EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0179
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Action Plan for the future of Organic Production in the European Union
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej
/* COM/2014/0179 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej /* COM/2014/0179 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni
Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej 1. Introduzzjoni Il-produzzjoni organika hi sistema
ġenerali tal-ġestjoni tal-impriżi agrikoli u l-produzzjoni
tal-ikel li tgħaqqad l-aqwa prattiċi ambjentali, livell għoli
ta' bijodiversità, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, l-applikazzjoni
ta' standards għoljin għall-benesseri tal-annimali, u metodu
tal-produzzjoni li jaqbel ma' x'jippreferu ċertu konsumaturi għal
prodotti li jużaw sustanzi u proċessi naturali. Dan l-aħħar
is-suq organiku fl-UE immexxi mid-domanda li qed tiżdied b'mod kostanti,
żviluppa sew (EUR 19.7 biljun b'9% tkabbir fl-2011[1]). Fl-istess waqt,
fl-aħħar għaxar snin, l-għadd ta' produtturi tal-prodotti
organiċi u l-wiċċ tal-produzzjoni organika żdiedu malajr.
Kull sena, 500.000 ettaru ta' art agrikola jsiru organiċi fl-Unjoni. Bejn l-2000
u l-2012, b'kollox iż-żona organika[2]
żdiedet b'medja ta' 6.7% fis-sena, u tilħaq madwar 9.6 miljun
ettaru, jiġifieri 5.4% taż-żona agrikola użata kollha.
Il-produzzjoni organika tal-akkwakultura qed tiżdied malajr ukoll minn
meta ddaħħlu r-regoli tal-UE fl-2009. Is-settur jinkludi produtturi
mis-setturi agrikoli u tal-akkwakultura, kif ukoll il-fornituri ,
il-manifatturi u d-distributuri tal-ikel tagħhom, ilkoll konformi ma'
regoli stretti. L-isfida ġenerali li jsib is-settur
organiku hi biex jiżgura tkabbir stabbli tal-provvista u d-domanda,
filwaqt li jżomm il-fiduċja tal-konsumaturi. Hu essenzjali li jkunu
żgurati l-kredibbiltà tal-iskema u l-valur miżjud f'perspettiva
fit-tul. L-ambizzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni hi li
jitwieżen it-tkabbir tas-settur, flimkien mal-bidliet li jmiss fil-qafas
leġiżlattiv b'mod partikolari billi jkunu mistħarrġa
fergħat oħra ta' soluzzjonijiet fi żmien medju u fit-tul
għall-isfidi tal-provvista u d-domanda. Dan il-Pjan ta' Azzjoni jikkontribwixxi anki
għall-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020[3] u fil-Politika Agrikola
Komuni riveduta. Jekk jitqies li l-protezzjoni ambjentali hi għan
ġenerali tal-produzzjoni organika, il-Pjan ta' Azzjoni jikkontribwixxi
wkoll għall-għanijiet tas-Seba' (7) Programm ta' Azzjoni Ambjentali
sal-2020[4]. Il-Pjan ta' Azzjoni se jinvolvi aktar
sħubijiet u jimmobilizza lill-atturi involuti fl-implimentazzjoni
tiegħu, b'mod partikolari lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati. 2. Il-kuntest Fl-2004 il-Kummissjoni adottat l-ewwel Pjan
ta' Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organika[5] biex tippromwovi u
ssaħħaħ is-settur organiku. Il-biċċa l-kbira
tal-21 azzjoni fil-Pjan tal-2004 twettqu, b'mod partikolari
il-ħolqien tal-logo il-ġdid tal-produzzjoni organika tal-Unjoni
Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-logo organiku tal-UE"). Mill-2004, il-Kunsill irreveda
l-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika fl-2007, u issa l-Kummissjoni
adottat proposta għal Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi,
li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 834/2007[6]. Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid
għall-futur tal-Produzzjoni Organika fl-Unjoni Ewropea jindirizza
wħud mill-problemi identifikati fl-analiżi tal-valutazzjoni
