EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0339

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija

COM/2015/0339 final

Brussell, 15.7.2015

COM(2015) 339 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija

{SWD(2015) 141 final}


1.Introduzzjoni

Il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija 1 jistabbilixxi l-viżjoni ta’ Unjoni tal-Enerġija “biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq, u fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti”.

Filwaqt li l-aħħar għaxar snin ittrasformaw is-settur tal-enerġija fl-Ewropa, is-swieq tal-enerġija bl-imnut li jiffurmaw il-punt fokali ta’ din il-komunikazzjoni, ma laħħqux ma' dan. L-ostakli għall-konsumaturi – l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-industrija – li jibbenefikaw bis-sħiħ mit-tranżizzjoni enerġetika kurrenti, li jikkontrollaw il-konsum tagħhom b’mod sinifikanti, u lli jnaqqsu l-kontijiet tagħhom, jinkludu:

In-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa dwar l-ispejjeż u l-konsum, jew trasparenza limitata fl-offerti, iwasslu biex il-konsumaturi (jew intermedjarji affidabbli u kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, bħal aggregaturi, li jaġixxu f’isimhom) isibuha diffiċli biex jivvalutaw is-sitwazzjoni u l-opportunitajiet tas-suq.

Proporzjon dejjem akbar ta’ taxxi u imposti tan-netwerk, b’mod partikolari l-imposti fuq il-kont medju finali għall-elettriku tal-unitajiet domesiċi.

In-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’ħafna swieq tal-bejgħ bl-imnut, in-nuqqas ta’ kumpens għall-parteċipazzjoni attiva, u diffikultajiet biex il-konsumaturi jaqilbu minn fornitur għall-ieħor, kollha jaġixxu bħala diżinċentiv.

Swieq mhux żviluppati biżżejjed għas-servizzi tal-enerġija residenzjali u għar-rispons għad-domanda jkomplu jirrestrinġu l-għażliet tal-konsumaturi.

Jekk il-konsumaturi ma jitħallewx jiġġeneraw l-elettriku u jikkunsmawh huma stess, jitnaqqsulhom il-benefiċċji potenzjali li jkunu jistgħu jiksbu.

Nuqqas ta' ugwaljanza fl-aċċess għall-informazzjoni u ostakli għolja ta’ dħul għal kompetituri ġodda inaqqsu r-ritmu tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji u prattiki avvanzati disponibbli bħal arloġġi tad-dawl intelliġenti, apparati elettrodomestiċi intelliġenti, sorsi tal-enerġija mqassma u titjib fl-effiċjenza enerġetika.

Il-viżjoni tal-Kummissjoni għal tfassil ġdid tas-suq tal-elettriku hija maħsuba biex il-konsumaturi tal-enerġija jingħataw patt ġdid, fosthom permezz ta’ rabta aħjar bejn is-swieq bl-ingrossa u dawk bl-imnut. Huma u jieħdu vantaġġ mit-teknoloġija l-ġdida, kumpaniji ta’ servizzi tal-enerġija ġodda u innovattivi għandhom jippermettu lill-konsumaturi kollha jieħdu sehem sħiħ fit-tranżizzjoni tal-enerġija, u jimmaniġġjaw il-konsum tagħhom biex iwasslu soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija li jiffrankawlhom il-flus u jikkontribwixxu għal tnaqqis globali fil-konsum tal-enerġija.

2.Strateġija ta’ tliet pilastri li jwasslu għal patt ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija

F'konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ ċittadini, konsumaturi u partijiet ikkonċernati, li jinkludu konsultazzjoni pubblika fl-ewwel nofs tal- 2014 2 , u fid-diskussjonijiet li saru fi gruppi ta’ esperti mmexxija mill-Kummissjoni 3 , ġew identifikati dawn it-tliet punti ewlenin bħala essenzjali għall-kisba ta’ patt ġdid għall-konsumaturi: tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumatur; djar u netwerks intelliġenti; il-ġestjoni u l-protezzjoni tad-dejta.

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni

2.1.1.L-iffrankar tal-flus u l-enerġija permezz ta’ informazzjoni aħjar

Il-konsumaturi jonfqu medja ta’ 6.4 % tal-konsum totali tagħhom fuq l-elettriku, il-gass, it-tisħin u t-tkessiħ — żieda ta' 15 % meta mqabbel ma’ ħames snin ilu. Madwar 40 % tal-enerġija użata fl-UE tiġi kkunsmata fil-bini, u minn din, 80% tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ 4  

Użu aktar effiċjenti tal-enerġija huwa element ewlieni biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-konsumaturi u għalhekk, l-effiċjenza enerġetika titqies fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollha fl-ambitu tal-Unjoni tal-Enerġija. Filwaqt li t-tiġdid tal-istokk tal-bini huwa kruċjali f’dan ir-rigward, l-istallazzjoni ta’ għodda sempliċi bħal unitajiet ta' kontroll tat-tisħin u termostats diġà jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-konsum tal-enerġija. Iffrankar kbir tal-enerġija jista’ jinkiseb ukoll b’żieda fl-effiċjenza ta’ prodotti bħal bojlers, televiżjonijiet, friġġijiet u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Il-proposta riveduta għat-tikkettar tal-enerġija, imressqa bħala parti minn dan il-pakkett, se tipprovdi aktar trasparenza, tinkoraġġixxi lill-manifatturi biex jinnovaw u tgħin lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati dwar l-aktar elettrodomestiċi effiċjenti.

