Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0176

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILLKUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)

/* COM/2015/0176 final */

Brussell, 22.4.2015

COM(2015) 176 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)


1.INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea ġiet maħtura fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ Linji Gwida Politiċi li ppreżentat lill-Parlament Ewropew. F’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tirrevedi l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-awtorizzazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). 

Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tal-eżami li għamlet il-Kummissjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM u tistipula r-raġunament li wassal għall-proposta leġiżlattiva adottata mill-Kummissjoni 1 .

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-OĠM huwa rregolat kemm minn qafas legali speċifiku kif ukoll minn regoli istituzzjonali komuni. Din il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet, tiddiskuti l-mod kif il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jaħdem fil-prattika u tiddeskrivi l-bidliet li ddaħħlu dan l-aħħar.

Tispjega wkoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni u l-kunsiderazzjonijiet li għamlet biex waslet għaliha: iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi għal OĠM li huma l-bażi tal-impenn fil-Linji Gwida Politiċi, b’mod partikolari l-kwistjonijiet demokratiċi u ġuridiċi.

2.IL-PROĊESS TAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET FIL-QASAM TAL-OĠM

2.1. Il-qafas ġuridiku

L-Unjoni Ewropea għandha qafas ġuridiku komprensiv fis-seħħ għall-awtorizzazzjoni, it-traċċabbiltà u l-ittikkettar ta’ OĠM.

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat 2 (“ir-Regolament tal-2003”) ikopri ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom l-OĠM, jikkonsistu minn OĠM jew huma prodotti minn OĠM. Ikopri wkoll OĠM għal użi oħrajn bħall-kultivazzjoni, jekk ikunu ser jintużaw bħala materjal ta’ sors għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf. Dawn kollha ta’ hawn fuq, kif koperti mir-Regolament tal-2003, minn hawn ’il quddiem jissejħu “ikel u għalf ġenetikament modifikat”.

Il-biċċa leġiżlazzjoni l-oħra f’dan il-qasam hija d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament 3 (“id-Direttiva tal-2001”). Din tkopri l-OMĠ għal użi oħra li mhumiex l-ikel u l-għalf (notevolment il-kultivazzjoni).

It-tnejn li huma jistipulaw proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati ma jippreżentax riskju lil saħħet il-bniedem jew l-annimali jew lill-ambjent. Minħabba f'hekk, fil-qalba tal-proċedura hemm valutazzjoni xjentifika tar-riskju: kull awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għandha tiġi ġġustifikata kif xieraq, u l-bażi prinċipali li fuqha għandha sserraħ tali ġustifikazzjoni hija valutazzjoni xjentifika 4 . Skont il-leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà għall-valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskju hija tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’kooperazzjoni mal-korpi xjentifiċi tal-Istati Membri.

Minn perspettiva legali, id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-OĠM ikollhom l-għamla ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni 5 . Għalhekk, filwaqt li l-Kummissjoni għandha rwol deċiżiv fil-proċess tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri huma involuti ħafna wkoll.

L-involviment tal-Istati Membri fl-istadju tal-awtorizzazzjoni

L-Istati Membri huma involuti f’żewġ stadji: jivvutaw fuq l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti, u mbagħad, jekk ma tkun tista' tittieħed l-ebda deċiżjoni f’dak il-livell, jivvutaw fil-Kumitat tal-Appell 6 . Bħal fil-kumitati l-oħra kollha mwaqqfin skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jivvutaw skont ir-regola tal-maġġoranza kwalifikata, kif iddefinit fit-Trattat 7 .

Fejn ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata favur jew kontra l-abbozz tad-deċiżjoni fil-Kumitat tal-Appell, ir-riżultat ikun “ebda opinjoni”.

L-adozzjoni finali mill-Kummissjoni

Ir-regoli li jmexxu din il-proċedura (ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 8 ) jipprovdu li fejn fil-Kumitat tal-Appell ikun hemm ir-riżultat "ebda opinjoni", "il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni" 9 . Din il-formulazzjoni timplika li l-Kummissjoni tista’ teżerċita ċertu ammont ta’ diskrezzjoni 10 . Fil-każ ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-OĠM, madankollu, ir-Regolament tal-2003 u d-Direttiva tal-2001 inaqqsu ferm l-ammont ta’ manuvrar possibbli minnha. Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja 11 , tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni (li tawtorizza jew tipprojbixxi t-tqegħid tal-prodott fis-suq tal-UE) f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan ifisser li fejn il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodott (f’dan il-każ, OĠM) sakemm ma jkunx awtorizzat, il-korp tal-awtorizzazzjoni (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) ma jistax sempliċement jastjeni indefinittivament milli jieħu deċiżjoni (sew jekk jawtorizza u sew jekk jipprojbixxi l-prodott) jekk nassumu li tkun tressqet talba valida għall-awtorizzazzjoni. Għalhekk, fejn vot jirriżulta f’“ebda opinjoni”, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tastjeni milli tieħu deċiżjoni.