tal-impatt li saret għar-reviżjoni tal-politika organika tal-UE[7]. L-analiżi ssejset
fuq konsultazzjonijiet estensivi ma' firxa wiesgħa ta' partijiet
interessati. Iċ-ċittadini Ewropej urew interess kbir
fis-suġġett, billi ħadu sehem f'konsultazzjoni onlajn (bejn
Jannar u April 2013) u taw madwar 45,000 tweġiba. Waqt il-konsultazzjoni, xi partijiet
interessati kienu tal-fehma li l-Kummissjoni toħroġ Pjan ta' Azzjoni
ġdid. Mill-2004, 15-il Stat Membru stabbilixxew Pjanijiet ta' Azzjoni
għall-iżvilupp tal-biedja organika fil-livell nazzjonali jew reġjonali[8]. 3. L-isfidi tal-politika:
Programm ta' Azzjoni f'Oqsma Prijoritarji Speċifiċi Dan il-Pjan ta'
Azzjoni jippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għal
produzzjoni organika, kontrolli u kummerċ għall-għaxar snin li
ġejjin. Il-Pjan ta' Azzjoni beħsiebu jikkontribwixxi wkoll għal
bidla bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid li jrid jitwettaq sa tmiem
l-għaxar snin. L-iskema Ewropea tal-produzzjoni organika u
l-kontrolli nħolqot fl-1991 għal suq niċċa msawwar
b'għadd limitat ta' konsumaturi u produtturi. L-iżviluppi
riċenti fil-provvista u d-domanda juru li wasal iż-żmien li
tiġi adattata u mtejba l-iskema tal-Unjoni għall-ikel u l-biedja
organiċi. Il-konsultazzjoni pubblika wriet li l-konsumaturi Ewropej
jippretendu standards għoljin fir-regoli tal-produzzjoni tal-biedja organika
u l-kontrolli. Sfida ewlenija hi biex titwessa' u
titwieġeb id-domanda bla ma titqiegħed f'riskju l-fiduċja li
l-konsumaturi għandhom fil-prinċipji tal-biedja organika u
fil-kwalità tal-prodotti organiċi. F'dar-rigward, hemm wisq
eċċezzjonijiet għar-regoli, xi wħud minnhom skadew
minħabba kundizzjonijiet ġodda tas-suq, u qed jirriskjaw li
jdgħajfu l-integrità tal-biedja organika. L-ikel u l-biedja organiċi
jwieġbu d-domanda tas-soċjetà fejn jidħlu l-protezzjoni
ambjentali, il-kwalità tal-ikel, b'mod partikolari fir-rigward in-nuqqas ta'
użu ta' sustanzi kimiċi sintetiċi u OMĠs (Organiżmi
modifikati ġenetikament) fil-katina kollha tal-produzzjoni[9]. Meta jitqiesu t-tweġibiet
għal żieda fid-domanda, għandha tingħata attenzjoni akbar
lil regoli kkumplikati li jagħmluha diffiċli għall-operaturi
ż-żgħar biex jaċċessaw l-iskema organika. Barra minn
hekk, l-armonizzazzjoni ta' regoli organiċi għandha timmira għal
regoli stretti u ambizzjużi filwaqt li titqies ir-realtà tas-settur
tal-produzzjoni. Jeħtieġ li titqies ukoll
il-pressjoni tad-domanda li żżid ukoll ir-riskju ta' mġiba
qarrieqa jew ksur intenzjonali ieħor. Dan kollu, mhux biss jagħmel
ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u jikkawża danni ekonomiċi
li jxekklu l-kompetizzjoni, iżda jaf itappan ir-reputazzjoni tal-operaturi
organiċi li jkunu konformi mar-regoli. Il-prodotti importati
jaqdu rwol importanti fil-provvista tal-prodotti organiċi. F'dak
ir-rigward, ir-regoli relatati jeħtiġilhom jiżguraw
l-iżvilupp tal-kummerċ ta' prodotti organiċi filwaqt li jevitaw
milli jiddgħajfu l-prinċipji organiċi jew is-sistema ta'
kontroll. Il-produzzjoni organika trid tibqa'
żżomm ir-rwol innovattiv tagħha, ħalli tinfluwenza
l-produzzjoni li mhix organika bir-regoli tagħha u bit-tekniki applikati. Sabiex twieġeb l-isfidi msemmija hawn
fuq, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lil sinerġiji possibbli
bejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE, lill-ideat innovattivi li
joħorġu mill-konsultazzjonijiet, lir-rabtiet ma' inizjattivi
tar-riċerka, lill-bżonn li jiżdiedu l-għarfien u
l-kunfidenza tal-konsumatur, kif ukoll lill-kummerċ ma' pajjiżi
terzi. Għaldaqstant, il-Pjan ta' Azzjoni
għall-perjodu sal-2020 se jkun qed jiffoka fuq tliet oqsma ta' prijorità.