L-introduzzjoni ta’ sistemi ta' kejl u kkontjar tal-konsum individwali f'binjiet b'diversi appartament u b'diversi użi jista’ jwassal għal tnaqqis fid-domanda għat-tisħin/tkessiħ b’10-30 % 5 . L-esperjenza turi wkoll li, bis-saħħa ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT, li jipprovdu lill-utenti aħħarin b’informazzjoni dwar il-konsum tagħhom permezz tal-internet, min jikri jkun kapaċi jnaqqas il-konsum b’madwar 8 % sempliċiment billi jibdel id-drawwiet f'dak li jirrigwarda t-tisħin 6 .

Il-leġiżlazzjoni tas-suq intern għall-enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika stabilixxew id-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni preċiża dwar il-metraġġ u l-konsum. Informazzjoni trasparenti u aġġornata dwar il-fatturazzjoni iżżid il-fiduċja u l-involviment tal-konsumaturi. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jirċievu din l-informazzjoni darba jew l-aktar l-aktar, darbtejn f’sena, u n-nuqqas ta' qbil dwar il-metraġġ huwa okkorrenza frekwenti. Biex tgħin lill-konsumaturi jifhmu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, il-Kummissjoni, flimkien mar-regolaturi nazzjonali, se tivvaluta kif jistgħu jittejbu ċ-ċarezza u l-komparabilità tal-kontenut tal-kontijiet għall-konsumaturi. Dan għandu jwassal ukoll għal iktar għarfien tal-konsumatur dwar il-komponenti individwali tal-prezzijiet u l-kontijiet tal-enerġija, inkluż permezz ta’ aktar trasparenza tal-imposti u t-taxxi tan-netwerk.

Il-konsumaturi kollha, u intermedjarji u kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija affidabbli, imqabbda mill-konsumaturi biex jaġixxu f’isimhom, għandu jkollhom aċċess faċli għal dejta f'ħin reali, jew qrib il-ħin reali, biex ikunu jistgħu jadattaw il-konsum u jiffrankaw l-enerġija. Tali dejta f’ħin reali mhijiex meħtieġa għall-finijiet tal-fatturazzjoni u għalhekk tista’ jkun aċċessibbli għal konsumaturi direttament minn sistema ta’ metraġġ permezz ta’ interfaċċja standard.

L-arloġġi intelliġenti 7 għandhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ aċċess liberu u frekwenti għal dejta preċiża dwar il-konsum, sistema aħjar ta' kontijiet u inqas tilwim fejn jidħol il-metraġġ. Id-dejta mibgħuta mill-Istati Membri turi li huwa stmat li 72 % tal-konsumaturi Ewropej se jkollhom arloġġ intelliġenti tal-elettriku sal-2020 8 b'riżultat ta’ varar fuq skala kbira, li għaddej bħalissa jew li huwa ppjanat mil-lum fi 17-il Stat Membru 9 . Il-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ strateġiji bħal dawn għandhom jinqasmu b’mod ġust bejn l-industrija u l-konsumaturi, filwaqt li jitqiesu l-analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji u l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tan-negozji u tal-konsumaturi.

Waqt it-tħejjija tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-bini fl-Użu tal-Enerġija) u tal-inizjattiva dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli u aktar frekwenti għad-dejta dwar il-konsum tagħhom inkluża l-possibbiltà li jitolbu arloġġ intelliġenti jekk dan ma jkunx għadu nħareġ b'mod sistematiku fiż-żona tagħhom.

2.1.2.Konsumaturi b'għażla wiesgħa ta’ azzjoni

Hekk kif bħalissa tinsab għaddejja t-tranżizzjoni tal-enerġija, qed jinħolqu opportunitajiet ġodda biex il-konsumaturi jibbenefikaw milli jkollhom rwol attiv. Il-konsumaturi madwar l-Unjoni għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-forma preferuta tagħhom biex jieħdu sehem fis-swieq tal-enerġija, direttament jew billi jiddelegaw d-deċiżjonijiet tagħhom lil intermedjarji u kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, affidabbli, bħalma huma aggregaturi li jaġixxi f’isem il-konsumatur.