Miżuri tal-emerġenza possibbli fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri

Ir-Regolament tal-2003 jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex OĠM awtorizzat jitwaqqaf milli jitqiegħed fis-suq jew jitwaqqaf milli jintuża. Jista' jsir rikors għal-tali miżuri biss jekk ikun hemm evidenza xjentifika li turi li l-prodott x’aktarx joħloq riskju serju għas-saħħa jew għall-ambjent.

2.2. Ir-realtà tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Istati Membri qatt ma kisbu maġġoranza kwalifikata favur jew kontra abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni u kemm jekk għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat 12 . Ir-riżultat dejjem kien “ebda opinjoni”. Dan kien il-każ konsistentement fl-istadji kollha tal-proċedura (kemm fil-Kumitat Permanenti kif ukoll fil-Kumitat tal-Appell, skont ir-regoli attwali, u fil-Kunsill fil-passat) (ara t-Tabelli 1 sa 3 u l-Grafika 1 tal-Anness).

OĠM għall-kultivazzjoni

Il-kultivazzjoni tal-OĠM fl-UE hija limitata. Mill-1990 'l hawn, tliet OĠM biss ġew awtorizzati għall-kultivazzjoni, u prodott wieħed biss (il-qamħirrum MON 810) huwa awtorizzat bħalissa. Dan jiġi kkultivat f’ħames Stati Membri u l-erja tal-art fejn jitkabbar tirrappreżenta biss 1,5 % tal-erja totali tal-art li fuqha jitkabbar il-qamħirrum fl-UE 13 .

L-għadd żgħir ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kultivazzjoni mogħtija s’issa, kif ukoll il-klawżoli ta’ salvagwardja adottati minn għadd ta’ Stati Membri għall-prevenzjoni tal-użu ta’ OĠM awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE 14 , juru l-pożizzjoni ta’ ħafna Stati Membri fuq din il-kwistjoni. F'dawn l-aħħar snin, ir-reżistenza għall-OĠM fil-kultivazzjoni żdiedet, u ħafna Stati Membri opponew l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507 fil-Kunsill fi Frar 2014 15 (ara t-Tabella 1 tal-Anness).

Ikel u għalf ġenetikament modifikat

L-għadd ta’ prodotti tal-ikel ġenetikament modifikati disponibbli għax-xiri huwa żgħir (minkejja li l-awtorizzazzjoni konġunta mal-għalf tfisser li huwa awtorizzat għadd ikbar). L-evidenza mill-istħarriġiet tal-opinjoni tikkonferma l-impressjoni ġenerali li ċ-ċittadini tal-UE huma kontra l-ikel ġenetikament modifikat 16 . Ħafna bejjiegħa tal-ikel għażlu li ma jbigħux ikel ġenetikament modifikat. Dan jista’ jkun minħabba r-rekwiżiti tal-ittikkettjar għall-ikel ġenetikament modifikat 17 , u wkoll minħabba d-disponibbiltà ta’ alternattivi li mhumiex ġenetikament modifikati.

Xi konsumaturi jkunu jridu jkunu ċerti li ma hemm l-ebda OĠM involut fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tal-ikel li jixtru. Għaldaqstant, għadd ta’ produtturi, negozjanti u bejjiegħa tal-bhejjem, f’diversi Stati Membri, ippruvaw jużaw il-fatt li ma jużawx l-OĠM bħala vantaġġ kompetittiv. Dan wassal għall-użu ta’ tikketti bħal “Mitmugħa għalf ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika” 18 jew "Organiku".

Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni għall-ikel ġenetikament modifikat, fl-UE hemm suq imdaqqas għall-għalf ġenetikament modifikat. Dan huwa partikolarment minnu għall-għalf kompost, li huwa taħlita ta’ materjali tal-għalf għall-annimali tal-irziezet b'kontenut għoli ta' enerġija u proteini. Il-biċċa l-kbira tal-għalf li jintuża fl-UE jiġi importat (fl-2013, aktar minn 60 % tal-bżonnijiet tal-UE ta' proteini tal-pjanti nqdew mill-importazzjonijiet — essenzjalment il-fażola tas-sojja u l-fażola tas-sojja mitħuna), u l-importazzjonijiet jiġu prinċipalment minn pajjiżi fejn il-kultivazzjoni hija ddominata mill-OĠM — 90 % tal-importazzjonijiet joriġinaw minn pajjiżi fejn madwar 90 % tal-art użata għall-fażola tas-sojja titħawwel b’fażola tas-sojja modifikata ġenetikament 19 . Ir-raġunijiet ewlenin għall-użu mifrux tal-fażola tas-sojja mitħuna ġenetikament modifikata jidhru li huma d-disponibbiltà, il-prezz 20 u l-kompetittività 21 .

Madankollu, il-fatt li l-għalf ġenetikament modifikat jintuża ħafna, ma affettwax ix-xejriet tal-votazzjonijiet. Il-votazzjonijiet dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat ikomplu jwasslu sistematikament għal “ebda opinjoni” (ara t-Tabelli 2 u 3 u l-Grafika 1 tal-Anness). Filwaqt li maż-żmien il-pożizzjonijiet tal-votazzjoni fil-biċċa l-kbira stabbilizzaw ruħhom, tipikament ikun hemm iktar Stati Membri li jappoġġaw abbozz ta’ deċiżjoni milli jkun hemm li jopponuh.

Filwaqt li l-Istati Membri kienu ħerqana li jintroduċu klawżoli ta’ salvagwardja għall-prevenzjoni tal-użu tal-OĠM għall-kultivazzjoni, dawn ma ntużawx b'mod wiesa' għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat (Stat Membru wieħed biss bħalissa għandu miżuri fis-seħħ li huma marbuta ma’ tliet prodotti). Madankollu, l-għadd ta’ Stati Membri li jivvutaw kontra l-awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat juri li l-Istati Membri ma jħossux li l-proċess jippermettilhom jindirizzaw bis-sħiħ it-tħassibiet individwali tagħhom.

Konklużjoni dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Issa saret “in-norma” għal deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-OMĠ li d-dossier jiġi rritornat lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, u b'hekk id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam saru pjuttost l-eċċezzjoni, minflok il-funzjonament normali tal-proċedura tal-komitoloġija sħiħa tal-UE 22 . Il-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri li opponew l-awtorizzazzjonijiet ħafna drabi ma jkunux ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet xjentifiċi, iżda jirriflettu t-tħassib nazzjonali li ma jkunx biss marbut ma' kwistjonijiet tas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent.

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni attwali tippermetti lill-Kummissjoni tqis “fatturi leġittimi l-oħra” minbarra l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-EFSA, xorta ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġustifika projbizzjoni għall-UE kollha tal-prodotti li l-EFSA tqis li huma sikuri abbażi ta’ dawn il-fatturi 23 .

Dan jimplika de facto li l-Kummissjoni sistematikament titqiegħed f’sitwazzjoni fejn ikollha tieħu deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri fil-kumitati rilevanti. Din is-sitwazzjoni hija speċifika għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM.

3.IR-RIFORMA RIĊENTI TAR-REGOLI GĦALL-OMĠ AWTORIZZATI GĦALL-KULTIVAZZJONI

Fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex temenda l-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM biex iżżid ir-raġunijiet li minħabba fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM awtorizzati mill-UE fit-territorju tagħhom ("esklużjoni fakultattiva" ("opt-outs")). Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni spjegat li “il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma meqjusa bħala l-aktar oqfsa xierqa biex jindirizzaw il-partikolaritajiet marbuta mal-kultivazzjoni tal-OĠM”. L-emenda proposta issa ġiet adottata fil-liġi tal-UE bħala d-Direttiva (UE) 2015/412 24 (“id-Direttiva tal-2015”). Din tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM fit-territorju tagħhom (jew parti minnu) bil-kundizzjoni li tali miżuri jkunu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet konvinċenti li mhumiex ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-ambjent, jiġifieri, kriterji li mhumiex dawk ivvalutati mill-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha. Dan huwa żvilupp importanti billi jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw il-kuntest nazzjonali tagħhom, fejn jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM, minbarra dawk relatati mar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. L-Istati Membri jistgħu għalhekk iqisu l-kunsiderazzjonijiet lil hinn minn dawk koperti mis-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE, li hija ffukata fuq valutazzjoni xjentifika u topera fi ħdan il-limiti imposti mil-liġi tal-UE. Id-dispożizzjoni tapplika kemm għal awtorizzazzjonijiet futuri u kif ukoll għal OĠM li diġà ġew awtorizzati fil-livell tal-UE.

