EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0620(04)

Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006, tad-Dokument Uniku dwar denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92

OJ C 188, 20.6.2014, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 188/24


Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006, tad-Dokument Uniku dwar denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92

(2014/C 188/08)

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (1)

“PROSCIUTTO DI SAN DANIELE”

Nru tal-KE: IT-PDO-0117-01149 – 19.8.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   ISEM

“Prosciutto di San Daniele”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2: prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Prosciutto di San Daniele” huwa kkaratterizzat mill-forma ta’ barra bħal dik ta’ kitarra li tinkludi wkoll il-parti tat-tarf (is-sieq). Il-piż sħiħ bl-għadma tal-“Prosciutto di San Daniele” normalment ikun ta’ bejn 8 u 10 kg u qatt inqas minn 7,5 kg. Il-laħam huwa kompatt, tari u elastiku bil-parti xaħmija kollha bajda mdaqqsa tajjeb mal-porzjon tad-dgħif ta’ lewn fir-roża, b’xi strixxi ta’ xaħam. Għandu togħma ħelwa delikata u jħalli togħma ta’ wara iktar qawwija. Għandu riħa tfuħ u karatteristika li tista’ tvarja skont il-perjodu ta’ maturazzjoni.

Il-“Prosciutto di San Daniele” huwa karatterizzat mill-parametri kimiċi li ġejjin:

L-umdità ma għandix tkun inqas minn 57 % jew iktar minn 63 %.

Il-kwozjent tal-proporzjon bejn il-kompożizzjoni perċentwali tal-klorur tas-sodju u l-perċentwal tal-umdità ma għandux ikun inqas minn 7,8 jew iktar minn 11,2.

Il-kwozjent tal-proporzjon bejn il-perċentwal tal-umdità u l-kompożizzjoni perċentwali ta’ proteina totali ma għandux ikun inqas minn 1,9 jew iktar minn 2,5.

L-indiċi ta’ proteolasi (kompożizzjoni perċentwali tal-frazzjonijiet tan-nitroġenu li jinħallu fl-aċidu trikloroaċetat - TCA- relatati mal-kontenut total ta’ nitroġenu) ma għandux ikun iktar minn 31.

Dawn il-parametri kimiċi jirreferu għall-kompożizzjoni perċentwali ta’ frazzjoni mill-muskolu ta’ quddiem tal-parti ta’ fuq tad-dirgħajn tal-wirk u jiġu mkejla qabel titwaħħal il-marka tal-prodott.

Il-“Prosciutto di San Daniele” jista’ jitqiegħed fis-suq anke mingħajr għadma, f’porzjonijiet, jiġifieri mqatta’ f’biċċiet ta’ għamla u piż differenti, jew f’qatgħat. Il-marka tal-prodott tidher fit-tipi kollha tiegħu.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Annimali Ħajjin

Għall-produzzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele”:

Huma permessi annimali li jiġu minn razez puri jew mir-razez tradizzjonali ta’ oriġini Large White u Landrace, bit-titjib introdott mir-Reġistru tar-Razez Taljan (Libro Genealogico Italiano).

Huma wkoll permessi annimali li jiġu mir-razza Duroc, bit-titjib introdott mir-Reġistru tar-Razez Taljan.

Barra minn hekk, huma wkoll permessi annimali ta’ razez oħra, imħalltin jew ibridi, sakemm dawn ikunu ġejjin minn skemi ta’ selezzjoni jew tgħammir li l-għanijiet tagħhom ma jkunux inkompatibbli ma’ dawk tar-Reġistru tar-Razez Taljan għall-produzzjoni tal-ħanżir tqil.

Skont il-tradizzjoni, mhumiex permessi annimali b’karatteristiċi antitetiċi, l-aktar dawk suxxettibbli għall-istress (PSS).

Mhumiex permessi annimali tar-razez puri Landrace Belga, Hampshire, Pietrain, Duroc u Spotted Poland.

Mhux permess l-użu ta’ ifħla u ħnieżer nisa.

It-tipi ġenetiċi użati għandhom jiżguraw li jintlaħqu piżijiet għoljin b’rendiment tajjeb u li, fi kwalunwe każ, il-piż medju jkun ta’ 160 kilogramma għal kull lott (piż ħaj), bejn wieħed u ieħor 10 %.

Koxox friski

Il-koxox tal-ħnieżer li jintużaw għall-preparazzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele” jiġu minn karkassi ta’ ħnieżer tqal tal-klassijiet “U”, “R”, “O” tat-tabella tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħnieżer u jridu jkunu ta’ piż ta’ mhux inqas minn 11 kg.

