EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0572

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015

COM/2015/0572 final

Brussell, 18.11.2015

COM(2015) 572 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015

{SWD(2015) 208}
{SWD(2015) 209}
{SWD(2015) 217 à 243}


1.    Introduzzjoni

Il-"Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem" 1 tal-Kummissjoni Ewropea ħolqot momentum ġdid li jista' jġib it-tranżizzjoni għal ekonomija sigura, kompetittiva u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju. Sabiex jinżamm dan il-momentum, dan l-ewwel Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2 jħares lejn il-progress tal-aħħar disa' xhur u jidentifika l-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġu attenzjoni politika speċifika fl-2016, sena importanti għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija 3 .

Fi ftit jiem, il-mexxejja dinjin se jiltaqgħu f’Pariġi sabiex jiftiehmu dwar kif għandha tiġi ttrattata waħda mill-akbar sfidi tal-umanità: it-tibdil fil-klima. L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jagħmel enfasi fuq il-kontribut tal-Ewropa fin-negozjati ta’ Pariġi u jiffoka fuq is-segwitu. It-tmexxija Ewropea fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju teħtieġ li tkompli wara Pariġi, kemm permezz tal-implimentazzjoni tal-miri tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija kif ukoll permezz ta' diplomazija koerenti għall-enerġija u għall-klima, filwaqt li jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jwettqu l-impenji tagħhom.

Għal din it-tranżizzjoni hemm każ kummerċjali qawwi. Kumpaniji Ewropej prinċipali qed ibiddlu l-mudelli kummerċjali tagħhom. L-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika qed joħolqu impjiegi fl-Ewropa li jeħtieġu ħiliet ġodda u investimenti. Ħafna mill-bidliet marbutin ma’ din it-tranżizzjoni se jseħħu fil-bliet u fil-muniċipalitajiet; meta l-bliet tagħna jsiru aktar intelliġenti, dawn isiru l-istrumenti ewlenin tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija sostenibbli.

Is-swieq tal-gass u tal-elettriku għadhom mhux qed irendu kif suppost. Sabiex it-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tkun ta’ suċċess u soċjalment ġusta, iċ-ċittadini għandhom ikunu aktar involuti u jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda u minn aktar kompetizzjoni sabiex il-kontijiet tagħhom jonqsu, u jieħdu sehem b’mod aktar attiv fis-suq.

Fl-2015, l-avvenimenti ġeopolitiċi fil-viċinat immedjat tagħna żammew l-enerġija bħala prijorità għolja fuq l-aġenda. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, is-sigurtà tal-enerġija, l-effiċjenza, l-iżvilupp tal-infrastruttura, it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u s-sostenibbiltà huma intrinsikament marbutin ma’ xulxin. It-tieni lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni tistabbilixxi l-proġetti ta’ infrastruttura li huma meħtieġa b’urġenza sabiex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tagħna.

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jippreżenta elementi importanti għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni li jwassal għal aktar politiki prevedibbli, trasparenti u stabbli. Il-gwida dwar il-pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u tal-klima jipprovdu l-bażi sabiex l-Istati Membri jibdew jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u tal-klima tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030. Il-metodoloġija proposta dwar l-indikaturi ewlenin hija l-ewwel pass sabiex jitkejjel u jiġi mmonitorjat it-twassil tal-Unjoni tal-Enerġija.

Fl-aħħar xhur, il-Kummissjoni żaret diversi Stati Membri sabiex tiddiskuti l-Unjoni tal-Enerġija ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, saru diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri kollha. Dawn il-kuntatti ppermettew li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija għal kull Stat Membru, u li tasal għal konklużjonijiet ta’ politika għall-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.    Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

Il-progress li sar

L-ekonomija tal-UE bħalissa hija l-iktar ekonomija prinċipali fid-dinja effiċjenti fl-emissjonijiet tal-karbonju. Irnexxielha b'mod partikolari tifred it-tkabbir ekonomiku u l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Bejn l-1990 u l-2014, il-prodott domestiku gross globali tal-UE żdied b’46 %, filwaqt li l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra naqsu bi 23 %. L-UE hija waħda minn tliet ekonomiji prinċipali biss 4 li jiġġeneraw aktar minn nofs l-elettriku tagħhom mingħajr ma jipproduċu gassijiet b’effett ta’ serra 5 . 

Għan tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li ma tibqax aktar ekonomija li sserraħ fuq il-fjuwils fossili. Fl-2015 sar progress fi tliet oqsma li jinsabu fil-qalba ta’ din it-tranżizzjoni: l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u aktar investimenti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u fl-effiċjenza enerġetika.

Il-Ftehim dwar l-introduzzjoni ta' Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, imwaqqfa sa mill-2019, se jsaħħaħ l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS). F’Lulju 2015 il-Kummissjoni ppreżentat proposta sabiex tiġi riveduta l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet. Dan huwa l-aħħar pass sabiex l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet tkun tista' titħaddem b'mod adegwat bħala l-istrument Ewropew ewlieni sabiex tintlaħaq il-mira tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-2030. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex din il-proposta tingħata prijorità u jmexxuha 'l quddiem.

Sabiex tappoġġja l-ambizzjoni li tkun l-aqwa waħda fil-qasam tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni ressqet Komunikazzjoni konsultattiva dwar it-tifsila ta' suq tal-elettriku ġdid f’Lulju 2015 li l-objettiv ċentrali tagħha huwa li tagħmel is-suq tajjeb għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li sehemhom dejjem qed jikber. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli qed isiru s-sors prinċipali tal-enerġija. Dawn diġà qed jaqdu l-ħtiġijiet ta’ 78 miljun Ewropew, u l-UE fil-fatt tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha ta’ 20 % tal-konsum finali tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli sal-2020.

It-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju teħtieġ investimenti sinifikanti, b’mod partikolari fil-grilji tal-enerġija, fil-ġenerazzjoni, fl-effiċjenza enerġetika u fl-innovazzjoni 6 . Il-baġit tal-UE jikkontribwixxi sabiex isseħħ din il-bidla permezz tal-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi fl-inizjattivi politiċi rilevanti kollha, filwaqt li jiżgura li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-2014-2020 ikun rilevanti għall-klima. Dan jirrappreżenta madwar EUR 180 biljun mill-2014 sal-2020. Aktar minn EUR 110 biljun huma disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Barra minn hekk, il-proġetti tal-enerġija sostenibbli kienu fost l-ewwel proġetti approvati għall-garanzija tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), b’mod partikolari fid-Danimarka, fil-Finlandja, fi Franza, fi Spanja u fir-Renju Unit.  

F'Marzu 2015, l-UE ippreżentat mira vinkolanti u li tapplika għall-ekonomiji kollha domestiċi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ mill-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, abbażi tal-Qafas tal-Kummissjoni għall-Klima u l-Enerġija għall-2030. F’Settembru 2015, l-UE qablet dwar il-pożizzjoni tagħha għall-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima (COP21) 7 . Din ikkonfermat ir-rieda tal-UE li tinnegozja ftehim ambizzjuż, trasparenti u vinkolanti dwar il-klima globali, u li jipprovdi direzzjoni definita b’mod ċar sabiex jiġu limitati ż-żidiet fit-temperatura medja globali li jkunu inqas minn 2 C. Fi żmien l-adozzjoni ta’ dan l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, aktar minn 160 pajjiż li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-emissjonijiet globali attwali ppreżentaw il-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali (Intended Nationally Determined Contribution, INDC). L-iskala ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet hija mingħajr preċedent u se twassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet madwar id-dinja, li bdew bħala "azzjoni minn wħud" taħt il-Protokoll ta' Kjoto u spiċċaw bħala "azzjoni minn kulħadd".

Sabiex dawn il-miri jintlaħqu hemm bżonn ta' aktar azzjoni konkreta fil-livell lokali. Il-Kummissjoni, b’dan l-objettiv f’moħħha, laqqgħet fil-15 ta’ Ottubru 2015 ir-rappreżentanti minn bliet kbar u żgħar sabiex tniedi Patt tas-Sindki ġdid, li jkopri kemm l-inizjattivi ta' mitigazzjoni u ta' adattament tat-tibdil fil-klima. Bit-tnedija tal-Patt Dinji tas-Sindki, se tinkoraġġixxi azzjoni mill-awtoritajiet lokali madwar id-dinja, inkluż f’reġjuni li mhumiex involuti s’issa.

Aktar minn 4000 negozju se jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjoni sa żmien is-COP 21. It-twettiq ta’ dawn l-impenji fil-prattika joffri opportunitajiet sinifikanti ta’ kummerċ għall-intrapriżi innovattivi tal-UE u se joħloq impjiegi u tkabbir fl-UE. 

It-triq 'il quddiem

Immedjatament wara l-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima, jeħtieġ li l-pajjiżi kollha jibdlu l-impenji li ħadu f’azzjonijiet politiċi konkreti. Għaldaqstant, fl-ewwel nofs tal-2016, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel proposti dwar l-implimentazzjoni ta’ mira għal tnaqqis fl-emissjonijiet li mhumiex fl-ETS ta’ 30 % meta mqabbel mal-2005, billi jiġu stabbiliti miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u billi jiġi indirizzat is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (Land-Use, Land-Use Change And Forestry, LULUCF).

Peress li madwar terz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tas-setturi li mhumiex fl-ETS jiġu mit-trasport, il-Kummissjoni tipprevedi Komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport. Din għandha tiġi segwita minn proposti li jinkludu standards dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi u vannijiet, dwar il-monitoraġġ ta' vetturi heavy duty, dwar prezzijiet ġusti u effiċjenti u dwar ir-regoli ta’ aċċess għas-suq għat-trasport bit-triq.

L-infurzar effettiv ta’ standards regolatorji huwa element kritiku sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq. Is-sistemi tal-ittestjar issottovalutaw serjament l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qiegħda tipprepara proposta sabiex tiġi applikata fl-UE l-Proċedura għal Ittestjar ta' Vetturi tax-Xogħol Ħafif armonizzata mad-dinja kollha (World-harmonised Light-duty vehicle Test Procedure, WLTP) 8 . Mad-dħul tagħha fis-seħħ fl-2017, din se tagħti aktar informazzjoni preċiża dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil. Barra minn hekk, it-testijiet għall-emissjonijiet reali tas-sewqan, sabiex jitkejlu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja tal-karozzi diżil, mill-2017 'il quddiem se jsiru obbligatorji sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) tagħhom 9 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħejji proposti sabiex issaħħaħ l-approvazzjoni tat-tip u s-sistema ta’ sorveljanza tas-suq kif ukoll issaħħaħ l-awtonomija tal-ittestjar tal-vetturi.

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli l-ġdida u l-politika dwar is-sostenibbiltà tal-bijoenerġija għall-2030, li għandhom jiġu ppreżentati fl-2016, għandhom jipprovdu l-qafas it-tajjeb sabiex tintlaħaq il-mira vinkolanti fil-livell tal-UE ta’ mill-anqas 27 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030. Dawn se jistabbilixxu politiki u miżuri tal-UE li, flimkien mal-kontribut tal-Istati Membri deskritt fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom tal-enerġija u tal-klima, għandhom jiżguraw li din il-mira tintlaħaq. Sabiex jiġu stabbiliti inċentivi ta' dekarbonizzazzjoni, aħna se nisħqu wkoll fuq it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

Il-konklużjonijiet politiċi f'livell reġjonali, ta' Stat Membru u tal-UE:

L-UE qiegħda fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha tal-UE 2020 rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (jiġifieri -20 % sal-2020 meta mqabbel mal-1990). L-emissjonijiet tal-UE fl-2014 kienu 23 % taħt il-livell tal-1990 u, skont l-aħħar previżjonijiet sottomessi mill-Istati Membri, l-emissjonijiet huma mistennija li jkunu 24 % inqas fl-2020 apparagun tal-1990.

Erbgħa u għoxrin Stat Membru, permezz tal-politiki u tal-miżuri eżistenti, huma mistennija li jilħqu l-mira nazzjonali tagħhom tal-UE 2020 għas-setturi li mhumiex fl-ETS. Erba’ Stati Membri (l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Awstrija) jeħtieġu aktar sforzi sabiex jilħqu l-miri domestiċi tagħhom għall-2020 għas-setturi li mhumiex fl-ETS, jew biex jagħmlu użu mill-flessibilitajiet eżistenti previsti fid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 10 .

Fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, l-UE fil-fatt qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-2020. L-Istati Membri kollha, ħlief għal tlieta (il-Lussemburgu, in-Netherlands u r-Renju Unit), laħqu l-mira interim tagħhom tal-2013/14 abbażi tad-dejta tal-2013 11 . Xi Stati Membri, jiġifieri Franza, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands u r-Renju Unit, u sa ċertu punt, il-Belġju u Spanja, iridu jevalwaw jekk il-politiki u l-għodod tagħhom humiex biżżejjed u effettivi sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom marbutin mal-enerġija rinnovabbli. Anki fil-każ tal-Ungerija u tal-Polonja, mhux ċert jekk dawn jilħqux il-miri dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2020. Id-dsatax-il Stat Membru l-ieħor jistgħu jaqbżu – xi wħud saħansitra b’mod konsiderevoli – il-miri tagħhom dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2020. Is-sehem dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli jgħin sabiex titjieb is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa.

Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar sforzi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-enerġija rinnovabbli tkun integrata aħjar fis-suq u sabiex tiġi żgurata konsistenza b'mod partikolari bejn l-iskemi ta’ appoġġ u l-funzjonament tas-swieq tal-elettriku. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija jkunu rrispettati, inkluż ir-rekwiżit bażiku li tingħata għajnuna fi proċess ta' offerti kompetittiv abbażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, u sabiex l-enerġija rinnovabbli tkun aktar qrib is-suq.

L-Iżvezja hija l-uniku Stat Membru li sa issa impenjat ruħha f’mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiż ieħor (in-Norveġja) marbut mal-enerġija rinnovabbli. It-titjib tal-ambitu ta’ forums reġjonali bħall-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP) sabiex jinkludu l-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar l-enerġija rinnovabbli huwa inkoraġġanti. Jenħtieġu aktar inizjattivi bħal dawn, pereżempju fir-rigward tal-Ibħra tat-Tramuntana u tar-reġjun tal-Mediterran.

3.    L-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija

Il-progress li sar

Sabiex jintlaħaq livell ambizzjuż ta’ effiċjenza enerġetika sal-2030, il-Kummissjoni bdiet tistabbilixxi għodod u strumenti li jittrattaw l-effiċjenza enerġetika bħala sors ta’enerġija minnu nnifsu. Bħala l-ewwel pass, f’Lulju 2015, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ittikkettar tal-Enerġija 12 . Din il-proposta tagħmel l-acquis eżistenti dwar l-ittikkettar tal-enerġija aktar effiċjenti kif ukoll issaħħaħ l-infurzar. Fl-2015 daħlu wkoll fis-seħħ għadd ta’ miżuri dwar l-ekodisinn u l-ittikkettar tal-enerġija, li għandhom il-potenzjal li jkomplu jnaqqsu l-konsum tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi u għaldaqstant il-kontijiet. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni biħsiebha tressaq pjan ta’ ħidma ġdid dwar l-Ekodisinn li - barra milli se jtejjeb l-effiċjenza enerġetika - se jappoġġja fil-futur l-ekonomija ċirkolari.

L-effiċjenza enerġetika għandha rwol importanti fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-fond diġà jappoġġa proġetti strateġiċi dwar l-effiċjenza enerġetika, per eżempju fi Franza u fl-Italja. Ħafna aktar proġetti għad iridu jiġu approvati. Dan se jkun kumplimentari għall-investimenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Ir-rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-mira għall-2020 ta' 20 % ta' effiċjenza enerġetika sal-2020 13 , li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, juri li minkejja l-progress sinifikanti li sar, l-isforzi kollettivi tal-Istati Membri jikkorrispondu biss għal iffrankar ta' 17,6 % ta' enerġija primarja apparagun tal-projezzjonijiet għall-2020 14 . Madankollu, il-Kummissjoni tibqa’ ottimista li l-mira ta’ 20 % tista’ tintlaħaq jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE tiġi implimentata kompletament u b’mod korrett. L-Istati Membri għandhom iżidu l-ambizzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ investiment sabiex l-effiċjenza enerġetika tkompli titjieb fl-Ewropa.

It-triq 'il quddiem

Għad hemm għadd kbir ta’ ostakli sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-effiċjenza enerġetika, bħan-nuqqasijiet fir-rigward tal-informazzjoni u n-nuqqas ta’ għodod finanzjarji apposta. Dan iwassal sabiex jintużaw b'mod limitat l-opportunitajiet għall-effiċjenza enerġetika, il-prodotti u t-teknoloġiji.

Fl-2016, il-Kummissjoni tipprevedi proposti leġiżlattivi sabiex tallinja d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika mal-mira indikattiva fil-livell tal-UE ta’ mill-inqas 27 % għall-2030 (li għandha tiġi rieżaminata sal-2020, filwaqt li jiġi kkunsidrat livell tal-UE ta' 30 %). Huwa daqstant importanti li jkun hemm attenzjoni partikolari fuq il-bini, li l-konsum tiegħu ta' enerġija jirrappreżenta madwar 40 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-UE, u madwar kwart tal-emissjonijiet ta' gass b’effett ta' serra diretti li mhumiex fl-ETS. Qed titħejja evalwazzjoni bir-reqqa tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija għar-reviżjoni tagħha.

Il-finanzjament bil-quddiem tal-investimenti meħtieġa għall-effiċjenza enerġetika għadu sfida sostanzjali. L-investimenti għall-effiċjenza enerġetika jeħtieġ li jiżdiedu b'ħames darbiet sal-2030 15 . Bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab tagħha sabiex fl-2016 tistabbilixxi skemi li jgħaqqdu proġetti iżgħar għall-effiċjenza enerġetika. Dawn l-iskemi għandhom jipprovdu lill-investituri b’aktar opportunitajiet ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika u jagħmlu l-kapital aktar aċċessibbli għal pjattaformi u programmi nazzjonali, reġjonali jew lokali marbutin mal-effiċjenza enerġetika, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li l-iktar għandhom bżonnhom. Dawn se jinkludu t-tisħiħ tal-assistenza teknika u dik għall-iżvilupp tal-proġetti fil-kuntest ta’ Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (European Investment Advisory Hub, EIAH) imwaqqaf mill-Kummissjoni u mill-Bank Ewropew tal-Investiment, sabiex il-promoturi pubbliċi jiġu megħjuna jistrutturaw il-proġetti tagħhom, u sabiex skemi ta' finanzjament jiġu promossi b’termini u kundizzjonijiet standard, b’mod partikolari fil-qasam tal-bini. Il-Kummissjoni se tniedi l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (PEPI) kmieni fl-2016. L-għan tiegħu huwa li jattira investituri lejn proġetti ta’ investiment tajbin fl-Ewropa. Il-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-enerġija huma mħeġġa biex jibagħtu l-proġetti tagħhom biex tinbena massa kritika ta’ proġetti ta’ qabel it-tnedija.

It-tisħin u t-tkessiħ jirrappreżentaw l-akbar użu ta’ enerġija fl-UE. Strateġija apposta għat-tisħin u t-tkessiħ hija ppjanata għall-bidu tal-2016, bil-għan li sseħħ trasformazzjoni intelliġenti f'dan is-settur. L-istrateġija għandha, fost l-oħrajn, tidentifika soluzzjonijiet u miżuri sabiex titnaqqas id-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ fis-setturi residenzjali, terzjarji u industrijali, filwaqt li għallinqas jiġu mmonitorjati l-kwalità tas-servizzi u tal-kumditajiet, u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

Il-konklużjonijiet politiċi f'livell reġjonali, ta' Stat Membru u tal-UE:

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri addizzjonali biex iħaffu l-livelli ta’ ambizzjoni u l-isforzi tagħhom, sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom għall-effiċjenza enerġetika għall-2020.

Diversi Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, Spanja, u l-Iżvezja) innotifikaw miri nazzjonali aktar ambizzjużi għall-2020, murija jew f’konsum tal-enerġija primarju jew finali, u dan huwa inkorraġġanti. Fl-istess ħin ħames Stati Membri baxxew il-livell ta’ ambizzjoni tagħhom għal waħda minn dawn iż-żewġ miri. B’mod ġenerali, il-livelli tal-miri nazzjonali indikattivi għall-2020 stabbiliti, pereżempju mill-Kroazja, mill-Finlandja, mill-Greċja u mir-Rumanija – kif ukoll minn Ċipru, mill-Italja u mill-Portugall, meta murija bħala konsum finali tal-enerġija – mhumiex ambizzjużi biżżejjed fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku mistenni.

Il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja u l-Iżvezja kollha se jkollhom inaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija primarja b’rata ogħla fl-2014-2020 milli fil-perjodu 2005-2013 sabiex jilħqu l-miri indikattivi tagħhom fuq il-konsum tal-enerġija primarja sal-2020. L-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja stabilixxew għalihom infushom miri ta’ konsum finali tal-enerġija għall-2020, li jirrikjedu rati ta’ tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija mill-2014 sal-2020 li jkunu ogħla mir-rati ta’ tnaqqis ta' bejn l-2005 u l-2013.

Fir-rigward tal-intensità tal-enerġija, hemm differenza kbira bejn l-Istat Membru li għandu l-ogħla intensità ta' enerġija fl-industrija (il-Bulgarija), u dak li għandu l-aktar intensità ta' enerġija baxxa (id-Danimarka u l-Irlanda). Fil-biċċa l-kbira, dan huwa marbut ma’ differenzi strutturali bejn l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri kollha ħlief għall-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda u l-Latvja naqqsu l-intensità tal-enerġija fl-industrija u fis-settur tal-kostruzzjoni mill-2005 sal-2013.

Għas-settur tal-ġenerazzjoni, l-indikaturi tal-prestazzjoni analizzati wrew xejra dejjem sejra għall-agħar f’bosta pajjiżi. B’mod partikolari, sehem is-sħana prodott mill-koġenerazzjoni (combined heat and power, CHP) ta' effiċjenza għolja kif ukoll it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali b’effiċjenza għolja, għandhom jiġu promossi aktar mill-Istati Membri.

4.    Is-suq intern tal-enerġija kompletament integrat

Il-progress li sar

Il-kejbils tal-elettriku u l-pipelines tal-gass huma s-sinsla ta’ suq tal-enerġija integrat. Minn mindu saret il-preżentazzjoni ta’ Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija, ġraw ħafna affarijiet. L-inawgurazzjoni tal-kejbil tal-elettriku bejn l-Italja u Malta f’April 2015 temmet l-iżolament enerġetiku tal-grilja elettrika ta’ Malta. It-tlestija tal-Eastlink bejn il-Finlandja u l-Estonja, u n-NordBalt bejn il-Litwanja u l-Iżvezja ppermettiet lill-Istati Baltiċi sabiex din is-sena jipparteċipaw fis-suq tal-elettriku NordPool. Eżempju ieħor ta’ kooperazzjoni tajba hija l-inizjattiva marbuta mal-interkonnessjoni LitPolLink bejn il-Litwanja u l-Polonja, li se tiġi inawgurata f’Diċembru 2015. L-2015 rat ukoll l-inawgurazzjoni ta’ interkonnettur tal-elettriku bejn Franza u Spanja, li rdoppja l-kapaċità tat-trażmissjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-gass, it-terminal il-ġdid tal-Gass Naturali Likwifikat (Liquefied Natural Gas, LNG) fi Klaipeda (il-Litwanja) ġab għall-ewwel darba d-diversifikazzjoni tal-provvista fis-suq tal-gass Baltiku, filwaqt li l-ftehim reċenti dwar l-interkonnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja se jtemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi mis-suq tal-gass intern. L-interkonnettur bejn l-Ungerija u s-Slovakkja huwa wkoll pass importanti, filwaqt li t-tagħmir għall-fluss fid-direzzjoni opposta ġie installat fl-UE kif ukoll fil-fruntieri tagħha mal-Ukrajna sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bidirezzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Baltiċi qablu dwar mira strateġika komuni sabiex jissinkronizzaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom man-Netwerk Kontinentali Ewropew.

Fl-2015, il-Kummissjoni ħadmet b’mod intensiv mal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti Gruppi ta’ Livell Għoli dwar l-interkonnettività tal-gass u tal-elettrilku fil-Peniżola Iberika, u l-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (Central and South Eastern Europe Gas Connectivity, CESEC), kif ukoll issir riforma tal-Grupp ta’ Livell Għoli għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (Baltic Energy Market Interconnection Plan, BEMIP). L-Istati Membri żiedu l-kooperazzjoni fir-raggruppamenti reġjonali, li bdew jagħtu l-frott. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, pereżempju, qabel dwar lista ta’ proġetti prijoritarji 16 , li l-implimentazzjoni tagħhom se tippermetti lill-pajjiżi fir-reġjun sabiex ikollhom aċċess għal mill-inqas tliet sorsi ta’ gass.

Il-Forum dwar l-Infrastruttura tal-Enerġija stabbilit mill-Kummissjoni, li kellu l-laqgħa inawgurali tiegħu f’Copenhagen fid-9 u fl-10 ta’ Novembru, se jaħdem għall-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet bħalma huma l-ostakli regolatorji, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-aċċettazzjoni pubblika, kif ukoll il-finanzjament.

Il-Kummissjoni ħadmet b’mod intensiv mal-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakli regolatorji għall-kummerċ transfruntier tal-elettriku u tal-gass. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, hija solviet problemi fi Stati Membri differenti bl-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija. L-intenzjoni tal-inizjattiva 17 tal-Kummissjoni dwar it-tifsila tas-suq hija sabiex titwitta t-triq għal aktar allinjament tal-qafas regolatorju Ewropew mar-realtà tas-swieq tal-enerġija Ewropej li kull ma jmur aktar huma integrati. Il-Kummissjoni kompliet tinforza b’mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni fit-Trattat.

