EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0203

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013 (2013/2155(INI))

OJ C 378, 9.11.2017, p. 27–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/27


P7_TA(2014)0203

L-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2011-2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013 (2013/2155(INI))

(2017/C 378/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 10 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 15 u 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-TUE u l-obbligi tal-istituzzjonijiet li jwettqu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 41 (id-dritt għal amministrazzjoni tajba) u 42 (id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti) tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 tat-22 ta' Settembru 2003 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2009-2010 (3),

wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ġenerali dwar l-aċċess għad-dokumenti, u b'mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti għall-Ġustizzja fil-kawżi Access Info Europe (kawża C-280/11 P), Donau Chemie (C-536/11), IFAW v Il-Kummissjoni (C-135/11) (4), My Travel (C-506/08 P), Turco (kawżi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P), u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi ta' In ‘t Veld v Il-Kunsill (T-529/09), Il-Ġermanja v Il-Kummissjoni (T-59/09), EnBW v Il-Kummissjoni (T-344/08), Sviluppo Globale (T-6/10), Internationaler Hilfsfonds (T-300/10), European Dynamics (T-167/10), Jordana (T-161/04) u CDC (T-437/08),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (COM(2011)0137),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għad-Dokumenti Uffiċjali tal-2008,

wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali għall-2011 u l-2012 mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar l-aċċess għad-dokumenti, imressqa skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-2010,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-12 ta’ Settembru 2013 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2012 (5), u tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (Regolament (KE) Nru 1049/2001) (6),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-2012,

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 104(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0148/2014),

A.

billi t-Trattat ta' Lisbona ilu fis-seħħ għal erba' snin; billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistabbilixxi qafas kostituzzjonali għat-trasparenza istituzzjonali tal-UE u jistabbilixxi d-dritt fundamentali ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi fi Stat Membru; billi dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat f'konformità mal-prinċipji ġenerali u l-limiti stabbiliti mir-regolamenti adottati mill-Parlament u l-Kunsill;

B.

billi l-Artikolu 298 tat-TFUE jiddisponi amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

C.

billi hija regola ġenerali li l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi għandu jingħata b'mod sħiħ, filwaqt li l-eċċezzjonijiet rigward dokumenti mhux leġiżlattivi għandhom jitnaqqsu;

D.

billi t-trasparenza hija essenzjali għal Unjoni Ewropea demokratika ta’ ċittadini li fiha huma jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess demokratiku u jeżerċitaw skrutinju pubbliku; billi l-amministrazzjoni trasparenti tibbenefika l-interessi taċ-ċittadini, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-leġittimità tas-sistema politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

E.

billi l-aċċess pubbliku wiesa’ għad-dokumenti huwa element importanti f’demokrazija ħajja;

F.

billi f'demokrazija b'saħħitha ċ-ċittadini m'għandhomx jiddependu minn żvelaturi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-gvernijiet tagħhom;

G.

billi ċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu kif jimxi l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u kif jaġixxu r-rappreżentanti tagħhom, iżommuhom responsabbli u jkunu jafu kif qed jiġu allokati u minfuqa l-flejjes pubbliċi;

H.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti għadha mhix qed tiġi applikata sew mill-amministrazzjoni tal-Unjoni; billi l-eċċezzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 qegħdin jiġu applikati bħala rutina minflok bħala eċċezzjoni mill-amministrazzjonijiet;

I.

billi, skont il-każistika, jekk istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet tiżvela, għandha, fil-prinċipju, tispjega kif l-iżvelar ta' dak id-dokument jista' b'mod speċifiku u realment jipperikola l-interess protett bl-eċċezzjoni – fost dawk disposti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (ara In ‘t Veld v Il-Kunsill  (7));

J.

