Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0082

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-ksib tal-mira ta' 10% għall-interkonnessjoni elettrika Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020

/* COM/2015/082 final */

In force

52015DC0082

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-ksib tal-mira ta' 10% għall-interkonnessjoni elettrika Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020 /* COM/2015/082 final */


L-interkonnessjonijiet: partijiet essenzjali tal-Unjoni tal-Enerġija

F'dawn l-aħħar deċennji, l-Unjoni Ewropea ħadmet ħafna biex tibni l-iktar suq komuni tal-enerġija integrat, kompetittiv u sostenibbli fid-dinja.

L-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-UE qed tagħti riżultati tanġibbli: il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku naqsu b'terz[1]; il-konsumaturi għandhom għażla ikbar billi l-fornituri tal-enerġija jkollhom jikkompetu bejniethom biex joffru prezzijiet orħos u servizzi aħjar; u minħabba l-qafas ġuridiku, l-kompetizzjoni fis-settur tjiebet.

Madankollu, għad baqa' ħafna xi jsir. Id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, l-infrastruttura qadima u n-nuqqas ta' investiment, is-suq tal-konsumaturi li ma jaħdimx kif suppost, il-prezzijiet finali għoljin tal-enerġija għaċ-ċittadini u għan-negozji li jfixklu l-kompetittività tal-kumpaniji tagħna, il-bżonn li l-ekonomija tibda tiddependi inqas fuq il-karbonju minħabba t-tibdil fil-klima u kif ukoll l-isfidi lill-pożizzjoni tagħna fuq quddiem fil-qasam tat-teknoloġija jwasslu għal konklużjoni waħda: l-UE għandha ssolvi l-problema tal-frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali tal-enerġija. L-Unjoni Ewropea għandha tibdel il-mod kif tipproduċi, tittrasporta u tikkonsma l-enerġija. Il-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tibdel ir-rotta u tibda miexja fid-direzzjoni t-tajba: dik ta' Unjoni tal-Enerġija.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija ta' qafas għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika tal-klima progressiva. Din il-Komunikazzjoni dwar kif tista' tinkiseb il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika hija pass konkret f'din id-direzzjoni.

Grilja tal-enerġija Ewropea interkonnessa hija essenzjali għas-sigurtà enerġetika tal-Ewropa, għal iktar kompetizzjoni fis-suq intern li twassal għal prezzijiet aktar kompetittivi u wkoll biex jinkisbu aħjar il-miri politiċi għad-dekarbonizzazzjoni u għall-klima li l-Unjoni Ewropea kkommettiet ruħha li tilħaq. Grilja interkonnessa għandha tgħin fit-triq lejn l-għan aħħari tal-Unjoni tal-Enerġija: dak li jkollna enerġija aċċessibbli, sigura u sostenibbli, u wkoll it-tkabbir u x-xogħol, fl-UE kollha.

Bejn diversi pajjiżi għad ma hemmx interkonnessjonijiet. Biex jinbnew dawn l-interkonnessjonijiet se jinħtieġ li jiġu mmobilizzati l-isforzi kollha fil-livelli kollha malajr kemm jista' jkun, biex jintlaħaq l-objettiv komuni ta' suq intern tal-enerġija li jkun kompletament funzjonanti u konness.

L-infrastruttura enerġetika tinsab fuq quddiem fl-aġenda Ewropea għall-enerġija. F'Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew talab biex ikun hemm "implimentazzjoni rapida tal-miżuri kollha biex tinkiseb il-mira li tintlaħaq interkonnessjoni ta' mill-inqas 10% tal-kapaċità installata tagħhom tal-produzzjoni tal-elettriku għall-Istati Membri kollha." Din il-Komunikazzjoni[2] hija r-risposta għal din is-sejħa u tippreżenta strateġija biex tiżgura l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-elettriku permezz ta' livelli xierqa ta' interkonnessjoni, li se jkunu wkoll parti integrali tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-benefiċċji ta' Sistema tal-Enerġija Interkonnessa

L-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali iżolati tal-enerġija elettrika u l-ħolqien ta' Sistema Elettrika Ewropea tassew, se jagħtu benefiċċji importanti lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

L-interkonnessjonijiet tal-elettriku se jżidu s-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa. Se jtejbu l-affidabbiltà tas-sistema elettrika, u b'hekk titjieb il-kwalità tas-servizz u jonqsu l-interruzzjonijiet u t-telf tal-produttività fis-setturi kummerċjali u industrijali. Il-livelli ambizzjużi tal-interkonnessjoni elettrika se jgħinu biex tonqos id-dipendenza tal-Ewropa, minħabba l-ottimizzazzjoni tas-sistema li twassal biex jonqsu l-importazzjonijiet tal-fjuwil u jinħolqu aktar opportunitajiet għall-Ewropa fejn jidħlu l-investimenti, it-tkabbir u x-xogħol. Barra minn hekk, l-interkonnessjonijiet jiffaċilitaw l-għajnuna instantanja bejn l-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni (TSO, Transmission System Operators) u joffru aktar kooperazzjoni u solidarjetà bejniethom.

Bi grilja interkonnessa, il-prezzijiet fis-suq intern jorħsu minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni u fl-effiċjenza, minbarra li jkun hemm ukoll użu aħjar u iktar kosteffettiv tar-riżorsi disponibbli. L-interkonnessjonijiet jimplikaw iktar integrazzjoni tas-Suq Ewropew, irenduh ikbar u iktar effiċjenti, filwaqt li jippermettu livelli ogħla tal-kompetizzjoni. Iċ-ċifra ta' hawn taħt turi li l-iskambji transkonfinali żdiedu sew minn tmiem id-disgħinijiet meta nbeda l-proċess tal-ftuħ tas-suq.

Didaskalija:   Żvilupp tal-iskambji transkonfinali globali mill-1975 tal-pajjiżi li t-TSO tagħhom huma membri tal-ENTSO-E

ENTSO-E

Skambji esterni

 

Suq iktar integrat minħabba l-interkonnessjonijiet inaqqas ukoll il-bżonn għall-investiment fl-ogħla kapaċità ta' ġenerazzjoni u ħżin billi l-impjanti li kull pajjiż għandu ma jkunux meħtieġa fl-istess ħin. Dan jagħti benefiċċji ekonomiċi u politiċi kbar lill-Istati Membri minħabba li ma jkunx hemm bżonn li jinbnew aktar impjanti u għalhekk jonqsu l-investimenti kapitali u jonqos ukoll l-impatt ambjentali. Iż-żieda fl-iskambji tas-sistema li tibbilanċja s-servizzi tnaqqas ukoll l-ispejjeż operattivi tas-sistema fit-terminu l-qasir. L-iffrankar fl-ispejjeż għall-ġenerazzjoni u/jew l-investimenti iżgħar fil-ġenerazzjoni u l-iffrankar fl-ispejjeż tal-fjuwil minħabba l-interkonnessjoni tal-grilji elettriċi jsarrfu fi prezzijiet iktar kompetittivi għan-negozji u l-familji. Grilja enerġetika Ewropea li tkun interkonnessa tajjeb, tqarreb il-benefiċċji tas-suq lejn iċ-ċittadini Ewropej għaliex, sal-2030, il-konsumaturi jistgħu jkunu qed jiffrankaw bejn EUR 12-il biljun u EUR 40 biljun fis-sena[3].

