EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0001

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

/* COM/2015/01 final - 2015/0001 (NLE) */

52015PC0001

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża /* COM/2015/01 final - 2015/0001 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela kienu awtorizzati biex joperaw fiż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tad-dipartiment extra-Ewropew Franċiż tal-Gujana għal għexieren ta' snin. Madankollu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 (ir-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd)[1], u partikolarment l-Artikolu 21 tiegħu, jassumi l-eżistenza ta’ ftehim internazzjonali dwar is-sajd meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-UE. L-UE ma kkonkludietx ftehim internazzjonali dwar is-sajd bħal dan mal-Venezwela.

Madankollu, fid-dawl tal-importanza ekonomika u soċjali ta' dawn l-attivitajiet tas-sajd, u minħabba li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw il-waqfien tagħhom bħala mhux xieraq, ġiet segwita prattika differenti, fejn l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tal-Venezwela li joperaw fl-ibħra tal-UE 'l barra mill-kosta tad-dipartiment extra-Ewropew Franċiż tal-Gujana ġie pprovdut fil-forma ta' Dikjarazzjoni tal-Kunsill li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, għandu effetti legali taħt il-liġi internazzjonali.

Dan l-istrument internazzjonali mhuwiex restritt għas-sempliċi għoti tal-opportunitajiet ta' sajd lill-bastimenti barranin imma hu mfassal biex tiġi pprovduta bażi internazzjonali sabiex tagħmel l-aċċess soġġett għal quid pro quo (pereżempju r-rekwiżit li ċertu proporzjon tal-qabdiet jiġi żbarkat ġewwa l-Gujana Franċiża) u biex tiġi imposta firxa ta' miżuri ta' konservazzjoni u kontroll fuq il-bastimenti inkwistjoni (pereżempju rkaptu speċifiku tas-sajd, ġurnal ta' abbord u rekwiżiti tal-kopertura tal-osservazzjoni). F'dan il-mekkaniżmu, huwa r-Regolament dwar it-TAC u l-Kwoti li fl-Anness tiegħu jipprovdi għal ċertu numru ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd sabiex jiġu mogħtija lill-bastimenti tal-Venezwela li joperaw fl-ibħra tal-Gujana Franċiża.

Bis-sentenza tagħha tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-kawżi magħquda C-103/12 u C-165/12 (Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni v. l-Kunsill), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE tas-16 ta' Diċembru 2011 dwar id-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża: il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat b'mod ċar li d-deċiżjonijiet relatati mal-konklużjoni ta' ftehimiet dwar sajd estern jaqgħu kompletament fi ħdan l-ambitu ta' applikazzjoni tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE (flimkien mal-proċedura applikabbli tal-Artikolu 218 tat-TFUE, jiġifieri l-Artikolu 218(6)a(v) għad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni) u rrifjutat il-pożizzjoni li deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta' applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill sad-dħul fis-seħħ, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara d-data tas-sentenza, ta’ Deċiżjoni ġdida li għandha tiġi adottata fuq bażi legali xierqa. Għalhekk din il-proposta preżenti.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2015/0001 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-paragrafu 2 tal-Artikolu 43 b'mod konġunt mal-paragrafu 6 a) v) tal-Artikolu 218tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)       Soġġett għall-konformità tagħhom mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (minn hawn ’il quddiem “il-Venezwela”) operaw fl-ilmijiet tal-UE fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża għal ħafna għexieren ta’ snin.

(2)       L-industrija tal-ipproċessar ibbażata fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawk il-bastimenti tas-sajd u għalhekk il-kontinwità ta’ dawk l-operazzjonijiet għandha tiġi żgurata.

(3)       Fis-16 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE dwar id-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża[2] li kienet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014[3] u li żammet l-effetti tagħha għal żmien raġonevoli. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-aċċess wara s-sentenza tal-Qorti, huwa meħtieġ li l-Kunsill jerġa' jadotta Deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni indirizzata lil Venezwela li tikkonferma r-rieda tagħha li toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela, bil-kondizzjoni li jkunu konformi mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti u, peress li d-Dikjarazzjoni diġa ġiet notifikata, ma hemmx bżonn li terġa' tiġi notifikata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela mill-Unjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (minn hawn ’il quddiem “id-Dikjarazzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tad-Dikjarazzjoni jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal

Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

[2]               ĠU L 6, 10.1.2012, p. 8.

[3]               Kawżi magħquda C-103 u 165/12, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni v. il-Kunsill.

ANNESS

Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

tad-

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

1. L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela biex jistadu fil-parti taż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża li tinsab aktar minn 12-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi, soġġetti għall-kondizzjonijiet imniżżla f’din id-Dikjarazzjoni.

2. F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[1], il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom, meta jistadu fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona.

3. B’mod akar partikolari, il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jispeċifikaw inter alia l-istokkijiet tal-ħut li jistgħu jkunu fil-mira, l-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati u l-proporzjon ta’ qabdiet li għandhom jiżbarkaw fil-portijiet fil-Gujana Franċiża.

4. Mingħajr preġudizzju għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil bastimenti tas-sajd individwali li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela minħabba nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma’ kawlunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ fi kwalunkwe ħin tirtira, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn speċifiku espress f’din id-Dikjarazzjoni li tagħti opportunitajiet tas-sajd.

[1]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

Top