Suq intern tal-enerġija li jkun kompletament integrat għandu l-ewwel u qabel kollox iġib benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi. Dan il-prinċipju huwa rifless għal kollox fil-Komunikazzjoni Inwasslu patt ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija, ta' Lulju 2015 18 . Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li l-konsumaturi qed jiġu impeduti milli jwettqu r-rwol sħiħ tagħhom fit-transizzjoni tas-sistema tal-enerġija. Mill-perspettiva tal-konsumatur, is-swieq tal-elettriku u tal-gass għadhom mhux qed irendu kif suppost, kif juri d-dokument dwar it-tendenzi tal-konsumaturi tal-enerġija ppreżentat flimkien ma’ dan l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 19 .

It-triq 'il quddiem

Fl-2016, l-atturi kollha għandhom bżonn jintensifikaw il-ħidma tagħhom fuq il-proġetti ta’ infrastruttura. B’mod partikolari, il-Proġetti ta’ Interess Komuni (Projects of Common Interest, PCIs) għandhom bżonn ta’ spinta politika urġenti. Għalkemm 13-il proġett mill-ewwel lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni se jitlestew sal-aħħar tal-2015, u ftit aktar minn 100 Proġett ta’ Interess Komuni qegħdin fil-fażi tal-għoti tal-permessi, aktar minn kwart 20 qed jiffaċċjaw dewmien prinċipalment minħabba l-għoti tal-permessi u/jew kwistjonijiet ta’ finanzjament. Il-proċeduri sempliċiment qed idumu wisq biex ikunu effettivi. Sabiex jiġu indirizzati b’suċċess jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-linji gwida għall-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija (TEN-E), b’mod partikolari dawk relatati mal-ħruġ tal-permessi.

It-tieni lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni, 21 li ġiet adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, tistabbilixxi dawk il-proġetti li huma urġentement meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri tagħna tal-politika tal-enerġija. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 22 li jakkumpanjaha jelenka t-titjib meħtieġ sabiex jiġi pprovdut is-sies infrastrutturali għal suq tal-enerġija Ewropew integrat. L-ewwel benefiċċji għall-investimenti infrastrutturali tal-istrumenti żviluppati taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma mistennija li jseħħu fl-2016. Speċifikament dwar l-elettriku, il-Kummissjoni tipprevedi Komunikazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % ta’ interkonnessjoni elettrika għall-2030. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ tiffinanzja proġetti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija.

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati wrew interess kbir li jikkooperaw fir-Reġjun tal-Ibħra tat-Tramuntana Kważi nofs in-nefqa kapitali għall-proġetti tal-elettriku ta’ interess komuni kollha se tiġi investita fir-reġjun tal-Ibħra tat-Tramuntana. Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha toħloq Grupp ta' Livell Għoli għall-koperazzjoni reġjonali fil-Baħar tat-Tramuntana sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji, finanzjarji u ta’ ppjanar spazjali li jxekklu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

Investiment kontinwu fl-infrastruttura tan-netwerks nazzjonali se jkun meħtieġ ukoll sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet reġjonali. Ta’ tħassib partikolari huma d-distorsjonijiet li infrastruttura nazzjonali insuffiċjenti toħloq meta jkun hemm żoni tal-offerti kbar waħidhom. Il-proċess ta' rieżami taż-żona tal-offerti, imwettaq min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (European Network of Transmission System Operators for Electricity, ENTSO-E), għandu jidentifika restrizzjonijiet kritiċi f'netwerk, u fejn ikun adegwat jissepara ż-żoni tal-offerti għaż-żoni ristretti. Dawn iż-żoni tal-offerti jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal aktar investiment fin-netwerk.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku eżistenti tintuża kompletament għall-benefiċċju tal-integrazzjoni tas-suq. L-infurzar strett kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni se jiffoka b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li s-swieq mhumiex maqsumin billi artifiċjalment jiġi ristrett l-użu tal-kapaċità eżistenti.

Għall-2016 hemm ippjanati proposti leġiżlattivi sabiex tiġi implimentata t-tifsila ġdida tas-suq. L-għanijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni huma li jkun hemm rabta aħjar bejn is-swieq tal-operaturi u tal-konsumaturi; kooperazzjoni reġjonali msaħħa u aktar kummerċ transfruntier; u l-iżvilupp ta’ swieq għal żmien qasir u għal żmien twil sabiex jintbagħtu l-aħjar sinjali ta’ investiment dwar it-teknoloġiji moderni, kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi tal-elettriku. L-impatt ta’ skema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet għandha wkoll tipprovdi sinjali ta’ investiment fit-tul aħjar għall-investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Il-Kummissjoni qed tiżgura li meta Stati Membri jappoġġaw aktar investiment fis-swieq tal-enerġija tagħhom permezz tal-għajnuna mill-Istat, il-politiki ta' appoġġ jitfasslu f’konformità mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ambjent u għall-enerġija 23 sabiex jiġu evitati distorsjonijiet potenzjali tas-suq. Barra minn hekk, l-Inkjesta li għaddejja bħalissa fis-Settur tal-għajnuna mill-Istat dwar il-Mekkaniżmi ta' Kapaċità Elettrika 24 qed teżamina sa liema punt il-mekkaniżmi ta' kapaċità eżistenti kif ukoll ippjanati jistgħu jfixklu l-effiċjenza tas-suq intern.

Il-Kummissjoni, meta tħejji dawn il-proposti leġiżlattivi, se tagħmel enfasi speċjali sabiex tingħata spinta għall-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda, bħala mezz sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-flessibbiltà fin-netwerks tal-enerġija. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-konsum, id-diffikultajiet sabiex jibdlu l-fornituri u n-nuqqas ta’ kumpens għall-parteċipazzjoni attiva għandhom isiru xi ħaġa tal-imgħoddi.

Il-konsumaturi – kemm ta' unitajiet domestiċi kif ukoll tal-industrija – iridu aktar trasparenza fil-prezzijiet u fl-ispejjeż tal-enerġija. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tħejji, għall-pubblikazzjoni fl-2016, rapport ġdid dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija sabiex tagħti idea ġenerali tal-ispejjeż, tat-taxxi, tal-imposti, iżda wkoll tas-sussidji. Dan se jikkontribwixxi għal aktar diskussjoni infurmata dwar livelli ta’ prezzijiet differenti fl-Istati Membri, il-komponenti differenti tal-prezzijiet tal-enerġija, l-influwenza tagħhom fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea u tal-investiment fl-Ewropa u l-abbiltà tagħhom li jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni llum ippreżentat proposta sabiex jittejbu l-istatistiki Ewropej dwar il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku 25 .

Il-Kummissjoni meta fl-2016 tkun qed tirrieżamina l-leġiżlazzjoni ewlenija, se toqgħod attenta b'mod partikolari biex tipproteġi l-konsumaturi vulnerabbli, bħal fir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika jew fil-proposta ta' tfassil ta' suq ġdid, fejn l-obbligi tal-Istati Membri u l-operaturi tas-suq fir-rigward tal-konsumaturi vulnerabbli jista’ jiġu mfissra aħjar. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżgura li l-programmi ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika huma aċċessibbli għal konsumaturi tal-enerġija foqra u vulnerabbli, u se tara li ttejjeb il-ġbir tad-dejta dwar il-faqar enerġetiku.

Il-konklużjonijiet politiċi f'livell reġjonali, ta' Stat Membru u tal-UE:

Bosta Stati Membri għamlu progress tajjeb fil-ftuħ tas-swieq tal-operaturi tagħhom għall-kompetizzjoni, u dan ħalla benefiċċji sinifikanti. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, u ħafna Stati Membri għadhom ma implimentawx bis-sħiħ ir-regoli neċessarji li jippermettu swieq kompetittivi u likwidi.

Fir-rigward tal-infrastruttura tal-elettriku, 22 Stat Membru mexjin fit-triq it-tajba sabiex għall-2020 jilħqu l-mira ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 10 %, jew diġà laħquha. Tmien Stati Membri li bħalissa għadhom taħt il-mira ta' interkonnessjoni għall-2020 huma Ċipru, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit.

Għad hemm bżonn ta' interkonnessjonijiet sabiex is-suq intern tal-elettriku jiġi approfondit (pereż. fl-Ewropa tal-Lbiċ) anki bejn diversi Stati Membri fit-Tramuntana u fil-Lvant tal-Ewropa (pereżempju l-Ġermanja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka), jew inkella sabiex tkompli tiżdied il-konnessjoni ta' xi Stati Membri (l-Irlanda u r-Renju Unit) mal-bqija tal-Ewropa tal-Majjistral.

Ir-regolament dwar il-prezzijiet għall-konsumatur irid ikun limitat fiż-żmien u japplika biss għal każijiet eċċezzjonali wara sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 26 . Filwaqt li diversi Stati Membri reċentement abbandunaw b'suċċess ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-utenti aħħarin (l-Irlanda, il-Latvja), il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi għadhom irregolati b'diversi gradi f’madwar nofs l-Istati Membri, u dan jista' jikkostitwixxi ostaklu għal parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda u għall-kompetizzjoni fil-livell tal-konsumaturi.

L-Istati Membri kollha jeħtieġ li jinfurmaw aħjar lill-konsumaturi dwar l-għażliet tal-effiċjenza enerġetika u jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-investiment għall-konsumaturi privati. Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar miżuri iffukati għall-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u tal-fjuwil b’mod effettiv.

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumatur permezz tal-introduzzjoni ta' kejl intelliġenti li ġie implimentat b’mod effettiv biss f’xi Stati Membri (b'mod partikolari fil-Finlandja u fl-Iżvezja), kif ukoll sa ċertu punt f’diversi Stati Membri oħra (fosthom id-Danimarka, l-Estonja u n-Netherlands). F’diversi Stati Membri, il-piżijiet amministrattivi jaġixxu bħala ostakoli għall-konsumaturi li għandhom fil-mira li jaqilbu għal fornituri ġodda u għal kundizzjonijiet kuntrattwali aħjar.

Fil-livell reġjonali, sa nofs l-2015, il-biċċa l-kbira tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku tal-UE huma konnessi ma’ ġar jew diversi ġirien tagħhom, li juri li hemm sinjali ta’ konverġenza fil-prezzijiet. Fir-rigward tal-gass, is-sitwazzjoni hija aktar kuntrastanti. Minkejja xi konverġenza tal-prezzijiet f'hubs tal-gass ewlenin Ewropej, għad qed jippersistu fl-UE differenzi ċari fil-prezzijiet u inadegwatezza fl-integrazzjoni tas-swieq, parzjalment minħabba l-effetti tal-kuntratti fuq terminu twil u minħabba n-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet. Is-swieq tal-konsumaturi, kemm tal-elettriku kif ukoll tal-gass, għadhom nazzjonali (jew subnazzjonali). Għandna bżonn ta' aktar sforzi mill-Istati Membri kollha sabiex navvanzaw fl-integrazzjoni reġjonali tas-swieq.

5.    Sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja

Il-progress li sar

L-UE u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jappoġġaw azzjoni aktar koerenti tal-UE dwar il-politika barranija u tal-enerġija li tieħu inkonsiderazzjoni l-iżviluppi ġeopolitiċi. F’Lulju 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar id-diplomazija fl-enerġija flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni 27 . Dawn juru li hemm bżonn li d-djalogi bilaterali u multilaterali jissaħħu, li l-użu ta’ strumenti ta’ politika barranija jittejbu sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni, kif ukoll li s-swieq tal-enerġija trasparenti, sostenibbli u bbażati fuq ir-regoli jiġu promossi.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju se tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili importati billi timmodera d-domanda għall-enerġija u billi tisfrutta sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u indiġeni oħra. L-investiment f'infrastruttura reżiljeni għandu jieħu inkonsiderazzjoni dan l-ambjent li qed jinbidel, sabiex jiġi evitat li jintilfu elementi essenzjali.

L-2015 kienet ikkaratterizzata minn tensjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna li għadhom għaddejjin sal-lum; mill-prezzijiet taż-żejt persistentement baxxi li ħallew impatt fuq is-swieq tal-enerġija madwar id-dinja kollha; minn inizjattivi ġodda għal infrastrutturi addizzjonali għall-provvista tal-gass naturali mir-Russja; minn perspettivi ġodda li nfetħu permezz tal-ftehim nukleari mal-Iran, kif ukoll minħabba tnaqqis kontinwu fil-produzzjoni domestika tal-fjuwils fossili.

Minkejja s-sitwazzjoni politika diffiċli, l-Ukrajna uriet matul ix-xitwa tal-2014/15 li hija msieħba tat-tranżitu affidabbli għall-gass Russu. L-UE temmen li huwa fl-interess tal-partijiet kollha li l-Ukrajna tibqa’ pajjiż ta’ tranżitu importanti. L-UE tappoġġa b’mod attiv l-isforzi tal-Gvern tal-Ukrajna u ta' Naftogaz sabiex tiżgura li kollox jibqa' kif inhu, b’mod partikolari permezz ta’ riformi strutturali profondi fis-settur tal-gass li l-Ukrajna bħalissa qed twettaq. Huwa essenzjali li dan il-proċess ta’ riforma jibqa' għadddej. Matul l-2015, il-Kummissjoni ffaċilitat b’mod attiv in-negozjati bejn l-Ukrajna u r-Russja sabiex matul ix-xitwa tiżgura il-provvista tal-gass lejn l-Ukrajna. Għalhekk, protokoll vinkolanti ġie inizjalat fil-25 ta’ Settembru 2015 u implimentat mid-9 ta’ Ottubru 2015. Il-kapaċità ta’ flussi fid-direzzjoni opposta mill-UE, b’mod partikolari mis-Slovakkja, lejn l-Ukrajna wkoll żdiedu b’mod sinifikanti matul l-2015, li ppermettew lill-Ukrajna sabiex timporta l-gass minn ġo l-UE u b’hekk tnaqqas id-dipendenza diretta tagħha fuq ir-Russja.

