EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0121

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

/* COM/2015/0121 final - 2015/0063 (COD) */

52015PC0121

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal /* COM/2015/0121 final - 2015/0063 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

• Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tfittex li temenda r-regoli tal-UE li jittrasponu l-Iskema tal-kontroll u l-infurzar adottata mill-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (NEAFC).

• Kuntest ġenerali

Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku li l-Unjoni Ewropea hija Parti Kontraenti għaliha, għandha l-għan li tiżgura l-konservazzjoni fuq terminu ta’ żmien twil u l-utilizzazzjoni ottima tar-riżorsi tas-sajd taż-żona fil-Grigal tal-Atlantiku, billi tipprovdi benefiċċji sostenibbli, ambjentali u soċjali.

Bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (NEAFC), jistgħu jiġu adottati miżuri ta' kontroll u infurzar marbuta mas-sajd. L-Iskema ta’ kontroll u infurzar fiha miżuri bħal dawn u tapplika għall-bastimenti kollha użati jew maħsuba għall-użu għal attivitajiet tas-sajd imwettqa fuq riżorsi tas-sajd f'żoni ddefiniti fil-Konvenzjoni.

Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 jittrasponi fil-liġi tal-Unjoni l-Iskema ta’ kontroll u ta’ infurzar li ġiet adottata min-NEAFC. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll speċifiċi biex jimmonitorja l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku u jissuplimenta l-miżuri ta’ kontroll ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,[1] u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[2].

Fil-Laqgħa Annwali tagħha fl-2012 u l-2013, in-NEAFC adottat rakkomandazzjonijiet li jemendaw l-Iskema ta’ kontroll u infurzar. Il-bidla ewlenija, imħaddma permezz tar-Rakkomandazzjoni 9/2014, hija l-allinjament tal-Iskema bil-Ftehim tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw l-IUU, approvati mill-UE fl-2011. Il-Partijiet Kontraenti ftiehmu li din ir-Rakkomandazzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015. Il-bidla l-oħra, magħmula permezz tar-Rakkomandazzjoni 15/2013, tiċċara li bastimenti li huma involuti f’operazzjoni ta’ trażbord fiż-Żona Regolatorja kif ukoll il-bastiment riċevitur għandhom jikkomunikaw il-port tal-iżbark irrispettivament minn jekk l-inżul isirx f’port ġewwa jew barra ż-Żona tal-Konvenzjoni. Fil-Laqgħa Annwali tagħha f'Novembru 2014, in-NEAFC adottat ir-Rakkomandazzjoni 12/2015 li temenda r-Rakkomandazzjoni 9/2014 fir-rigward ta’ proċeduri ta’ notifika dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-bastimenti tas-sajd barranin bil-għan li dawn jiġu adattati għall-bidla minn sistema bbażata fuq il-karti għal applikazzjonijiet moderni tal-ICT imsejsa fuq l-internet, imħaddma mis-Segretarju tan-NEAFC.

Ir-Rakkomandazzjoni 15/2013 daħlet fis-seħħ fl-2013 u r-Rakkomandazzjoni 9/2014 kif emendata mir-Rakkomandazzjoni 12/2015 se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015. Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti skont it-termini tal-Konvenzjoni tan-NEAFC. L-UE, bħala Parti Kontraenti, għalhekk għandha tapplikahom.

Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet ġew adottati fin-NEAFC bl-appoġġ sħiħ tal-UE. Huwa fl-interess tal-UE għalhekk li dawn jiġu introdotti fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament propost.

• Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku jittrasponi fil-liġi tal-Unjoni l-Iskema ta' kontroll u infurzar adottata min-NEAFC. Imbagħad, għandhom isiru l-emendi meħtieġa sabiex l-Iskema emendata tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni u b'hekk l-emendi jsiru obbligatorji għall-Unjoni.

Ġew adottati mizuri biex jiġi implimentat ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 433/2012 tat- 23 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-“Regolament dwar is-Sajd IUU”), japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

• Konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni.

Din il-proposta hija skont it-tendenza ġenerali tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

• Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin indirizzati u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu

Mhux applikabbli

Sommarju tar-risposti u kif dawn ġew ikkunsidrati

Mhux applikabbli

• Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern.

• Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Mhux applikabbli

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

• Sinteżi ta’ l-azzjoni proposta

Traspożizzjoni fil-liġi tal-Unjoni tal-emendi għall-Iskema ta’ kontroll u infurzar li ġiet adottata min-NEAFC.

• Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

• Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

• Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta tinkorpora fil-liġi tal-Unjoni l-emendi għall-Iskema kif adottata mir-Rakkomandazzjonijet tan-NEAFC 15/2013 u 9/2014 u adottata mir-Rakkomandazzjoni 12/2015. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti għan-NEAFC u konsegwentament għall-UE. Għalhekk mhu qed jirriżulta l-ebda tħassib fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

• Għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Rakkomandazzjonijiet adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jiġu trasposti f’Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sakemm is-setgħat li jittrasponuhom jkunu ġew delegati lill-Kummissjoni, li mhux il-każ għar-Rakkomandazzjonijiet inkwistjoni.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2015/0063 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 jinkorpora fil-liġi tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tal-Iskema ta’ kontroll u infurzar (l-Iskema) stabbilita permezz ta’ rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (NEAFC) fil-Laqgħa Annwali tagħha fil-15 ta’ Novembru 2006, u sussegwentament emendata b’diversi rakkomandazzjonijiet fil-Laqgħat Annwali ta’ Novembru 2007, 2008 u 2009.

(2)       Fil-Laqgħa Annwali tagħha f'Novembru 2012, in-NEAFC adottat ir-Rakkomandazzjoni 15:2013 li temenda l-Artikolu 13 tal-Iskema, fir-rigward tal-komunikazzjoni ta' trażbord u ta' żbark f'port. Wara l-Laqgħa Annwali tagħha f’Novembru 2013, in-NEAFC adottat ir-Rakkomandazzjoni 9:2014 li temenda l-Artikoli 1, 20 sa 25 u 28 tal-Iskema, li jikkonċernaw, rispettivament, id-definizzjonijiet, għadd ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għall-Kontroll mill-Istat tal-Port ta’ bastimenti tas-sajd barranin u tal-proċeduri ta’ ksur. Fil-Laqgħa Annwali tagħha f’Novembru 2014, in-NEAFC adottat ir-Rakkomandazzjoni 12:2015 li temenda r-Rakkomandazzjoni 9:2014 fir-rigward tal-Artikoli 22 u 23 tal-Iskema dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port ta’ bastimenti tas-sajd barranin.

(3)       Skont l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni tas-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku approvati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE, ir-Rakkomdazzjoni 15:2013 daħlet fis-seħħ fit-8 ta' Frar 2013.

(4)       B'segwiment tad-dispożizzjonijiet tagħha, ir-Rakkomandazzjoni 9:2014 kif emendata mir-Rakkomandazzjoni 12:2015 se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015.

(5)       Huwa meħtieġ li dawk ir-Rakkomandazzjonijiet jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:

"6. “attivitajiet tas-sajd” tfisser sajd, inkluż operazzjonijiet konġunti tas-sajd, operazzjonijiet tal-ipproċessar tal-ħut, it-trażbord jew l-iżbark tar-riżorsi tas-sajd jew prodotti tagħhom u kwalunkwe attività kummerċjali oħra bi tħejjija għas-sajd jew konnessa miegħu, inklużi fost oħrajn l-ippakkjar, it-trasport, l-għoti tal-fjuwil jew il-forniment mill-ġdid.

(b) Il-punt 10 jinbidel b'dan li ġej:

"10. “bastiment ta' Parti mhux Kontraenti” tfisser kwalunkwe bastiment involut fl-attivitajiet tas-sajd li ma jtajjarx il-bandiera ta' Parti Kontraenti, inklużi bastimenti li għalihom teżisti bażi raġjonevoli ta' suspetti li huma mingħajr nazzjonalità;"

(c) Il-punt 13 jinbidel b'dan li ġej:

"13. “port” tfisser kwalunkwe post fuq ix-xatt li jintuża għall-iżbark jew għall-forniment ta’ servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet tas-sajd jew b'appoġġ għalihom jew post fuq inkella qrib ix-xatt magħżul minn Parti Kontraenti għall-finijiet tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd;”

(2) Fl-Artikolu 9(1)(d), l-aħħar sentenza qiegħda tiġi sostitwita b'dan li ġej:

Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu IV, mill-inqas 24 siegħa qabel kwalunkwe żbark ,il-bastiment riċevitur għandu jirrapporta l-qabda totali abbord, il-piż totali li għandu jiġi żbarkat, l-isem tal-port u d-data u l-ħin stmati tal-iżbark, sew jekk l-iżbark ikunx se jseħħ f'port f'Żona ta' Konvenzjoni inkella barra minnha."

