EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE4902

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-innovazzjoni soċjali, in-netwerking u l-komunikazzjoni diġitali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 13, 15.1.2016, p. 104–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-innovazzjoni soċjali, in-netwerking u l-komunikazzjoni diġitali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/16)

Relatur:

is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-innovazzjoni soċjali, in-netwerking u l-komunikazzjoni diġitali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, vot 1 (wieħed) kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-innovazzjoni soċjali u n-netwerks kollaborattivi għandhom jintużaw bis-sħiħ għall-ixprunar u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u, b’mod ġenerali, tas-soċjetà ċivili, fl-iżvilupp u l-ġestjoni tal-politiki tal-Unjoni, permezz ta’ proġetti mifruxin, kollettivi u minn isfel għal fuq li jsaħħu demokrazija iżjed diretta.

1.2.

L-aċċess universali għat-teknoloġiji ġodda inġenerali u, b’mod partikolari, għall-broadband, għandu jibqa’ jkun prijorità tal-Unjoni Ewropea, u għandu jitqies bħala servizz ta’ interess ġenerali li għandu jsib soluzzjoni għad-distakk diġitali u għall-konsegwenzi relatati mal-esklużjoni soċjali li dan iwassal għalih.

1.3.

It-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bl-appoġġ tal-innovazzjoni soċjali u l-użu tan-netwerks kollaborattivi, għandhom jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin u ta’ kwalità tajba billi jappoġġjaw dawk il-proġetti li huma orjentati lejn il-ħolqien ta’ intrapriżi innovattivi u inizjattivi li jippermettu li jitnaqqsu r-rati attwali tal-qgħad.

1.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jissaħħaħ it-taħriġ diġitali. Hemm bżonn ta’ taħriġ sod li jinkludi tagħlim adegwat fis-sistema edukattiva u li jiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom il-kapaċitajiet meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur. Jinħtieġ taħriġ permanenti għall-ħaddiema li jikkwalifikahom fl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fis-suq tax-xogħol. Jinħtieġ ukoll taħriġ li jiżgura tagħlim tul il-ħajja u jevita l-esklużjoni ta’ gruppi iżjed vulnerabbli.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Huwa jappoġġja l-inizjattivi ewlenin tagħha “Unjoni ta’ Innovazzjoni” u “Aġenda Diġitali”, u jappoġġja wkoll il-miżuri meħtieġa biex tinkiseb sinerġija bejniethom li tippermetti li jsir progress fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali. Għalhekk iqis importanti li dawn l-għanijiet jiġu integrati fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u jiġi segwiti fis-Semestru Ewropew. Huwa iqis fundamentali wkoll li, flimkien mal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali tkun involuta fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

1.6.

Il-KESE jitlob li l-innovazzjoni soċjali b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-bażi tan-netwerks soċjali u l-ħidma kollaborattiva jwasslu għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi li jikkontribwixxu għal integrazzjoni aħjar tal-persuni b’diżabbiltà, billi jagħtuhom l-ogħla livell ta’ awtonomija u parteċipazzjoni possibbli, u jagħmluha possibbli li jegħlbu l-isfidi speċifiċi li jeħtieġ li jiġu megħluba sabiex jitneħħa kwalunkwe ostaklu li jwassalhom għad-diskriminazzjoni.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jippromovu t-tisħiħ tal-kapaċità u l-użu tal-ambjenti diġitali essenzjali, jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ spazji li fihom jiġu stabbiliti konnessjonijiet innovattivi orizzontali għall-iżvilupp vijabbli tagħhom, b’mod li titħaddem fil-prattika l-ekwazzjoni “innovazzjoni soċjali + ħidma kollaborattiva + komunikazzjoni diġitali” u jiffaċilitaw u jippromovu l-aċċess f’ħin reali, u b’mod rapidu u sigur.

1.8.

Huwa jħeġġeġ ukoll lill-Unjoni Ewropea sabiex, fil-qafas tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), tiffinanzja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq inizjattiva tas-soċjetà ċivili, u li jiġu żviluppati permezz tan-netwerks soċjali u l-ħidma kollaborattiva bil-kundizzjoni li l-għanijiet tagħhom ikunu orjentati lejn l-interess ġenerali u jilħqu l-potenzjal tagħhom ta’ impjegabbiltà u integrazzjoni.