Għall-iżvilupp sostenibbli u d-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita enerġetika hemm bżonn ta' grilja interkonnessa tajjeb għaliex b'dawn l-interkonnessjonijiet il-grilja tkun tista' takkomoda livelli dejjem ikbar ta' enerġija rinnovabbli varjabbli b'mod iktar sigur u kosteffiċjenti. Is-serħan fuq l-għejun rinnovabbli għall-biċċa l-kbira tat-taħlita għall-ġenerazzjoni jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-klima billi jnaqqas l-emissjonijiet tad-CO2 u, barra minn hekk, iżid is-sigurtà tal-provvista. Livell ogħla ta' interkonnessjonijiet huwa essenzjali wkoll biex l-UE tkun tista' tissodisfa l-ambizzjoni tagħha li tkun mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli, li mhix biss kwistjoni ta' politika dwar it-tibdil fil-klima responsabbli, iżda hija wkoll eżiġenza tal-politika industrijali. Il-kumpaniji Ewropej tal-enerġija u t-teknoloġija rinnovabbli huma atturi industrijali ewlenin li jimpjegaw madwar 1,2 miljun persuna fl-2012, joħolqu impjiegi stabbli fil-livell reġjonali u lokali u joħolqu wkoll it-tkabbir sostenibbli.

Kollox ma' kollox, l-interkonnessjonijiet għandhom jikkontribwixxu biex ikun hemm prezzijiet tal-elettriku iktar aċċessibbli fuq terminu twil, biex ikun hemm iktar sigurtà, affidabbiltà u kwalità tal-provvista tal-elettriku, li huma essenzjali għall-attivitajiet soċjali u ekonomiċi, u biex ikun hemm standard ogħla ta' ħarsien ambjentali.  Dawn l-iżviluppi se jgħinu wkoll biex innaqqsu d-dipendenza enerġetika tagħna, minħabba t-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwils impurtati, u biex jiffaċilitaw l-investimenti l-ġodda fl-Ewropa, minħabba l-prezzijiet iktar kompetittivi tal-elettriku u t-titjib fil-livelli tal-kompetizzjoni tal-industriji Ewropej. Iż-żieda fl-interkonnessjonijiet elettriċi tnaqqas ukoll l-impatt ambjentali billi jkun hemm inqas bżonn ta' impjanti tal-enerġija u jkun hemm inqas emissjonijiet tad-CO2 u żżid il-kapaċità tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Din il-kapaċità tirrilaxxa potenzjal ogħla ta' tkabbir għall-industrija Ewropea tal-enerġija rinnovabbli u tiżgura li l-industrija Ewropea tal-enerġija rinnovabbli tibqa' fuq quddiem fid-dinja u, għalhekk, iżżid il-kapaċità għall-ħolqien tal-impjiegi ta' din l-industrija fl-Ewropa, b'ħolqien nett tal-impjiegi fl-Ewropa.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-interkonnessjoni tas-swieq tal-elettriku għandha tkun prijorità politika għall-Unjoni Ewropea fil-livelli kollha fis-snin li ġejjin.

Modernizzazzjoni radikali tal-politika tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija

Konxji mill-benefiċċji tal-interkonnessjonijiet enerġetiċi, l-Istati Membri żiedu l-kapaċitajiet tagħhom ta' interkonnessjoni f'dawn l-aħħar deċennji. Madankollu, 12-il Stat Membru, li fil-biċċa l-kbira jinsabu fil-periferija tal-UE, għadhom taħt il-mira ta' 10% għall-interkonnessjoni elettrika u għalhekk huma iżolati mis-suq intern tal-elettriku.

Il-livelli ta' interkonnessjoni għall-elettriku fl-2014

Stat Membru || ||

Stati Membri b'livell ta' interkonnessjoni ogħla minn 10%

AT || || 29 %

BE || || 17%

BG || || 11 %

CZ || || 17%

DE || || 10 %

DK || || 44 %

FI || || 30 %

FR || || 10 %

GR || || 11 %

HR || || 69 %

HU || || 29 %

LU || || 245 %

NL || || 17%

SI || || 65 %

SE || || 26 %

SK || || 61 %

Stati Membri b'livell ta' interkonnessjoni inqas minn 10%

IE || || 9 %

IT || || 7 %

RO || || 7 %

PT || || 7 %

EE[4] || || 4 %

LT4 || || 4 %

LV4 || || 4 %

UK || || 6 %

ES || || 3 %

PL || || 2 %

CY || || 0 %

MT || || 0 %

|| Sors: ENTSO-E, Scenario Outlook and Adequacy Forecast 2014 ||

F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda gradwalment tgħammar lilha nnifisha bl-għodda politiċi t-tajbin biex tkun tista' tagħmel l-investimenti li hemm bżonn fl-infrastruttura tal-grilja, u l-iktar importanti minn dawn l-investimenti huma dawk fl-interkonnessjoni.

Wara l-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea ressqet Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR, European Energy Programme for Recovery) li kien jikkonsisti, fost l-oħrajn, fl-identifikazzjoni tal-proġetti ta' interkonnessjoni madwar l-UE u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-UE. Dan il-programm għen biex saru bosta proġetti ta' interkonnessjoni bejn l-Istati Membri li, minħabba n-nuqqas ta' fondi xierqa, ma kinux għadhom inbnew. L-EEPR nefaq madwar EUR 650 miljun fuq l-interkonnessjonijiet tal-elettriku (l-Anness 1).

Il-mappa tal-interkonnessjonijiet megħjuna mill-EEPR

Ir-Regolament TEN-E[5] adottat fl-2013, flimkien mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF, Connecting Europe Facility)[6], joħloq strument Ewropew stabbli ddisinjat biex jidentifika u jiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġetti li l-Ewropa teħtieġ fi 12-il kuritur u żona prijoritarja. Dawn l-għodod flimkien ma', fost l-oħrajn, l-introduzzjoni tal-Proġetti ta' Interess Komuni (PCI, Projects of Common Interest), it-titjib tat-trattament regolatorju u l-aċċellerazzjoni tal-għoti tal-permessi, huma pass importanti 'il quddiem.

Kif enfasizzat mill-Kunsill Ewropew, il-mira għall-interkonnessjonijiet għandha tintlaħaq fil-biċċa l-kbira bl-implimentazzjoni tal-Proġetti ta' Interess Komuni. L-ewwel lista tal-Unjoni ta' PCIs ġiet adottata fl-2013; din hija magħmula minn 248 proġett, li 137 minnhom jikkonċernaw l-elettriku, fosthom 52 interkonnessjoni elettrika u proġett wieħed b'investimenti antiċipattivi li jippermettu l-konnessjonijiet fil-futur, u 37 proġett minnhom jinvolvu Stati Membri li bħalissa għandhom livell ta' interkonnessjoni inqas minn 10%.

Il-mappa tal-ewwel lista ta' PCIs għall-interkonnetturi tal-elettriku fl-Istati Membri b'livell ta' interkonnessjoni inqas minn 10%

Il-lista ta' PCIs hija lista flessibbli li tiġi aġġornata kull sentejn. Bħalissa għaddej ix-xogħol biex titħejja t-tieni lista fil-kuntest reġjonali stabbilit mir-Regolament TEN-E, fid-dawl tal-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni fil-ħarifa tal-2015. Se tingħata prijorità speċjali lil dawk il-proġetti li jżidu b'ammont sinifikanti l-kapaċità ta' interkonnessjoni attwali fejn din tinsab f'livell inqas ferm mill-objettiv stabbilit ta' 10%, partikolarment fejn dan l-objettiv ikun partikolarment diffiċli biex jintlaħaq.