billi theddida speċifika u prevedibbli għall-interess inkwistjoni ma tistax tiġi stabbilita mis-sempliċi biża' mill-iżvelar liċ-ċittadini tal-UE tad-differenzi fl-opinjoni bejn l-istituzzjonijiet rigward il-bażi ġuridika għall-attività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk, li jinħolqu dubji dwar il-legalità ta' dik l-attività (ara In ‘t Veld v Il-Kunsill  (8));

K.

billi sitta mill-għaxar investigazzjonijiet ta' “każijiet ewlenin” tal-Ombudsman Ewropew tal-2012 kienu jikkonċernaw it-trasparenza;

L.

billi l-istatistika għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 uriet tnaqqis fil-għadd ta' talbiet inizjali fit-tliet istituzzjonijiet kollha kemm huma;

M.

billi l-għadd ta' dokumenti speċifikati mitluba naqas fil-Parlament (minn 1 666 fl-2011 għal 777 fl-2012); billi, madankollu, il-persentaġġ ta' talbiet għal dokumenti mhux speċifikati, eż “id-dokumenti kollha marbutin ma'…”, żdied fil-Parlament (minn 35,5 % fl-2011 għal 53,5 % fl-2012); billi l-għadd ta' dokumenti tal-Kunsill mitluba naqas (minn 9,641 fl-2011 għal 6,166 fl-2012) (9);

N.

billi d-data kwantitattiva ppreżentata fir-Rapporti Annwali għall-2012 tindika li kemm il-Kummissjoni (minn 12 % fl-2011 għal 17 % fl-2012) u kemm il-Kunsill (minn 12 % fl-2011 għal 21 % fl-2012) maż-żmien aktar irrifjutaw l-aċċess kompletament, filwaqt li l-Parlament juri ċifri stabbli għar-rifjut komplet ta' aċċess (5 % fl-2011 kif ukoll fl-2012);

O.

billi l-Kummissjoni turi żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet ta' konferma (minn 165 fl-2011 għal 229 fl-2012), li tirriżulta f'żieda żgħira fid-deċiżjonijiet riveduti kompletament, u tnaqqis fid-deċiżjonijiet riveduti parzjalment u żieda fid-deċiżjonijiet ikkonfermati, filwaqt li kemm il-Kunsill u kemm il-Parlament juru ċifri relattivament stabbli għal applikazzjonijiet ta' konferma (Kunsill: minn 27 fl-2011 għal 23 fl-2012; Parlament: minn 4 fl-2011 għal 6 fl-2012);

P.

billi għadd ta' applikazzjonijiet irriżultaw fit-tressiq ta' ilmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew (Kummissjoni: minn 10 fl-2011 għal 20 fl-2012; Kunsill: minn 2 fl-2011 għal 4 fl-2012; Parlament: 1 fl-2011 kif ukoll fl-2012);

Q.

billi l-Ombudsman Ewropew għalaq għadd ta' ilmenti fl-2011 u l-2012 b'kummenti kritiċi jew li b'suġġeriment ta' azzjoni ulterjuri (Kummissjoni: minn 10 minn 18 fl-2011 għal 8 minn 10 fl-2012; Kunsill: l-ebda informazzjoni; Parlament: minn 0 minn 0 fl-2011 għal 1 minn 1 fl-2012);

R.

billi għadd ta' applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti rriżultaw fil-ftuħ ta' kawżi fil-Qorti Ġenerali jew f'kawżi appellati fil-Qorti tal-Ġustizzja (Kummissjoni: minn 15-il kawża u 3 appelli fl-2011 għal 14-il kawża u appell 1 fl-2012; Kunsill: minn kawża 1 u 2 appelli fl-2011 għal appell 1 fl-2012 (10); Parlament: l-ebda kawża jew appell fl-2011 u lanqas fl-2012);

S.

