EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0702(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 205, 2.7.2014, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/22


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 205/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“Pecorino Crotonese”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-01111 — 13.05.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Pecorino Crotonese”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Pecorino Crotonese” huwa ġobon iebes, nofsu moħmi, magħmul esklussivament minn ħalib sħiħ tan-nagħaġ.

Meta jitqiegħed fis-suq għall-konsum fil-varjanti frisk, semiiebes, matur u anki maħkuk, ikollu l-karatteristiċi fiżiċi li ġejjin; Forma: ċilindrika b’uċuħ ċatti u b’qoxra tal-ġenb dritta jew ftit konvessa: Piż: bejn 0,5 kg u 5 kg, il-ġobon li jitħalla jimmatura għal aktar minn sitt xhur jista’ jilħaq il-piż ta’ 10 kg; Dimensjonijiet: ivarjaw skont il-piż tal-ġobon, dak li għandu piż ta’ bejn 0,5 kg u 5 kg l-għoli tal-qoxra tal-ġenb ivarja minn 6 għal 15 cm u d-dijametru tal-uċuħ minn 10 u 20 cm, filwaqt li l-ġobon li l-piż tiegħu jaqbeż il-5 kg l-għoli tal-qoxra tal-ġenb ivarja minn 15 għal 20 cm u d-dijametru tal-uċuħ ivarja minn 20 għal 30 cm.

Il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa jrid jammonta għal mill-inqas 40 %; il-proteini iridu jammontaw għal mill-inqas 25 %; l-umdità trid tammonta għal mill-inqas 30 %; u s-sinjali tal-qoffa jridu jidhru fuq il-forma tal-ġobon.

“Pecorino Crotonese Fresco” (Pecorino Crotonese Frisk): qoxra bajda jew kulur it-tiben ċar. Togħma distinta, delikata u ftit aċiduża b’qoxra rqiqa. Jidhru s-sinjali tipiċi tal-qoffa. Il-korporatura tal-ġobon hija ratba, uniformi u kremuża, b’kulur abjad lewn il-ħalib, bi ftit toqob.

“Pecorino Crotonese Semiduro” (Pecorino Crotonese Semiiebes): qoxra ħoxna ta’ kulur kemxejn fil-kannella. Togħma intensa u armonjuża, il-korporatura tal-ġobon semiiebsa hija kumpatta bi ftit toqob.

“Pecorino Crotonese Stagionato” (Pecorino Crotonese Matur) b’maturazzjoni twila (li taqbeż is-sitt xhur): qoxra iebsa u kannella, li jista’ jkollha l-quċċata miksija (mħawwra) biż-żejt jew residwi taż-żebbuġ. Togħma intensa u deċiżiva, u jħalli togħma ħafifa pikkanti. Il-korporatura tal-ġobon hija kulur it-tiben ċar bi ftit toqob.

Karatteristiċi orgonolettiċi: waqt it-tidwiq, malli l-forma tinqata’ tinxtamm riħa ħafifa ta’ ħalib tan-nagħaġ marbuta b’mod armonjuż ma’ rwejjaħ oħra, li huma karatteristiċi tiegħu, bħar-riħa tal-ħuxlief, il-ħaxix tal-għalqa matur u ħjiel ta’ ġewż u duħħan.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ħalib: tan-nagħaġ sħiħ u mhux ipproċessat, ittrattat bis-sħana jew pastorizzat skont il-leġiżlazzjoni eżistenti.

Baqta: taħlita tal-ħalib tal-mogħoż.

Huwa permess li jiġu żviluppati fermenti lattiċi naturali li jeżistu fil-ħalib sottomess għall-produzzjoni tal-ġobon jew l-użu ta’ kolturi katalisti tax-xorrox u tal-ħalib naturali li ġejjin jew jeżistu fiż-żona ta’ produzzjoni.

