Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0440

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PLAN TA' AZZJONI EKOLOĠIKU GĦALL-SMEs Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju

/* COM/2014/0440 final */

52014DC0440

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PLAN TA' AZZJONI EKOLOĠIKU GĦALL-SMEs Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju /* COM/2014/0440 final */


Introduzzjoni u kuntest

Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014 aċċenna għall-fatt li l-Ewropa għandha bżonn bażi industrijali b'saħħitha u kompetittiva, f'termini tal-produzzjoni kif ukoll tal-investiment, bħala xprunatur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. L-effiċjenza fir-riżorsi[1] hija waħda mill-ixprunaturi ewlenin tal-kompetittività tal-kumpaniji għaliex kif ġie rapportat il-kumpaniji Ewropej tal-manifattura bħala medja jonfqu 40% tal-ispejjeż tagħhom fuq materja prima, fejn l-enerġija u l-ilma jgħollu dan il-perċentwal għal 50% tal-ispejjeż totali tal-manifattura, imqabbla ma' sehem ta' 20% għall-ispejjeż lavorattivi.[2] Il-Kunsill Ewropew ulterjorament talab għal sforzi sostnuti għall-moderazzjoni tal-ispejjeż tal-enerġija mġarrba mill-utenti aħħarin tal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' investiment sostnut fl-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni min-naħa tad-domanda matul il-katina tal-valur kollha u fl-istadju tar-R&Ż.

It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi verament jirrikjedi l-ikkombinar ta' approċċ tal-katina tal-valur bl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi kumplessi fil-livell tal-kumpaniji. Huwa stmat li t-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi matul il-katini tal-valur kollha jista' jnaqqas l-inputs tal-materjali meħtieġa bi 17%-24% sal-2030[3]. Barra minn hekk, bħalissa fl-UE 60% tal-iskart totali mhux qed jiġi riċiklat, kompost jew użat mill-ġdid,[4] u dan jindika telf enormi ta' riżorsi rikki u opportunitajiet sinifikanti għall-impriżi żgħar u medji (SMEs)[5] li jistgħu japplikaw u jbigħu prodotti, servizzi u soluzzjonijiet ekoloġiċi. L-opportunitajiet tan-negozju jistgħu wkoll jinħolqu mill-integrazzjoni ta' mudelli tan-negozju iktar ċirkolari u l-eżistenza ta' teknoloġiji ekoloġiċi u SMEs futuri fis-setturi kollha, inkluż is-servizzi.

L-Istrateġija tal-Ewropa 2020 tispjega l-prijorità tal-UE li ssir ekonomija sostenibbli u li tiffissa għanijiet ambizzjuzi għal azzjoni klimatika u l-effiċjenza enerġetika.  L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA)[6] aċċenna għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet. Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku (GAP) jagħti direzzjoni ċara u qafas dwar kif l-UE, fi sħubija mal-Istati Membri u r-reġjuni, għandha l-intenzjoni li tgħin l-SMEs jisfruttaw l-opportunitajiet tan-negozju li t-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika[7] toffri.  Din l-inizjattiva tippreżenta b'mod konkret serje ta' azzjonijiet proposti fil-livell Ewropew orjentati lejn l-SMEs ġodda jew riveduti. GAP jimmira li (1) itejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi għall-SMEs Ewropej, (2) jappoġġa l-intraprenditorja ekoloġika, (3) jisfrutta l-oppotunitajiet ta' katini tal-valur iktar ekoloġiċi, u (4) jiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs ekoloġiċi.[8] Huwa ppreżentat bħala kumplimentari għall-Komunikazzjoni Inizjattiva tal-Impjiegi Ekoloġiċi. – Nieħdu vantaġġ mill-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, li tipproponi pjan direzzjonali biex jappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi madwar l-UE, u għall-Komunikazzjoni Opportunitajiet Effiċjenti fir-Riżorsi fis-Settur tal-Bini kif ukoll għall-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u r-Reviżjoni tal-Miri tal-Iskart.

Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jimmira li jikkontribwixxi għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa kif issuġġeriet il-Komunikazzjoni tar-Rinaxximent Industrijali Ewropew (COM (2014) 14) u appoġġatta mill-Kunsill Ewropew, billi titjieb l-kompetittività tal-SMEs u jiġu appoġġati l-iżviluppi tan-negozji ekoloġiċi madwar ir-reġjuni Ewropej kollha, notevolment minħabba l-fatt li, f'dan l-istadju, jeżistu differenzi sinifikanti fl-effiċjenza fir-riżorsi bejn is-setturi u l-Istati Membri.

Il-Pjan ta' Azzjoni jibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekoinnovazzjoni (EcoAP)[9], li jipprovdi struzzjonijiet għall-politika tal-ekoinnovazzjoni u l-finanzjament taħt l-umbrella tal-istrateġija Ewropa 2020. Għadd ta' azzjonijiet u strumenti għall-EcoAP huma rilevanti ħafna għall-SMEs. L-eżempji jinkludu t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, l-Osservatorju tal-Ekoinnovazzjoni, il-Forum Ewropew dwar l-Ekoinnovazzjoni, l-Isħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni u strumenti finanzjarji għall-ekoinnovazzjoni taħt Orizzont 2020. Għalhekk l-azzjonijiet li jidhru fil-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku u l-EcoAP huma kumplimentari u jiġġeneraw sinerġiji importanti. Matul l-istadju ta' implimentazzjoni se tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-EcoAP u l-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku.

Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jiffoka fuq azzjonijiet fil-livell Ewropew li huma mfassla biex jiffittjaw ma', u jirrinforzaw, l-inizjattivi 'ekoloġiċi' eżistenti biex jappoġġa lill-SMEs fil-livelli nazzjonali u reġjonali.[10] Dan ġie abbozzat permezz ta' konsultazzjoni ma' kontendituri fl-Istati Membri li huma attivi f'dan il-qasam, u se jiġi implimentat f'kooperazzjoni magħhom. Ħafna mill-Istati Membri u ħafna reġjuni għandhom organizzazzjonijiet u strumenti dedikati mhux biss permezz tal-finanzjament tal-Politika Reġjonali li tipprovdi appoġġ lill-SMEs fl-oqsma li huma soġġetti għal dan il-Pjan ta' Azzjoni. Tali azzjonijiet jinkludu l-forniment ta' informazzjoni, il-bini tal-kapaċità, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u n-netwerking, il-finanzjament dirett, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament, eċċ.

Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jissettja serja ta' għanijiet u jelenka azzjonijiet li se jiġu implimentati fil-livell Ewropew fil-qafas tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.[11] L-azzjonijiet kollha huma ġodda jew verżjonijiet riveduti tal-azzjonijiet preċedenti li issa jikkunsidraw il-potenzjal għan-negozji tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-aċċess għas-swieq ekoloġiċi.[12] L-azzjonijiet jikkunsidraw ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku li seħħet fl-aħħar tliet xhur tal-2013.[13]

L-informazzjoni konkreta dwar l-azzjonijiet li jidhru f'din il-Komunikazzjoni, b'referenza għall-programmi li jappoġġawhom, bħall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, COSME, Orizzont 2020, Erasmus+, LIFE jew l-Istrument ta' Sħubija, se jittellgħu puntwalment fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija[14]:

http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcm3vue.cec.eu.int:8080/enterprise/policies/sme/public- consultation-green-action-plan/index en.htm

I. L-SMEs isiru iktar ekoloġiċi għal iktar kompetittività u sostenibbiltà

It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi fl-SMEs joffri potenzjal enormi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u għall-gwadanji tal-produttività. Użu aħjar tar-riżorsi għandu jiġi kkalkulat  biex jirrapreżenta potenzjal ta' tfaddil kumplessiv ta' EUR 630 biljun kull sena għall-industrija Ewropea.[15] Hemm ftit wisq SMEs fl-Ewropa li huma konxji minn dan il-potenzjal. Barra minn hekk, l-SMEs ma humiex appoġġatti b'mod suffiċjenti biex jirrealizzaw it-tfaddil pontezjali tal-ispejjeż permezz ta' effiċjenza fir-riżorsi aħjar. Dan mhux biss jaf iwassal għat-twessigħ fid-disparità tal-produttività fl-Ewropa bejn kumpaniji li jagħmlu titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi u dawk li ma jagħmlux titjib, iżda wkoll idgħajjef il-kompetittività globali tal-azjendi Ewropej kif ukoll l-opportunitajiet ta' ħafna SMEs biex jippożizzjonaw lilhom infushom fil-katini tal-valur globali.

Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs?

L-SMEs Ewropej huma ġeneralment konxji li hu importanti li jkunu effiċjenti fir-riżorsi ladarba 75% tal-SMEs fl-UE raw żieda fl-ispejjeż tal-materjali tagħhom fl-aħħar ħames snin. Mill-inqas 93% tal-SMEs fl-UE qed jieħdu mill-inqas azzjoni waħda biex isiru iktar effiċjenti fir-riżorsi u f'ħafna mill-każijiet din hi azzjoni ta' spiża baxxa. Madankollu, 42% biss tal-SMEs li jimplimentaw miżuri biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi raw tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom.[16] Dan jindika n-neċessità li tiġi fornuta gwida lill-SMEs dwar il-kosteffettività tal-investimenti tal-effiċjenza fir-riżorsi.

Barra minn hekk, hemm differenzi kbar bejn il-livelli tal-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-manifattura fost l-Istati Membri. L-użu tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart għal tip speċifiku ta' produzzjoni jvarjaw ħafna bejn il-kumpaniji tal-manifattura fil-pajjiżi differenti Ewropej.[17]

It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi jirrikjedi għarfien speċjalizzat li normalment ma jkunx disponibbli fl-SMEs, li għalhekk jeħtieġu konsultazzjoni biex jagħrfu l-potenzjal tal-benefiċċji fit-tul tal-innovazzjoni tal-proċessi tagħhom u l-organizzazzjoni biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi. Barra minn hekk, l-SMEs li jkunu qed ifittxu finanzjament għal investimenti kbar minn qabel għall-effiċjenza fir-riżorsi jsibu, f'xi każijiet, li l-intermedjarji finanzjarji jikkunsidraw dan id-dominju bħala wieħed ta' riskju għoli. Għalhekk, huma importanti li l-ewwel nett l-SMEs jiġu mħeġġa jfittxu konsultazzjoni dwar l-effiċjenza fir-riżorsi xierqa, permezz ta' kampanji tan-negozju orjentanti lejn l-SMEs u t-tieni nett jiġu pprovduti b'konsultazzjoni ta' dan it-tip fir-reġjuni tagħhom.

Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. L-SMEs Ewropej jiġu fornuti b'informazzjoni prattika, konsultazzjoni u appoġġ dwar kif jistgħu itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom f'manjiera kosteffetiva:

§ Iċ-Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi, li se jiġi stabbilit fl-2015 u se jibni fuq l-esperjenza ppruvata biex jappoġġa l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Istati Membri, se jikkonsulta u jassisti lill-SMEs li jkunu qed ifittxu li jtejbu l-prestazzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom direttament u permezz ta' netwerk ta' sħab madwar ir-reġjuni Ewropej, u se jsir punt ta' referenza dwar l-effettività u l-kosteffettività ta' tipi differenti ta' titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi madwar l-UE. Iċ-Ċentru se jipprovdi wkoll informazzjoni dwar strateġiji, programmi u azzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-appoġġ għall-SMEs, u fejn jixraq, jirreferi lill-SMEs għalihom.

§ L-Ewrobarometru dwar "SMEs, effiċjenza fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi" se jivvaluta x-xejriet tal-effiċjenza fir-riżorsi fost l-SMEs madwar l-Ewropa u l-USA, biex jiggwida l-iżviluppi ulterjuri fil-politika f'dan il-qasam.

§ L-Enterprise Europe Network (EEN)[18] se jiġi mħeġġeġ (1) jorganizza Kampanja Ewropea dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi b'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni (informazzjoni dwar is-siti tal-internet tagħhom, social media, preżentazzjonijiet waqt avvenimenti (ta' netwerk eżistenti), avvenimenti B2B) biex jinforma lill-SMEs dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet pożittivi offruti mill-effiċjenza fir-riżorsi, u (2) jipprovdi servizzi ta' konsulenza dwar l-effiċjenza fir-riżorsi lill-SMEs.

§ L-Awtoritajiet Amministrattivi tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment se jiġu appoġġati mill-Kummissjoni fit-tħeġġiġ ta' proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u fl-ippubblikar tal-opportunitajiet tan-negozju għas-swieq ekoloġiċi, speċjalment billi jagħmlu demostrazzjoni ta' eżempji u għodod li kellhom suċċess minn madwar l-UE.

2. Jiġu appoġġati l-mekkaniżmi ta' trasferiment teknoloġiku effiċjenti għal teknoloġiji ekoloġiċi

§ Il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi hija prijorità għolja għat-tkabbir tal-SMEs fl-ekonomija ekoloġika. Għalhekk, il-bażi tad-dejta tat-trasferiment teknoloġiku tal-Enterprise Europe Network (EEN), b'iktar minn 23,000 profil, se tkompli taġġorna l-klassifikazzjoni tal-kliem ewlieni li jiddeskrivi l-effiċjenza u t-teknoloġiji marbuta mal-klima biex iqabbel aħjar id-domanda u l-provvista fost il-klijenti tal-SMEs.

§ Barra minn hekk, is-sħab tal-EEN se jiġu mistiedna biex jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gruppi differenti tas-settur li għandhom x'jaqsmu mal-effiċjenza fir-riżorsi biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u t-trasferiment tal-aħjar prattika.

3. Jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għal titjib marbut mar-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika fl-SMEs

§ Diversi siti tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea orjentati lejn l-SMEs se jiġu aġġornati biex juru aħjar l-informazzjoni ambjentali disponibbli, il-finanzjament disponibbli tal-UE għall-effiċjenza fir-riżorsi kif ukoll l-appoġġ mhux finanzjarju disponibbli għall-SMEs.

§ Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) se jipprovdi finanzjamenti permezz ta' intermedjarji finanzjarji għal titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi marbut mas-servizzi tal-ekosistema u l-adattament għat-tibdil fil-klima mal-Faċilità Finanzjarja ta' Kapital Naturali (NCFF).

§ L-istrumenti tal-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) jistgħu jappoġġaw lill-SMEs u lil kumpaniji ikbar ta' kapital medju, fost l-oħrajn, dawk li jwettqu investimenti żgħar effiċjenti għall-enerġija, u li huma kapaċi jużaw tfaddil enerġetiku biex iroddu lura s-self tal-bidu.

§ Se jiġu stabbiliti netwerk u komunità ta' finanzjaturi u investituri pubbliċi u privati li jappoġġaw l-innovazzjoni ekoloġika.

§ Għall-perjodu 2014-2020 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) se jappoġġaw il-kompetittività tal-SMEs, inkluż it-titjib tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi għaliex dawn huma elenkati bħala prijoritajiet tal-investiment. Għalhekk, tali investimenti jistgħu jintgħażlu mill-Istati Membri u r-reġjuni għall-finanzjament tal-FEŻR u FEMS.

II. Intraprenditorja ekoloġika għall-kumpaniji futuri

Il-prevenzjoni u t-tiswija tal-ħsara ambjentali u l-mixja lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju huma sfida soċjetali li wkoll toffri opportunitajiet tan-negozju għall-intrapriżi. Iżda l-"innovazzjoni ekoloġika", bħat-tipi l-oħrajn tal-innovazzjoni, teħtieġ ekosistema fertili biex tiffjorixxi u l-innovaturi ekoloġiċi jiddependu fuq l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ideat tagħhom u fuq l-aċċess għall-finanzjament biex jimplimentawhom. L-iżvilupp tal-benefiċċji tal-intraprenditorija ekoloġika minn kemm huma viċin tal-istituzzjonijiet tal-għarfien kif ukoll mid-disponibbiltà tal-ħiliet tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali li jiffaċilitaw kopperazzjoni transettorjali, il-kundizzjonijiet li jħeġġu l-eżitu ta' raggruppamenti ekoinnovattivi.

Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs?

L-SMEs jeħtieġu ambjent tan-negozju favorevoli fejn l-ideat ekoloġiċi jistgħu jiġu żviluppati, iffinanzjati u miġjuba lejn is-suq faċilment. L-'intraprenditorija ekoloġika' għandha diġà tiġi indirizzata fl-edukazzjoni (għolja), biex tipprepara kif jaħsbuha l-intraprendituri ekoloġiċi tal-futur. L-'intraprenditorija ekoloġika' għandha tiġi mħeġġa wkoll b'għajnuna lil intraprendituri potenzjali biex jidentifikaw opportunitajiet tan-negozju li jirriżultaw mill-mixja lejn ekonomija li hija effiċjenti fir-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inkluż permezz ta' forom kreattivi ġodda ta' kooperazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika. Għandhom jiġu appoġġati l-forom kollha tal-innovazzjoni li jrawmu l-intraprenditorija ekoloġika. Fil-fatt, l-intraprenditorija ekoloġika hija mrawma wkoll minn ideat ġodda tan-negozju li jikkumbinaw l-effiċjenza fir-riżorsi mal-kreattività, bħall-fenomenu l-ġdid ta' "upcycling" li jikkombina r-riċiklaġġ mad-disinn. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir iżjed għall-kapitalizzazzjoni fuq teknoloġiji ekoloġiċi li huma żviluppati mir-riċerka u li rnexxielhom juru l-fattibbiltà tagħhom. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li nappoġġaw l-SMEs biex nesploraw l-fattibbiltà xjentifika jew teknika u l-potenzjal kummerċjali tal-ideat tan-negozju ekoinnovattivi għaliex ħafna SMEs ma għandhomx ir-riżorsi neċessarji biex jagħmlu dan waħedhom.

Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. Issir promozzjoni tal-forom kollha tal-innovazzjoni ekoloġika, inkluż innovazzjoni ekoloġika li mhix teknoloġika:

§ L-Istrument tal-SMEs taħt Orizzont 2020 se jgħin lill-SMEs jesploraw il-fattibbiltà xjentifika jew teknika u l-potenzjal kummerċjali ta' ideat ekoinnovattivi ħafna sabiex jiżviluppa negozji ġodda konkreti. Valutazzjoni pożittiva tal-fattibbiltà tan-negozju tiegħu tkun qed tippermetti għall-finanzjamnet ta' attivitajiet ta' dimostrazzjoni. L-SMEs jistgħu diġà japplikaw għal dan l-appoġġ taħt sejħiet speċifiċi li jiffukaw fuq l-ekoinnovazzjoni u l-forniment ta' materja prima, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel ekoinnovattivi, u l-innovazzjoni f'sistema tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u li hija effiċjenti.

§ F'Orizzont 2020, l-azzjonijiet tal-isfida soċjetali "Tibdil fil-klima, Ambjent, Effiċjenza fir-Riżorsi u Materja Prima" qed jappoġġaw l-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku, f'termini ta' żieda tal-effiċjenza fir-riżorsi permezz ta' approċċ sistematiku lejn l-ekoinnovazzjoni u l-istabbilment ta' ekonomija ċirkolari. Il-forom kollha tal-innovazzjoni huma lkoll koperti. Tipi differenti ta' attivitajiet li jvarjaw mir-riċerka għad-dimostrazzjoni, għat-teħid mis-suq, il-koordinazzjoni u n-netwerking huma indirizzati.

§ Għall-perjodu 2014-2020 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) se jappoġġaw il-kompetittività tal-SMEs, jimmiraw l-effiċjenza enerġetika u l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dawn huma identifikati bħala prijoritajiet tal-investiment li għandhom jiġu żvolti mill-Istati Membri u r-reġjuni permezz tal-programmi operazzjonali tagħhom.

2. Tiġi ffaċilitata s-sħubija fin-negozju, il-ħiliet u l-għarfien għal intraprenditorija ekoloġika:

§ Il-Komunikazzjoni Inizjattiva tal-Impjiegi Ekoloġiċi. – Nieħdu vantaġġ mill-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika tipproponi pjan direzzjonali komprensiv għall-iżvilupp tal-ħiliet biex l-ekonomija ssir iżjed ekoloġika.

§ Il-forniment ta' informazzjoni ta' kwalità għolja dwar l-ekoinnovazzjoni u l-SMEs ekoinnovattivi se jiġi meħġġeġ biex tikber il-fiduċja u jonqsu r-riskji tal-investiment, permezz ta' inizjattivi bħal Environmental Technology Verification (ETV) li bħalissa qed jiġi implimentat bħala programm pilota tal-UE.

§ Se jiġu appoġġati mudelli ġodda tan-negozju għal effiċjenza fir-riżorsi u enerġetika fl-SMEs permezz tal-programm LIFE.

§ Il-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapiża se jirrikonoxxu l-isforzi biex jappoġġaw l-intraprenditorija ekoloġika billi jippremjaw korpi pubbliċi u sħubiji pubbliċi-privati li jappoġġaw l-iżvilupp ta' swieq ekoloġiċi u l-effiċjenza fir-riżorsi.

