EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0444

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL IT-TMIEN RAPPORT FINANZJARJU TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-FOND AGRIKOLU EWROPEW TA' GARANZIJA IS-SENA FINANZJARJA TAL-2014

COM/2015/0444 final

Brussell, 14.9.2015

COM(2015) 444 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IT-TMIEN RAPPORT FINANZJARJU TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-FOND AGRIKOLU EWROPEW TA' GARANZIJA

IS-SENA FINANZJARJA TAL-2014

{SWD(2015) 172 final}


WERREJ

1.PROĊEDURA TAL-BAĠIT

2.POŻIZZJONI TAL-LIKWIDITÀ U ĠESTJONI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET

3.L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT TAL-FAEG GĦALL-2014

4.KUMMENTI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT TAL-FAEG GĦALL-2014

5.IMPLIMENTAZZJONI TAD-DĦUL ALLOKAT

6.TQASSIM SKONT IT-TIP TA’ NEFQA

Anness 1

Anness 2

Anness 3

Anness 4-I

Anness 4-II

Anness 5

Anness 6

Proċedura tal-baġit għall-Approprjazzjonijiet tal-FAEG tal-2014

Is-sehem tal-baġit tal-FAEG mill-baġit tal-UE għall-2008 sal-2014

Analiżi tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-FAEG – Is-sena finanzjarja tal-2014

Analiżi tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-FAEG – Is-sena finanzjarja tal-2014. Id-dħul allokat. C4

Analiżi tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-FAEG – Is-sena finanzjarja tal-2014. Id-dħul allokat. C5

Eżekuzzjoni tal-baġit tal-FAEG skont l-oġġett u skont l-Istat Membru – Is-sena finanzjarja tal-2014

Evoluzzjoni tat-tqassim tan-nefqa tal-FAEG fis-snin finanzjarji mill-2008 sal-2014

Nota: Ma’ dan ir-rapport qed jinhemeż Dokument ta’ Ħidma ddettaljat tal-Persunal tal-Kummissjoni. It-test sħiħ (bl-Ingliż) kemm ta’ dan id-Dokument ta’ Ħidma, kif ukoll tat-tabelli mehmużin miegħu, se jkunu disponibbli wkoll fuq is-sit tal-internet Europa tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (http://ec.europa.eu/agriculture/cap-funding/financial-reports/eagf/index_en.htm).

 

1.PROĊEDURA TAL-BAĠIT 1

1.1.Il-proċedura tal-baġit tal-2014 - L-Abbozz tal-Baġit tal-2014 u l-Ittra ta’ Emenda 2/2014

Il-Kummissjoni adottat l-Abbozz tal-Baġit tal-2014 u pproponietu lill-Awtorità Baġitarja fit-28 ta’ Ġunju 2013. L-abbozz tal-baġit tal-2014 ġie adottat aktar tard milli fis-snin ta’ qabel minħabba n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2014 sal-2020. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn proposti għall-FAEG kienu jammontaw għal EUR 43 778.1 miljun.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-baġit tal-2014 fit-2 ta’ Settembru 2013 u fit-23 ta’ Ottubru 2013 rispettivament. Il-Kunsill żamm il-livell tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għall-FAEG filwaqt li l-Parlament Ewropew żied dan il-livell bi 28 miljun Euro kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Fil-15 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Ittra ta’ Emenda Nru 2 għall-abbozz tal-baġit tal-2014, u fiha żammet ir-rekwiżiti tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-FAEG f’livell ta’ EUR 43 778.1 miljun bħalma kienu fl-abbozz tal-baġit tal-2014.

F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fis-snin finanzjarji mill-2014 sal-2020, il-baġit tal-FAEG għandu jinkludi riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu. Barra minn hekk, fl-abbozz tal-baġit tal-Kummissjoni u fl-ittra ta’ emenda għall-2014, il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa biex ikopru l-ħtiġijiet tal-FAEG qabeż il-limitu massimu nett tal-QFP għan-nefqa marbuta mas-suq u għall-pagamenti diretti. B’hekk, biex tiġi stabbilita r-riżerva għall-kriżijiet għas-sena baġitarja tal-2014 u biex jitħares il-livell massimu nett tal-FAEG, il-Kummissjoni stabbiliet, skont l-Artikolu 26 tal-istess Regolament, rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja 2 . Abbażi tal-informazzjoni l-ġdida mogħtija fl-ittra ta’ emenda, il-Kunsill wara adatta din ir-rata ta’ aġġustament 3 .

1.2.L-adozzjoni tal-baġit għall-2014

Intlaħaq qbil dwar il-baġit għall-2014 fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni f’Novembru tal-2013. Fit-12 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar pakkett ta’ kompromess. Fl-aħħar, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit għall-2014 fit-13 ta’ Novembru 2013. Il-baġit għall-2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 43 778.1 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 43 776.96 miljun għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti fil-qasam tal-agrikoltura (il-qasam tal-politika numru 05 - L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali). Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġejja minħabba l-fatt li, għal ċerti miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn il-miżuri għandhom x’jaqsmu l-aktar mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u mal-istrateġija tal-politika u l-miżuri ta’ koordinazzjoni għall-agrikoltura.