L-ewwel li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi organiċi tal-Unjoni
Ewropea, billi: –
jiżdied l-għarfien dwar l-istrumenti
tal-UE mmirati għall-produzzjoni organika u jiżdiedu s-sinerġiji
magħhom, –
jiġu indirizzati nuqqasijiet tekniċi
fil-produzzjoni organika permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tixrid
tagħhom, –
tiżdied l-informazzjoni dwar is-settur
tal-produzzjoni organika, kif ukoll dwar is-suq u l-kummerċ. It-tieni li tinżamm u
tissaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumatur fl-iskema Ewropea
għall-ikel u l-biedja organika, kif ukoll il-fiduċja fil-prodotti
organiċi importati, l-aktar fejn jidħlu l-miżuri ta' kontroll. It-tielet li terġa'
tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-iskema tal-UE
għall-produzzjoni organika. 4. L-iżvilupp tas-Settur
Organiku Ewropew 4.1. Inżidu l-għarfien u
sinerġiji tal-istrumenti tal-UE Il-PAK riformata li tapplika mis-sena 2014 'il
quddiem fiha miżuri ta' appoġġ ġodda jew riveduti li
jistgħu jiġu applikati għall-produtturi organiċi. Qabelxejn, il-PAK jirrikonoxxi lill-bdiewa
organiċi bħala "ekoloġiċi bid-definizzjoni" skont
is-sens tal-iskema ta' appoġġ tal-pagamenti diretti, minħabba li
huma intitolati de facto għal pagament ekoloġiku. Barra minn hekk, il-qafas il-ġdid
tal-iżvilupp rurali[10]
jipproponi miżura speċifika ġdida li tappoġġa
lill-biedja organika, biex wieħed jaqleb u jibqa' jħaddem
il-prattiċi tal-biedja organika. L-Istati Membri fil-Programmi
tal-Iżvilupp Rurali tagħhom jistgħu jqisu wkoll
l-implimentazzjoni u l-użu adegwat tal-lista twila ta' miżuri
rilevanti wkoll għall-bdiewa organiċi jew l-operaturi. Dawn jinkludu
l-koperazzjoni bejn atturi differenti fil-katina alimentari fejn jidħlu,
fost oħrajn, l-iżvilupp ta' prodotti, proċessi, prattiċi u
teknoloġiji innovattivi; l-appoġġ għal investimenti f'assi
fiżiċi, inklużi investimenti mhux produttivi li jsiru purament
għal finijiet ambjentali, l-appoġġ għal skemi ta' kwalità
għal prodotti agrikoli jew miżuri tal-klima agroambjentali mmirati
għall-farms organiċi li ma jirfsux ir-rekwiżiti tal-biedja
organika. Jekk titqies l-analiżi tas-sitwazzjoni
attwali fis-settur tal-biedja organika u l-potenzjal tas-suq f'dak l-Istat
Membru jew reġjun, tista' tinkiseb aktar effiċjenza fl-użu
tal-miżuri ta' appoġġ disponibbli fil-programmi
tal-iżvilupp rurali[11].
Din l-analiżi għandha ssawwar il-bażi biex jintgħażlu
l-miżuri rilevanti tal-iżvilupp rurali segwita minn allokazzjoni
xierqa tar-riżorsi. Il-promozzjoni tal-produzzjoni organika tista'
ssir ukoll permezz ta' sottoprogrammi tematiċi tal-programmi
tal-iżvilupp rurali. L-aktar sottoprogramm tematiku rilevanti, fejn
jidħlu kontenut u finanzjament, hu dak dwar il-mitigazzjoni u l-adattament
għat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. Madankollu, sa ċertu punt,
anke sottoprogrammi tematiċi oħra bħal dawk dwar farms agrikoli
żgħar u ktajjen tal-provvista qosra jaf ikunu rilevanti
għall-biedja organika. Barra minn hekk, l-obbligu
għall-Istati Membri li jipprevedu nefqa minima ta' 30% tal-kontribuzzjoni
totali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għal
kull programm tal-iżvilupp rurali fuq miżuri li jittrattaw
kwistjonijiet ambjentali u oħrajn relatati mal-klima, inkluża
l-miżura tal-biedja organika, jaf jaqdi rwol pożittiv ħafna li
jħeġġeġ l-appoġġ finanzjarju u allura
l-iżvilupp tal-biedja organika u jagħtiha appoġġ
finanzjarju. Bħala parti
mill-enfasi mġedda fuq il-promozzjoni tal-akkwakultura fil-Politika Komuni
tas-Sajd (PKS), il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) se jipprovdi wkoll
appoġġ għall-prattiċi tal-akkwakultura organika. Il-Kummissjoni
tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jaħtfu l-opportunitajiet u
jużaw l-għodod ta' appoġġ għall-biedja organika
disponibbli fil-qafas legali l-ġdid tal-iżvilupp rurali, fit-tkabbir
blu u fil-Politika Komuni tas-Sajd. Filwaqt li jitqiesu
l-bidliet importanti riċenti li saru fil-PAK, hu rakkomandabbli li
jiżdied malajr l-għarfien fost il-bdiewa u l-atturi rurali rigward
il-miżuri ta' appoġġ disponibbli għall-biedja organika
fl-istrumenti rilevanti proposti tal-PAK u l-PKS il-ġodda (Azzjonijiet 1
u 2). L-effett pożittiv li
tħalli l-biedja organika fuq l-ambjent jgħin biex jintlaħqu
l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-2020[12], il-Komunikazzjoni
tal-Infrastruttura Ekoloġika[13],
l-Istrateġija Tematika għall-Ħamrija[14] u
leġiżlazzjonijiet ambjentali bħad-Direttivi dwar l-Għasafar[15] u l-Ħabitats[16], id-Direttiva dwar
in-Nitrati[17],
id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[18],
id-Direttiva dwar il-Limitu Nazzjonali tal-Emissjonijiet[19]). Azzjoni 1: Fl-2014 il-Kummissjoni se tippubblika dokument informattiv maħsub għall-bdiewa organiċi, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut, li jippreżenta r-regoli applikabbli għall-produzzjoni organika, l-ipproċessar u l-kummerċ, inklużi r-regoli li japplikaw għall-konverżjoni kif ukoll il-miżuri ta' appoġġ fil-PAK. Azzjoni 2: Il-Kummissjoni se tinkludi l-biedja organika bħala tema speċifika fis-sejħa li jmiss għal proposti li jappoġġaw il-miżuri ta' informazzjoni maħsuba għall-bdiewa u l-produtturi li għandhom x'jaqsmu mal-politika agrikola komuni (PAK). Bħala parti mill-gwida dwar il-finanzjament tal-FEMS, se ssir enfasi wkoll fuq l-opportunitajiet għall-akkwakultura organika. 4.2. Niżguraw l-għarfien
fl-iskema organika tal-UE inkluż il-logo organiku tal-UE L-azzjonijiet dwar l-informazzjoni u
l-promozzjoni tal-prodotti organiċi jaf jaqdu rwol importanti biex
jiżdiedu l-opportunitajiet tas-suq għall-produtturi organiċi.