(3) L-intestatura tal-Kapitolu IV tinbidel b’dan li ġej:

"KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT TA' ĦUT MAQBUD MINN BASTIMENTI LI JTAJRU L-BANDIERA TA' PARTI KONTRAENTI OĦRA"

(4) L-Artikolu 22 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 22 Kamp ta' applikazzjoni

Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008(*), id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-użu ta’ portijiet ta’ Stati Membri minn bastimenti tas-sajd li jkunu jġorru abbord riżorsi tas-sajd, maqbuda fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra, li ma jkunux ġew żbarkati jew trażbordati preċedentement f’port."

(*) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(5) L-Artikolu 23 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 23 Portijiet magħżula

L-Istati Membri għandhom jagħżlu u jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-portijiet fejn huwa permess l-iżbark jew it-trażbord ta' riżorsi tal-ħut li jkunu nqabdu fiż-Zona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra, jew fejn huwa permess il-forniment ta' servizzi tal-port lit-tali bastimenti. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarju tan-NEAFC dwar dawk il-portijiet u bi kwalunkwe tibdil li jsir fil-lista ta' portijiet deżinjati għallinqas ħmistax-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ it-tibdil.

L-iżbark u t-trażbord ta' ħut li jkun inqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra kif ukoll il-forniment ta' servizzi tal-port lit-tali bastimenti għandhom jitħallew isiru biss f’portijiet magħżula.

(6) L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-Paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, meta l-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jkun mgħobbi bil-ħut kif jissemma fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament ikun beħsiebu jidħol f'port, il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port li jixtieq juża, sa mhux aktar minn tliet ijiem tax-xogħol qabel il-waqt stmat tal-wasla.

Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ieħor ta' notifika, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, it-tip ta' proċessar tal-ħut maqbud jew id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-portijiet tiegħu. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinforma b’dan lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC."

(b) Fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"In-notifika minn qabel imsemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi kkanċellata minn min jibgħatha billi jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-port li l-kaptan kien xtaq juża għallinqas 24 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla f’dak il-port."

(7) L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a) L-intestatura għandha tinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 25

Awtorizzazzjoni għall-iżbark u t-trażbord u użu ieħor ta’ port”

(b)  Fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja għandha tinbidel b’dan li ġej:

"1. B'rispons għal notifika trażmessa skont l-Artikolu 24, l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun beħsiebu jħott l-art jew jittrażborda, jew fejn il-bastiment tas-sajd kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord barra l-ilmijiet tal-Unjoni, l-Istat tal-bandiera jew l-Istati tal-bastimenti donaturi, għandhom, permezz tal-ikkompletar tan-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24, jikkonfermaw li:"

(c) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2. L-operazzjonijiet ta' żbark jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port permezz tal-ikkompletar tan-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk tkun waslet il-konferma mill-Istat tal-bandiera, kif jissemma fil-paragrafu 1.

(d) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 3 a li ġej:

"3a. Żbark, trażbord u użu ieħor ta’ port m’għandux jiġi awtorizzat jekk l-Istat Membru tal-port jirċievi evidenza ċara li l-qabda abbord ittieħdet bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli ta’ xi Parti Kontraenti fir-rigward ta’ żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali.”

(e) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien dwar id-deċiżjoni tagħhom li jawtorizzawx jew le l-iżbark, it-trażbord u użu ieħor ta’ port lill-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu u lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment billi tiġi kkompletata kif xieraq n-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24 u għandhom jinfurmaw b’dan lis-Segretarju tan-NEAFC.”

(8) L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. Kull Stat Membru għandu jwettaq spezzjonijiet fuq mhux inqas minn 5% tal-kwantitajiet żbarkati jew li jiġu trażbordati ta’ ħut frisk u mill-inqas 7.5% ta’ ħut iffriżat fil-portijiet tiegħu matul kull sena ta’ rappurtar, abbażi ta’ ġestjoni tar-riskju li tqis il-linji gwida ġenerali deskritti fl-Anness II.”

(b) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

"1a. L-ispezzjonijiet iridu jsiru b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju u ma għandhom jikkostitwixxu fastidju lill-ebda bastiment."