B’mod speċifiku, mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn ivvutati għall-FAEG għall-qasam tal-politika numru 05, EUR 2 233.4 miljun kienu previsti għall-miżuri tas-suq fil-kuntest tal-Kapitolu 05 02 u EUR 41 447.3 miljun kienu previsti għall-għajnuniet diretti fil-kuntest tal-Kapitolu 05 03. Barra minn hekk, EUR 60.2 miljun kienu previsti għall-awditjar tan-nefqa agrikola fil-kuntest tal-Kapitolu 05 07 u EUR 29.3 miljun kienu previsti għall-istrateġija tal-politika u għall-miżuri ta’ koordinazzjoni fil-kuntest tal-Kapitolu 05 08.

Ara l-Anness 1 għal aktar dettalji dwar dan.

1.3.Id-dħul allokat għall-FAEG 4

Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib huwa indikat bħala dħul allokat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, id-dħul allokat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament ta’ xi nefqa tal-FAEG. F’każ li xi parti minn dan id-dħul ma tintużax, din tingħadda awtomatikament għas-sena tal-baġit ta’ wara.

Fiż-żmien li ġie stabbilit il-baġit għall-2014, saret stima ta’ dan id-dħul kemm għall-ammont li kien mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit tal-2014, kif ukoll għall-ammont li kien mistenni jingħadda mis-sena tal-baġit tal-2013 għall-2014. Din l-istima kienet tammonta għal EUR 1 464 miljun, u tqieset meta l-Awtorità Baġitarja adottat il-baġit għall-2014. B’mod speċifiku:

Id-dħul mill-korrezzjonijiet ta’ wara l-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet ġie stmat li kien ta’ EUR 638 miljun u EUR 165 miljun rispettivament, filwaqt li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib ġie stmat li kien ta’ EUR 46 miljun. B’hekk, ġie stmat li l-ammont totali ta’ dħul allokat li kien mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit tal-2014 kien ta’ EUR 849 miljun.

Ġie stmat li l-ammont ta’ dħul allokat li kien mistenni jingħadda mis-sena tal-baġit tal-2013 għall-2014 kien se jammonta għal EUR 615-il miljun.

Fil-baġit tal-2014, il-Kummissjoni allokat dan id-dħul allokat, li oriġinarjament kien ġie stmat li kien ta’ EUR 1 464 miljun, għal żewġ skemi b’dan il-mod:

EUR 464 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

EUR 1 000 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku (l-għajnuniet diretti).

L-Awtorità Baġitarja eventwalment ivvutat favur approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 285 miljun u EUR 30 083 miljun għal dawn iż-żewġ skemi rispettivament, skont il-proposti tal-Kummissjoni. L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul allokat imsemmi hawn fuq jikkorrispondi għal stima totali tal-approprjazzjonijiet disponibbli ta’ EUR 749 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta’ EUR 31 083 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

1.4.Is-sehem tal-baġit tal-FAEG mill-baġit totali tal-UE

L-Anness 2 jagħti s-sehem finali tal-baġit tal-FAEG (l-approprjazzjonijiet ta’ impenn) mill-baġit totali tal-UE għal kull sena tal-perjodu mill-2008 sal-2014.

2.POŻIZZJONI TAL-LIKWIDITÀ U ĠESTJONI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET 

2.1.Il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet

2.1.1.Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja tal-2014

F’Euro

Taqsima tan-nefqa tal-

baġit (1)

Approprjazzjonijiet ta’ impenn

Approprjazzjonijiet ta’ pagament

Taqsima tad-dħul tal-baġit (AR) (2)

Tbassir

1. Approprjazzjonijiet inizjali tal-FAEG, li minnhom hemm

43 778 100 000

43 776 956 403

1. Approvazzjoni tal-konformità

638 000 000

1a. Approprjazzjonijiet b’ġestjoni kondiviża

43 732 575 640

43 732 575 640

2. Irregolaritajiet

165 000 000

1b. Approprjazzjonijiet b’ġestjoni diretta

45 524 360

44 380 763

3. Imposta addizzjonali mħallsa mill-produtturi tal-ħalib

46 000 000

2. Baġit ta’ emenda

-308 029

Tbassir totali tal-AR

849 000 000

3. Trasferimenti lejn l-FAEG jew minnu matul is-sena

-568 429

4. Approprjazzjonijiet finali tal-FAEG, li minnhom hemm

43 778 100 000

43 776 079 945

4a. Approprjazzjonijiet b’ġestjoni kondiviża

43 732 725 640

43 732 725 640

4b. Approprjazzjonijiet b’ġestjoni diretta

45 374 360

43 354 305

(1)    L-approprjazzjonijiet li ddaħħlu fil-baġit tal-2014 wara li tnaqqas id-dħul allokat li mistenni jinġabar fl-2014, kif ukoll id-dħul li ngħadda mill-2013 għall-2014 skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(2)    AR: id-dħul allokat li għandu jinġabar. Ma hemm l-ebda ammont ta’ dħul imdaħħal fil-linja tad-dħul (p.m.) 5 , iżda l-ammont tal-previżjoni huwa indikat fir-rimarki dwar il-baġit.