Il-Kummissjoni Ewropea tosserva li hemm pjanijiet ta’ kumpaniji kummerċjali biex jibnu aktar pipelines li jgħaqqdu r-Russja u l-Ġermanja permezz tal-Baħar Baltiku. Jekk jinbnew, Nord Stream 3 u 4 ma jagħtux aċċess għal sors ġdid ta’ provvista u jkomplu jżidu l-kapaċità tat-trażmissjoni mir-Russja lejn l-UE, filwaqt li anke issa, din hija użata biss b’rata ta’ 50 %. Dawn il-pipelines iridu jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta kull proġett bħal dan billi tqabblu mal-qafas regolatorju Ewropew fuq il-merti tiegħu stess.

L-UE se tappoġġa biss proġetti ta’ infrastruttura li huma konformi mal-prinċipji ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluża l-Istrateġija tas-Sigurtà tal-Enerġija tal-UE 28 . Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, il-fornituri u r-rotot huma kruċjali sabiex jiġu żgurati provvisti siguri u reżiljenti għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji Ewropej. Is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni hija marbuta mill-qrib mas-sigurtà tal-enerġija tal-viċinat tagħha 29 . Il-Komunità tal-Enerġija għandha rwol ċentrali f’dan ir-rigward, kemm fil-promozzjoni ta’ proġetti prijoritarji ta’ interkonnessjoni kif ukoll biex jiġi żgurat li r-reġjun jopera skont regoli kompatibbli ma’ dawk tal-UE. F’dan ir-rigward, fis-Summit ta' Vjenna għall-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tar-reġjun iddeċidew li jistabbilixxu suq tal-elettriku reġjonali. Fi ħdan il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, sitt pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija ssieħbu fil-Memorandum ta' Qbil u qablu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni flimkien ma’ disa’ pajjiżi tal-UE – eżempju mill-aqwa tal-fatt li l-Unjoni tal-Enerġija testendi u ġġib magħha benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Matul l-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tappoġġa l-proċess tar-riforma fil-Komunità tal-Enerġija. Il-Karta Internazzjonali dwar l-Enerġija ġiet ffirmata b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea fil-Konferenza nhar l-20-21 ta’ Mejju 2015 f'The Hague.

L-iskoperti reċenti tal-gass fil-Mediterran tal-Lvant iżidu l-potenzjal ta' kontribut tar-reġjun tal-Mediterran għas-sigurtà enerġetika tal-Ewropa. Għalhekk, il-kooperazzjoni ssaħħet billi twaqqfu tliet pjattaformi Euro-Med dwar il-gass, is-suq tal-elettriku reġjonali u bil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Taħdidiet dwar il-Pipeline Trans-Kaspjan, ġew imnedija mill-ġdid u l-ħidma dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar kompliet fl-2015.

L-attenzjoni matul dawn l-aħħar xhur reġgħet inxteħtet bil-qawwa fuq l-elettriku. F’xi Stati Membri l-provvista żejda tal-elettriku naqset matul l-aħħar għaxar snin, u issa qed jissemma r-riskju ta’ tnaqqis fl-elettriku. Sabiex jiġi evalwat fejn qegħdin il-problemi reali fis-sistema tal-elettriku u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati, ittieħdu bosta inizjattivi sabiex jiġi żgurat li l-analiżi dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku titwettaq fuq bażi reġjonali u tkun ibbażata fuq metodoloġija komuni 30 . 

It-triq 'il quddiem

L-isfidi ġeopolitiċi mhux se jispiċċaw fl-2016. L-UE se jkollha bżonn tkompli bid-diplomazija l-ġdida tagħha dwar l-enerġija b’mod effettiv u titkellem b’vuċi waħda vis-à-vis pajjiżi terzi. Se jeħtiġilha wkoll tiżviluppa l-pjanijiet ta’ azzjoni relevanti marbutin mad-diplomazija dwar l-enerġija sabiex issaħħaħ id-diversifikazzjoni anki permezz ta’ strumenti ta’ politika barranija.

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass prevista għall-2016 għandha l-għan li ttejjeb ir-reżiljenza tal-UE kontra l-interruzzjonijiet fil-provvista. Se jkun partikolarment importanti t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri, kemm sabiex jiġu evitati u mtaffija x-xokkijiet fil-provvista kif ukoll sabiex tiġi żgurata s-solidarjetà f’każ ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta fl-istess ħin strateġija għal Gass Naturali Likwifikat (LNG) u għall-ħżin tal-gass, sabiex tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tieħu l-vantaġġ kollu tal-potenzjal ta’ diversifikazzjoni offrut mill-Gass Naturali Likwifikat. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tenfasizza l-importanza tal-enerġija b’mod ġenerali u tal-Gass Naturali Likwifikat, b’mod partikolari fin-negozjati li għaddejjin dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (Transatlantic Trade and Investment Partnership, TTIP).

Sabiex tiżdied it-trasparenza u sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet intergovernattivi (intergovernmental agreements, IGAs) fil-qasam tal-enerġija jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki applikabbli tal-UE, il-Kummissjoni qed tħejji proposta li tirrevedi d-Deċiżjoni attwali dwar il-ftehimiet intergovernattivi.

Sal-aħħar tal-2016, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippreżenta strument legali ġdid dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku maħsuba sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi żgurat approċċ komuni u jiġu indirizzati aħjar is-soluzzjonijiet transfuntieri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Dan l-istrument huwa mistenni li jkun integrat bis-sħiħ mat-tfassil mill-ġdid tas-suq tal-elettriku.

Fil-qasam nukleari, il-pubblikazzjoni fl-2016 ta’ Programm Nukleari Illustrattiv (PINC) ġdid se tipprovdi idea ġenerali tal-investimenti previsti mill-Istati Membri sal-2050 għall-istadji kollha taċ-ċiklu nukleari. B’nofs l-Istati Membri tal-UE li indikaw l-intenzjoni tagħhom li jkomplu jiddependu fuq dan is-sors ta’ enerġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom, din l-inizjattiva għandha ġġib aktar ċarezza dwar il-ħtiġijiet tal-investiment nukleari fuq terminu twil, u dwar il-Ġestjoni tar-responsabbiltajiet nukleari.

Il-konklużjonijiet politiċi f'livell reġjonali, ta' Stat Membru u tal-UE:

L-UE qed tagħmel progress sabiex jiġu ddiversifikati s-sorsi, ir-rotot u l-fornituri tal-enerġija. Madankollu, madwar 40 % tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE fl-2013 ġew mir-Russja, u għadd ta’ Stati Membri għadhom totalment jew fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq il-provvista mir-Russja, b’mod partikolari l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja.

Tliet Stati Membri (il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Portugall) għad iridu jilħqu l-istandard tal-infrastruttura tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

Hemm il-ħtieġa li, b’mod partikolari, ikomplu jiġu konnessi l-Istati Baltiċi u l-Finlandja mas-suq tal-gass Ċentrali Ewropew, sabiex jitjiebu l-konnessjonijiet bejn l-Istati Membri (pereżempju l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja, il-Portugall u Spanja ma’ Franza) u sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għal hubs tal-gass likwidu u jistgħu jibbenefikaw mill-kapaċità tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) li l-pajjiżi kienu qed jiżviluppaw jew għandhom il-potenzjal li jiżviluppawha.

F'livell reġjonali, it-testijiet tal-istress imwettqa fl-2014 juru biċ-ċar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni reġjonali, sabiex tiġi evitata jew imtaffija kriżi tal-gass. Il-Kummissjoni diġà qed tippromwovi b’mod attiv din il-kooperazzjoni, pereż. permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC). Din il-ħidma għandha titkompla.

L-Istati Membri jridu wkoll isaħħu l-kooperazzjoni (reġjonali) għas-sigurtà tal-provvista elettrika u għall-adegwatezza tal-provvista ġġenerata.

6.    Unjoni tal-Enerġija għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Il-progress li sar

Ir-riċerka, l-innovazzjoni (R&I) u l-kompetittività huma ta’ importanza kbira sabiex it-tranżizzjoni enerġetika tal-UE titħaffef u jitgawdew il-benefiċċji tagħha f’termini ta’ impjiegi u ta' tkabbir li unjoni tal-Enerġija tista’ ġġib. F’Settembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni "Lejn Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Strategic Energy Technology Plan, SET Plan)" 31 . Dan jagħti impetu ġdid għall-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, billi r-riċerka u l-innovazzjoni jiġu kkoordinati u prijorizzati aħjar madwar l-Ewropa.

Il-finanzjament huwa fundamentali sabiex fis-suq ikun hemm l-innovazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment qed jiżviluppaw l-isforzi tagħhom skont il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). F'dan is-sens, il-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni tal-Enerġija InnovFin jipprovdu finanzjament għar-riskju fil-forma ta’ self, ekwità u garanziji, li jmorru lil hinn mill-appoġġ tradizzjonali bbażat fuq l-għotjiet. Dan għandu jżid il-kompetittività tal-kumpaniji b'teknoloġija tal-enerġija innovattiva.

L-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tipprovdi wkoll opportunitajiet ta’ finanzjament għall-investimenti fl-innovazzjoni. Bħala medja, fl-2014, l-Istati Membri użaw jew ippjanaw li jużaw għal skopijiet relatati mal-klima u mal-enerġija madwar 87 % tal-fatturat mill-irkant ta’ kwoti skont l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, li jammonta għal EUR 3,2 biljun. Fi ħdan il-programm NER 300, finanzjament kumulattiv ta’ EUR 2,1 biljun, li huwa mistenni jiġġenera EUR 2,7 biljun ta’ investimenti privati, huwa maħsub li jiffinanzja proġetti innovattivi f'20 Stat Membru.

Fil-proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, ippreżentata f’Lulju 2015, il-Kummissjoni pproponiet Fond għall-Innovazzjoni ġdid u Fond għall-Immodernizzar ġdid. Il-Fond għall-Innovazzjoni jibni fuq il-programm NER 300, filwaqt li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-innovazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi industrijali. Permezz tal-appoġġ għall-innovazzjoni u għad-dimostrazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-Fond għall-Innovazzjoni se jikkontribwixxi wkoll sabiex jitwettqu l-azzjonijiet ewlenin tal-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġiji tal-Enerġija. Il-Fond ta’ Modernizzazzjoni l-ġdid huwa mfassal għal Stati Membri bi Prodott Domestiku Gross (PDG) li per capita huwa taħt is-60 % tal-medja tal-UE, u se jkun immirat sabiex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-enerġija u sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika. Id-Direttiva riveduta dwar l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tipproponi wkoll regoli aktar immirati dwar rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività internazzjonali tas-setturi l-aktar f’riskju li jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-UE.

Barra minn hekk, il-Programm Qafas Orizzont 2020 huwa kruċjali sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Matul il-perjodu 2014-2015 il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha ammontat għal aktar minn EUR 9 biljun sabiex jiġu appoġġati r-riċerka fl-enerġija (inkluża dik nukleari), it-trasport nadif, l-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-bijoekonomija u t-teknoloġiji abilitanti essenzjali. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-innovazzjoni huma fost l-aktar oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġent ta' spiss magħżula – għal aktar minn 100 reġjun tal-UE – li jfisser li se jiġi allokat finanzjament konsiderevoli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għal dan. Il-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti dwar l-Enerġija, imnedija mill-Kummissjoni fl-2015 32 , għandha tappoġġja din il-ħidma.

It-triq 'il quddiem

Bħala parti mill-pakkett għall-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2016, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta strateġija integrata tal-Unjoni tal-Enerġija għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Din l-istrateġija integrata għandha tirrifletti r-riżultati tal-konsultazzjoni li l-Kummissjoni se tniedi mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati dwar tliet aspetti interkonnessi: it-teknoloġiji tal-enerġija, it-trasport u l-kompetittività globali. Dan jinvolvi żieda fl-investiment pubbliku u privat għar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tneħħija ta' diżinċentivi għall-innovazzjoni, u li l-ostakli għall-investiment privat jingħelbu. Ir-riċerka minn isfel għal fuq għandha tiġi promossa aħjar bħala l-karatteristika ewlenija ta' ekosistema tal-innovazzjoni ħajja.

Fl-2016 se tingħata attenzjoni għall-koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-Unjoni tal-Enerġija, is-Suq Uniku Diġitali u l-Ekonomija Ċirkolari. Dan jikkonċerna, fost l-oħrajn, id-diġitalizzazzjoni progressiva tas-setturi tal-enerġija u tat-trasport.