3. Jiġi sfruttat aħjar ir-rwol tar-raggruppamenti f'appoġġ għall-SMEs ekoinnovattivi:

§ L-effiċjenza fir-riżorsi se ssir suġġett speċifiku fit-taħriġ taħt il-Programm tal-Eċċellenza tar-Raggruppamenti (COSME 2014-2020) li huma mmirat li jagħmel l-amministraturi tar-raggruppamenti totalment konxji tal-azzjonijiet potenzjali li jistgħu jiġu varati fir-raggruppamenti tagħhom biex ikomplu jtejbu l-ekoinnovazzjoni u l-effiċjenza fir-riżorsi fil-membri tal-SMEs tagħhom u bejniethom.

III. Opportunitajiet għall-SMEs f'katina tal-valur iktar ekoloġika

Il-manifatturar mill-ġdid, it-tiswija, il-manutenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-ekodisinn għandhom potenzjal kbir biex isiru xprunaturi tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien ta' impjiegi u fl-istess waqt jagħmlu kontribut sinifikanti biex jindirizzaw l-isfidi ambjentali. Permezz tal-innovazzjoni u d-disinn mill-ġdid tal-prodotti u tal-produzzjoni u l-mudelli tan-negozju, il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu l-użu tal-materja prima mhux maħduma li tiswa ħafna flus u joħolqu inqas skart. Is-60% tal-iskart totali fl-UE li ma jiġix riċiklat, kompost jew użat mill-ġdid[19] joffri opportunitajiet ekonomiċi għall-SMEs biex jikkapitalizzaw fuq katini tal-valur transsettorjali li jagħmlu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

L-ekonomija 'ċirkolari'[20] jew 'simbajotika'[21] iżżid l-iffrankar tar-riżorsi u l-ispejjeż billi timmassimizza d-drabi li r-riżorsi, il-prodotti u l-komponenti jintużaw. L-użu aħjar u iktar efffiċjenti tar-riżorsi permezz ta' tnaqqis tal-iskart u l-iskart jiġi kkonvertit f'oġġetti u servizzi ġodda jirrikjedi l-ekoinnovazzjoni, intermedjarji ġodda u servizzi ta' senserija. L-SMEs u l-imprendituri jeħtieġu ambjent ta' appoġġ biex jidħlu għal relazzjonijiet industrijali ġodda li jippermettulhom jimxu lejn ekonomija ċirkolari.

Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs?

Minkejja evidenza li turi l-benefiċċji tal-innovazzjoni li jnaqsu l-iskart u tal-kollaborazzjoni tal-katina tal-valur transsettorjali, kombinazzjoni ta' ostakli regolatorji, istituzzjonali, tekniċi u kulturali jirrapreżentaw barrieri sistematiċi li għadhom qed ixekklu l-azzjoni iktar effettiva u n-netwerking fost il-kumpaniji u b'hekk effiċjenza fir-riżorsi ogħla wkoll. Pereżempju, bħalissa, 44% tal-kumpaniji l-kbar fl-UE jbigħu l-materjal skrap tagħhom lil kumpanija oħra, filwaqt li 24% tal-SMEs biss jagħmlu dan[22]. Minħabba l-fatt li spiss jirrikjedi għarfien u netwerks speċjalizzati, l-SMEs frekwentament isibuha diffiċli biex jiżviluppaw u jikkondividu l-għarfien dwar it-tnaqqis tal-iskart u l-amministrazzjoni u biex jisfruttaw il-potenzjal biex jevitaw il-ħela u l-użu mill-ġdid tal-prodotti, il-materjali u l-iskart bħala parti minn katini tal-valur differenti. Spejjeż għoljin tat-tranżazzjonijiet u spejjeż tal-investiment inizjali għoljin jistgħu jkomplu jnaqqsu l-interess biex dawn jidħlu fi tranżazzjonijiet marbutin mal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tar-riżorsi, b'mod partikolari għaliex il-benefiċċji potenzjali huma diffiċli biex jiġu determinati ex-ante minħabba n-nuqqas ta' esperjenza u l-inċertezzi marbuta mal-varjazzjonijiet fil-kwalità, l-ispeċifikazzjonijiet jew iż-żmien tat-twassil. Barra minn hekk, l-iskambji fil-katina tal-valur jistgħu joħolqu sfidi teknoloġiċi għaliex it-trasformazzjonijiet u l-adattamenti tal-"iskart bħala prodott sekondarju" jistgħu jkunu jeħtieġu li jsiru qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu jiġu introdotti fil-katina tal-valur.

Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. Jiġu indirizzati barrieri sistematiċi għall-kollaborazzjoni tal-katina tal-valur transsettorjali u transnazzjonali u l-ħolqien tan-negozju u l-kooperazzjoni, permezz tal-iffaċilitar tal-ħolqien tal-mudelli tan-negozju tas-servizz u l-użu mill-ġdid ta' materjali, prodotti u skart:

§ Analiżi tal-barrieri sistematiċi li jimpedixxu l-varar tal-mudelli tan-negozju ċirkolari mill-SMEs, l-użu effiċjenti tal-materjali mill-flussi tal-iskart u l-proċessi ta' simbajożi industrijali. Dan huwa kruċjali biex jiġu żviluppati l-aħjar azzjonijiet possibbili fil-livell tal-UE li jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u li jippromwovu r-rwol tal-SMEs fl-ekonomija ċirkolari.

2. Tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni transsettorjali bil-ħsieb li tippromwovi l-ekonomija ċirkolari:

§ L-azzjoni li ġejja dwar "Proġetti ffaċilitati mir-raggruppamenti għal katini tal-valur industrijali ġodda" taħt Orizzont 2020 se talloka mill-inqas 75% tal-baġit totali biex tappoġġa l-innovazzjoni fl-SMEs. Tfittex li tappoġġa proġetti ta' kollaborazzjoni u innovazzjoni transsettorjali u transreġjonali xprunati mill-SMEs billi tintegrahom aħjar f'raggruppamenti u katini tal-valur differenti.

§ L-Osservatorju Ewropew tar-Raggruppamenti se jipprovdi lir-reġjuni bi pjan direzzjonali aħjar tal-konċentrazzjonijiet ġeografiċi tal-kompetenzi fl-industriji ekoloġiċi kif ukoll l-identifikazzjoni u l-analiżi tax-xejriet tar-raggruppamenti transsettorjali, inkluż l-internazzjonalizzazzjoni tar-raggruppamenti u x-xejriet tat-trasformazzjoni industrijali marbuta mal-industriji ekoloġiċi.

§ Se jiġu identifikati reġjuni mudell demostraturi li jagħmlu demonstrazzjoni ta' soluzzjonijiet sistemiċi ekoinnovattivi.

§ Il-programm LIFE se jippromwovi t-tnedija ta' negozji mudell ċirkolari u se juri l-benefiċċji tagħhom għall-SMEs.

§ L-istabbilment ta' grupp espert biex jiffoka fuq approċċ sistematiku għall-ekoinnovazzjoni fil-qafas ta' Orizzont 2020.

IV. Aċċess għas-swieq għall-SMEs ekoloġiċi

L-UE għandha interess strateġiku biex tindirizza b'mod adegwat l-isfidi ambjentali globali kbar bħat-tibdil fil-klima. Minħabba tkabbir ekonomiku kbir u, f'xi każijiet, l-istadji bikrija tal-industrijalizzazzjoni, it-tnaqqis ambjentali u l-emissjonijiet qed jikbru b'pass mgħaġġel f'ħafna pajjiżi tad-dinja. Se jkun kruċjali li dawn il-pajjiżi jiġu assistiti f'ċaqliqa lejn ekonomija ekoloġika. Fl-istess ħin, l-UE għandha rwol ta' tmexxija fi-teknoloġiji ekoloġiċi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li joffru possibbiltajiet kbar biex jikkombinaw it-tibdil fil-klima u għanijiet oħrajn tal-protezzjoni ambjentali bl-iżvilupp tal-kummerċ, l-investiment u n-negozju għall-kumpaniji Ewropej, notevolment l-SMEs, f'dawn il-pajjiżi.

Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs?

L-impenji internazzjonali tal-UE f'oqsma bħall-kooperazzjoni fit-tibdil fil-klima jew politiki tal-viċinat joffru kamp ta' applikazzjoni konkret għall-SMEs Ewropej bl-għarfien espert rilevanti biex jiggwadanjaw aċċess għal swieq ġodda għat-teknoloġiji, prodotti u servizzi tagħhom immirati lejn tnaqqis effiċjenti tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-UE ssarraf għal bejn wieħed u ieħor terz tas-suq dinji għall-industriji ambjentali u hija esportatur nett. Dan is-suq dinji qed jikber b'5% fis-sena u huma mistenni li jittrippla sal-2030[23], u b'hekk joffri opportunitajiet importanti għan-negozji tal-UE. Madankollu, ftit SMEs fl-UE joffru t-teknoloġiji, prodotti jew servizzi ekoloġiċi tagħhom f'pajjiżi barra mill-UE. 87% tal-SMEs fl-UE jbigħu biss fis-swieq nazzjonali tagħhom.[24] Dan in-nuqqas tal-internalizzazzjoni tal-SMEs huwa normalment spjegat bl-assenza ta' qafas ta' appoġġ li jista' jgħin lill-SMEs jaċċessaw swieq barranin.

L-SMEs għandhom probabbiltà aħjar li jidħlu f'katini tal-valur globali billi jikkooperaw ma' kumpaniji oħrajn milli jaġixxu individwalment. Il-kisba ta' effiċjenza fir-riżorsi aħjar fl-Ewropa u l-għajnuna għall-SMEs biex jintegraw b'suċċess f'katini tal-valur globali jirrikjedi iktar kooperazzjoni internazzjonali. Biex jikkompettu internazzjonalment, l-SMEs fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi jeħtieġ li jfittxu sħab internazzjonali mhux biss biex ibigħu iżda wkoll biex jissorsjaw materja prima, u jiggwadanjaw aċċess għal riċerka, għarfien u ħiliet fil-katina tal-valur. Kooperazzjoni bħal din spiss hija ffaċilitata minn raggruppamenti li jaġixxu bħala "imbuttatura" reali għall-SMEs biex, min-naħa waħda, jaċċessaw is-swieq internazzjonali u, min-naħa l-oħra jidħlu f'kooperazzjoni ta' negozju u jiżviluppaw sħubiji strateġiċi għal terminu twil matul u fil-katini tal-valur. Barra minn hekk, il-kuntatti internazzjonali u n-netwerks diġà stabbiliti minn multinazzjonali, universitajiet u istituzzjonijiet oħrajn fir-raggruppamenti tagħhom jistgħu ukoll jiġu sfruttati mill-SMEs.

Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. Issir promozzjoni ta' suq intern Ewropew iktar ekoloġiku:

§ L-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni se jiġu mħeġġa jikkunsidraw l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari meta joħolqu l-istandards sabiex ikomplu l-isforzi preċedenti tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni Ewropea.[25]

2. Jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq internazzjonali għall-intraprenditoriji ekoloġiċi:

§ L-istabbilment tas-Sħubiji Ewropej tar-Raggruppamenti Strateġiċi li jrawwmu alleanzi bejn raggruppamenti minn setturi differenti, bil-ħsieb li jiżviluppaw strateġija konġunta għall-internalizzazzjoni. Se jiġu mħeġġa l-alleanzi fil-qasam tat-teknoloġiji ekonoloġiċi u l-ekoinnovazzjoni.

§ Il-missjonijiet ta' akkoppjar internazzjonali se jħeġġu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekoinnovazzjoni, u se jkunu prijoritizzati fuq bażi ta' kull każ għalih, filwaqt li jqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż fil-mira u l-potenzjal tal-kummerċ.

§ L-istrumenti finanzjarji taħt COSME se jappoġġaw b'mod speċifiku lill-SMEs biex jinternazzjonalizzaw, billi jippromwovu l-iżvilupp transtransfruntiera tagħhom.

3. Tiġi ffaċilitata t-tnedija ta' teknoloġija tal-effiċjenza fir-riżorsi f'pajjiżi sħab permezz ta' kooperazzjoni mal-SMEs Ewropej:

§ Azzjoni tan-Negozju b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet ta' Karbonju se tipprovdi assistenza teknika għall-istabbilment ta' Sħubiji ta' Kooperazzjoni bejn in-negozji tal-UE u raggruppamenti u negozji u kontrapartijiet oħrajn f'pajjiżi ta' dħul medju, u għall-ellobarazzjoni tal-proposti bankabbli[26] konġunti li jirriflettu l-interessi taż-żewġ partijiet filwaqt li jiżguraw koerenza tal-politika għall-iżvilupp.

■   Bini ta' attivitajiet imprenditorjali ġodda bbażati fuq teknoloġiji ekoloġiċi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran permezz ta' kooperazzjoni mal-SMEs Ewropej.

V. Governanza

Il-kunċett u l-ispjegazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs kif ippreżentat fil-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-futur tal-politika tal-SMEs u, notevolment, il-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku li seħħ fl-aħħar tliet xhur tal-2013, irċevew appoġġ mifrux minn dawk l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-partijiet interessati tal-SMEs li wieġbu.[27] In-Netwerk tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs[28] wieġeb pożittiv ukoll għall-Pjan, fejn apprezza il-fokus ċar tal-każ tan-negozju li jirriżulta mill-isfidi ambjentali. Għalhekk huwa importanti li jiġi implimentat sew. Dan jirrikjedi l-impenn politiku sħiħ kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri.

Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs?

L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-għanijiet u l-azzjonijiet sussegwenti tal-Pjan ta' Azzjoni biss se jiżguraw impatt madwar l-Ewropa għall-benefiċċju tal-SMEs.

Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. Jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-aġġornament tal-azzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni biex jiġu appoġġati l-SMEs f'dan id-dominju:

§ L-azzjonijiet marbutin ma' dan il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs se jiġu mmonitorjati regolarment, inkluż ir-riżorsi finanzjarji dedikati, fi djalogu mal-partijiet interessati tal-SMEs, u l-effettività tal-programmi, se jiġu evalwati wkoll. Fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni se tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata dwar l-azzjonijiet.

§ Ir-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SMEs[29] tagħmel monitoraġġ u tivvaluta l-progress tal-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fuq bażi annwali, inkluż il-prestazzjoni tagħhom f'rabta mal-prinċipju 9 "jgħinu l-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju", biex b'hekk tikkumplimenta l-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku.

2. Jiġu appoġġati l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali:

§ Il-mekkaniżmu ta' governanza tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, li huwa magħmul mir-Reviżjoni ta' Prestazzjoni tal-SMEs u n-Netwerk tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs, se jintuża biex jipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri dwar appoġġ għall-SMEs biex jgħinhom isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju. B'mod partikolari, in-Netwerk tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs se jintuża biex jiddiskuti l-implimentazzjoni ta' prattiki, riżultati u ostakli bħal dawn.

§ Se tiġi stabbilita l-koordinazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli tal-EcoAP sabiex tiżgura l-fluss kontinwu tal-informazzjoni, il-konsistenza u sfruttar aħjar ta' sinerġiji bejn l-inizjattivi varji. Meta jkun rilevanti, il-koordinazzjoni se tiġi mfittxija wkoll ma' gruppi ta' livell Ewropew li jiffunzjonaw f'oqsma oħrajn tal-politika, bħall-ambjent, l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-iżvilupp, il-kooperazzjoni, eċċ.

[1] L-effiċjenza fir-riżorsi tfisser l-użu tar-riżorsi limitati tad-Dinja b'mod sostenibbli u li jiġu minimizzati l-impatti fuq l-ambjent filwaqt li jkun jista' jsir tkabbir ekonomiku (permezz tad-diżakkoppjar relattiv tal-użu tal-materjali).

