Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0307(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Ġunju 2013 — Li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Kawża AT.39226 — Lundbeck) (notifikata bid-dokument numru C(2013) 3803 finali)

OJ C 80, 7.3.2015, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/13


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Ġunju 2013

Li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Kawża AT.39226 — Lundbeck)

(notifikata bid-dokument numru C(2013) 3803 finali)

(It-test bl-Ingliż biss hu awtentiku)

(2015/C 80/07)

Fid-19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Din id-deċiżjoni ikkonċernat sitt ftehimiet li kienu qed jitħaddmu fis-snin 2002 u 2003 bejn l-impriża farmaċewtika oriġinatriċi Daniża Lundbeck fuq naħa waħda u kull waħda mill-erba’ impriżi farmaċewtiċi li jipproduċu mediċinali ġeneriċi fuq in-naħa l-oħra. L-impriżi farmaċewtiċi ġeneriċi kkonċernati minn din id-Deċiżjoni kienu:

—   Merck KGaA (Generics [UK]): żewġ ftehimiet ma’ Lundbeck, wieħed rigward ir-Renju Unit (mill-24 ta’ Jannar 2002 sal-1 ta’ Novembru 2003), wieħed rigward iż-ŻEE li jeskludi lir-Renju Unit (mit-22 ta’ Ottubru 2002 sat-22 ta’ Ottubru 2003),

—   Arrow: żewġ ftehimiet ma’ Lundbeck, wieħed rigward ir-Renju Unit (mill-24 ta’ Jannar 2002 sal-20 ta’ Ottubru 2003), wieħed rigward id-Danimarka (mit-3 ta’ Ġunju 2002 sal-1 ta’ April 2003),

—   Alpharma: ftehim wieħed ma’ Lundbeck rigward iż-ŻEE (mit-22 ta’ Frar 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2003), kif ukoll

—   Ranbaxy: ftehim wieħed ma’ Lundbeck rigward iż-ŻEE (mis-16 ta’ Ġunju 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2003).

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li l-ftehimiet bejn Lundbeck u kull waħda mill-impriżi ġeneriċi kkonċernati kieu jikkostitwixxu erba’ każijiet ta’ ksur.

(2)

Il-prodott ikkonċernat bil-ksur kien l-antidepressiv citalopram, kemm jekk fil-forma ta’ ingredjent farmaċewtiku attiv (“active pharmaceutical ingredient” — API) jew fil-forma ta’ prodott mediċinali.

(3)

Fil-mument li l-ftehimiet ġew konklużi, il-privattivi ta’ Lundbeck kif ukoll il-protezzjoni tad-dejta dwar il-kompost tas-citalopram kif ukoll iż-żewġ proċessi ta’ produzzjoni kienu skadew. Lundbeck għad għandha numru ta’ privattivi ta’ pproċessar, li jagħtu lil Lundbeck drittijiet ta’ esklussività fuq ċerti metodi ġodda tal-produzzjoni tas-citalopram, iżda mhux kollha, sal-punt li fih jinstab li dawn il-privattivi jkunu validi u miksura. Iżda kull impriża li tuża jew il-proċessi ta’ produzzjoni oriġinali jew kwalunkwe proċess ta’ produzzjoni mhux kopert minn privattivi validi ta’ pproċessar ta’ Lundbeck tista’ fil-prinċipju tidħol liberament fis-swieq taż-ŻEE bis-citalopram ġeneriku, sakemm il-prodott u l-proċess tal-produzzjoni tiegħu jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolamentari li jkunu applikabbli fiż-ŻEE f’dak iż-żmien.

(4)

Il-ftehimiet ġew konklużi fil-kuntest ta’ mill-anqas tilwima potenzjali (2) dwar il-privattivi bejn Lundbeck u l-impriża ġenerika kkonċernata fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni (intenzjonata) mill-impriża ġenerika tal-API jew tal-prodott mediċinali tas-citalopram fiż-żona ġeografika kkonċernata mill-ftehim. Qabel il-ftehimiet ikkonċernati, Lundbeck kienet normalment tallega li jkun sar ksur ta’ waħda mill-privattivi tal-proċess tagħha, jew ta’ aktar minn waħda, u l-impriża ġenerika kkonċernata normalment kienet tallega li ma kinitx kisret il-privattiva jew li l-privattiva li Lundbeck kienet qed tinvoka kienet tkun invalida. Kull wieħed minn dawn il-ftehimiet ġie konkluż qabel ma ngħatat deċiżjoni tal-qorti bejn il-partijiet ikkonċernati, anke permezz ta’ miżuri temporanji, u kollha ħlief wieħed (il-ftehim ta’ Lundbeck ma’ Alpharma fir-rigward taż-ŻEE) kienu ġew konklużi qabel ma bdiet kwalunkwe litigazzjoni.

