EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0192

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa

/* COM/2015/0192 final */

Brussell, 6.5.2015

COM(2015) 192 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa

{SWD(2015) 100 final}


Estratt mil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss — Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku (il-15 ta' Lulju 2014)

Prijorità Nru 2: Suq Uniku Diġitali Konness

“Nemmen li għandna nagħmlu użu ħafna aħjar tal-opportunitajiet kbar offruti mit-teknoloġiji diġitali, li ma jafux fruntieri. Biex isir dan, jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ biex inkissru l-kompartimentalizzazzjoni nazzjonali fir-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni, fid-drittijiet tal-awtur u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, fil-ġestjoni ta’ mewġ tar-radju u fl-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni.

Jekk nagħmlu dan, nistgħu niżguraw li ċ-ċittadini Ewropej dalwaqt se jkunu jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom fl-Ewropa kollha mingħajr ma jkollhom iħallsu tariffi tar-roaming. Nistgħu niżguraw li l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għal servizzi, mużika, films u avvenimenti sportivi fuq l-apparat elettroniku tagħhom ikunu fejn ikunu fl-Ewropa, u irrispettivament mill-fruntieri. Nistgħu noħolqu kundizzjonijiet ugwali fejn il-kumpaniji kollha li joffru oġġetti jew servizzi fl-Unjoni Ewropea jkunu soġġetti għall-istess regoli tal-konsumatur u tal-protezzjoni tad-dejta, irrispettivament minn fejn ikunu bbażati s-servers tagħhom. Bil-ħolqien ta’ suq diġitali uniku konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun ta’ tkabbir ekonomiku addizzjonali fl-Ewropa matul il-mandat tal-Kummissjoni li jmiss, u b’hekk noħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, u soċjetà vibranti bbażata fuq it-tagħrif.

Biex jinkiseb dan, biħsiebni li fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tiegħi, nieħu passi leġiżlattivi ambizzjużi lejn suq uniku diġitali konness, b’mod partikolari billi nikkonkludi malajr in-negozjati dwar ir-regoli komuni Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta; billi nżid aktar ambizzjoni fir-riforma li għaddejja dwar ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tagħna; billi nimmodernizza r-regoli tad-drittijiet tal-awtur fid-dawl tar-rivoluzzjoni diġitali u l-bidla fl-imġiba tal-konsumatur; u billi nimmodernizza u nissimplifika r-regoli tal-konsumatur għal xiri online u diġitali. Dan għandu jimxi pass pass ma' sforzi biex tingħata spinta lill-ħiliet diġitali u t-tagħlim fis-soċjetà u biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ impriżi ġodda innovattivi. It-tisħiħ tal-użu tat-teknoloġiji diġitali u s-servizzi online għandu jsir politika orizzontali li tkopri s-setturi kollha tal-ekonomija u tas-settur pubbliku.”

Jean-Claude Juncker

1.Introduzzjoni: Għaliex għandna bżonn Suq Uniku Diġitali

L-ekonomija globali qed isir diġitali rapidament. It-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (Information and Communications Technology, ICT) ma għadhiex settur speċifiku iżda l-pedament tas-sistemi ekonomiċi innovattivi u moderni kollha. L-Internet u t-teknoloġiji diġitali qed jittrasformaw il-ħajja tagħna, il-mod kif naħdmu — bħala individwi, fin-negozju, u fil-komunitajiet tagħna hekk kif isiru aktar integrati madwar is-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna.

Dawn il-bidliet qed iseħħu fi skala u veloċità li jġibu opportunitajiet enormi għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Huma jqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ politika diffiċli għall-awtoritajiet pubbliċi li jeħtieġu azzjoni kkoordinata tal-UE. Kull Stat Membru qed jaffaċċa problemi simili iżda fuq bażi nazzjonali li hija limitata wisq biex ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet kollha u jindirizzaw l-isfidi kollha ta’ din il-bidla trasformattiva. Għal ħafna kwistjonijiet il-livell Ewropew joffri qafas xieraq. Din hija r-raġuni l-għala l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha.

Suq Uniku Diġitali huwa wieħed fejn il-moviment liberu tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa żgurat u fejn l-individwi u n-negozji jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw attivitajiet online bla problemi u f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta, u livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali u dik tal-konsumatur, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post ta' residenza. Il-kisba ta’ Suq Uniku Diġitali se tiżgura li l-Ewropa żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja dinjija fl-ekonomija diġitali li tgħin lill-kumpaniji Ewropej biex jikbru globalment.

L-Ewropa għandha l-kapaċitajiet li tmun il-mexxejja fl-ekonomija diġitali globali iżda aħna mhux qed nisfruttaw dawn il-kapaċitajiet. Il-frammentazzjoni u l-ostakoli li ma jeżistux fis-Suq Uniku fiżiku qed iżommu lura lill-UE. It-tneħħija ta' dawn l-ostakoli fl-Ewropa tista' tikkontribwixxi EUR 415-il biljun addizzjonali għall-PDG Ewropew 1 . L-ekonomija diġitali tista' tespandi s-swieq u trawwem servizzi aħjar bi prezzijiet aħjar, toffri iktar għażla u toħloq sorsi ġodda tax-xogħol. Is-Suq Uniku Diġitali jista’ joħloq opportunitajiet għal negozji ġodda u jippermetti lill-kumpaniji eżistenti jikbru u japprofittaw mill-iskala ta’ suq ta’ aktar minn 500 miljun ruħ.

Din l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bbenefikat minn kontribut u djalogu mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati. Hija għandha skop multiannwali u hija ffukata fuq azzjonijiet interdipendenti ewlenin li jistgħu jittieħdu biss fil-livell tal-UE. Dawn ġew magħżula biex ikun hemm impatt massimu, li jistgħu jitwettqu matul dan il-mandat ta' din il-Kummissjoni, u se jitmexxew 'il quddiem f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. Kull azzjoni se tkun suġġetta għal konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt xierqa. L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali se tkun mibnija fuq tliet pilastri:

·Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-prodotti u s-servizzi online madwar l-Ewropa — dan jirrikjedi t-tneħħija rapida ta’ differenzi prinċipali bejn id-dinjiet online u offline biex jingħelbu l-ostakoli għal attività transfruntiera online.

·Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu — dawn jeħtieġu servizzi ta' infrastruttura u kontenut b'veloċità għolja, siguri u kredibbli, appoġġati minn kundizzjonijiet regolatorji tajbin għall-innovazzjoni, investiment, kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi.

·Massimizzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ekonomija Diġitali Ewropea tagħna — dan jeħtieġ investiment fl-infrastruttura tal-ICT u teknoloġiji bħall-Cloud computing u Big Data u r-riċerka u l-innovazzjoni biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali kif ukoll servizzi pubbliċi aħjar, inklużività u ħiliet.

2.aċċess online aħjar għall-konsumaturi u n-negozji madwar l-Ewropa kollha

Is-Suq Uniku Diġitali se jipprovdi lin-negozji, b’mod partikolari lill-intraprendituri, b’opportunitajiet ġodda biex jespandu madwar l-Ewropa. Għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm azzjoni immedjata biex jitneħħew l-ostakoli għal attività transfruntiera online, inklużi d-differenzi fil-liġi kuntrattwali u tad-drittijiet tal-awtur bejn l-Istati Membri u jitnaqqas il-piż relatat mal-VAT. Parti mill-bini tal-fiduċja tal-konsumatur f’bejgħ online transfruntiera teħtieġ servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera ta’ kwalità għolja, li sa llum għadhom ma jeżistux. L-istrateġija titratta wkoll dwar id-definizzjoni ta’ qafas xieraq tal-kummerċ elettroniku u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni inġusta kontra l-konsumaturi u n-negozji meta jippruvaw jaċċessaw il-kontenut jew jixtru oġġetti u servizzi online fl-UE. Id-diskriminazzjoni tista’ tiġi f’forma ta’ restrizzjonijiet ta' nazzjonalità, residenza jew tal-post ġeografiku li jmorru kontra l-prinċipji bażiċi tal-UE.

2.1.Ir-regoli tal-kummerċ elettroniku transfruntiera li l-konsumaturi u n-negozji jistgħu jafdaw

Waħda mir-raġunijiet għaliex il-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar mhumiex involuti iktar fil-kummerċ elettroniku transfruntiera hija li r-regoli li japplikaw għal dawn it-transazzjonijiet jistgħu jkunu kumplessi, mhumiex ċari u jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri. Il-fatt li hemm 28 liġi nazzjonali kuntrattwali u tal-konsumatur differenti jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera u jipprevjeni lill-konsumaturi milli jibbenefikaw mill-aktar offerti kompetittivi u minn firxa wiesgħa ta’ offerti online.

·Il-konsumaturi tal-UE jistgħu jiffrankaw EUR 11,7 biljun kull sena jekk ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jagħżlu mill-firxa kollha ta’ prodotti u servizzi tal-UE meta jixtru online.

·Mal-61 % tal-konsumaturi tal-UE jħossuhom fiduċjużi dwar ix-xiri permezz tal-Internet minn bejjiegħa bl-imnut li jinsabu fl-Istat Membru tagħhom stess filwaqt li 38 % biss iħossuhom fiduċjużi dwar xiri minn Stat Membru ieħor tal-UE.

·Huma biss 7 % tal-SMEs fl-UE li jbigħu minn fruntiera għall-oħra.

