EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0371

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-Tieni Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 151/01 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

/* COM/2014/0371 final */

52014DC0371

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-Tieni Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 151/01 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa /* COM/2014/0371 final */


Werrej

1. Daħla. 3

2. L-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri 3

L-iżvilupp ta’ politiki u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti 4

L-għoti ta’ setgħa lill-pazjenti 4

Is-sistemi ta’ rappurtar tal-avvenimenti avversi u ta’ tagħlim minnhom.. 5

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa. 5

L-istat ta’ implimentazzjoni skont il-pajjiż. 6

3. Koordinazzjoni tax-xogħol fil-livell tal-UE. 7

L-iskambju tal-għarfien, tal-esperjenza u ta’ prattiki tajbin. 7

Għodod li jappoġġaw l-implimentazzjoni 8

4. Il-programm marbut mal-qasam tas-saħħa u mar-riċerka. 9

5. L-impatt tar-Rakkomandazzjoni 10

6. L-oqsma ta’ interess li identifikaw l-Istati Membri u l-partijiet interessati 11

7. L-azzjoni tal-UE b’rabta mal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. 12

Azzjoni leġiżlattiva. 12

Attivitajiet fil-qasam tas-sorveljanza. 12

Dokumenti ta’ gwida u rapporti 13

8. Konklużjonijiet 14

L-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. 14

Is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti 15

1. Daħla

Fir-Rakkomandazzjoni 2009/C 151/01 tiegħu[1], il-Kunsill ressaq firxa ta’ miżuri dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u stieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar jekk il-miżuri humiex qed jaħdmu b’mod effettiv jew le u tqis il-ħtieġa li jittieħdu iktar azzjonijiet.

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni, li ġie ppubblikat fl-2012[2], wera li kien sar progress sodisfaċenti fl-iżvilupp ta’ politiki u programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjenti. Dan ir-rapport identifika wkoll oqsma fejn jeħtieġ li jsiru iktar sforzi, li huma l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza tal-pazjenti, l-għoti ta’ setgħa lill-pazjenti u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ tagħlim mill-iżbalji.

Ir-rapport wera li l-progress ma sarx bl-istess mod fl-UE kollha. Xi Stati Membri rrappurtaw li l-limitazzjonijiet finanzjarji li kien hemm minħabba l-kriżi ekonomika naqqsu l-pass li bih kienet qed issir l-implimentazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li hija tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti għal sentejn oħra.

Il-parti ta’ dan ir-rapport li tittratta s-sikurezza ġenerali tal-pazjenti tissejjes fuq it-tweġibiet li l-Istati Membri bagħtu għal stħarriġ tal-Kummissjoni, fuq it-tweġibiet li ngħataw għall-konsultazzjoni pubblika[3], u fuq ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-esperjenzi taċ-ċittadini b’rabta mas-sikurezza u l-kwalità tal-kura tas-saħħa u dwar x’jaħsbu dwar dan[4]. Ir-rapport jippreżenta wkoll l-attivitajiet fil-livell tal-UE li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-qasam tas-sikurezza ġenerali tal-pazjenti. 

Is-sejbiet ta’ dan l-aħħar taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (l-ECDC) juru li l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa għadhom joħolqu problema fl-Ewropa. Il-kapitolu dwar l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jippreżenta l-attivitajiet li qed isiru fil-livell tal-UE biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni min-naħa tal-Istati Membri.

2. L-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri

Dan il-kapitolu jiddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet ewlenin li ttieħdu fil-livell tal-Istati Membri u, kull fejn hu possibbli, l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet u l-progress li sar fihom meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2012. Huwa bbażat fuq it-tweġibiet li bagħtu l-Istati Membri kollha tal-UE[5], u fuq dawk li bagħtu, b’mod volontarju, in-Norveġja u r-reġjun tan-Nofsinhar tad-Danimarka[6]. Ir-referenzi għall-“pajjiżi” għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja. L-intestaturi jirriflettu l-istruttura tar-Rakkomandazzjoni.

L-iżvilupp ta’ politiki u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti

Sa minn meta ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni ’l hawn, l-Istati Membri għamlu progress fl-iżvilupp ta’ politiki dwar is-sikurezza tal-pazjenti. 26 pajjiż żviluppaw jew qed jiffinalizzaw strateġiji jew programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti, li jew huma indipendenti jew li jaqgħu taħt politiki nazzjonali oħrajn. Din id-darba, kien hemm aktar pajjiżi li bagħtu d-dokumenti ta’ appoġġ milli fl-2012 (21 pajjiż fl-2014 meta mqabbla ma’ tmienja fl-2012). Ħafna taw eżempji tal-indikaturi biex jevalwaw l-istrateġiji. 23 pajjiż identifikaw awtorità kompetenti li hija responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti (meta mqabbla ma’ 19-il Stat Membru fl-2012), iżda 16 biss bagħtu dokumenti li jappoġġaw dan. L-awtoritajiet kollha, minbarra waħda, jikkooperaw mal-awtoritajiet f’pajjiżi oħra, kemm fl-UE, kif ukoll ’il barra minnha.

Il-pajjiżi kollha bagħtu rapporti dwar il-miżuri tas-sikurezza tal-pazjenti li huma fis-seħħ. L-istandards marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti huma obbligatorji f’20 pajjiż (11 fl-2012) u huma rrakkomandati f’erbgħa oħra. 19-il pajjiż jużaw linji gwida dwar is-sikurezza tal-pazjenti, li f’ħafna mill-każijiet ġew żviluppati fil-livell nazzjonali mill-Ministeru għas-Saħħa jew minn aġenzija apposta. Madankollu, it-tweġibiet juru li l-fehim tal-istandards u tal-linji gwida jvarja minn pajjiż għall-ieħor. Xi pajjiżi rrappurtaw dwar standards speċifiċi għal tip ta’ avveniment avvers, oħrajn dwar is-sistemi ta’ mmaniġġjar tal-kwalità u oħrajn ħadu s-sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim bħala eżempji. Dan jagħmilha diffiċli li wieħed jivvaluta u jqabbel il-progress li sar fl-UE kollha.

Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ politiki u programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjenti. It-tweġibiet juru li din id-dispożizzjoni qed tinftiehem l-iktar bħala sejħa għal siti elettroniċi b’tagħrif dwar il-politiki. Ftit pajjiżi biss irrappurtaw dwar l-użu ta’ sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim, ta’ metodi tat-tagħlim elettroniku jew ta’ reġistri elettroniċi tal-pazjenti.

L-għoti ta’ setgħa lill-pazjenti

Ir-Rapport tal-2012 ikkonkluda li ma kinetx ittieħdet biżżejjed azzjoni biex il-pazjenti jingħataw is-setgħa, kemm f’termini tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti fit-tfassil tal-politika u kemm f’termini tal-għoti ta’ tagħrif lill-pazjenti dwar il-miżuri tas-sikurezza tal-pazjenti.

24 pajjiż qalu li huma involvew lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti fl-iżvilupp tal-politiki dwar is-sikurezza tal-pazjenti (meta mqabbla ma’ 20 fl-2012), fosthom 12-il pajjiż li bagħtu eżempji ta’ atti amministrattivi u legali speċifiċi li jeħtieġu t-tali involviment. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom, l-iktar waqt laqgħat organizzati mill-awtoritajiet kompetenti jew permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi.

Fir-rigward tal-pazjenti individwali, l-Istati Membri għandhom ixerrdu t-tagħrif dwar l-istandards marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti, dwar il-miżuri tas-sikurezza biex jitnaqqsu jew jiġu evitati l-iżbalji, dwar id-drittijiet għal kunsens infurmat fir-rigward tat-trattament, dwar il-proċeduri għall-ilmenti u dwar ir-rimedju disponibbli. Ġie rrappurtat progress konsiderevoli b’rabta ma’ dan: 18-il pajjiż taw tagħrif lill-pazjenti dwar l-aspetti kollha msemmijin hawn fuq (meta mqabbel ma’ ħamsa biss fl-2012) — u l-iktar aspetti li ssemmew lill-pazjenti kienu d-dritt għal kunsens infurmat u l-proċeduri għall-ilmenti. Mill-pajjiżi kollha, 18-il pajjiż biss ġabru l-kummenti tal-pazjenti dwar id-disponibbiltà tat-tagħrif mogħti u l-preċiżjoni tiegħu, l-aktar permezz ta’ stħarriġ.

Ir-Rakkomandazzjoni talbet lill-pajjiżi jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin għall-pazjenti b’rabta mas-sikurezza tal-pazjenti. Sa mill-2012 ’l hawn, ma sar l-ebda progress f’dan il-qasam minħabba li f’ħafna pajjiżi dan it-terminu għadu mhux ċar. Għalhekk, ikun xieraq li dan il-kunċett jiġi ċċarat aktar sabiex jitrawwem fehim komuni tiegħu u sabiex l-Istati Membri jimplimentawh. 

Is-sistemi ta’ rappurtar tal-avvenimenti avversi u ta’ tagħlim minnhom

Ġie rrappurtat iktar progress fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim. Dawn is-sistemi jeżistu f’27 pajjiż (meta mqabbla ma’ 15 fl-2012), u jinsabu l-iktar fil-livell nazzjonali u f’dak tal-fornituri tal-kura tas-saħħa (f’21 u 13-il pajjiż rispettivament). Madankollu, f’kazijiet fejn hemm diversi sistemi, dawn rari jkunu “interoperabbli” (dan huwa l-każ biss f’sebgħa minn 26 każ). Barra minn hekk, is-sistemi ta’ sitt Stati Membri biss iwieġbu bis-sħiħ għar-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni li dawn għandhom:

- jipprovdu tagħrif estensiv dwar l-avvenimenti avversi;

- ikunu differenti mill-proċeduri dixxiplinari għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

- jippermettu lill-pazjenti jagħmlu rapporti; u

- jikkumplimentaw sistemi oħra ta’ rappurtar dwar is-sikurezza, bħal, pereżempju, dawk dwar il-farmakoviġilanza u r-radjuprotezzjoni.

It-tagħrif mis-sistemi ta’ rappurtar jixxerred l-iktar permezz ta’ bullettini u rapporti tal-ministeri għas-saħħa u waqt konferenzi. Diversi pajjiżi jużawh biex jinnutaw it-twissijiet, biex jimmonitorjaw ix-xejriet u/jew biex joħorġu linji gwida jew rakkomandazzjonijiet. Nofs l-Istati Membri li għandhom sistemi ta’ rappurtar bħal dawn jaqsmu l-informazzjoni bejniethom sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin. Madankollu, ftit pajjiżi biss qalu li ssir analiżi tal-iżbalji fil-livell tal-fornituri tal-kura tas-saħħa u li jinsilet tagħlim minnhom sabiex jittejbu l-kwalità u s-sikurezza.

F’25 pajjiż, ir-rappurtar mill-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa żdied matul l-aħħar erba’ snin, iżda 15-il pajjiż biss irrappurtaw li ġrat l-istess ħaġa fir-rigward tal-pazjenti. Dawn iż-żewġ ċifri t-tnejn huma ogħla minn dawk tal-2012.