(5)

Ir-riżoluzzjonijiet dwar it-tilwim dwar privattivi, fil-prinċipju, huma mod leġittimu, aċċettat b’mod ġenerali, ta’ kif jinġieb fi tmiemu t-tilwim dwar privattivi. Dawn jistgħu wkoll jiffrankaw il-ħin u l-isforzi tal-qrati jew tal-korpi amministrattivi kompetenti, bħall-uffiċċji tal-privattivi u jistgħu għalhekk ikunu fl-interess pubbliku.

(6)

Dak li huwa importanti mill-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa li l-ftehimiet kienu kkaratterizzati mill-fatt li jkun fihom trasferiment tal-valur minn Lundbeck lejn kompetitur ġeneriku potenzjali jew reali, ħaġa li tkun marbuta mal-qbil ta’ dan l-aħħar li ma jikkummerċjalizzax is-citalopram ġeneriku fiż-żona ġeografika kkonċernata għat-tul ta’ żmien tal-ftehim. Il-valur li Lundbeck tkun ittrasferiet jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-fatturat jew tal-qligħ li l-impriża ġenerika kienet tistenna li jkollha li kieku daħlet fis-suq b’suċċess. Il-ftehimiet inkwistjoni ma rriżolvew l-ebda tilwim dwar il-privattivi; pjuttost ipposponew il-kwistjonijiet imqajma minn dħul potenzjali tal-ġeneriċi fis-suq. Ġie stabbilit ukoll li l-ftehimiet ma kien fihom l-ebda impenn minn Lundbeck biex joqogħdu lura minn proċedimenti ta’ ksur jekk l-impriża ġenerika tkun daħlet fis-suq bis-citalopram ġeneriku wara li jkun skada l-ftehim. Fl-aħħar nett, il-ftehimiet ikkonċernati kisbu riżultati għal Lundbeck li Lundbeck ma kinitx tikseb kieku kellha tinforza l-privattivi tal-proċessi tagħha quddiem il-qrati nazzjonali: Il-ftehimiet inkwistjoni żammew lill-kumpanija ġenerika kkonċernata milli tbigħ citalopram ġeneriku, irrispettivament minn jekk is-citalopram ikunx magħmul bi skur tal-privattivi tal-proċess ta’ Lundbeck jew le.

2.   PROĊEDURA

(7)

Il-Kummissjoni saret taf għall-ewwel darba bil-ftehimiet inkwistjoni f’Ottubru 2003 permezz ta’ informazzjoni mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Daniża. Bejn Diċembru 2003 u Ottubru 2005, il-Kummissjoni ġabret aktar informazzjoni. F’Ottubru 2005, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fil-bini ta’, fost oħrajn, H. Lundbeck A/S. Fl-2006 intbagħtu talbiet għall-informazzjoni lil għadd ta’ partijiet. It-tweġibiet għal dawn it-talbiet għal informazzjoni ġew eżaminati fl-2007.

(8)

F’Jannar 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi inkjesta wiesgħa fis-settur farmaċewtiku skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Ir-rapport finali tal-inkjesta settorjali ġie ppubblikat fit-8 ta’ Lulju 2009.

(9)

F’Diċembru 2009, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet oħra. Fis-7 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti formali kontra Lundbeck. Fl-2010 u l-ewwel nofs tal-2011, waqt it-tħejjija ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni bagħtet numru konsiderevoli ta’ talbiet għal informazzjoni lil Lundbeck, lill-kumpaniji ġeneriċi li magħhom kienu ġew konklużi l-ftehimiet ikkonċernati, il-kumpanniji prinċipali tagħhom u lil partijiet terzi. Fl-24 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti kontra l-kumpaniji ġeneriċi li kkonkludew il-ftehimiet ikkonċernati ma’ Lundbeck u ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Lundbeck u lil dawk il-kumpaniji ġeneriċi.