F’Suq Uniku, il-kumpaniji għandhom ikunu kapaċi jimmaniġġaw il-bejgħ tagħhom taħt sett ta’ regoli komuni. Xi aspetti tal-liġi tal-konsumatur u l-liġi kuntrattwali diġà ġew armonizzati b’mod sħiħ għal bejgħ online (bħalma hi l-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt kif ukoll ir-regoli li jirregolaw id-dritt tagħhom li jirtiraw mill-ftehim jekk jibdlu fehemthom). Madankollu, aspetti oħra tal-kuntratt (bħal x’inhuma r-rimedji disponibbli jekk oġġetti tanġibbli ma jkunux konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ) huma soġġetti biss għar-regoli tal-UE li jipprovdu armonizzazzjoni minima, bil-possibbiltà għall-Istati Membri li jmorru lil hinn minn dan. Meta wieħed jiġi għal rimedji għal kontenut diġitali mixtri online li huwa difettuż (bħal kotba elettroniċi) ma jeżistux regoli tal-UE, u huma biss ftit dawk nazzjonali.

Regoli moderni u ssimplifikati għal xiri transfruntiera online u diġitali se jħeġġu aktar negozji li jbigħu online bejn il-fruntieri u tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku transfruntiera. Jekk l-istess regoli għall-kummerċ elettroniku jiġu applikati fl-Istati Membri kollha tal-UE, 57 % tal-kumpaniji qalu li jew jibdew jew iżidu l-bejgħ online tagħhom lejn Stati Membri oħra tal-UE.

Biex ikun hemm il-kundizzjonijiet adatti li jippermettu l-kummerċ elettroniku transfruntiera biex jiffjorixxi, il-Kummissjoni, kif ħabbret fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2015, se tagħmel proposta leġiżlattiva emendata 2 li tippermetti lill-bejjiegħa jiddependu fuq il-liġijiet nazzjonali tagħhom, billi tkompli tarmonizza d-drittijiet u l-obbligi ewlenin tal-partijiet għal kuntratt ta’ bejgħ. Dan se jsir b’mod partikolari billi jiġu provduti rimedji għal nuqqas ta’ rendiment u perjodi xierqa għad-dritt ta’ garanzija legali. L-għan huwa li jiġi żgurat li n-negozjanti fis-suq intern ma jiġux skoraġġiti milli jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera minn differenzi f’liġijiet nazzjonali kuntrattwali tal-konsumatur mandatorji, jew għal differenzi li jirriżultaw minn regoli speċifiċi dwar il-prodotti bħalma hu l-ittikkettjar.

Madankollu, li jkun hemm sett ta’ regoli komuni mhux biżżejjed. Hemm ukoll ħtieġa għal infurzar aktar rapidu, flessibbli u konsistenti fir-regoli tal-konsumaturi għal xiri online u dak diġitali biex dawn isiru kompletament effettivi. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi 3 , li se jiċċara u jiżviluppa s-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar u jtejjeb il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom u l-mekkaniżmi ta’ twissija biex jinstabu l-infrazzjonijiet b’mod aktar mgħaġġel. Barra minn hekk, fl-2016, il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma ta’ soluzzjoni online għat-tilwim madwar l-UE kollha.

Il-Kummissjoni se tagħmel proposta modifikata qabel tmiem l-2015 (i) li tkopri regoli tal-UE armonizzati għal xiri online ta’ kontenut diġitali, u (ii) li tippermetti lill-kummerċjanti li jiddependu fuq il-liġijiet nazzjonali tagħhom ibbażati fuq sett iffukat ta’ drittijiet kuntrattwali obbligatorji ewlenin tal-UE għal bejgħ online domestiku u transfruntiera ta’ oġġetti tanġibbli.

Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur sabiex tiżviluppa mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni aktar effiċjenti.

2.2.Il-konsenja transfruntiera ta’ kwalità għolja tal-pakketti bi prezz raġonevoli

Servizzi ta’ konsenja transfruntiera ta' kwalità għolja u bi prezzijiet raġonevoli jistgħu jibnu l-fiduċja tal-konsumatur f’bejgħ online transfruntiera. Il-partijiet interessati jilmentaw dwar nuqqas ta’ trasparenza, l-ispejjeż eċċessivi ta’ konsenji żgħar u n-nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-operaturi differenti tipikament involuti fit-trasportazzjoni transfruntiera u n-nuqqas ta’ konvenjenza għall-konsumatur finali.

·Għal kumpaniji li attwalment ma jbigħux online iżda qed jippruvaw jagħmlu dan, 62 % jgħidu li l-fatt li l-ispejjeż tal-kunsinna huma għoljin wisq hija problema.

·It-tariffi elenkati għall-konsenja ta' pakketti bejn il-pajjiżi imposti mill-operaturi postali nazzjonali huma stmati li huma minn darbtejn sa ħames darbiet ogħla mill-prezzijiet domestiċi.

Il-prezzijiet għoljin u l-ineffiċjenza tal-konsenja tal-pakketti ma għandhiex tkun ta’ ostakolu għall-kummerċ transfruntiera online. Eżerċizzju ta’ awtoregolamentazzjoni mill-industrija se jiġi rappurtat lill-Kummissjoni f’Ġunju 2015. Dan l-eżerċizzju huwa kkonċentrat fuq l-aspetti ta' kwalità u interoperabbiltà bħal “track and trace” u twassil aktar mgħaġġel ta’ pakketti, iżda ma jkoprix id-dimensjoni tal-prezzijiet jew is-sorveljanza regolatorja. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-azzjoni meħuda mill-industrija u t-tnedija ta’ miżuri kumplimentari biex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet għall-konsenji Ewropej, inklużi l-prezzijiet għal konsenji żgħar u ssaħħaħ is-sorveljanza regolatorja fuq is-swieq transfruntiera tal-pakketti biex jiġi żgurat it-twassil transfruntiera li jaħdem sew. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali wara perjodu ta’ sentejn mill-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri filwaqt li tqis kif xieraq kwalunkwe progress li jkun sar.

Il-Kummissjoni se tniedi miżuri fl-ewwel nofs tal-2016 biex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja tal-konsenja tal-pakketti.

2.3.Il-prevenzjoni ta’ blokok ġeografiċi mhux ġustifikati

Blokok ġeografiċi tirreferi għal prattiki użati għal raġunijiet kummerċjali minn bejjiegħa online li jirriżultaw f’ċaħda ta’ aċċess għal websajts ibbażati fi Stati Membri oħra. Xi drabi l-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċessaw is-sit, iżda xorta ma jkunux jistgħu jixtru prodotti jew servizzi minn dan is-sit. Il-konsumatur jista’ wkoll jiġi ridirezzjonat lejn websajt lokali tal-istess kumpanija bi prezzijiet differenti jew ta’ prodott jew servizz differenti. F’każijiet oħra, fejn il-bejgħ ma jiġix miċħud, jintużaw prattiki skont iż-żona li b'riżultat tagħhom prezzijiet differenti huma applikati awtomatikament fuq il-bażi tal-lokalità ġeografika, pereżempju meta klijenti tal-kiri tal-karozzi online fi Stat Membru jħallsu aktar għal kiri identiku tal-karozzi f’destinazzjoni partikolari minn klijenti online fi Stat Membru ieħor. L-ibblukkar ġeografiku huwa wieħed mid-diversi għodod użati mill-kumpaniji biex jaqsmu s-suq tul il-fruntieri nazzjonali (restrizzjonijiet territorjali). Billi jillimita l-opportunitajiet u l-għażla tal-konsumatur, l-ibblukkar ġeografiku huwa kawża sinifikanti ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur u tal-frammentazzjoni tas-Suq Intern.

·L-74 % tal-ilmenti riċevuti min-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur rigward id-differenzi fil-prezzijiet jew diskriminazzjonijiet ġeografiċi oħra li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi huma marbuta ma’ xiri online transfruntiera.

Il-prattiki ta' blokok ġeografiċi jistgħu jkunu r-riżultat ta’ deċiżjoni unilaterali minn atturi tas-suq, ta’ ftehimiet bejn kompetituri biex jaqsmu s-suq, jew ta’ ftehimiet vertikali (għal drittijiet ta’ distribuzzjoni fuq territorju). Xi kultant dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-provvista u d-differenzi fil-prezzijiet li jirriżultaw jistgħu jiġu ġġustifikati, pereżempju meta l-bejjiegħ jeħtieġ li jikkonforma mal-obbligi legali speċifiċi. Madankollu, f’ħafna każijiet l-ibblukkar ġeografiku online mhux ġustifikat. Dawn il-prattiki mhux ġustifikati għandhom jiġu pprojbiti sabiex il-konsumaturi u n-negozji tal-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku f’termini ta’ għażla u prezzijiet aktar baxxi.

Il-Kummissjoni se tagħmel proposti leġiżlattivi fl-ewwel nofs tal-2016 sabiex ittemm l-ibblukkar ġeografiku mhux ġustifikat. L-azzjoni tista’ tinkludi bidla mmirata għall-qafas dwar il-Kummerċ Elettroniku 4 u l-qafas stabbilit mill-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi 5 .

