EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG0201(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tmexxija effettiva fl-edukazzjoni

OJ C 30, 1.2.2014, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 30, 1.2.2014, p. 7–9 (HR)

1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tmexxija effettiva fl-edukazzjoni (1)

2014/C 30/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI:

1.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali ta' għalliema u mexxejja fl-iskejjel irrikonoxxew li tmexxija effettiva fl-iskejjel hija fattur ewlieni fit-tfassil tal-ambjent ġenerali għat-tagħlim, fit-tkattir tal-aspirazzjonijiet u fl-għoti ta' appoġġ lill-istudenti, il-ġenituri u l-persunal, u b'hekk fil-promozzjoni ta' livelli ogħla ta' kisbiet, u li bħala riżultat ta' dan, huwa importanti ħafna li jiġi żgurat li l-mexxejja fl-iskejjel ikollhom, jew ikunu jistgħu jiżviluppaw, il-kapaċitajiet u l-kwalitajiet meħtieġa biex iwettqu n-numru dejjem akbar ta' kompiti li jiffaċċjaw.

2.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Diċembru 2012 talbu lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw segwitu rapidu għall-Inizjattiva “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”, u l-Konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2013 dwar “l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni” stiednu lill-Istati Membri biex jirrevedu u jsaħħu l-profil professjonali tal-professjonijiet tat-tagħlim, inklużi l-mexxejja fl-iskejjel, u biex jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal għall-kooperazzjoni u t-tagħlim fost il-pari skont il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni.

3.

L-Istrateġija Ewropa 2020, u b'mod partikolari l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013, jappella lill-Istati Membri biex jippreservaw il-potenzjal għat-tkabbir billi jagħtu prijorità, u fejn possibbli, isaħħu l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt li jiżguraw l-effettività ta' dan l-infiq.

U FID-DAWL TA':

Il-konferenza tal-Presidenza Litwana dwar “it-tmexxija effettiva fl-edukazzjoni” li saret f'Vilnius fid-9-10 ta' Settembru 2013, li pprovdiet pjattaforma għar-rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati u l-Istati tal-EFTA, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, biex jikkontribwixxu għad-dibattitu politiku dwar dan is-suġġett importanti;

Il-konferenza Comenius dwar “Żviluppa l-iskola tiegħek bl-appoġġ tal-programm tal-UE, konferenza għall-mexxejja fl-iskejjel”, li saret f'Vilnius fil-11-12 ta' Ottubru 2013.

JINNOTA B'INTERESS:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Niftħu l-Edukazzjoni” (2), li tistiedenl-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim innovattiv għal kulħadd billi jagħmlu użu adatt minn teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa.

JENFASIZZA LI:

1.

Bħala muturi prinċipali tat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali f'soċjetà tal-għarfien, is-sistemi tal-Ewropa tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġu tmexxija b'saħħitha u effettiva fuq il-livelli kollha. Il-mexxejja edukattivi tal-lum jiffaċċjaw diversi kompiti diffiċli, ta' responsabbiltà mhux biss rigward it-titjib tal-kwalità tat-tagħlim u t-tkattir tal-livelli ta' kisba, iżda wkoll għall-ġestjoni ta' riżorsi umani u dawk finanzjarji.

2.

It-tmexxija edukattiva titlob firxa ta' kompetenzi b'livell għoli ta' żvilupp ibbażati fuq valuri prinċipali. Hija tirrikjedi impenn professjonali, kapaċità ta' motivazzjoni u dik ta' ispirazzjoni, u ħiliet sodi ta' ġestjoni, pedagoġiċi u dawk ta' komunikazzjoni. Mexxejja edukattivi tajbin jiżviluppaw viżjoni strateġika għall-istituzzjonijiet tagħhom, jaġixxu ta' mudelli kemm għal dawk li qed jitgħallmu kif ukoll għall-għalliema u għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' ambjent effettiv u attraenti li jwassal għat-tagħlim. Huma wkoll atturi prinċipali fil-ħolqien ta' rabtiet effettivi bejn livelli differenti ta' edukazzjoni u taħriġ, il-familji, id-dinja tax-xogħol u l-komunità lokali, b'għan komuni li jiżdiedu l-kisbiet ta' min qed jitgħallem.

3.

L-għażla, ir-reklutaġġ, it-tħejjija u ż-żamma tal-persunal l-aktar kompetenti għal pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-istituzzjonijiet edukattivi, u l-għoti ta' kondizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp professjonali tagħhom, huma għaldaqstant ta' importanza kruċjali u jeħtieġu attenzjoni mill-qrib mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet.

4.