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa

F’dan il-qasam għad hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni. Ħafna mill-pajjiżi rrappurtaw li huma ħeġġew li jsir taħriġ multidixxiplinari dwar is-sikurezza tal-pazjenti fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa, iżda tliet kwarti minnhom ma jagħtu l-ebda tagħrif dwar l-għoti ta’ dan it-taħriġ fil-verità fl-isptarijiet.

Is-sikurezza tal-pazjenti mhix integrata ħafna fl-istudji universitarji tal-ewwel grad u ta’ wara tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa u fit-taħriġ fuq il-lant tax-xogħol u fl-edukazzjoni professjonali kontinwa tal-professjonisti fil-kura medika, ħlief f’sitt Stati Membri[7]. Fi tmien Stati Membri, din mhi meħtieġa b’mod formali fl-ebda livell u għall-ebda professjonist fil-kura medika. F’pajjiżi li għandhom rekwiżiti formali biex is-sikurezza tal-pazjenti tiġi inkluża fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, ħafna drabi dan l-aspett jifforma parti mit-taħriġ fuq il-lant tax-xogħol għat-tobba, l-infermiera u l-ispiżjara.

L-istat ta’ implimentazzjoni skont il-pajjiż

It-Tabella 1 turi l-progress tal-implimentazzjoni skont il-pajjiż, abbażi tal-awtovalutazzjoni tal-pajjiżi stess dwar jekk hemmx l-affarijiet li ġejjin jew le:

- strateġiji dwar is-sikurezza tal-pazjenti;

- awtorità kompetenti;

- miżuri speċifiċi sabiex ma jsirux żbalji fil-medikazzjoni u sabiex jiġu evitati l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-kumplikazzjonijiet waqt l-interventi kirurġiċi jew warajhom;

- l-għodod tal-ICT li jappoġġaw is-sikurezza tal-pazjenti;

- miżuri biex l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti jkunu involuti fit-tfassil tal-politika;

- miżuri li jiżguraw li jixxerred it-tagħrif dwar is-sikurezza tal-pazjenti lill-pazjenti;

- il-kompetenzi ewlenin għall-pazjenti;

- sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim implimentati;

- sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mir-Rakkomandazzjoni;

- mekkaniżmi li jħeġġu lill-professjonisti fil-kura medika jagħmlu r-rapporti;

- taħriġ multidixxiplinari dwar is-sikurezza tal-pazjenti fl-isptarijiet;

- l-integrazzjoni tal-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tal-professjonisti fil-kura medika; u

- miżuri biex il-professjonisti fil-kura medika jkunu mgħarrfa dwar l-istandards, il-linji gwida u l-aħjar prattiki marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti.

Tabella 1: L-implimentazzjoni, skont il-pajjiż, tat-13-il miżura analizzata f’dan ir-rapport[8]

Kif turi t-tabella, ħafna pajjiżi għandhom fis-seħħ tal-inqas nofs il-miżuri analizzati f’dan ir-rapport, u ftit pajjiżi implimentaw kważi t-13-il miżura kollha, filwaqt li 11-il pajjiż implimenta inqas minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet.

3. Koordinazzjoni tax-xogħol fil-livell tal-UE

Minbarra li titlob għal azzjoni min-naħa tal-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni teżiġi wkoll li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġu żviluppati definizzjonijiet komuni, terminoloġija u indikaturi komparabbli, u sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni qed tikkoordina l-attivitajiet li ġejjin biex tappoġġa t-tali azzjoni:

L-iskambju tal-għarfien, tal-esperjenza u ta’ prattiki tajbin

L-iskambju tal-għarfien fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti u tal-kwalità tal-kura hija ffaċilitata f’żewġ fora ewlenin fil-livell tal-UE. Wieħed huwa l-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura[9], li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-EFTA, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD)) u tal-partijiet interessati tal-UE, jiġifieri l-pazjenti, il-professjonisti fil-kura medika, il-maniġers fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-esperti fil-kwalità tal-kura. Il-grupp ta’ ħidma jiġi kkonsultat dwar l-attivitajiet attwali u ppjanati fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura fil-livell tal-UE. Huwa jista’ joħroġ ukoll rapporti jew rakkomandazzjonijiet fuq stedina tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess. Barra minn hekk, huwa jipprovdi pjattaforma għall-membri tiegħu biex dawn jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar l-inizjattivi fil-livell nazzjonali, l-attivitajiet tal-partijiet interessati u r-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka.

It-tieni forum għall-iskambju tal-prattiki tajbin huwa l-azzjoni konġunta ta’ tliet snin dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, li hija kkofinanzjata mill-UE u li qed issir bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati (imsejħa “PaSQ”)[10]. Il-kompiti ewlenin ta’ din l-azzjoni huma li tidentifika prattiki kliniċi sikuri u prattiki organizzattivi tajbin fl-UE, li toħloq arranġamenti biex ikun hemm skambju tal-għarfien dwarhom u li tittestja t-trasferibbiltà tal-prattiki marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti għall-ambjenti tal-kura tas-saħħa f’pajjiżi oħra.

Il-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri kollha tal-UE, tan-Norveġja u ta’ partijiet interessati oħrajn f’din l-azzjoni konġunta u s-suċċess tal-avvenimenti tal-mekkaniżmu ta’ skambju li seħħew f’dan il-qafas jikkonfermaw li hemm domanda ċara fost il-partijiet interessati għal din it-tip ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE. Madankollu, minħabba li din l-azzjoni konġunta hija mekkaniżmu ta’ finanzjament limitat fiż-żmien, hija se tintemm f’Marzu tal-2015. L-Istati Membri u sħab oħrajn issuġġerew li jitwaqqaf netwerk permanenti li jkompli jwettaq l-attivitajiet attwali tagħha u jkompli jespandihom. Netwerk bħal dan ikun jista’ jiżviluppa attivitajiet ġodda bħal, pereżempju, sistema ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għall-organizzazzjonijiet għat-titjib tal-kwalità tal-kura tas-saħħa u mekkaniżmu għall-iskambju ta’ malajr ta’ tagħrif dwar inċidenti marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti u soluzzjonijiet għalihom.