Għalhekk, id-Direttiva tal-2015 lill-Istati Membri tagħtihom aktar flessibbiltà biex jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkultivaw l-OĠM fit-territorju tagħhom jew le, filwaqt li xorta żżomm is-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju. Għalhekk, id-Direttiva tindirizza waħda mit-tħassibiet ewlenin espressi matul is-snin dwar il-proċedura tal-awtorizzazzjoni, u hija kompletament konformi mal-approċċ stipulat fil-Linji Gwida Politiċi ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew.

Id-Direttiva tal-2015 tapplika biss, madankollu, għal OĠM għall-kultivazzjoni u mhux għal ikel u għalf ġenetikament modifikat, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fl-UE.

4.IL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-Regolament tal-2003 b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu, fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu, ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat awtorizzat fil-livell tal-UE għal raġunijiet konvinċenti oħra minbarra r-riskju lis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew lill-ambjent — jiġifieri, kriterji li mhumiex dawk ivvalutati mill-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha 25 .

Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli dwar is-suq intern, u b’mod partikolari mal-Artikolu 34 TFUE, li jipprojbixxi miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-proposta se jkollhom bżonn jiġġustifikaw il-miżuri introdotti minħabba raġunijiet konformi mal-Artikolu 36 TFUE u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku 26 . Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din l-“esklużjoni fakultattiva” se jkollu jipprovdi ġustifikazzjoni għal dak il-każ speċifiku, filwaqt li jqis l-OĠM ikkonċernat, it-tip ta’ miżura ppjanata, u ċ-ċirkostanzi speċifiċi preżenti fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jikkostitwixxu r-raġuni għal tali “esklużjoni fakultattiva”. Huma u jeżerċitaw din il-kompetenza l-ġdida tagħhom, l-Istati Membri jibqgħu marbutin bis-sħiħ bl-obbligi internazzjonali tagħhom, fosthom ir-regoli tad-WTO.

Din il-proposta se tirrifletti u tikkumplimenta d-drittijiet diġà mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tal-OĠM għall-kultivazzjoni mid-Direttiva tal-2015 – u se tkopri l-għadd ferm akbar ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija, li huma dawk għall-ikel u l-għalf. L-UE se jkollha ġabra konsistenti ta’ regoli għall-awtorizzazzjonijiet ĠM għall-kultivazzjoni u għall-ikel u l-għalf. Bħal fil-każ tad-Direttiva tal-2015, l-effett prattiku tal-proposta ser jiddependi fuq kemm l-Istati Membri jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tagħha.

Il-Kummissjoni temmen li dan huwa l-mod it-tajjeb kif tindirizza l-isfidi fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qieset il-parametri essenzjali li ġejjin:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li tinżamm sistema unika ta’ ġestjoni tar-riskju, ibbażata fuq valutazzjoni indipendenti tar-riskju, bi preferenza għal sistema li tinvolvi awtorizzazzjonijiet nazzjonali b’rikonoxximent reċiproku. Sistema unika ta' ġestjoni tar-riskju hija l-aktar mod effettiv sabiex ikun żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni madwar l-UE, u kif jiġi żgurat ukoll il-funzjonament tas-suq intern.

It-tieni nett, l-Artikolu 41 tal-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qorti dwar ir-reġimi tal-awtorizzazzjoni minn qabel jobbligaw lill-Kummissjoni, bħala l-amministratur tar-riskju, li tieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax iżżomm id-deċiżjonijiet pendenti indefinittvament, jiġifieri li effettivament timponi moratorju fuq l-awtorizzazzjonijiet.

It-tielet nett, il-qafas ġuridiku u istituzzjonali eżistenti tal-UE għandu jiġi rispettat. Il-piż relattiv tal-vot tal-Istati Membri fil-Kunsill huwa stabbilit fit-Trattati u r-Regolament li jirregola l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni huwa bbażat fuq dawn ir-regoli tal-votazzjoni. L-istess Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli li jridu jiġu applikati f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata li tappoġġa jew topponi abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni. Dawn ir-regoli japplikaw għall-oqsma politiċi kollha. Għall-Kummissjoni mhux iġġustifikat li wieħed jitbiegħed mir-regoli proċedurali orizzontali maqbula għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE.

