IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.9.2015
COM(2015) 443 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Valutazzjoni tas-suq dwar il-lampi tal-vultaġġ tal-mejnijiet kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0443
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION Market assessment on mains-voltage lamps as required by Commission Regulation (EU) No 1194/2012
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Valutazzjoni tas-suq dwar il-lampi tal-vultaġġ tal-mejnijiet kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Valutazzjoni tas-suq dwar il-lampi tal-vultaġġ tal-mejnijiet kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012
COM/2015/0443 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.9.2015
COM(2015) 443 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Valutazzjoni tas-suq dwar il-lampi tal-vultaġġ tal-mejnijiet kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 1 fih rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika għal-lampi direzzjonali, għal-lampi b’dijodu li jemetti d-dawl u tagħmir relatat. Dawn ir-rekwiżiti tal-ekodisinn huma introdotti fi stadji, b’kull stadju jżid rekwiżiti ġodda jew aktar stretti meta mqabbel mal-istadju ta' qabel. L-aħħar stadju, l-istadju 3, huwa mistenni li jibda japplika fl-1 ta’ Settembru 2016 u se jirrikjedi effiċjenza enerġetika minima ta’ 0,95 għal-lampi bil-filament, 0,36 għal-lampi bi skariku ta' intensità għolja u 0,2 għal-lampi l-oħra kollha, espressi permezz ta’ indiċi tal-effiċjenza enerġetika (EEI). Il-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet li bħalissa jinsabu fis-suq ma jilħqux ir-rekwiżit għal-lampi bil-filament, u għaldaqstant l-istadju 3 se jipprojbixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq.
Biex ikun żgurat li dawn il-lampi aloġeni ma jiġux eliminati mingħajr għażla xierqa li toħdilhom posthom, ir-Regolament 1194/2012 jgħid li l-istadju 3 japplika għal-lampi tal-filament tal-vultaġġ tal-mejnijiet biss jekk "mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2015, tkun prodotta evidenza mill-Kummissjoni permezz ta’ valutazzjoni dettaljata tas-suq u li tkun ikkomunikata lill-Forum Konsultattiv li hemm lampi b'vultaġġ tal-mejnijiet fis-suq li huma:
— konformi mar-rekwiżit ta’ EEI massimu fil-fażi 3;
— bi prezz raġonevoli f'termini li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi għall-biċċa l-kbira tal-utenti aħħarin;
— ekwivalenti b'mod wiesa', f'termini ta’ parametri ta’ funzjonalità rilevanti għall-konsumatur, għal-lampi bil-filament b'vultaġġ tal-mejnijiet disponibbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament [it-3 ta' Jannar 2013], inkluż f'termini ta’ flussi ta’ luminożità li jkopru l-firxa sħiħa ta’ flussi ta’ luminożità ta’ referenza elenkati fit-Tabella 6 [tar-Regolament 1194/2012, b'firxa minn 90lm sa 1000lm];
— kompatibbli ma’ tagħmir iddisinjat għall-istallazzjoni bejn il-mejnijiet u l-bozoz bil-filament disponibbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament skont ir-rekwiżiti l-aktar avvanzati għall-kompatibbiltà." 2
Din il-Komunikazzjoni tissodisfa l-valutazzjoni tas-suq, li hija meħtieġa legalment, tal-għażliet li jistgħu jieħdu post il-lampi b'vultaġġ tal-mejnijiet fis-suq. Din hija bbażata fuq ħarsa ġenerali teknika tas-suq 3 prodotta għall-Kummissjoni minn konsulenti tekniċi esterni u ppreżentata lill-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn.
2.Konformità mal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika massimu
L-aktar għażla fattibbli għal-lampi aloġeni huma l-lampi b'dijodi li jemettu d-dawl (LED), li bħalissa qed jibdlu s-suq tat-tidwil. Madwar 70% tal-mudelli kollha ta’ lampi LED li jinsabu fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżit massimi tal-EEI tal-istadju 3, u jagħtu lill-konsumaturi għażla ġmielha ta' lampi li jistgħu jieħdu post il-lampi aloġeni. Il-proporzjon ta’ dawn il-lampi konformi disponibbli fis-suq huwa mistenni li jiżdied aktar grazzi għat-titjib kontinwu tat-teknoloġija LED.
3.L-affordabbiltà ta’ soluzzjonijiet li jieħdu post il-lampi aloġeni
Il-lampi LED direzzjonali offruti fis-suq tal-UE huma affordabbli f’termini kemm ta’ prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja.
