0 y 7,5,

Nuqqas ta’ karbonat tal-kalċju, u għaldaqstant, nuqqas ta’ disponibilità ta’ kalċju,

Kapaċità għolja ta’ skambju ta’ katjuni (normalment aktar minn 25 cmol+/kg), u

Kapaċità għolja biex iżżomm l-ilma.

Dawn il-karatteristiċi tal-ħamrija jaffettwaw direttament il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott finali billi l-kapaċità għolja ta’ skambju ta’ katjuni tiffavorixxi l-kontenut għoli ta’ proteina flimkien mal-livell baxx ta’ konsistenza ramlija tal-prodott, filwaqt li l-kontenut baxx ta’ kalċju u l-pH ftit li xejn aċiduż jew newtrali jinfluwenzaw l-irquqija tal-qoxra. Dawn iż-żewġ fatturi jgħinu lil xulxin waqt li ż-żerriegħa tkun qed timmatura f’temperaturi moderati minn nofs Awwissu ‘l quddiem. It-temperaturi moderati waqt il-maturazzjoni jiffavorixxu wkoll it-togħma ħafifa.

Minħabba l-irregolarità klimatika taż-żona, speċjalment ix-xita u t-temperatura, il-bdiewa b’esperjenza lokali biss huma kapaċi jagħżlu l-varjetà adattata għaż-żrigħ u meta din għandha tinżera’ (il-fażola għandha ssir f’nofs Awwissu, f’temperaturi moderati). Normalment il-bdiewa jħalltu t-tliet varjetajiet awtorizzati f’għelieqi differenti (li jingħażlu minn xulxin permezz tat-tip ta’ tkabbir, it-tul taċ-ċiklu ta’ tkabbir u l-grad ta’ tolleranza għall-varjazzjoni ambjentali), biex jiggarantixxu produzzjoni minima jkunu xi jkunu l-karateristiċi klimatiċi ta’ dik is-sena. Din l-istess esperjenza lokali tal-bdiewa hija meħtieġa wkoll fit-tnixxif taż-żerriegħa fil-ħarifa, f’kundizzjonijiet ambjentali umdużi, li jippermettu l-espressjoni massima tal-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

Il-“Fesols de Santa Pau” tintuża f’diversi platti tradizzjonali u li jispikkaw, u hija l-bażi tal-“Cuina volcánica” (il-kċina vulkanika) li tagħmel miż-żona destinazzjoni gastronomika u ta’ kultura tradizzjonali permezz tal-attivitajiet marbuta mal-“Fesols de Santa Pau” bħalma hija l-“Feria del Fesol de Santa Pau” li, mill-1991 tiġi ċċelebrata kull sena f’nofs Jannar.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament).

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni jinsab fuq dan is-sit tal-Internet:

http://www.gencat.cat/alimentacio/pliego-fesols-santa-pau


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top