a)Bidla tal-fornitur — benefiċċji ta' komparabbiltà ogħla

Bidla ċentrali mdaħħla permezz tas-suq intern tal-enerġija tal-UE hija li l-konsumaturi kollha jkollhom id-dritt isibu l-aqwa għażla għall-enerġija kif ukoll is-sors ta’ enerġija li jagħżlu huma. Madankollu, ħafna ċittadini għadhom mhumiex konxji dwar id-dritt tagħhom li jibdlu l-fornitur u l-kuntratt tal-enerġija. Biex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar dan u drittijiet oħra, fl-2014, il-Kummissjoni ħejjiet informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin tal-konsumaturi tal-enerġija, kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. 10  

Il-bidla jeħtieġ li tkun teknikament faċli, rapida u affidabbli. L-inizjattivi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jitqassru it-tulijiet ta' żmien meħtieġa għall-bdil huma mistennija bil-ħerqa f’dan ir-rigward. 11 It-tneħħija tat-tariffi u l-penali għal-bdil, li jillimitaw l-għażla tal-konsumatur u l-kompetizzjoni b’mod ġenerali, ukoll tista' titqies.

Ta' aktar importanza huwa li l-bidla għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aċċessibli faċilment, trasparenti, affidabbli u li tista' titqabbel, li tkopri l-prezz kif ukoll il-kwalità kuntrattwali u s-sodisfazzjon tal-konsumatur, pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-klijenti għall-fornituri kollha u offerti fis-suq. Informazzjoni dwar is-sehem u tip ta’ sorsi ta’ enerġija użati mill-fornituri 12 tkompli tippermetti lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar infurmati.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jiġu żviluppati kriterji tat-trasparenza u tal-affidabbiltà għall-għodod ta’ tqabbil tal-enerġija u biex jiġi żgurat li kull konsumatur ikollu aċċess għal mill-inqas għodda waħda indipendenti u verifikata għat-tqabbil biex ikun jista' jivvaluta l-kuntratt attwali tiegħu u jqabblu mal-offerti kollha disponibbli fis-suq.

Il-Kummissjoni, hi u tibni fuq l-ewwel sforzi mill-industrija u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, kif ukoll fuq prattiki tajba identifikati fil-Forum taċ-Ċittadin dwar l-Enerġija 13 , se tfittex li tidentifika, b’kollaborazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, standards minimi għal informazzjoni ċentrali fir-reklamar u l-kontijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqabbil tal-prezzijiet.

Il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija enfasizzat li r-regolazzjoni tal-prezzjonijet bl-imnut tista' tirrappreżenta xkiel partikolarment b'saħħtu għall-kompetizzjoni effettiva. L-Istati Membri ta’ spiss isemmu prestazzjoni baxxa tas-suq tal-konsumaturi jew ħtiġijiet ta’ protezzjoni soċjali biex jiġġustifikaw ir-regolazzjoni tal-prezzijiet. L-għanijiet ta’ politika soċjali, bħalma huma dawk tal-ħarsien tal-konsumaturi vulnerabbli b'tariffi regolati b'mod ġenerali, għandhom nuqqas ta’ trasparenza u jistgħu fil-fatt iżidu l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi - kemm dawk vulnerabbli kif ukoll dawk li mhumiex. Għalhekk, miżuri aktar sostenibbli u preċiżi għandhom jiġu esplorati biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jneħħu r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-utenti finali. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri fit-tneħħija tal-prezzijiet regolati taħt il-prezz tas-suq, kif stabbilit fl-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, u qed tiżgura wkoll li dawn it-tipi ta' tneħħija gradwali jkunu kkumplimentati bil-ħarsien immirat u effettiv tal-konsumaturi vulnerabbli. Eżempji ta’ suċċess fit-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati, bħal fl-Irlanda, iservu ta' tagħlima għal Stati Membri oħra.

b)Nirrealizzaw il-valur tal-flessibbiltà permezz tar-rispons tad-domanda

L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli varjabbli iwassal biex ir-rispons tad-domanda isir dejjem aktar importanti. l-effiċjenza tal-enerġija u rispons tad-domanda ta’ spiss huma għażliet aħjar sabiex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda milli huma l-bini jew it-tħaddim ta' aktar impjanti tal-enerġija jew linji tan-netwerk. Huwa ċar li l-għażla dwar il-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda dejjem għandha tkun tal-konsumatur.

F’xi partijiet tal-Ewropa, ir-rispons tad-domanda tal-konsumaturi diġà qed isseħħ. Binjiet industrijali u tal-uffiċċji fir-Renju Unit iffrankaw sa 24 % u raw tnaqqis ta' 10-36 % fil-konsum tal-elettriku bis-saħħa ta' programmi awtomatizzati ta’ rispons tad-domanda flessibbli. 14  

Element ewlieni tar-rispons tad-domanda huwa l-aċċess tal-konsumaturi għal sinjali tal-prezzijiet li jippremjaw konsum flessibbli Dawn jistgħu jiġu offruti f’forma ta’ kuntratti ta’ provvista bbażati fuq ipprezzar dinamiku, jew kuntratti li jinvolvu kontroll tat-tagħbija b'rispons għall-kundizzjonijiet tas-suq jew tal-grilja. L-impatti ta’ dawn il-kuntratti għandhom jiġu spjegati bir-reqqa lill-konsumaturi. Inċentiv ulterjuri jista' jkun it-tbaxxija tat-tariffi tan-netwerk jekk il-konsum jitnaqqas meta n-netwerks ma jkunux qed ilaħħqu mat-traffiku. Filwaqt li l-konsumaturi għandhom jingħataw inċentivi biex jipparteċipaw fir-rispons tad-domanda, dawk li ma jistgħux ibiddlu d-domanda m’għandhomx ikunu penalizzati.

