EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0068(01)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea (2013/2115(INI))

OJ C 93, 24.3.2017, p. 53–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/53


P7_TA(2014)0068

Migranti Nisa Mingħajr Dokumenti fl-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea (2013/2115(INI))

(2017/C 093/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, partikolarment l-Artikoli 24 u 28 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Il-vjolenza kontra l-ħaddiema migranti nisa',

wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 26 dwar il-ħaddiema migranti nisa tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-5 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 2 tal-Kumitat tan-NU għall-Ħaddiema Migranti dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti f’Sitwazzjoni Irregolari u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar Xogħol Diċenti għall-Ħaddiema Domestiċi,

wara li kkunsidra l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 17 tal-Karta Soċjali Ewropea mill-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 79, 153 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 14, 31, 35 u 47 tagħha,

wara li kkunsidra l-“Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza li jinħareġ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ traffikar ta' persuni jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni biex tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti (5),

wara li kkunsidra r-rapport għall-2011 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bl-isem “Id-drittijiet fundamentali tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Unjoni Ewropea”,

wara li kkunsidra r-rapport għall-2012 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bl-isem “Qbid tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari – kunsiderazzjonijiet dwar il-jeddijiet fundamentali”,

wara li kkunsidra l-proġett ta’ riċerka Ewropew Clandestino u l-proġett Tranżizzjonijiet ta’ Ħaddiema Mingħajr Dokumenti, it-tnejn li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni taħt is-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2013 bit-titlu “Ir-raba’ Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2012)” (COM(2013)0422),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 bit-titlu “L-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli” (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0001/2014),

A.

billi t-terminu “migrant mingħajr dokumenti” huwa definit bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li l-preżenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ma tissodisfax jew ma tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kundizzjonijiet oħrajn għal dħul, permanenza jew residenza f’dak l-Istat Membru (8) u li s-sejba tiegħu mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni twassal għal deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ tkeċċija;

B.

billi ċ-ċirkostanzi kumplessi miġjuba mill-gwerer u aggravati mill-kriżijiet umanitarji dinjija, qed jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-flussi ta’ refuġjati, li jinkludu numri kbar ta’ nisa u tfal mingħajr dokumenti;

C.

billi Stat Membru għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar il-politiki ta’ immigrazzjoni tiegħu stess; billi, madankollu, id-drittijiet fundamentali tal-immigranti għandhom jiġu protetti u garantiti skont il-liġi tal-UE u dik internazzjonali, li permezz tagħha huma marbuta l-Istati Membri;

D.

billi l-migranti mingħajr dokumenti spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji, li jpoġġihom f’riskju ta’ malnutrizzjoni u saħħa li tmur għall-agħar, u jfisser li huma jridu jfittxu soluzzjonijiet inaċċettabbli biex jiżguraw il-mezzi ta’ sussistenza; Billi, minbarra dan, il-migranti nisa huma spiss akkumpanjati minn tfal li jridu jieħdu ħsiebhom, li jaġixxi bħala inċentiv addizzjonali biex huma jfittxu modi possibbli ta’ susisstenza u sopravivenza;

E.

billi minħabba l-istatus legali tagħhom, migranti mingħajr dokumenti ta’ spiss jiġu mċaħħda mill-aċċess għal djar diċenti, servizzi tal-kura tas-saħħa bażiċi u ta’ emerġenza, u l-edukazzjoni; billi l-istatus legali mhux dokumentat tagħhom ma jħallihomx jiġu protetti kontra l-isfruttament tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol jew minn abbuż fiżiku u mentali; billi dak l-istatus legali ma jippermettilhomx li jfittxu aċċess għall-ġustizzja;

F.

billi migranti nisa mingħajr dokumenti u d-dipendenti tagħhom huma partikolarment vulnerabbli għar-riskji li jirriżultaw mill-istatus legali tagħhom, peress li huma esposti b’mod aktar estensiv mill-irġiel għall-possibbiltà ta’ abbuż fiżiku, sesswali, u mentali, kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, sfruttament tax-xogħol minn min iħaddem u d-diskriminazzjoni doppja bbażata kemm fuq ir-razza u s-sess;

G.

billi migranti nisa mingħajr dokumenti jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għat-traffikanti u sussegwentement jistgħu jsiru vittma ta’ traffikar;

H.