1.9.

Fil-prattika, il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi politika ċara u konkreta dwar l-innovazzjoni soċjali u l-aċċess taċ-ċittadini għat-teknoloġiji l-ġodda, li twassal f’inizjattivi li jġibu benefiċċji kondiviżi fost l-abitanti. Dan għandu jsir b’konformità mal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea (1). Għandu jiżdied ukoll l-investiment fit-talent uman u jiġi promoss ukoll il-ftuħ ta’ swieq imsejsa fuq għarfien li jippromovi l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u ċ-ċittadini.

1.10.

Fil-qosor, hemm bżonn ta’ pakkett ta’ investimenti sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni soċjali abbażi tal-iżvilupp teknoloġiku, il-promozzjoni tar-riċerka kollaborattiva żviluppata b’mod konġunt u multidixxiplinari, il-promozzjoni tal-aċċess għall-għarfien ġdid u t-tisħiħ istituzzjonali permezz tad-demokrazija diretta li hija posisbbli permezz ta’ dawn l-għodod ġodda ta’ parteċipazzjoni f’netwerk u ta’ komunikazzjoni diġitali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Din l-opinjoni għandha l-għan li tivvaluta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-innovazzjoni soċjali tibbenefika bis-sħiħ mill-ICT, fl-interess tal-ġid komuni, u titlob l-implimentazzjoni ta’ miżuri favur l-iffaċilitar diġitali u ta’ pjattaformi għall-promozzjoni ta’ relazzjonijiet onlajn u l-iżvilupp ta’ interazzjonijiet sinerġetiċi. Fost l-approċċi meħtieġa għal dan l-għan jista’ jsir studju tal-istrutturi tan-netwerk u kif dawn għandhom jiġu aġġustati għall-pedamenti tal-kultura organizzattiva.

2.2.

L-ekwazzjoni “innovazzjoni soċjali + ħidma kollaborattiva + komunikazzjoni diġitali” tqajjem il-mistoqsija dwar kif insibu l-proċessi u l-għodod adatti ta’ dawn it-termini b’mod li r-riżultati mixtieqa jiġu żviluppati b’mod effiċjenti.

2.3.

L-oqsma li ġejjin huma fundamentali: l-edukazzjoni (tagħlim kollaborattiv), it-taħriġ (il-pjattaformi MOOC jew Moodle), is-saħħa elettronika (apparat għas-sorveljanza tas-saħħa), il-ħolqien tal-impjieg (akkwist elettroniku), l-intraprenditorija soċjali, il-loġistika u t-trasport, is-sigurtà tal-ikel u tal-prodotti, l-amministrazzjoni elettronika u s-servizzi pubbliċi (il-votazzjoni elettronika), id-demokrazija ekonomika (crowdfunding, munita alternattiva) u l-parteċipazzjoni soċjali.

2.4.

Fil-kuntest attwali, is-sinifikat tal-innovazzjoni soċjali jingħata attenzjoni partikolari f’oqsma bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali, ir-responsabbiltà komuni u ċ-ċittadinanza parteċipattiva, l-etika intraprenditorjali u r-responsabbiltà soċjali korporattiva, u d-demokrazija diretta u l-amministrazzjoni elettronika, fost oqsma oħra.

2.5.

Għal darb’oħra, il-KESE (2) jtenni l-importanza li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod li jinkludi l-aċċess għall-Internet permezz tal-broadband, u b’hekk mhux biss tiġi indirizzata l-esklużjoni ġeografika iżda wkoll l-esklużjoni soċjali, sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jitnaqqas id-distakk diġitali u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Barra minn hekk, l-UE għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet qafas għal suq uniku tal-big data u l-cloud computing, b’tali mod li tiġi promossal-innovazzjoni soċjali.

3.   It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni soċjali fil-kuntest diġitali attwali

3.1.