2.1.2.Eżekuzzjoni baġitarja tal-approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja tal-2014

F’Euro

Eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn

Eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

Ġestjoni kondiviża (1)

44 247 498 686.51

44 247 498 686.51

Nefqa b’ġestjoni diretta

45 154 328.55

39 190 101.47

Ammont totali

44 292 653 015.06

44 286 688 787.98

(1) Ammonti impenjati. L-impenji u l-pagamenti mingħajr id-dħul allokat li wasal għall-ġestjoni kondiviża: EUR 43 233 320 312.15.

Għas-sena finanzjarja tal-2014, l-ammont tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li ntużaw fir-realtà kien jammonta għal EUR 44 292 653 015.06, filwaqt li dak għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien jammonta għal EUR 44 286 688 787.98.

2.1.3.Eżekuzzjoni baġitarja tal-approprjazzjonijiet ivvutati – In-nefqa b’ġestjoni diretta li għamlet il-Kummissjoni

F’Euro

Nefqa b’ġestjoni diretta

Approprjazzjonijiet ta’ impenn

Impenji kkanċellati

Approprjazzjonijiet ta’ pagament

Trasferiment għall-2015 (2)

Approprjazzjonijiet (C1) (1)

45 374 360.00

-

43 354 305.00

-

Eżekuzzjoni (C1)

45 154 328.55

-

26 986 218.54

16 114 870.92

Approprjazzjonijiet ikkanċellati

220 031.45

-

253 215.54

-

(1) C1 tirreferi għall-approprjazzjonijiet tal-baġit ivvutati. Dan l-ammont jinkludi t-trasferiment ta’ EUR -150 000.00 lejn il-“ġestjoni kondiviża” għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament u għall-baġit ta’ emenda u t-trasferiment ta’ EUR -876 458.00 mill-FAEG għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.

(2) L-approprjazzjonijiet mhux differenzjati biss jiġu ttrasferiti għall-2015.

Fil-baġit tal-2014 kienu previsti approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 45.4 miljun għan-nefqa b’ġestjoni diretta. Fl-2014 intrabat ammont ta’ EUR 45.2 miljun għal dan. Il-bilanċ ta’ dawn l-approprjazzjonijiet, jiġifieri EUR 0.2 miljun, ġie kkanċellat.

Il-biċċa l-kbira tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-FAEG għan-nefqa b’ġestjoni diretta tal-Kummissjoni huma approprjazzjonijiet differenzjati. It-trasferiment awtomatiku għall-2015, li għandu x’jaqsam biss mal-approprjazzjonijiet mhux differenzjati, jammonta għal EUR 16.1 miljun.

2.2.Il-pagamenti ta’ kull xahar

2.2.1.Pagamenti ta’ kull xahar lill-Istati Membri b’ġestjoni kondiviża

2.2.1.1.Pagamenti ta’ kull xahar għall-provvediment tan-nefqa

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 6 jiddikjara li “il-pagamenti ta’ kull xahar għandhom isiru mill-Kummissjoni għal infiq magħmul mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati [tal-Istati Membri] matul ix-xahar ta’ referenza”. Il-pagamenti ta’ kull xahar għandhom isiru lil kull Stat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara dak li fih tkun saret in-nefqa.

Il-pagamenti ta’ kull xahar huma rimborż tan-nefqa netta li tkun diġà saret (wara li jitnaqqas id-dħul), u jkunu disponibbli abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar mibgħuta mill-Istati Membri 7 . L-aġġornament tan-nefqa u tad-dħul li jsir kull xahar fil-kotba isirulu verifiki u korrezzjonijiet abbażi tad-dikjarazzjoni ddettaljata 8 . Barra minn hekk, dawn il-pagamenti jsiru finali wara l-verifiki tal-Kummissjoni skont il-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-kontabilità.

Il-pagamenti magħmula mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru 2013 sal-15 ta’ Ottubru 2014 huma koperti mis-sistema ta’ pagamenti ta’ kull xahar. Il-pagamenti li jifdal isiru direttament mill-Kummissjoni għal għadd limitat ta’ miżuri.

Għas-sena finanzjarja tal-2014, l-ammont nett totali tal-pagamenti ta' kull xahar li saru, wara t-tnaqqis tal-approvazzjoni u korrezzjonijiet oħra, kien ta’ EUR 43 233 320 312.15.