F'dak is-sens, il-politika Ewropea dwar l-attivitajiet ta' informazzjoni u
promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi
terzi toffri lill-operaturi possibbiltajiet ta' finanzjament għal kampanji
mmirati biex tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar l-elementi ewlenin
tal-iskema tal-produzzjoni organika, dwar prodotti speċifiċi li jsiru
skont ir-regoli tal-produzzjoni organika tal-UE, is-sistema tal-UE ta' kontroll
u dwar il-logo organiku tal-UE (Azzjoni 3). Għall-konsumaturi, il-preżenza
tal-logo organiku tal-UE fuq it-tikketti tal-ikel hi l-mezz ewlieni li
jidentifika l-prodotti organiċi. Il-logo tal-UE, li nħoloq fl-2010,
beda jintużaw b'mod obbligatorju mill-2012 fuq l-imballaġġ ta'
kull prodott tal-ikel organiku ippakkjat minn qabel li sar fl-UE. F'Novembru 2013,
bħala medja fit-28 Stat Membru, 25% tat-tweġibiet urew li jafu
bil-logo organiku tal-UE[20].
Paripassu mal-logo tal-UE, l-informazzjoni dwar il-produzzjoni organika jidher
li tasal tajjeb għand il-konsumaturi b'mod ġenerali – 69%
tal-konsumaturi tal-UE qalu li huma raw logo jew dikjarazzjoni li tindika li
l-prodott tal-ikel sar b'mod organiku[21].
Il-monitoraġġ tal-għarfien tal-konsumatur dwar il-logo organiku
tal-UE u l-fiduċja fil-prodotti organiċi għandu joħloq
informazzjoni affidabbli biex jiġu mmirati aħjar oqsma li
għandhom jitjiebu fejn jidħlu l-informazzjoni u l-promozzjoni fl-UE u
fis-swieq ta' pajjiżi terzi (Azzjoni 4). Jekk minn żmien medju għal aktar
fit-tul, fl-UE jew fi Stat Membru l-livell tal-għarfien tal-konsumatur
dwar il-logo organiku tal-UE ma jiżdiedx jew jekk xi drabi l-fiduċja
tal-konsumatur fl-iskema organika tkun tista' titqies f'riskju, il-Kummissjoni
tista' tikkunsidra li, fil-kuntest tal-politika l-ġdida tal-informazzjoni
u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli Ewropej[22],
iżżid l-informazzjoni dwar l-iskema u l-logo organiku tal-UE permezz
ta' kampanja li tiffinanzja l-UE. Il-kampanji ta' informazzjoni u promozzjoni
jistgħu jitqiesu anki biex jindirizzaw l-għarfien tal-konsumaturi
bil-logo organiku tal-UE u/jew il-karatteristiċi ewlenin tal-iskema
organika tal-UE f'pajjiż/i li mhumiex fl-UE. Dawn il-kampanji jistgħu
jsegwu arranġamenti reċiproċi jew ftehimiet li tiffirma l-UE
(jiġifieri mal-Istati Uniti, l-Isvizzera), jew inizjattivi li jħarsu
l-logo organiku tal-UE li jitwettqu f'xi pajjiżi terzi. L-għarfien u l-kunfidenza fl-iskema
tal-produzzjoni organika jistgħu jiżdiedu wkoll permezz ta'
informazzjoni mmirata għall-konsumaturi żgħażagħ u
żgħar. F'dak is-sens, bl-inizjattivi nazzjonali tal-iskema tal-frott
u l-ħaxix fl-iskola u tal-iskema tal-ħalib fl-iskola jistgħu
jinħolqu attivitajiet ta' informazzjoni fl-iskejjel dwar
il-karatteristiċi tal-metodu tal-produzzjoni organika, fl-aspett edukattiv
tal-iskema. Ir-reviżjoni tal-iskemi tal-iskola fil-PAK[23] tipprevedi opportunità
li terġa' tissaħħaħ ir-rabta mal-produzzjoni organika billi
jitħeġġu l-ksib ta' prodotti organiċi u l-integrazzjoni ta'
suġġetti relatati mal-biedja organika fil-miżuri edukattivi ta'
appoġġ. Il-produzzjoni organika tidher sew
fil-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) tal-UE
għas-servizzi tal-ikel u tal-catering li kienu disponibbli mill-2008
(persentaġġ minimu ta' ikel li għandu jiġi prodott b'mod
organiku) li huma rakkomandazzjonijiet għall-użu volontarju
mill-awtoritajiet pubbliċi mal-Ewropa kollha. Hemm potenzjal