(10)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjonijiet favorevoli dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni fil-5 ta’ Ġunju 2013 u s-17 ta’ Ġunju 2013. L-Uffiċjal tas-Seduta ppreżenta r-rapport finali tiegħu fis-17 ta’ Ġunju 2013.

3.   SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI LEGALI TAL-KUMMISSJONI

(11)

Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet li ftehimiet dwar riżoluzzjonijiet tal-privattivi, bħal kwalunkwe ftehim ieħor, huma soġġetti għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(12)

Anki jekk ir-restrizzjonijiet inklużi fi ftehim ta’ rizoluzzjoni ta’ privattiva jibqgħu fl-ambitu tal-privattiva, dak il-ftehim jista’, taħt ċerti ċirkostanzi, jkollu jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-liġi tal-kompetizzjoni.

(13)

Sabiex tidentifika jekk kull ftehim kopert mid-deċiżjoni ikollux il-potenzjal li jirrestrinġi l-kompetizzjoni min-natura tiegħu stess, il-Kummissjoni analizzat il-fatti speċifiċi tal-każ relatat ma’ kull ftehim biex tiddetermina jekk:

l-impriża ġenerika u l-impriża oriġinatriċi kinux tal-inqas kompetituri potenzjali,

l-impriża ġenerika ikkomettietx lilha nfisha fil-ftehim biex tirrestrinġi, għat-tul ta’ żmien tal-ftehim, l-isforzi indipendenti tagħha biex tidħol f’suq taż-ŻEE wieħed jew f’aktar bi prodott ġeneriku, kif ukoll

il-ftehim kienx relatat ma’ trasferiment ta’ valur mill-impriża oriġinatriċi li jnaqqas b’mod sostanzjali l-inċentivi tal-impriża ġenerika li indipendentement tkompli bl-isforzi tagħha biex tidħol f’suq taż-ŻEE wieħed, jew aktar, bi prodott ġeneriku.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ħadet f’kunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li wassal biex jiġi konkluż il-ftehim, il-kontenut u l-objettivi reali tal-ftehim, u l-intenzjonijiet suġġettivi ta’ kull parti, kif jirriżulta mill-fatti tal-każ.

(14)

Fil-każ preżenti, ittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll fatturi importanti oħra, jiġifieri: l-fatt li l-valur li Lundbeck ittrasferiet jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-fatturat jew il-qligħ li l-impriża ġenerika kienet tistenna li jkollha kieku daħlet b’suċċess fis-suq; il-fatt li Lundbeck ma setgħetxtikseb ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul permezz tal-infurzar tal-privattivi tal-proċess tagħhom, peress li l-obbligi tal-impriża ġenerika fil-ftehim imorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lid-detenturi tal-privattivi tal-proċess; kif ukoll il-fatt li l-ftehim ma kien fih l-ebda impenn minn Lundbeck biex joqogħdu lura minn proċedimenti ta’ ksur jekk l-impriża ġenerika tkun daħlet fis-suq b’citalopram ġeneriku wara li jkun skada l-ftehim.

(15)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-argumenti tal-partijiet dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet għall-ftehimiet skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u sabet li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfati. L-effiċjenzi allegati għall-partijiet kellhom x’jaqsmu, pereżempju, mal-evitar ta’ kosti tal-litigazzjonijiet u mat-titjib tad-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ Lundbeck stess permezz ta’ ftehimiet ta’ distribuzzjoni ma’ tnejn mill-impriżi ġeneriċi. Il-partijiet madankollu ma ssostanzjawx biżżejjed il-gwadanji fl-effiċjenza allegati, b’mod partikolari, biex juru li r-restrizzjonijiet fuq l-impriżi ġeneriċi li kienu imposti mill-ftehim kienu meħtieġa għall-kisba ta’ xi żieda bħal din fl-effiċjenza. Il-partijiet lanqas ma taw prova li kwalunkwe kisbiet fl-effiċjenza bħal dawn jegħlbu l-iżvantaġġi għall-konsumaturi tar-restrizzjonijiet fil-ftehimiet.