billi l-Qorti Ġenerali fil-biċċa l-kbira ddeċidiet favur iktar trasparenza, jew inkella ċċarat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 f'għadd ta' kawżi (Kummissjoni: 5 minn 6 (11) fl-2011 u 5 minn 5 fl-2012 (12); Kunsill: 1 minn 1 fl-2011 (Access Info Europe, T-233/09) u 1 minn 4 fl-2012 (In ‘t Veld, T-529/09); Parlament: 1 minn 2 fl-2011 (13) (Toland,T-471/08) u 1 minn 1 fl-2012 (Kathleen Egan u Margaret Hackett, T-190/10));

T.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-biċċa l-kbira ddeċidiet favur iktar trasparenza fil-kawżi li ġejjin: Il-Kummissjoni: 1 minn 1 fl-2011 (My Travel, C-506/08) u 1 minn 3 fl-2012 (IFAW, C-135/11 P) (14); Kunsill u Parlament: l-ebda sentenzi fl-2011 u lanqas fl-2012;

U.

billi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament ma jagħtux statistika komparabbli; billi t-tliet istituzzjonijiet ma jsegwux l-istess standards ta' kompletezza fil-preżentazzjoni tal-istatistika;

V.

billi r-raġuni l-iktar użata bħala eċċezzjoni hija 'l-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet', kif użata mill-Kummissjoni u l-Kunsill wara t-talbiet inizjali (Kummissjoni: 17 % fl-2011 u 20 % fl-2012; Kunsill: 41 % kemm fl-2011 u kemm fl-2012); billi 'l-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali' kienet it-tieni raġuni l-iktar użata mill-Kunsill; billi fil-każ tal-Parlament, 'il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu' kienet l-eċċezzjoni l-iktar komuni;

W.

billi l-istituzzjonijiet naqsu milli jimplimentaw l-Artikoli 15(2) u 15(3), subparagrafu 5 tat-TFUE, rigward l-obbligu għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jiltaqgħu fil-pubbliku meta jikkunsidraw abbozz ta' att leġiżlattiv, u li jippubblikaw id-dokumenti marbutin mal-proċeduri leġiżlattivi skont it-termini stabbiliti mir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 15(3), subparagrafu (2);

X.

billi l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiddisponi eċċezzjoni għat-trasparenza 'jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu'; billi din id-dispożizzjoni ġiet qabel it-Trattat ta' Lisbona u jeħtieġ li tiġi taqbel mal-Artikolu 15 TFUE;

Y.

billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Access Info Europe  (15) ikkonfermat li l-pubblikazzjoni tal-ismijiet ta' Stati Membri u l-proposti tagħhom ma tagħmilx il-ħsara lill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; billi l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet fid-deċiżjoni preċedenti tagħha f'dan il-każ 'jekk iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom, għandhom ikunu f'pożizzjoni li jsegwu fid-dettall il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet';

Z.

billi l-ftehimiet internazzjonali għandhom effetti vinkolanti u impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE; billi d-dokumenti marbuta magħhom għandhom ikunu pubbliċi fil-prinċipju, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet leġittimi; billi l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tapplika kif dikjarat fil-paragrafu 19 ta’ In ’t Veld v Il-Kunsill (T-529/09);

AA.

billi t-trilogi bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jinċidu direttament fuq il-formazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi t-trilogi mhumiex pubbliċi u dokumenti rigward it-trilogi informali, inklużi l-aġendi u r-rapporti ta’ sinteżi, awtomatikament mhumiex disponibbli la għall-pubbliku u lanqas għall-Parlament, fatt li jmur kontra l-Artikolu 15 tat-TFUE;

AB.

billi d-dokumenti prodotti mill-Presidenza tal-Kunsill jew li għandha fil-pussess tagħha marbuta ma' xogħolha f'dak ir-rwol għandhom ikunu aċċessibbli skont ir-regoli ta' trasparenza tal-UE;

AC.

billi n-negozjati dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilhom staġnati; billi l-istrument il-ġdid se jkun jeħtieġ li jipprovdi għal sinifikament aktar trasparenza mill-istatus quo;

AD.