Il-Proġetti ta' Interess Komuni jitfasslu u jiġu implimentati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kif ukoll minn promoturi privati. Il-proġetti attwali jinsabu fi stadji differenti ta' żvilupp; xi wħud qegħdin fil-fażi tal-kostruzzjoni iżda ħafna minnhom għadhom fl-istadji bikrija tal-preparament. Xi 75% tal-PCIs kollha mill-ewwel lista tal-Unjoni huma ppjanati li jitlestew sal-2020.

Hawn taħt hawn xi eżempji ta' proġetti tal-EEPR u PCIs li, jekk u meta jitlestew, se jgħinu biex l-Istati Membri jilħqu l-mira ta' 10%, xi wħud anke fix-xhur li ġejjin, filwaqt li oħrajn fit-terminu l-medju:

· Il-proġett li jgħaqqad lil Baixas, Franza ma' Santa-Llogaia, Spanja, ingħata għajnuna mill-EEPR. Wara l-inawgurazzjoni tiegħu fi Frar 2015, il-kapaċità ta' interkonnessjoni elettrika bejn Franza u l-Peniżola Iberika se tirdoppja. Il-PCI bejn Aquitaine, Franza u l-Pajjiż Bask, Spanja, bħalissa qed isirulu studji dettaljati ffinanzjati mill-għotjiet finanzjarji tal-KE. Anki dan il-proġett għandu jirdoppja l-kapaċità ta' interkonnessjoni.  Għandhom jiġu mmobilizzati l-isforzi kollha biex jitlesta fl-2020 sabiex il-livell ta' interkonnessjonijiet jinġieb eqreb il-mira ta' 10%,

· L-interkonnessjoni l-ġdida bejn il-Portugall (Vila Fria - Vila do Conde – Recarei) u Spanja (Beariz – Fontefría), li kienet identifikata fl-ewwel lista ta' PCIs, se żżid il-kapaċità ta' interkonnessjoni ta' 7% li hemm bħalissa bejn Spanja u l-Portugall sal-2016 u b'hekk il-Portguall ikun f'livell ogħla mill-mira ta' 10%.

· Filwaqt li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja huma interkonnessi sew bejniethom, l-interkonnettività mas-suq tal-elettriku tal-UE fl-2011 kienet biss ta' 4% għat-tliet Stati Membri f'daqqa. Madankollu, is-sitwazzjoni qed titjieb b'rata mgħaġġla. Sal-2015, l-Istati Baltiċi laħqu livell ta' interkonnettività ta' 10% mas-suq tal-elettriku tal-UE permezz tal-Finlandja, bis-saħħa tal-proġett tal-EEPR, Estlink2. L-interkonnessjoni bejn l-Iżvezja (Nybro) u l-Litwanja (Klaipeda) - magħrufa bħala l-proġett Nordbalt1, iffinanzjat mill-EEPR - għandha tkompli ttejjeb l-integrazzjoni tas-suq futur tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-Baltiku u n-Nord Pool Spot minn nofs l-2016.

· It-tlestija tal-kostruzzjoni tal-PCI tal-interkonnessjoni bejn il-Litwanja u l-Polonja magħrufa bħala l-LitPol Link se tirdoppja l-livell ta' interkonnessjoni tal-Polonja għal 4% sa tmiem l-2015. Se żżid ukoll l-interkonnessjoni sinkronika tan-netwerks Baltiċi man-Netwerks Ewropej Kontinentali. PCI identifikat ieħor, l-interkonnessjoni bejn Vierraden, il-Ġermanja u Krajnik, il-Polonja, se jgħolli l-interkonnettività tal-Polonja għal iktar minn 10% sal-2020.

· Bis-saħħa tal-PCIs fir-Renju Unit, li huma għal linji interni u interkonnessjonijiet mal-Belġju, Franza, l-Irlanda u n-Norveġja, ir-Renju Unit għandu jilħaq il-mira ta' 10% u jnaqqas il-konġestjoni fl-interkonnessjonijiet tiegħu.

· Bosta PCIs Taljani fis-settur tal-elettriku, primarjament interkonnetturi bejn l-Italja u Franza, l-Iżvizzera u l-Awstrija u r-rinforzi interni meħtieġa, għandhom itejbu l-kapaċitajiet ta' interkonnessjoni elettrika tagħha mal-ġirien għal madwar 12% meta dawn jitlestew sal-2020. Għalhekk, l-affidabbiltà tal-provvista elettrika se tkun żgurata aħjar fl-Italja u r-riskju tal-konġestjoni se jkun ferm inqas.

· L-Irlanda wkoll tista' żżid sostanzjalment il-kapaċità ta' interkonnessjoni tagħha bis-saħħa tad-diversi PCIs inklużi fl-ewwel lista.  Il-livell ta' interkonnessjoni tal-Irlanda fl-2011 kien ta' 3%; dan żdied għal 7% fl-2013 bis-saħħa ta' proġett iffinanzjat mill-EEPR li għaqqad l-Irlanda mar-Renju Unit, u l-interkonnettività tagħha tista' anke tisboq il-15% fl-2020 meta jinbnew l-PCIs ippjanati, li jkomplu jgħaqqduha mar-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja) u possibbilment ma' Franza.

· Bl-implimentazzjoni tal-interkonnessjoni mas-Serbja fl-2017, il-livell ta' interkonnessjoni tar-Rumanija jiżdied mil-livell attwali ta' 7% għal iktar minn 9% u għalhekk ikun eqreb il-mira.

· Ċipru hija gżira tal-enerġija li tiddependi ħafna fuq iż-żejt u li qed tesperjenza prezzijiet għolja tal-elettriku. L-interkonnessjoni futura msejħa l-Interkonnettur Euroasia, li bħalissa tinsab fil-fażi tal-prefattibilità, kienet inkluża fl-ewwel lista ta' PCIs tal-Unjoni. Il-proġett se jkollu kapaċità ta' 2 000 MW u se jwassal il-livell ta' interkonnessjoni ta' Ċipru għal iktar minn 100% meta jitlesta fl-2023.

· Bis-saħħa tal-għajnuna mill-EEPR, l-ikkummissjunar tal-interkonnessjoni ta' vultaġġ għoli mal-Italja (Sqallija) matul l-2015, il-livell ta' interkonnessjoni ta' Malta se jiżdied miż-0% kif qiegħed bħalissa għal madwar 35%.

L-implimentazzjoni tal-PCIs se tqarreb l-Ewropa ħafna iktar lejn il-mira ta' 10% għall-interkonnessjoni elettrika bejn l-Istati Membri jekk jitlestew il-proġetti previsti[7] fl-2020 (ara l-mappa hawn taħt). Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex dawk l-Istati li għadhom taħt il-mira, primarjament Spanja u Ċipru, jintlaħaq il-livell ta' 10% sal-2020, permezz ta' approċċ iktar ikkoordinat u bl-użu tal-għodda kollha disponibbli.

Mappa tal-livelli ta' interkonnessjoni fl-2020 wara l-implimentazzjoni tal-PCIs attwali.

                                                                                                                                                                               

                                                                                                                                                                                       

Il-qafas regolatorju Ewropew għandu jiġi implimentat u applikat bis-sħiħ 

Biex isiru l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura jinħtieġ qafas regolatorju solidu. Mill-2013 'l hawn, l-Unjoni Ewropea adottat approċċ olistiku għall-ippjanar u l-implimentazzjoni. Ir-Regolament dwar in-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija (TEN-E) għall-ewwel darba jindirizza l-kwistjoni speċifika tal-proġetti transkonfinali jew dawk li jkollhom impatt fuq il-flussi transkonfinali.