(16)

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-sitt ftehimiet koperti mid-deċiżjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet intenzjonati għall-kompetizzjoni, li jammontaw għal erba’ każijiet separati ta’ ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

4.   DESTINATARJI

(17)

Il-kumpaniji li ġejjin kienu destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni:

Lundbeck Limited

H. Lundbeck A/S

Generics (UK) Limited

Merck KGaA

Arrow Generics Limited

Arrow Group ApS

Resolution Chemicals Limited

Xellia Pharmaceuticals ApS

Zoetis Products LLC

A.L. Industrier AS

Ranbaxy (U.K) Limited

Ranbaxy Laboratories Limited.

5.   MULTI

(18)

Il-Kummissjoni imponiet fuq Lundbeck total ta’ multi ta’ EUR 93 766 000 għall-erba’ każijiet ta’ ksur inkwistjoni. Dawn il-multi ġew ikkalkulati skont il-metodoloġija ġenerali tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-multi (3). Fid-dawl tal-fatt li l-erba’ każijiet ta’ ksur ta’ Lundbeck kienu relatati mal-istess prodott, is-citalopram, u fil-biċċa l-kbira fl-istess żoni ġeografiċi u perjodi ta’ żmien, u sabiex jiġi evitat eżitu potenzjalment sproporzjonat li jirriżulta mill-impożizzjoni ta’ diversi multi b’mod parallel, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, iddeċidiet li tapplika fattur ta’ korrezzjoni li jkun xieraq biex jintlaħaq livell dissważiv fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ.

(19)

Il-Kummissjoni imponiet ammont totali ta’ multi ta’ EUR 52 239 000 fuq erba’ kumpaniji ġeneriċi (jew fuq is-suċċessuri legali tagħhom) inkwistjoni. Minħabba li dawn l-impriżi kienu qablu li ma jbigħux citalopram ġeneriku fiż-żona ġeografika kkonċernata permezz ta’ kull ftehim u għaldaqstant ma kellhomx bejgħ fiż-żona ġeografika kkonċernata, jew kellhom bejgħ limitat ħafna, il-Kummissjoni applikat il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-multi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ikkunsidrat il-valur trasferit lil kull impriża ġenerika fil-ftehim/iet għall-ammonti bażiċi tal-multa ta’ dik l-impriża ġenerika partikolari.

(20)

Il-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni ħadu fit-tul ittieħed f’kunsiderazzjoni fl-ammonti tal-multi. Il-partijiet kollha rċevew tnaqqis minħabba dan l-aspett.

(21)

Il-multi speċifiċi imposti għall-erba’ każijiet speċifiċi ta’ ksur kienu kif ġej:

Għall-ksur bejn Lundbeck u Merck:

H. Lundbeck A/S: EUR 19 893 000

li minnhom in solidum ma’ Lundbeck Limited: EUR 5 306 000;

Merck KGaA: EUR 21 411 000

li minnhom in solidum ma’ Generics (UK) Limited: EUR 7 766 843.

Għall-ksur bejn Lundbeck u Arrow:

H. Lundbeck A/S: EUR 12 951 000;

Arrow Group ApS: EUR 9 975 000

li minnhom in solidum ma’ Arrow Generics Limited: EUR 9 360 000

mill-ammont tal-aħħar li minnu in solidum ma’ Resolution Chemicals Limited: EUR 823 735.

Għall-ksur bejn Lundbeck u Alpharma:

H. Lundbeck A/S: EUR 31 968 000;

Zoetis Products LLC u Xellia Pharmaceuticals ApS in solidum: EUR 10 530 000

li minnhom in solidum ma’ A.L. Industrier AS. EUR 43 216.

Għall-ksur bejn Lundbeck u Ranbaxy:

H. Lundbeck A/S: EUR 28 954 000;

Ranbaxy Laboratories Limited u Ranbaxy (UK) in solidum: EUR 10 323 000.

(22)

Il-Kummissjoni ordnat lill-impriżi kkonċernati biex ma jirrepetu l-ebda att jew imġiba li jkollhom l-istess għan jew effett, jew simili.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  It-terminu “tilwima dwar privattiva” kif użat fid-deċiżjoni jirreferi għal nuqqas ta’ qbil bejn żewġ partijiet jew aktar fuq privattiva u jinkludi l-kunċett ta’ litigazzjoni dwar il-privattivi bħala stadju wieħed possibbli ta’ tali tilwim.

(3)  Il-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).


Top