Għalkemm għadhom fi stadju bikri, l-esperjenza inizjali bil-kuntratti dinamiċi tal-prezzijiet turi li dawn il-mekkaniżmi jistgħu iwasslu riżultati tajbin għall-konsumaturi 15 . Fejn dan huwa diġà realtà — pereżempju fil-Finlandja jew l-Iżvezja, il-konsumaturi finali qegħdin jagħżlu, dejjem aktar, kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz dinamiku 16 , biex jiffrankaw bejn 15 % u 30 % fuq il-kontijiet tal-elettriku tagħhom. Ir-reviżjoni pendenti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-iżvilupp ta’ proposti leġiżlattivi li jimplimentaw disinn ġdid tas-suq tippreżenta opportunità biex nivvalutaw kif tista’ tiżdied id-disponibbiltà ta’ kuntratti li jiddivrenzaw fiż-żmien.

c)Jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija permezz tal-awtoġenerazzjoni u awtokonsum

Il-kombinazzjoni ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata u għażliet ta’ ħżin ma’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tgħin lill-konsumaturi biex isiru fornituri tagħhom infushom u jimmaniġġjaw (parti mill-) il-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom, isiru produtturi u konsumaturi u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom

Il-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, jekk hix użata mill-konsumaturi għall-bżonnijiet tagħhom stess jew mogħtija lis-sistema, tista' tikkomplementa b'mod utli s-sorsi ta' ġenerazzjoni ċentralizzata. Fejn il-konsum proprju juri li l-produzzjoni u tagħbija jaqblu sew bejniethom, dan jista' jgħin biex jintaqqsu t-telf u l-konġestjoni fil-grilja, biex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tan-netwerk fuq perjodu twil ta’ żmien li kieku jkollu jitħallas mill-konsumaturi

Jekk il-konsumaturi jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess minn sistemi ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-post, dawn jikkunsmaw inqas elettriku mill-grilja. Dan se jaffettwa kif jiġu kkalkulati t-tariffi tan-netwerk. It-tariffi tan-netwerk għandhom jiġu mfassla b’mod li jirriflettu l-ispejjeż u b’mod ġust filwaqt li jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jkunu sempliċi u trasparenti għall-konsumaturi.

L-awtoġenerazzjoni tal-enerġija tiġi diskussa f'aktar dettall fid-Dokument ta' ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

d)Żieda fil-parteċipazzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ intermedjazzjoni u skemi kollettivi

Qed joħorġu dejjem aktar skemi kollettivi u inizjattivi Komunitarji f'għadd ta’ Stati Membri. Aktar u aktar konsumaturi jinvolvu rwieħhom fi skemi kollettivi ta' awtoġenerazzjoni u ta' kooperazzjoni biex jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Din l-innovazzjoni mill-konsumaturi qed tirriżulta wkoll f'innovazzjoni għall-konsumaturi u toħloq mudelli ġodda ta’ negozju. Kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, aggregaturi, sensara, kumpaniji ta’ ġestjoni tad-dejta, kumpaniji intermedjarji oħra u, ta' spiss, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, qegħdin ifeġġu biex jgħinu lill-konsumaturi jiksbu l-aqwa kundizzjonijiet fis-suq tal-enerġija filwaqt li jeħilsuhom minn proċeduri amministrattivi kumplessi u riċerka żejda.

Dan jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal komunitajiet lokali u l-awtoritajiet regjonali li l-inizjattivi tal-enerġija lokali tagħhom jistgħu jipprovdu rabta pożittiva bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iċ-ċittadini u l-innovaturi fil-livell lokali.

Il-Patt tas-Sindki b’aktar minn 6000 belt firmatarja juri li l-awtoritajiet lokali huma lesti li jagħtu sehemhom fis-sistema enerġetika ġdida li tappoġġa enerġija lokali innovattiva, inklużi soluzzjonijiet żviluppati taħt l-inizjattiva Sħubija Ewropea għall-Innnovazzjoni ta’ Bliet u Komunitajiet Intelliġenti.

Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha mal-Patt tas-Sindki biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq tal-enerġija u fil-governanza effettiva għall-Unjoni tal-Enerġija, fost l-oħrajn permezz tal-inizjattivi tal-enerġija lokali. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza Enerġetika, kif ukoll l-inizjattiva dwar it-tfassil tas-suq, se jagħtu opportunità biex jiġi vvalutat kif jista' jiġi ffaċilitat l-aċċess effettiv għal fornitori tal-enerġija innovattivi, inklużi skemi kollettivi.

