EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE1083

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika Ewropea Integrata tal-Avjazzjoni” (Opinjoni esploratorja)

OJ C 13, 15.1.2016, p. 169–175 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/169


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika Ewropea Integrata tal-Avjazzjoni”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 013/25)

Relatur:

is-Sur Jacek KRAWCZYK

Nhar it-2 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Politika Ewropea Integrata tal-Avjazzjoni”

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Infrastruttura, l-Enerġija u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’97 vot favur, 3 voti kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kompetittività tal-avjazzjoni tal-UE tkun fil-periklu jekk in-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni Ewropea kollha ma tkunx tista’ tikkompeti f’ekonomija globalizzata. Għal dan il-għan, hu importanti ħafna li jkun hemm “aktar intermodalità, konnettività aħjar, użu aħjar ta’ ċentri sekondarji u ajruporti reġjonali, kif ukoll ottimizzazzjoni tal-proċessi attwali” (1).

1.2.

Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat diversi inizjattivi regolatorji għan-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni fi ħdan l-UE; hija rrevediet il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal-linji tal-ajru u l-ajruporti, u introduċiet pakkett tal-ajruporti, leġislazzjoni biex tippromovi l-progress lejn Ajru Uniku Ewropew, iżda se tkun meħtieġa aktar ħidma biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kompleta tal-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni mill-Istati Membri.

1.3.

L-avjazzjoni tal-UE tinsab f’salib it-toroq kruċjali: mingħajr strateġija konvinċenti u koerenti, tinsab fil-periklu ta’ aktar diffikultajiet biex tipprovdi konnettività affidabbli għaċ-ċittadini u l-kummerċ u t-turiżmu tagħha, u għalhekk titlef l-influwenza ekonomika u l-potenzjal tat-tkabbir tagħha. Dan, madankollu, ma jeħtiġx leġislazzjoni ġdida fil-każijiet kollha. Il-KESE jerġa’ jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar biex tiżgura li l-leġislazzjoni attwali tal-UE tiġi implimentata.

1.4.

Fid-dawl tax-xenarju frammentat tal-linji tal-ajru, iċ-ċentri dejjem aktar kompetittivi barra l-UE, il-progress bil-mod wisq lejn l-implimentazzjoni ta’ Ajru Uniku Ewropew u r-riskju li qed jikber ta’ konnettività insuffiċjenti ma’ reġjuni iżgħar u/jew periferali, l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-avjazzjoni tal-UE għandha tkun immexxija minn viżjoni ċara dwar kif l-aħjar tiġi promossal-kompetittività Ewropea mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni jew mingħajr ma jiddgħajfu r-relazzjonijiet soċjali u tax-xogħol.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tidentifika l-ixpruni tal-kompetittività u tibbaża l-istrateġija tagħha fuq il-benefiċċji ekonomiċi li l-avjazzjoni toħloq għall-Ewropa, kif ukoll il-valuri soċjali u ambjentali, li jikkaratterizzaw l-Unjoni Ewropea.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jiġu applikati normi u standards internazzjonali komparabbli għall-kompetituri tal-UE u dawk mhux tal-UE. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-applikazzjoni internazzjonali tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Dan jista’ jinvolvi analiżi tad-dispożizzjonijiet attwali li jirregolaw l-involviment tal-partijiet interessati f’negozjati internazzjonali.

1.7.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-avjazzjoni li għandha tiġi żviluppata għandha tkun ibbażata fuq djalogu soċjali kostruttiv. Fil-livell tal-UE, il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali dwar l-Avjazzjoni Ċivili għandu jiġi kkonsultat dwar inizjattivi mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar is-settur. Jeżistu bosta dispożizzjonijiet fil-livell nazzjonali, li għandhom jiġu implimentati biex jiżguraw il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol u biex ma jkunx hemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ bnadar ta’ konvenjenza. Minkejja li l-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea hija limitata f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tibni appoġġ qawwi mill-imsieħba soċjali fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri għall-inizjattivi tagħha.