Ir-Regolament TEN-E jagħraf li dawn il-proġetti jeħtieġu trattament regolatorju speċifiku u jipproponi li ssir analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji li turi biċ-ċar il-benefiċċji supranazzjonali u jagħti l-possibbiltà biex l-ispejjeż jiġu allokati bejn il-pajjiżi differenti abbażi tal-benefiċċji li l-proġetti jiġġeneraw fl-Istati Membri kkonċernati. Ir-Regolament TEN-E jirrikjedi ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jipprovdu inċentivi regolatorji fi proporzjon mar-riskji mġarrba minn dawn il-proġetti. Dan ifisser li t-tariffi stabbiliti għall-użu tal-infrastruttura jkunu jqisu, pereżempju, it-tul ta' żmien meħtieġ biex jiġu rkuprati l-investimenti, jekk wieħed iżomm f'moħħu t-tul taż-żmien meħtieġ għad-deprezzament, il-bżonn għall-investiment antiċipattiv, eċċ.

Il-maġġoranza l-kbira tal-proġetti jiġu promossi mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, u r-regolatori japprovaw jew jistabbilixxu t-tariffi. Hemm ukoll proġetti, fosthom xi PCIs, li huma promossi minn partijiet privati, l-hekk imsejħa "linji merkantili". Dawn ġeneralment jirkupraw l-ispejjeż tagħhom mid-differenzi fil-prezzijiet bejn iż-żewġ truf tal-linja. Għalhekk, ir-riskji tagħhom huma ta' natura differenti ħafna. Għal din ir-raġuni, filwaqt li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament TEN-E dwar l-għoti tal-permessi, dawn il-linji spiss jingħataw eżenzjonijiet minn partijiet tal-qafas regolatorju, bħal dawk dwar l-aċċess għall-partijiet terzi u l-użu tat-tariffi tal-konġestjoni. 

Għall-ewwel darba r-Regolament TEN-E jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-proċeduri twal għall-għoti tal-permessi u l-aċċettanza pubblika, li huma l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-infrastruttura, speċjalment għal-linji tal-elettriku fl-ajru. Ir-Regolament jintroduċi limitu ta' żmien ġenerali ta' tliet snin u nofs għall-għoti tal-permessi, u dan huwa vinkolanti u għandu jnaqqas sewwa l-medja attwali ta' bejn għaxar u 13-il sena. Is-setgħat tal-għoti tal-permessi għandhom ikunu kkonċentrati f'awtorità kompetenti waħda ("one-stop-shop"). Wara l-infurzar qawwi mill-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet fl-aħħar se jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha fir-rebbiegħa tal-2015[8]. Iddaħħlu wkoll regoli ġodda dwar il-konsultazzjoni u t-trasparenza mtejba biex jinvolvu iktar liċ-ċittadini fil-proċess tal-ippjanar. L-objettiv huwa biex il-proċess isir iktar effiċjenti filwaqt li jitħarsu l-istandards għolja tal-UE fil-ħarsien ambjentali[9].

Huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament TEN-E sabiex ma jkunx hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti neċessarji. Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar strett.

L-użu bis-sħiħ tal-istrumenti finanzjarji disponibbli kollha, tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi

Il-Kummissjoni tistma li sal-2020 jinħtieġu madwar EUR 200 biljun biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex l-Istati Membri kollha tal-UE jiġu interkonnessi adegwatament, biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex tiżdied is-sostenibbiltà. Għall-proġetti tal-elettriku jintħieġu madwar EUR 105 biljun u madwar EUR 35 biljun minnhom ikunu għall-interkonnessjonijiet li akkwistaw status ta' PCI u li jinħtieġu biex tintlaħaq il-mira ta' 10% madwar l-UE.

L-importanza ta' grilja interkonnessa hija riflessa sew fil-baġit multiannwali tal-UE għall-2014-20. Bil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) li tkopri tliet setturi - it-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet - l-enerġija tirrappreżenta EUR 5,35 biljun mit-total ta' madwar EUR 30 bilijun[10]. Filwaqt li l-finanzjament tas-CEF jirrappreżenta biss madwar 3% tal-investiment meħtieġ sal-2020, dan jiġbed aktar fondi permezz tal-istrumenti finanzjarji, bħall-bonds tal-proġetti li diġà ġew ittestjati fil-fażi pilota 2012-2013. Għalhekk, sehem importanti tas-CEF se jiġi implimentat permezz ta' dawn l-istrumenti.

Biex l-għotjiet tas-CEF jagħmlu differenza, dawn għandhom jiġu mmirati lejn ftit proġetti kritiċi u għandhom ukoll jingħaqdu mal-isforzi tar-regolaturi biex jiffinanzjaw il-proġetti permezz ta’ tariffi tan-netwerks u ta' sorsi oħra ta' finanzjament. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) f'ċerti kundizzjonijiet. L-estimi preliminarji jissuġġerixxu li madwar EUR 2 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huma mistennija jiġu allokati lil infrastrutturi kbar tal-elettriku u tal-gass. Pereżempju, ir-Repubblika Ċeka (indikattivament madwar EUR 200 miljun) u l-Litwanja (indikattivament EUR 69,5 miljun) qed jippjanaw li jużaw din l-għażla u qed jipprevedu l-finanzjament mill-FEŻR għall-grilji elettriċi intelliġenti b'vultaġġ għoli.

Fit-13 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) biex itejjeb l-aċċess tal-proġetti tal-investiment tal-UE għall-finanzjament fit-tul. Dan l-istrument jista' jkopri l-PCIs jew proġetti oħra ta' interkonnessjoni mressqa, u b'hekk, jaċċellera u jikkomplementa l-istruttura attwali ta' appoġġ għall-PCIs u lil hinn. L-EFSI joffri possibbiltajiet ġodda għall-finanzjament kummerċjali, li se jiġi stabbilit fi sħubija mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Il-Fond jinsab fil-qalba tal-pakkett tal-Kummissjoni għat-Tkabbir, l-Ipjiegi u l-Investiment. L-EFSI se jimmobilizza mill-inqas EUR 315 biljun f'investiment privat u pubbliku madwar l-UE, fil-konfront ta' kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE ta' EUR 16-il biljun u kontribuzzjoni mill-BEI ta' EUR 5 biljun. Għaldaqstant, l-effett multiplikatur tal-EFSI huwa stmat li huwa mill-inqas fattur ta' 15,

L-enerġija tinsab fuq quddiem fost il-prijoritajiet tal-Fond. L-operazzjonijiet ta' investiment tal-Fond għandhom ikunu konformi mal-politiki tal-Unjoni u għandhom jappoġġaw l-objettivi ġenerali bħall-iżvilupp tal-infrastruttura, inkluż fil-qasam tal-enerġija, partikolarment l-interkonnessjonijiet tal-enerġija.

Flimkien mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-EFSI issa aktarx tirriżulta li hija għodda importanti biex tgħin lill-PCIs u lill-promoturi fl-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom. Qed jitwaqqaf Portal tal-Investiment li huwa mfassal biex iżid it-trasparenza tal-pjanijiet għall-proġetti ta' investiment tal-UE biex l-informazzjoni ssir iktar aċċessibbli għall-investituri potenzjali. L-EFSI ilaqqa' lill-promoturi u lill-investituri tal-proġetti u jiżgura iktar appoġġ għar-riskji finanzjarji. Billi l-biċċa l-kbira tal-proġetti ta' infrastruttura jippreżentaw każ kummerċjali solidu, l-EFSI jista' jkollu rwol ewlieni fil-ġbid tal-investiment meħtieġ flimkien ma' banek tal-investiment u kummerċjali oħrajn. F'rabta mal-aċċess għall-finanzjament tal-EFSI, it-tħejjija rapida u f'waqtha ta' proġett se tkun ta' importanza kbira. Il-Gruppi Reġjonali involuti fil-proċess tal-PCI se jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward.