billi migranti mingħajr dokumenti għandhom aċċess limitat għall-akkomodazzjoni soċjali u jibqgħu dipendenti fuq is-suq tad-djar privati; billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma f’riskju akbar ta’ abbuż fil-forma ta’ vjolenza fiżika jew sesswali minn sidien privati;

I.

billi migranti nisa mingħajr dokumenti huwa iktar possibbly li jsofru vjolenza u abbuż, inkluż abbuż sesswali, u huma vittmi potenzjali tal-isfruttament sesswali u tat-traffikar tal-bnedmin inġenerali; billi l-aċċess għar-refuġji tan-nisa mmexxija mill-istat huwa soġġett għar-rekwiżit ta’ forma legali ta’ identità jew permess ta’ residenza u billi b’konsegwenza ta’ dan il-vittmi m’għandhom ebda għażla oħra imma li jibqgħu f’sitwazzjoni abbużiva jew jaħarbu fit-toroq; billi hemm ir-riskju ta’ deportazzjoni jekk jikkuntattjaw lill-pulizija;

J.

billi l-isterjotipi tal-ġeneru għandhom għeruq aktar fondi fil-komunitajiet tal-immigranti u l-migranti nisa huma vittmi iktar ta’ spiss tat-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa, b’mod partikolari ż-żwiġijiet furzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-hekk imsejħa 'delitti tal-unur', it-trattament ħażin f'relazzjonijiet mill-qrib, il-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll it-traffikar u l-isfruttament sesswali;

K.

billi l-Istati Membri jvarjaw ħafna fil-livell ta’ aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa li jagħtu lill-migranti irregolari u l-kundizzjonijiet li jimponu fuq fornituri tal-kura tas-saħħa fir-rigward tar-rappurtar jew le ta’ migranti mingħajr dokumenti;

L.

billi l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa urġenti tan-nisa mingħajr dokumenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ipoġġuhom f’riskju sproporzjonat li jirċievu kontijiet għoljin b’mod estrem għall-kura fl-isptar f’pajjiżi fejn dawn mhumiex eliġibbli għal kura ssussidjata; billi l-biża’ li jirċievu tali kontijiet twassal biex numru ta’ nisa mingħajr dokumenti jwelldu d-dar mingħajr appoġġ mediku;

M.

billi l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa l-aktar bażiċi, bħall-kura ta’ emerġenza, huwa limitat ħafna, jekk mhux impossibbli għall-migranti mingħajr dokumenti minħabba l-obbligu ta’ identifikazzjoni, il-prezz għoli ta’ trattament u l-biża’ li jinstabu u jiġu rrapportati lill-awtoritajiet; billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma partikolarment f’riskju, peress li mhumiex mogħtija attenzjoni speċifika għas-sess bħal servizzi qabel it-twelid, waqt it-twelid u wara t-twelid; billi xi migranti mingħajr dokumenti lanqas biss huma konxji tad-drittijiet tagħhom tas-saħħa fil-pajjiż tad-destinazzjoni;

N.

billi l-biża’ li jinstabu u jkunu rrapportati lill-awtoritajiet effettivament tipprojbixxi migranti nisa mingħajr dokumenti milli jfittxu l-għajnuna f’sitwazzjonijiet abbużivi, anke minn NGOs li jispeċjalizzaw f’pariri legali għall-immigranti; billi, b’konsegwenza ta’ dan, dawn il-migranti huma effettivament imċaħħda milli jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u kif dawn ikunu garantiti; billi, għall-istess raġunijiet, huwa diffiċli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joffru għajnuna u appoġġ;

O.

billi s-swieq u l-industrija tal-prostituzzjoni fl-Ewropa huma alimentati ferm mill-vulnerabbiltà tan-nisa u l-bniet migranti, u billi ħafna nisa fil-prostituzzjoni m’għandhomx dokumenti, li jżid l-abbuż u l-vulnerabbiltà diġà inerenti fl-industrija tal-prostituzzjoni;

P.

billi t-tfal, inklużi l-bniet, migranti minn familji li m’għandhomx dokumenti jiġu mċaħħda milli jmorru l-iskola minħabba l-biża’ li jinstabu u l-inabbiltà tagħhom li jipprovdu dokumenti uffiċjali għar-reġistrazzjoni; billi bniet adoloxxenti mingħajr dokumenti jiffaċċjaw ostakoli sinifikanti biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja/terzjarja u t-taħriġ;