It-tranżizzjoni tal-enerġija se twassal għal bidliet f’bosta setturi u għalhekk teħtieġ li s-sħab soċjali jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib. Dan jista’ jinkludi li jiġi żgurat li ħiliet u skemi ta’ taħriġ ikunu jaqblu mal-ħtiġijiet tal-profili tax-xogħol ġodda, li jiġu eżaminati kundizzjonijiet tax-xogħol f’setturi ġodda jew li tiġi ffaċilitata tranżizzjoni soċjalment ġusta f’setturi jew f'reġjuni fejn se jintilfu l-impjiegi. Il-Kummissjoni bdiet ħidma mas-Sħab Soċjali fil-livell Ewropew u se tkompli dan id-djalogu fl-2016. Hija tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jiddiskutu wkoll mas-sħab soċjali l-konsegwenzi tat-tranżizzjoni tal-enerġija u kif dawn l-aħjar jistgħu jiġu antiċipati u ġestiti 33 .

Il-konklużjonijiet politiċi f'livell reġjonali, ta' Stat Membru u tal-UE:

L-industrija Ewropea, l-istituti tar-riċerka u l-atturi innovattivi akkademiċi jinsabu ġeneralment f’pożizzjoni tajba fix-xenarju globali tal-enerġija. Hemm ħafna Stati Membri (fosthom l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit) li għamlu sforzi sinifikanti biex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-opportunitajiet kummerċjali fl-effiċjenza enerġetika u fit-teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-impjiegi żdiedu fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, bi kważi nofs miljun impjieg addizzjonali maħluqin fl-UE f'dawn l-aħħar ħames snin.

Inizjattivi pożittivi reċenti ta’ xi Stati Membri (inklużi Franza, in-Netherlands u l-Portugall) wasslu għal aktar sistemi fiskali favorevoli għall-ambjent u għat-tkabbir. Madankollu, għad hemm opportunitajiet sabiex is-sistema fiskali titbiddel b'tali mod li tistimola l-impjiegi u l-kompetittività filwaqt li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija f’għadd ta’ Stati Membri) 34 . L-Istati Membri li jagħmlu din il-bidla fit-taxxa għandhom fl-istess ħin jiżguraw li jiġu evitati impatti sproporzjonati fuq l-affordabilità tal-enerġija. Huma meħtieġa kundizzjonijiet ewlenin li jippermettu l-innovazzjoni fis-suq. Ir-riformi tat-taxxa, meta jkunu jirriflettu aħjar l-ispejjeż ambjentali u ekonomiċi, pereżempju fil-qasam tat-trasport u l-mobilità, għandhom il-potenzjal li jappoġġaw din it-tranżizzjoni.



7.    L-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija

Il-progress li sar

L-Unjoni tal-Enerġija teħtieġ proċess ta' governanza affidabbli u trasparenti, marbut bil-leġiżlazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet marbutin mal-enerġija fil-livell Ewropew, reġjonali, nazzjonali u dak lokali kollha jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Fuq livell politiku, matul dawn l-aħħar xhur, il-Viċi President Šefčovič kien impenjat biż-Żjarat tal-Unjoni tal-Enerġija. Huwa kien involut fi djalogu ma’ gvernijiet u ma' parlamenti nazzjonali kif ukoll mal-Parlament Ewropew, ma' partijiet ikkonċernati u ma' ċittadini. Dawn iż-żjarat, kif ukoll il-ħafna attivitajiet ta’ komunikazzjoni ta’ bosta Kummissarji oħra, b’mod partikolari tal-Kummissarju Arias Cañete, huma strumentali sabiex huwa jisma' u jiddiskutu l-Unjoni tal-Enerġija u l-opportunitajiet tagħha għall-UE u għall-Istati Membri tagħha.

Dan il-proċess, appoġġat minn djalogu tekniku mal-Istati Membri, wassal għal stampa ferm aktar ċara tal-opportunitajiet, tal-punti b'saħħithom, tat-theddidiet u tad-dgħufijiet tal-Unjoni tal-Enerġija f'livell ta' Stati Membri, kif jista' jidher fl-Iskeda Informattiva mehmuża li ġiet ivvalidata wara diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri 35 . Dan irriżulta wkoll fil-metodoloġija proposta dwar l-indikaturi ewlenin mehmużin ma’ dan l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 36 . Dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal juri s-sitwazzjoni komparattiva mal-UE kollha għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija bl-użu ta' dawn l-ewwel indikaturi ewlenin. L-indikaturi ewlenin se jintużaw fil-futur sabiex jitkejjel u jinżamm taħt monitoraġġ it-twettiq tal-Unjoni tal-Enerġija.

It-tranżizzjoni tal-enerġija teħtieġ ippjanar strateġiku. Bħalissa madwar terz tal-Istati Membri biss għandhom fis-seħħ stratreġiji komprensivi dwar l-enerġija u l-klima għal wara l-2020, inklużi miri indikattivi nazzjonali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika. Din hija kwistjoni ta’ tħassib serju fid-dawl tal-ħtieġa li jinħoloq qafas prevedibbli għall-investimenti f’oqsma li ħafna drabi jeħtieġu ppjanar fit-tul.

It-triq 'il quddiem

Pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u l-klima, li jindirizzaw il-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija, huma għodod meħtieġa sabiex ikun hemm aktar ippjanar strateġiku. Dawn se jkunu strumentali sabiex jintleħqu l-miri tal-2030. Id-dokument ta’ gwida relatat, mehmuż ma’ dan l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, jipprovdi l-bażi għall-Istati Membri sabiex jibdew jiżviluppaw il-pjanijiet tagħhom għall-perjodu kopert mill-qafas tal-2030.

Sabiex l-iżviluppaturi ta’ proġetti u l-investituri jingħataw iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà f’ambjent li qed jinbidel malajr, il-ħidma preparatorja għandha tibda mingħajr dewmien. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jippreżentaw abbozz ta’ Pjanijiet Nazzjonali fl-2017 bħala l-bażi ta' aktar diskussjonijiet, bil-ħsieb li dawn il-Pjanijiet Nazzjonali jiġu ffinalizzati fl-2018, sabiex ikunu operazzjonali sew qabel l-2021.

Il-pjanijiet nazzjonali wkoll jeħtieġ li jirriflettu l-eżitu tal-konsultazzjonijiet reġjonali f’oqsma li jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa ma’ Stati Membri ġirien. Fl-2016, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta gwida dwar kif tista’ ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali f’sens usa’, u kif il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita approċċi reġjonali.

Sabiex jiġi segwit il-progress, hemm bżonn li titwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ trasparenti msejsa fuq l-indikaturi ewlenin kif ukoll fuq ir-rapporti ta' darbtejn f'sena tal-Istati Membri marbutin mal-progress li sar fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni, fl-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija annwali tagħha, biħsiebha tivvaluta l-progress kollettiv li sar fil-livell tal-UE u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi azzjonijiet ta’ politika u miżuri sabiex jiġi żgurat li jitwettqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

Abbażi, fost l-oħrajn, ta' kontroll tal-idoneità fuq l-obbligi tar-rappurtar attwali 37 kif ukoll ta' diskussjonijiet li għadhom għaddejjin mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tipprevedi fl-2016 proposta dwar is-simplifikazzjoni tal-ippjanar u tar-rekwiżiti tar-rappurtar relatati mal-azzjonijiet klimatiċi u enerġetiċi għall-Istati Membri u dwar li l-Kummissjoni tnaqqas malajr kemm jista' jkun il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, f’konformità mal-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar u li tallinja r-rekwiżiti tal-ippjanar u tar-rappurtar mal-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija.

8.    Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

Huwa essenzjali li jinżammu l-ambizzjoni, il-bilanċ u l-momentum li nħolqu bit-tnedija tal-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija fi Frar 2015. L-2016 se tkun sena importanti, sena ta’ twettiq li fiha l-viżjoni strateġika stabbilita fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija se tissarraf f’inizjattivi leġiżlattivi fil-livell tal-UE, f'aktar koerenza meta nittrattaw mas-sħab esterni, u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Unjoni tal-Enerġija.

(1)

     COM(2015)80.

(2)

     Miegħu hemm serje ta' rapporti u dokumenti ta’ ħidma tal-persunal bħala l-ewwel pass biex jiġu ssimplifikati l-obbligi ta’ rappurtar tal-Kummissjoni.

(3)

     Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, COM(2015)610. Il-proposti kollha se jiġu ppreparati skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u ta' regolamentazzjoni aħjar Wħud minn dawn il-proposti se jkunu inizjattivi REFIT.

(4)

     L-oħrajn huma l-Brażil u l-Kanada.

(5)

     Mas-27 % jiġi prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u 27 % ieħor jiġi prodott mill-enerġija nukleari.

(6)

     COM(2014)15 u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha.

(7)

     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tat-18/09/2015.

(8)

     Il-Proċedura għal Ittestjar ta' Vetturi tax-Xogħol Ħafif armonizzata mad-dinja kollha (WLTP) ġiet adottata taħt il-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) fl-2014 sabiex tissostitwixxi iċ-ċiklu tat-test il-qadim jiġifieri ċ-"Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid" (NEDC).

(9)

     Dan se jiżgura konformità effettiva fil-ħajja reali tal-livell ta' emissjonijiet tal-vetturi mal-valuri ta' limitu regolatorji, u jkun suġġett għat-tolleranzi minħabba l-inċertezzi fil-proċedura tat-test u fl-istrumenti tal-kejl, li se jitnaqqsu progressivament matul iż-żmien.

(10)

     Ara r-Rapport ta’ Progress tal-Azzjoni Klimatika, COM(2015)576 u SWD(2015)246.

(11)

     Peress li miri intermedji huma definiti bħala l-medja ta’ sentejn, id-dejta l-ġdida tal-Eurostat tal-2014 tista' tbiddel din il-valutazzjoni.

(12)

     COM(2015)341.

(13)

     COM(2015)574, u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SWD(2015)245 li jakkumpanjaha.

(14)

     COM(2014)520.

(15)

     Ir-Rapport tal-Gruppi ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza Enerġetika (Energy Efficiency Financial Institutions Groups, EEFIG) ( www.eefig.eu ).

(16)

      http://ec.europa.eu/energy/en/topics/infrastructure/central-and-south-eastern-europe-gas-connectivity .

(17)

     COM(2015)340.

(18)

     COM(2015)339; akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-aħjar prattiki għall-konsum proprju tal-enerġija rinnovabbli SWD(2015)114.

(19)

     SWD(2015)249.

(20)

     Mal-31 % tal-elettriku u 25 % tal-gass, skont ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-ACER dwar l-implimentazzjoni ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni.

(21)

     C(2015)8052

(22)

     SWD(2015)247.

(23)

     ĠU C 200/1 tat-28 ta’ Ġunju 2014.

(24)

     C(2015)2814.

(25)

     COM(2015)496.

(26)

     C36/14, il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Republika tal-Polonja.

(27)

     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill marbutin mad-diplomazija dwar l-enerġija u l-klima (10995/15 u 11029/15).

(28)

     COM(2014)330.

(29)

     JOIN(2015)50, flimkien ma’ SWD(2015)500.

(30)

     Ara pereżempju d-dikjarazzjoni tal-Ġermanja u l-ġirien tagħha dwar is-sigurtà tal-elettriku, http://www.benelux.int/files/4414/3375/5898/Jointdeclaration.pdf .

(31)

     C(2015)6317.

(32)

      http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/s3p-energy .

(33)

     L-Aġenda għall-ħiliet ġodda madwar l-UE, li l-Kummissjoni qed tħejji, għandha tistabbilixxi miżuri dwar kif jiġu antiċipati aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet u kif jistgħu jittejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki.

(34)

     Rapport dwar ir-Riformi tat-Taxxa fl-Istati Membri tal-UE, 2015 (Novembru) — il-Karta dwar it-Tassazzjoni Nru 58; http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/gen_info/economic_analysis/tax_papers/taxation_paper_58.pdf .

(35)

     L-iskedi informattivi tal-Istati Membri huma inklużi f’SWD(2015)208-209, 217-242.

(36)

     SWD(2015)243.

(37)

     Il-punt 10 tal-inizjattivi REFIT, l-Anness II tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni (COM(2015)610).

Top

Brussell, 18.11.2015

COM(2015) 572 final

ANNESS

PJAN DIREZZJONALI AĠĠORNAT GĦALL-UNJONI TAL-ENERĠIJA

għal

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija

{SWD(2015) 208}
{SWD(2015) 209}
{SWD(2015) 217 à 243}


Pjan Direzzjonali aġġornat għall-Unjoni tal-Enerġija –
Novembru 2015

Tifsira: SoS: Sigurtà tal-Provvista / IEM: Suq Intern tal-Enerġija / EE: Effiċjenza Enerġetika / GHG: Gassijiet serra / R&I: Riċerka u Innovazzjoni

Dan il-pjan direzzjonali huwa l-istess wieħed bħal dak ippreżentat fl-anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija ta’ Qafas għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem", adottata fil-25 ta’ Frar 2015 (COM(2015)80). L-unika informazzjoni ġdida f’din it-tabella hija l-aħħar kolonna, li tagħti aġġornament dwar dawk l-inizjattivi li diġà ġew adottati jew meta l-iskeda taż-żmien inbidlet. Ma tipprovdi l-ebda informazzjoni ġdida dwar l-inizjattivi li oriġinarjament kienu previsti għall-2016 jew għal aktar tard.