5.KONKLUŻJONI

Għall-Kummissjoni huwa xieraq li l-qafas ġuridiku għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat jiġi adattat. Il-Linji Gwida Politiċi ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew jispjegaw il-problema għall-kuntest speċifiku tal-OĠM — jiġifieri li s-sistema ma kinitx tippermetti li jitqies it-tħassib individwali tal-gvernijiet eletti demokratikament. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jitħallew jużaw fatturi leġittimi biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ OĠM fit-territorju tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri jkunu konformi mar-regoli dwar is-suq intern u mal-qafas istituzzjonali tal-UE. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri biex jindirizzaw fil-livell nazzjonali l-kunsiderazzjonijiet li mhumiex koperti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Kif indikat ukoll fil-Linji Gwida Politiċi, il-Kummissjoni hija impenjata li tapprofondixxi s-suq intern. Il-konklużjonijiet li waslet għalihom din il-Komunikazzjoni jikkonċernaw il-problemi li tfaċċaw fil-kuntest tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-atti ta’ implimentazzjoni dwar l-OĠM, u ma jistgħux jiġu estrapolati lil hinn minn dan il-kuntest partikolari.

Għalhekk, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-Kummissjoni tipproponilhom emenda lill-qafas legali tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat biex testendi s-soluzzjoni miftiehma fil-bidu ta’ din is-sena mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-kultivazzjoni tal-OĠM lill-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat.