(c) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2. L-ispetturi għandhom jeżaminaw iż-żoni kollha rilevanti tal-bastiment sabiex jivverifikaw il-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni rilevanti. L-ispezzjonijiet għandhom isiru skont il-proċeduri stipulati fl-Anness III."

(d) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

"2a. Kull Stat Membru għandu jagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-kaptan jew mal-membri anzjani tal-ekwipaġġ tal-bastiment, inkluż fejn ikun possibbli u fejn ikun meħtieġ, li l-ispettur ikun akkumpanjat minn interpretu."

(e) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3a. L-ispetturi nazzjonali ma għandhomx jindaħlu lill-kaptan fir-rigward tal-kapaċità tiegħu li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera."

(f) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4. L-Istat Membru tal-port jista’ jistieden spetturi minn Partijiet Kontraenti oħra sabiex jakkumpanjaw l-ispetturi tiegħu stess u josservaw l-ispezzjoni.”

(9) Fl-Artikolu 29(2) għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fejn xieraq, l-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jikkomunika wkoll is-sejbiet ta’ spezzjoni bħal din lill-Parti Kontraenti li fl-ilmijiet tagħha jkun seħħ il-ksur u lill-Istat li tiegħu jkun ċittadin il-kaptan tal-bastiment.”

(10) It-titolu tal-Anness huwa mibdul b'dan li ġej:

"ANNESS I

RIŻORSI REGOLATI".

(11) Anness II ġdid għandu jiżdied kif stabbilit fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament.

(12) Anness III ġdid għandu jiżdied kif stabbilit fl-Anness 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1(1), (4), (5), (6), (7), (8), (9), (10), (11) u (12) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

[2]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

[3]               ĠU C , , p. .

ANNESSI

għall-Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal  

ANNESS 1 Mar-Regolament (UE) Nru 1236/2010 jiżdied l-Anness II li ġej:

"ANNESS II

Linji gwida ġenerali għall-ġestjoni tar-riskju fir-rigward ta’ kontroll mill-Istat Membru tal-Port

Il-ġestjoni tar-riskju tfisser l-identifikazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa biex kemm jista' jkun ma jinħolqux dawn ir-riskji. Din issir bi ġbir ta’ dejta u informazzjoni, analiżi u evalwazzjoni tar-riskji, preparazzjoni u teħid ta’ azzjoni, u monitoraġġ u reviżjoni regolari tal-proċess u r-riżultati tiegħu.

Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, kull Stat Membru tal-port irid jiddefinixxi l-istrateġija tal-amministrazzjoni tar-riskju tiegħu biex jiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Din l-istrateġija għandha tidentifika, tddeskrivi u talloka strumenti ta’ kontroll u mezzi oħra ta’ spezzjoni xierqa u kosteffettivi, b’rabta man-natura u l-livell stmat ta’ kull riskju, u kif ukoll tilħaq il-punti ta’ riferiment fil-mira.

Għall-attivitajiet ta' kontroll, spezzjoni u verifika hemm stabbiliti kriterji għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju sabiex ikunu jistgħu jsiru f'waqthom analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet ġenerali tal-informazzjoni rilevanti tal-kontroll u l-ispezzjoni.

Il-bastimenti tas-sajd individwali, il-gruppi tal-bastimenti tas-sajd, l-operaturi, u/jew l-attivitajiet tas-sajd, għal speċijiet differenti u f’diversi partijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni huma soġġetti għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell tar-riskju attribwit, fost l-oħrajn bl-użu tas-suppożizzjonijiet ġenerali li ġejjin ta' kriterji tal-livelli tar-riskju fir-rigward tal-kontroll mill-Istat Membru tal-port tal-iżbark u t-trasbord fil-port:

(a) Qabdiet meħuda minn bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti;

(b) Qabdiet iffriżati;

(c) Qabdiet b'volum kbir;

(d) Qabdiet li qabel ikunu ġew trasbordati fuq il-baħar;

(e) Qabdiet maqbuda 'l barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Partijiet Kontraenti, jiġifieri fiż-Żona Regolatorja;

(f) Qabdiet meħuda fiż-Żona tal-Konvenzjoni u barra minnha;

(g) Qabdiet ta’ speċijiet ta’ valur għoli;

(h) Qabdiet minn riżorsi tas-sajd fejn hemm opportunitajiet tas-sajd partikolarment limitati;

(i) L-għadd ta’ spezzjonijiet li jkunu saru qabel u l-għadd ta’ ksur osservat għall-bastiment u/jew l-operatur."