Azzjonijiet

Il-parti responsabbli

L-Iskeda ta’ Żmien (murija fl-Anness ta' COM(2015)80)

SoS

IEM

EE

GHG

R&I

Kummenti / Aġġornament

Infrastruttura

L-implimentazzjoni effettiva tal-mira ta’ 10 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku

Kummissjoni

Stati Membri

L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali

L-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni

2015-20

X

X

X

Adottata fil-25 ta’ Frar 2015 (COM(2015)82)

It-tieni lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni (PCI) - li twassal għal Att Delegat tal-Kummissjoni

Kummissjoni

Stati Membri

2015

X

X

X

Att delegat adottat fit-18 ta’ Novembru 2015 (C(2015)8052)

Komunikazzjoni dwar il-progress fit-tlestija tal-lista tal-aktar infrastrutturi vitali tal-enerġija u dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030

Kummissjoni

2016

X

X

Il-Ħolqien ta’ Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija

Kummissjoni

Stati Membri

2015

X

X

L-ewwel laqgħa tal-Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija saret fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2015 f’Copenhagen

Elettriku

Inizjattiva dwar it-tfassil tas-suq u s-swieq reġjonali tal-elettriku u l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, l-ixprunar tal-kummerċ transfruntier u l-iffaċilitar tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli

Kummissjoni

2015-2016

X

X

X

X

Komunikazzjoni Konsultattiva adottata fil-15 ta’ Lulju 2015 (COM(2015)340), bi proposti leġiżlattivi mistennija fl-2016

Rieżami tad-Direttiva dwar miżuri sabiex ikun hemm is-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

Kummissjoni

2016

X

X

X

Fil-livell ta' konsumatur

Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija: L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, l-użu tar-Rispons tad-Domanda; l-użu tat-teknoloġija intelliġenti; il-ħolqien ta' rabta bejn is-swieq tal-operaturi u dawk tal-konsumaturi; it-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet irregolati; miżuri ta' sostenn sabiex jitħarsu l-konsumaturi vulnerabbli

Kummissjoni

Stati Membri

2015-2016

X

X

X

X

Komunikazzjoni adottata fil-15 ta’ Lulju 2015 (COM(2015)339), bi proposti leġiżlattivi mistennija fl-2016

Gass

Reviżjoni tar-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass

Kummissjoni

2015-2016

X

X

Prevista għall-2016

Strateġija dwar il-Gass Naturali Likwifat u l-Ħżin tiegħu

Kummissjoni

2015-2016

X

Prevista għall-2016

Qafas regolatorju

Rieżami tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-qafas regolatorju tal-enerġija

Kummissjoni

2015-16

X

X

X

Kopert bil-Komunikazzjoni Konsultattiva adottata fil-15 ta’ Lulju 2015 (COM(2015)340), bi proposti leġiżlattivi mistennija fl-2016

L-enerġiji rinnovabbli

Pakkett dwar l-Enerġija Rinnovabbli: li jinkludi Direttiva ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-2030; l-aħjar prattiki għall-awtokonsum tal-enerġija rinnovabbli u għall-iskemi ta’ appoġġ; politika tas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija.

Kummissjoni

2015-2017

X

X

X

Linji gwida dwar l-aħjar prattiki għall-awtokonsum tal-enerġija rinnovabbli adottati fil-15 ta’ Lulju 2015 (SWD(2015)141)

Pakkett dwar l-Enerġija Rinnovabbli previst għall-2016

Komunikazzjoni dwar l-Irkupru Enerġetiku

Kummissjoni

2016

X

X

L-Azzjoni dwar il-Klima

Proposta leġiżlattiva biex tiġi riveduta l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, 2021-2030

Kummissjoni

2015

X

X

X

Il-proposta adottata fil-15 ta’ Lulju 2015 (COM(2015)337)

Proposti leġiżlattivi rigward id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u l-inklużjoni tal-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) fil-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030

Kummissjoni

2016

X

L-Azzjonijiet tat-trasport

Prezzijiet ġusti u effiċjenti għal trasport sostenibbli – reviżjoni tad-Direttiva "Eurovignette" u tal-qafas li jippromwovi l-ġbir elettroniku tan-nollijiet fuq livell Ewropew

Kummissjoni

2016

X

X

Rieżami tar-regoli dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika

Kummissjoni

2016

X

X

Pjan Ewlieni għall-użu ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi

Kummissjoni

Stati Membri

Industrija

2016

X

X

X

Rieżami ta’ Regolamenti li jistabbilixxu standards ta' emissjonijiet sabiex jiġu stabbiliti l-miri għal wara l-2020 għall-karozzi u l-vannijiet

Kummissjoni

2016 u 2017

X

X

X

Tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għal vetturi heavy-duty (trakkijiet u karozzi tal-linja) bil-ħsieb li t-tagħrif għax-xerrej jittejjeb

Kummissjoni

2016-2017

X

X

X

Rieżami tad-Direttiva dwar il-Promozzjoni ta’ Vetturi Nodfa u Enerġetikament Effiċjenti

Kummissjoni

2017

X

X

Komunikazzjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, li tinkludi pjan ta’ azzjoni dwar il-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni u fjuwils alternattivi u sostenibbli oħra

Kummissjoni

2017

X

X

X

Prevista għall-2016.

Effiċjenza Enerġetika

Rieżami tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika

Kummissjoni

2016

X

X

X

X

Rieżami tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija inkluża l-Inizjattiva għall-Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti

Kummissjoni

2016

X

X

X

X

Rieżami tal-qafas tal-effiċjenza enerġetika għall-prodotti (id-Direttiva dwar l-Ittikkettar Enerġetiku u d-Direttivi dwar l-Ekodisinn)

Kummissjoni

2015

X

X

X

X

Il-proposta rigward ir-Regolament dwar l-Ittikkettar Enerġetiku adottata fil-15 ta’ Lulju 2015 (COM(2015)341)

Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn marbut mal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari ta' Diċembru 2015

It-tisħiħ tal-użu mmirat tal-istrumenti finanzjarji sabiex ikunu appoġġjati l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika

Kummissjoni

2015-

X

X

It-Tisħin u t-Tkessiħ

Strateġija tal-UE għat-Tisħin u t-Tkessiħ – il-kontribut tat-tisħin u t-tkessiħ għat-twettiq tal-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima

Kummissjoni

2015

X

X

X

X

X

Prevista għall-2016

Il-Politika Esterna dwar il-Klima u l-Enerġija

Id-diplomazija fil-linji ta' politika tal-UE għall-Enerġija u l-Klima

Kummissjoni

HR/VP

Stati Membri

2015

X

X

X

X

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-diplomazija klimatika adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Lulju 2015 (11029/15)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-diplomazija enerġetika adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Lulju 2015 (10995/15)

Rieżami tad-Deċiżjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-riward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija

Kummissjoni

HR/VP

2016

X

X

Djalogi dwar l-enerġija ġodda u msaħħin ma’ pajjiżi li huma importanti għall-politika tal-enerġija tal-UE

Kummissjoni

HR/VP

2015 -

X

X

X

X

X

Memorandum ta’ Ftehim dwar sħubija strateġika aġġornata mal-Ukrajna

Kummissjoni

HR/VP

Parlament Ewropew

Kunsill

2015

X

X

Previst għall-2016

Memorandum ta’ Ftehim Trilaterali dwar il-pipelines Trans-Kaspji mal-Ażerbajġan u mat-Turkmenistan

Kummissjoni

HR/VP

Parlament Ewropew

Kunsill

2015

X

X

Previst għall-2016

Inizjattiva sabiex tissaħħaħ il-Komunità tal-Enerġija

Kummissjoni

Il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija

HR/VP

2015

X

X

Id-deċiżjonijiet ewlenin li ttieħdu waqt il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija f’Ottubru 2015

Mistenni Att Konġunt dwar is-sigurtà tal-provvista

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni Euromed dwar il-gass, l-elettriku, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli

Kummissjoni

HR/VP

2015-2016

X

X

Il-pjattaforma tal-gass imnedija f’Ġunju 2015

Il-pjattaforma reġjonali tas-suq tal-elettriku mnedija f’Ottubru 2015

Il-pjattaforma tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika għandha tiġi mnedija fl-2016

L-adozzjoni u l-iffirmar ta' Karta Internazzjonali tal-Enerġija ġdida f’isem l-UE u l-EURATOM

Kummissjoni

HR/VP

2015

X

X

Il-Karta Internazzjonali tal-Enerġija ġiet ffirmata b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea fil-konferenza tal-20 u l-21 ta’ Mejju 2015 f'The Hague.

Il-kompetittività industrijali

Approċċ Ewropew ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-enerġija sabiex titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, u li jikkonsisti fi

- pjan integrat dwar it-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET)

- aġenda strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni tat-trasport

Kummissjoni

2015-2017

X

Komunikazzjoni dwar il-Pjan SET adottata fil-15 ta’ Settembru 2015 (C(2015)6317)

Il-Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti tal-enerġija tnediet fl-2015

Strateġija integrata tal-Unjoni tal-Enerġija fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività, prevista għall-2016

Analiżi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-enerġija (inklużi t-taxxi u s-sussidji)

Kummissjoni

2016, u mbagħad kull sentejn

X

Inizjattiva dwar it-tmexxija globali tal-UE fit-teknoloġija u l-innovazzjoni dwar l-enerġija u l-klima sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi

Kummissjoni

2015-2016

X

X

X

Marbuta ma’ Strateġija integrata u komprensiva tal-Unjoni tal-Enerġija fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività

Politika kummerċjali msaħħa sabiex tkun iffaċilitata l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji tal-UE

Kummissjoni

2015-2019

X

X

X

Miżuri trażversali

Rieżami tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u għall-enerġija

Kummissjoni    

2017-2019

X

X

X

X

X

Rapport dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà għall-Enerġija; flimkien ma' pjattaforma u pjan direzzjonali għall-Euromed u strateġiji għal-LNG, il-ħżin tal-enerġija u l-kuritur tal-gass tan-Nofsinhar

Kummissjoni

2015-2016

X

X

X

X

X

Ir-rapport (SWD), adottat fit-18 ta’ Novembru 2015 (SWD(2015)404)

L-istrateġija dwar l-LNG u l-ħżin tal-gass prevista għall-2016

Dejta, analiżi u informazzjoni għall-Unjoni tal-Enerġija: inizjattiva sabiex l-għarfien rilevanti jinġabar flimkien u jkun aċċessibli faċilment fil-Kummissjoni u l-Istati Membri

Kummissjoni

2016

X

X

X

X

X

L-Enerġija Nukleari

Ir-Regolament tal-Kunsill li jaġġorna r-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-Artikolu 41 tat-Trattat tal-Euratom fid-dawl tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija

Kummissjoni

2015

X

X

Previst għall-2016

Komunikazzjoni dwar programm nukleari illustrattiv (PINC) skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom

Kummissjoni

2015

X

X

Prevista għall-2016

Top

Brussell, 18.11.2015

COM(2015) 572 final

ANNESS

GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI RIGWARD IL-PJANIJIET NAZZJONALI DWAR L-ENERĠIJA U L-KLIMA BĦALA PARTI MILL-GOVERNANAZA TAL-UNJONI TAL-ENERĠIJA

għal

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija

{SWD(2015) 208}
{SWD(2015) 209}
{SWD(2015) 217 à 243}


GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI RIGWARD IL-PJANIJIET NAZZJONALI DWAR L-ENERĠIJA U L-KLIMA BĦALA PARTI MILL-GOVERNANAZA TAL-UNJONI TAL-ENERĠIJA

1.Introduzzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija adottat fil-25 ta' Frar 2015 jispjega li l-Unjoni tal-Enerġija teħtieġ governanza integrata u proċess ta’ monitoraġġ, sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet marbutin mal-enerġija fil-livell Ewropew, reġjonali, nazzjonali u dak lokali kollha jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

F’Ottubru 2014 – meta ntlaħaq ftehim dwar il-Qafas għall-Klima u għall-Enerġija tal-2030 – Il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal sistema ta’ governanza affidabbli u trasparenti mingħajr l-ebda piż amministrattiv li mhuwiex meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li l-UE tilħaq il-miri tal-politika tal-enerġija tagħha u fid-19 ta’ Marzu 2015, kkonkluda li sistema ta’ governanza affidabbli u trasparenti trid tiġi żviluppata. Pjanijiet nazzjonali ssimplifikati u integrati dwar l-enerġija u l-klima se jkunu fil-qalba ta’ din is-sistema ta’ governanza. Din is-sistema ta’ governanza ser tibni fuq elementi importanti eżistenti, bħalma huma l-programmi nazzjonali dwar il-klima, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika.

Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet komuni sabiex b’mod konġunt tiġi żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija, jitnaqqas il-piż amministrattiv u titjieb it-trasparenza għall-Istati Membri, u tiġi żgurata ċ-ċertezza lill-investituri sas-sena 2030 u aktar tard.

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess ta’ żvilupp tal-pjan nazzjonali integrat tagħhom marbut mal-enerġija u l-klima, kif ukoll dwar l-elementi ewlenin.