Melħ: (NaCl) melħ tal-blat.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Ir-razzjoni bażiku fis-sena huwa magħmul l-aktar minn għalf li ġej miż-żona ġeografika. Il-bhejjem li jintużaw għall-ħalib jieklu l-aktar ħaxix li ġej mill-mergħat u ħuxlief kummerċjali mhux iffermentat ikkultivat fl-istess żona. Hi permessal-integrazzjoni ma’ konċentrati ħielsa minn OĠM li ġejjin minn barra ż-żona ġeografika, b’mod partikolari fil-ġranet tax-xitwa meta n-nagħaġ ma jistgħux jirgħu. Il-perċentwal massimu tas-supplimenti ma jistax jaqbeż l-40 % tat-total f’temp ta’ sena. It-trobbija hija semiselvaġġa; il-merħliet jitħallew ħielsa jirgħu u jidħlu lura fir-razzett filgħaxija, iżda jiġu ssorveljati, imlaqqma u kkurati meta jkun hemm bżonn. Il-merħliet jirgħu minn Settembru sa Ġunju.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Trobbija tal-bhejjem, produzzjoni tal-ħalib, produzzjoni ta’ ġobon u maturazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għat-tħakkik, għall-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Il-“Pecorino Crotonese” DPO huwa kkummerċjalizzat sħiħ jew f’porzjonijiet b’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti. It-tikketta fuq il-forom tal-ġobon “Pecorino Crotonese” minbarra l-informazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-liġi tagħti d-dettalji li ġejjin: Il-logo tal-“Pecorino Crotonese”, segwit b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jew bit-taqsira D.P.O., is-simboli tal-Unjoni u mbagħad id-dettalji tar-Regolament Komunitarju; l-isem u l-indirizz tal-kumpanija produttriċi u ta’ dik li għamlet l-imballaġġ. Għall-prodott li huwa ddestinat għas-swieq internazzjonali tista’ tintuża l-iskrizzjoni “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini” u l-logo Komunitarju fil-lingwa tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Il-logo tal-prodott huwa magħmul minn żewġ partijiet, fuq ix-xellug hemm il-parti grafika tal-logo u fuq il-lemin hemm il-kliem tal-logo. Il-logo jrid jiġi mmarkat bin-nar jew b’timbri li jaqtgħu fuq il-forom tal-ġobon u l-kliem jiġi stampat fuq il-qoxra tal-ġenb.

Image

4.   Definizjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni tal-ġobon tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Crotone ta’ Belvedere Spinello, Caccuri, Carfizzi, Casabona, Castelsilano, Cerenzia, Cirò, Cirò Marina, Cotronei, Crotone, Crucoli, Cutro, Isola di Capo Rizzuto, Melissa, Mesoraca, Pallagorio, Petilia Policastro, Rocca di Neto, Roccabernarda, San Mauro Marchesato, San Nicola Dell’Alto, Santa Severina, Savelli, Scandale, Strongoli, Umbriatico, u Verzino. It-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Catanzaro ta’ Andali, Belcastro, Botricello, Cerva, Cropani, Marcedusa, Petronà, Sellia, Sersale, Simeri Crichi, Soveria Simeri, u Zagarise. It-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Cosenza ta’ Bocchigliero, Calopezzati, Caloveto, Campana, Cariati, Cropalati, Crosia, Mandatoriccio, Crosia, Paludi, Pietrapaola u San Giovanni in Fiore, Scala Coeli u Terravecchia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija żona omoġenja kemm fis-sens ġeografiku kif ukoll dak storiku kulturali u tikkoinċidi, fil-parti l-kbira, mat-territorju tal-Markiżat ta’ Crotone, li sa mis-sena 1390 Anno Domini jidentifika t-territorju inkwistjoni.

Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata mill-għoljiet tipiċi lokali tat-tafal Plijoċeniku tal-Crotonese u miż-żona muntanjuża li tikkonfina mal-Provinċja ta’ Crotone, minn Sila Piccola sa Sila Grande. Fiżikament, din iż-żona ġeografika hija interkonnessa ħafna, fil-fatt ir-reġjuni muntanjużi Silani huma fil-biċċa l-kbira l-mergħat naturali tas-sajf li jintużaw mill-merħliet u li jinsabu fl-għoljiet bejn il-muntanji inkwistjoni u l-Baħar Joniku. Din l-istruttura partikolari tat-territorju tinfluwenza l-klima lokali, ikkaratterizzata minn xtiewi kesħin u sjuf sħan, iżda b’firxa ta’ temperaturi relattivament limitata, b’umdità kostanti u b’valur medju ta’ umdità relattiva ta’ 58 %.

Fiż-żona ta’ produzzjoni tal-“Pecorino Crotonese” hemm 398 razzett tan-nagħaġ b’numru totali ta’ madwar 49 000 annimal, b’żieda rreġistrata ta’ madwar 4 % f’dawn l-aħħar għaxar snin, għall-kuntrarju tat-tendenza rreġistrata fl-Italja.

Is-sistema ta’ trobbija hija dik semiselvaġġa flimkien mal-prattika tradizzjonali ta’ moviment staġjonali tal-bhejjem minn u lejn il-mergħat. Fiż-żona ta’ produzzjoni hemm disponibbiltà kbira ta’ mergħat (l-erja agrikola użata għall-mergħa u l-marġ permanenti taqbeż l-40 % tat-total), fejn hemm familji ta’ pjanti li mhumiex ta’ interess għall-bhejjem jew li huma, saħansitra, infestanti, iżda abbundanti fiż-żoni marġinali li jikkaratterizzaw iż-żona ta’ produzzjoni. Il-mergħa taż-żona ta’ produzzjoni hija pjuttost omoġenja. Essenzjalment, il-flora tal-mergħat naturali tal-Markeżat hija magħmula minn speċijiet ta’ pjanti naturali, jiġifieri sikrana, silla, ċikwejra, silla tan-nebbieta, alfalfa, ta’ ekotipi lokali.