2.1.3.Iż-żamma ta' protezzjoni sħiħa għall-konsumaturi

Il-leġiżlazzjoni tal-UE, lill-konsumaturi tal-enerġija, diġà tipprovdilhom drittijiet mifruxa ferm, li l-infurzar tagħhom jibqa’ prijorità. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u tipprovdi gwida aktar dettaljata f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u r-regolaturi. Sejra titqies l-inklużjoni ta’ liġijiet speċifiċi għall-enerġija fl-Anness tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur. Ir-responsabbiltà ewlenija primarja biex jiġu infurzati d-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumaturi tal-enerġija tibqa’ f’idejn l-Istati Membri.

B’aktar għażliet u offerti, il-konsumaturi jeħtieġu saħansitra aktar garanziji li huma qed jiġu effettivament imħarsa minn prattiki kummerċjali inġusti. L-awtoritajiet li jinvestigaw prattiki u lmenti bħal dawn fis-settur tal-enerġija jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

Il-faqar tal-enerġija huwa kwistjoni oħra importanti għal azzjoni mill-Istati Membri, azzjoni fejn il-miżuri ta’ politika soċjali u tal-enerġija jiltaqgħu. Il-faqar tal-enerġija għandu jiġi indirizzat fil-kuntest usa’ tas-sigurtà soċjali, iżda mingħajr ma tiġi injorata l-ħtieġa għal assistenza immirata u effettiva, li tirrifletti l-aħjar prassi fil-qasam tal-enerġija 17 .

Il-ħidma fuq l-aħjar prattiki mal-partijiet ikkonċernati fil-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija 18 enfasizzat li t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija għandu t-tendenza li jkun l-aħjar soluzzjoni fit-tul għall-faqar fl-enerġija. Dan għandu jiġi rifless fl-azzjonijiet li jieħdu l-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija 19 . Hawnhekk, Il-Forum taċ-Ċittadin dwar l-Enerġija jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika dwar l-aktar għajnuna effettiva, l-ewwel u qabel kollox permezz tal-effiċjenza enerġetika.

Sabiex ikun aktar faċli għall-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward u biex tiżdied it-trasparenza, il-Kummissjoni se tqis kif jistgħu jittejbu l-ġbir tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-faqar enerġetiku madwar l-UE, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. Jistgħu jiġu kkunsidrati kriterji minimi komuni għall-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-konsumaturi 20 u l-faqar enerġetiku.

Kif id-djar u n-netwerks intelliġenti isiru realtà

It-teknoloġiji intelliġenti għall-grilji u d-djar għandhom jissimplifikaw l-involviment tal-konsumatur fis-suq ġdid tal-bejgħ bl-imnut u ma joħloqux piżijiet. Soluzzjonijiet awtomatizzati integrati jistgħu jippermettu u jissimplifikaw l-azzjoni tal-konsumatur billi jgħaqqdu sistemi ta’ metraġġ intelliġenti ma' sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija intelliġenti u elettrodomestiċi intelliġenti li jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-konsum, il-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda jew jallinjaw ir-rispons għad-domanda, il-mikroġenerazzjoni tagħhom mill-qrib kemm jista’ jkun skont l-informazzjoni tal-prezz tal-enerġija. Teknoloġiji intelliġenti bħal dawn jiffaċilitaw ukoll l-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi.

Biex il-konsumaturi kif ukoll is-sistema tal-enerġija jieħdu l-benefiċċju sħiħ minn dawn it-teknoloġiji, is-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti li għandhom jiġu stallati għandhom ikunu adatti għall-iskop f’termini tal-funzjonalitajiet li joffru 21 . Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-metraġġ avvanzat għandu jiggarantixxi l-interoperabbiltà teknika kif ukoll l-aċċess tal-konsumaturi għad-dejta dwar il-konsum tagħhom permezz ta’ interfaċċja standard miftuħa nonproprjetarja 22 .

Korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej 23 diġà ħarġu b'sensiela sħiħa ta’ standards għall-arloġġi intelliġenti, għall-arkitettura ġenerali u għall-komponenti individwali ta’ grilji intelliġenti, li jkopru kemm it-teknoloġija u kif ukoll kwistjonijiet ta’ komunikazzjoni (jiġifieri Protokolli għall-iskambju tal-informazzjoni). Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards u ser tanalizza jekk standards Ewropej għall-grilji intelliġenti u s-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti, kif ukoll il-funzjonalitajiet rakkomandati għal dan tal-aħħar, humiex applikati b’mod konsistenti biex jiġi żgurat li jwasslu l-funzjonalità u l-interoperabbiltà mixtieqa.