Dan id-dokument iniedi u jispjega l-passi ewlenin fil-proċess gradwali minn issa sal-finalizzazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fl-2018, inklużi r-rwoli u l-kompiti ewlenin taż-żewġ Stati Membri u l-Kummissjoni. Fl-2016, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' ppjanar u ta’ rappurtar u se tippreżenta mudell għall-istruttura tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima sabiex jikkumplimentaw u jkomplu jispeċifikaw din il-Gwida.

1.Prinċipji ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali

Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jadottaw approċċ ħolistiku u jindirizzaw il-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija b’mod integrat li jirrikonoxxi l-interazzjonijiet ta' bejn id-dimensjonijiet differenti. Elementi speċifiċi ta’ pjanijiet eżistenti jistgħu jinżammu skont il-qasam u l-perjodiċità tal-proċeduri tal-ippjanar. Il-pjanijiet nazzjonali għandhom ikopru l-perjodu mill-2021 sal-2030 u jibnu fuq dak li kull Stat Membru għandu jwettaq b’rabta mal-politiki tagħhom għall-2020 u jinkludu wkoll perspettiva sal-2050.

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiżviluppaw politiki adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, il-pjanijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu d-direzzjoni tal-objettivi u tal-politiki nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima b’mod li jkun konformi mat-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija miftiehma komunement, b’mod partikolari l-miri tal-2030 (it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku) miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014. Filwaqt li għal tnaqqis fl-emissjonijiet f'settur li ma jaqax taħt l-ETS, se jitkompla l-approċċ meħud fid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi sal-2030, il-miri fil-livell tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika se jintlaħqu permezz tal-isforzi kollettivi tal-Istati Membri kif ukoll permezz ta’ politiki u miżuri fil-livell tal-UE.

Huwa ferm importanti li l-pjanijet nazzjonali jipprovdu prevedibbiltà u ċertezza ta’ terminu twil għall-investiment u li jiżguraw kooperazzjoni u koerenza akbar fost l-approċċi tal-Istati Membri rigward il-politiki dwar il-klima u l-enerġija.

2.Kontenut tal-pjanijiet nazzjonali

Il-pjanijiet nazzjonali għandhom ikopru l-perjodu mill-2021 sal-2030, inkluża perspettiva sal-2050 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi politiċi ta' terminu twil fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

a) Il-Qagħda Attwali

Ħarsa ġenerali lejn is-sistema nazzjonali tal-enerġija u l-kuntest tal-politika tal-pjan nazzjonali fil-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija (inkluż il-kuntest makroekonomiku, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, it-taħlita tal-enerġija u s-sitwazzjoni f’kull sottosettur tas-sistema tal-enerġija).

Valutazzjoni tas-sitwazzjoni f’termini ta’ politiki u miżuri attwali dwar l-enerġija u l-klima, inklużi skemi ta' sostenn u sistemi fiskali għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, li jkomplu jibnu fuq l-esperjenzi sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 għall-enerġija u l-klima.

Ħarsa ġenerali lejn il-kwistjonijiet ewlenin ta’ rilevanza transfruntiera inklużi l-opportunitajiet u l-isfidi għal aktar kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali.

L-istruttura amministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, inklużi r-responsabbiltajiet tal-korpi amministrattivi ewlenin u l-interazzjonijiet tagħhom.

Il-pjanijiet nazzjonali jistgħu jinbnew fuq l-istrateġiji nazzjonali eżistenti tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima għas-snin 2020, 2030 u aktar 'il quddiem, f'konformità ma' din il-Gwida.

b) L-objettivi, il-politiki u l-miżuri għall-ħames dimensjonijiet

Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jiddefinixxu l-objettivi għal kull dimensjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Fir-rigward tal-miri tal-2030 għall-Enerġija, il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali meħtieġa sabiex jintlaħqu b’mod kollettiv il-miri fil-livell tal-UE. Għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu l-politiki u l-miżuri ppjanati sabiex jintlaħqu l-limiti nazzjonali vinkolanti annwali stabbiliti skont id-Deċiżjoni riveduta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

L-interazzjoni bejn id-dimensjonijiet differenti għandha tiġi stabbilita (pereż. il-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-bżonnijiet tal-infrastruttura li jirriżultaw minn użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, eċċ.).

Għal kull objettiv, il-pjan għandu jinkludi deskrizzjoni tal-politiki u tal-miżuri ppjanati sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Dan għandu jinkludi wkoll valutazzjoni dwar kif dawn il-politiki jinteraġixxu ma’ xulxin sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika u biex jiġi evitat l-irduppjar ta' regolametazzjoni.

Is-sigurtà, is-solidarjetà u l-fiduċja tal-enerġija

Objettivi ta' terminu medju u twil u standards relatati mas-sigurtà tal-provvista, inklużi fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tal-pajjiżi fornituri, l-infrastruttura, il-ħżin, ir-rispons għad-domanda, ir-rieda li tiġi indirizzata provvista ristretta jew interrotta ta' sors tal-enerġija, u l-użu ta’ sorsi domestiċi alternattivi. L-objettivi għandhom jinkludu l-kooperazzjoni reġjonali u l-miżuri ta’ politika sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u għandhom ikunu kkoordinati reġjonalment. F’dan il-kuntest, il-pjanijiet nazzjonali għandhom jibnu fuq il-pjanijiet speċifiċi għas-sigurtà tal-provvista (il-pjanijiet ta' valutazzjoni, il-pjanijiet ta’ azzjoni preventiva u l-pjanijiet ta’ emerġenza) li huma mfassla skont ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass.

Strateġiji ta’ politika dwar is-sigurtà tal-enerġija f’sens usa’, inklużi għażliet ta’ politika rilevanti oħra bħal dawk dwar l-iffrankar tal-enerġija jew it-taħlita enerġetika.

L-approċċ ta’ politika ġenerali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija esterna, inkluż permezz ta’ infrastruttura u l-approċċ previst għal ftehimiet governattivi internazzjonali ma’ pajjiżi terzi għandu jkun kopert ukoll kif applikabbli.

Suq intern tal-enerġija kompletament integrat

L-iżvilupp tal-interkonnettività tal-elettriku mill-2021 sal-2030 (il-proporzjon bejn il-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata), bil-mira miftiehma ta' 15 % meqjusa għall-2030, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-fatturi speċifiċi tal-Istati Membri bħal spejjeż u flussi kummerċjali potenzjali. Dan għandu jinkludi wkoll indikazzjoni tal-proġetti ewlenin maħsubin sabiex tinkiseb l-interkonnettività fil-perspettiva tal-2030.

Għall-infrastruttura tal-enerġija, kif se jiġu implimentati l-proġetti tal-infrastruttura nazzjonali ppjanati kif ukoll il-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) li għandhom x'jaqsmu mal-Istat Membru, inkluża l-iskeda ta’ żmien. F’dan il-kuntest, il-pjanijiet nazzjonali għandhom jibnu fuq regolament dwar il-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea.

L-objettivi fir-rigward tal-kompetizzjoni tas-suq, tal-integrazzjoni u l-akkoppjament tas-swieq, l-użu tal-flessibilità fis-settur tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta’ swieq ta’ terminu qasir, il-kompetittività fir-rispons għad-domanda tas-swieq tal-enerġija, u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji intelliġenti u ta' grilji intelliġenti.

Valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-investimenti infrastrutturali ppjanati u tal-iżviluppi fil-produzzjoni tal-enerġija fuq il-prezzijiet tal-enerġija tal-operaturi u għall-konsumaturi u fuq l-integrazzjoni tas-suq ma’ Stati Membri oħra.

L-effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda

Politiki u miżuri nazzjonali ppjanati sabiex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-UE ta’ mill-inqas 27 % (li għandha tiġi rieżaminata sal-2020, bil-għan li tiġi 30 %) filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-iffrankar tal-enerġija mistenni minn dawn il-politiki u l-miżuri kif ukoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

Direzzjoni għall-iffrankar tal-enerġija li għandu jiġi kkwantifikat bħala l-livell ta' konsum tal-enerġija primarju kif ukoll finali li jirriżulta sal-2030 għandha tingħata bħala l-kontribut tal-Istat Membru sabiex jilħaq il-mira tal-UE.

Politiki u miżuri nazzjonali ppjanati biex iżidu l-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-bini. Dan jinkludi strateġiji nazzjonali għar-rinnovament tal-bini u programmi ta’ investiment nazzjonali fl-effiċjenza enerġetika.

Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

Politiki u miżuri ppjanati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li jkopru l-oqsma emittenti kollha ewlenin, inklużi t-trasport u l-agrikoltura, sabiex jintlaħqu l-limiti nazzjonali vinkolanti annwali sal-2030 għas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, stabbiliti skont id-Deċiżjoni riveduta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, bil-perspettiva li bħala viżjoni u għan fuq terminu twil isiru ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (2050).

Politiki u miżuri nazzjonali ppjanati sabiex tintlaħaq il-mira vinkolanti miftiehma fil-livell tal-UE għall-enerġija rinnovabbli ta’ mill-anqas 27 %, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-perspettiva sal-2050.

Id-direzzjoni sabiex mill-konsum finali tal-enerġija gross ikun hemm parti ta' enerġija rinnovabbli sal-2030, flimkien mad-direzzjoni għat-teknoloġiji rilevanti kif ukoll għad-domanda għall-elettriku (il-kapaċità installata u l-enerġija prodotta), għandhom jingħataw bħala kontribut tal-Istat Membru li jkun immexxi mill-ħtieġa li l-mira tal-UE tintlaħaq b'mod kollettiv.

Miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-istatus u l-pjanijiet għall-akkoppjament u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku, miżuri reġjonali għall-ibbilanċjar u għar-riżervi, u għal kif tiġi vvalutata l-adegwatezza tas-sistema fil-kuntest tal-enerġija rinnovabbli. Politiki u miżuri nazzjonali ppjanati sabiex jappoġġjaw teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju.

Politiki u miżuri nazzjonali ppjanati sabiex jappoġġjaw id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

Jekk l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji speċifiċi, il-pjan għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-implikazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-utilitajiet tal-enerġija u fuq l-integrazzjoni tas-suq ma’ Stati Membri oħra.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Objettivi, politiki u miżuri stabbiliti fil-livell nazzjonali sabiex jiġi żgurat kontribut adegwat għall-approċċ ġdid Ewropew għar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-enerġija sabiex titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Pjan Strateġiku Integrat għat-Teknoloġiji tal-Enerġija (SET).

Strateġiji ta’ politika nazzjonali u programmi ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, tal-effiċjenza enerġetika u teknoloġiji oħrajn b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju inkluż fis-settur tat-trasport, kif ukoll l-introduzzjoni tagħhom fis-suq, inklużi strateġiji li jappoġġaw istituzzjonijiet ta’ riċerka u teknoloġija.

Strateġiji ta’ politika li jirrigwardaw il-kompetittività tas-settur tat-teknoloġija b’livell baxx tal-karbonju u l-kompetittività f’sens usa’, inklużi s-sussidji, l-impatt fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-ħiliet, is-subsetturi, il-finanzi u r-riżorsi.

Skont kif ikunu applikabbli, l-objettivi relatati mal-kompetittività tas-sistema tal-enerġija u l-kontribut tagħha għall-kompetittività tal-ekonomika bħala tali, kif ukoll għall-kummerċ internazzjonali ta’ teknoloġiji u tagħmir tal-enerġija tal-UE u għall-aċċess ta' swieq ta’ pajjiżi terzi.

c) Projezzjonijiet integrati u indikaturi

Il-pjanijiet nazzjonali għandu jkollhom taqsima separata dwar il-projezzjonijiet bħala l-bażi analitika ta' pjan, inklużi xenarji ta’ referenza u ta' politika li jevalwaw l-impatti relevanti tal-politiki u tal-miżuri proposti. Rapport ta’ progress kull sentejn dwar l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali għandhom jagħmlu użu minn indikaturi ewlenin żviluppati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kif ukoll projezzjonijiet, politiki u miżuri aġġornati.

Minħabba n-natura trażversali tal-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, hemm bżonn li jiġu vvalutati u vvalidati l-objettivi u l-istrumenti ta' politika bbażati fuq għodod metodoloġiċi integrati. Għal din ir-raġuni, il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu projezzjonijiet, għall-perjodu sal-2030 u aktar tard, għas-sistema tal-enerġija u għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra 1 , inkluża perspettiva għall-2050. Il-projezzjonijiet għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni ta’ pereżempju l-kuntest makroekonomiku (bħall-Prodott Domestiku Gross u t-tkabbir tal-popolazzjoni mistennija), il-bidliet strutturali fl-ekonomija li x’aktarx iħallu impatt fuq is-sistema tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, it-tendenzi globali tal-enerġija (bħalma huma l-iżviluppi fil-prezz tal-fjuwil fossili internazzjonali) kif ukoll il-prezzijiet tal-karbonju, l-interkonnessjonijiet tal-grilja transfruntieri, u l-ispejjeż tat-teknoloġija. Il-Kummissjoni se tipprovdi rakkomandazzjonijiet tekniċi dwar dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li l-Istati Membri se jiċċaraw meta se jiddevjaw minnhom, pereżempju minħabba r-rekwiżiti ta’ mudell.