Il-ħxuna tax-xaħam ta’ barra tal-koxxa friska mirquma, imkejla vertikalment mill-wirk u bil-koxxa u l-fibra ta’ barra imqiegħda orizzontalment, ma għandix tkun inqas minn 15-il millimetru bil-ġilda ta’ barra, skont id-daqs tal-koxxa.

Mhumix permessi koxox li jiġu minn ħnieżer li għandhom distrofija muskolari evidenti PSE jew DFD u b’konsegwenzi ta’ proċessi inflammatorji u trawmatiċi manifesti.

Mhux permess l-ipproċessar ta’ koxox tal-majjal minn ħnieżer li jkunu nqatlu inqas minn 24 siegħa jew iktar minn 120 siegħa qabel, jew li kienu ffriżati.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

Għandhom jiġu rrispettati regoli dettaljati dwar l-użu u l-kompożizzjoni tar-razzjon tal-għalf. L-għalf għandu jingħata kemm jista’ jkun f’forma likwida (togħlija jew tgħasida) u tradizzjonalment bix-xorrox tal-ħalib.

3.5.   Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-fażijiet kollha tal-ipproċessar tal-“Prosciutto di San Daniele”, mit-tirqim tal-koxox friski sa tmiem il-maturazzjoni, għandhom isiru ġewwa l-komun ta’ San Daniele del Friuli, fil-provinċja ta’ Udine.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-ippakkjar tal-prodott imqatta’ għandu jsir biss fiż-żona ġeografika tal-ipproċessar tal-“Prosciutto di San Daniele”.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Hemm regoli speċifiċi relatati mal-identifikazzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele”, kemm fil-kuntest tal-produzzjoni tal-materja prima, kemm fil-fażi tal-preparazzjoni finali, kif ukoll fil-preżentazzjoni kummerċjali.

Fil-kuntest tal-produzzjoni tal-materja prima għall-“Prosciutto di San Daniele” hija prevista s-sekwenza ta’ elementi ta’ identifikazzjoni tal-prodott li ġejja:

tqegħid ta’ timbru mill-bidwi jew min irabbi l-ħnieżer

tqegħid ta’ timbru ta’ identifikazzjoni tal-biċċerija fuq il-koxox friski mill-biċċier

sigill imwaħħal fuq il-koxox friski mill-produttur

marka tal-konformità - timbru bin-nar - titqiegħed fuq il-ġilda tal-perżut taħt ir-responsabbiltà u fil-preżenza tal-organiżmu ta’ kontroll.

It-tikketta tal-“Prosciutto di San Daniele” sħiħ u bl-għadma jkollha l-indikazzjonijiet obbligatorji li ġejjin:

“Prosciutto di San Daniele”, segwita minn “denominazzjoni protetta tal-oriġini”

is-sede tas-sit ta’ produzzjoni

It-tikketta tal-“Prosciutto di San Daniele” sħiħ u mingħajr l-għadma, jew preżentat f’biċċiet jew f’qatgħat, għandu jkollu l-indikazzjonijiet obbligatorji li ġejjin:

“Prosciutto di San Daniele”, segwita minn “denominazione di origine protetta”

is-sede tas-sit tal-ippakkjar

id-data tal-produzzjoni (il-bidu tal-ipproċessar), fi kwalunkwe każ fejn is-siġillu ma jibqax jidher.

L-ippakkjar tal-“Prosciutto di San Daniele” imqatta’ għandu jinkludi r-rappreżentazzjoni grafika tal-marka tal-prodott u l-indikazzjoni tal-kodiċi numeriku ta’ indikazzjoni ta’ min jippakkja.

Il-marka tal-prodott hija l-istess bħal dik imwaħħla fuq il-ġilda ta’ barra tal-perżut immaturat, u hija din ta’ hawn taħt:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

L-ipproċessar tal-“Prosciutto di San Daniele” għandu jsir ġewwa l-komun ta’ San Daniele del Friuli, fil-provinċja ta’ Udine.

Iż-żona ġeografika tat-trobbija u tal-qatla tal-ħnieżer għall-produzzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele” tkopri t-territorju tar-reġjuni li ġejjin: Friuli-Venezia Giulia, Veneto, Lombardia, Piemonte, Emilia Romagna, Umbria, Toscana, Marche, Abruzzo u Lazio.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele” tinsab f’nofs il-Friuli ċentrali ġewwa l-komun ta’ San Daniele del Friuli u tul ix-xmara Tagliamento, li lil hinn minnha fejn jibdew il-muntanji tal-Prealpi Carniche.