L-istandards u l-interoperabbiltà huma importanti wkoll għal komunikazzjoni ġewwa d-dar bejn l-elettrodomestiċi intelliġenti u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija sabiex tagħmir domestiku "demand-response-ready", ikun jista' jiġi stallat u mħaddem faċilment. L-industrija teħtieġ li tiffinalizza u tapplika dawn l-istandards 24 malajr u għandha tiġi appoġġjata f'dan. Is-sinerġiji ma’ sistemi nazzjonali oħra (eż. tal-provvista tal-ilma) għandhom ukoll jiġu esplorati biex l-elettrodomestiċi intelliġenti ukoll jottimizzaw il-konsum tagħhom.

L-għotjiet u l-finanzjament mill-UE ser jibqgħu jintużaw għar-riċerka u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji tad-djar u grilji intelliġenti, kif ukoll is-sigurtà tagħhom, biex b'hekk il-kompettività internazzjonali tal-kumpaniji tal-UE f’dan is-settur ta’ valur għoli tingħata spinta.

Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ investimenti fin-netwerks u l-operazzjonijiet b’mod kosteffikaċi fiċ-ċirkostanzi l-ġodda se jkun kruċjali. L-iskemi ta’ rimunerazzjoni għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom ikunu jirriflettu l-ispejjeż u jinċentivawhom sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod kosteffettiv f’soluzzjonijiet innovattivi għall-iżvilupp tan-netwerk u jaġixxu bħala faċilitaturi tas-suq newtrali meta jkunu responsabbli għat-trattament tad-dejta.

L-Istati Membri u l-industrija għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex jikkofinanzjaw l-użu tat-teknoloġija intelliġenti. Investimenti fit-teknoloġija u r-riċerka tal-enerġija intelliġenti, inkluż permezz tal-programm Orizzont 2020, se jġibu benefiċċji paralleli multipli billi jagħtu spinta lill-kompetittività Ewropea f’setturi industrijali ta’ valur għoli kif jitlob, inter alia, is-Suq Uniku Diġitali.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Ewropew tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, se tiżgura li l-approċċi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jinċentivaw l-innovazzjoni u l-kosteffiċjenza, kif ukoll it-trasparenza tal-kwalità tal-operazzjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-enerġija.

Attenzjoni speċjali għall-ġestjoni u l-protezzjoni tad-dejta

Parti importanti mill-valur tas-suq tal-enerġija fil-futur se tirriżulta minn flussi kbar ta’ dejta u mill-integrazzjoni usa’ tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fis-sistemi tal-enerġija. Għalhekk, l-operatur tal-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta fil-kuntest ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti jew servizzi oħra li jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jaġixxi għandu jipprovdi aċċess dirett għal din id-dejta lill-klijent u lil kwalunkwe parti terza ddeżinjata mill-konsumatur. Għandu jingħata aċċess effettiv u mhux diskriminatorju. 25 Dan huwa essenzjali meta l-entità tal-metraġġ jew tal-kontijiet tkun qed tipprovdi wkoll servizzi oħra fis-suq. Filwaqt li l-immaniġġjar tad-dejta jista' jsegwi mudelli differenti 26 , in-newtralità ta’ entitajiet li jġestixxu l-aċċess tad-dejta hija tal-akbar importanza.

Għal servizzi b’valur miżjud, partijiet terzi awtorizzati mill-konsumatur biss għandu jkollhom aċċess għal dejta dwar il-konsum u l-fatturar tal-konsumatur. Bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni fl-2016 se tipproponi Inizjattiva Ewropea għall-"Fluss liberu tad-dejta" 27 fejn is-sjieda, l-interoperabbiltà, l-użabbiltà u l-aċċess għad-dejta (inkluża d-dejta dwar l-enerġija) ser jiġu kkunsidrati.

Is-settur tal-enerġija għandu jibqa’ fuq quddiemnett fil-protezzjoni tas-sigurtà tad-dejta kif ukoll fil-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta tal-konsumaturi kollha.

Il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni u għal Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, it-tnejn li huma attwalment taħt diskussjoni, jindirizzaw riskji emerġenti bit-trattament tad-dejta. B’antiċipazzjoni ta’ żvilupp bħal dan fil-qafas regolatorju ġenerali dwar is-sigurtà tad-dejta u l-protezzjoni tal-privatezza, il-Kummissjoni kienet qed taħdem fuq għodod rilevanti speċifiċi għas-settur mal-partijiet ikkonċernati mis-settur tal-enerġija.

F’Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni 28 li tipprovdi gwida lill-Istati Membri u lill-industrija dwar kif għandha ssir valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-dejta, biex b’hekk ikunu jistgħu jantiċipaw l-impatti potenzjali fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta u jimplimentaw salvagwardji restrittivi ta’ sigurtà 29 . Billi jsegwi r-rakkomandazzjoni, is-settur tal-enerġija se jkun fuq quddiemnett fil-protezzjoni tad-dejta bl-aktar mod kosteffettiv u mhux burokratiku.