Għodod li jappoġġaw l-implimentazzjoni

Biex jappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, il-grupp ta’ ħidma ħareġ gwidi prattiċi dwar l-affarijiet li ġejjin:

- l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti fil-kura medika dwar il-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti[11] – din il-gwida tipprovdi katalgu ta’ moduli u programmi eżistenti, flimkien mal-kontenut tagħhom, l-udjenza fil-mira, il-kapaċitajiet tal-fakultà, ir-riżultati tat-tagħlim u l-evalwazzjoni tagħhom. Hija tinkludi wkoll lista ta’ fatturi ta’ suċċess fit-twaqqif tal-moduli u tat-taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjenti għal gruppi differenti ta’ professjonisti fil-kura medika f’livelli differenti; u

- it-twaqqif u l-funzjonament effettivi tas-sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim[12] – din il-gwida tirreferi għall-għarfien u l-esperjenzi eżistenti ta’ kif l-Istati Membri organizzaw is-sistemi ta’ rappurtar stabbiliti. Hija tinkludi rakkomandazzjonijiet prattiċi, tħeġġeġ kultura ta’ rappurtar u ta’ tagħlim u tiddeskrivi l-infrastruttura teknika meħtieġa biex jitwaqqfu u jinżammu dawn is-sistemi.

Sabiex tikkumplimenta din il-ħidma, il-Kummissjoni talbet lid-WHO tadatta l-Qafas Kunċettwali għall-Klassifikazzjoni Internazzjonali għas-Sikurezza tal-Pazjenti[13] għar-rappurtar tal-inċidenti marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti fl-UE. Dan jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ “mudell ta’ tagħrif minimu” għar-rappurtar tal-inċidenti marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti, li għandu jintuża bħala mudell mill-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa biex jiġbru, jeżaminaw mill-ġdid, iqabblu u janalizzaw ir-rapporti dwar l-inċidenti. Il-mudell tat-tagħrif se jkollu miegħu terminoloġija komuni biex wieħed jirreferi għat-tipi ewlenin ta’ inċidenti marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti u biex wieħed jiddefinixxihom.

Il-Kummissjoni kkofinanzjat ukoll il-Proġett immexxi mill‑OECD dwar l-indikaturi tal-kwalità tal-kura tas-saħħa[14], li żviluppa sett ta’ indikaturi tal-kwalità fil-livell tas-sistema tal-kura tas-saħħa, fosthom is-sikurezza tal-pazjenti, li permezz tagħhom jista’ jiġi vvalutat l-impatt ta’ fatturi partikulari fuq il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa. Dal-ħin, fil-proġett qed jieħdu sehem 24 Stat Membru tal-UE u n-Norveġja.

Fl-2010, għalkemm mhux bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni, ġiet irriveduta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi[15] b’rabta mal-attivitajiet tal-farmakoviġilanza. Minn Lulju tal-2012 ’l hawn, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw li, f’każijiet fejn żbalji assoċjati mal-użu ta’ prodott mediċinali jwasslu għal reazzjonijiet suspettużi avversi, ir-rapporti li jintbagħtu lis-sistemi tar-rappurtar tal-farmakoviġilanza tagħhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti.

Fl-aħħar nett, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mobbli (mobile Health - “mHealth”)[16] tenfasizza l-benefiċċji tal-użu tat-telemediċina u ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa mobbli biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-pazjenti.

4. Il-programm marbut mal-qasam tas-saħħa u mar-riċerka

Il-Kummissjoni indirizzat il-kwistjonijiet tas-sikurezza tal-pazjenti u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa billi ffinanzjat diversi proġetti fl-Ewropa kollha fil-kuntest tal-Ewwel u t-Tieni Programmi dwar il-qasam tas-saħħa u tas-Sitt u s-Seba’ Programmi ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. It-Tielet Programm dwar il-qasam tas-saħħa (mill-2014 sal-2020)[17] u l-programm il-ġdid għar-riċerka msejjaħ “Orizzont 2020” (mill-2014 sal-2020)[18] jipprevedu fondi għal iktar proġetti li jittrattaw is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, inklużi l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

Fil-livell tal-Istati Membri, ġew żviluppati programmi tar-riċerka li jittrattaw is-sikurezza tal-pazjenti f’nofs l-Istati Membri. In-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji ntqal li kien l-ostaklu ewlieni għall-iżvilupp tar-riċerka fil-livell nazzjonali.

5. L-impatt tar-Rakkomandazzjoni

Dan il-kapitolu huwa bbażat fuq it-tagħrif li bagħtu l-pajjiżi u huwa kkumplimentat mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru.

It-tweġibiet tal-pajjiżi juru li r-Rakkomandazzjoni qajmet kuxjenza dwar is-sikurezza tal-pazjenti fil-livell politiku (21 tweġiba). F’16-il pajjiż, din wasslet għal azzjonijiet konkreti nazzjonali jew reġjonali, bħalma huma l-iżvilupp ta’ strateġiji u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti, l-inklużjoni tas-sikurezza tal-pazjenti fil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa jew il-ħolqien ta’ sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim. F’xi pajjiżi, din saħħet il-programmi eżistenti dwar is-sikurezza tal-pazjenti u appoġġathom, u kkonfermat li dawn kienu konsistenti mal-politiki tal-UE.