1.8.

Minħabba l-għarfien espert, il-kompożizzjoni u l-esperjenza tal-KESE fil-qasam tal-avjazzjoni, huwa jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tikkonsultah dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-Kummissjoni li għaddejja bħalissa. Il-KESE se jniedi proġett separat sabiex jalloka biżżejjed riżorsi u għarfien espert.

1.9.

Il-KESE jappella lill-partijiet interessati kollha fl-avjazzjoni biex jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-avjazzjoni ġdida tal-UE. Huwa biss jekk jingħelbu l-partikolaritajiet tan-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni Ewropea li dan jista’ jerġa’ jikseb momentum u jerġa’ jinbeda l-bini tal-kontribuzzjonijiet soċjali u ekonomiċi siewja għall-iżvilupp tal-UE. It-tmexxija politika b’saħħitha tal-Kummissjoni Ewropea hija essenzjali.

1.10.

Għal aktar rakkomandazzjonijiet dettaljati ara wkoll il-punt 3 ta’ din l-Opinjoni.

2.   Introduzzjoni: L-ekonomija tal-avjazzjoni tmexxi l-istrateġija u l-urġenza

2.1.

Is-sistema tat-trasport bl-ajru tiġġenera benefiċċji lil hinn mill-industrija immedjata tal-avjazzjoni. Apparti milli tipprovdi l-konnettività u l-mobbiltà lill-persuni u n-negozji, dawn jinkludu: il-kummerċ u t-turiżmu, l-iżgurar tal-investimenti, il-provvista tax-xogħol u t-titjib tal-produttività u l-innovazzjoni, u b’hekk jingħata kontribut għall-benessri tas-soċjetà.

2.2.

Fl-2012, l-industrija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa ġġenerat direttament madwar 2,6 miljun impjieg; l-infiq tat-turisti li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom bl-ajru huwa stmat li żied 4,7 miljun impjieg u USD 279 biljun fil-PDG.

2.3.

Il-manifattura tal-ħardwer u s-softwer tal-avjazzjoni fl-Ewropa tilħaq l-ogħla standards innovattivi fid-dinja. Illum dan jgħodd ukoll għall-innovazzjoni fl-organizzazzjoni u fil-proċeduri tat-traffiku bl-ajru, u fl-iżvilupp u fil-ġestjoni kummerċjali.

2.4.

Minħabba li t-traffiku bl-ajru huwa faċilitatur tat-tkabbir ekonomiku, is-SESAR (il-parti teknoloġika tal-Ajru Uniku Ewropew – SES) huwa mistenni li joħloq impatt pożittiv kkombinat fuq il-PDG ta’ EUR 419-il biljun fil-perjodu sal-2020, u madwar 42 000 impjieg addizzjonali.

2.5.

L-UE żviluppat qafas regolatorju għas-suq tal-avjazzjoni Ewropew:

2.5.1.

L-Ajru Uniku Ewropew – proġett mibdi fl-2004, aġġornat f’Ġunju tal-2008 bir-Regolament SES II, u fl-2013 bis-SES II+. L-għan ewlieni hu li jirriforma l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa sabiex tlaħħaq mat-tkabbir kontinwu tat-traffiku tal-ajru u l-operazzjonijiet tat-traffiku bl-ajru skont l-aktar kundizzjonijiet sikuri, iżda anke effiċjenti fl-ispiża u fit-titjir u l-aktar favur l-ambjent. (Ara l-Opinjoni tal-KESE TEN/504 (2) u TEN/354 (3)).

2.5.2.

Il- Pakkett dwar l-ajruporti — Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett komprensiv ta’ miżuri li jindirizzaw in-nuqqas ta’ kapaċità fl-ajruporti tal-Ewropa u jtejbu l-kwalità tas-servizzi għall-passiġġieri. Il-Parlament Ewropew approva l-proposti leġislattivi f’Diċembru tal-2012. (Ara l-Opinjoni tal-KESE TEN/475 (4)).