Fit-territorju inkwistjoni x-xogħol tal-Produttur tal-Ġobon jitqies bħala wieħed prestiġjuż u jagħti xhieda tat-tradizzjoni antika ddokumentata fl-istorja. Barra minn hekk l-użu ta’ forza tax-xogħol magħmula minn membri tal-familja għall-produzzjoni tal-ġobon, ippermetta li maż-żmien it-tekniki ta’ produzzjoni tal-ġobon jibqgħu kostanti u l-istess. L-għarfien tal-produttur tal-ġobon huwa element importanti ta’ speċifiċità; fil-fatt, il-proċess ta’ produzzjoni huwa manwali. Huwa importanti li l-produttur tal-ġobon ikun jaf jagħraf il-punt tajjeb ta’ koagulazzjoni tal-ħalib biex jipproċedi għat-tkissir tal-baqta bl-użu ta’ tagħmir lokali, il-“miscu”, sabiex inaqqas il-baqta daqs ħabba tar-ross. Minħabba l-istruttura tiegħu, dan it-tagħmir ikisser il-baqta b’mod enerġetiku u joħroġ ħafna xaħam, tant li x-xorrox li jifdal ikun qisu ħalib u jissejjaħ lokalment “lacciata” li huwa indikazzjoni tal-ipproċessar korrett tal-baqta. Importanti ħafna hija t-tneħħija tax-xorrox u l-ippressar manwali tal-baqta għat-tpoġġija tal-forma fil-qfief, li mbagħad tiġi mmanipulata u tinqaleb biex terġa’ tiġi ppressata fil-qfief sabiex fl-aħħar tiġi mdeffsa fil-“lacciata” Il-ġobon jitħalla jaċidifika għal ġurnata jew iżjed sabiex imbagħad tibda l-fażi ta’ maturazzjoni. Matul il-maturazzjoni, fuq il-wiċċ tiżviluppa moffa karatteristika. Il-produttur tal-ġobon jissorvelja dan il-proċess u jrid ikun jaf jagħraf u b’hekk jagħżel il-ġobon li ġie pproċessat b’mod korrett u jarmi il-bqija. Matul il-maturazzjoni huwa importanti wkoll li jiġi vvalutat sew il-mument tajjeb biex wieħed jaqleb il-forom, jixkupiljahom, jaħsilhom jew biex isir il-kisi tal-quċċata biż-żejt taż-żebbuġa jew bir-residwi taż-żebbuġ.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Pecorino Crotonese” huwa kkaratterizzat minn:

riħa ħafifa ta’ ħalib tan-nagħaġ marbuta b’mod armonjuż ma’ rwejjaħ oħra, li huma karatteristiċi tiegħu, bħar-riħa tal-ħuxlief, il-ħaxix tal-għalqa matur u bi ħjiel ta’ ġewż u duħħan, mingħajr ma tiddomina riħa partikolari jew, l-aktar, b’riħa tan-nagħaġ kemxejn dominanti.

korporatura kumpatta bi ftit toqob. Il-konsistenza fil-ħalq hija ftit elastika; waqt il-mgħid tinħass in-natura granulari tal-ġobon, li jdub fil-ħalq wara li jimtagħad sew. Tinħass il-preżenza tax-xaħam, iżda mingħajr is-sensazzjoni ta’ butir. Permezz tal-mgħid u tas-sħana tal-ġisem tinħass l-istess impressjoni aromatika li sseħħ mal-qtugħ, iżda f’forma iktar kompluta u osservabbli, speċjalment waqt il-bligħ. F’dan il-punt l-aroma tipika timla’ l-ħalq b’persistenza twila u pjaċevoli.

sinjali evidenti tal-qoffa fuq il-forma;

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-partikolarità tas-sistema ta’ trobbija, semiselvaġġa, tagħmel mod li l-bhejjem jiġu mitmugħa l-aktar il-flora selvaġġa li tinsab fiż-żona ta’ produzzjoni. L-aromi karatteristiċi li jinsabu fil-“Pecorino Crotonese” jirriżultaw minn komponenti speċifiċi, jiġifieri t-terpeni u s-seskwiterpeni, li huma preżenti biss fi kwantitajiet sinifikanti f’ċertu familji ta’ pjanti, bħall-ħaxix, il-kruċiferi, l-umbelliferi, il-kompożiti u oħrajn li jittieklu normalment min-nagħaġ waqt li qed jirgħu. Għall-kuntrarju, fl-għelejjel tal-għalf, komposti bħal dawn huma preżenti biss f’perċentwal baxx jew baxx ħafna. Peress li huma aromatiċi ħafna u marbuta ma’ ċertu pjanti partikolari, il-preżenza tagħhom fil-ġobon tidentifika ż-żona tal-mergħa tal-annimali, tant li hija l-mikroflora selvaġġa li tiddetermina l-karatteristiċi organolettiċi tal-“Pecorino Crotonese”. Barra minn hekk, il-prattika tradizzjonali ta’ moviment staġjonali tal-bhejjem minn u lejn il-mergħat tippermetti li n-nagħaġ jiġu protetti mill-istress ambjentali u nutrizzjonali matul is-sħana tas-sajf u għalhekk jiġi ppreservat il-kontenut aromatiku tal-ħalib.