2.2.1.2.Deċiżjonijiet dwar il-pagamenti ta’ kull xahar għall-2014

Għas-sena finanzjarja tal-2014, il-Kummissjoni adottat tnax-il deċiżjoni dwar il-pagamenti ta’ kull xahar. Barra minn hekk, f’Diċembru tal-2014 ġiet adottata deċiżjoni addizzjonali dwar il-pagamenti ta' kull xahar li taġġusta dawk il-pagamenti li kienu ngħataw diġà għan-nefqa totali li saret matul is-sena.

3.L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT TAL-FAEG GĦALL-2014

3.1.L-użu tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG

L-implimentazzjoni tal-baġit ammontat għal EUR 44 292.7 miljun. Din in-nefqa ġiet iffinanzjata mill-approprjazzjonijiet inizjali tal-baġit u billi ntuża d-dħul allokat għall-qasam tal-politika numru 05 - L-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali, li kien magħmul mill-ammont kollu ta' EUR 710.2 miljun ttrasferiti mill-2013 u minn parti mid-dħul allokat miġbur fl-2014, li kien jammonta għal EUR 672.9 miljun minn għadd totali ta' EUR 1 014.2 miljun.

Fil-qasam tal-politika numru 05 - L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, in-nefqa għall-miżuri tas-suq kienet ta’ EUR 2 478.7 miljun, u dik għall-għajnuniet diretti kienet ta’
EUR 41 659.7 miljun. In-nefqa mġarrba għal ċerti miżuri tas-suq u għajnuniet diretti qabżet l-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, u kienet parzjalment koperta mit-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet minn partiti oħra tal-baġit u parzjalment mid-dħul li kien allokat għall-baġit tal-FAEG.

Għal dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-baġit skont il-qasam tal-politika, jekk jogħġbok ara l-Anness 3.

L-Anness 5 jagħti rendikont tan-nefqa għall-miżuri tas-suq, il-pagamenti diretti u l-awditjar tan-nefqa agrikola skont il-partita u l-Istat Membru.

4.KUMMENTI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT TAL-FAEG GĦALL-2014

Hawn taħt qed jingħataw kummenti fil-qosor dwar l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2014, kif ukoll dwar l-użu tad-dħul allokat disponibbli fl-2014 għall-iktar oqsma importanti, ibbażati fuq id-dettalji mogħtija fl-Anness 3.

4.1.Il-Kapitolu 05 02: Interventi fis-swieq agrikoli

4.1.1.Daħla

Il-pagamenti totali għal dan il-kapitolu tal-baġit tal-2014 kienu ta’ EUR 2 478.7 miljun u dawn ġew iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ivvutati u minn dħul allokat li kien ta’ EUR 302.7 miljun. Dan id-dħul allokat intuża biex ikopri n-nefqa mġarrba fis-settur tal-frott u l-ħaxix (NB: għad-dettalji dwar dan, ara l-punt 4.1.4). Approprjazzjonijiet ta’ EUR 57.4 miljun ġew ittrasferiti għal partijiet oħra tal-baġit tal-FAEG. Il-bilanċ li kien għad fadal mid-dħul allokat miġbur fl-2014 kien ta’ EUR 291.6 miljun, u dan ġie ttrasferit għall-2015. Fil-każ ta’ partiti li għalihom il-ħtiġijiet qabżu l-approprjazzjonijiet baġitarji, in-nefqa addizzjonali ġiet koperta billi saru trasferimenti minn partiti oħra tal-baġit. Bl-istess mod, għall-miżuri tas-suq u l-għajnuniet diretti, fejn intużaw inqas approprjazzjonijiet tal-baġit milli mistenni, l-approprjazzjonijiet disponibbli li rriżultaw minn dan ġew ittrasferiti għal partiti oħra tal-baġit sabiex ikopru n-nefqa addizzjonali skont kif kien meħtieġ.

4.1.2.Programmi tal-ikel

Ta’ min jinnota li l-2013 kienet l-aħħar sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi tal-ikel fil-kuntest tal-FAEG. Abbażi tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, mill-1 ta’ Jannar 2014, dawn il-programmi qed jiġu implimentati permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn li huwa ffinanzjat mill-intestatura 3 tal-QFP.

Minħabba f’hekk, ma kien hemm l-ebda approprjazzjoni tal-FAEG prevista għal dawn il-programmi fil-baġit tal-2014. Madankollu, il-kontijiet tal-FAEG juru li l-Istati Membri rkupraw u ddikjaraw lill-FAEG ammont ta’ EUR 7.2 miljun li kien tħallas qabel l-2014.