2.5.3.

Inklużjoni tal-avjazzjoni fl-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) fl-2012. Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet skema bbażata fuq l-iskambju taċ-ċertifikati ta’ emissjoni. Wara riżultat mhux sodisfaċenti tal-Assemblea ICAO tal-2013, l-UE adottat verżjoni modifikata tal-ETS, li għandha tiġi applikata temporanjament għat-titjiriet intra-UE soġġetti biss għall-eżitu tal-Assemblea tal-ICAO tal-2016.

2.5.4.

Ir-reviżjoni tar-regoli ta’ Għajnuna mill-Istat – adottata mill-Kummissjoni fi Frar tal-2014 biex taġġorna u timmodernizza regolamenti preċedenti mill-1994 u l-2005. Il-karatteristiċi ewlenin tal-linji gwida attwali jiddefinixxu kriterji ġodda għall-ajruporti eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, kif ukoll għal għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru għall-ftuħ ta’ linji ġodda (ara l-Opinjoni tal-KESE CCMI/125 (5)).

2.5.5.

Kapaċità tal-ajruporti – L-Osservatorju tal-Komunità dwar il-Kapaċità tal-Ajruporti twaqqaf għal perjodu ta’ ħames snin taħt il-“Pjan ta’ Azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-ajruporti” tal-Kummissjoni tal-2007, u mill-2008 sal-2013 kellu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Pjan. L-Osservatorju ippermetta li l-partijiet interessati jipprovdu feedback importanti għall-Kummissjoni, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet ta’ politika għall-problemi (ara l-Opinjoni tal-KESE TEN/552 (6)).

2.5.6.

Protezzjoni tal-konsumatur – F’Marzu tal-2013 il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ta’ miżuri li jaġġornaw id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jiffukaw fuq erba’ oqsma ewlenin: il-kjarifika ta’ oqsma mhux ċari, drittijiet ġodda, infurzar, proċeduri ta’ lment u sanzjonar, piż finanzjarju sproporzjonat.

2.5.7.

Dawn huma biss ftit mill-miżuri, politiki u proġetti mwettqa mill-UE dwar l-avjazzjoni. Il-Kummissjoni intensifikat ukoll il-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE u Ewropej bħall-EASA u l-Eurocontrol, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ attivitajiet relatati mad-dimensjoni internazzjonali tat-trasport bl-ajru tal-UE.

2.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ Strateġija Integrata tal-Avjazzjoni.

2.6.1.

Politikament, għalhekk, l-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE għandha żżid l-effiċjenza tas-settur tal-avjazzjoni fi ħdan l-Ewropa u żżid l-effett ta’ lieva fin-negozjati internazzjonali. Dan jeħtieġ rieda politika, viżjoni u kuraġġ biex ir-rekwiżiti tas-sovranità jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa għal kompromess.

2.6.2.

Ekonomikament, l-Istrateġija għandha twassal għal netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni mtejjebb li jixpruna l-prosperità u t-tkabbir ekonomiku madwar l-Ewropa.

2.6.3.

Legalment, l-Istrateġija għandha tipprovdi qafas regolatorju b’saħħtu fil-livell makro, stabilità tal-ippjanar fil-livell mikro, u proċeduralment il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu inkoraġġuti jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħha.

2.7.

Il-KESE jemmen li s-settur tal-avjazzjoni tal-UE jeħtieġ tali strateġija b’urġenza, minħabba li n-netwerk ta’ valur Ewropew huwa ineffiċjenti. L-avjazzjoni mhix qiegħda tipprovdi l-impulsi possibbli għat-tkabbir ekonomiku; madankollu, ħafna gvernijiet li mhumiex fl-UE qed jadattaw is-sistemi tal-avjazzjoni tagħhom għat-tibdil ġeopolitiku tat-tkabbir u għall-ħtiġiet ta’ ekonomija globalizzata. Din it-tendenza tista’ titwaqqaf biss jekk tiġi implimentata strateġija robusta, orjentata lejn is-suq li tkun ibbażata fuq il-valuri Ewropej.