L-orografija taż-żona tikkaratterizza l-istruttura partikolari tal-ħamrija li tipikament tkun ta’ konsistenza biż-żrar u ta’ oriġini morena u għandha funzjoni igroskopika b’saħħitha, u bħala riżultat ta’ dan għandha ukoll funzjoni permanenti ta’ dranaġġ tal-umdità.

Minbarra dan l-effett ta’ dranaġġ, ir-riħ sħun mill-baħar Adrjatiku jiksaħ gradwalment tul ix-xmara Tagliamento fejn jiltaqa’ ma’ riħ iktar kiesaħ mill-Alpi, f’konnessjoni diretta ideali mal-Canale del Ferro del Tarvisano. Ir-riżultat ta’ dan huwa mikroklima konsistenti li tipprovdi ventilazzjoni permanenti fiż-żona, u li flimkien mad-dranaġġ tal-ħamrija toħloq ambjent kemxejn umidu, ideali għall-maturazzjoni tal-perżut. Għaldaqstant, permezz ta’ din il-mikroklima l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele” kienu minn dejjem isiru fil-komun li minnu ġej l-isem tal-prodott. F’dan l-istess kuntest żviluppaw ukoll il-ħiliet speċjalizzati tal-ipproċessar tal-koxox, li fil-passat kienu diġà jiġu minn irziezet sitwati f’żoni fejn kienu jitrabbew ħafna ħnieżer. Fost l-operazzjonijiet ewlenin mill-operaturi speċjalizzati nsibu t-tirqim tal-koxox. Dan jikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-porzjoni ta’ xaħam u muskoli żejda mill-koxxa friska u jagħtiha forma partikolari bħal dik ta’ “kitarra”, li tibqa’ anke wara l-ippressar. Barra minn hekk, l-ippressar tal-koxox wara t-tirqim u t-tmelliħ jiffavorixxi l-proċess osmotiku li jottimizza l-maturazzjoni tal-laħmijiet.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Prosciutto di San Daniele” huwa kkaratterizzat mis-“sieq”, jiġifieri l-parti tat-tarf tal-koxxa li, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira l-oħra ta’ perżut li jinsab fis-suq, ma titneħħiex. Iż-żamma ta’ din is-“sieq” waqt l-ipproċessar tagħti karatteristika lill-“Prosciutto di San Daniele” li permezz tagħha tiġi rikonoxxuta mill-konsumatur mill-ewwel. Barra minn hekk, il-forma partikolari bħal dik ta’ “kitarra”, it-togħma delikata u r-riħa tfuħ tal-“Prosciutto di San Daniele” huma karatteristiċi marbuta mal-operazzjonijiet tal-proċess ta’ preparazzjoni, jiġifieri t-tirqim u l-ippressar tal-koxxa, l-użu ta’ melħ tal-baħar miżjud fil-bidu tal-ipproċessar u l-maturazzjoni naturali u fit-tul tal-laħmijiet.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-“Prosciutto di San Daniele” joriġina miż-żona ġeografika ta’ San Daniele del Friuli u l-karatteristiċi tiegħu huma marbuta essenzjalment maż-żona ġeografika ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi ambjentali u umani tagħha.

Il-mikroklima partikolari u speċifika karatterizzata mill-elementi orografiċi u pedjoloġiċi taż-żona ta’ produzzjoni jiddeterminaw in-nuqqas ta’ umdità u l-ventilazzjoni, li huma kundizzjonijiet ideali għall-proċess ta’ maturazzjoni li jirriżulta fit-togħma u r-riħa karatteristiċi tal-“Prosciutto di San Daniele”.

Hija importanti l-esperjenza tan-nies li jimmaturaw il-prodott li jużaw kmamar għal maturazzjoni li jkun fihom ħafna twieqi u jqiegħdu l-perżut f’pożizzjoni trażversali skont id-direzzjoni tad-dħul tal-arja, biex il-maturazzjoni tal-“Prosciutto di San Daniele” ssir b’mod gradwali u biex dan jikseb ir-riħa karatteristika tiegħu.

Referenza għall-Pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(Artikolu 5, paragrafu 7, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (2))

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit elettroniku li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/MT/IDPagina/3339

Jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione prodotti DOP, IGP e STG”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


Top