Skont l-awtovalutazzjonijiet tal-pajjiżi, ir-Rakkomandazzjoni qajmet kuxjenza dwar is-sikurezza tal-pazjenti fil-livell tal-ambjenti tal-kura tas-saħħa (20 tweġiba). Nofs il-pajjiżi biss qiesu li din kellha impatt fuq l-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u lill-pazjenti individwali.

65 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika ħassew li r-Rakkomandazzjoni kkontribwiet għat-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti. It-tweġibiet jikkonfermaw li r-Rakkomandazzjoni qajmet kuxjenza dwar din il-kwistjoni fil-livell politiku, iżda juru li hemm livelli baxxi ta’ għarfien dwarha fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tas-setgħa lill-pazjenti.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera li r-Rakkomandazzjoni ma bidlitx il-mod kif jaħsbuha ċ-ċittadini tal-UE dwar is-sikurezza tal-kura. L-istess bħal fl-2009, aktar minn 50 % ta’ dawk li wieġbu ħasbu li l-kura fl-isptarijiet u ’l barra minnhom tista’ tkun ta’ periklu għall-pazjenti.

Barra minn hekk, 25 % ta’ dawk li wieġbu qalu li huma jew il-familja tagħhom għaddew minn avveniment avvers. Il-pazjenti issa qed jirrappurtaw ħafna iktar avvenimenti avversi milli kienu jagħmlu fl-2009 (46 % issa meta mqabbla ma’ 28 % qabel). Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu ħassew li t-tali rappurtar ma jwassalx biex jittieħdu azzjonijiet speċifiċi.

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini tal-UE jgħidu li huma normalment jivvalutaw il-kwalità ta’ sptar partikulari abbażi tar-reputazzjoni ġenerali tiegħu jew tal-fehmiet tal-pazjenti l-oħra dwaru. Dan donnu jindika li l-pazjenti m’għandhomx aċċess faċli għal tagħrif oġġettiv dwar il-kwalità tal-kura fl-isptarijiet.

6. L-oqsma ta’ interess li identifikaw l-Istati Membri u l-partijiet interessati

Fil-kontribuzzjonijiet tagħhom għal dan ir-Rapport, l-Istati Membri identifikaw l-oqsma li ġejjin għal aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE:

il-politiki u l-programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti (21 risposta); l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim li ma jagħtu ħtija lil ħadd u l-inkoraġġiment ta’ rappurtar kemm min-naħa tal-professjonisti fil-kura medika u kemm min-naħa tal-pazjenti (21 risposta); u l-iżvilupp tal-istandards marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti u l-eżami mill-ġdid tagħhom (20 tweġiba).

Il-Kummissjoni rċeviet 181 tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika, u l-kontributuri ewlenin kienu l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti fil-kura medika, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tal-konsumaturi u l-isptarijiet. Dawk li wieġbu identifikaw il-ħtieġa għal titjib fl-oqsma li ġejjin:

is-sikurezza tal-pazjenti fil-kura ’l barra mill-isptar; l-iżgurar tal-edukazzjoni u t-taħriġ mhux biss għall-professjonisti fil-kura medika, iżda wkoll għall-pazjenti, il-familji u dawk li jieħdu ħsieb lil ħaddieħor b’mod informali; li jitħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-benefiċċju tas-sikurezza tal-pazjenti; l-appoġġ għas‑sorveljanza armonizzata tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fl-UE kollha u linji gwida komprensivi għall-valutazzjoni tal-istandards marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti, ikkumplimentati minn listi ta’ kontroll u indikaturi li għandhom jintużaw fil-pajjiżi kollha; u l-iżgurar ta’ possibilitajiet indaqs ta’ rimedju għall-iżbalji fit-trattament għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

72 % ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li jkun ta’ valur miżjud li wieħed iwessa’ l-ambitu tal-azzjoni tal-UE mis-sikurezza tal-pazjenti għas-suġġett usa’ tal-kwalità tal-kura. Is-sikurezza tal-pazjenti titqies li tiġi minn kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba. L-azzjonijiet speċifiċi proposti fil-livell tal-UE jinkludu dawn li ġejjin:

l-istabbiliment ta’ definizzjoni komuni għall-“kwalità tal-kura”; l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE għat-tagħrif għall-pazjenti relatat mas-saħħa; il-kunsiderazzjoni tal-ġbir tal-esperjenzi tal-pazjenti bħala element tas-sistemi għat-titjib tal-kwalità; it-twaqqif ta’ forum permanenti Ewropew biex jippromwovi u jaqsam l-aħjar prattiki fis-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, li jissejjes fuq il-ħidma tal-azzjoni konġunta, pereżempju x-xogħol fuq sistema ta’ standards tal-kwalità fl-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, li joħroġ linji gwida, jiffissa l-miri u jagħmel valutazzjoni komparattiva; u l-kunsiderazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta’ persunal fil-forza tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-kwalità tal-kura, u l-inkoraġġiment ta’ koordinazzjoni aħjar tal-kura.

Ħafna minn dawk li wieġbu qalu li l-azzjonijiet proposti se jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE[19].