(1) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom (COM(2015) 177 finali).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).
(4) L-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprovdu li l-Kummissjoni, minbarra l-opinjoni tal-EFSA, tista’ tqis "fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni”.
(5) Skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 182/2011.
(6)  Fejn il-Kumitat Permanenti jagħti opinjoni negattiva (maġġoranza kwalifikata kontra) jew “ebda opinjoni”, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat tal-Appell.
(7) L-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Mill-1 ta’ Novembru 2014, maġġoranza kwalifikata hija ddefinita bħala ammont ta' voti li jirrappreżenta mill-inqas 55 % tat-28 Stat Membru, u mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE.
(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(9) L-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(10) Din hija differenti mill-proċedura preċedenti stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE. Skont dik il-proċedura, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta’ manuvrar f’każ fejn il-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jagħti opinjoni favur jew kontra l-miżuri proposti. Fejn il-Kunsill ikun ta riżultat ta' “ebda opinjoni” (jew fejn il-Kunsill ma jkunx wasal għal opinjoni fi żmien tliet xhur), il-Kummissjoni kellha bilfors tadotta l-proposta ppreżentata lill-Kunsill.
(11) Ara b’mod partikolari QĠUE, C-390/99, Canal Satélite Digital SL, fejn il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni minn qabel, bħas-sistema tal-awtorizzazzjoni għall-OĠM u l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat, iwaqqfu prodott milli jitqiegħed fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni u, għalhekk, huma kompatibbli mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biss sal-punt fejn: 1) ikunu ġġustifikati b'raġunijiet leġittimi (eż. il-valutazzjoni tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa u l-ambjent), u 2) f'dak li għandu x'jaqsam mat-tul tagħhom, mal-ammont tal-ispejjeż li jiġġeneraw, jew ma' kwalunkwe ambigwità dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati, ma jiskoraġġux lill-operaturi kkonċernati milli jsegwu l-pjanijiet kummerċjali tagħhom.
(12) Żewġ OĠM biss huma awtorizzati fl-Unjoni għal użi li mhumiex il-kultivazzjoni jew l-ikel u l-għalf. Dawn huma tipi ta’ fjuri tal-qronfol awtorizzati għat-tqegħid fis-suq għal użu ornamentali. Ix-xejra tal-votazzjoni għal dawn l-OĠM tixbaħ lil dik għall-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf. Ir-riżultat tal-votazzjoni dejjem kien “ebda opinjoni”, b’aktar Stati Membri favur milli kontra. Ix-xejriet tal-votazzjoni jidhru li huma konsistenti, irrispettivament minn jekk l-OĠM huwiex awtorizzat għall-kultivazzjoni, għall-ikel u l-għalf jew għal skopijiet oħra.
(13) 148 660 ettaru fl-2013, primarjament fi Spanja (136 962 ettaru), b’erjas iżgħar fil-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u s-Slovakkja.
(14) Disa’ Stati Membri introduċew klawżoli ta’ salvagwardja li jipprevjenu t-tqegħid fis-suq u l-użu fit-territorju tagħhom tal-uniku OĠM li bħalissa huwa awtorizzat għall-kultivazzjoni fl-UE.
(15) Meta l-Kumitat Permanenti ntalab jivvota fuq awtorizzazzjoni għall-qamħirrum MON810 fl-1998, kien hemm maġġoranza kwalifikata favur (u, għalhekk, il-Kunsill ma kellux għalfejn jivvota): għaxar Stati Membri favur, Stat Membru wieħed kontra, erba' Stati Membri astjenew. Meta d-deċiżjoni dwar il-patata Amflora tressqet għall-vot fil-Kunsill fl-2007, ir-riżultat kien "ebda opinjoni": għaxar Stati Membri favur, 11 kontra u sitta astjenew. Meta l-qamħirrum 1507 u Bt 11 tressqu għall-vot fil-Kumitat Permanenti fl-2009, ir-riżultat kien "ebda opinjoni": sitt Stati Membri favur, 12-il Stat Membru kontra u seba' astjenew. Meta l-qamħirrum 1507 tressaq għall-vot fil-Kunsill fl-2014, ir-riżultat kien "ebda opinjoni": ħames Stati Membri favur, 19-il Stat Membru u erba' Stati Membri astjenew (vot informali).