2.7.1.

Iċ-ċentri Ewropej u l-linji tal-ajru Ewropej mhumiex qed jipparteċipaw fit-tkabbir tat-traffiku kif setgħu jagħmlu kieku dawn ukoll ibbenefikaw minn ambjent regolatorju favorevoli. In-nuqqas ta’ effiċjenza fil-koordinazzjoni tal-ispazju tal-ajru twassal għal rotot kumplikati u livelli ta’ CO2 għoljin għalxejn.

2.7.2.

Il-multipliċità ta’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni b’eżiti potenzjalment diverġenti jxekklu l-innovazzjoni u jiskoraġixxu l-investiment għall-prodotti Ewropej jew għall-użu ta’ tali prodotti ġodda fl-Ewropa.

2.7.3.

Fin-nuqqas ta’ strateġija kondiviża, qed jintilfu opportunitajiet biex jiġi żgurat it-tkabbir għal-linji tal-ajru Ewropej barra l-UE u l-Istati Membri tal-UE ser jibqgħu jsegwu l-interessi nazzjonali proprji anke jekk il-vantaġġ totali li jinkiseb mill-mandati tal-UE jkun ikbar mis-somma tal-partijiet tiegħu.

2.7.4.

Fil-kuntest ta’ ekonomija globalizzata, u t-tibdil ġeopolitiku taż-żieda tat-traffiku lejn l-Asja, UE frammentata se tkompli titlef l-influwenza u r-rilevanza internazzjonali. L-istandards Ewropej, il-valuri komuni taċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-Istati Membri tagħha, jitilfu l-attraenza tagħhom bħala standards internazzjonali.

2.7.5.

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni Ewropea talli fetħet konsultazzjoni pubblika dwar il-“Pakkett tal-Avjazzjoni għat-titjib tal-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE”. Il-firxa wiesgħa ta’ reazzjonijiet ser iżżid il-kredibbiltà u l-influwenza tal-proposta ta’ Komunikazzjoni dwar il-pakkett tal-avjazzjoni.

3.   It-triq ’il quddiem: strateġija tal-avjazzjoni biex tippromovi l-ixpruni tal-kompetittività

Il-KESE identifika sitt fatturi li jiddeterminaw il-livell tal-kompetittività Ewropea. Strateġija tal-UE għandha tixpruna dawn il-fatturi biex tiżgura l-implimentazzjoni tagħha b’suċċess.

3.1.    Sikurezza

3.1.1.

Il-pilastru ewlieni għal strateġija tal-avjazzjoni tal-UE sostenibbli hija s-sikurezza. Għalkemm l-avjazzjoni b’mod ġenerali, u l-avjazzjoni Ewropea b’mod partikolari, hija bil-bosta l-iktar mod sikur ta’ trasport, m’hemmx lok għal kompjaċenza.

3.1.2.

It-tisħiħ tar-rwol u r-riżorsi tal-EASA bħala l-aġenzija ċentrali għall-ġestjoni tas-sikurezza, għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tal-avjazzjoni u għas-superviżjoni ta’ organizzazzjonijiet approvati fil-livell nazzjonali, huwa tal-ikbar importanza. F’dan il-kuntest, l-abbiltà tal-EASA għandha tittejjeb biex tikkordina mal-partijiet interessati kollha, mhux biss fil-kuntest ta’ inċidenti relatati mal-avjazzjoni, biex ittejjeb l-istandards tas-sikurezza billi, pereżempju, tanalizza r-regoli tas-sikurezza, tenfasizza r-rwol tat-taħriġ u tevita r-regolamentazzjoni żejda bla bżonn u tippromovi “kultura ġusta”.

3.1.3.