Il-Kummissjoni qed tniedi wkoll Indaġni tas-Settur tal-Kompetizzjoni li tiffoka fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

2.4.Aċċess aħjar għall-kontenut diġitali — Qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew

Id-dritt tal-awtur huwa l-bażi tal-kreattività u tal-industrija kulturali fl-Ewropa. L-UE tiddependi b’mod qawwi fuq il-kreattività biex tikkompeti fuq livell globali u hi minn ta’ quddiem nett fid-dinja f’ċerti setturi intensivi għad-dritt tal-awtur. Il-kontenut diġitali huwa wieħed mill-muturi ewlenin għat-tkabbir tal-ekonomija diġitali. Mas-56 % tal-Ewropej jużaw l-Internet għal finijiet kulturali u l-infiq fuq divertiment u midja diġitali huwa mbassar li se jkollu rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri (madwar 12 %) għall-ħames snin li ġejjin. L-imġiba tal-konsumaturi qed tinbidel peress li dawn qegħdin dejjem aktar jaraw il-kontenut fuq apparat mobbli u jistennew li jkun jista' jkollhom aċċess għall-kontenut minn kullimkien u kull fejn ikunu.

L-ostakoli għal aċċess transfruntiera għal servizzi ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur u l-portabilità tagħhom għadhom komuni, partikolarment għal programmi awdjoviżivi. Fir-rigward tal-portabbiltà, meta l-konsumaturi jaqsmu fruntiera interna tal-UE ħafna drabi ma jkunux jistgħu, għal raġunijiet ta’ drittijiet tal-awtur, jużaw is-servizzi tal-kontenut (pereż. servizzi tal-vidjow) li huma kisbu f’pajjiżhom.

·Mal-45 % tal-kumpaniji li jitħajru jbigħu servizzi diġitali online lill-individwi ddikjaraw li r-restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur li jżommuhom milli jbigħu barra minn pajjiżhom huma problema.

·Inqas minn 4 % tal-kontenut kollu tal-vidjow fuq talba fl-UE huwa aċċessibbli b’mod transfruntiera.

Barra minn hekk, meta jippruvaw jaċċessaw jew jixtru kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur minn Stat Membru ieħor, il-konsumaturi xi kultant jiġu avżati li l-kontenut mhuwiex disponibbli jew ma jkunx jista’ jiġi aċċessat minn pajjiżhom stess. Din is-sitwazzjoni hija parzjalment marbuta mat-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur u d-diffikultajiet assoċjati mal-ikklerjar tad-drittijiet. F’każijiet oħra, in-nuqqas ta’ disponibbiltà u / jew aċċess jista' jirriżulta minn restrizzjonijiet kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u d-distributuri, jew minn deċiżjonijiet kummerċjali meħuda mid-distributuri. Xi kultant dan jista’ jkun minħabba r-rwol ta’ esklużività territorjali fil-finanzjament ta’ ċerti tipi ta’ xogħlijiet (awdjoviżivi).

L-innovazzjoni fir-riċerka kemm għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, ibbażata fuq l-użu tal-estrazzjoni ta’ test u ta’ dejta (pereż. l-ikkupjar ta’ test u datasets fi tfittxija ta’ korrelazzjonijiet sinifikanti jew okkorrenzi) tista’ tiġi mxekkla minħabba qafas legali mhux ċar u approċċi diverġenti fil-livell nazzjonali. Il-ħtieġa għal aktar ċertezza legali li tippermetti lir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jagħmlu użu usa’ ta’ materjal protett mid-drittijiet tal-awtur, inkluż transfruntiera, b’tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal ta’ dawn it-teknoloġiji u minn kollaborazzjoni transfruntiera se jiġu vvalutati, l-istess bħall-partijiet kollha tal-proposti tad-drittijiet tal-awtur fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet interessati kollha.

Sistema effettiva u bbilanċjata tal-infurzar ċivili kontra ksur fuq skala kummerċjali tad-drittijiet tal-awtur hija ċentrali għal investiment fl-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, ir-regoli applikabbli għal attivitajiet ta’ intermedjarji online f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jeħtieġu kjarifika, b’mod partikolari minħabba l-involviment dejjem jikber ta’ dawn l-intermedjarji fid-distribuzzjoni tal-kontenut. Miżuri li jissalvagwardjaw ir-remunerazzjoni ġusta tal-artisti jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll sabiex iħeġġu ġenerazzjoni futura ta’ kontenut.

L-Ewropa teħtieġ aktar armonizzazzjoni tas-sistema tad-drittijiet tal-awtur li tipprovdi inċentivi għall-kreattività u investiment filwaqt li tippermetti t-trażmissjoni u l-konsum tal-kontenut bejn il-fruntieri, u tibni fuq id-diversità kulturali rikka tagħna. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi soluzzjonijiet li jimmassimizzaw l-offerti disponibbli għall-utenti u tiftaħ opportunitajiet ġodda għal dawk li joħolqu l-kontenut, filwaqt li tippreserva l-finanzjament ta’ kontenut tal-midja u l-innovazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi d-direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita 6 , biex tivvaluta l-ħtieġa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għax-xandara tat-trażmissjonijiet online u l-ħtieġa li jiġu indirizzati aktar miżuri biex tiżgura aċċess transfruntiera msaħħaħ tas-servizzi tat-trażmettituri fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni se tagħmel proposti leġiżlattivi qabel tmiem l-2015 biex jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-reġimi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u li jkun hemm aċċess online usa’ għal xogħlijiet minn utenti madwar l-UE, inkluż permezz ta’ aktar miżuri ta’ armonizzazzjoni. Il-proposti se jinkludu: (i) il-portabbiltà ta’ kontenut miksub legalment, (ii) żgurar ta' aċċess transfruntiera għal servizzi mixtrija legalment online filwaqt li jiġi rispettat il-valur tad-drittijiet fis-settur awdjoviżiv, (iii) aktar ċertezza legali għall-użu transfruntiera ta’ kontenut għal għanijiet speċifiċi (pereż. ir-riċerka, l-edukazzjoni, estrazzjoni ta’ test u ta’ dejta, eċċ.) permezz ta’ eċċezzjonijiet armonizzati, (iv) jiġu ċċarati r-regoli dwar l-attivitajiet ta’ intermedjarji fir-rigward ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u, fl-2016, (v) l-immodernizzar tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jiffoka fuq ksur fuq skala kummerċjali (“segwi l-flus”) kif ukoll l-applikabbiltà transfruntiera ta' dan.

2.5.Tnaqqis tal-piżijiet relatati mal-VAT u ostakoli għall-bejgħ bejn il-fruntieri

Il-kumplikazzjonijiet li wieħed irid jaffaċċja ħafna sistemi nazzjonali differenti jirrappreżentaw ostakolu ta’ veru għall-kumpaniji li jippruvaw jagħmlu negozju transfruntiera kemm online kif ukoll offline. Mill-1 ta’ Jannar 2015, bid-dħul fis-seħħ ta’ regoli ġodda “il-post tal-provvista” (appoġġati b’mod unanimu minn 28 Stat Membru), il-VAT fuq is-servizzi kollha tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi hija ntaxxata fejn il-klijent huwa bbażat, aktar milli fejn jinsab il-fornitur.

B’mod parallel, sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ pagament ġiet implimentata biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għan-negozji kkonċernati. Dan għandu jiġi estiż għal oġġetti tanġibbli ordnati online kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Minflok ma jkollhom jiddikjaraw u jħallsu l-VAT għal kull Stat Membru individwali fejn il-klijenti tagħhom huma bbażati, in-negozji jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni waħda u jħallsu fl-Istat Membru tagħhom stess.

Attwalment oġġetti ordnati online minn fornituri minn pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ importazzjoni għal kunsinni żgħar li tippermetti l-konsenja mingħajr VAT għal klijenti privati tal-UE. Dan jagħtihom vantaġġ kompetittiv fuq il-fornituri tal-UE u diġà ġew senjalati distorsjonijiet tas-suq f’diversi Stati Membri. Tali eċċezzjoni ma tkunx aktar meħtieġa jekk il-VAT kellha tinġabar permezz ta’ reġistrazzjoni elettronika waħda u mekkaniżmu elettroniku ta' reġistrazzjoni u ħlas.

·Negozju tal-UE li jixtieq jagħmel bejgħ transfruntiera qed jaffaċċa kost tal-konformità mal-VAT ta’ mill-inqas EUR 5 000 kull sena għal kull Stat Membru mmirat.

·In-negozji tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' distorsjonijiet sinifikanti minħabba prodotti ħielsa mill-VAT fornuti minn negozji li mhumiex fl-UE. Dawn id-distorsjonijiet jiswew lill-UE fatturat sa EUR 4,5 biljun kull sena.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex jiġu minimizzati l-piżijiet marbuta mal-kummerċ elettroniku transfruntiera li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT, tipprovdi kundizzjonijiet indaqs għan-negozji tal-UE u tiżgura li l-introjti mill-VAT imorru għand l-Istat Membru tal-konsumatur. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif għandhom jiġu indirizzati t-trattament fiskali ta’ ċerti servizzi elettroniċi, bħall-kotba diġitali u pubblikazzjonijiet online, fil-kuntest tar-riforma ġenerali tal-VAT.

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni dwar approċċ imġedded għal tassazzjoni tal-kumpaniji fis-Suq Uniku, li taħtu l-profotti għandhom jiġu ntaxxati fejn jiġi ġenerat il-valur, inkluż fl-ekonomija diġitali.

