EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC1219(02)

Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ antidumping dwar importazzjonijiet ta’ ċertu ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

OJ C 457, 19.12.2014, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 457/9


Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ antidumping dwar importazzjonijiet ta’ ċertu ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2014/C 457/07)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), sabiex terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bil-għan li teżamina jekk il-miżuri msemmija kellhomx effett fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew il-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni permezz ta’ investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment.

1.   Talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment

It-talba tressqet fit-12 ta’ Novembru 2014 minn EU ProSun Glass (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ ħġieġ solari fl-Unjoni.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott investigat huwa definit bħala ħġieġ solari li jikkonsisti fi ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, bi trażmittenza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1.5 300-2 500 nm), b’reżistenza għas-sħana li titla’ sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), b’reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150K (imkejla skont l-EN 12150) u ta’ saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott investigat”) u li bħalissa huwa kopert mill-kodiċi NM ex 7007 19 80.

3.   Miżuri Eżistenti

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv ta’ antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 (2).

4.   Raġunijiet għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment

L-applikant issottometta biżżejjed evidenza li turi li, wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel u wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu u ma kienx hemm biżżejjed ċaqliq fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. Dan wassal għal żieda fil-marġni tad-dumping li dgħajfet l-effetti ta’ rimedju intenzjonati tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza li hemm fit-talba turi li t-tnaqqis fil-prezzijiet ma jistax jiġi spjegat minn bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima jew bidliet fit-taħlita tal-prodott.

Barra minn hekk, l-applikant ipprovda evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat komplew jidħlu fl-Unjoni f’volumi sinifikanti.

5.   Il-proċedura

Ladarba ddeterminat, wara li informat lill-Istati Membri, li t-talba tressqet mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza sabiex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

5.1.    L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(a)   Kampjunar

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex titlesta l-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment fil-limitu ta’ żmien statutorju, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan l-Avviż. Fl-istess limitu ta’ żmien, dawn il-partijiet iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk ikunux qed jitolbu reviżjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku. Meta l-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment tinvolvi rieżami tal-valuri normali, l-importazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sakemm joħroġ l-eżitu tal-investigazzjoni mill-ġdid.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u għandha mnejn tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kampjun u l-eżami individwali fl-investigazzjoni oriġinali. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, skont kif ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-partijiet li talbu li ssir reviżjoni tal-valur normali u li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun iridu jipprovdu, fl-istess limitu ta’ żmien, informazzjoni sħiħa dwar il-valuri normali riveduti, li tkun sostanzjata kif xieraq bl-evidenza. Peress li l-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet u l-kostijiet fit-Turkija fl-investigazzjoni oriġinali għall-produtturi esportaturi kollha skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, l-evidenza dwar il-valuri normali riveduti trid tirrifletti l-prezzijiet domestiċi jew il-valuri maħduma fit-Turkija.

Bla preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni potenzjali tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.2.    L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (3)

Importaturi mhux relatati tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun. Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ dan l-Avviż.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni għandha mnejn tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li jkun qed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.4.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għalfejn tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.5.    L-istruzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ trid tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u/jew id-dejta soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) li hi tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali, iridu jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (4).

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali, ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha tagħhom permezz tal-posta elettronika, inklużi prokuri u ċertifikazzjonijiet skennjati, minbarra tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu, u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz elettroniku uffiċjali tax-xogħol li jaħdem u li jiġi kkontrollat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li l-Kummissjoni tibgħat id-dokumenti kollha b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jirrikjedi l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

Rue de la Loi/Wetstraat 170

1049 Bruxelles/Brussels

BELGIQUE/BELGIË

Posta Elettronika: TRADE-R611-SOLAR-GLASS-ABSORPTION@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, konklużjonijiet, sew jekk pożittivi sew jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk il-konklużjonijiet ikunu msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata turi li s-sottomissjoni tat-tweġiba kif mitlub, tista’ ġġib magħha piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet ta’ aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għas-smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati kompletament.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu ta’ skadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet sabiex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, l-assorbiment tal-miżuri fis-seħħ.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, fi żmien 9 xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Id-dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (5).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u l-impjegat; (d) kull persuna li, direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk ulied tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija tiegħu/tagħha, (vi) ġenitur u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(4)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Image


ANNESS II

Image

Image


Top