billi t-talbiet għal laqgħat bil-magħluq fil-Parlament għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; billi talbiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati mill-Parlament kull każ għalih, u m'għandhomx jiġu konċessi awtomatikamnet;

AE.

billi l-klassifika tad-dokumenti f’livelli ta’ kunfidenzjalità li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas tal-2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, jew bħala “dokumenti sensittivi” skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandha ssir abbażi ta’ kunsiderazzjoni bir-reqqa u speċifika; billi klasssifika żejda twassal għal segretezza bla bżonn u sproporzjonata ta' dokumenti u għal laqgħat li jsiru bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa;

AF.

billi t-trasparenza tibqa' r-regola, inkluż b'rabta ma' programm ta' klemenza għal kartell; billi projbizzjoni awtomatika fuq l-iżvelar tikkostitwixxi ksur tar-regola tat-trasparenza, kif stabbilit fit-Trattati; billi s-segretezza hija l-eċċezzjoni, u għandha tiġi ġustifikata abbażi ta' kull każ għalih mill-imħallfin nazzjonali fir-rigward ta' azzjonijiet għad-danni;

AG.

billi hu rakkomandat li l-linji gwida tal-UE jitfasslu bħala strument ta' għajnuna għall-imħallfin; billi jeħtieġ li tali linji gwida jiddistingwu bejn dokumenti ta’ kumpanija u fajls ta’ kartell miżmuma mill-Kummissjoni;

Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti

1.

Ifakkar li t-trasparenza hija r-regola ġenerali u li t-Trattat ta' Lisbona jistipula d-dritt fundamentali ta' aċċess għad-dokumenti;

2.

Ifakkar li hemm bżonn l-ikbar aċċess pubbliku possibbli għad-dokumenti biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu effettivament jikkummentaw fuq l-aspetti kollha tal-attività tal-UE;

3.

Ifakkar li t-trasparenza ssaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet Ewropej billi tippermetti liċ-ċittadini jkunu infurmati u jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u, b’dan il-mod, tikkontribwixxu biex l-UE ssir iżjed demokratika;

4.

Ifakkar li kwalunkwe deċizjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti għandha tkun ibbażata fuq eċċezzjonijiet legali definiti b'mod ċar u strett, akkumpanjata minn ġustifikazzjoni raġunata u speċifika, fejn iċ-ċittadin ikun jista' jifhem ir-rifjut għall-aċċess u jkun jista' jagħmel użu effettiv tar-rimedji legali disponibbli;

5.

Ifakkar fil-bżonn li jiġi stabbilit ekwilibriju xieraq bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data, kif iċċarat mill-każistika Bavarian Lager, u jenfasizza li l-protezzjoni tad-data m’għandhiex “tintuża ħażin”, b’mod partikolari, biex tgħatti l-konflitti ta’ interess u l-influwenza żejda fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-UE u t-teħid tad-deċiżjonijiet; jindika li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bavarian Lager hi bbażata fuq il-kliem attwali tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u ma żżommx il-kliem milli jinbidel, li huwa neċessarju u urġenti, partikolarment wara l-proklamazzjoni ċara tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li tinsab fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

6.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji japplikaw b’mod strett ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, filwaqt li titqies il-każistika kollha marbuta miegħu, u jarmonizzaw ir-regoli interni eżistenti tagħhom mal-ittra u l-ispirtu tar-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tad-dati ta’ skadenzi biex jitwieġbu t-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal-dati ta’ skadenzi itwal; jistieden lill-Kunsill jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, inkluż, fid-dawl tal-kawża Access Info Europe, l-ismijiet tal-Istati Membri u l-proposti tagħhom;

7.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji, meta japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jivvalutaw b'mod strett il-possibilitajiet ta' żvelar parzjali ta' dokument, tabella, stampa, paragrafu jew frażi;