Filwaqt li jibni fuq servizzi ta' konsulenza tal-BEI u tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment (EIAH) jipprovdi appoġġ ta' konsulenza għall-identifikazzjoni, il-preparazzjoni u l-iżvilupp tal-proġetti ta' investiment u jaġixxi bħala ċentru uniku ta' konsulenza teknika (inkluż għal kwistjonijiet legali) għall-finanzjament tal-proġetti fl-UE. Dan ikun jinkludi appoġġ dwar l-użu tal-assistenza teknika għall-istrutturar tal-proġetti, l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi, u l-użu ta' sħubiji pubbliċi-privati. L-EIAH mhux biss se jikkunsidra l-EFSI, iżda se jagħti wkoll pariri dwar l-użu ta' possibilitajiet oħra ta' finanzjament li diġà huma disponibbli għall-proġetti ta' infrastruttura, inkluż mis-CEF u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

Huwa daqstant ieħor importanti li nenfasizzaw il-kontribut minn investituri privati, jew permezz tal-EFSI jew permezz ta' strumenti oħra tas-suq bħall-Fondi Ewropew tal-Investiment fuq Terminu Twil li jistgħu jorjentaw il-finanzjament privat lejn l-investimenti fit-tul bħall-infrastruttura tal-enerġija.

Il-politika TEN-E qed turi l-ewwel riżultati, iżda jeħtieġ li jsir iktar. Biex jitħaffef il-ksib tal-mira ta' interkonnessjoni, l-Kummissjoni beħsiebha tintensifka x-xogħol tal-Gruppi Reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament TEN-E, biex jimmonitorjaw il-progress ta' kull PCI u biex jipproponu azzjoni bikrija korrettiva u mmirata fejn ikun hemm bżonn, speċjalment f'dawk l-Istati Membri li għadhom l-iktar 'il bogħod mill-mira ta' 10 %. Il-Kummissjoni se tintensifika wkoll l-appoġġ tagħha għall-proġetti kritiċi permezz ta' miżuri mmirati. Il-Kummissjoni se tevalwa l-proġetti wieħed wieħed biex tara kull ostaklu u riskju li jista' jikkawża dewmien fil-bini u se tieħu l-azzjonijiet li jkun hemm bżonn, bħal pereżempju:

- se tlaqqa' l-promoturi biex issib soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet tekniċi, tal-ippjanar, tad-disinn u tal-implimentazzjoni u biex tiffaċilita l-kuntatti mal-BEI u l-banek l-oħra;

- se tipprovdi aċċess għall-assistenza teknika biex lill-proġett tiffurmah aħjar u tagħmlu iktar attraenti għall-fondi;

- se taħdem flimkien mal-ACER u mar-regolaturi nazzjonali biex issib l-aħjar inċentivi;

- se tiżgura l-konformità mar-Regolament TEN-E u se tniedi l-proċeduri xierqa, fil-każ li d-dispożizzjonijiet ma jkunux għadhom implimentati, pereżempju dwar l-għoti tal-permessi;

- se tiffaċilita l-ftehim bejn l-Istati Membri biex jissolvew il-kwistjonijiet politiċi.

Il-kooperazzjoni reġjonali jeħtieġ tissaħħaħ

Il-PCIs kritiċi, u b'mod partikolari dawk tal-interkonnetturi, fil-biċċa l-kbira huma proġetti fuq skala kbira li min-natura tagħhom huma kumplessi u bit-tendenza li jkollhom id-dewmien. Il-promoturi tal-proġetti ġibdu l-attenzjoni lejn il-proċeduri għall-għoti tal-permessi u l-aċċettanza pubblika bħala l-fatturi ewlenin li jikkawżaw id-dewmien fl-implimentazzjoni. Għalhekk, il-possibbiltajiet li titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom jirrikjedu azzjoni konġunta mill-partijiet kollha kkonċernati, fosthom l-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-promoturi, ir-regolaturi u l-awtoritajiet tal-ippjanar.

Il-Proġetti ta' Interess Komuni kollha jeħtieġu approċċ li jmur lil hinn mil-livell individwali tal-proġetti. Il-kooperazzjoni reġjonali qawwija, kif stabbilita mill-Gruppi Reġjonali tat-TEN-E, hija essenzjali għall-implimentazzjoni.

L-erba' Gruppi Reġjonali għall-elettriku (il-Grilja ’l barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana, il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), l-Interkonnessjonijiet Tramuntana – Nofsinhar fl-Ewropa tal-Punent u l-Interkonnessjonijiet Tramuntana – Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa) adottaw lista reġjonali ta' PCIs bi tħejjija għal-lista għall-UE kollha. Dawn isegwu l-implimentazzjoni tal-PCIs fir-reġjun tagħhom u jirrappurtaw dwar id-diffikultajiet possibbli u jistgħu jippronu miżuri korrettivi.

Madankollu, il-kuntest tal-Grupp Reġjonali jista' mhux dejjem ikun biżżejjed. B'mod partikolari, għandha titjieb iktar il-kooperazzjoni reġjonali u għandha tiżdied iktar biex tindirizza l-prijoritajiet politiċi usa' li jmorru lil hinn mill-kwistjonijiet tal-ippjanar u l-implimentazzjoni speċifiċi għall-proġett. Dawn il-kwistjonijiet huma relatati pereżempju, mal-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet tekniċi innovattivi, li l-ippjanar tal-grilja jitqarreb lejn l-ippjanar tal-ġenerazzjoni, li tiġi indirizzata b'urġenza s-sigurtà tar-riskji tal-provvista permezz ta' miżuri regolatorji u tal-infrastruttura sinkronizzati, jew li jsir aktar xogħol biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u aċċettabbli fir-reġjunijiet ambjentalment sensittivi.

Il-Kummissjoni tqis li x-xogħol tal-Gruppi Reġjonali tat-TEN-E jeħtieġ jiżdied fl-oqsma li ġejjin:

- Fil-każ tar-reġjun Baltiku, il-forma attwali ta' kooperazzjoni reġjonali mtejba fil-BEMIP qed tħalli l-frott u r-reġjun se jkun interkonness sewwa bl-elettriku, u wkoll bil-gass, sal-2020. Il-Kummissjoni issa qed tirrevedi l-istrutturi tal-BEMIP f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex tissimplifika u tiffoka mill-ġdid l-azzjoni fuq l-isfidi li fadal, inkluż b'mod partikolari l-konnessjoni sinkronika tal-Istati Baltiċi man-Netwerk Kontinentali Ewropew, l-integrazzjoni tal-għejnun tal-enerġija rinnovabbli u l-miżuri għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija. Il-proċess tar-reviżjoni għandu jikkulmina fl-iffirmar ippjanat ta' Memorandum ta' Ftehim ġdid taħt il-Presidenza Latvjana tal-UE.