Il-professjonaliżmu u l-għarfien espert tal-EASA huma rikonoxxuti internazzjonalment, hija stabbiliet lilha nnifisha bħala kważi kontraparti tal-FAA tal-Istati Uniti. L-implimentazzjoni tal-hekk imsejħa listi suwed ta’ linji tal-ajru u/jew gvernijiet mhux tal-UE mhux konformi, hija ta’ importanza enormi mhux biss għas-sikurezza tal-ispazju tal-ajru Ewropew u l-passiġġieri, iżda bħala prerekwiżit għall-konformità mal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza. L-istrateġija tal-avjazzjoni għandha tibni fuq dawn il-kisbiet. Il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta mill-ġdid l-istandards tax-xogħol u r-riskju possibbli tad-dumping soċjali (ara l-Opinjoni tal-KESE TEN/565 (7)).

3.2.    Sostennibbiltà

3.2.1.

Fattur ieħor li jiddetermina s-solidità tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE huwa l-abbiltà tagħha biex tiżgura li l-avjazzjoni tista’ taħdem b’mod sostenibbli.

3.2.2.

L-imsieħba soċjali, il-partijiet interessati u l-imsieħba internazzjonali fis-settur pubbliku u privat għandhom bżonn ikunu jistgħu jiddependu fuq politika tal-avjazzjoni tal-UE kredibbli u affidabbli bbażata fuq strateġija koerenti u robusta. Is-sostenibbiltà għaldaqstant, tkopri fatturi ekonomiċi kif ukoll l-abbiltà tal-kompetituri individwali biex jirnexxu fis-swieq tagħhom; madankollu, anke s-suċċess ekonomiku u kummerċjali ma jdumx jekk l-istrateġija tal-avjazzjoni ma tkunx sostenibbli soċjalment u għall-ambjent.

3.2.3.

L-indirizzar tal-isfidi tas-sostenibbiltà f’kuntest globali, filwaqt li tiġi rikonoxxuta wkoll il-ħtieġa tal-konformità mal-istrutturi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-UE, jista’ jseħħ biss jekk jiġi segwit approċċ olistiku u l-partijiet ikkonċernati tal-UE jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ma’ fehim kondiviż tal-għanijiet strateġiċi.

3.2.4.

Il-ħolqien ta’ Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni wassal għal dinamika li malajr qed ikollha impatt fuq il-bidliet stutturali fis-suq, bħal: l-akkwiżizzjonijiet transkonfinali, il-kważi-fużjonijiet tal-linji tal-ajru; il-ħolqien ta’ holdings u investimenti strateġiċi fl-ajruporti u fil-linji tal-ajru minn kumpaniji mhux mill-UE. Dan għandu impatt ukoll fuq ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tanalizza l- mudelli ta’ governanza attwali tagħha u tiżviluppa proposti biex tadattahom għar-realtà istituzzjonali u dik tas-suq.

3.2.5.

Fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, ir-relazzjoni bejn il-Maniġer tal-Applikazzjoni u l-Maniġer tan-Netwerk għandha tiġi analizzata Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jopera taħt it-tmexxija ċara tal-Kummissjoni.

3.3.    Kompetittività permezz tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni

3.3.1.

Id-diġitalizzazzjoni hija xprun prinċipali tal-innovazzjoni, it-tibdil tal-aspettattivi tal-passiġġieri, iż-żieda fl-użu tad-drones, l-ispeċifiċità u l-innovazzjoni tal-prodotti. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tinkludi l-effetti pożittivi tad-diġitalizzazzjoni bħala prijorità ewlenija fl-istrateġija tal-avjazzjoni biex tippromovi u timplimenta politika tat-trasport komprensiva u integrata.

3.3.2.

Il-linji tal-ajru u l-ajruporti żviluppaw approċċi tan-negozju innovattivi biex jaċċessaw sorsi ġodda ta’ dħul, u jżidu l-effiċjenza operattiva u jisseparaw u jerġgħu jgħaqqdu s-servizzi tagħhom biex jillimitaw il-kommodifikazzjoni tal-prodott tagħhom u joffru servizzi personalizzati.