Il-Kummissjoni se tagħmel proposti leġiżlattivi fl-2016 biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżultaw minn reġimi differenti ta’ VAT inkluż (i) estensjoni tal-mekkaniżmu elettroniku kurrenti uniku ta’ reġistrazzjoni u l-ħlas għal bejgħ fl-UE u bejgħ online f'pajjiżi terzi ta' oġġetti tanġibbli, (ii) l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ simplifikazzjoni komuni għall-UE kollha (limitu tal-VAT) biex tgħin negozji żgħar li għadhom jibdew fil-kummerċ elettroniku, (iii) permess ta' kontrolli fil-pajjiż ta’ domiċilju ta’ verifika unika ta’ negozji transfruntiera għal skopijiet ta’ VAT u; (iv) tneħħija tal-eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar minn fornituri f’pajjiżi terzi.

3.Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet ġusti u kundizzjonijiet ekwi għal netwerks diġitali avvanzati u servizzi innovattivi

Is-Suq Uniku Diġitali għandu jinbena fuq netwerks u servizzi kredibbli, ta’ veloċità għolja u affordabbli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali filwaqt li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni. Dan jeħtieġ settur tat-telekomunikazzjonijiet li jkun b’saħħtu, kompetittiv u dinamiku biex iwettaq l-investimenti meħtieġa, li jisfrutta l-innovazzjonijiet bħalma huma l-Cloud computing, l-għodod tal-Big Data jew l-Internet tal-Oġġetti. Il-poter tas-suq ta’ xi pjattaformi online potenzjalment iqajjem tħassib, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-aktar pjattaformi qawwija li l-importanza tagħhom għal parteċipanti oħra tas-suq qed issir dejjem aktar kritika.

3.1.Nagħmlu regoli dwar it-telekomunikazzjoni tajbin għall-iskop tagħhom.

In-netwerks tal-ICT jipprovdu s-sinsla tal-prodotti diġitali u servizzi li għandhom il-potenzjal isostnu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna, u kapaċi jixprunwaw l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa. Swieq li jiffunzjonaw sew jagħtu aċċess għal infrastruttura tal-broadband fissa kif ukoll mingħajr fili bi prestazzjoni għolja, bi prezzijiet affordabbli. Adattamenti suċċessivi tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni flimkien mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, kienu strumentali fl-iżgurar li s-swieq joperaw b’mod kompetittiv, li jġibu prezzijiet irħas u kwalità ta’ servizz aħjar lill-konsumaturi u n-negozji. Kompetizzjoni effettiva hija mutur ewlieni għal investiment f’netwerks tat-telekomunikazzjoni.

Illum, is-settur għaddej minn bidliet strutturali u għadu jsofri minn swieq nazzjonali iżolati, nuqqas ta’ konsistenza u prevedibbiltà regolatorja madwar l-UE, b’mod partikolari għall-ispettru tar-radju, u nuqqas ta’ investiment b’mod partikolari f’żoni rurali, problemi li mhux se jkunu kompletament riżolti fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-pakkett tas-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet. Għalhekk bil-ħsieb li tiddaħħal ambizzjoni akbar f’dan il-proċess, il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti kollha u tagħmel proposti għal bidliet fejn meħtieġ. L-ewwel pass essenzjali huwa l-adozzjoni ta’ pakkett ta’ Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni li l-Kummissjoni qed tistenna li se jipprovdi regoli ċari u armonizzati għal newtralità netta u se jagħti bidu għall-eliminazzjoni finali tas-soprataxxi tar-roaming b’mod partikolari fil-konfront tad-dejta.

L-ispettru tar-radju huwa mezz vitali fil-bini għat-twaqqif tas-servizzi tal-broadband. Dan huwa ġestit fil-livell nazzjonali u l-Istati Membri jirċievu dħul konsiderevoli mill-bejgħ tad-drittijiet tal-ispettru — u dan id-dħul se jibqa' esklussivament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, il-ġestjoni tal-ispettru nazzjonali tirriżulta f’kundizzjonijiet li jvarjaw ħafna (pereż. perjodi ta' liċenzja differenti, rekwiżiti ta’ kopertura differenti): nuqqas ta' konsistenti madwar l-UE kollha tal-objettivi u kriterji għall-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju f’livell nazzjonali joħloq ostakoli għad-dħul, ifixkel il-kompetizzjoni u jnaqqas il-previdibbiltà għall-investituri madwar l-Ewropa. Għalhekk, l-ispettru tar-radju għandu jkun ġestit mill-Istati Membri taħt qafas aktar armonizzat li jkun konsistenti mal-ħtieġa għal suq uniku diġitali.

Il-Kummissjoni se tagħmel proposti speċifiċi dwar ir-rilaxx ikkoordinat tal-frekwenza 700 MHz, li hija partikolarment adatta biex jiġi żgurat l-għoti ta’ servizzi tal-broadband f’żoni rurali, filwaqt li jiġu akkomodati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ distribuzzjoni tal-medja awdjoviżiva.

Madankollu, hija meħtieġa wkoll aktar bidla fundamentali fil-mod kif l-ispettru hu mmaniġġjat u rregolat minħabba l-importanza kbira tiegħu għall-konnettività. Pereżempju, ir-rilaxx bil-mod u li għadu mhux komplut tal-frekwenza 800 MHz (frekwenzi tal-ispettru tar-radju “dividend diġitali” oriġinali) għal broadband bla fili tellef it-tnedija tan-netwerks mobbli 4G u l-użu ta’ smartphones adattati għal din il-frekwenza.

Barra minn hekk, ma feġġet ftit li xejn “kompetizzjoni għall-infrastruttura” f’netwerks ta’ linji fissi, ħlief f’żoni popolati ħafna, fejn netwerks tal-kejbil kienu diġà preżenti, jew fejn l-awtoritajiet lokali kienu attivi. Hemm ħtieġa għal regolamentazzjoni aktar sempliċi u aktar proporzjonata f’dawk l-oqsma fejn il-kompetizzjoni fl-infrastruttura żviluppat fil-livell reġjonali jew nazzjonali. L-iskjerament ta’ netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna, jeħtieġ li jiġi inkoraġġit filwaqt li tinżamm kompetizzjoni effettiva u redditi adegwati relattivi għar-riskji. Il-kwistjoni ta’ kif se jiġu koperti l-aktar żoni b’aċċess diffiċli u biex jitwettqu objettivi ta’ interess pubbliku (bħall-konnettività ta’ kapaċità għolja għal skejjel u universitajiet / ċentri ta’ riċerka) se jiġu kkunsidrati, anki bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali 7 .

Is-suq li qed jinbidel u l-ambjent teknoloġiku jitolbu t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali. It-tisħiħ tar-rwol tal-korpi li fihom l-awtoritajiet tal-Istati Membri stess huma rappreżentati — bħall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jew il-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju se jkun meħtieġ ukoll.

L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet jikkompetu ma’ servizzi li huma dejjem aktar użati mill-utenti finali bħala sostituti għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tradizzjonali bħat-telefonija bil-vuċi, iżda li mhumiex suġġetti għall-istess reġim regolatorju. Ir-reviżjoni tar-regoli tat-telekomunikazzjoni se tagħti ħarsa lejn il-modi ta’ kif jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi sal-punt li huma jipprovdu servizzi li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ xulxin u jilħqu wkoll il-ħtiġijiet tal-konnettività fit-tul tal-UE.

Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti fl-2016 għal riforma ambizzjuza tal-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet li jiffokaw fuq (i) strateġija konsistenti mas-suq uniku għall-politika u l-ġestjoni tal-ispettru (ii) it-twassil tal-kundizzjonijiet għal suq uniku veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja li tippermetti ekonomiji ta’ skala għal operaturi tan-netwerks effiċjenti, (iii) jiġi żgurat livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, (iv) li jiġi inċentivat l-investiment f’netwerks tal-broadband ta’ veloċità għolja (inkluża reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u (v) qafas regolatorju aktar effettiv tal-qafas istituzzjonali.

3.2.Qafas tal-medja għas-Seklu 21

Ix-xenarju awdjoviżiv qed jiġi affettwat minn bidliet teknoloġiċi rapidi u bl-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda għad-distribuzzjoni tal-kontenut. It-telespettaturi jaċċessaw kontenut awdjoviżiv permezz tal-Internet f’varjetà ta’ modi li qed jiżdiedu, u tagħmir li jinġarr (bħall-ismart phones) qed ibiddlu x-xejriet tat-telespettaturi. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva 8 ffaċilitat iċ-ċirkolazzjoni ta’ programmi awdjoviżivi u servizzi tal-midja madwar l-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva diġà jkopri kemm xandiriet televiżivi tradizzjonali kif ukoll servizzi tal-medja awdjoviżiva fuq talba, u timponi sett minimu ta’ regoli dwar iż-żewġ tipi ta’ servizzi. F’xi aspetti, madankollu, servizzi b'talba huma suġġetti għal obbligi aktar baxxi, peress li l-utenti għandhom grad ogħla ta’ għażla u kontroll fuq il-kontenut u ż-żmien li jarawh.

Dan il-qafas regolatorju ffaċilita l-ħolqien ta’ suq b’saħħtu u huwa importanti li jiġi żgurat li jibqa’ aġġornat mal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Il-Kummissjoni se teżamina jekk is-sistema attwali ta’ regoli li japplikaw għax-xandir u għal servizzi b'talba għandhiex tiġi adattata. Hija se tikkunsidra wkoll jekk l-ambitu attwali jew ir-regoli għandhomx jitwessgħu biex jinkludu servizzi u atturi ġodda li attwalment mhumiex meqjusa bħala servizzi tal-medja awdjoviżivi taħt id-Direttiva u / jew fornituri li jaqgħu barra l-ambitu ġeografiku tagħha. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll fuq miżuri li jippromwovu katalogi ta’ xogħlijiet Ewropej fuq pjattaformi ta’ Vidjow b'talba.