It-tmexxija edukattiva tista' tkun effettiva meta:

il-mexxejja edukattivi jkunu f'pożizzjoni li jiffokaw primarjament fuq it-titjib tal-kwalità tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet tagħhom filwaqt li jiżguraw l-ekwità;

it-tmexxija tkun ibbażata fuq rwoli definiti b'mod ċar;

hija tadotta approċċ kollaborattiv u inklużiv;

hija tkun tista' tirrikonoxxi l-aspetti b'saħħithom u l-kompetenzi tal-membri tal-persunal u tassenjalhom rwoli ta' tmexxija;

tkun f'pożizzjoni li talloka riżorsi u tesplora approċċi ta' tagħlim innovattivi; u

hija tibqa' tagħti rendikont sħiħ lil, u jkollha l-appoġġ mhux biss ta' awtoritajiet nazzjonali, iżda wkoll ta' dawk lokali u reġjonali u tal-komunità b'mod ġenerali, partikolarment meta tipprova tintroduċi l-bidliet.

GĦALDAQSTANT JAQBEL LI:

1.

L-approċċi innovattivi għat-tmexxija jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu attratti u jinżammu kandidati ta' kalibru għoli u biex l-ambjenti ta' tagħlim ikunu jistgħu jlaħħqu mal-innovazzjonijiet kontinwi li jsiru b'pass mgħaġġel fl-edukazzjoni, u jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal tagħhom.

2.

Jeħtieġ ukoll li r-rwol tal-mexxejja edukattivi jsir iktar professjonali, jissaħħaħ u jingħata appoġġ, billi l-ewwel jiġu identifikati l-kompetenzi li huma jirrikjedu, jiġu żviluppati karrieri strutturati u jiġu vvalutati l-ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp professjonali ta' dawk li jidħlu għal pożizzjonijiet ta' tmexxija u billi jingħataw opportunitajiet ta' taħriġ rilevanti.

3.

Il-flessibbiltà, l-awtonomija u l-kontabbiltà suffiċjenti huma meħtieġa biex jippermettu lil mexxejja edukattivi jiżviluppaw approċċi innovattivi għat-tmexxija, kif ukoll li joħolqu l-kondizzjonijiet li bihom membri oħra tal-persunal jitħeġġu jerfgħu responsabbiltajiet ta' tmexxija.

4.

Jeħtieġ li l-membri tal-persunal b'pożizzjonijiet ta' tmexxija jkollhom jew jiksbu, kif ukoll li jaġġornaw regolarment, il-kompetenzi meħtieġa għal tali pożizzjonijiet, inklużi dawk li permezz tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu użu effettiv minn teknoloġiji u tekniki ta' ġestjoni ġodda għall-promozzjoni ta' tagħlim innovattiv u ġestjoni effiċjenti tal-istituzzjoni tagħhom.

JAFFERMA MILL-ĠDID LI:

Filwaqt li r-responsabbiltà esklussiva għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi differenti tal-edukazzjoni u dawk tat-taħriġ hija tal-Istati Membri, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tat-tmexxija edukattiva fuq il-livell Ewropew permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, abbażi tal-użu effiċjenti tal-programmi tal-UE, b'mod partikolari Erasmus+, jistgħu jagħtu kontribut utli billi jappoġġaw u jikkumplementaw miżuri li ttieħdu fuq livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

A.   Jiġu appoġġati, f'konformità ma' ċirkostanzi nazzjonali u b'rispett dovut għall-prinċipju tal-ekwità, modi ġodda biex tissaħħaħ l-awtonomija effettiva u kontabbli ta' istituzzjonijiet edukattivi u mexxejja edukattivi, b'mod partikolari billi:

1.

tiġi promossa l-awtonomija tal-istituzzjonijiet edukattivi u l-mexxejja edukattivi rigward kwistjonijiet pedagoġiċi u l-allokazzjoni interna ta' riżorsi, filwaqt li jiġi żgurat li huma jkollhom il-mezzi u l-appoġġ meħtieġa biex jadattaw u jwieġbu b'mod effettiv għal kondizzjonijiet lokali speċifiċi u li jkunu qegħdin jinbidlu;

2.

tingħata definizzjoni ċara tar-rwoli u r-responsabbiltajiet, u jiġu pprovduti l-kompetenzi meħtieġa mill-mexxejja edukattivi biex jiġu appoġġati u jissaħħu permezz ta' modi differenti ta' żvilupp professjonali, inkluż in-netwerking bejn tali mexxejja;

3.

jiġu ffaċilitati t-teħid ta' deċiżjonijiet infurmati u l-kontabbiltà miżjuda, pereżempju permezz tal-użu ta' data intelliġenti, jiġu pprovduti mekkaniżmi ta' garanzija tal-kwalità u jiġu żviluppati miżuri speċifiċi għal istituzzjonijiet edukattivi f'żoni żvantaġġati;

4.

tinġabar evidenza dwar approċċi ta' tmexxija edukattiva effettivi u ta' suċċess f'kuntesti nazzjonali differenti, b'mod partikolari biex jinkiseb bilanċ ottimali bejn il-flessibbiltà, l-awtonomija u l-kontabbiltà, kif ukoll biex jitkejjel l-impatt tal-approċċi innovattivi fuq il-kwalità tal-eżiti tat-tagħlim.