Il-pjan nazzjonali għandu jistabbilixxi mill-inqas żewġ xenarji: (i) xenarju ta' referenza abbażi tat-tendenzi attwali u ta' politiki u miżuri eżistenti f'livell nazzjonali u tal-UE; u (ii) mill-inqas xenarju wieħed ta’ politika li jirrifletti l-implimentazzjoni tal-objettivi previsti nazzjonali permezzz ta' politiki u miżuri addizzjonali għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija inklużi b’mod partikolari l-miri tal-2030, kif deskritti fil-pjan nazzjonali. Is-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn il-politiki u l-miżuri jiġu mbagħad enfasizzati.

Il-Kummissjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri billi tipprovdi dejta u analiżi. Kontribut importanti jkun ix-Xenarju ta’ Referenza ġdid dwar l-enerġija tal-UE, it-trasport u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, imħejji b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel nofs tal-2016. Xenarji ta' politika u ta’ sensittività jistgħu jingħataw ukoll lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-ippjanar strateġiku tagħhom, jidentifikaw l-isfidi komuni u jivvalutaw l-implikazzjonijiet tal-għażliet politiċi tal-Istati Membri individwali sabiex jintlaħqu l-objettivi komuni tal-Unjoni tal-Enerġija. Ix-Xenarju ta’ Referenza tal-UE se jirrappreżenta wkoll bażi sabiex jiġi vvalutat il-kontribut kollettiv tal-Istati Membri għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-projezzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu ppreżentati fil-ħin sabiex jippermettu aggregazzjoni fil-livell tal-UE u eventwalment valutazzjoni tal-istat ġenerali tas-sistema tal-enerġija u l-progress li jkun sar. Għaldaqstant l-assunzjonijiet magħmula kif ukoll ix-xejriet tar-riżultati prinċipali tal-ħolqien tal-mudelli li jiddeskrivu s-sistema tal-enerġija għandhom jiġu ppreżentati b’mod ċar u trasparenti.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn indikaturi ewlenin fir-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni, filwaqt li tibni fuq l-indikaturi proposti fil-Qafas tal-2030 għall-klima u l-enerġija u dawk li diġà jinsabu inklużi fl-iskedi informattivi tal-pajjiż, qed tippreżenta f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 2 kunċett u l-ewwel analiżi dwar l-indikaturi ewlenin għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Hija tipproponi indikaturi għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, pereżempju dwar il-prezzijiet tal-enerġija, il-kompetittività, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jew il-funzjonament tas-suq tal-enerġija.

3.Il-kooperazzjoni reġjonali sabiex jiġu stabbiliti l-pjanijiet nazzjonali

Unjoni tal-Enerġija li tiffunzjona teħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw u jikkooperaw bejniethom fl-iżvilupp tal-politiki tal-enerġija tagħhom. Il-pjanijiet nazzjonali għandhom għalhekk mill-bidu nett jibnu fuq il-konsultazzjonijiet reġjonali.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw oqsma adattati għal ippjanar konġunt jew ikkoordinat fir-reġjun tagħhom, u għandhom jikkonsultaw lir-reġjun tagħhom fi stadju bikri tal-proċess ta’ tħejjija. Id-diversi pjanijiet nazzjonali f’reġjun għandhom jikkumplimentaw u fejn possibbli jirrinforzaw wieħed lill-ieħor, bl-użu ta' punti ta' saħħa nazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tar-reġjun bl-aktar mod sigur u kosteffettiv. Attenzjoni partikolari għandha tingħata sabiex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat marbut mal-iżvilupp ta’ riżorsi u mal-infrastrutturi ġodda tal-enerġija.

Approċċi komuni u objettivi konġunti jistgħu jżidu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza tal-investiment fuq terminu twil. Il-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali għandha għalhekk timpedixxi inċentivi avversi u ttaffi l-effetti negattivi possibbli tal-politiki nazzjonali fuq Stati Membri oħra. Il-pjanijiet għandhom għalhekk jinkludu valutazzjoni ta’ kif l-objettivi previsti u l-politiki fil-pjanijiet se jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra fir-reġjun u kif il-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma ta’ politika u fis-subsetturi għandhom jiġu msaħħa.

Forums eżistenti għall-qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali, inklużi l-istrateġiji makroreġjonali, jistgħu jintużaw għal dan l-iskop. Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-proċess u se tappoġġa l-iżvilupp ta’ forums adegwati ġodda. Huwa importanti li r-reġjuni jkunu bbilanċjati, sabiex dan jippermetti kooperazzjoni bejn diversi dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

Fl-2016 il-Kummissjoni se tipprovdi gwida aktar iddettaljata lill-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni reġjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

4.Rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-aġġornamenti

Mill-2020 l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti ta' progress kull sentejn dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali. Dawn ir-rapporti ta’ implimentazzjoni se jkunu strument importanti li jgħinu lill-Istati Membri kollha biex jaraw x’inhu jiġri fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress fir-rapport annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali huwa previst li jsir darba fil-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2030 sabiex jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi li dejjem qegħdin jinbidlu u l-emendi sabiex jitwasslu l-objettivi komunement miftiehma tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari l-miri tal-2030 għall-klima u l-enerġija. Fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi ta’ politika tal-pjanijiet nazzjonali, jistgħu jiġu previsti aġġornamenti addizzjonali jekk ikun meħtieġ.

5.Il-proċess u l-iskeda ta’ żmien

Il-preparazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali se tkun proċess dinamiku. Għalkemm l-eżitu tal-proċessi leġiżlattivi li ġejjin għall-leġiżlazzjoni prinċipali tal-UE relatata se jkollu impatt fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali, il-proċess tal-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali jeħtieġ li jibda fl-2016 sabiex il-pjanijiet ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati ħafna qabel l-2020, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-leġiżlazzjoni relatata tal-UE.

L-ippjanar u l-obbligi ta’ rappurtar eżistenti għal oqsma ta’ politika b’miri eżistenti tal-2020 se jibqgħu kif inhuma sas-sena 2020. Ir-rapporti jiġu sinkronizzati mal-proċess il-ġdid tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima. Għall-perjodu ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' ppjanar u ta’ rappurtar għall-2016 sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu żgurati l-koerenza, is-simplifikazzjoni u l-konsistenza bejn id-diversi flussi tal-ippjanar u tar-rappurtar filwaqt li tinżamm il-kwalità tal-informazzjoni u tad-dejta rrappurtati. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà għandhom ikunu kapaċi jikkonsolidaw u jissimplifikaw ċertu ammont ta’ rappurtar qabel l-2020, meta dan jista’ jsir mingħajr bidliet leġiżlattivi u mingħajr ma jħalli impatt fuq l-obbligi sostantivi. Il-Kummissjoni diġà qed tagħti direzzjoni fir-rapporti perjodiċi ta' konsolidazzjoni tagħha mal-ewwel Stat tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-iskeda ta’ żmien għall-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, li turi l-attivitajiet relevanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, hija ppreżentata fit-tabella fl-aħħar ta’ din it-taqsima.

Sal-ħarifa tal-2016, l-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw l-ewwel riżultati tal-projezzjonijiet integrati tagħhom għal xenarju ta’ referenza. Għandhom jibdew diskussjonijiet reġjonali ma’ Stati Membri oħra. Fl-istess sena, il-Kummissjoni se tiffinalizza x-Xenarju ta’ Referenza tal-UE għall-2016, tipprovdi mudell għall-pjanijiet nazzjonali, u toħroġ gwida dwar il-kooperazzjoni reġjonali. Il-proposti leġislattivi rilevanti rigward id-Deċiżjoni riveduta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-tfassil tas-suq, u s-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-ippjanar u tar-rappurtar se jiġu ppreżentati matul l-2016.

Fl-2017, il-proċess tal-politika nazzjonali dwar il-pjanijiet għandu jinbeda sabiex jippermetti l-validazzjoni politika wiesa’ tal-pjanijiet f'livell nazzjonali u reġjonali, u sabiex il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jiġu finalizzati. Minn Marzu 2017 il-projezzjonijiet integrati li jkopru kemm xenarju ta' referenza kif ukoll xenarju ta' politika għandhom jingħataw lill-Kummissjoni 3 . Dawn il-projezzjonijiet se jkunu parti mill-kontribut ewlieni tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri. L-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fl-2017, u wara jiġu organizzati konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni, b’mod partikolari bil-għan li jintlaħqu kollettivament il-miri u l-objettivi tal-enerġija fil-livell tal-UE. Sussegwentement, il-Kummissjoni se toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali u se tippreżentahom fl-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija sussegwenti.

Fl-2018, għandhom jiġu sottomessi l-pjanijiet finali lill-Kummissjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri oħra, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni sussegwentement se toħroġ l-Istat tal-Unjoni talEnerġija inkluża l-ewwel valutazzjoni globali tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima.

Rigward il-miri tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika maqbula fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tevalwa l-isforzi kollettivi ppreżentati fil-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri bil-għan li tilħaq dawn il-miri. Il-politiki u l-miżuri fil-livell tal-UE sabiex jiġu kkumplimentati l-isforzi nazzjonali ħalli tintlaħaq il-mira, fost l-oħrajn, se jiġu stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinovabbli l-ġdida u fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija rieżaminata, li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fl-2016. L-applikazzjoni speċifika ta’ xi wħud minn dawn il-miżuri se tiġi stabbilita fi stadju aktar tard abbażi tal-isforzi kollettivi tal-Istati Membri ppreżentati fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom u abbażi tar-rapporti ta’ progress, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija.

Matul il-proċess, il-Kummissjoni se torganizza laqgħat regolari u se timpenja ruħha fi djalogu mal-Istati Membri sabiex tipprovdi appoġġ tekniku, se tanalizza t-tħejjija tal-pjanijiet u tiddiskuti t-triq ’il quddiem.

Fil-proċess ta’ governanza, se tiġi żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-Istituzzjonijiet Ewropej rilevanti kollha, b’mod partikolari tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew.



Tabella: L-iskeda taż- żmien għall-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima

Stati Membri

Il-Kummissjoni Ewropea

2016

Jibdew jiżviluppaw strateġija globali, l-objettivi ewlenin u jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-politiki tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima

Jiżviluppaw għodod metodoloġiċi integrati sabiex jippreparaw xenarji ta' referenza u ta' politika bħala l-bażi analitika ta’ pjanijiet nazzjonali, u jippreżentaw l-ewwel riżultati tax-xenarju ta’ referenza

Jibdew konsultazzjonijiet mal-partijiet nazzjonali kkonċernati dwar il-pjanijiet nazzjonali

Jibdew diskussjonijiet reġjonali ma’ Stati Membri oħra dwar it-tħejjija ta’ pjanijiet nazzjonali

Tiffinalizza, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, ix-Xenarju ta’ Referenza tal-UE għall-2016

Tipprovdi mudell għall-pjanijiet nazzjonali, anki dwar varjabbli u parametri ewlenin għall-projezzjonijiet nazzjonali integrati

Tipprovdi gwida dwar il-kooperazzjoni reġjonali

Tippreżenta proposti leġiżlattivi rigward id-Deċiżjoni riveduta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika (inkluż is-settur tal-bini), it-tfassil tas-suq, u s-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-ippjanar u tar-rappurtar

Torganizza laqgħat tekniċi mal-Istati Membri, pereż. dwar għodod metodoloġiċi kif ukoll indikaturi ewlenin

Toħroġ it-tieni Stat tal-Unjoni tal-Enerġija

2017

Jiffinalizzaw il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjonijiet reġjonali dwar il-pjanijiet nazzjonali

Jimpenjaw ruħhom fi proċess politiku nazzjonali dwar il-pjanijiet nazzjonali

Jipprovdu projezzjonijiet integrati lill-Kummissjoni li jkopru kemm xenarju ta' referenza kif ukoll xenarju ta' politika.

Jissottomettu lill-Kummissjoni abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali abbażi tal-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali u l-mudelli

Tagħti appoġġ tekniku lill-Istati Membri dwar it-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali

Tiffaċilita u tappoġġa konsultazzjonijiet reġjonali ma’ Stati Membri oħra dwar il-pjanijiet nazzjonali inkluż l-istabbiliment ta’ forums adegwati

Torganizza konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali u tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozzi tal-pjanijiet

Toħroġ it-tielet Stat tal-Unjoni tal-Enerġija

2018

Jiffinalizzaw il-pjanijiet nazzjonali, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni l-evalwazzjoni reċiproka tal-Istati Membri u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni

Jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali finali dwar l-enerġija u l-klima

Tagħti appoġġ lill-Istati Membri sabiex jiffinalizzaw il-pjanijiet nazzjonali

Toħroġ ir-raba' Stat tal-Unjoni tal-Enerġija inkluża l-ewwel valutazzjoni globali tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill u lill-Parlament

(1)

     Ir-rekwiżiti skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ rigward ir-rappurtar dwar il-projezzjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jiġu osservati.

(2)

     SWD(2015)243.

(3)

     Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, id-dejta stabbilita se tippermetti li jiġu użati dawn il-projezzjonijiet sabiex jintlaħqu l-obbligi ta' rappurtar għall-projezzjoni dwar il-gassijiet serra skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ.

Top