(16) Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-bijoteknoloġija ppubblikat f’Ottubru 2010, indika li ċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-ikel ġenetikament modifikat ma għandux benefiċċji, li l-ikel ġenetikament modifikat aktarx huwa perikoluż jew jagħmel id-deni, u mhumiex favur l-iżvilupp tal-ikel ġenetikament modifikat.
(17) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-ittikkettjar ta’ prodotti tal-ikel li fihom jew li huma magħmula minn OĠM, kif ukoll l-ikel u l-għalf kollu li ġejjin minn OĠM, irid jindika l-preżenza tal-modifika ġenetika. Il-leġiżlazzjoni tippermetti li l-ikel u l-għalf ma jkunx ittikkettjat bħala ġenetikament modifikat jekk il-materjal ġenetikament modifikat ikun preżenti f’mhux aktar minn 0,9 fil-mija tal-ingredjenti tal-ikel u l-għalf meqjusa individwalment jew tal-ikel u l-għalf li jikkonsistu f’ingredjent wieħed, dejjem jekk din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli.
(18)  Fil-prattika, is-suq għadu żgħir, u hemm disponibbli biss firxa relattivament limitata ta’ dawn il-prodotti. 
(19) Fl-2013, 43,8 % tal-importazzjonijiet tal-għalf mill-UE kienu joriġinaw mill-Brażil fejn 89 % tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja hija modifikata ġenetikament; 22,4 % kienet toriġina mill-Arġentina fejn 100 % tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja hija modifikata ġenetikament; 15,9 % kienet toriġina mill-Istati Uniti fejn 93 % tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja hija modifikata ġenetikament; 7,3 % kienet toriġina mill-Paragwaj fejn 95 % tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja hija modifikata ġenetikament. Sors: Eurostat u l-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ.
(20) Iċ-ċifri tal-industrija jissuġġerixxu li qed jitħallas primjum fuq il-prezz ta’ madwar 40 EUR kull tunnellata għal ftehimiet kuntrattwali fit-tul, u dan jiżdied sa EUR 100 għal kull tunnellata fis-suq spot tal-għalf mhux ġenetikament modifikat.
(21) Ix-xiri tal-għalf kompost jirrappreżenta aktar minn 32 % tal-valur tal-produzzjoni tal-bhejjem tal-UE.
(22) Fl-2012, kien hemm 1946 votazzjoni bil-proċedura tal-komitoloġija tal-UE f’Kumitat Permanenti. Minn dawn, 82 votazzjoni biss irriżultaw f’“ebda opinjoni”. Disgħa minn dawn il-proċeduri ġew riferuti lill-Kumitat tal-Appell. (Iċ-ċifri korrispondenti għall-2013 u l-2014 huma rispettivament kif ġej: 1959/53/28; u 1908/46/21).
(23) L-użu mill-Kummissjoni tal-“fatturi leġittimi l-oħra” msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 bħala raġuni biex tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni jista' biss ikun legalment difensibbli jekk iġġustifikat minn raġunijiet prevalenti tal-interess pubbliku tal-istess natura bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE u fil-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, pereżempju, QĠUE, 20.02.1979, il-Kawża 120/78 Rewe-Zentral (Cassis de Dijon), [1979] ECR 649) u minn objettivi ta’ interess ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara pereżempju QĠUE, 12.07.2012, il-Kawża C-59/11, Association Kokopelli, ECLI:EU:C:2012:447).
(24) Id-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom (ĠUL 68, 13.3.2015, p. 1).
(25)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom (COM(2015) 177 finali).
(26) QĠUE, 20.02.1979, il-Kawża 120/78 Rewe-Zentral (Cassis de Dijon), [1979] Ġabra 649.
Top