B.   Jagħmlu t-tmexxija edukattiva aktar attraenti, b'mod partikolari billi:

1.

jiġi żgurat aktar professjonalità bħala mezz biex jiġu attratti l-aktar kandidati kapaċi;

2.

jiġi permess li l-mexxejja edukattivi jiffokaw fuq it-titjib tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet tagħhom, inkluż billi jinkiseb bilanċ aħjar bejn kompiti purament amministrattivi u l-kompiti prinċipali relatati mat-tagħlim;

3.

jiġu esplorati u żviluppati forom attraenti ta' taħriġ introduttorju, appoġġ fil-fażi bikrija tal-karrieri u żvilupp professjonali kontinwu għal mexxejja edukattivi, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transsettorjali ma' partijiet interessati oħrajn bħad-dinja kummerċjali u s-sħab soċjali;

4.

jiġi promoss xogħol fi grupp u ambjenti ta' tmexxija flessibbli, pereżempju permezz tal-possibbiltà li jinħolqu fl-istituzzjojnijiet edukattivi gruppi ad hoc bl-għan li jiġu ttrattati sfidi speċifiċi u ta' netwerks barra mill-iskejjel bil-għan tal-iskambju ta' esperjenza u dak tal-kooperazzjoni;

5.

jiġu promossi miżuri speċifiċi, tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki, bil-ħsieb li jitħeġġeġ il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija edukattiva.

C.   Jiġu promossi, fejn adatt, approċċi innovattivi għal tmexxija edukattiva effettiva, b'mod partikolari billi:

1.

jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' istituzzjonijiet edukattivi u jiġu applikati l-kriterji adatti ta' garanzija tal-kwalità meta jintgħażlu mexxejja futuri;

2.

jiġi rrikonoxxut u promoss il-potenzjal ta' tmexxija tal-persunal fl-istituzzjonijiet, b'mod partikolari permezz ta' “tmexxija kondiviża”, billi dawn jingħataw opportunitajiet biex jaħdmu ma' kollegi f'istituzzjonijiet oħrajn u billi jingħataw l-inkoraġġiment u l-opportunitajiet biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom f'dan ir-rigward;

3.

jiġi stimulat il-ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim innovattivi, inkluż billi jsir użu adatt mill-ICT u r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa kemm bħala għajnuniet pedagoġiċi kif ukoll bħala għodod ta' ġestjoni;

4.

jiġu stabbiliti u jinżammu netwerks bl-għan li jingħataw bidu u jiġu żviluppati approċċi effettivi għat-tmexxija fl-edukazzjoni u jiġi stimulat u promoss it-tagħlim fost il-pari bejn il-mexxejja edukattivi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Isir użu sħiħ mill-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, biex tiġi promossa l-aħjar prattika u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' tmexxija professjonali fl-oqsma tal-iskejjel, l-edukazzjoni għal persuni adulti u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u tiġi pprovduta reazzjoni b'mod regolari fuq il-livell politiku kif adatt.

2.

Tiġi promossa l-kooperazzjoni u s-sħubijiet għal innovazzjoni effettiva fit-tmexxija u għall-iżvilupp professjonali tal-mexxejja edukattivi - inkluż permezz tal-kooperazzjoni transsettorjali bejn l-iskejjel, l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet għat-taħriġ vokazzjonali u s-settur tan-negozju - bl-appoġġ tal-finanzjament Ewropew, inkluż permezz tal-programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali Ewropej, b'mod speċjali l-Fond Soċjali Ewropew.

3.

Jiġi promoss l-iskambju ta' prattiki tajba u l-iżvilupp ta' approċċi innovattivi għat-tmexxija edukattiva effettiva pereżempju permezz tal-azzjonijiet għal Sħubija Strateġika tal-programm Erasmus+, inkluż billi l-mexxejja edukattivi jitħeġġew jikkooperaw ma' diversi partijiet interessati bħal kumpanniji, assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u livelli differenti ta' istituzzjonijiet edukattivi, kemm b'mod internazzjonali kif ukoll fil-komunità lokali.

4.

Jiġu esplorati aktar il-possibbiltajiet offruti minn pjattaformi bħal eTwinning biex jiġu appoġġati skambji transsettorjali dwar it-tmexxija innovattiva, billi jiġu pprovduti spazji virtwali li permezz tagħhom il-mexxejja edukattivi jkunu jistgħu jikkollaboraw u jxerrdu prattiki effettivi u innovattivi.

5.

Tiġi promossa aktar riċerka fit-tmexxija effettiva edukattiva u jiġi żgurat it-tixrid tar-riżultati tagħha.

6.

Jissaħħaħ l-appoġġ għan-netwerks nazzjonali u dawk reġjonali tal-partijiet interessati li jittrattaw it-tmexxija edukattiva, u jgħinu biex jiġu żgurati t-tixrid u s-segwitu adatti tal-ħidma tagħhom fuq il-livell Ewropew, inkluż permezz tan-Netwerk għall-Politiki Ewropej dwar it-Tmexxija tal-Iskejjel u billi jagħmlu użu b'mod sħiħ tal-evidenza miġbura permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali.


(1)  Għall-finijiet ta' dan it-test, it-terminu “tmexxija” jintuża biss fil-kuntest ta' skejjel, Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali ETV u istituzzjonijiet għat-tagħlim ta' persuni adulti.

(2)  14116/13.


Top