[2]  "Gwida għall-effiċjenza fir-riżorsi fil-manifattura: Esperjenzi mit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-kumpaniji tal-manifattura". Europe INNOVA (2012)

[3]  Meyer, B. et al (2011) "Macroeconomic modelling of sustainable development and the links between the economy and the environment". Studju għall-Kummissjoni Ewropea (DĠ Ambjent), disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/enveco/studies_modelling/pdf/report_macroeconomic.pdf

[4] Statistika tal-Eurostat dwar l-Iskart (2011)

[5] Ara d-definizzjoni ta' SME fuq http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/sme- definition/index_en.htm

[6] Għal iktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/index_en.htm

[7] L-"ekonomija ekoloġika" hija mudell li "jiżgura t-tkabbir u l-iżvilupp, jissalvagwardja s-saħħa umana u l-benessri, jipprovdi impjiegi diċenti, inaqqas l-inekwalitajiet u jinvesti fil-bijodiversità u jippreservaha, inkluż is-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi (il-kapital naturali), għall-valur intrinsiku tagħha u għall-kontribuzzjoni essenzjali tagħha għall-benessri umana u l-prosperità ekonomika". (Definizzjoni mid-Deċiżjoni Nru 1386/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna").

[8] Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs jiffoka fuq l-effiċjenza fir-riżorsi inġenerali, mingħajr xi fokus partikolari fuq l-effiċjenza enerġetika jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li diġà kienu s-suġġetti ta' Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u proposti leġiżlattivi speċifiċi.

[9] http://ec.europa.eu/environment/ecoap/index_en.htm

[10] Pereżempju l-UE se tappoġġa azzjonijiet rilevanti għall-GAP permezz tal-Politika ta' Koeżjoni. L-Istati Membri qablu li jallokaw iktar minn EUR 100 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jinvestu fl-SMEs, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u r-riċerka u l-innovazzjoni.

[11] L-azzjonijiet imbassra fil-Komunikazzjoni ma għandhomx impatt baġitarju fuq il-baġit tal-UE fuq u lil hinn mill-approprjazzjonijiet diġà mbassra fl-ipprogrammar finanzjarju uffiċjali tal-Kummissjoni.

[12] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament jipprovdi lista tal-azzjonijiet bl-indikazzjoni, fejn jixraq, tal-iskeda għall-implimentazzjoni tagħhom matul il-perjodu 2014-2020.

[13] Rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-green-action-plan/index_en.htm

[14] Din l-informazzjoni se tinkludi referenzi għar-riżorsi finanzjarji dedikati għall-azzjonijiet kif imbassra fil-governanza tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku, u l-effettività tagħhom.

[15] "Gwida għall-effiċjenza fir-riżorsi fil-manifattura: Esperjenzi mit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-kumpaniji tal-manifattura". Europe INNOVA (2012).

[16] Iċ-ċifri kollha f'dan il-paragrafu ġejjin kollha mill-Ewrobarometru Flash tal-2013 dwar "SMEs, effiċjenza fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi";

 ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf.

[17]  Calogirou C., S. Y. Sørensen, P. B. Larsen, S. Alexopoulou et al. (2010) SMEs and the environment in the European Union, PLANET SA and Danish Technological Institute, Ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impriża u Industrija.  http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=4711

[18] Għal iktar informazzjoni: http://een.ec.europa.eu/

[19] Statistika tal-Eurostat dwar l-Iskart (2011)

[20] Ekonomija ċirkolari żżomm il-valur miżjud fil-prodotti kemm jista' jkun fit-tul u telimina l-iskart. Ir-riżorsi li hemm fil-prodotti jibqgħu f'użu produttiv meta l-prodott jasal fl-aħħar tal-ħajja tiegħu, u b'hekk jipprovdu iktar valur.

[21] L-ekonomija simbajotika hija bbażata fuq il-prattika li l-prodotti sekondarji ta' kumpanija jew settur wieħed (inkluż l-enerġija, l-ilma, il-loġistika u l-materjali) jintużaw minn ieħor/oħra.

[22] Ewrobarometru Flash tal-2013 dwar "SMEs, effiċjenza fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi": ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf.

[23] IDEA Consult, ECORYS, 2009. Study on the competitiveness of the EU eco-industry; Federal Ministry for the Environment, Nature Conservation and Nuclear Safety, 2009, "Greentech - Made in Germany 2.0"

[24] Ewrobarometru Flash tal-2013 dwar "SMEs, effiċjenza fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi": ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf.

[25] L-isforzi preċedenti tal-Kummissjoni jinkludu l-Komunikazzjoni "L-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni (COM(2004) 130 final) u l-Komunikazzjoni "Viżjoni atrateġika għall-istandards Ewropej: Nimxu 'l quddiem biex intejbu u nħaffu t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020 (COM(2011) 311 final).

[26]Proposta bankabbli hija proġett jew proposta li hija suffiċjentament appoġġata kemm finanzjament kif ukoll kunċettwalment biex pontezjalment ikollha suċċess meta tapplika għall-finanzjament minn kredituri istituzzjonali.

[27] Rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-green-action-plan/index_en.htm

[28] Għal iktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/sme-envoy/index_en.htm

[29] Għal iktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm

Top