3.3.3.

L-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE għandha tibni fuq dawn l-iżviluppi bil-għan li tiżgura rwol ta’ tmexxija għall-UE fl-oqsma ta’ innovazzjoni b’hekk definita b’mod usa’. L-użu tas-SESAR bħala għodda teknoloġika għandu jittejjeb aktar biex tissaħħaħ il-kompetittività u jiġi promoss it-tkabbir.

3.3.4.

Id-drones attwalment jippreżentaw l-aktar dimensjoni ta’ sfida għall-ħtieġa u l-limitazzjonijiet tal-innovazzjoni. Il-proliferazzjoni tad-drones għal skopijiet militari, kummerċjali u użu privat toħloq għadd ta’ rekwiżiti, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru, is-sigurtà, il-privatezza personali, u l-leġislazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzji tal-użu tagħhom, biex insemmu biss xi ftit minnhom. Jekk l-iżvilupp u l-użu tad-drones jiġu promossi b’mod xieraq, l-Ewropa tista’ tassumi rwol ta’ tmexxija (ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE TEN/553).

3.3.5.

L-Ewropa għandha tabilħaqq tiġi promossa bħala ċentru dinji bijoloġiku tal-ġettijiet; ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom irawmu produzzjoni ogħla tal-fjuwil bijoloġiku tal-ġettijiet fl-UE.

3.4.    Dimensjoni soċjali

Skont il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2015, il-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija tal-UE, inkluż fl-avjazzjoni, għandu jkun prijorità. Kemm l-impjiegi eżistenti kif ukoll dawk ġodda għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar standards Ewropej.

Is-suċċess tal-avjazzjoni Ewropea tiddependi fuq il-ħiliet u l-kwalifiki tal-impjegati tagħha. Għalhekk, għandhom jiġu adottati miżuri biex tiżdied l-attraenza ta’ dan is-settur u tevita li l-ħaddiema tas-sengħa jħallu s-settur jew ifittxu xogħol f’partijiet oħra tad-dinja (“eżodu ta’ mħuħ”).

Bħala l-vuċi komuni ta’ min iħaddem u tal-impjegati fis-settur, il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE dwar l-Avjazzjoni Ċivili għandu jiġi kkonsultat dwar l-inizjattivi mill-istituzzjonijiet Ewropej li jikkonċernaw lis-settur. Dan se jiżgura li jinstema’ leħen l-imsieħba soċjali u jżid il-probabbiltà tal-appoġġ tagħhom.

Kwalunkwe ftehim fil-qasam tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandu jfittex li jiżgura li l-prinċipji tal-ILO jkunu indirizzati u jinstabu mezzi reċiprokament aċċettabbli biex tiġi żgurata l-konformità (ara l-Opinjoni tal- KESE TEN/500).

3.5.    Eċċellenza operazzjonali

3.5.1.

Is-suċċess tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE jista’ jitkejjel skont kemm il-partijiet interessati individwali mis-settur pubbliku u privat jkunu mħeġġa jagħmlu l-aħjar tagħhom. Aktar ma jkun kbir id-distakk bejn l-istatus quo u l-eċċellenza operazzjonali ottima, inqas tkun kompetittiva l-avjazzjoni Ewropea fil-livell internazzjonali. Dan il-prinċipju japplika għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, l-effiċjenza tal-ajruporti u tal-linji tal-ajru u għall-kooperazzjoni interistituzzjonali bla xkiel fi ħdan l-Ewropa.

3.5.2.

Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni juru livelli ta’ prestazzjoni subottimali minħabba d-diverġenza tal-approċċi nazzjonali, li tikkontribwixxi għal frammentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni. Hemm bżonn kompromess bejn l-interessi legali u politiċi leġittimi tal-pajjiż u l-abbiltà tal-partijiet interessati li jiksbu eċċellenza operazzjonali ottimali.