Brussell, 22.4.2015

COM(2015) 176 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)


ANNESS

Tabella 1: Il-votazzjonijiet fil-Kunsill u fil-Kumitat tal-Appell dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-kultivazzjoni tal-OĠM mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

Sena

OĠM li saret votazzjoni dwarhom fil-Kunsill jew fil-Kumitat tal-Appell

Għadd ta' SM

SM favur

SM kontra

SM li astjenew

Għadd totali ta' voti

Favur

Kontra

Astensjoni

2007

Il-patata Amflora

27

10

11

6

345

130

119

96

2014

Il-qamħirrum 1507*

28

5

19

4

352

77

210

65

*vot informali

Tabella 2: Il-voti fil-Kunsill u fil-Kumitat tal-Appell dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-kultivazzjoni tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

Ir-regoli ta' qabel Lisbona għall-kalkolu ta’ maġġoranza kwalifikata (maġġoranza kwalifikata = 62 vot minn 87; 88 vot minn 124; 232 vot minn 321 jew 255 vot minn 345)

Sena

OĠM li saret votazzjoni dwarhom fil-Kunsill jew fil-Kumitat tal-Appell

Għadd ta' SM

SM favur

SM kontra

SM li astjenew

Għadd totali ta' voti

Favur

Kontra

Astensjoni

2004

Il-qamħirrum Bt11

15

6

6

3

87

35

29

23

Il-qamħirrum NK603

25

9

9

7

124

48

43

33

Il-kolza GT73

25

6

14

5

321

78

164

79

2005

Il-qamħirrum 1507

25

9

10

6

321

123

112

86

Il-qamħirrum GA21

25

8

13

4

321

94

155

72

Il-qamħirrum MON863

25

10

12

3

321

152

103

66

Il-qamħirrum MON863xMON810

25

8

14

3

321

133

142

46

Il-qamħirrum 1507

25

11

11

3

321

159

102

60

2006

Il-kolza Ms8xRf3

25

6

14

5

321

102

156

63

2007

Il-pitrava zokkrija H7-1

27

15

9

3

345

197

83

65

Il-qamħirrum 59122

27

15

8

4

345

197

79

69

Il-qamħirrum NK603xMON810

27

14

9

4

345

185

108

52

Il-qamħirrum 1507xNK603

27

14

9

4

345

185

108

52

2008

Il-qamħirrum MON863xNK603

27

12

11

4

345

157

119

69

Il-qamħirrum MON863xMON810

27

12

11

4

345

157

119

69

Il-qamħirrum MON863xMON810xNK603

27

12

11

4

345

157

119

69

Il-patata Amflora

27

9

13

5

345

119

162

64

Il-qamħirrum GA21

27

11

9

7

345

128

83

134

Il-fażola tas-sojja A2704-12

27

12

12

3

345

174

148

23

Il-qoton LLcotton25

27

13

12

2

345

186

148

11

Il-fażola tas-sojja MON89788

27

13

8

6

345

164

79

102

2009

Il-kolza T45

27

12

14

1

345

160

178

7

Il-qamħirrum MON89034

27

14

10

3

345

167

113

65

Il-qamħirrum MON88017

27

13

10

4

345

164

87

94

Il-qamħirrum 59122xNK603

27

12

11

4

345

152

116

77

Il-qamħirrum MIR604

27

13

12

2

345

181

128

36

2010

Il-qamħirrum 1507x59122

27

13

11

3

345

183

116

46

Il-qamħirrum 59122x1507xNK603

27

13

11

3

345

183

116

46

Il-qamħirrum MON88017xMON810

27

13

11

3

345

183

116

46

Il-qamħirrum MON89034xNK603

27

13

12

2

345

183

145

17

Il-qamħirrum Bt11xGA21

27

13

11

3

345

183

116

46

Il-qamħirrum Bt11

27

14

9

4

345

186

84

75

2011

Il-qoton GHB614

27

16

10

1

345

222

113

10

Il-qamħirrum MON89034xMON88017

27

15

11

1

345

219

116

10

Il-qamħirrum 1507

27

17

9

1

345

251

84

10

Il-qoton 281-24-236/3006-210-23

27

14

10

3

345

190

87

68

Il-qamħirrum Bt11xMIR604

27

13

11

3

345

178

99

68

Il-qamħirrum MIR604xGA21

27

13

12

2

345

178

109

58

Il-qamħirrum Bt11xMIR604xGA21

27

13

12

2

345

178

109

58

2012

Il-fażola tas-sojja A5547-127

27

14

10

3

345

181

113

51

Il-kolza 40-3-2

27

14

8

5

345

181

80

84

Il-fażola tas-sojja MON87701

27

14

10

3

345

181

96

68

Il-fażola tas-sojja 356043

27

14

10

3

345

181

94

70

Il-fażola tas-sojja MON87701xMON89788

27

12

10

5

345

149

87

109

Il-qamħirrum MIR162

27

14

10

3

345

164

94

87

2013

Il-kolza Ms8xRf3*

27

14

8

4

345

164

77

97

It-trab tad-dakra MON 810

28

14

12

2

352

168

145

39

Il-qamħirrum SmartStax

28

13

12

3

352

161

123

68

Il-qamħirrum MON89017x1507xNK603

28

13

12

3

352

161

123

68

Il-qamħirrum MON87460

28

12

12

4

352

154

123

75

2014

Il-kolza GT73

28

14

11

3

352

164

101

87

Il-qoton T304-40

28

15

12

1

352

197

126

29

Il-fażola tas-sojja MON87708*

28

12

9

4

352

149

81

99

Il-qamħirrum T25*

28

13

8

4

352

161

74

94

Il-fażola tas-sojja 305423*

28

13

9

3

352

161

103

65

Il-fażola tas-sojja MON87705*

28

13

10

2

352

161

110

58

Il-fażola tas-sojja BS-CV127-9*

28

13

9

3

352

161

81

87

Il-qamħirrum NK603

28

13

11

4

352

161

97

94

* xi Stati Membri ma kinux irrappreżentati fil-votazzjoni —

Tabella 3: Il-voti fil-Kunsill u fil-Kumitat tal-Appell dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

Ir-regoli ta' qabel Lisbona għall-kalkolu ta’ maġġoranza kwalifikata (maġġoranza kwalifikata = voti li jirrappreżentaw 55 % jew aktar tal-Istati Membri u 65 % jew aktar ta’ ċittadini tal-UE)

Sena

OĠM

Għadd ta' SM

Għadd ta’ SM favur

Għadd ta' SM kontra

Għadd ta' SM li astjenew

% taċ-ċittadini tal-UE rrappreżentati mill-voti favur

% taċ-ċittadini tal-UE rrappreżentati mill-voti kontra

% taċ-ċittadini tal-UE rrappreżentati mill-astensjoni

2014

Il-qoton GHB614xCotton25*

28

10

13

4

29.57%

30.46 %

30.73 %

Il-kolza MON88302 *

28

10

12

5

29.57%

29.62 %

31.57 %

Il-qoton MON88913*

28

10

11

6

29.57%

16.64 %

44.56 %

2015

Il-fażola tas-sojja MON87769

28

11

13

4

38.76 %

30.54 %

30.70 %

Il-qoton MON531

28

10

15

3

37.35 %

32.49 %

30.17 %

Il-qoton MON1445

28

10

16

2

37.35 %

34.70 %

27.96 %

Il-qoton MON531xMON1445

28

10

16

2

37.35 %

34.70 %

27.96 %

Il-qoton MON15985

28

11

15

2

39.55 %

32.49 %

27.96 %

*xi Stati Membri ma kinux irrappreżentati fil-votazzjoni

Graff 1: L-evoluzzjoni tal-voti fil-Kunsill jew fil-Kumitat tal-Appell dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat mill-2004 sal-2015

Top