Il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva b’enfasi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u fuq in-natura tar-regoli applikabbli għal dawk kollha li jieħdu sehem fis-suq, b’mod partikolari miżuri għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-minuri u regoli ta’ reklamar.

3.3.Ambjent regolatorju addattat għall-iskop għall-pjattaformi u intermedjarji

3.3.1.Ir-rwol ta’ pjattaformi online

Il-pjattaformi online (eżempju għodod għat-tiftix, il-midja soċjali, il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, l-app stores, siti ta’ tqabbil tal-prezzijiet) għandhom rwol dejjem aktar ċentrali fil-ħajja soċjali u ekonomika: huma jippermettu lill-konsumaturi li wieħed isib tagħrif u negozji online biex jisfruttaw il-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku. L-Ewropa għandha potenzjal b’saħħtu f’dan il-qasam iżda qed tinżamm lura minħabba swieq frammentati li jagħmluha diffiċli għan-negozji biex javvanzaw.

Il-pjattaformi jiġġeneraw, jakkumulaw u jikkontrollaw ammont enormi ta’ dejta dwar il-klijenti tagħhom u l-użu ta’ algoritmi li jagħmlu din l-informazzjoni utli. Iż-żieda ta’ tali dejta hija esponenzjali — 90 % tad-dejta kollha li tiċċirkola fuq l-internet ġiet maħluqa f’dawn l-aħħar sentejn. Barra minn hekk, il-pjattaformi wrew li huma innovaturi fl-ekonomija diġitali, jgħinu n-negozji iżgħar biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu online u jilħqu swieq ġodda. Pjattaformi ġodda f’servizzi ta’ mobbiltà, it-turiżmu, il-mużika, l-awdjoviżiv, l-edukazzjoni, il-finanzi, l-akkomodazzjoni u r-reklutaġġ malajr u profondament preżentaw sfida lill-mudelli tradizzjonali tal-kummerċ u kibru b’mod esponenzjali. Iż-żieda tal-ekonomija tal-iskambjar offriet ukoll opportunitajiet għal iktar effiċjenza, tkabbir u impjiegi, permezz ta’ għażla mtejba għall-konsumatur, iżda wkoll potenzjalment tqajjem kwistjonijiet regolatorji ġodda 9 .

Għalkemm l-impatt tagħhom jiddependi fuq it-tipi ta’ pjattaforma kkonċernati u l-poter tas-suq tagħhom, xi pjattaformi jistgħu jikkontrollaw l-aċċess għal swieq online u jistgħu jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq kif l-atturi varji tas-suq huma remunerati. Dan wassal għal għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib dwar il-poter tas-suq li qed jikber ta’ ċerti pjattaformi. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif jużaw l-informazzjoni li jiksbu, setgħa ta’ negozjar b’saħħitha meta mqabbla ma’ dik tal-klijenti tagħhom, li tista' tiġi riflessa fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom (b’mod partikolari għall-SMEs), il-promozzjoni ta’ servizzi proprji tagħhom għad-detriment tal-kompetituri, u politiki ta’ pprezzar mhux trasparenti, jew restrizzjonijiet dwar l-ipprezzar u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ.

Xi pjattaformi online evolvew biex isiru atturi jikkompetu f’ħafna setturi tal-ekonomija u l-mod kif jużaw is-setgħa tas-suq tagħhom tqajjem numru ta’ kwistjonijiet li jeħtieġu aktar analiżi lil hinn mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni f’każijiet speċifiċi.

3.3.2.Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq l-internet

Il-prinċipju, minqux fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku, li l-fornituri intermedjarji tas-servizzi tal-Internet ma għandhomx ikunu responsabbli għall-kontenut li huma jittrażmettu, jaħżnu jew jospitaw, sakemm huma jaġixxu b’mod strettament passiv appoġġa l-iżvilupp tal-Internet fl-Ewropa. Fl-istess ħin meta jiġi identifikat kontenut illegali, jekk dan ikun informazzjoni marbuta ma’ attivitajiet illegali bħat-terroriżmu / il-pornografija tat-tfal jew informazzjoni li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà ta’ oħrajn (pereż. id-drittijiet tal-awtur), l-intermedjarji għandhom jieħdu azzjoni effettiva biex ineħħuh. Illum it-twaqqif ta’ aċċess għal u t-tneħħija ta’ kontenut illegali minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jkun ikkumplikat u jimxi bil-mod filwaqt li l-kontenut li hu legali jista’ jitneħħa bi żball. Mat-52,7 % tal-partijiet interessati jgħidu li azzjoni kontra kontenut illegali hija spiss ineffettiva u nieqsa mit-trasparenza. Id-differenzi fil-prattiki nazzjonali jistgħu jimpedixxu l-infurzar (b’effett detrimentali fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità online) u jimminaw il-fiduċja fid-dinja online. Minħabba li l-ammont ta’ kontenut diġitali disponibbli fuq l-Internet qiegħed jikber, l-arranġamenti attwali aktarx li jkunu dejjem aktar ittestjati. Mhuwiex dejjem faċli li jiġu ddefiniti l-limiti dwar x’jistgħu jagħmlu l-intermedjarji bil-kontenut li jitrażmettu, jaħżnu jew jospitaw mingħajr ma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet tar-responsabbiltà stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku.

Avvenimenti reċenti żiedu mad-dibattitu pubbliku dwar jekk għandux jittejjeb il-livell ġenerali ta’ protezzjoni minn materjal illegali fuq l-internet. Flimkien mal-valutazzjoni tagħha tal-pjattaformi online, il-Kummissjoni se tanalizza l-ħtieġa għal miżuri ġodda biex tittratta l-kontenut illegali fuq l-Internet, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt tiegħu fuq id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, bħal proċeduri rigorużi għat-tneħħija ta’ kontenut illegali, filwaqt li tiġi evitata t-tneħħija ta’ kontenut legali, u jekk l-intermedjarji għandhomx ikunu obbligati li jeżerċitaw responsabbiltà akbar u diliġenza dovuta fil-mod kif huma jimmaniġġaw in-netwerks u s-sistemi tagħhom — dmir ta’ diliġenza.

Il-Kummissjoni se tniedi qabel tmiem l-2015 valutazzjoni komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi, inkluż fl-ekonomija tal-iskambju, u ta’ intermedjarji online, li se tkopri kwistjonijiet bħal (i) it-trasparenza pereżempju fir-riżultati tat-tiftix (li jinvolvu ħlas għal ħolqiet u / jew reklamar), (ii) pjattaformi li jużaw l-informazzjoni li jiġbru, (iii) relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u l-fornituri, (iv) limiti fuq il-kapaċità tal-individwi u n-negozji biex jimxu minn pjattaforma għal oħra, u se tanalizza, (v) kif inhu l-aħjar mod biex jiġi trattat il-kontenut illegali fuq l-internet.

3.4.Tisħiħ tal-fiduċja u s-sigurtà fis-servizzi diġitali u fl-immaniġġar ta’ dejta personali

Theddidiet ċibernetiċi huma problema mingħajr fruntieri u għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija tagħna, fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u fuq is-soċjetà inġenerali. In-numru dejjem jikber ta’ reati (pereżempju l-interċettazzjoni tad-dejta, frodi ta’ ħlas online, is-serq tal-identità, serq tas-sigrieti kummerċjali) qed iwassal għal telf ekonomiku sinifikanti. Ta’ spiss dawn jirriżultaw fi tfixkil ta’ servizzi, ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini f’attivitajiet online.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ilhom li rrikonoxxew il-ħtieġa li jipproteġu n-netwerks tagħna u l-infrastruttura kritika u li jirrispondu b’mod effettiv għat-theddid ċibernetiku, u adottaw strateġiji u regolamenti ta’ ċibersigurtà nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni 10 , li bħalissa għaddejja mill-proċess leġiżlattiv, se timmarka pass importanti 'l quddiem. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ċibernetika Ewropea 11 hija li tiżviluppa r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi għaċ-ċibersigurtà. Għadhom jeżistu nuqqasijiet speċifiċi f’dan il-qasam li qed jagħmel progress mgħaġġel tat-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet ta’ sigurtà għan-netwerk online. Hija għalhekk meħtieġa strateġija iktar konġunta biex iżżid il-provvista ta’ soluzzjonijiet aktar sikuri mill-industrija tal-UE u biex jiġi stimulat l-adozzjoni tagħhom mill-intrapriżi, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini. Barra minn hekk, rispons ta’ infurzar tal-liġi effettiv għall-attività kriminali online huwa meħtieġ. Il-Kummissjoni stabbilixxiet proposti għal din il-kwistjoni fl-Aġenda Ewropea tagħha dwar is-sigurtà 12 .

·Huma 22% biss tal-Ewropej li għandhom fiduċja sħiħa f’kumpaniji bħalma huma l-magni ta’ tiftix, siti ta’ netwerking soċjali u servizzi tal-posta elettronika.

·Mat-72 % tal-utenti tal-internet jinkwetaw li huma qed jiġu mitluba wisq dejta personali online.