8.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jkomplu jiżviluppaw approċċ iżjed proattiv dwar it-trasparenza billi jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-websajts tal-internet tagħhom għadd kbir kemm jista' jkun ta' kategoriji ta’ dokumenti, inklużi dokumenti amministrattivi interni u billi dawn jiddaħħlu fir-reġistri pubbliċi tagħhom; iqis li dan l-approċċ jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva kif ukoll biex tiġi evitata l-litigazzjoni mhux meħtieġa, li tista’ tikkawża spejjeż u piżijiet mhux meħtieġa kemm għall-istituzzjonijiet u kemm għaċ-ċittadini;

9.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji jimplimentaw b'mod sħiħ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u jistabbilixxu reġistri ta' dokumenti pubbliċi bi strutturi ċari u aċċessibbli, funzjonalità ta' tfittix tajba, informazzjoni aġġornata regolarment dwar dokumenti ġodda prodotti u rreġistrati, l-inklużjoni ta' referenzi għal dokumenti li mhumiex pubbliċi u, sabiex jgħinu lill-utenti pubbliċi, gwida dwar it-tipi ta' dokumenti li jinsabu f'reġistru partikolari;

10.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji biex jippubblikaw sistematikament u mingħajr dewmien fir-reġistri ta’ dokumenti tagħhom, id-dokumenti kollha li ma kinux disponibbli qabel għall-pubbliku u li ġew żvelati permezz tal-aċċess pubbliku għal talbiet għal dokumenti;

11.

Jistieden lill-amministrazzjonijiet jagħtu indikazzjoni sħiħa tad-dokumenti kollha li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' talba għall-aċċess għad-dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, wara l-applikazzjoni inizjali;

12.

Jenfasizza li r-rikors għall-Ombudsman Ewropew jirrappreżenta għażla siewja fejn ir-rifjut tal-aċċess għal dokument ikun ġie kkonfermat mill-amministrazzjoni kkonċernata; ifakkar, madankollu, li ma hemm l-ebda mezz biex jiġu infurzati d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

13.

Jenfasizza li l-litigazzjoni tinvolvi proċessi fit-tul ħafna, ir-riskju ta’ spejjeż għoljin u saħansitra projbittivi, u riżultat inċert, li joħloq piż mhux raġonevoli fuq iċ-ċittadini li jixtiequ jisfidaw deċiżjoni ta' rifjut (parzjali) tal-aċċess; jenfasizza li, fil-prattika, dan ifisser li ma hemm l-ebda rimedju legali kontra deċiżjoni negattiva dwar talba għall-aċċess għad-dokumenti;

14.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jadottaw b'urġenza proċeduri iktar imħaffa, inqas komplikati u iktar aċċessibbli għall-indirizzar ta’ lmenti kontra r-rifjut tal-għoti ta’ aċċess, sabiex titnaqqas il-ħtieġa ta' litigazzjoni u tinħoloq kultura vera ta’ trasparenza;

15.

Jenfasizza li r-rapporti annwali tat-tliet istituzzjonijiet u tal-korpi u l-aġenziji għandhom jippreżentaw ċifri f'format komparabbli, li għandu jinkludi, pereżempju, l-għadd ta' dokumenti mitluba, l-għadd ta' applikazzjonijiet, l-għadd ta' dokumenti li għalihom ingħata aċċess (parzjali), l-għadd ta' applikazzjonijiet konċessi qabel u wara l-applikazzjoni ta' konferma, u ċ-ċifri għall-aċċess mogħti mill-Qorti, l-aċċess parzjali mogħti mill-Qorti u ċ-ċaħda tal-aċċess;

16.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE ma jitolbux li l-parti tal-oppożizzjoni tħallas l-ispejjeż tal-kawżi tal-qorti, u jiżguraw li ċ-ċittadini ma jiġux ipprevenuti milli jieħdu deċiżjonijiet ta' sfida kawża tan-nuqqas ta' mezzi tagħhom;

17.