3.5.3.

“Għandna nagħmlu xogħlna”. Ajru Uniku Ewropew funzjonali u effiċjenti huwa conditio sine qua non għall-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. Is-soluzzjoni tal-kriżi tal-kapaċità tal-ajruporti għandha tkun parti integrali ta’ dan.

3.5.4.

Il-politika tal-UE dwar l-avjazzjoni ma tistax tkun limitata għall-ispazju tal-ajru tal-UE; min-natura tagħha l-avjazzjoni tal-UE taffettwa r-reġjun ġeografiku kollu tal-Ewropa . Il-gvernijiet Ewropej li mhumiex membri tal-UE u l-partijiet interessati għandhom għalhekk jitqiesu bħala msieħba naturali tal-UE, li, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni tal-UE, jiġu kkonsultati u inklużi fil-politika komprensiva tal-avjazzjoni tal-UE. L-iżvilupp kontinwu tal-bank ta’ data u l-esperjenza fil-ġestjoni ċentrali tal-fluss tal-Eurocontrol, hija eżempju ewlieni ta’ kif jinbnew pontijiet bejn l-għodod ta’ ġestjoni tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Istati Membri tal-UE u dawk ta’ nazzjonijiet Ewropej oħra.

3.5.5.

Il-prinċipju ta’ sistema ta’ sigurtà komuni, li għandu jiġi implimentat madwar l-UE kollha, għandu jiġi kkunsidrat ukoll fir-rigward ta’ pajjiżi oħra. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards għandu jkun possibbli ma’ pajjiżi li jħaddnu fehmiet jixxiebhu u dan jikkontribwixxi wkoll għal reġim ta’ sigurtà globali bbilanċjat fejn l-isforzi kollha huma indirizzati lejn ir-riskju reali (8).

3.6.    Konnettività

3.6.1.

Is-settur tal-avjazzjoni fih innifsu żviluppa f’netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni u kumpaniji li huma interkonnessi biex flimkien jagħtu valur. Is-Suq Uniku tal-Avjazzjoni ffaċilita t-tkabbir ta’ linji tal-ajru u gruppi tal-linji tal-ajru pan-Ewropej effiċjenti; fl-istess ħin qed jiżviluppaw linji tal-ajru tan-niċeċ. Dawn il-linji tal-ajru tal-“ġenerazzjoni li jmiss” kif ukoll linji tal-ajru oħra bbażati fuq mudelli ta’ negozju differenti, kollha jiddependu minn netwerk ta’ fornituri effiċjenti u orjentati lejn is-suq għas-suċċess sostenibbli tagħhom.

3.6.2.

Dan it-tip ta’ netwerk interdipendenti tal-linji tal-ajru, l-ajruporti, il-kumpaniji tal-groundhandling, l-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru eċċ. mhux biss jiġġenera l-impjiegi bħala settur, iżda għar-reġjuni u l-komunitajiet li din l-industrija tqarreb. Aktar ma jkun hemm konnessjonijiet, iktar dawn il-konnessjonijiet ikunu rilevanti għal reġjun jew komunità minħabba l-attraenza tagħhom għat-turiżmu u l-kummerċ, aktar ma jikber il-valur tal-konnettività għall-ekonomija.

3.6.3.

L-avjazzjoni effiċjenti hija għalhekk fattur li jiffaċilita t-tkabbir ekonomiku. Strateġija tal-avjazzjoni tal-UE ta’ suċċess għandha għalhekk tfittex li ttejjeb it-tkabbir ekonomiku billi tipprovdi għal tnaqqis tal-ispejjeż esterni li jaffettwaw l-attività tas-settur fl-UE, u għal opportunitajiet ta’ tkabbir għall-avjazzjoni fil-livell internazzjonali.

3.7.    Avjazzjoni internazzjonali

3.7.1.