3.Konklużjoni u l-passi li jmiss

It-twassil tal-Patt il-Ġdid li jissemma fl-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, ifisser li l-konsumaturi jitqiegħdu fiċ-ċentru ta' sistema tal-enerġija b'saħħitha u li taħdem bis-sħiħ. Il-passi biex din tinkiseb jistgħu jinġabru fil-qosor fl-għaxar punti li ġejjin:

1.Il-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess frekwenti, inkluż kważi f’ħin reali, għal informazzjoni parzjalment standardizzata, utli, preċiża u li tinftiehem dwar il-konsum u kostijiet relatati kif ukoll dwar it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija.

2.Il-bdil tal-fornituri għandu jkun malajr u sempliċi, megħjun minn offerti trasparenti u direttament komparabbli mingħand fornituri kompetittivi u mhux imxekkel eż. mit-tariffi tal-bdil.

3.Għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu kompletament protetti fis-suq tal-enerġija l-ġdida, fosta l-oħrajn minn prattiki kummerċjali inġusti.

4.Il-konsumaturi għandhom jingħataw possibbiltajiet biex isiru attivi fil-qasam tal-enerġija u jibbenefikaw mill-attivitajiet tagħhom f'dan ir-rigward, pereżempju billi jaġġustaw u jnaqqsu l-konsum tagħhom skont kif jevolvu l-prezzijiet, billi jgħinu fl-ibbilanċjar tal-varjabilità tal-enerġija rinnovabbli billi jħaddnu r-rispons għad-domanda, jew billi jipproduċu jew jaħżnu l-enerġija.

5.Id-dejta dwar il-konsum/metraġġ għandha tinżamm taħt il-kontroll tal-konsumaturi; fejn il-konsumaturi jagħtu lill-partijiet l-oħra (fornituri u l-intermedjarji) aċċess għad-dejta tagħhom, il-privatezza, il-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta tagħhom għandha tkun garantita.

6.Il-konsumaturi għandhom jingħataw aċċess għal offerti kompetittivi u trasparenti bbażati fis-suq, filwaqt li l-konsumaturi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u/jew li jiffaċċjaw faqar enerġetiku għandhom jingħataw assistenza mmirata u effettiva li tirrifletti l-aħjar prattiki u tikkontribwixxi għall-effiċjenza enerġetika u għall-iffrankar tal-enerġija.

7.Il-konsumaturi għandhom jingħataw l-għażla li jieħdu sehem fis-suq permezz ta’ intermedjarji, azzjonijiet kollettivi jew skemi komunitarji affidabbli. Dawn l-intermedjarji jeħtieġ li jkollhom aċċess ġust għas-swieq u d-dejta dwar il-konsum u jiġu mmonitorjati bl-istess mod bħall-fornituri.

8.L-elettrodomestiċi u l-komponenti intelliġenti għandhom ikunu kompletament interoperabbli u faċli għall-użu u s-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti għandhom ikunu xierqa għall-użu, bil-funzjonalitajiet rakkomandati biex ikunu tal-akbar benefiċċju għall-konsumaturi.

9.L-iżgurar ta’ operazzjoni stabbli u kosteffettiva tan-netwerk; l-iżgurar ta' trattament mhux diskriminatorju ta’ dejta ta' metraġġ b’valur kummerċjali potenzjali minn operaturi tas-Sistemi ta’ Distribuzzjoni jew kwalunkwe entità oħra responsabbli.

10.It-tisħiħ tar-rabta bejn l-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija biex tiġi żviluppata l-kompetittività internazzjonali fit-teknoloġiji għad-djar intelliġenti u l-grilji intelliġenti, b’kooperazzjoni mal-atturi kollha tas-suq.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u sorveljanza regolatorja effettiva jipprovdu ħafna mill-għodod meħtieġa biex jintlaħaq dan. Hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, u inizjattivi ta’ kollaborazzjoni tal-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u regolaturi nazzjonali se jkollhom ukoll rwol importanti x’jaqdu fil-governanza effettiva tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-valutazzjonijiet li ġejjin ta’ leġiżlazzjoni eżistenti (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, u d-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli), il-kodiċijiet tan-netwerk u l-iniżjattiva ppjanata għad-disinn ġdid tas-suq, u l-evalwazzjonijiet ta’ impatt tagħhom, se jipprovdu l-opportunità li jiġi identifikat fejn tkun meħtieġa azzjoni fuq il-livell tal-UE sabiex jitwassal patt ġdid għall-konsumaturi. Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar it-tikkettar enerġetiku hija l-ewwel pass biex jgħin lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

(1)

COM(2015) 83finali

(2)

  http://ec.europa.eu/energy/en/consultations/consultation-retail-energy-market

(3)

It-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti; Il-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija u l-gruppi ta’ esperti tiegħu dwar il-Konsumaturi Vulnerabbli u dwar il-Konsumaturi bħala Atturi fis-Suq tal-Enerġija; Is-Sottogrupp tal-Enerġija tal-Grupp Konsultattiv Ewropew tal-Konsumaturi.