- Reġjun ieħor identifikat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 huwa l-Peniżola Iberika. Il-kooperazzjoni dwar l-interkonnettività tagħha dan l-aħħar żdiedet bl-iffirmar ta' karta dwar strateġija komuni għall-iżvilupp tal-interkonnessjoni f'Jannar 2015 mill-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' Spanja, Franza u l-Portugall. Il-karta ta' strateġija komuni telenka għanijiet komuni u tindika xi għażliet għall-proġetti. Il-Kummissjoni ffaċilitat b'mod attiv din il-kooperazzjoni u qed toħloq Grupp ta' Livell Għoli ġdid biex tagħmel din il-kooperazzjoni waħda konkreta. Biex tappoġġa lil dan ix-xogħol, il-Kummissjoni nediet studju dwar il-benefiċċji, l-ispejjeż u l-possibilitajiet tekniċi għal iktar interkonnessjonijiet tal-Peniżola Iberika mal-bqija tal-UE. F'Marzu 2015 se jsir summit tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tat-tliet pajjiżi. Il-Kummissjoni hija konvinta li dan is-summit se jagħti impetu ġdid lil dan il-proċess u, għaldaqstant, se takkumpanja kull impenn ġdid. 

- Il-pajjiżi madwar l-Ibħra tat-Tramuntana bħalissa mhumiex interkonnessi biżżejjed biex jagħmlu l-aħjar użu mill-kapaċità ta' ġenerazzjoni eżistenti u prevista fuq l-art u lil hinn mill-kosta. L-ibħra tat-Tramuntana joffru opportunità unika għall-provvista ta' ammont sostanzjali ta' enerġija indiġena baxxa fil-karbonju, prodotta qrib ta' wħud mir-reġjuni li l-iktar jużaw l-enerġija fl-Ewropa. Il-potenzjal tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jista' jammonta għal 4-12% tal-konsum elettriku tal-UE sal-2030. L-objettiv f'dan ir-reġjun huwa li jkun hemm interkonnessjoni aħjar biex tiffaċilita l-integrazzjoni tas-suq u l-flussi tal-kummerċ, u l-integrazzjoni tal-produzzjoni ta' ammonti kbar ta' enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, partikolarment mir-riħ. Din iż-żona toffri wkoll possibilitajiet tajbin għall-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi, bħall-Istateġija għall-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju, il-ħżin tal-enerġija u l-gass bl-elettriku. Il-Kummissjoni tappoġġa b'mod attiv u se tkompli tippromwovi x-xogħol ta' dan il-grupp reġjonali u l-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni.

- Il-Kummissjoni nediet kooperazzjoni msaħħa fil-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-infrastruttura fiċ-Ċentru u x-Xlokk tal-Ewropa. Jeħtieġ li s-suq tal-elettriku jkun iktar interkonness u modernizzat f'dan ir-reġjun, anke biex jiġi utilizzat il-potenzjal importanti tal-enerġija rinnovabbli. Dan huwa saħansitra iktar importanti fi żmien meta r-reġjun qed ikun ikkonfrontat b'sitwazzjoni partikolarment diffiċli fil-gass wara li abbanduna l-proġett South Stream. Għaldaqstant, f'Jannar tal-2015 twaqqaf Grupp ta' Livell Għoli u l-ewwel laqgħa tiegħu saret f'Sofia fid-9 ta' Frar.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati għal kull wieħed minn dawn il-forom ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa fuq strateġija speċifika għar-reġjun biex tindirizza l-iktar kwistjonijiet urġenti u liema azzjonijiet għandha tiegħu. L-erba' reġjuni se jistabbilixxu Pjan ta' Azzjoni b'fażijiet konkreti għall-implimentazzjoni, fosthom proposti konkreti għall-interkonnessjoni biex tintlaħaq il-mira ta' 10% maqbula fil-livell tal-UE. Fil-każ speċifiku tal-ksib tal-10% fejn din hija iktar diffiċli biex tintlaħaq, il-Kummissjoni hija konxja mid-diversi proposti li tressqu (pereżempju, għall-Istati Baltiċi, fażi ġdida fil-LitPol Link jew għall-Peniżola Iberika ma' Franza, l-interkonnessjonijiet bejn Navarra-Bordeaux, Sabiñanigo-Marsillon jew Monzón-Cazaril). F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni se tgħin u tagħti pariri lill-partijiet ikkonċernati sabiex tinkludi proġetti ġodda fil-pjanijiet ta' azzjoni korrispondenti tagħhom.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni. Kemm jista' jkun il-Kummissjoni se tippromwovi l-allinjament bejn il-prattiki ta' ħidma tal-gruppi reġjonali differenti.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ukoll man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) sabiex tiżgura li l-Pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk (TYNDP) li huwa l-uniku strument għall-għażla tal-PCIs iwessa' l-ambitu tiegħu u jidentifika biċ-ċar il-proġetti li jgħinu biex tintlaħaq il-mira ta' interkonnessjoni ta' 10 % filwaqt li tipproponi azzjoni konkreta, inkluż il-possibbiltà biex tikkomplementa t-TYNDP jekk ikun hemm bżonn.

Il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-PCIs u dwar il-progress lejn il-mira tal-10%, u dan se jkun element importanti mir-rendikont komprensiv ta' kull sena previst fil-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni se tiżgura li x-xogħol tal-gruppi reġjonali jibbenefika mis-sinerġiji xierqa mal-EFSI, ladarba jitwaqqaf. Il-Kummissjoni se tiggwida wkoll id-dibattitu fil-gruppi reġjonali dwar kwistjonijiet urġenti oħra bħall-modernizzazzjoni tal-grilji.

Barra minn hekk, lejn tmiem l-2015, il-Kummissjoni se tlaqqa' l-ewwel Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija biex jiddiskuti u jsib soluzzjonijiet għal kwistjonijiet li huma komuni għar-reġjuni kollha madwar l-Ewropa u, fejn relevanti, mal-pajjiżi ġirien.

Inħarsu lejn l-2030

Fuq l-istedina tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014, f'Mejju 2014, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-mira ta' interkonnessjoni elettrika għal 15% sal-2030 filwaqt li tqis l-aspetti tal-ispejjeż u l-iskambji kummerċjali potenzjali fir-reġjuni relevanti. Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 ta l-mandat lill-Kummissjoni biex tirrapporta "regolarment lill-Kunsill Ewropew bl-għan li tintlaħaq il-mira ta' 15% sal-2030". Din il-mira għandha tintlaħaq primarjament bl-implimentazzjoni tal-PCIs.

L-għanijiet politiċi tal-UE għall-enerġija u l-miri tal-2020 u tal-2030 għall-enerġija u l-klima mhux se jkunu jistgħu jinkisbu mingħajr grilja Ewropea tal-elettriku konnessa bis-sħiħ b'iktar interkonnessjonijiet transkonfinali, iktar potenzjal ta' ħżin u aktar grilji intelliġenti biex jissodisfaw id-domanda u jiżguraw provvista tal-enerġija sikura f'sistema b'ishma ogħla ta' enerġija rinnovabbli varjabbli. F'dan il-kuntest, il-bini gradwali tal-awtostradi elettriċi pan-Ewropej se jkun kruċjali wkoll. F'Jannar tal-2014, il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti u l-livell ta' interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri, u b'urġenza partikolari ta' dawk bejniet l-Istati Membri l-iktar 'il bogħod milli jilħqu l-objettiv maqbul ta' 10% tal-kapaċità tal-produzzjoni installata tagħhom.

