EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0022

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bożnija-Ħerzegovina, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

/* COM/2015/022 final - 2015/0014 (NLE) */

52015PC0022

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bożnija-Ħerzegovina, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2015/022 final - 2015/0014 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u l-24 ta' Settembru 2013 rispettivament.

L-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u s-26 ta' Settembru 2014, rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-UE u kif ukoll fil-Bożnija-Ħerzegovina u fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2014 rispettivament.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda u l-l-Bożnija-Herzegovina  min-naħa l-oħra[2], għandu jadotta Deċiżjoni li tieħu post il-Protokoll 2, li tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott oriġinarju” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli ta’ oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Interim għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ġew ikkonsultati l-aħħar waqt il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tat-22 u t-23 ta' Ottubru 2014.

Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern. Minbarra dan, ma kienx meħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsab fis-seħħ bħalissa.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

2015/0014 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bożnija-Ħerzegovina, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Protokoll 2 tal-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra[3] (“il-Ftehim”), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, (“il-Protokoll 2”).

(2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4] ("il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Il-Bożnija-Ħerzegovina u l-parteċipanti l-oħra tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea ta’ kumulazzjoni djagonali ta’ oriġini fl-aġenda ta’ Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

(3)       L-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u l-24 ta' Settembru 2013 rispettivament.

(4)       L-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u s-26 ta' Settembru 2014 rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni u kif ukoll l-Bożnija-Ħerżegovina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2014 rispettivament.

(5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 2 bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

(6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Interim għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Interim stabbilit mill-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Interim mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Tibdiliet minuri fl-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Interim jista' jsir qbil dwarhom mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Interim mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Interim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

[2]               ĠU L 233, 30.8.2008, p. 6.

[3]               ĠU L 233, 30.8.2008, p. 6.

[4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

Abbozz DEĊIŻJONI Nru ... tal-UE-il-kumitat interim tal-Bożnja-Ħerżegovina

ta'

li tissostitwixxi l-Protokoll 2 tal-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunitajiet Ewropej minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bożnija-Ħerżegovina, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Il-Kumitat Interim bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerżegovina,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 2 tal-Ftehim Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Bożnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1) L-Artikolu 27 tal-Ftehim Interim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll 2 tal-Ftehim (“Protokoll 2”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jistipula dwar akkumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Bożnja-Ħerzegovina, it-Turkija u kull pajjiż jew territorju li jipparteċipa fil-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

(2) L-Artikolu 39 tal-Protokoll 2 jipprovdi li l-Kumitat Interim stabbilit skont l-Artikolu 40 tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll.

(3) Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2] (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li b'att legali wieħed, tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja. Il-Bożnija-Ħerzegovina u l-parteċipanti l-oħra tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea ta’ kumulazzjoni djagonali ta’ oriġini fl-aġenda ta’ Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2003. Ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

(4) L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-24 ta' Settembru 2013 rispettivament.

(5) L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fis-26 ta' Settembru 2014 rispettivament. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Bożnija-Ħerzegovina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2014 ripettivament, b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni.

(6) Il-Protokoll 2 għandu għalhekk jinbidel bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 2 tal-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina min-naħa l-oħra rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Tibda tapplika minn …

Magħmul fi

                                                                       Għall-Kumitat Temporanju

                                                                       Il-President

Anness

Protokoll 2

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Ir-regoli ta’ oriġini applikabbli

1.         Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[3] (il-Konvenzjoni), japplikaw.

2.         Ir-referenzi kollha għal “ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-disposizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranji jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni tat-tilwim

1.         Meta b'rabta mal-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala' xi tilwim li ma jkunx jista' jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta' din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kumitat Konġunt.

2.         Fil-każijiet kollha s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur isseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi fil-Protokoll

Il-Kunsill Interim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll

Artikolu 4

L-irtirar mill-Konvenzjoni

1.         Jekk jingħata avviż bil-miktub jew mill-Unjoni Ewropea jew mill-Bożnija-Ħerżegovina lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerżegovina immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.         Dawn ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta’ rtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim sakemm ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati. Ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, madankollu, mill-mument tal-irtirar, għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerżegovina biss.

Artikolu 5

Kumulazzjoni – tad-dispożizzjonijiet tranżitorji

Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.

[1]               ĠU L 233, 30.8.2008, p. 6.

[2]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

[3]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

Top