Fir-rigward tad-dejta personali u l-privatezza, l-UE hija impenjata lejn, l-ogħla livelli ta’ protezzjoni garantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 13 se jżid il-fiduċja fis-servizzi diġitali, minħabba li għandu jipproteġi l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-kumpaniji kollha li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Ewropew.

Regoli speċjali japplikaw għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 14 ) li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu evalwati mill-ġdid hekk kif ir-regoli ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta jiġu miftiehma, b’mod partikolari peress li ħafna mill-artikoli attwali tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika japplikaw biss għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, jiġifieri l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni tradizzjonali. Fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jużaw l-Internet biex jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni għalhekk huma ġeneralment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Fl-ewwel nofs tal-2016 il-Kummissjoni se tagħti bidu għat-twaqqif ta’ Sħubija Pubbliku Privata dwar iċ-ċibersigurtà fil-qasam ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet ta’ sigurtà għal netwerk online.

Ladarba r-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta jiġu adottati, li għandhom ikunu disponibbli online sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika b’enfasi fuq li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-suġġetti tad-dejta kif ukoll kundizzjonijiet ekwi għal dawk kollha involuti fis-suq.

4.Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbir tal-Ekonomija Diġitali

Fi żmien anqas minn 10 snin, ħafna mill-attività ekonomika se tiddependi fuq ekosistemi diġitali, l-integrazzjoni tal-infrastruttura diġitali, hardware u software, applikazzjonijiet u dejta. Id-diġitalizzazzjoni tas-setturi kollha se tkun meħtieġa jekk l-UE trid iżżomm il-kompetittività tagħha, iżżomm bażi industrijali b’saħħitha u tmexxi t-tranżizzjoni lejn sistema intelliġenti ta’ ekonomija industrijali u tas-servizzi. Il-75 % tal-valur miżjud mill-Ekonomija Diġitali ġej minn industriji tradizzjonali, aktar milli l-produtturi tal-ICT, iżda l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali min-negozji hija element l-aktar dgħajjef. Huma biss 1,7% tal-intrapriżi tal-UE li jagħmlu użu sħiħ ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati 15 , filwaqt li 41 % ma jużawhom xejn. Id-diġitalizzazzjoni toffri wkoll opportunitajiet mingħajr preċedent lil setturi ekonomiċi oħra, bħal dawk tat-trasport (pereż. sistemi ta’ trasport intelliġenti) jew l-enerġija (pereż. smart grids, metering) 16 .

L-UE teħtieġ firxa ta’ miżuri biex jiġi żgurat li l-industriji Ewropej ikunu fuq quddiem nett tal-iżvilupp u l-esplojtazzjoni tal-ICT, l-awtomatizzazzjoni, teknoloġiji ta’ manifattura u pproċessar sostenibbli biex iservu s-swieq tal-ġejjieni. Ekonomija diġitali tista' wkoll tagħmel lis-soċjetà aktar inklużiva. Iċ-ċittadini u n-negozji attwalment mhux qed jiksbu l-benefiċċji sħaħ mis-servizzi diġitali (minn gvern elettroniku (e-government), is-saħħa elettronika (e-health), e-energy għal trasport elettroniku) li għandhom ikunu disponibbli b’mod uniformi madwar l-UE.

Il-Kummissjoni se tinforma lis-sħab soċjali u tistedinhom biex jinkludu s-Suq Uniku Diġitali fid-djalogu soċjali tagħhom fil-livell Ewropew.

4.1.Il-bini ta’ ekonomija tad-dejta

Big data, is-servizzi tal-cloud computing u l-Internet tal-Oġġetti huma ċentrali għall-kompetittività tal-UE. Id-dejta hija ta’ spiss meqjusa bħala katalista għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tul is-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari għall-SMEs (u start-ups) u għas-soċjetà kollha kemm hi. Big Data u l-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja qed ibiddlu wkoll il-mod li bih titwettaq ir-riċerka u l-mod li bih jiġi skambjat it-tagħrif, bħala parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar effiċjenti u reattiva "Open Science".

·Is-settur Big Data qed jikber b’40 % fis-sena, seba’ darbiet aktar malajr mis-suq tal-IT.

Suq frammentat ma jipprovdix biżżejjed skala għall-cloud computing, Big Data, xjenza mmexxija mid-dejta u l-Internet tal-Oġġetti biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-Ewropa. Biex nibbenefikaw b’mod sħiħ mill-potenzjal ta’ teknoloġiji diġitali u tad-dejta, se jkollna bżonn li jitneħħew għadd ta’ ostakoli tekniċi u leġiżlattivi. Restrizzjonijiet, bħal dawk relatati ma’ fejn tinsab id-dejta (jiġifieri rekwiżiti tal-Istati Membri biex iżommu dejta fit-territorju tagħhom) jisfurzaw lill-fornituri tas-servizzi biex jibnu infrastrutturi lokali li jiswew ħafna flus (ċentri tad-dejta) f’kull pajjiż jew reġjun. Implimentazzjoni frammentata ta’ regoli tad-drittijiet tal-awtur u n-nuqqas ta’ ċarezza dwar id-drittijiet biex id-dejta tintuża aktar jostakolaw l-iżvilupp tal-użu ta’ dejta transfruntiera ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda (pereż. estrazzjoni ta’ test u ta’ dejta). In-nuqqas ta’ sistemi u servizzi miftuħa u interoperabbli u ta’ portabbiltà tad-dejta bejn is-servizzi jirrappreżentaw ostakolu ieħor għall-fluss transfruntiera tad-dejta u l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda (pereż. sistemi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali, xjenza mmexxija mid-dejta). Iċ-ċertezza legali rigward l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà (minbarra dejta personali relatata) hija prekundizzjoni għall-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti.

In-negozji u l-konsumaturi għadhom ma jħossuhomx fiduċjużi biżżejjed li jadottaw servizzi tal-cloud transfruntiera għall-ħżin u l-ipproċessar tad-dejta minħabba tħassib dwar is-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u l-protezzjoni tad-dejta b’mod aktar ġenerali. L-adozzjoni tal-pakkett ta’ riforma tal-protezzjoni tad-dejta se jiżgura li l-ipproċessar ta’ dejta personali jkun regolat minn regoli aġġornati, uniformi fl-Unjoni kollha. Madankollu, il-kuntratti spiss jeskludu, jew jillimitaw severament, ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ fornitur tal-cloud jekk id-dejta ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, jew jagħmluha aktar diffiċli biex jittermina l-kuntratt. Dan ifisser li d-dejta effettivament mhix portabbli. Fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, kemm l-oqfsa leġiżlattivi attwali kif ukoll dawk tal-futur jipprevjenu restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ dejta personali fl-Unjoni. Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ dejta għal raġunijiet oħra mhumiex indirizzati. L-Istati Membri għalhekk ma jistgħux jimpedixxu l-moviment liberu ta’ dejta personali għal raġunijiet ta’ privatezza u protezzjoni tad-dejta personali, iżda jistgħu jagħmlu dan għal raġunijiet oħra. Kwalunkwe restrizzjonijiet bla bżonn dwar il-post ta’ dejta fl-UE għandhom jitneħħew u jiġu evitati.

Fl-2016 il-Kummissjoni se tipproponi l-inizjattiva tal-“Fluss liberu tad-dejta” li tindirizza restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ dejta għal raġunijiet oħrajn għajr il-ħarsien tad-dejta personali fl-UE u restrizzjonijiet mhux ġustifikati fil-post tad-dejta għal skopijiet ta’ ħażna jew ipproċessar. Hija se tindirizza kwistjonijiet emerġenti ta’ sjieda, l-interoperabbiltà, l-użabbiltà u l-aċċess għad-dejta f’sitwazzjonijiet bħal minn negozju għal negozju, minn negozju għal konsumatur, dejta ġġenerata mill-magni u dejta bejn magna u oħra. Hija se tinkoraġġixxi aċċess għal dejta pubblika biex tgħin tmexxi l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva Ewropea dwar il-cloud computing inklużi servizzi għaċ-ċertifikazzjoni tal-cloud, kuntratti, bdil ta’ fornituri tal-cloud computing u ta’ riċerka tax-xjenza miftuħa tal-cloud.

4.2.Spinta lill-kompetittività permezz ta’ interoperabbiltà u standardizzazzjoni

Fl-ekonomija diġitali, l-interoperabbiltà tfisser l-iżgurar ta’ komunikazzjoni effettiva bejn komponenti diġitali bħal apparati, netwerks jew ir-repożitorji tad-dejta. Dan ifisser ukoll konnessjoni aħjar tul il-katina tal-provvista jew bejn l-industrija u s-setturi tas-servizzi. Dan ifisser aktar konnessjonijiet effiċjenti bejn il-fruntieri, bejn il-komunitajiet u bejn is-servizzi pubbliċi u l-awtoritajiet. Is-servizzi ta’ gvern elettroniku li qed jiġu żviluppati fi Stati Membri differenti għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin u ma għandhomx jiġu żviluppati b’mod iżolat. Illum, hemm ftehim komuni fost l-Istati Membri dwar ir-rekwiżiti bażiċi biex tinkiseb l-interoperabilità, ibbażata fuq il-“Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà” mressqa mill-Kummissjoni fl-2010. Dan il-qafas għandu issa jiġi aġġornat u estiż.