Q.

billi t-talba li qed tiżdied għall-ħaddiema fis-setturi domestiċi u tal-kura qed tattira numru kbir ta’ migranti nisa, li ħafna minnhom huma mingħajr dokumenti; billi n-nisa mingħajr dokumenti li jaħdmu f’dan is-settur huma l-aktar vulnerabbli għal pagi baxxi, abbuż mentali, żamma tal-pagi u tal-passaporti u xi kultant anke l-abbuż fiżiku minn min iħaddimhom; billi n-nisa mingħajr dokumenti ftit għandhom probabbiltà li jfittxu rimedju fil-qorti;

R.

billi ħaddiema migranti nisa mingħajr dokumenti rari jkollhom rimedju biex jitolbu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, jew pagi ġusti, minħabba l-iżolament ekonomiku u soċjali tagħhom, il-fatt li ma jkunux konxji mid-drittijiet bażiċi tagħhom u l-biża’ li jiġu deportati;

S.

billi l-migranti mingħajr dokumenti huma f’sitwazzjoni ta’ limbu legali (9);

T.

billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma speċjalment vulnerabbli għall-abbuż fiżiku, mentali u sesswali fil-ħin tal-arrest u f’ċentri ta’ detenzjoni;

Rakkomandazzjonijiet

1.

Ifakkar li l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-migranti mingħajr dokumenti kienet ripetutament enfasizzata minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u fl-istrumenti internazzjonali tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi tal-UE; Jirreferi b'rabta ma' dan għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-istatus ta’ migrant jew rifuġjat jew status ieħor;

2.

Ifakkar li l-politika tal-immigrazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, huma s-suġġett ta’ responsabbiltà komuni u solidali tal-Istati Membri;

3.

Jenfasizza li immigranti leżbjani, bisesswali u transsesswali mingħajr dokumenti legali huma vittmi ta’ diskriminazzjoni doppja u l-kundizzjoni fraġli tagħhom bħala barranin mingħajr dokumenti tkompli żżid mas-sitwazzjoni kkumplikata tagħhom;

4.

Jenfasizza li l-immigrazzjoni hija fenomenu topiku u li jeħtieġ qafas legali komuni dwar il-politiki ta’ migrazzjoni sabiex l-immigranti u l-vittmi potenzjali jiġu protetti, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal, li huma vulnerabbli għal bosta forom ta’ kriminalità organizzata fil-kuntest tal-immigrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin;

5.

Jikkundanna l-fatt li ħafna migranti nisa jiġu ingannati fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom bil-wegħda ta’ kuntratti ta’ xogħol f’pajjiżi żviluppati, u li wħud saħansitra jinħatfu minn mafji u netwerks tat-traffikar tal-bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda din il-prattika abużiva u diżumana;

6.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex japplikaw id-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni b’mod li ma tnaqqasx il-possibbiltà ta’ migranti mingħajr dokumenti li jikru djar fis-suq ħieles, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ sitwazzjonijiet ta’ sfruttament jew abbużivi;

7.

Ifakkar l-Artikolu 8 tal-KEDB dwar ir-rispett għall-integrità fiżika ta’ persuna, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu r-rekwiżit li migranti mingħajr dokumenti li jkunu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, jipprovdu dokumentazzjoni sabiex ikollhom aċċess għal refuġji mmexxija mill-istat; billi jqisu b’mod partikolari l-bżonnijiet speċjali tan-nisa tqal, nisa li għandhom tfal żgħar u nisa li għandhom persuni oħra x’jieħdu ħsieb;

8.

Jinsisti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għolja tal-persuni bi bżonnijiet speċjali bħat-tfal u l-adolexxenti, il-persuni anzjani, il-persuni b’diżabilità, l-illitterati, dawk li jappartjenu għal xi minoranza, l-immigranti li huma persegwitati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom għall-ideat, l-orjentazzjoni sesswali, karatteristiċi fiżiċi, eċċ. tagħhom u n-nisa vittmi tal-vjolenza sessista;

9.