In-netwerks tal-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni diġitali jaqdu rwol importanti fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali. Iżda, il-kunċett tal-innovazzjoni soċjali għadu fil-bidu tiegħu; madankollu, l-iżjed definizzjoni użata ta’ spiss hija dik tar-rapport tal-BEPA, li hija din li ġejja:

L-innovazzjoni soċjali hija innovazzjoni li tkun soċjali kemm fil-finijiet kif ukoll fil-mezzi tagħha. Tiġi kkomplementata minn dan li ġej: speċifikament, l-innovazzjonijiet soċjali huma definiti bħala ideat ġodda (prodotti, servizzi u mudelli) li fl-istess ħin jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali (b’mod aktar effettiv mill-alternattivi) u joħolqu relazzjonijiet soċjali jew kollaborazzjonijiet ġodda. Fi kliem ieħor, l-innovazzjonijiet mhux biss huma tajbin għas-soċjetà, iżda jtejbu wkoll il-kapaċità tas-soċjetà sabiex taġixxi (3). Għalhekk, bażikament hija definita mill-perspettiva tas-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet soċjali kumplessi u mhux sodisfatti, fil-qafas tal-politiki tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali.

3.2.

Il-komponenti prinċipali tal-proċess tal-innovazzjoni soċjali huma: l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet soċjali ġodda u mhux sodisfatti jew mhux magħrufa biżżejjed; l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda bi tweġiba għal dawn il-ħtiġijiet soċjali; il-valutazzjoni ta’ kemm huma effettivi s-soluzzjonijiet ġodda bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali; u t-tixrid ta’ innovazzjonijiet soċjali effettivi. Barra minn hekk, l-inizjattivi tal-innovazzjoni soċjali huma marbuta mill-qrib ma’ pakkett ta’ miżuri ta’ investiment soċjali, fejn isir investiment fl-individwu b’enfasi speċjali fuq l-għomor tal-ħajja u l-kura preventiva.

3.3.

Huwa importanti li tiġi eżaminata r-rabta bejn il-proċessi ta’ kollaborazzjoni li joffru t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-hekk imsejħa innovazzjoni soċjali u li jiġu diskussi l-benefiċċji mħabbra għaċ-ċittadini u s-soċjetà. Il-komponenti prinċipali jistgħu jitqassru kif ġej:

(a)

huma proċessi kollaborattivi ta’ parteċipazzjoni mifuħa taċ-ċittadini li jixtiequ dan;

(b)

l-għan tagħhom huwa t-titjib u t-tibdil soċjali;

(c)

jimplikaw il-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet u t-tressiq ta’ proposti ta’ natura trasversali;

(d)

jirrappreżentaw soluzzjonijiet li ma jkunux ġew ittestjati qabel;

(e)

jiġġeneraw it-tagħlim, jiffaċilitaw l-impenn u jwasslu għal tibdil li jħalli impatt fil-lvell lokali u jiffukaw fuq erba’ aspetti:

il-parteċipazzjoni tal-atturi lokali ggwidata mill-prinċipju tas-sussidjarjetà;

is-sehem u l-impenn taċ-ċittadini;

ir-rwol speċifiku tas-soċjetà ċivili u l-ekonomija soċjali;

il-proċess minn isfel għal fuq.

3.4.

Għalhekk, l-innovazzjoni fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ soluzzjonijiet tissejjes fuq it-tip ta’ relazzjonijiet stabbiliti bejn l-atturi involuti fl-iżvilupp tagħha, jiġifieri fil-fażijiet tat-tfassil, tal-proċessi jew ta’ żvilupp; l-innovazzjoni għandha tikkunsidra r-rwol li għandhom jaqdu l-atturi soċjali li huma rappreżentattivi u li jistgħu joħolqu dritt kuntrattwali.

3.5.

Kif diġà indika l-KESE, għandu jinkiseb bilanċ aħjar bejn l-indikaturi ekonomiċi u soċjali meta jitwettaq il-kejl tal-progress soċjali (4). Għandha tintuża l-loġika tal-kejl tal-progress soċjali, b’bilanċ bejn il-miżuri kwalitattivi u dawk kwantitattivi, b’perspettiva fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, u fil-kuntest ta’ sistema bilanċjata u trasparenti ta’ governanza, b’indikaturi tekniċi u soċjoekonomiċi ċari.