It-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, notevolment it-tmiem tal-iżolament tal-gżejjer elettriċi, provvisti siguri tal-enerġija għall-konsumaturi kollha u sehem ikbar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażat fuq għejun tal-enerġija rinnovabbli varjabbli jirrikjedu iktar minn 10% tal-kapaċità ta' interkonnessjoni u l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mill-bżonn tal-Istati Membri kollha li mill-inqas jilħqu 15% sal-2030. Fl-istess ħin, id-differenzi bejn l-Istati Membri f'termini tal-ġeografija u l-istruttura tat-taħlita tal-enerġija u l-provvista jfissru li jinħtieġ approċċ każ b'każ abbażi ta' valutazzjoni bir-reqqa, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż. L-istrutturi reġjonali tal-kooperazzjoni se jkunu kuntest importanti għad-diskussjoni u l-qbil dwar il-passi li jmiss. Il-Kummissjoni se tuża dawn il-forom ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa biex tintlaħaq il-mira ta' 15% wkoll.

Konklużjoni

L-Unjoni Ewropea jeħtieġ tgħolli l-livell tal-interkonnessjoni elettrika għal 10% sal-2020 jekk se toħloq Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika tal-klima progressiva. Huwa ċar li l-Ewropa għandha bżonn tirdoppja l-isforzi tagħhha biex tilqa' għall-isfidi politiċi fl-oqsma tal-enerġija u tal-klima.

Il-qafas regolatorju u finanzjarju li ġie implimentat dan l-aħħar qed jagħti l-ewwel riżultati. Issa hi meħtieġa d-determinazzjoni politika min-naħa tal-Istati Membri u l-atturi l-oħra involuti biex jintlaħqu l-objettivi. Dan ifisser intensifikazzjoni tax-xogħol fil-Gruppi Reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament TEN-E, filwaqt li l-Kummissjoni se tkompli twettaq inizjattivi biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni reġjonali.

Il-Kunsill Ewropew qabel li għandha tiġi żviluppata sistema ta' governanza affidabbli u trasparenti mingħajr amministrazzjoni żejda biex l-UE tilħaq il-miri politiċi tagħha. Din se tinkludi s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti attwali għar-rappurtar.

Il-Kummissjoni se toħroġ rapport ibbażat fuq ir-rapporti tal-istati Membri. Dan ir-rapport, li se jkun element importanti mir-rendikont annwali komprensiv previst fil-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija, se jinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni tal-PCIs kollha; b'rakkomandazzjonijiet biex jitħaffu l-proġetti u tiżdied il-flessibbiltà tal-lista tal-PCIs jekk l-iskadenza tal-2020 għat-twassil tal-kapaċità ta' interkonnessjoni ta' 10% tinqabeż. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tipproponi aktar miżuri biex din il-mira tintlaħaq.

Kif ħareġ mill-impenn politiku pożittiv dwar ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Peniżola Iberika, l-appoġġ fl-ogħla livell huwa essenzjali biex isir progress f'dawn il-proġetti l-kbar.

[1] Dawn iċ-ċifri huma tal-perjodu bejn l-2008 u l-2012; cfr COM(2014)21/2.

[2] F'konformità mal-mandat tal-Kunsill Ewropew, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-elettriku. F'dak li għandu x'jaqsam mal-gass, ma ġietx proposta mira għall-interkonnessjoni għaliex, minħabba raġunijiet tas-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri diġà huma obbligati jagħmlu provvedimenti f'każ li l-ikbar element waħdieni tal-infrastruttura tal-gass ifalli (l-hekk imsejħa regola N-1). Cfr ir-Regolament KE 994/2010.

[3] Studju: Benefits of an integrated European energy market, Lulju 2013, Booz & Co.

[4] It-tliet Stati Baltiċi - l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja - għadhom mhux sinkronizzati mal-grilja Ewropea u għalhekk jeħtieġ li jitqiesu bħala entità waħda. Filwaqt li bejniethom it-tliet Stati Baltiċi huma integrati kompletament, il-valur ta' 4% jirrifletti l-livell ta' interkonnessjoni tagħhom mas-suq Ewropew tal-elettriku (jiġifieri: mill-Finlandja). Qed jingħata l-valur għall-bidu tal-2014, qabel ma' ġiet stabbilita l-interkonnessjoni Estlink2. Bit-tlestija ta' dan il-proġett, il-livell ta' interkonnessjoni tal-Istati Baltiċi żdied sewwa għal madwar 10%. 

[5] Ir-Regolament 374/2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU L 115, 25.4.2013.

[6] Ir-Regolament 1316/2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ĠU L 348, 20.12.2013.

[7] L-Anness 2 jagħti ħarsa ġenerali lejn il-proġetti fl-Istati Membri li għandhom kapaċità ta' interkonnessjoni inqas minn 10%.

[8] L-iskadenza kienet il-ħarifa tal-2013 kif stipulat fir-Regolament TEN-E.

[9] Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw gwida għas-simplifikar tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-Proġetti ta' Interess Komuni (PCIs) infrastrutturali.

[10] Dawn iċ-ċifri jqisu l-proposta riċenti tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI).

ANNESS 1

Il-proġetti kkofinanzjati mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR)

Ø EstLink 2 hija t-tieni interkonnessjoni b'kurrent dirett b'vultaġġ għoli (HVDC) bejn l-Estonja u l-Finlandja li żżid il-kapaċità tat-trażmissjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għal 1 000 MW.

Ø Nordbalt hija interkonnessjoni ġdida bejn l-Iżvezja u l-Litwanja b'kapaċità tat-trażmissjoni ta' 700 MW.

Ø L-interkonnessjoni Awstrija - Ungerija (Wien-Györ), b'kapaċità ta' 1 100 MVA, tejbet l-interoperabilità tan-netwerks elettriċi tal-Awstrija u l-Ungerija.

Ø L-interkonnessjoni Spanja - Franza (Sta. Llogaia - Baixas) hija l-parti ċentrali ta' kejbil taħt l-art b'kapaċità ta' 1 400-1 800 MW li jaqsam il-muntanji tal-Pirinej minn mina apposta.

Ø L-interkonnessjoni Malta - Italja (Pembroke - Marina di Ragusa) hija kejbil HVAC taħt il-baħar b'kapaċità ta' 250 MVA li se jtemm l-iżolament tal-grilja elettrika Maltija mill-bqija tal-Ewropa.

Ø L-interkonnessjoni Renju Unit - Irlanda (Deeside - Meath) hija kejbil HVDC b'kapaċità ta' 500 MW. Il-proġett kien l-ewwel interkonnessjoni elettrika bejn l-Irlanda u l-Gran Brittanja.

Ø Il-proġett, li kien magħmul minn erba' linji fl-ajru bejn Tunes u Tavira (PT), Tunes u Estói (PT), Tavira (PT) u Alcoutim (PT) u Ourique u Estói (PT), ikkontribwixxa għat-titjib u l-estensjoni tal-grilja elettrika Portugiża.

Ø Ir-rinfurzar tan-netwerk elettriku bejn ir-reġjun ta' Douro (PT) u l-fruntiera Spanjola ta' Aldeadavila tlesta fil-ħarifa tal-2011.