7. L-azzjoni tal-UE b’rabta mal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u fil-livell tal-UE b’rabta mal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. It-taqsimiet t’hawn taħt jiddeskrivu l-passi li ttieħdu fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

Azzjoni leġiżlattiva

Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jużaw id-definizzjonijiet tal-każijiet li kien hemm qbil dwarhom fil-livell tal-UE sabiex ikun jista’ jsir rappurtar konsistenti tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Fl-Anness tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/506/UE tat-8 ta’ Awwissu 2012 fiha definizzjonijiet tal-każijiet ġenerali u speċifiċi sistematiċi tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, inklużi l-istruzzjonijiet dwar ir-rappurtar għal kull kundizzjoni[20]. Dawn id-definizzjonijiet tal-każijiet tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa se jgħinu mhux biss biex titjieb b’mod konsiderevoli s-sorveljanza fl-UE kollha, iżda se jippermettu wkoll li jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri preventivi meħudin fil-livell tal-UE.

Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE l-ġdida dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa[21] tkopri l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Id-Deċiżjoni ssaħħaħ il-qafas għas-Sigurtà tas-Saħħa fl-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar tal-istat ta’ tħejjija, mal-valutazzjoni tar-riskju, mal-ġestjoni tar-riskju u mal-miżuri ta’ koordinazzjoni, inklużi l-aspetti tal-komunikazzjoni tar-riskju[22]. Id-dispożizzjonijiet tagħha se jkunu japplikaw għall-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa[23].

Attivitajiet fil-qasam tas-sorveljanza

In-netwerk tal-ECDC għas-sorveljanza tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (imsejjaħ “HAI-Net”) jikkoordina moduli differenti sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ huma u jistabbilixxu jew isaħħu s-sistemi attivi ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikoli II.8.c tar-Rakkomandazzjoni.

Minn meta ġiet ippubblikata r-Rakkomandazzjoni ’l hawn, sar stħarriġ wieħed tal-prevalenza puntwali fl-UE kollha fl-isptarijiet tal-kura akuta fl-2011 sal-2012 (imsejjaħ “ECDC PPS”)[24] u saru tnejn fil-faċilitajiet għall-kura fit-tul (imsejħin “LTCFs”)[25]. Ġiet implimentata sorveljanza mmirata kontinwa tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa permezz tas-sorveljanza tal-infezzjonijiet fis-siti kirurġiċi u permezz tas-sorveljanza tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fl-unitajiet tal-kura intensiva.

B’mod ġenerali, tqies li kien hemm livell għoli ta’ parteċipazzjoni fil-moduli Ewropej ta’ sorveljanza tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa f’disa’ pajjiżi jew reġjuni (fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Litwanja, f’Malta, fil-Portugall u fl-Iskozja fir‑Renju Unit), li kien hemm livell medju ta’ parteċipazzjoni fihom fi 13-il pajjiż jew reġjun (fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Ungerija, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fin-Norveġja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fl-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales fir-Renju Unit) u li kien hemm livell baxx ta’ parteċipazzjoni fihom fi 11-il pajjiż (fil-Bulgarija, f’Ċipru, fid-Danimarka, fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Islanda, fl-Irlanda, fil-Latvja, fil-Polonja, fl-Isvezja u fis-Slovenja).

Dokumenti ta’ gwida u rapporti

L-ECDC ħareġ diversi dokumenti ta’ gwida u rapporti biex jagħti appoġġ lill-Istati Membri.

Huwa ppubblika eżami sistematiku u gwida bbażata fuq l-evidenza fil-qasam tal-użu x-xieraq tal-antibijotiċi sabiex titjieb il-konformità tal-professjonisti fil-kura medika, li kienu jinkludu l-amministrazzjoni, l-iskeda taż-żmien, id-dożaġġ u t-tul taż-żmien xierqa għall-profilassi perioperatorja bl-antibijotiċi sabiex jiġu evitati l-infezzjonijiet fis-siti kirurġiċi[26].  

Fil-qasam tal-programmi għall-kontroll tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet, eżami sistematiku tal-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-istrutturi implimentati fl-isptarijiet b’rabta mal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa identifika sett ta’ għaxar elementi ewlenin tal-programmi għall-kontroll tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet li jista’ jiġi mmaniġġat[27]. 

Għad-djar tal-kura u l-faċilitajiet l-oħrajn għall-kura fit-tul, ġew żviluppati u vvalutati l-indikaturi nazzjonali tal-prestazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u l-politika tal-użu tajjeb tal-aġenti antimikrobiċi, li fuqhom se jissejjes il-monitoraġġ tat-titjib tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

Fl-aħħar nett, ġew żviluppati l-kompetenzi ewlenin għall-professjonisti tal-kontroll tal-infezzjonijiet u tal-iġjene fl-isptarijiet u dawn diġà qed jintużaw fl-Istati Membri[28].

8. Konklużjonijiet L-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

L-azzjoni fil-livell tal-UE kkontribwiet għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-UE minħabba li wasslet biex ġiet adottata definizzjoni tal-każijiet ġenerali u speċifika tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u minħabba li pprovdiet metodoloġija u qafas standardizzati għas-sorveljanza nazzjonali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

B’mod partikulari, l-istħarriġ li għamel l-ECDC dwar il-prevalenza puntwali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-użu tal-aġenti antimikrobiċi fl-Ewropa kollha fl-2011 sal-2012 ikkontribwixxa għal ġbir imtejjeb tad-dejta dwar l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, anki fi Stati Membri li qabel ma kinux jiġbru din it-tip ta’ dejta.

Ir-rapport dwar il-prevalenza puntwali[29] u l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni[30] jindikaw li l-Istati Membri għandhom jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq l-iżgurar ta’ sorveljanza mmirata tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fl-infezzjonijiet fis-siti kirurġiċi, fl-unitajiet tal-kura intensiva u fid-djar tal-kura u l-faċilitajiet l-oħrajn għall-kura fit-tul.