4.1.3.Żejt taż-żebbuġa

Il-fatt li ntefqu EUR 2.3 miljun inqas milli previst kellu x’jaqsam l-iktar mal-għajnuna għall-finanzjament ta’ programmi ta’ ħidma għal titjib fil-kwalità. L-organizzazzjonijiet tal-operaturi approvati ma implimentawx il-programmi ta’ ħidma tagħhom għall-2013 u l-2014 sal-punt previst fil-baġit tal-2014 għal dawn il-programmi. Barra minn hekk, intużaw kemm kemm inqas flus, jiġifieri EUR 0.2 miljun inqas, għall-pagament tal-fajls pendenti li għandhom x’jaqsmu mal-iskemi preċedenti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa, minħabba li l-Istati Membri ddikjaraw nefqa li kienet inqas mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit tal-2014 għal dawn l-iskemi.

4.1.4.Frott u ħaxix

Il-baġit tal-2014 ippreveda approprjazzjonijiet totali disponibbli ta’ EUR 1 140.7 miljun sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-miżuri kollha ta’ dan is-settur. L-Awtorità Baġitarja vvutat approprjazzjonijiet ta’ EUR 676.7 miljun għal dan minħabba li qieset id-dħul stmat allokat lil dan is-settur, li kien jammonta għal EUR 464 miljun. In-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fl-2014 kienet ta’ EUR 1 010.5 miljun. L-iskemi kollha ffinanzjati minn dan l-Artikolu ġew implimentati f’livell li kien inqas milli mistenni meta mqabbel mal-ħtiġijiet totali stmati fil-baġit tal-2014. Il-bilanċ ta’ EUR 291.6 miljun tad-dħul allokat li ma ntużax ġie ttrasferit għas-sena tal-baġit tal-2015 biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ dik is-sena.

Fejn jidħlu l-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li għandhom l-għan li jiffinanzjaw il-programmi tagħhom ta’ titjib fil-kwalità tal-produzzjoni u ta’ promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni, ġie stmat li l-ammont tal-ħtiġijiet għal dawn il-programmi għall-2014 kien ta’ EUR 749 miljun. Minn dan l-ammont totali, l-Awtorità Baġitarja vvutat approprjazzjonijiet li kienu jammontaw għal EUR 285 miljun, minħabba li qieset id-dħul stmat li kien ġie allokat għall-finanzjament ta’ din l-iskema, li kien jammonta għal EUR 464 miljun. Eventwalment, l-Istati Membri ġarrbu nefqa ta’ EUR 724.4 miljun, li kienet inqas mill-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet disponibbli, l-iktar minħabba li l-pagamenti li saru għall-ewwel porzjon tal-pjanijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi approvati fl-2014 kienu inqas milli kien previst inizjalment.

Barra minn hekk, in-nefqa tal-Istati Membri għall-għajnuna għall-gruppi tal-produtturi għar-rikonoxximent preliminari kienet madwar EUR 56.7 miljun inqas mill-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2014 disponibbli. L-impatt tad-dispożizzjonijiet tranżitorji 9 , li llimitaw iż-żieda annwali tal-programmi approvati, kienu ferm iktar sinifikanti milli kienet ipprevediet fil-bidu l-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, intużaw madwar EUR 48.3 miljun inqas mill-baġit tal-2014 għall-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, l-iktar minħabba li ċerti Stati Membri ġarrbu nefqa li kienet inqas mill-allokazzjoni baġitarja. Fil-fatt, fil-baġit tal-2014 kien hemm is-suppożizzjoni li l-pakkett miżjud previst ta’ EUR 150 miljun għal din l-iskema kien se jibda jiġi applikat b’mod parzjali mis-sena skolastika tal-2013 sal-2014, iżda fl-aħħar mill-aħħar dan beda jseħħ biss mis-sena skolastika tal-2014 sal-2015.

4.1.5.Prodotti tas-settur tal-vitikultura

L-Istati Membri ġarrbu nefqa ta’ EUR 1 019.5 miljun għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fl-2014, filwaqt li l-approprjazzjonijiet previsti għalihom fil-baġit tal-2014 kienu ta’ EUR 1 083 miljun. Dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ammont kollu ġej min-nefqa iktar baxxa li ċerti Stati Membri kellhom fl-ewwel sena tal-programmi l-ġodda tal-2014 sal-2018, li bdew jiġu implimentati xi ftit tard, speċjalment fejn jidħlu l-miżuri tal-“promozzjoni” u tal-“investiment fl-intrapriżi”.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri ddikjaraw nefqa ta’ EUR 2.9 miljun għal skemi differenti ta’ għajnuna li jmorru lura għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-2007 sal-2008 u aktar.

4.1.6.Ħalib u prodotti tal-ħalib

F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, ġew previsti approprjazzjonijiet ta’ EUR 6 miljun fil-baġit tal-2014, filwaqt li n-nefqa mġarrba kienet ta’ EUR 4.1 miljun minħabba ż-żmien medju iqsar tal-ħżin għall-kwantitajiet ta’ butir ikkonċernati.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel, l-Istati Membri kkonċernati kważi kollha nefqu inqas mill-ammont tal-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit tal-2014 għas-sena skolastika tal-2013 sal-2014, u b’hekk kien hemm nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ madwar EUR 7.4 miljun.