               

ANNESS 2

PCIs li jżidu l-kapaċità fl-Istati Membri b'livell ta' interkonnessjoni inqas minn 10%

Kuritur prijoritarju || Proġett ta ' interess komuni (PCI) || Data tal-ikkummissjunar u stadju tal-proġett[1]

Kuritur prijoritarju tal-Grilja ’l barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana ("NSOG") || 1.1.1. L-interkonnessjoni bejn Zeebrugge (BE) u l-akkwati ta’ Richborough (UK) || 2018 Il-fażi tal-permessi

1.2 Il-PCI tal-Belġju – żewġ ċentri lil hinn mill-kosta lesti għall-grilja u konnessi mas-substazzjon fuq l-art ta’ Zeebrugge (BE) b’investiment antiċipattiv li jippermetti aktar interkonnessjonijiet fil-futur ma’ Franza u/jew ir-Renju Unit[2] || 2018 Il-fażi tal-permessi

1.6 Il-PCI tal-interkonnessjoni Franza – Irlanda bejn La Martyre (FR) u Great Island jew Knockraha (IE) || 2025 Il-fażi tal-istudji

1.7.1. L-interkonnessjoni Franza – Renju Unit bejn Cotentin (FR) u l-akkwati ta’ Exeter (UK) [attwalment magħrufa bħala l-proġett FAB] || 2022 Il-fażi tal-istudji

1.7.2. L-interkonnessjoni Franza – Renju Unit bejn Tourbe (FR) u Chilling (UK) [attwalment magħrufa bħala l-proġett IFA2] || 2020 Il-fażi tal-istudji

1.7.3. L-interkonnessjoni Franza – Renju Unit bejn Coquelles (FR) u Folkestone (UK) [attwalment magħrufa bħala l-proġett ElecLink] || 2016 Bini f'nofs l-2015

1.9.1. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn Co. Offaly (IE), Pembroke u Pentir (UK) || 2019 Il-fażi tal-permessi

1.9.2. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn iċ-ċentri ta' Coolkeeragh u Coleraine (IE) u l-istazzjon ta’ Hunterston, Islay, Argyll u l-parkijiet eoliki lil hinn mill-kosta taż-Żona C (UK) || 2020 Il-fażi tal-istudji

1.9.3. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn iċ-ċentru tat-Tramuntana, Dublin u Codling Bank (IE) u Trawsfynyd u Pembroke (UK) || 2020 Il-fażi tal-istudji

1.9.4. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn ir-reġjun ċentrali tal-Irlanda u Pembroke (UK) || 2017-2020 Il-fażi tal-istudji

1.9.5. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn ir-reġjun ċentrali tal-Irlanda u Alverdiscott, Devon (UK) || 2017-2020 Il-fażi tal-istudji

1.9.6. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn il-kosta Irlandiża u Pembroke (UK) || 2017-2020 Il-fażi tal-istudji

1.10 Il-PCI tal-interkonnessjoni Norveġja – Renju Unit || 2020 Il-fażi tal-permessi

1.11.2. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn il-Majjistral tal-Irlanda (IE) u l-Midlands (UK) || 2017 Il-fażi tal-permessi

1.11.4. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn Glinsk, Mayo (IE) u Connah’s Quai, Deeside (UK) || 2018 Il-fażi tal-permessi

Kuritur prijoritarju tal-Interkonnessjonijiet elettriċi Tramuntana – Nofsinhar fl-Ewropa tal-Punent ("NSI West Electricity") || 2.4 Il-PCI tal-interkonnessjoni Franza – Italja bejn Codrongianos (IT), Lucciana (Korsika, FR) u Suvereto (IT) [attwalment magħrufa bħala l-proġett SA.CO.I 3] || 2022 Il-fażi tal-istudji

2.5.1. L-interkonnessjoni bejn Grande Ile (FR) u Piossasco (IT) [attwalment magħrufa bħala l-proġett Savoie-Piemont] || 2019 FR - il-fażi tal-permessi IT - il-fażi tal-bini

2.7 Il-PCI tal-interkonnessjoni Franza – Spanja bejn Aquitaine (FR) u l-Pajjiż Bask (ES) || 2020 Il-fażi tal-istudji

2.13.1. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn Woodland (IE) u Turleenan (UK – l-Irlanda ta’ Fuq) || 2017 Il-fażi tal-permessi

2.13.2. L-interkonnessjoni Irlanda – Renju Unit bejn Srananagh (IE) u Turleenan (UK – l-Irlanda ta’ Fuq) || 2020-2025 Il-fażi tal-istudji

2.14 Il-PCI tal-interkonnessjoni Italja – Svizzera bejn Thusis/Sils (CH) u Verderio Inferiore (IT) || 2018 Il-fażi tal-permessi

2.15.1. L-interkonnessjoni bejn Airolo (CH) u Baggio (IT) || 2022

2.17 Il-PCI tal-interkonnessjoni Portugall – Spanja bejn Vila Fria – Vila do Conde – Recarei (PT) u Beariz – Fontefría (ES) || 2016 Il-fażi tal-permessi

Kuritur prijoritarju tal-interkonnessjonijiet elettriċi Tramuntana – Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa ("NSI East Electricity") || 3.2.1. L-interkonnessjoni bejn Lienz (AT) u r-reġjun tal-Veneto (IT) || 2022 Il-fażi tal-istudji

3.3 Il-PCI tal-interkonnessjoni Awstrija – Italja bejn Nauders (AT) u r-reġjun ta’ Milan (IT) || 2018 Il-fażi tal-istudji

3.4 Il-PCI tal-interkonnessjoni Awstrija – Italja bejn Wurmlach (AT) u Somplago (IT) || 2017 Il-fażi tal-permessi

3.10.1. L-interkonnessjoni bejn Hadera (IL) u Vasilikos (CY) || 2018 Il-fażi tal-istudji

 3.10.2. L-interkonnessjoni bejn Vasilikos (CY) u Korakia, Kreta (EL) || 2022 Il-fażi tal-istudji

3.14.1. L-interkonnessjoni bejn Eisenhűttenstadt (DE) u Plewiska (PL) || 2022 Il-fażi tal-istudji

3.15.1. L-interkonnessjoni bejn Vierraden (DE) u Krajnik (PL) || 2017 Il-fażi tal-permessi

3.19.1. L-interkonnessjonijiet bejn Villanova (IT) u Lastva (ME) || 2017 Il-fażi tal-bini

3.20.1. L-interkonnessjoni bejn Udine tal-Punent (IT) u Okroglo (SI) || 2021 Il-fażi tal-istudji

3.21 Il-PCI tal-interkonnessjoni Italja – Slovenja bejn Salgareda (IT) u Divača – ir-reġjun ta’ Bericevo (SI) || 2022 Il-fażi tal-permessi

3.22.1. L-interkonnessjonijiet bejn Resita (RO) u Pancevo (RS) || 2017 Il-fażi tal-permessi

Il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku ("BEMIP Electricity") || 4.2.1. L-interkonnessjoni bejn Kilingi-Nõmme (EE) u s-substazzjon CHP2 ta’ Riga (LV) || 2020 Il-fażi tal-permessi

4.3 Il-PCI tal-interkonnessjoni sinkronika Estonja/Latvja/Litwanja man-netwerks Ewropej kontinentali || 2023-2025 Il-fażi tal-istudji

4.5.1. Il-parti LT tal-interkonnessjoni bejn Alytus (LT) u l-fruntiera LT/PL || 2015 Il-fażi tal-bini

[1] Skont il-Pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk 2014 tal-ENTSO-E (jekk inhu l-każ) jew skont l-informazzjoni mogħtija mill-promoturi tal-proġett lill-Kummissjoni fl-2014;

[2] Il-proġetti bil-blu jikkonċernaw il-proġetti ta' interkonnessjoni li huma mistennija jitlestew sal-2017/18 jew fejn se jkun sar ammont sostanzjali ta' xogħol sal-2017; dawn jistgħu japplikaw għall-appoġġ mill-EFSI

Top