għall-Istati Membri u għall-akkwirenti pubbliċi li jżidu
l-użu tar-rekwiżiti tal-biedja organika fl-akkwist pubbliku, fejn
jidħlu s-servizzi tal-ikel u tal-catering. Il-Kummissjoni se
tiżviluppa materjal ta' informazzjoni speċifika sabiex jiżdied
l-għarfien fost l-awtoritajiet pubbliċi dwar il-possibbiltà li
jdaħħlu aktar aspetti ta' sostenibbiltà fil-kuntratti tagħhom
għall-ikel u l-catering inklużi kriterji tal-produzzjoni organika
(Azzjoni 5). Azzjoni 3: Il-Kummissjoni se tibqa' tqajjem kuxjenza dwar il-possibbiltajiet li joffri r-regolament dwar l-attivitajiet ta' informazzjoni u promozzjoni favur prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi, b'mod partikolari dwar l-għanijiet tal-politika ta' promozzjoni u r-regoli u l-proċeduri li japplikaw bil-preżentazzjoni ta' strument lill-pubbliku tas-settur organiku, l-Istati Membri (il-Kumitat Permanenti dwar il-biedja organika), il-partijiet interessati (il-Grupp Konsultattiv dwar il-Biedja Organika), jew avvenimenti speċjalizzati tal-biedja organika bħal BioFach. Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se twettaq: – Stħarriġiet perjodiċi dwar l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-logo organiku tal-UE. – Stħarriġ speċifiku dwar l-għarfien, il-kunfidenza u l-fehim tal-konsumaturi dwar l-iskema tal-biedja organika tal-UE. Azzjoni 5: Sal-aħħar tal-2015 il-Kummissjoni se tirrevedi l-kriterji tagħha tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għas-Servizzi tal-Ikel u tal-Catering, u se tiżviluppa materjal ta' informazzjoni speċifika li tagħti eżempji dwar l-użu tar-rekwiżiti tal-biedja organika fl-akkwist pubbliku. 4.3. Negħlbu l-isfidi
fir-regoli organiċi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni. 4.3.1. Il-kamp ta' applikazzjoni Il-produzzjoni organika saret sistema agrikola speċjalizzata
ħafna, li teħtieġ edukazzjoni professjonali, għarfien u
teknoloġiji speċifiċi. Fis-sistemi mmexxija b'mod organiku,
jeżistu għadd ta' sfidi fejn jidħlu l-produzzjoni tal-pjanti u
l-prodotti tal-annimali, ngħidu aħna meta d-disponibbiltà ta' xi
inputs fil-forma organika tkun limitata. L-akbar xkiel hu fejn tidħol
in-nutrizzjoni tal-annimali, l-aktar il-provvista tal-proteina u
l-mikronutrijenti, u d-disponibbiltà ta' żrieragħ organiċi. Dan
ix-xkiel jeħtieġ jiġi indirizzat u megħlub, l-aktar
minħabba li aktarx ċertu eċċezzjonijiet u derogi għar-regoli
jitneħħew ftit ftit. Apparti dawn l-isfidi, il-Kummissjoni
tissuġġerixxi li tingħata aktar attenzjoni lil kwistjonijiet
konkreti ta' żvilupp fis-settur bħal: a) Metodi innovattivi
għall-immaniġġjar tal-pesti, mard u ħaxix ħażin;
b) Alternattivi għall-prodotti tar-ram għall-protezzjoni
ekoloġika tal-pjanti; c) Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija mis-serer;
d) Fertilità aħjar tal-ħamrija; e) Użu aħjar
tal-enerġija; f) Il-koeżistenza tal-biedja organika mal-agrikoltura
mhux organika g) Ingredjenti u tekniki kompatibbli mal-ipproċessar
tal-ikel organiku. It-3 Rapport ta' previżjoni[24] tal-Kumitat Permanenti
dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR) jidentifika wkoll oqsma rilevanti
tar-riċerka. Id-disponibbiltà tal-għalf organiku
tal-proteini analizzawha bosta proġetti tar-riċerka li tiffinanzja
l-UE dwar l-agrikoltura organika u bi ftit inputs[25]. Madankollu,
ir-riċerka fl-għelejjel tal-proteini baqgħet limitata meta
mqabbla ma' setturi oħra tal-produzzjoni, u allura r-rendimenti
tal-għelejjel tal-proteina nqatgħu fl-aħħar deċenji.