Hemm bżonn ta’ iktar miżuri min-naħa tal-Istati Membri sabiex tittejjeb l-aċċertazzjoni ta’ rutina tal-każijiet tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa permezz tal-iżvilupp ta’ linji gwida nazzjonali ta’ dijanjożi, tat-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa biex japplikaw id-definizzjonijiet tal-każijiet tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-laboratorju u ta’ kapaċitajiet dijanjostiċi oħrajn fl-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa.

B’mod iktar speċifiku, l-istħarriġ tal-prevalenza puntwali fl-Ewropa kollha wera biċ-ċar li hemm bżonn jiġu żgurati dawn li ġejjin:

għadd adegwat ta’ impjegati speċjalizzati fil-kontroll tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet u fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-kura tas-saħħa;  biżżejjed kapaċità ta’ iżolament għall-pazjenti infettati b’mikroorganiżmi li huma klinikament rilevanti fl-isptarijiet tal-kura akuta;  is-sorveljanza standardizzata tal-konsum tal-ispirtu li jindilek fuq l-idejn. 

Biex ikomplu jappoġġaw lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u huma u jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, kemm il-Kummissjoni u kemm l-ECDC taw prijorità lill-fatt li jiġu indirizzati l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa[31]. 

Is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti

Ir-Rakkomandazzjoni kellha suċċess u qajmet kuxjenza dwar is-sikurezza tal-pazjenti fil-livell politiku u wasslet għal bidliet bħall-iżvilupp ta’ strateġiji u programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim f’ħafna Stati Membri tal-UE. Hija ħolqot klima li twassal għal titjib fis-sikurezza tal-pazjenti fl-UE.

Madankollu, ma kellhiex impatt daqshekk qawwi fuq il-kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti fil-livell tal-ambjenti tal-kura tas-saħħa, jiġifieri biex tinkuraġġixxi lill-professjonisti fil-kura medika jitgħallmu mill-iżbalji f’ambjent fejn ħadd ma jingħata ħtija. Hija kellha biss impatt parzjali fuq l-għoti ta’ setgħa lill-pazjenti. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti fil-kura medika għadu qasam li fih, skont l-Istati Membri u l-partijiet interessati, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ma żiditx il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-sikurezza u l-kwalità tal-kura tas-saħħa f’pajjiżhom.

Sadanittant, is-sikurezza tal-pazjenti għadha kwistjoni problematika fl-UE, kif ġie kkonfermat minn aktar minn 90 % tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika u minn dak li jaħsbu ċ-ċittadini tal-UE dwarha. Dan tikkonfermah riċerka[32] li turi li hemm distakk sinifikanti bejn l-għarfien dwar l-istrateġiji għas-sikurezza tal-pazjenti u l-prattika tagħhom u li ssostni li proporzjon sostanzjali ta’ ċittadini Ewropej qegħdin f’riskju li jirċievu kura ta’ kwalità inferjuri minħabba f’hekk.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi fil-livell tal-UE biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ biex itejbu s-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura li joffru. Il-miżuri li ġejjin jistgħu jkunu partikularment rilevanti għal aktar ħidma tal-UE, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati:

definizzjoni komuni tal-kwalità tal-kura u aktar appoġġ għall-iżvilupp ta’ terminoloġija komuni, ta’ indikaturi komuni u ta’ riċerka dwar is-sikurezza tal-pazjenti; il-kollaborazzjoni tal-UE b’rabta mas-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki u tas-soluzzjonijiet effettivi. Din tista’ tissejjes fuq il-ħidma tal-azzjoni konġunta attwali u titwessa’ għal suġġetti oħrajn identifikati mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati; l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar kif il-pazjenti għandhom jingħataw tagħrif dwar il-kwalità tal-kura; l-iżvilupp, flimkien mal-Istati Membri, ta’ mudell tal-UE għall-istandards marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti u mal-kwalità tal-kura, sabiex jinkiseb fehim komuni ta’ dan il-kunċett fl-UE; riflessjoni, flimkien mal-Istati Membri, dwar il-kwistjoni tar-rimedju, kif previst fid-Direttiva 2011/24/UE; il-fatt li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ taħriġ għall-pazjenti, għall-familji tagħhom u għal dawk li jieħdu ħsieb lil ħaddieħor b’mod informali, bl-użu wkoll tal-għodod tal-ICT; u l-aġġornament u t-tixrid b’mod regolari tal-gwida għall-professjonisti fil-kura medika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjenti; u il-fatt li jitħeġġeġ ir-rappurtar bħala għodda biex tixtered kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti; u l-aġġornament u t-tixrid b’mod regolari tal-gwida dwar it-twaqqif u l-funzjonament tas-sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim.

Dawn il-miżuri jistgħu jappoġġaw ukoll l-implimentazzjoni t-tajba tad-Direttiva 2011/24/UE.

[1]     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2009/C 151/01) (ĠU C 151, 3.7.2009, p. 6).

[2]     Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi ta’ rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (COM(2012) 658 finali).

[3]     Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, maħruġ f’Ġunju tal-2014; http://ec.europa.eu/health/patient_safety/policy/index_mt.htm.

[4]     L-Ewrobarometru B80.2 Is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, ippubblikat f’Ġunju tal-2014; http://ec.europa.eu/health/patient_safety/policy/index_mt.htm.

[5]     Il-Ġermanja bagħtet tweġiba parzjali mhux fil-ħin, li hija inkluża fl-analiżi.

[6]     F’każijiet fejn it-tweġibiet mibgħuta mid-Danimarka fuq livell reġjonali u nazzjonali kienu l-istess, dawn ġew irrappurtati bħala tweġibiet tad-Danimarka.

[7]     Il-Ġermanja ma bagħtet l-ebda tagħrif dwar dan.