Il-klima tat-territorju hija determinanti għall-maturazzjoni u tikkontribwixxi għall-istruttura tipika tal-“Pecorino Crotonese”. Il-livell ta’ umdità karatteristiku taż-żona kkontribwixxa matul is-sekli għad-definizzjoni tat-tekniki ta’ maturazzjoni u jifforma riżorsa ambjentali importanti għall-maturazzjoni tal-ġobon. Maturazzjoni tajba tal-prodott teħtieġ livell ta’ umdità li la hu għoli wisq, li jirriskja li ma jnixxifx kompletament il-ġobon, u lanqas varjabbli wisq, sabiex tiġi żgurata l-uniformità tal-kundizzjonjiet matul il-perjodu kollu tal-maturazzjoni. Il-livelli ta’ umdità li huma ġeneralment kostanti jippermettu li l-maturazzjoni tal-“Pecorino Crotonese” sseħħ b’mod gradwali, li tagħti l-istruttura fiżika li hija karatteristika tal-prodott, bħal pereżempju l-kumpattezza u n-nuqqas ta’ toqob fil-qalba tal-ġobon.

Ir-rabta inseparabbli mar-riżorsi umani tat-territorju ddeterminata mit-teknika tal-produzzjoni tal-ġobon, li ġejja mit-tradizzjoni lokali tal-produtturi tal-ġobon li ilha għaddejja għal sekli sħaħ, ippermettiet li r-reputazzjoni Crotonese tal-ipproċessar tal-ħalib tibqa’ l-istess matul is-snin. Il-fatt li l-forza tax-xogħol użata ġejja esklussivament mill-familji, minbarra li tiżgura l-kontinwazzjoni tat-tradizzjoni, hija xhieda tal-ispeċjalizzazzjoni għolja u s-sengħa tas-sistema ta’ produzzjoni, li tibqa’ inevitabbilment marbuta mar-riżorsi umani li mhumiex disponibbli f’kuntesti lokali oħra. Il-kompetenzi speċjalizzati huma partikolarment importanti fejn jidħol ix-xogħol manwali: mit-tiswir tal-baqta, għall-operazzjonijiet tal-preparazzjoni tal-forom, sal-operazzjonijiet ta’ trattament u kontroll tal-ġobon matul il-maturazzjoni.

L-użu ta’ kolturi katalisti tax-xorrox u tal-ħalib naturali li ġejjin u jeżistu fiż-żona ta’ produzzjoni, joħloq rabta mikrobijoloġika importanti maż-żona ta’ produzzjoni. Il-kolturi katalisti tax-xorrox li ġejjin mill-ħalib lokali jiggarantixxu ż-żieda ta’ batterji lattiċi tipiċi taż-żona ta’ oriġini u, għalhekk, jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-ispeċifiċità tal-prodott.

Il-“Pecorino Crotonese” huwa ġobon li jirrappreżenta element kostituttiv tal-ispazju rurali identifikat fiż-żona ta’ produzzjoni: it-testimonjanzi tiegħu huma antiki ħafna, saħansitra qabel il-medjuevu, u d-dokumenti li jagħtu prova tal-esportazzjoni jmorru lura sas-seklu sittax. Matul il-Viċirenju Awstrijak (1707–1734) kien hemm esportazzjoni kbira tal-ġobon u fil-bidu ta’ Jannar 1712 f’Napli s-saċerdot Giacinto Tassone di Cutro, biegħ lin-negozjant Naplitan Aniello Montagna “200 cantara ta’ ġobon Cotrone ta’ dan l-istaġjun ta’ din is-sena, mhux minfuħ, jew mikul mid-dud, maqsum jew imxaqqaq”. Anki f’dawn l-aħħar 25 sena l-isem jintuża b’mod kontinwu fit-tikketti kummerċjali u minn organizzazzjoni ta’ raħħala lokali, u kien hemm ukoll diversi tentattivi ta’ imitazzjoni minn produtturi li jinsabu barra mir-reġjun.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Pecorino Crotonese” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 46 tat-23.2.2012.

It-test konsolidat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-Internet: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it), u jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


Top