Jinnota li jeħtieġ li l-Istati Membri jadattaw għall-qafas ta' trasparenza l-ġdid stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona, kif jidher fil-kawża Il-Ġermanja v Il-Kummissjoni (T-59/09), fejn il-Ġermanja opponiet l-iżvelar ta' dokumenti marbuta ma' avviż formali lilha, fejn intalab li jiġi protett l-interess pubbliku fil-kuntest tar-'relazzjonijiet internazzjonali', filwaqt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-'relazzjonijiet internazzjonali' għandhom jitqiesu bħala terminu tad-dritt tal-UE u għalhekk mhuwiex applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Stat Membru;

18.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu l-puntwalità tagħhom ta' tweġiba għat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti u applikazzjonijiet ta' konferma;

19.

Jiddeċiedi li jeżamina kif id-deliberazzjonijiet fil-Bureau tiegħu u fil-Konferenza tal-Presidenti tiegħu jistgħu jsiru iżjed trasparenti, billi pereżempju jinżammu minuti dettaljati u billi dawn jiġu żvelati lill-pubbliku;

Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

20.

Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li sa minn Diċembru 2011, meta adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ma sar l-ebda progress, peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma dehrux li kienu lesti li jidħlu għal negozjati sostantivi; Jjistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex finalment jippreżenta r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament jiftiehmu dwar strument ġdid li jagħti, b’mod sinifikanti, iktar trasparenza, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 15 tat-TFUE;

21.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’mod li jkun koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus; jappoġġa b'mod sħiħ il-politika tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini li tippubblika rapporti dwar il-provi kliniċi ta’ farmaċewtiċi fis-suq Ewropew meta tiħi mitluba, ladarba l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-mediċina inkwistjoni jkun tlesta; jenfasizza li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha tirrispetta b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għandha tiddefinixxi kwalunkwe eżenzjoni b’konformità sħiħa magħha;

22.

Jirrakkomanda li kull istituzzjoni jew korp tal-UE jaħtru, mill-istrutturi ta' ġestjoni tagħhom, Uffiċjali għat-Trasparenza, li jkun responsabbli mill-konformità u mit-titjib tal-prattiki;

23.

Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jivvalutaw u, fejn ikun meħtieġ, jirrieżaminaw l-arranġamenti interni tagħhom għar-rappurtar tal-għemil ħażin, u jitlob għall-protezzjoni tal-iżvelaturi; jitlob, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-esperjenzi tagħha bir-regoli l-ġodda dwar l-iżvelar għall-persunal tal-UE adottati fl-2012 u bil-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex l-iżvelaturi jiġu protetti, mhux biss moralment iżda wkoll finanzjarjament, sabiex l-iżvelaturi jiġu protetti u appoġġati kif għandu jkun bħala parti mis-sistema demokratika;

Rapportar

24.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jarmonizzaw ir-Rapporti Annwali tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti, u jippreżentaw statistika simili, f'forma kompatibbli u bl-iktar mod inklużiv possibbli (eż f'tabelli fl-Anness li jippermettu t-tqabbil dirett);

25.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-Parlament fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti;

26.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fir-rapporti annwali tagħhom dwar it-trasparenza tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;

Dokumenti leġiżlattivi

27.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tal-gruppi esperti u talgruppi tal-komitoloġija, billi jagħmlu l-laqgħat tagħhom fil-pubbliku u jippubblikaw il-proċeduri ta’ reklutaġġ għall-membri, kif ukoll l-informazzjoni dwar is-sħubija, il-proċedimenti, id-dokumenti kkunsidrati, il-voti, id-deċiżjonijiet u l-minuti tal-laqgħat, li kollha kemm għandhom jiġu ppubblikati fuq l-internet f’format standard; jenfasizza lil-membri tal-gruppi ta’ esperti u tal-komitoloġija għandhom jiddikjaraw bil-quddiem jekk għandhomx xi interess personali fis-suġġetti diskussi; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb u timplimenta b’mod sħiħ il-linji gwida interni għad-DĠs kollha għall-proċedura ta’ reklutaġġ (li tikkonċerna jiġifieri l-kompożizzjoni bbilanċjata, il-politika dwar il-konflitti ta’ interess, is-sejħiet pubbliċi) u r-regoli għar-rimborż, u tirrapporta dwar din il-kwistjoni mhux biss fir-rapport annwali dwar l-aċċess għad-dokumenti, iżda wkoll fir-rapporti dwar l-attività annwali tad-DĠs; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta, b'mod partikolari, dwar il-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta' Investiment (TTIP);