L-istandardizzazzjoni għandha rwol essenzjali biex tiżdied l-interoperabbiltà ta’ teknoloġiji ġodda fis-Suq Uniku Diġitali. Hija tista’ tgħin biex tmexxi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-komunikazzjonijiet mingħajr fili 5G, id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-manifattura u tal-kostruzzjoni (Industrija 4.0), servizzi bbażati fuq id-dejta, is-servizzi tal-cloud, iċ-ċibersigurtà, is-saħħa elettronika, trasport elettroniku u ħlasijiet bil-mowbajl. Il-Pjan ta' Tnedija tal-UE għall-Istandardizzazzjoni fl-ICT huwa strument essenzjali f’dan ir-rigward. Madankollu, sforz ikbar huwa meħtieġ biex ikun żgurat li l-istandardizzazzjoni żżomm il-pass mal-bidliet fit-teknoloġiji. Attwalment, il-partijiet interessati tal-industrija jiddeċiedu “minn isfel għal fuq” f’liema oqsma jiżviluppaw standards u dan qiegħed kulma jmur iseħħ barra mill-Ewropa, li jdgħajjef il-kompetittività fit-tul tagħna. Jeħtieġ li niddefinixxu standards teknoloġiċi nieqsa li huma essenzjali għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tas-setturi industrijali u tas-servizzi (tagħna pereżeempju l-Internet tal-Oġġetti, iċ-Ċibersigurtà, il-Big Data u l-Cloud computing) u li nagħtu mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni biex dan isir b’mod mgħaġġel.

Fl-ekonomija diġitali, privattivi standard essenzjali (standards li huma bbażati fuq il-privattivi bħala drittijiet ta’ proprjetà) huma fattur dejjem aktar importanti fl-istandardizzazzjoni u element importanti tal-mudell ta’ negozju għal ħafna industriji f’termini ta’ monetizzazzjoni tal-investiment tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni tisħaq dwar il-ħtieġa għal qafas bilanċjat għan-negozjati bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-implimentaturi ta’ brevetti essenzjali standard sabiex jiżguraw il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji.

Barra minn hekk, id-disponibbiltà tal-istandards spiss mhux biżżejjed biex tiżgura l-interoperabilità, jekk l-istandards eżistenti mhumiex integrati mill-fornituri fis-soluzzjonijiet tagħhom. L-akkwist pubbliku għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-istandards u l-Istati Membri ħolqu katalgi nazzjonali tal-istandards tal-ICT u speċifikazzjonijiet ta’ interoperabbiltà biex jiggwidaw xerrejja pubbliċi u jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ standards fis-swieq nazzjonali. L-integrazzjoni ta’ dawn il-katalgi f’katalgi Ewropej tevita l-frammentazzjoni tas-suq fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni se tniedi pjan integrat ta’ standardizzazzjoni sabiex tidentifika u tiddefinixxi prijoritajiet ewlenin għall-istandardizzazzjoni b’enfasi fuq teknoloġiji u oqsma li huma meqjusa li huma ta’ importanza kritika għas-Suq Uniku Diġitali, inkluż interoperabilità u standards settorjali essenzjali f’oqsma bħalma huma s-saħħa (telemediċina, saħħa bil-mowbawjl), it-trasport (l-ippjanar tat-trasport, it-trasport elettroniku tal-merkanzija), l-ambjent, u l-enerġija. Il-Kummissjoni se tirrevedi u testendi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

4.3.Soċjetà elettronika inklużiva

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa s-Suq Uniku Diġitali inklużiv li fih iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom il-ħiliet meħtieġa u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi elettroniċi interkonnessi u multilingwali, minn gvern elettroniku, ġustizzja elettronika, saħħa elettronika, energy elettronika sa trasport elettroniku.

4.3.1.    Ħiliet u kompetenzi diġitali

Id-domanda għal impjegati b’ħiliet diġitali qed jikber b’rata ta’ madwar 4 % fis-sena. In-nuqqas ta’ professjonisti tal-ICT fl-UE jista’ jilħaq it-825 000 post battal sal-2020 jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni deċiżiva. L-UE rat titjib fil-ħiliet diġitali bażiċi taċ-ċittadini tagħha (b’żieda minn 55 % għal 59 % tal-popolazzjoni), iżda għad hemm ħafna xi jsir. Livelli ta’ ħiliet diġitali jeħtieġu wkoll li jiġu mqajma fost l-impjegati fis-setturi ekonomiċi kollha u fost dawk li qed ifittxu impjieg biex itejbu l-impjegabilità tagħhom. Hemm bżonn ta’ bidla fil-mod kif is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jadattaw għar-rivoluzzjoni diġitali. Dawn il-bidliet jistgħu jibbażaw ruħhom fuq inizjattivi fil-livell tal-UE bħall-“Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali”, “il-Ġimgħa tal-UE għall-Ipprogrammar” u “Niftħu l-Edukazzjoni”.

Ir-responsabbiltà għall-kurrikuli hija f’idejn l-Istati Membri li jeħtieġu b’mod urġenti jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet essenzjali fl-ICT. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi tagħhom u se jkollha rwol fit-tisħiħ tar-rikonoxximent ta’ ħiliet diġitali u l-kwalifiki u żżid il-livell ta’ professjonaliżmu fl-ICT fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni se tindirizza l-ħiliet diġitali u l-għarfien espert bħala komponent ewlieni tal-inizjattivi futuri tagħha fuq il-ħiliet u t-taħriġ.

4.3.2.    Gvern elettroniku

Is-servizzi pubbliċi fl-Ewropa ħaddnu teknoloġiji ġodda fi gradi differenti iżda jista’ jsir aktar biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika, tinkiseb l-interoperabbiltà transfruntiera u tiġi faċilitata l-interazzjoni maċ-ċittadini.

Servizzi pubbliċi online huma kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini u lill-kumpaniji. Eżempju ta’ aktar effiċjenza huwa l-prinċipju ta’ "darba biss" — huwa biss fi 48 % tal-każijiet li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw mill-ġdid informazzjoni dwar ċittadin jew kumpanija li hija diġà fil-pussess tagħhom mingħajr ma jitolbuha għal darb’oħra. L-estensjoni ta’ dan il-prinċipju, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, għandu jiġġenera ffrankar nett annwali fil-livell tal-UE ta’ madwar EUR 5 biljun kull sena sal-2017. Il-Kummissjoni se tniedi proġett pilota tal-prinċipju “Darba biss” għan-negozji u ċ-ċittadini u tesplora l-possibbiltà ta’ soluzzjoni ta' sigurtà elettronika madwar l-UE kollha (repożitorju sigur online għad-dokumenti); L-estensjoni ta’ "Darba biss" bejn il-fruntieri għandha tkompli tikkontribwixxi għall-effiċjenza tas-Suq Uniku Diġitali.

L-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 19 % tal-PDG tal-UE u l-akkwist elettroniku madwar l-UE huwa mistenni li jiffranka EUR 50 biljun kull sena. Pakkett ta’ riforma tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku jipprevedi li t-tranżizzjoni għall-akkwist elettroniku titlesta sa Ottubru 2018 17 . Aktar sforzi huma meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan peress li f’ħafna Stati Membri t-tranżizzjoni bdiet b’pass kajman.

Punti ta’ kuntatt bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini / negozji bħalissa huma frammentati u mhux kompluti. Il-bżonnijiet tan-negozji u ċ-ċittadini fl-attivitajiet transfruntiera tagħhom jistgħu jintlaħqu aħjar billi wieħed jibni fuq l-Infrastrutturi ta' Servizzi Diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li ssir estensjoni u integrazzjoni tal-portali, netwerks, servizzi u sistemi Ewropej eżistenti (bħal L-Ewropa Tiegħek, Punti ta’ Kuntatt Uniku, Punti ta’ Kuntatt tal-Prodott, Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti tal-Kostruzzjoni) u li dawn jintrabtu mal-"Portal Diġitali Uniku”. Barra minn hekk, l-użu ta’ dokumenti elettroniċi għandha tiġi promossa madwar l-UE kollha biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-individwi.

In-negozji qed jinżammu lura mill-frammentazzjoni u l-ostakoli regolatorji li jagħmluha iktar diffiċli għalihom li jkomplu javvanzaw u joperaw transfruntiera fis-Suq Intern. Ħafna Stati Membri appellaw għal azzjoni inkluż biex il-kumpaniji jiġu megħjuna jiffurmaw malajr (pereż. f’24 siegħa). Il-Kummissjoni tqis li kull kumpanija stabbilita għandha tkun tista’ tespandi l-attivitajiet tagħha online b’mod transfruntiera u tkun pan-Ewropea fi żmien xahar billi tibni fuq l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali u l-prinċipju “Darba biss” 18 .

Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku 2016-2020 ġdid, li se jinkludi (i) it-twettiq ta' reġistru ta' interkonnessjoni sal-2017, (ii) it-tnedija, fl-2016 ta' inizjattiva mal-Istati Membri biex jippilotaw il-prinċipju ta' "Darba biss"; (iii) estensjoni u integrazzjoni tal-portali Ewropej u nazzjonali għax-xogħol lejn "Portal Diġitali Uniku" biex joħloq sistema tal-informazzjoni faċli biex tintuża mill-utent għaċ-ċittadini u n-negozji u (iv) aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn l-akkwist elettroniku u firem elettroniċi interoperabbli.