3.6.

Bil-għan li jkunu jistgħu jiġu analizzati soluzzjonijiet ġodda għall-problemi u l-isfidi tas-soċjetà tal-lum, jeħtieġ li jsir l-aqwa użu mill-kreattività u t-talent ta’ kulħadd – mil-lat orizzontali u trasversali – b’mod olistiku; fi kliem ieħor, ir-riżultat aħħari għandu jkun iżjed mis-somma tal-partijiet individwali, kif ukoll għandha tiġi żgurata l-aqwa kosteffiċjenza possibbli. Indubbjament, dan il-prerekwiżit jiġi ssodisfat bl-aħjar mod mill-intelliġenza kollettiva u l-ħolqien konġunt fi ħdan netwerks kollaborattivi.

3.7.

L-innovazzjoni soċjali tinħoloq biex tindirizza l-ħtiġijiet mhux issodisfati tas-soċjetà jew sfidi soċjali kumplessi, u tolqot ambiti u strumenti differenti, pereżempju:

a)

ambiti

it-titjib tad-demokrazija, b’mod partikolari d-demokrazija parteċipattiva;

l-inklużjoni soċjali;

l-ekonomija soċjali;

il-konsum kollaborattiv;

l-open data, l-open source u l-open hardware;

it-teknoloġija li tintlibes;

il-pjattaformi għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini;

l-innovazzjoni soċjali diġitali bbażata fuq l-effett ta’ netwerk;

b)

strumenti

ir-riintegrazzjoni tal-gruppi esklużi;

it-tħeġġiġ ta’ mġiba u stili ta’ ħajja sostenibbli permezz tal-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tas-sostenibbiltà tal-għażliet tal-konsumaturi rigward l-enerġija, l-ambjent u s-saħħa;

il-ksib tal-opinjoni pubblika biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar (fil-livell personali jew istituzzjonali);

iż-żieda fil-fiduċja fl-istatistika ġġenerata b’mod kollettiv;

l-użu tas-sensibilizzazzjoni kollettiva tas-sitwazzjonijiet ambjentali u soċjali biex jitħeġġu politiki iżjed effettivi jew biex jinħolqu mudelli ġodda għall-ekonomija, is-soċjetà u d-demokrazija;

l-iżvilupp ta’ approċċi alternattivi ta’ kooperazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi u jittejbu s-servizzi pubbliċi, iż-żoni urbani, id-demokrazija u l-Internet dwar bażijiet miftuħa tad-data;

il-ħolqien ta’ rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-opportunità li jagħmlu affarijiet flimkien, b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ privatezza u inklużjoni;

il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni kollettiva dwar l-isfidi ambjentali;

it-tneħħija tal-ostakli kollettivi għall-inklużjoni;

l-esperimentazzjoni ta’ forom kollettivi ġodda ta’ kreattività u kooperazzjoni;

l-iżgurar li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jivvalutaw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjattaformi ta’ sensibilizzazzjoni kollettiva.

3.8.

Attwalment, il-kapaċità li l-għarfien jiġi kondiviż tista’ tgħin fil-ħolqien ta’ innovazzjonijiet li jikkompletaw il-politika soċjali. Hawnhekk, it-teknoloġija diġitali tista’ taqdi rwol importanti sabiex jiġu appoġġjati l-innovazzjonijiet soċjali li għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni.

3.9.

Għaldaqstant, għandhom jitneħħew l-ostakli għall-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni soċjali b’mod li jiġu stabbiliti ambjent u kultura li jħeġġu l-innovazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu u jappoġġjaw ir-rwoli speċifiċi tal-atturi differenti (fondazzjonijiet, kooperattivi, assoċjazzjonijiet, impriżi mutwi, fondi tal-assigurazzjoni, SMEs u intrapriżi oħrajn tal-ekonomija soċjali, eċċ.) bħala msieħba u fornituri tas-servizzi (5).

4.   Netwerks ta’ ħidma kollaborattiva

4.1.