28.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament jiżguraw iktar trasparenza tat-trilogi informali, billi jorganizzaw il-laqgħat fil-pubbliku, jippubblikaw id-dokumentazzjoni inklużi l-kalendarji, l-aġendi, il-minuti, id-dokumenti eżaminati, l-emendi, id-deċiżjonijiet meħuda, l-informazzjoni dwar id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u l-pożizzjonijiet u l-minuti tagħhom, f'ambjent standardizzat u aċċessibbli faċilment fuq l-internet, awtomatikament u mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

29.

Ifakkar li l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar dokumenti sensittivi hu kompromess li m'għadux jirrifletti l-obbligi kostituzzjonali u legali ġodda stabbiliti mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona;

30.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jżommu ċifri pubbliċi aġġornati dwar l-għadd ta’ dokumenti klassifikati li għandhom fil-pussess tagħhom, skont il-klassifikazzjoni tagħhom;

Klassifikazzjoni ta' dokumenti

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regolament li jistabbilixxi regoli u kriterji ċari għall-klassifikazzjoni ta' dokumenti mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

32.

Jistieden lill-istituzzjonijiet jivvalutaw u jiġġustifikaw talbiet għal laqgħat bil-magħluq skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

33.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwaqqfu awtorità ta' sorveljanza tal-UE indipendenti għall-klassifikazzjoni tad-dokumenti u l-eżami tat-talbiet biex sessjonijiet isiru bil-magħluq;

Tagħrif finanzjarju

34.

Jistieden lill-istituzzjonijiet jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli għaċ-ċittadini d-dokumenti marbuta mal-baġit tal-Unjoni Ewropea, l-implimentazzjoni tiegħu u l-benefiċjarji tal-fondi u l-għotjiet tal-Unjoni, u jenfasizza li tali dokumenti għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz ta' sit elettroniku speċifiku u database, u f'database li tittratta t-trasparenza finanzjarja fl-Unjoni;

Negozjati internazzjonali

35.

Jesprimi tħassib dwar l-applikazzjoni ta' rutina tal-eċċezzjoni għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali bħala ġustifikazzjoni għall-klassifikazzjoni tad-dokumenti;

36.

Ifakkar li meta istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet li tiżvela, għandha, fil-prinċipju, tispjega kif l-iżvelar ta' dak id-dokument jista' b'mod speċifiku u reali jipperikola l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali;

37.

Jenfasizza li, indipendentement minn dawn il-prinċipji, fil-prattika dan għadu mhuwiex qed jiġi implimentat, kif jidher fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-529/09 (In 't Veld v Il-Kunsill) rigward ir-rifjut mill-Kunsill li jagħti aċċess għal opinjoni tas-servizz legali tiegħu dwar il-ftehim TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Opinjonijiet tas-servizzi legali

38.

Jenfasizza li l-opinjonijiet tas-servizzi legali tal-istituzzjonijiet għandhom, fil-prinċipju, jiġu żvelati, kif enfasizzat mis-sentenza tal-Qorti f'Turco li “r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huwa intiż, bħal ma jindikaw ir-raba’ premessa tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli” (16);

39.

Ifakkar li, qabel ma ssir valutazzjoni ta' jekk tapplikax l-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2), it-tieni inċiż dwar il-protezzjoni tal-parir legali, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun sodisfatta li d-dokument li ntalbet tiżvela fil-fatt mhuwiex marbut ma' parir legali u, jekk ikun il-każ, għandha tiddeċiedi liema partijiet tiegħu fil-fatt huma kkonċernati u jistgħu għalhekk jiġu koperti mill-eċċezzjoni (Turco, paragrafu 38);

40.