4.1.7.Il-laħam tal-majjal, il-bajd u t-tjur, it-trobbija tan-naħal u prodotti oħrajn li ġejjin mill-annimali

Għall-bilanċi pendenti tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti tal-laħam tal-majjal ipproċessat u għat-tjur u għall-bajd, l-Istati Membri nefqu madwar EUR 1.2 miljun, filwaqt li għall-għajnuna speċifika għat-trobbija tan-naħal nefqu kważi l-livell tal-approprjazzjonijiet miżmuma fil-baġit tal-2014. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li l-kontribut tal-UE għall-miżuri eċċezzjonali ta’ sostenn għas-suq fil-Polonja u l-Litwanja, skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 324/2014 u Nru 428/2014, kien ta’ EUR 0.8 miljun, kif indikat fil-partita 05 02 15 99.

4.2.Il-Kapitolu 05 03: Għajnuniet diretti

L-approprjazzjonijiet ivvutati għal dan il-kapitolu kienu ta’ EUR 41 447.3 miljun, filwaqt li n-nefqa mġarrba kienet ta’ madwar EUR 41 659.7 miljun. Din l-implimentazzjoni apparentement żejda kienet ġejja l-iktar mill-fatt li parti mill-iskema ta’ pagament uniku kienet prevista li tiġi ffinanzjata mid-dħul allokat.

4.2.1.L-Artikolu 05 03 01: Għajnuniet diretti diżakkoppjati

L-iskemi ewlenin iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma l-iskema ta’ pagament uniku (SPU), l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (SPUE) u l-appoġġ speċifiku diżakkoppjat skont l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009. L-iskemi ta’ għajnuna kollha li jidħlu f’dan l-Artikolu jitħallsu b’mod indipendenti mill-produzzjoni iżda b’ċerti kundizzjonijiet, pereżempju l-fatt li titħares il-kundizzjonalità. In-nefqa mġarrba għall-iskemi kollha li jidħlu f’dan l-Artikolu kienet ta’ EUR 38 952.1 miljun u b’hekk qabżet l-approprjazzjonijiet ta’ EUR 38 252 miljun ivvutati għall-2014 b’EUR 700.1 miljun, minħabba li parti mill-ħtiġijiet għal dan is-settur ġiet iffinanzjata mid-dħul allokat (NB: id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jagħti iktar dettalji dwar dan il-punt).

4.2.2.L-Artikolu 05 03 02: Għajnuniet diretti oħrajn

L-approprjazzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkopru n-nefqa għal għajnuniet diretti oħrajn li għalihom l-Istati Membri għażlu li jżommu ċertu rabta bejn il-pagament tal-għajnuna u l-produzzjoni għal għadd ta’ setturi, b’kundizzjonijiet iddefiniti sewwa u b’limiti ċari, sabiex ma tiġix abbandunata din il-produzzjoni. Tlettax-il skema huma ffinanzjati permezz ta’ dan l-Artikolu.

Għal dawn l-iskemi, il-Kummissjoni kienet stmat li kien se jkun hemm bżonn ta’ approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 2 770.2 miljun fl-2014. L-Istati Membri nefqu EUR 2 707.6 miljun għalihom (NB: id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jagħti iktar dettalji dwar dan il-punt).

4.2.3.L-Artikolu 05 03 09: Rimborż tal-għajnuniet diretti b’rabta mad-dixxiplina finanzjarja

L-Awtorità Baġitarja ma allokat l-ebda approprjazzjoni għal dan l-Artikolu. Dan l-Artikolu ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-sena tal-baġit tal-2014 biex jiġi ffaċilitat il-ġbir tal-approprjazzjonijiet ivvutati mhux impenjati. It-trasferiment ta’ dawn l-approprjazzjonijiet, sa limitu ta’ 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali tal-FAEG b’ġestjoni kondiviża, saret sabiex fl-2015 jiġi ffinanzjat ir-rimborż tad-dixxiplina finanzjarja applikata għall-għajnuniet diretti għas-sena kalendarja tal-2013 10 .

L-ammont tad-dixxiplina finanzjarja li ġie applikat fir-realtà għas-sena tat-talbiet tal-2013 b’kollox kien ta’ EUR 868.2 miljun. Dan l-ammont ma jaqbiżx il-limitu ta’ 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali tal-FAEG b’ġestjoni kondiviża. Dan l-ammont kien kopert minn trasferiment ta’ EUR 424.5 miljun tal-approprjazzjonijiet mhux impenjati mill-Artikolu 05 03 10, li jinvolvi r-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu (NB: jekk jogħġbok ara l-punt 4.2.4) u żdied bi trasferiment ta’ EUR 398.9 miljun u ta’ EUR 44.8 miljun ta’ approprjazzjonijiet mhux impenjati mill-partita 05 03 01 01 u mill-partita 05 03 01 02 rispettivament.