Investiment imġedded fir-riċerka tal-produzzjoni tal-għelejjel
tal-proteina jaf jgħin biex terġa' tonqos id-diskrepanza u jwassal
għal rendiment aktar stabbli u kwalità tal-prodott (kontenut tal-proteini,
diġestibbiltà, eċċ.) ħalli l-għelejjel tal-proteini jrendu
aktar profitt għall-bdiewa u għall-katina tal-provvista kollha. Ir-riċerka jaf twassal ukoll biex
jitjiebu n-nutrizzjoni tal-annimali, l-effiċjenza tal-għalf,
it-tgħammir u t-trobbija fil-produzzjoni organika jekk din tiffoka fuq
aktar sostenibbiltà, l-effiċjenza tar-riżorsi inklużi
l-protezzjoni tal-ilma u tal-ħamrija, il-bijodiversità u l-adattament
għall-bidla fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha. Id-disponibbiltà ta' żerriegħa
organika, materjal tal-bhejjem u bhejjem żgħar, u żerriegħa
tal-molluski bivalvi hija wkoll sfida ekonomika u teknika għall-produtturi
organiċi. Minkejja li s-sitwazzjoni jidher li tjiebet kemxejn
għaż-żerriegħa organika, jeżistu
eċċezzjonijiet importanti li jippermettu l-użu ta'
żerriegħa konvenzjonali mhux trattata. Hu importanti li tiżdied
l-informazzjoni maħsuba għall-produtturi dwar id-disponibbiltà ta'
żrieragħ organiċi mal-UE kollha, b'bażi tad-dejta
fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni
tirrakkomanda li l-partijiet interessati kkonċernati jistabbilixxu
bażi tad-dejta fil-livell Ewropew dwar id-disponibbiltà ta'
żrieragħ organiċi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ
lill-partijiet interessati – l-aktar fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv
għall-Akkwakultura – biex iqisu inizjattivi simili dwar id-disponibbiltà
ta' ħut żgħir organiku u żerriegħa organika ta'
molluski bivalvi. Sabiex jitlesta dak l-approċċ, hemm
bżonn li l-użu tad-derogi jkun limitat strettament
għall-prinċipju tal-użu obbligatorju ta' żrieragħ
organiċi. Hemm bżonn ukoll li tiżdied ir-riċerka dwar
tekniki tat-tgħammir li tqis anki l-użu tal-popolazzjonijiet lokali u
l-ispeċijiet semidomestikati għall-produzzjoni ta' żrieragħ
organiċi, filwaqt li tkun żgurata l-kompatibbiltà tagħhom
mal-prinċipji u l-għanijiet tal-biedja organika. Il-produtturi
tal-akkwakultura organika jindikaw li d-disponibbiltà ta' żrieragħ
organiċi tal-ħut żgħir u tal-molluski bivalvi għadha
fattur li jillimita t-tkabbir f'dan is-settur. 4.3.2. Għodod Orizzont 2020 – il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni, jista' joħloq soluzzjonijiet u jipprovdi l-għodod
biex jibqgħu jitjiebu l-prestazzjoni u t-tħaddim tar-riżultati
tar-riċerka. Orizzont 2020 fih bosta mekkaniżmi li jippromwovu
r-riċerka u l-innovazzjoni, id-dimostrazzjoni, il-koordinazzjoni,
in-netwerking u t-taħriġ u fih ukoll infrastrutturi ta'
appoġġ u innovazzjonijiet, eż. fl-SMEs. Il-parteċipazzjoni tas-settur tal-biedja
organika fis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar
il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli se tkun essenzjali biex
tissaħħaħ l-innovazzjoni u biex tiżdied il-koperazzjoni
bejn id-dinja tax-xjenza, il-biedja, il-konsulenza għall-azjendi agrikoli
u l-industrija agrikola fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Bħala tweġiba għall-isfidi
futuri, hemm bżonn li l-bdiewa jinvolvu ruħhom aktar ħalli
jiġu identifikati aħjar il-ħtiġijiet tar-riċerka u
l-innovazzjoni (Azzjoni 6). Fl-EIP jistgħu jintużaw bosta
formati biex jiġu esplorati kwistjonijiet speċifiċi li huma
rilevanti għall-biedja organika u li jħeġġu l-impenn attiv
tal-bdiewa. Fost l-oħrajn, l-Istati Membri għandhom iqisu li
jneħħu d-derogi meta jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-innovazzjoni
fil-kuntest tal-programmi tal-iżvilupp rurali. Meta jiddefinixxu dawn
il-prijoritajiet, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-għarfien fost
il-bdiewa u r-riċerkaturi, u jgħinu biex jissawru gruppi
operazzjonali fuq dawk is-suġġetti. Bejn l-2000 u l-2012,
tħaddmu 49 proġett tar-riċerka ffinanzjati mill-UE dwar
l-agrikoltura organika u bi ftit inputs, u dawn saħħu l-kapaċità
tar-riċerka u l-innovazzjoni tas-settur organiku[26]. Jekk l-għarfien
miksub bir-riċerka jissarraf aħjar fil-prattika, l-aktar fejn
jidħlu l-metodi tal-produzzjoni, tiżdied l-effiċjenza
tar-riżultati tar-riċerka u titjieb il-prestazzjoni tas-settur.