ANNESSI

tal-Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

ANNESS 2 Mar-Regolament (UE) Nru 1236/2010 jiżdied l-Anness III li ġej:

"ANNESS III

Il-proċeduri ta' spezzjoni tal-Istat Membru tal-Port

 

L-ispetturi nazzjonali għandhom:

a)       jivverifikaw li d-dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-bastiment li jkollu abbord u l-informazzjoni relatata ma’ sid il-bastiment ikunu veri, sħaħ u korretti, fosthom b'kuntatti xierqa mal-Istat tal-bandiera jew bir-reġistrazzjonijiet internazzjonali tal-bastimenti jekk dan ikun meħtieġ;

b)       jivverifikaw li l-bandiera u l-marki tal-bastiment (eż. l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni estern, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), il-kodiċi internazzjonali tar-radju u marki oħrajn, id-dimensjonijiet prinċipali) jkunu konsistenti mal-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni;

c)       jivverifikaw li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u tal-attivitajiet relatati mas-sajd ikunu veri, sħaħ, korretti u konsistenti mal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 24;

d)      jirrevedu d-dokumentazzjoni u r-reġistri rilevanti l-oħra kollha miżmuma abbord, inklużi dawk f’format elettroniku u d-dejta tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) mingħand l-Istat tal-bandiera jew mingħand l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd rilevanti. Id-dokumentazzjoni rilevanti tista’ tinkludi l-ġurnali ta’ abbord, id-dokumenti tal-qabdiet, tat-trasbord u tal-kummerċ, il-listi tal-ekwipaġġ, il-pjanijiet u d-disinji għall-istivar, deskrizzjoni tal-istivi tal-ħut u dokumenti mitluba skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

e)       jeżaminaw l-irkaptu tas-sajd rilevanti kollu li jkun abbord, inkluż l-irkaptu stivat li ma jidhirx kif ukoll apparat relatat, u jivverifikaw li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet. L-irkaptu tas-sajd għandu jiġi kkontrollat ukoll sabiex ikun żgurat li karatteristiċi bħad-daqs tal-malja u tal-ispag, l-apparat u l-aċċessorji, id-dimensjonijiet u l-konfigurazzjoni tax-xbieki, in-nases, il-gangmi, id-daqsijiet u l-għadd ta’ snanar ikunu konformi mar-regolamenti applikabbli u li l-marki jikkorrispondu għal dawk awtorizzati għall-bastiment;

f)       jiddeterminaw jekk il-ħut abbord inqabadx skont l-awtorizzazzjonijiet applikabbli;

g)       jimmonitorjaw l-iskariku jew it-trasbord kollu u jwettqu kontroverifiki bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fin-notifika preċedenti tal-iżbark u l-kwantitajiet li jiġu żbarkati jew trasbordati, skont l-ispeċi;

h)       jeżaminaw il-ħut, inkluż bit-teħid ta’ kampjuni, sabiex jiddeterminaw il-kwantità u l-kompożizzjoni tiegħu. Biex jagħmlu dan, l-ispetturi jistgħu jiftħu kontenituri fejn il-ħut ġie ppakkjat minn qabel u jċaqilqu l-qabda jew il-kontenituri sabiex jaċċertaw ruħhom mill-integrità tal-istivi tal-ħut. Eżami bħal dan jista’ jispezzjona t-tip tal-prodott u jsib kemm hu l-piż nominali;

i)        wara l-iżbark jew it-trasbord, jivverifikaw u jieħdu nota tal-kwantitajiet tal-ħut, skont l-ispeċi, li jibqgħu abbord;

j)        jevalwaw jekk ikunx hemm evidenza ċara sabiex wieħed jemmen li bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd li jappoġġaw dan is-sajd;

k)       lill-kaptan tal-bastiment jipprovdulu r-rapport bir-riżultat tal-ispezzjoni, inklużi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu, sabiex jiffirmah hu u l-ispettur. Il-firma tal-kaptan fuq ir-rapport issir biss biex turi li kiseb kopja tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata l-opportunità li jżid kummentijew oġġezzjonijiet fir-rapport u, kif ikun xieraq, li jikkuntattja lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat tal-bandiera b’mod partikolari meta l-kaptan ikollu diffikultajiet serji biex jifhem il-kontenut tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata kopja tar-rapport; u

l)        meta jkun meħtieġ u possibbli, isiru l-arranġamenti għal traduzzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti."

Top