4.2.4.L-Artikolu 05 03 10: Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu

L-approprjazzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma maħsuba biex ikopru n-nefqa għall-miżuri li jridu jittieħdu biex jiġu ffaċċjati l-kriżijiet il-kbar li jolqtu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola. Ir-riżerva għandha tiġi stabbilita billi, fil-bidu ta’ kull sena, jiġi applikat tnaqqis għall-għajnuniet diretti permezz tal-mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kif ukoll skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Din ir-riżerva ma tistax taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2011). Għas-sena tal-baġit tal-2014, l-ammont ekwivalenti tar-riżerva għall-kriżijiet fi prezzijiet attwali kien ta’ EUR 424.5 miljun. Ir-riżerva ma ntużatx fis-sena finanzjarja tal-2014.

Għalhekk, sa tmiem is-sena finanzjarja, dan l-ammont mhux użat tar-riżerva ġie ttrasferit lejn il-partita tal-baġit 05 03 09 sabiex jiġi ttrasferit għas-sena finanzjarja ta’ wara u sabiex isir ir-rimborż aħħari kif deskritt fil-punt 4.2.3 hawn fuq.

4.3.Il-Kapitolu 05 07: Awditjar tan-nefqa agrikola

4.3.1.L-Artikolu 05 07 01: Kontroll tan-nefqa agrikola

Dan l-Artikolu jinvolvi l-miżuri li ttieħdu biex jissaħħu l-mezzi tal-kontrolli fuq il-post u biex jittejbu s-sistemi ta’ verifika sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet li jagħmlu dannu lill-baġit tal-Unjoni. Huwa jinkludi wkoll in-nefqa li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati ċerti korrezzjonijiet li jista’ jkun hemm bżonn favur l-Istati Membri, li jkunu marbutin mal-kontabbiltà u mal-konformità (NB: id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jagħti iktar dettalji dwar dan il-punt).

4.3.2.L-Artikolu 05 07 02: Soluzzjoni tat-tilwim

L-approprjazzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma maħsuba biex ikopru n-nefqa li għaliha l-Kummissjoni tista’ tinżamm responsabbli permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-ġustizzja, fosthom l-ispejjeż tal-ħlas tat-talbiet għad-danni u l-imgħax. Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qatgħet is-sentenza fil-Każijiet Magħquda C-113/10, C-147/10 u C-234/10 (is-sentenza fil-każ ta’ Jülich-II). Il-baġit tal-2014 ippreveda approprjazzjonijiet ta’ EUR 53.4 miljun għall-pagament tal-imgħax kumpensatorju lill-operaturi skont din is-sentenza. Madankollu, l-Istati Membri ġarrbu u ddikjaraw nefqa ta’ madwar EUR 92.3 miljun, li kienet ogħla mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit tal-2014. Għaldaqstant, ġew ittrasferiti approprjazzjonijiet ta’ EUR 38.9 miljun minn partiti oħra tal-baġit tal-2014 sabiex jiġi ffinanzjat ir-rimborż tal-ammont kollu tal-imgħax kumpensatorju li ddikjaraw l-Istati Membri kkonċernati.

5.IMPLIMENTAZZJONI TAD-DĦUL ALLOKAT 

5.1.Id-dħul allokat għall-FAEG

Id-dħul allokat li ġie ttrasferit fir-realtà mill-2013 għall-2014 kien ta’ EUR 710.2 miljun, u dan intuża kompletament għall-finanzjament tan-nefqa tas-sena tal-baġit tal-2014, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Finanzjarju. Kif juri l-Anness 4-II, dan l-ammont ikopri n-nefqa ta’ EUR 270.3 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u n-nefqa ta’ EUR 439.9 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

F’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul allokat miġbur fl-2014, l-Anness 4-I juri li dan id-dħul kien jammonta għal EUR 1 014.2-il miljun, u li dan kien ġej mill-affarijiet li ġejjin:

il-korrezzjonijiet tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, li kienu jammontaw għal EUR 815.6-il miljun;

id-dħul mill-irregolaritajiet, li kien jammonta għal EUR 150.3 miljun; u

il-ġbir tal-imposta fuq il-ħalib, li kien jammonta għal EUR 48.3 miljun.

Parti mid-dħul allokat miġbur fl-2014, li kienet tammonta għal EUR 672.9 miljun, intużat biex tiġi koperta n-nefqa mġarrba għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix (jiġifieri EUR 32.4 miljun) u għall-iskema ta’ pagament uniku (jiġifieri EUR 640.5 miljun).

Il-bilanċ tad-dħul allokat miġbur fl-2014, li kien jammonta għal EUR 341.3 miljun, ġie ttrasferit awtomatikament għall-baġit tal-2015 biex jiffinanzja l-ħtiġijiet baġitarji ta’ dik is-sena.