[8]     Ġew irrikonoxxuti biss it-tweġibiet sħaħ mogħtija għall-mistoqsijiet, jiġifieri dawk li kienu jinkludu d-dokumenti ta’ appoġġ jew li kien fihom l-eżempji.

 [9]    Ara s-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/health/patient_safety/events/index_en.htm.

[10]    Ara s-sit elettroniku li ġej: http://www.pasq.eu/.

[11]    Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti fl-Ewropa kollha. Rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, maħruġ f’April tal-2014. Ara s-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/health/patient_safety/policy/index_mt.htm.

[12]    Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar is-sistemi ta’ rappurtar tal-inċidenti marbutin mas-sikurezza tal-pazjenti u ta’ tagħlim minnhom fl-Ewropa kollha. Rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, maħruġ f’April tal-2014. Ara s-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/health/patient_safety/policy/index_mt.htm.

[13]    http://www.who.int/patientsafety/implementation/taxonomy/conceptual_framework/en/.

[14]    http://www.oecd.org/health/health-systems/healthcarequalityindicators.htm.

[15]    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1235/2010 tal-15 ta’ Diċembru 2010;     id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2010/84/UE tal-15 ta’ Diċembru 2010.

[16]   Il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mobile Health - “mHealth”) (COM(2014) 219 finali).

[17]    Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

[18]   Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li      jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar      id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.

[19]    Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

[20]    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/506/UE tat-8 ta’ Awwissu 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2002/253/KE li tistabbilixxi d-definizzjonijiet tal-każ għar-rapurtaġġ ta’ mard li jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 262, 27.9.2012, p. 40).

[21]    Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

[22]   Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid       transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

[23]   Id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE kienet tkopri l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

[24]   Stħarriġ tal-prevalenza puntwali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u tal-użu tal-aġenti       antimikrobiċi fl-isptarijiet tal-kura akuta fl-Ewropa fl-2011 sal-2012. Stokkolma: ECDC; 2013.

[25]   Stħarriġ tal-prevalenza puntwali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u tal-użu tal-aġenti antimikrobiċi fil-faċilitajiet għall-kura fit-tul fl-Ewropa f’April sa Mejju tal-2013. Stokkolma: ECDC; 2014; Stħarriġ tal-prevalenza puntwali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u tal-użu tal-aġenti antimikrobiċi fil-faċilitajiet għall-kura fit-tul fl-Ewropa f’Mejju sa Settembru tal-2010. Stokkolma: ECDC; 2014 (dawn it-tnejn qed jiġu stampati bħalissa).

[26]   Eżami sistematiku u gwida bbażata fuq l-evidenza għall-profilassi perioperatorja bl-antibijotiċi. Stokkolma:       ECDC; 2013.

[27]   Dawn l-elementi ewlenin jinkludu: 1) l-organizzazzjoni tal-kontroll tal-infezzjonijiet fil-livell tal-isptar; 2)       l-okkupanza tas-sodod, l-għadd ta’ impjegati, l-ammont ta’ xogħol, u l-infermiera li jaħdmu skont il-bżonn       jew li jaħdmu ma’ aġenzija; 3) l-aspetti ergonomiċi; 4) l-użu x-xieraq tal-linji gwida; 5) l-edukazzjoni u       t-taħriġ; 6) l-awditjar; 7) is-sorveljanza u l-kummenti; 8) il-programmi ta’ prevenzjoni  multimodali u       multidixxiplinari li jqisu l-prinċipji ta’ bidla fl-imġiba; 9) l-ingaġġar ta’ nies li jippromwovu l-programmi       ta’ prevenzjoni; u 10) r-rwol ta’ kultura organizzattiva pożittiva. Zingg W., Holmes A., Dettenkofer M., et al.       Hospital organisation, management, and structure in the context of healthcare- associated infection prevention: a systematic review(“L-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-istruttura tal-isptarijiet fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa: eżami sistematiku”). Lancet Infect Dis 2014: qed jiġi stampat bħalissa.

[28]    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard; Core competencies for infection control and hospital hygiene professionals in the European Union (“Il-kompetenzi ewlenin għall-professjonisti tal-kontroll tal-infezzjonijiet u tal-iġjene fl-isptarijiet fl-Unjoni Ewropea”). Stokkolma: ECDC; 2013.

[29]    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (l-ECDC); Point prevalence survey of healthcare-associated infections and antimicrobial use in European acute care hospitals: 2011-12 (“Stħarriġ tal-prevalenza puntwali tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u tal-użu tal-aġenti antimikrobiċi fl-isptarijiet tal-kura akuta fl-Ewropa fl-2011 sal-2012”). Stokkolma: ECDC; 2013.

[30]    Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi ta’ rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (COM(2012) 658 finali).

[31]  Pereżempju, l-ECDC se joħloq maħżen tal-gwidi u d-dokumenti l-oħra eżistenti sabiex iħeġġeġ  l-iskambju     tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta’ dokumenti bħal dawn f’ambjenti fejn dawn ikun għadhom ma jeżistux.     Barra minn hekk, l-ECDC se jiżviluppa sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni b’sett ta’ indikaturi biex tiġi     vvalutata l-implimentazzjoni tal-istrateġiji jew tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali u s-suċċess tagħhom fit-titjib     tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

[32]  Sunol, R. et al. 2014, Evidence-based organisation and patient safety strategies in European hospitals (“L-organizzazzjoni bbażata fuq l-evidenza u l-istrateġiji għas-sikurezza tal-pazjenti fl-isptarijiet Ewropej”).

    International Journal for Quality in Health Care (“Il-Ġurnal Internazzjonali dwar il-kwalità fil-qasam tal-kura tas-saħħa”) 2014; pp. 1–9.

Top