Għalkemm l-ispiża tal-investiment tal-bidu tal-lampi LED hija ogħla minn dik tal-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet, il-prezzijiet osservati bejn wieħed u ieħor ivarjaw minn €1,80 għal €18; id-differenza fil-prezzijiet hija riżultat tad-ditta, il-post minn fejn tinxtara l-lampa u t-tip ta' lampa LED. Il-biċċa l-kbira tal-lampi LED jiswew anqas minn €10. Dawn il-prezzijiet huma mistennija li jkomplu jonqsu minħabba żviluppi teknoloġiċi fit-teknoloġija tal-LED; fl-ewwel erba' xhur tal-2015 ġie osservat tnaqqis sa 25% fil-prezz għall-bejgħ bl-imnut fis-suq tal-UE.
Il-konsum enerġetiku aktar baxx tal-lampi LED, ħafna drabi madwar fattur 5, iwassal għal frankar sinifikanti f'termini ta' kosti taċ-ċiklu tal-ħajja għall-konsumaturi, anki jekk jitqiesu l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ogħla. Bħalissa, huwa possibbli li wieħed jifdi l-ispiża li jkun għamel fi żmien sena jew anqas, u fi kważi kull każ l-iffrankar mill-bdil tal-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet b'lampi LED għandu jkopri l-ispiża inizjali.
4.Ekwivalenza wiesgħa f’termini ta’ funzjonalità
Il-lampi LED joffru għażla totalment funzjonali li tieħu post il-lampi aloġeni għal madwar 90 % tal-mudelli tal-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet fis-suq. Dawn il-lampi LED jissodisfaw ir-rekwiżiti funzjonali tal-ekodisinn tar-Regolament 1194/2012, inkluż indiċi tal-apparenza tal-kulur suffiċjenti ta' CRI ≥ 80, b'xi lampi LED li jilħqu CRI għoli ta' 'l fuq minn 90. B’mod ġenerali, il-varjetà ta’ lampi LED fir-rigward tal-livelli tal-lumen, tal-angoli tar-raġġ, tat-temperatura tal-kulur u tal-mudelli hija akbar mill-varjetà tal-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet fis-suq.
Għall-10% li jifdal ta' lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet fis-suq, il-lampi LED joffru għażla li tieħu post il-lampi aloġeni li hija ekwivalenti u funzjonali b'mod mifrux. Il-konsumaturi jista’ jkollhom jilħqu kompromess dwar karatteristiċi żgħar bħall-angolu tar-raġġ, iżda l-biċċa l-kbira ma għandhomx jinnutaw differenza. Għażla oħra hija li jintużaw adattaturi għat-tip ta’ sokit biex tintlaħaq ekwivalenza sħiħa ma’ lampa LED b’limitu differenti.
5.Kompatibbiltà mat-tagħmir
Il-lampi LED li jieħdu post il-lampi aloġeni b'mod ġenerali huma kompatibbli mat-tagħmir użat għal-lampi aloġeni direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet. Teżisti eċċezzjoni fil-kompatibbiltà tagħhom mad-dimmers; filwaqt li kull lampa tal-aloġenu tista' titbaxxa permezz ta' dimmer, fis-suq tal-UE huma biss ċerti lampi LED li jaħdmu b'dimmers tax-xifer ta' wara tal-pala u dawk bi qtugħ fi tmiem il-fażi li kienu disponibbli fis-suq fit-3 ta' Jannar 2013, meta daħal fis-seħħ ir-Regolament 1194/2012. Dawn il-lampi LED li jistgħu jitbaxxew permezz ta' dimmer jissodisfaw ukoll dawn ir-rekwiżiti.
Ir-rekwiżiti ta' informazzjoni obbligatorja tar-Regolament 1194/2012 diġà jeħtieġu li l-konsumaturi jiġu informati dwar liema dimmers, jekk ikun hemm, hija kompatibbli magħhom kull lampa LED. Dan jippermetti li l-konsumaturi jixtru l-għażla t-tajba biex tieħu post dak li kienu jużaw qabel.
6.Konklużjonijiet
Din il-valutazzjoni tas-suq turi li l-lampi LED direzzjonali b’vultaġġ tal-mejnijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ effiċjenza enerġetika skont ir-Regolament 1194/2012 huma disponibbli, affordabbli, ekwivalenti f'termini ta' funzjonalità u kompatibbli mat-tagħmir użat bejn il-mejnijiet u l-lampa.
Għaldaqstant, ir-rekwiżiti għall-istadju 3 tar-Regolament 1194/2012 li japplika għal-lampi bil-filament b’vultaġġ tal-mejnijiet intlaħqu.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal lampi direzzjonali, lampi b'dajowd li jemetti d-dawl u t-tagħmir relatat, ĠUUE L 342/1.
Iċċitata iktar ’il fuq mir-Regolament 1194/2012, l-Anness III 1.1., p.11 — iż-żidiet f’parentesi kwadri saru għal qari aħjar.
Il-ħarsa ġenerali teknika tas-suq hija aċċessibbli għall-pubbliku mis-sit tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Draft%20Final%20Market%20Assessment%20data.pdf . Din tressqet fil-laqgħa tal-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn fil-25 ta’ Ġunju 2015.