Għal aktar dettalji dwar dan, ara l-Annessi 4-I u 4-II.

6.TQASSIM SKONT IT-TIP TA’ NEFQA 

In-nefqa totali tal-FAEG tammonta għal EUR 44 292.7 miljun. Minn hawn ’il quddiem, din in-nefqa hija mqassma skont il-kategoriji ewlenin tar-rappurtar, flimkien mal-perċentwali li dawn jirrappreżentaw fin-nefqa totali tal-FAEG għall-2014.

Ħżin

In-nefqa għall-ħżin kienet tammonta għal EUR 5.1 miljun, jiġifieri għal 0.01 % tan-nefqa totali. Dan l-ammont jirrappreżenta l-aktar in-nefqa mġarrba għall-ħżin privat tal-butir.

Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni

In-nefqa għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienet tammonta għal EUR 4.5 miljun, jiġifieri għal 0.01 % tan-nefqa totali, u kellha x’taqsam l-iktar mal-ħlas tal-bilanċi pendenti għall-esportazzjonijiet taċ-ċereali u tat-tjur li saru fl-imgħoddi.

Miżuri oħra tas-suq

Minbarra l-ħżin u r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, in-nefqa għall-miżuri l-oħra tas-suq kienet tammonta għal EUR 2 579.6 miljun, jiġifieri għal 5.8 % tal-ammont totali għas-sena. Din il-kategorija tkopri n-nefqa li hija marbuta b’mod ewlieni maż-żejt taż-żebbuġa, mal-frott u l-ħaxix, mal-inbid, mal-pjanti tessili, mal-POSEI, mal-miżuri ta’ promozzjoni, mal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib u mat-trobbija tan-naħal. Din in-nefqa tinkorpora ammonti żgħar oħra u tinkludi l-korrezzjonijiet li ġejjin mill-approvazzjoni tal-kontijiet u mis-soluzzjoni tat-tilwim.

Għajnuniet diretti

In-nefqa għall-għajnuniet diretti kienet ta’ EUR 41 659.7 miljun, jiġifieri ta’ 94 % mill-ammont totali.

Nefqa b’ġestjoni diretta

Din in-nefqa kienet ta’ EUR 45.2 miljun (f’approprjazzjonijiet ta’ impenn), jiġifieri ta’ 0.1 % mill-ammont totali, u tħallset direttament mill-Kummissjoni. Din kienet tkopri b’mod ewlieni n-nefqa marbuta mal-kontabilità tal-azjendi agrikoli, l-istħarriġ dwar l-istrutturi tal-azjendi agrikoli, l-informazzjoni dwar il-PAK, l-għajnuna teknika, eċċ.

Żvilupp rurali b'dik li kienet il-Garanzija tal-FAEGG

Ma tista’ ssir l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn iktar għal dawn il-programmi. L-Istati Membri issa qed jagħlqu dawn il-programmi u qed jirkupraw l-ammonti li tħallsu bi żball. L-ammont finali nett irkuprat permezz ta’ dan l-Artikolu kien ta’ madwar EUR 1.4 miljun.

L-evoluzzjoni tat-tqassim tan-nefqa tal-FAEG skont it-tip għall-perjodu mill-2008 sal-2014 hija mogħtija fl-Anness 6.

(1)  Din il-proċedura hija spjegata fl-Anness 1.
(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013 (ĠU L 268, 10.10.2013, p. 5).
(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1181/2013 (ĠU L 313, 22.11.2013, p. 13).
(4) Dawn l-ammonti mhumiex imdaħħlin fil-linji tad-dħul tal-baġit (l-oġġett 670 għad-dħul allokat għall-FAEG), iżda huma msemmija fil-kummenti baġitarji dwar dan l-oġġett.
(5) p.m.: “pour mémoire”.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(7) L-Istati Membri jibagħtu dawn id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa ta' kull xahar permezz tad-dikjarazzjoni tal-għaxar jum tax-xahar N+1.
(8) L-Istati Membri jibagħtu d-dikjarazzjonijiet iddettaljati kull xahar (permezz tat-tabella 104) fl-għoxrin jum tax-xahar N+1.
(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2012 tal-4 ta’ April 2012.
(10)  Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasferiti skont l-Artikolu 169(3) tar-Regolament Finanzjarju, jiġifieri r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u, skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw lir-riċevituri finali li huma suġġetti, fis-sena finanzjarja li lejha jkunu ġew ittrasferiti l-approprjazzjonijiet, għall-applikazzjoni tad-dixxiplina finanzjarja skont l-Artikolu 26(1) sa (4) tiegħu.
Top

Brussell, 14.9.2015

COM(2015) 444 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IT-TMIEN RAPPORT FINANZJARJU TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-FOND AGRIKOLU EWROPEW TA' GARANZIJA

IS-SENA FINANZJARJA TAL-2014

{SWD(2015) 172 final}








Top