Jirrimarka li d-dritt għas-saħħa huwa dritt tal-bniedem fundamentali u jinkoraġġixxi għalhekk lill-Istati Membri biex iħollu l-politiki tas-saħħa mill-kontroll tal-immigrazzjoni, u għalhekk biex jieqfu milli jimponu d-dmir fuq prattikanti tal-kura tas-saħħa li jirrapportaw migranti mingħajr dokumenti; Iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jiżguraw il-provvista ta' kura u assistenza adegwati mmirati lejn l-issodisfar tal-bżonnijiet speċifiċi skont is-sess; bl-istess mod, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu taħriġ speċifiku għal kwistjonijiet ta’ sessi lill-uffiċjali li huma f’kuntatt ma’ dawn in-nies; filwaqt li jieqfu milli jitolbu lill-iskejjel biex jirrapportaw tfal ta’ migranti mingħajr dokumenti li jattendu dawk l-iskejjel;

10.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiggarantixxu appoġġ psikoloġiku, sanitarju u legali adegwat lin-nisa mingħajr dokumenti;

11.

Ifakkar li d-drittijiet stipulati fid-Direttiva dwar il-Vittmi mhumiex ikkundizzjonati mill-istatus tar-residenza tal-vittma (10); iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri, għalhekk, li jifirdu l-prosekuzzjoni tal-vjolenza kontra migranti nisa mingħajr dokumenti mill-kontroll tal-immigrazzjoni sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw reati b’mod sigur;

12.

Jikkundanna kull forma ta' vjolenza, traffikar tal-bnedmin, abbuż u diskriminazzjoni kontra nisa mingħajr dokumenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess għall-offerti ta' għajnuna f'sitwazzjonijiet bħal dawn, mingħajr il-biża' li dan iwassal direttament għal miżuri li jġibu fi tmiem ir-residenza;

13.

Jappella għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat; jitlob li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa fix-xogħol furzat, li ma jinkludix biss il-prostituzzjoni furzata, iżda kull xogħol involontarju, anke fil-qasam domestiku, u li jiġu mħarsa l-migranti nisa kkonċernati mingħajr dokumenti;

14.

Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu evitati l-proliferazzjoni u l-prostituzzjoni u x-xogħol furzat fost il-migranti nisa;

15.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tas-salvagwardja li tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem, li teħtieġ lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli mekkaniżmi li jippermettu ħaddiema migranti mingħajr dokumenti li jressqu talbiet kontra min iħaddem għal kull remunerazzjoni dovuta; jistieden lill-Istati Membri, NGOs u l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-migranti mingħajr dokumenti biex imexxu kampanji ta’ għarfien li jinfurmaw migranti mingħajr dokumenti dwar dan id-dritt;

16.

Jitlob lill-Istati Membri jtemmu l-prattiki diskriminatorji, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament tax-xogħol, fost l-oħrajn permezz ta' spezzjonijiet fuq ix-xogħol, u jippermettu aċċess għal servizzi bażiċi ta' kura tas-saħħa;

17.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli taħriġ adegwat maħsub għas-servizzi tal-pulizija, u servizzi oħra tal-Istat li jistgħu jiġu nkarigati minn migranti nisa mingħajr dokumenti, dwar il-vjolenza sesswali u l-isfruttament sesswali li tagħhom jistgħu jkunu vittmi dawn in-nisa;

18.

Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni, bħala parti minn reviżjoni futura tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem, tintroduċi l-possibilità ta’ mekkaniżmi li jippermettu lill-migranti irregolari li jressqu ilmenti anonimi u formali kontra xi ħadd li jħaddem li jkun abbużiv;

19.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha b’mod korrett, partikolarment l-Artikolu 59 tagħha, li jiddikjara b’mod ċar li l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissospendu l-proċeduri ta’ espulsjoni u/jew jagħtu permess ta’ residenza awtonomu fl-eventwalità ta’ xoljiment taż-żwieġ lil dawk il-migranti nisa li l-istatus ta’ residenza tagħhom kien jiddependi fuq il-konjuġi tagħhom;

20.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfittxu mezzi kif jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol li sar min-nisa li jipprovdu servizzi importanti u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-soċjetà ospitanti;

21.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-migranti nisa kollha, inklużi l-migranti nisa mingħajr dokumenti, li kienu vittmi ta’ abbuż jew vjolenza bbażata fuq is-sess, inklużi migranti nisa sfruttati fl-industrija tal-prostituzzjoni, jiġu pprovduti protezzjoni u appoġġ, u jitqiesu li għandhom raġunijiet partikolari biex jingħatalhom asil jew permess ta’ residenza abbażi ta’ raġunijiet umanitarji;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ritorni b’mod sħiħ u biex joħorġu ċertifikazzjoni tal-posponiment ta’ tneħħija kif meħtieġ mid-Direttiva sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni ta’ limbu legali;

23.