L-avjazzjoni hija wieħed mill-ftit setturi tas-servizz li ma jikkompetux lokalment, iżda globalment. Għalhekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-appoġġ politiku disponibbli u l-fondi mogħtija lil-linji tal-ajru mhux tal-UE iżda miċħuda lit-trasportaturi tal-UE, jaffettwaw il-kompetittività tal-Ewropa.

3.7.2.

L-Unjoni Ewropea għandha saħħa globali unika. Minkejja u minħabba d-diversità interna tagħha, stabbiliet mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti, skemi ta’ approvazzjoni għall-għajnuna mill-Istat, djalogu soċjali u standards ta’ sikurezza. Dawn, flimkien ma’ standards oħra, jiffurmaw sett ta’ valuri li huma komuni għal aktar minn 500 miljun ċittadin u kumpanija f’fost wieħed mill-aktar reġjuni ekonomiċi influwenti, b’saħħithom u stabbli fid-dinja. L-aċċess għal dan is-suq huwa possibbiltà attraenti ħafna għall-kumpaniji li mhumiex fl-UE.

3.7.3.

L-Istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE għandha tkun mibnija fuq dawn l-istandards u b’negozjati kollużivi u kkoordinat tħabrek biex tikseb l-aċċettazzjoni tagħhom minn pajjiżi terzi. L-UE diġà stabbiliet ftehim funzjonanti dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li fih dispożizzjonijiet li jippermettu liż-żewġ partijiet biex ikomplu jiżviluppaw kunsens dwar it-titjib, l-implimentazzjoni konġunta u anki l-estensjoni ta’ dawn l-istandards għal pajjiżi terzi. Politika komprensiva u integrata tal-avjazzjoni għandha għalhekk tfittex li tuża l-istrumenti attwali, bħall-Kumitat Konġunt tal-Istati Uniti-UE, bħala mezz li jistabbilixxi fehim komuni ma’ pajjiżi li jaħsbuha bl-istess mod madwar id-dinja, jiġifieri li l-avjazzjoni sostenibbli tiddependi mir-rispett ta’ valuri bażiċi. L-UE u l-Istati Uniti jistgħu jieħdu rwol ta’ tmexxija fit-twaqqif ta’ standards globali (inkluż SESAR u NextGen).

3.7.4.

B’mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, mhux biżżejjed li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha u l-partijiet interessati kollha jkunu involuti fil-fażijiet kollha tan-negozjati; għandu jkun punt ewlieni li jkun żgurat li partijiet interessati fi swieq reġjonali, globali jew settorjali speċifiċi, ikunu kkonsultati sabiex tiġi żgurata aċċettazzjoni kontinwa għall-politika tal-avjazzjoni integrata u komprensiva. Is-settur tal-avjazzjoni jista’ biss isaħħaħ it-tkabbir ekonomiku jekk id-DĠ MOVE ikun appoġġat b’mod sħiħ minn Direttorati oħra, bħal REGIO, TRADE, u COMP.

3.7.5.

F’ekonomija globalizzata, id-dispożizzjonijiet ta’ sjieda u ta’ kontroll għandhom ċertament jiġu analizzati u kkunsidrati mill-ġdid bir-reqqa. Strateġija tal-avjazzjoni tal-UE orjentata lejn il-futur għandha tqis il-kodifikazzjoni tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea għall-kompetizzjoni ġusta sabiex issostni l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-istandards minn linji tal-ajru mhux tal-UE bħala mezz biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta fi swieq liberalizzati. Biex jinkiseb fehim aħjar, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra għażliet differenti b’mod separat, ta’ tibdil possibbli għar-rekwiżiti attwali dwar is-sjieda u l-kontroll. Il-proposti għandhom ikunu bbażati fuq riċerka u analiżi ulterjuri.

Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 17.

(2)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 9.

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 38.

(4)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 173.

(5)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 123.

(6)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 17.

(7)  Opinjoni tal-KESE TEN/565 – Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili, Ara paġna 110 ta’ dan il-ĠU.

(8)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 39.


Top