In-netwerks ta’ kollaborazzjoni huma magħmulin minn grupp ta’ persuni li jipprovdu kontribut intellettwali għal proġett partikolari b’għan komuni għal grupp partikolari. Huma jiffunzjonaw bħala moħħ wieħed (“moħħ globali”), entità unika magħmula minn miljuni ta’ ċelloli li jiġġeneraw l-ideat, li jiffaċċja sfidi f’oqsma bħal-lingwa u l-komunikazzjoni. Il-fenomenu tal-Internet, flimkien ma’ fatturi oħra, wassal għal firxa wiesgħa ta’ proġetti komuni u netwerks ta’ kollaborazzjoni, iżda jeħtieġ li din l-opportunità teknoloġika tingħata skop sod li jaqdi l-ġid komuni.

4.2.

L-innovazzjoni soċjali tista’ tibbenefika mill-użu tal-għodod u n-netwerks diġitali ġodda sabiex tikseb aħjar il-missjoni tagħha, bħas-servizzi għall-persuni mdaħħlin fl-età f’żoni remoti, eċċ.

4.3.

L-avvenimenti, id-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-individwi jeżistu f’kuntest kondiviż, spazju diġitali ġdid fejn jikkoinċidu f’ħin reali biex jiġġeneraw intelliġenza kollettiva.

4.4.

L-intelliġenza kollettiva hija tip ta’ proċess emerġenti li fi ħdanu l-koordinazzjoni ta’ bosta ħiliet intelliġenti twassal għal soluzzjoni li ma kenitx tinkiseb b’mod individwali jew separat. Għalhekk, l-intelliġenza multipla tieħu l-forma ta’ azzjoni sinerġetika ta’ bosta talenti kkoordinati. Il-muftieħ huwa kif tiġi żviluppata intelliġenza kollettiva b’mod li l-aspett kollettiv isir kreattiv u, b’hekk, ikunu jistgħu jitnedew proċessi ta’ innovazzjoni u tibdil soċjali permezz ta’ pjattaformi li jappoġġjaw dawn l-iżviluppi kollaborattivi.

4.5.

Dawn in-netwerks ta’ kollaborazzjoni jilħqu l-għanijiet tagħhom ħafna iżjed malajr milli jista’ kwalunkwe grupp organizzat ta’ natura finita, hi x’inhi l-istruttura u l-funzjonament tiegħu, billi jfittxu talent barra l-organizzazzjoni u b’hekk iwasslu għal innovazzjoni miftuħa, demokratika, mifruxa u mmexxija mill-komunità.

4.6.

Jeżistu żewġ kundizzjonijiet bażiċi għall-iskambju tal-għarfien mill-individwi: is-simmetrija tal-istennijiet u l-asimmetrija tal-għarfien. It-trawwim tal-istennijiet komuni u l-ikkompletar tal-għarfien differenti jgħinu biex jinbnew netwerks ta’ kollaborazzjoni.

4.7.

Madankollu, kwalunkwe tip ta’ netwerk ta’ kollaborazzjoni u ta’ ħidma kollaborattiva jittratta tliet kategoriji ta’ theddid li għandhom jiġu kkunsidrati: il-“free riding” (ir-relazzjonijiet jiddependu minn kemm il-kontributi huma ekwi); il-prattika interessata tal-“crowdfunding” (6); u, fl-aħħar nett, il-konġura. Din l-aħħar problema turi r-rwol tal-fiduċja f’dan il-qasam ta’ kooperazzjoni.

4.8.

In-netwerks jitwaqqfu bis-saħħa tal-fiduċja li, min-naħa tagħha, tirrappreżenta l-istennija li jkun hemm impenn u tweġiba u l-kompetenza tal-persuni li ssir il-kollaborazzjoni magħhom. Fiduċja sħiħa u kontinwa timplika reputazzjoni stabbli li tipproteġi kontra l-konġura tan-netwerk. Ma hemmx fiduċja mingħajr is-sigurtà tan-netwerks, u din tiddependi minn liġi ġusta għal kulħadd u mill-kontroll. Is-sigurtà tinbet mir-rispett tal-etika fl-għanijiet stabbiliti u fil-funzjonament tan-netwerk, fil-kundizzjonijiet tal-ħolqien u l-għajbien tan-netwerk li għandhom jiġu previsti u ddikjarati pubblikament, kif ukoll mir-rispett tad-drittijiet fundamentali li għandhom iħaddnu wkoll id-dritt għat-tħassir tad-data.