Jenfasizza l-importanza li tinġabar dejta dwar l-esperjenzi speċifiċi tan-nisa mingħajr dokumenti, u jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa għal dejta affidabbli, preċiża, fil-ħin u kumparabbli dwar il-vulnerabbiltajiet relatati mal-ġeneru tan-nisa mingħajr dokumenti u n-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għall-ġustizzja u s-servizzi fl-UE biex tassisti fl-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ politiki pubbliċi koerenti;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorni, tirrevediha billi ssaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-migranti detenuti;

25.

Jenfasizza li l-aspetti ta’ detezzjoni tal-politiki għall-infurzar tal-immigrazzjoni qatt ma jridu jdgħajfu d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali jew ipoġġu lin-nisa f'aktar riskju ta’ vjolenza u abbuż; Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva dwar ir-Ritorni sabiex tiżgura rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti irregolari, speċjalment dawk tan-nisa tqal u t-tfal;

26.

Ifakkar li, skont id-Direttiva dwar ir-Ritorni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrattaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiċ-ċentri ta’ detenzjoni “b’mod uman u dinjituż”, li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet bażiċi tal-bniedem tad-detenuti; jikkundanna r-rapporti ta’ vjolenza kontra n-nisa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jinvestigaw kwalunkwe pretensjonijiet ta’ abbuż fiżiku mmirati lejn id-detenuti;

27.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw kull sinjal li nisa migranti mingħajr dokumenti qegħdin jiġu soġġetti għal sfurzar jew trattament inuman;

28.

Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq din il-kwistjoni sabiex jinstabu alternattivi għaċ-ċentri ta’ detenzjoni; billi jaħdmu sabiex in-nisa immigranti mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jeħilsu mill-biża’ li jinteraġixxu ma’ dawk li huma mistennija li jappoġġjawhom;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) jibqgħu l-qalba ta’ kull azzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, u jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu kompletament u fil-pront id-detenzjoni tat-tfal abbażi tal-istatus ta’ immigrazzjoni tagħhom, jipproteġu lit-tfal mill-abbużi bħala parti mill-politiki u proċeduri dwar il-migrazzjoni u jadottaw alternattivi għad-detenzjoni li jippermettu li t-tfal jibqgħu mal-membri tal-familja u/jew il-kustodji;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex permezz ta’ riċerka aktar estensiva u konnessa, jagħlqu l-lakuni li jeżistu fir-rigward ta’ data awtentika u informazzjoni eżistenti dwar l-għadd u s-sitwazzjoni ta’ persuni mingħajr dokumenti fl-UE, jiġbdu l-attenzjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) lejn is-sitwazzjoni tan-nisa mingħajr dokumenti u sabiex matul l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' inklużjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, jikkunsidraw aktar minn qabel lil dawn in-nisa;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw kampanji ta’għarfien madwar l-UE biex jedukaw lill-migranti nisa mingħajr dokumenti dwar id-drittijiet tagħhom;

32.

Jitlob, fil-kuntest ta' sforzi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni permezz ta' għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiż tal-oriġini tal-migranti, li jkun hemm enfasi fuq l-edukazzjoni u d-drittijiet tan-nisa;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed persunal ta' kuntatt, professjonisti tal-kura, uffiċjali, assessuri u persunal ieħor femminili; jitlob tali miżuri għall-fini li jiġu rispettati reliġjonijiet u kulturi oħra u għall-ħtieġa ta' protezzjoni mid-diskriminazzjoni;

o

o o

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.

(3)  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(4)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(5)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(6)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 25.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013)0328.

(8)  

l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE.

(9)  Fejn migranti mingħajr dokumenti jiġu arrestati u identifikati mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u tinħarġilhom deċiżjoni ta’ tneħħija li mbagħad tiġi posposta iżda ma jkollhom l-ebda dokumenti li jikkonfermaw l-posponiment tad-deċiżjoni tat-tneħħija.

(10)  Premessa 10 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità.


Top