5.It-Twassil tas-Suq Uniku Diġitali

Il-bini ta' Suq Diġitali Uniku hija parti ewlenija mill-istrateġija tal-UE biex tħejji ruħha għall-ġejjieni u biex tkompli tipprovdi standards għolja ta’ ħajja għall-popolazzjoni tagħha. Dan jirrikjedi rieda politika u jfisser il-kisba ta' riżultati għall-azzjonijeit stabbiliti f’din l-Istrateġija. Jeħtieġ li jiġu mobilizzati l-fondi u r-riżorsi neċessarji u li tiġi stabbilita struttura ta’ governanza fost l-atturi ewlenin li tiżgura t-twassil effettiv mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Fejn diġà hemm biżżejjed evidenza ta’ ostakoli li jridu jitneħħew il-Kummissjoni se tressaq proposti leġiżlattivi u tieħu inizjattivi li jpoġġu l-iskala tas-suq uniku għas-servizz tal-konsumaturi u n-negozji. Fejn hija meħtieġa aktar konsultazzjoni u ġbir ta’ evidenza sabiex tiġi identifikata l-aħjar azzjoni il-Kummissjoni se tinvolvi lill-partijiet interessati fid-diskussjoni dwar l-għażliet disponibbli. Din l-aġenda titlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien u jieħdu passi ambizzjużi.

5.1.Investiment fis-Suq Uniku Diġitali

Għan ewlieni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali huwa li jistabbilixxi klima ta’ investiment ta’ appoġġ għal netwerks diġitali, riċerka u negozji innovattivi. It-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa se jgħin biex jimmobilizza l-investiment privat u jiġġenera l-fiduċja tal-investituri. Il-kisba tal-ambizzjonijiet diġitali tagħna se jeħtieġu investiment sinifikanti. Il-finanzjament tal-UE huwa diġà allokat għal infrastrutturi u servizzi tas-Suq Uniku Diġitali kif ukoll għar-riċerka u SMEs innovattivi (inklużi negozji li għadhom jibdew). Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma mistennija li jipprogrammaw madwar EUR 21,4 biljun f’dan il-qasam. Hemm bżonn ta’ sforzi partikolari biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Il-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku, li jikkumplimenta programmi tal-UE kurrenti 19 , huwa mfassal biex jappoġġa firxa wiesgħa ta’ proġetti diġitali, b’mod partikolari minħabba l-komponent għoli tagħhom għall-innovazzjoni u riċerka (u b’hekk riskju ogħla). Possibbilitajiet ta’ finanzjament addizzjonali sinifikanti huma pprovduti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment.

Intraprendituri innovattivi huma ċentrali għall-ekonomija diġitali. Sabiex jirnexxu jeħtieġu aċċess akbar għall-finanzi inklużi ekwità u kapital ta’ riskju. L-UE daħħlet fis-seħħ għadd ta’ inizjattivi biex tappoġġa finanzjament bażat fuq l-ekwità, inklużi vetturi regolatorji bħar-Regolament dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju. Madankollu, hija meħtieġa aktar ħidma biex tagħmel disponibbli ffinanzjar xieraq minħabba li d-diversità attwali tal-istatuti tal-kumpanija u r-riskji u l-ispejjeż legali relatati madwar l-Ewropa għandhom it-tendenza li jinibixxu investiment ta' start-ups fl-UE u għal żieda fin-negozju tagħhom 20 .

Meta titqies l-esperjen ta' nuqqas ta' assorbiment ta’ fondi tal-UE pprogrammati għal investiment fl-ICT, il-Kummissjoni se taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-promoturi ta’ proġett u l-Istati Membri biex tiżgura li fondi disponibbli tal-investiment ikunu użati b’mod sħiħ, inkluża assistenza teknika u l-użu sħiħ tas-sinerġiji bejn l-istrumenti.

5.2.Id-dimensjoni internazzjonali

L-iskala provduta minn Suq Diġitali Uniku se tgħin lill-kumpaniji jikbru lil hinn mis-suq intern tal-UE u biex l-UE ssir post aktar attraenti għal kumpaniji globali. Il-ftuħ tas-suq Ewropew għandu jinżamm u jiġi żviluppat aktar fil-qasam diġitali. L-UE għandha tkompli tinsisti għall-istess ftuħ u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mis-sħab kummerċjali tagħna. L-ostakoli għal kummerċ diġitali globali jolqtu b’mod partikolari lill-kumpaniji Ewropej peress li l-UE hija l-akbar esportatur fid-dinja ta’ servizzi diġitali. Għal dak l-għan diġitali ambizzjuża tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment, għandha tiġi żviluppata aktar, inkluż permezz ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE 21 . Suq Uniku Diġitali komplut jista’ jikkontribwixxi wkoll biex titwettaq l-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżviluppa approċċ sostenibbli għall-Governanza tal-Internet permezz tal-mudell b’diversi partijiet interessati bil-għan li l-internet jinżamm liberu u miftuħ.

5.3.Il-governanza effettiva tas-Suq Uniku Diġitali

Billi tirrifletti r-responsabilità maqsuma għal twassil fil-ħin tal-azzjonijiet fl-istrateġija, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha maż-żewġ istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogu kontinwu mal-partijiet interessati biex tinformahom dwar it-tfassil ta’ politika u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija. Minħabba n-natura trasversali tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, l-implimentazzjoni tagħha se teħtieġ l-appoġġ ta’ konsulenza dedikata u gruppi ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew sabiex jagħti l-ispinta meħtieġa u jagħmel reviżjoni regolari tal-progress. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li ttejjeb il-kwalità tad-dejta u l-analiżi meħtieġa biex tirfed is-Suq Uniku Diġitali billi tiġbor flimkien l-għarfien rilevanti u tagħmlu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku. Hija se tkompli tiżviluppa l-indikatur Indiċi tal-Ekonomija u Soċjetà Diġitali. Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-istrateġija.

6.Konklużjoni

L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tittratta t-trasformazzjoni tas-soċjetà Ewropea u tiżgura li din tkun tista’ tiffaċċja l-futur b’fiduċja. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew biex japprovaw din l-istrateġija biex jitwettaq is-Suq Uniku Diġitali mill-aktar fis possibbli u biex b’mod attiv ikunu impenjati għall-implimentazzjoni tiegħu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha.



Anness: Pjan għat-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali

Azzjonijiet 22

Skeda ta' żmien

Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa

Proposti leġiżlattivi għal regoli tal-kuntratt transfruntiera sempliċi u effettiva għall-konsumaturi u n-negozji

2015

Reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

2016

Miżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti

2016

Reviżjoni estensiva għat-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi sabiex jitrattaw ostakoli ta’ blokok ġeografiċi mhux ġustifikati

2015

Indaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ online tal-oġġetti u l-forniment online ta’ servizzi

2015

Proposti leġiżlattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur

2015

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita

2015/2016

Proposti leġiżlattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżultaw minn reġimi differenti tal-VAT

2016

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet l-aktar favorevoli biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jkunu jistgħu jiżviluppaw kif xieraq

Proposti leġiżlattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet

2016

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva

2016

Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-internet

2015

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika

2016

Twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà

2016

Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbir tal-Ekonomija Diġitali

Inizjattivi dwar is-sjieda tad-dejta, il-fluss liberu tad-dejta (pereż. bejn il-fornituri tal-cloud) u fuq Cloud Ewropea

2016

Adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta' Prijorità li jestendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi

2015

Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid inkluż inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ "Darba biss" u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali

2016

(1)

     Ir-referenzi għal informazzjoni fattwali ppreżentata f’dan id-dokument hija pprovduta fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja “Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa — Analiżi u Evidenza” [SWD(2015) 100]. Dak id-dokument fih ukoll aktar dettall dwar in-natura tal-isfidi indirizzati u l-evidenza b’appoġġ għall-Istrateġija.

(2)

   COM(2011) 635, 2011/0284/COD

(3)

   Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(4)

     Id-Direttiva 2000/31/KE

(5)

     Id-Direttiva 2006/123/KE

(6)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993

(7)

     Id-Direttiva 2002/22/KE

(8)

     Id-Direttiva 2010/13/UE

(9)

     Dawn se jiġu indirizzati fl-Istrateġija tas-Suq Intern li ġejja dalwaqt u fil-qafas dwar il-kummerċ elettroniku.

(10)

     COM(2013) 48 finali

(11)

     JOIN(2013) 1 finali

(12)

     COM(2015) 185

(13)

     COM(2012) 11 finali

(14)

     Id-Direttiva 2002/58/KE

(15)

     Inkluż l-internet mobbli, cloud computing, netwerks soċjali jew big data

(16)

     Kif imsemmi fil-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima

li tħares 'il quddiem [COM(2015) 80 finali]

(17)

     Id-Direttiva 2014/24/UE, id-Direttiva 2014/25/UE.

(18)

     Il-Kummissjoni se telabora aktar il-passi meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fl-Istrateġija tagħha tas-Suq Uniku.

(19)

     COM(2014) 903 finali

(20)

     Il-Kummissjoni se tesplora modi biex tattira aktar kapital ta’ riskju fil-kuntest tal-ħidma tagħha dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali [COM(2015) 63]

(21)

     Il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija ta’ Kummerċ u Investiment ġdida fil-ħarifa tal-2015, li se tindirizza kwistjonijiet ewlenin tal-aġenda tal-kummerċ diġitali.

(22)

     Sa fejn il-miżuri mniżżla huma mistennija li jkollhom impatti sinifikanti, dawn se jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt separata f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni

Top