Għandhom jitħeġġu miżuri partikolari li jieħdu
vantaġġ mill-għarfien li nkiseb mir-riċerka u l-prattika
ħalli jiġu ttestjati soluzzjonijiet potenzjali u jissarrfu fil-prattika. Il-pjattaforma teknoloġija
għar-riċerka fl-ikel u l-biedja organiċi (TP Organics), taqdi
r-rwol tagħha billi tipprovdi input f'aġenda strateġika
tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jeżisti potenzjal li tibqa'
titjieb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' finanzjament tar-riċerka
għas-settur organiku mal-Unjoni Ewropea kollha. Orizzont 2020
jipprovdi appoġġ lil netwerks ta' korpi nazzjonali tal-finanzjament
biex jagħmlu sejħiet konġunti tar-riċerka. Se ssir promozzjoni
attiva biex jintużaw l-istrumenti tal-ERA-NET u/jew tal-Programmazzjoni
Konġunta, ħalli jitħeġġu l-kollaborazzjonijiet
eżistenti, eż. l-ERA-Net CORE-Organic Plus. Fil-kuntest ta' Orizzont 2020,
il-programmi ta' ħidma se jkollhom iqisu dawk l-isfidi u tagħlimiet
dwar l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riċerka min-naħa
tal-bdiewa, l-iskambju tar-riżultati tar-riċerka anki minn setturi
oħra tal-produzzjoni, u aktar koordinazzjoni fil-ħidma
tar-riċerka Ewropea (Azzjoni 7). Azzjoni 6: Fl-2015 il-Kummissjoni se torganizza konferenza biex tidentifika prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-produtturi skont l-isfidi li jaf joħolqu r-regoli futuri tal-produzzjoni organika. Azzjoni 7: Il-Kummissjoni se tqis il-formati rilevanti ta' Orizzont 2020: – il-ħtieġa li jissaħħu r-riċerka, l-iskambju u t-tħaddim tar-riżultati tar-riċerka permezz ta' miżuri speċifiċi bħal azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, netwerks tematiċi u tipi oħra ta' "Azzjonijiet ta' Koperazzjoni u Appoġġ" li jindirizzaw is-sinerġiji bejn ir-riżultati tar-riċerka ta' setturi oħra tal-produzzjoni fuq naħa u r-riċerka konvenzjonali u organika fuq in-naħa l-oħra. – appoġġ lill-ERA-NET jew lil tipi oħra ta' strumenti biex titjieb il-koordinazzjoni tar-riċerka fost il-korpi tal-finanzjament tar-riċerka fl-UE, bil-ħsieb li joħorġu sejħiet konġunti tar-riċerka. 4.4. Monitoraġġ u
evalwazzjoni Id-disponibbiltà tad-dejta statistika hi
essenzjali biex tissawwar, tiġi monitorjata u evalwata l-implimentazzjoni
tal-politika tal-Unjoni għall-produzzjoni organika, b'mod partikolari fejn
jidħol l-għarfien fuq is-settur tal-produzzjoni, fuq il-prezzijiet
tul il-katina tal-provvista alimentari organika, fuq il-kummerċ, fuq
il-preferenzi tal-konsumatur, u mezzi speċifiċi
tal-kummerċjalizzazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinanzja
proġett tar-riċerka "Network tad-dejta għal informazzjoni
aħjar dwar is-suq organiku Ewropew - Netwerk tad-dejta organika"
bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza tas-suq Ewropew tal-ikel organiku
permezz ta' disponibbiltà aħjar tal-informazzjoni dwar is-settur[27]. Jekk isiru aktar
sforzi biex tinġabar, tingħarbel u tixxerred id-dejta, jiżdiedu
t-trasparenza u l-kunfidenza fis-settur organiku. Sabiex jiġu evalwati aħjar
l-effiċjenza u l-effettività tal-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE hemm bżonn ukoll li jitjieb l-għarfien
dwar kif il-valur miżjud jitqassam tul il-katina u kemm hi ta'
benefiċċju għall-produtturi agrikoli (Azzjoni 9). Element
ieħor importanti għall-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida hu
l-attrazzjoni tas-settur tal-produzzjoni organika għal azjendi
żgħar u mikrointrapriżi, b'mod partikolari fejn jidħlu
x-xkiel u l-ħajra li jieħdu sehem fl-iskema tal-produzzjoni organika. Reviżjoni tal-progress tal-Pjan ta'