(4)

Sorsi: Prezzijiet u kostijieti tal-enerġija fl-Ewropa, COM(2014) 21/2, 29.1.2014, l-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija, COM(2014)520 finali, 23.7.2014. Dawn il-kwistjonijiet u oħrajn (bħas-sinerġiji bejn in-netwerks tal-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ) se jiġu indirizzati fl-istrateġija li jmiss tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ u fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Bini.

(5)

Sors: Anness għall-Valutazzjoni tal-Impatt għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SEC(2011) 779 finali, 22.6.2011

(6)

 Studju dwar “it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija f’bini b’ICT SMART 2013/0073”.

(7)

L-arloġġ intelliġenti huwa sistema elettronika li tista’ tkejjel il-konsum tal-enerġija, li tipprovdi iktar informazzjoni minn arloġġ tad-dawl konvenzjonali, u li tista' tittrażmetti u tirċievi d-dejta billi tuża xi tip ta' komunikazzjoni elettronika. Ara l-Art. 2.28 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE

(8)

“Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni tal-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’fokus fuq l-elettriku”, COM(2014) 356. 16-il Stat Membru impenjaw irwieħhom biex jistallaw 245 miljun arloġġ intelliġenti li jiswew madwar EUR 45 biljun sal-2020.

(9)

l-Iżvezja, l-Italja, il-Finlandja, Malta, Spanja, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Renju Unit, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Greċja, Franza, in-Netherlands, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Latvja

(10)

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/consumer_scoreboards/10_edition/docs/consumer_market_brochure_141027_mt.pdf u http://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Publication/ACER_Market_Monitoring_Report_2014.pdf

(11)

Il-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija.

(12)

Pereżempju, kif diġà previst taħt l- Artikolu 3.9 (a) u (b) tad- Direttiva 2009/72/KE

(13)

  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/2012111314_citizen_forum_meeting_working_group_report.pdf ; https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/20131219-e-billing_energy_data.pdf

(14)

Fortum 2014, SEAM group 2014 and Thames Valley Vision pilot scheme, Bracknell UK 2013.

(15)

Fil-Finlandja fl- 2014 il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi naqsu b’4 % f’kuntratti bi prezzijiet fissi u b'madwar 10 % fuq kuntratti spot-price, l-irħas tip ta' kuntratt mill-2012 'l hawn; Sors: Energiavirasto (NRA) 2015.

(16)

Fl-Iżvezja, għadhom jiddominaw il-kuntratti bi prezzijiet fissi (43 % fl- 2012). Madankollu dawk varjabbli (27.5 %) qed jiżdiedu (+ 17 % fis-sena). L-ispiża totali tal-elettriku għal klijent b’kuntratt bażiku kienet 50 % ogħla fl- 2012 meta mqabbla ma’ kuntratti flessibbli. Sors: Rapport Annwali Energi Inspektion 2013.

(17)

Dawn ta’ spiss jinkludu azzjonijiet speċifiċi għall-enerġija, bħal titjib fl-effiċjenza enerġetika li jistgħu jimminimizzaw il-ħela tal-enerġija, u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi vulnerabbli.

(18)

Ara d-dokument ta’ gwida dwar il-Konsumaturi Vulnerabbli, Novembru 2013: http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/20140106_vulnerable_consumer_report_0.pdf

(19)

Ara l-istudju tal-2015 hawnhekk: https://ec.europa.eu/energy/en/content/energy-poverty-may-affect-nearly-11-eu-population-study

(20)

Studju attwali tal-Kummissjoni dwar il-vulnerabbiltà tal-konsumatur madwar is-swieq ewlenin fl-Unjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/chafea/consumers/tenders_2013_cons_08.html

(21)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti

(22)

Eż. interfaċċja USB u dejta kkodifikata bl-użu ta’ DSLM/COSEM.

(23)

Comité européen de normalisation (CEN), Comité européen de normalisation électrotechnique (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI)

(24)

Eż. ETSI/OneM2M, l-Ontoloġija tal-elettrodomestiċi Intelliġenti, it-Tikkettar tal-Enerġija.

(25)

 Id-Direttiva l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti

(26)

Rapport hawnhekk: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/xpert_group3_first_year_report.pdf

(27)

http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market/

(28)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/724/UE dwar il-Mudell ta' Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Dejta għall-Grilji Intelliġenti u Sistemi ta' Kejl Intelliġenti.

(29)

Ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi l-ittestjar u l-użu tal-Mudell ta’ Valutazzjoni tal-Impatt għall-Protezzjoni tad-Dejta żviluppat b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-esperti tal-industrija biex iservi bħala għodda għall-evalwazzjoni u għat-teħid tad- deċiżjonijiet għall-entitajiet li qed jippjanaw jew li qegħdin jinvestu fis-settur tal-grilji intelliġenti.

Top