Jistieden lill-istituzzjonijiet jimxu skont is-sentenza ta' Turco dwar l-opinjonijiet tas-servizz legali abbozzati fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv, li ddeċidiet li “hemm lok li jiġi rrilevat li hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem akbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u żżid il-fiduċja tagħhom' u li 'fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċedimenti fil-qrati fl-intier tagħhom” (17);

41.

Jenfasizza li, kif ġie deċiż fil-kawża In ‘t Veld v Il-Kunsill (T-529/09) (18), theddida speċifika u prevedibbli għall-interess inkwistjoni ma tistax tiġi stabbilita mis-sempliċi biża' mill-iżvelar liċ-ċittadini tal-UE tad-diverġenzi fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet rigward il-bażi ġuridika għall-attività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk, mill-ħolqien ta' dubji dwar il-legalità ta' dik l-attività;

Klemenza għal kartelli

42.

Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża C-536/11, il-paragrafu 43 li “kwalunkwe talba għal aċċess għall-[fajl ta’ kartell] għandha tiġi valutata abbażi ta' kull każ għalih [mill-qrati nazzjonali], filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha tal-każ”;

o

o o

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 1.

(3)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 72.

(4)  Ara IFAW v Il-Kummissjoni (C-135/11 P), fejn fil-paragrafu 75 hu ddikajrat li, peress li ma kinitx ikkonsultat id-dokument mitlub, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f'pożizzjoni li tivvaluta fil-każ speċifiku jekk id-dokument setax ġie rifjutat b'mod validu abbażi tal-eċċezzjonijiet.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0369.

(6)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 12.

(7)  In ’t Veld v Il-Kunsill (T-529/09), paragrafu 19.

(8)  In ’t Veld v Il-Kunsill (T-529/09), paragrafu 75.

(9)  Il-Kummissjoni ma tispeċifikax l-għadd ta' dokumenti mitluba. L-għadd ta' applikazzjonijiet inizjali għal dokumenti tal-Kummissjoni huma 6 447 fl-2011 u 6 014 fl-2012.

(10)  Il-Kunsill v In 't Veld (intervent mill-Parlament Ewropew biex jappoġġa lil In ‘t Veld).

(11)  Kawżi Batchelor (T-362/08), IFAW II (T-250/08), Navigazione Libera del Golfo (T-109/05 u T-444/05), Jordana (T-161/04), CDC (T-437/08) u LPN (T-29/08).

(12)  Ġermanja v Kummissjoni (T-59/09), EnBW v Kummissjoni (T-344/08), Sviluppo Globale (T-6/10), Internationaler Hilfsfonds (T-300/10), European Dynamics (T-167/10).

(13)  Il-kawża l-oħra hija Dennekamp (T-82/08), fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċizjoni tal-Parlament abbażi tal-protezzjoni ta' data personali.

(14)  Ara l-kawża IFAW li tikkonċerna dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru u l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivvaluta d-dokumenti kkonċernati; u żewġ kawżi oħrajn marbuta ma' proċedimenti ta' kontroll ta' merġer, Agrofert (C-477/10 P) u Éditions Odile Jacob (C-404/10 P). Dawn it-tliet sentenzi tal-Qorti mhumiex deskritti fir-rapport annwali tal-Kummissjoni.

(15)  Il-Kunsill v Access Info Europe, Kawża C-280/11 P.

(16)  Il-kawżi magħquda l-Iżvezja u Turco v Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-39/05 P u C-52/05 P), paragrafu 35.

(17)  Il-kawżi magħquda l-Iżvezja u Turco v Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-39/05 P u C-52/05 P), paragrafu 59.

(18)  In ’t Veld v Il-Kunsill (T-529/09), paragrafu 75.


Top