4.9.

Fl-aħħar nett, is-sekwenza tal-proċessi li ġejjin – l-iżvilupp ta’ strutturi ta’ xogħol orizzontali, l-interazzjoni onlajn u l-emerġenza tal-pjattaformi – twassal għall-kreattività u l-innovazzjoni soċjali permezz ta’ mudell eteroġenju kkaratterizzat mill-ftuħ, l-orizzontalità u t-tixrid, mingħajr ma jiġi injorat ir-rwol kruċjali tal-konnetturi li jagħmluha possibbli li jitressqu u jiġu orjentati l-ideat u l-proġetti, kif ukoll li jiġu promossi dawn il-forom ġodda ta’ organizzazzjoni b’mod li tittieħed azzjoni.

4.10.

Il-pjattaforma onlajn tissawwar bħala format li fi ħdanu jistgħu jitħeġġu l-proċessi ta’ intelliġenza kollettiva li jrawmu mudell li jirrispetta l-identitajiet individwali. L-użu tal-Internet kien il-mument deċiżiv ta’ bidla, mhux biss minħabba d-demokratizzazzjoni tal-mudell tal-komunikazzjoni, iżda wkoll minħabba l-konnetturi li, abbażi tal-kultura diġitali, jinkoraġġixxu mudell alternattiv ta’ organizzazzjoni.

5.   Il-komunikazzjoni diġitali bħala għodda għall-innovazzjoni soċjali permezz tan-netwerks kollaborattivi

5.1.

Il-komunikazzjoni diġitali tagħmilha possibbli li nivviżwalizzaw il-koresponsabbiltà taċ-ċittadini, l-intelliġenza kollettiva u l-ħidma kollaborattiva, li jipprovdu ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ ekonomija kollaborattiva msejsa fuq il-ġid komuni.

5.2.

Il-KESE diġà osserva (7) li n-netwerks soċjali jistgħu jippromovu ċ-ċittadinanza diġitali responsabbli u għandhom jiggarantixxu li ċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fl-ambjent diġitali b’mod effettiv, bħal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza, l-esiġenza ta’ trasparenza u servizzi tal-Internet ta’ kwalità deċenti.

5.3.

Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti negattivi tan-netwerks soċjali u jiġu impediti r-riskji li jġibu magħhom, filwaqt li fl-istess ħin tinġibed l-attenzjoni għall-opportunitajiet u s-sinerġiji li jiġġeneraw sabiex jitrawwem użu responsabbli u intelliġenti fi ħdan suq diġitali uniku.

5.4.

L-Unjoni Ewropea għandha tieqaf tkun biss utent diġitali u ssir kreatriċi u produttriċi tal-kontenut ukoll, biex b’hekk tippromovi t-talent, u fost il-prijoritajiet tagħha jkun hemm l-informazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni u li tiżgura aċċess għas-soċjetà diġitali.

5.5.

B’rabta mal-konsumaturi, huwa importanti li dawn jingħataw linji gwida adatti, l-iżjed f’oqsma bħall-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni tad-data, l-analiżi tar-riskji marbutin mad-data personali u l-għodod u l-inizjattivi li jtejbu s-sensibilizzazzjoni, peress li dawn l-għodod diġitali jistgħu jgħinu biex jikkontrollaw u jipproteġu aħjar id-data tagħhom.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Sors: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1044&langId=mt

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-aċċess għal servizz b’veloċità għolja għal kulħadd: riflessjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-firxa tas-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika” (ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8).

(3)  Sors: http://ec.europa.eu/archives/bepa/pdf/publications_pdf/social_innovation.pdf

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kejl tal-impatt soċjali” (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 18).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali”, (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 88).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 69).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali” (ĠU C 351, 15.11.2012, p. 31).


Top