Azzjoni se tintemm fl-2020. Azzjoni 8: Il-Kummissjoni se tippubblika rapporti regolari dwar il-produzzjoni organika fl-UE, li b'mod partikolari jkun fihom informazzjoni dwar uċuħ, azjendi involuti fil-produzzjoni organika u fuq setturi ewlenin tal-produzzjoni. Azzjoni 9: Il-Kummissjoni se: – Tanalizza d-distribuzzjoni tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista alimentari. – Tanalizza x-xkiel għal sħubija fis-settur organiku permezz ta' stħarriġ dwar kemm l-iskema organika tappella, b'mod partikolari għal azjendi agrikoli żgħar, u l-intrapriżi żgħar u medji fis-settur tal-manifattura tal-ikel. 5. Niżguraw il-kunfidenza
tal-konsumatur fl-iskema tal-produzzjoni organika tal-UE Ir-riskju li tintilef il-kunfidenza
tal-konsumatur hu waħda mill-isfidi ewlenin tas-settur organiku. Wara l-qafas il-ġdid dwar l-akkreditament
u s-sorveljanza tas-suq fl-Unjoni Ewropea[28]
l-akkreditament sar l-istrument ewlieni li juri l-kompetenza teknika tal-korpi
ta' valutazzjoni tal-konformità, bħall-korpi ta' kontroll fis-settur
organiku. Issa, l-akkreditament fl-UE qed jitwettaq minn korp nazzjonali uniku
ta' akkreditament li jaġixxi taħt awtorità pubblika. Twaqqfet taskforce fil-Koperazzjoni Ewropea
għall-Akkreditament biex speċifikament tieħu ħsieb materji
ta' akkreditament tal-korpi ta' kontroll li jaħdmu fis-settur organiku.
Ħidmitha, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, wasslet biex jiġi
adottat dokument obbligatorju għall-korpi nazzjonali ta' akkreditament li
jaħdmu f'dan il-qasam u li beda japplika f'Jannar 2014[29]. Fl-istess waqt, fl-2012 u fl-2013
il-Kummissjoni permezz tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO)
għamlet 10 verifiki fl-Istati Membri u 4 verifiki f'pajjiżi
terzi tas-sistema organika ta' kontroll. Fid-dawl tas-sejbiet deskritti
fir-rapporti tal-FVO, jidher li hemm bżonn jiżdiedu l-koordinazzjoni
u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi nazzjonali ta'
akkreditament (Azzjoni 10) bil-ħsieb li ssir superviżjoni aktar
effettiva u effiċjenti tal-Korpi ta' Kontroll fl-UE. Fejn jidħlu l-importazzjonijiet, jidher
li hemm bżonn ukoll li teħfief it-trażmissjoni
taċ-ċertifikati tal-importazzjoni organika, u li tiżdied
l-informazzjoni dwar l-użu tiegħu fost l-operaturi u l-awtoritajiet
doganali tal-Istati Membri, b'mod partikolari dwar it-TARIC[30], it-Tariffa Integrata
tal-Komunità onlajn (Azzjoni 11). Hemm bżonn li jonqos u jkun simplifikat
il-piż amministrattiv u li tiżdied it-traċċabbiltà
tal-prodotti organiċi permezz ta' sistema elettronika
taċ-ċertifikazzjoni (Azzjoni 12). Imġiba qarrieqa u ksur intenzjonali huma
wieħed mill-fatturi ewlenin li jaf jolqot il-kunfidenza tal-konsumatur.
L-UE se tappoġġa lill-Istati Membri u lil atturi oħra fil-katina
alimentari biex jidentifikaw azzjonijiet li jevitaw u jindirizzaw dak il-ksur (Azzjoni 13).
Azzjoni 10: Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jesploraw is-sinerġiji u s-simplifikazzjonijiet bejn l-attivitajiet ta' Korpi ta' Akkreditament u Awtoritajiet Kompetenti. Fl-2016 il-Kummissjoni se tistabbilixxi aktar gwida. Il-Kummissjoni se taħdem id f'id kif jixraq mal-Korpi ta' Akkreditament responsabbli mis-sorveljanza tal-Korpi ta' Kontroll f'Pajjiżi Terzi. Azzjoni 11: Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kumitat TARIC biex jintegra r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-produzzjoni organika fil-bażi tad-dejta TARIC. Azzjoni 12: Il-Kummissjoni se toħloq: – Sistema taċ-ċertifikazzjoni elettronika għall-importazzjoni, bħala modulu integrat fis-sistema TRACES (Sistema futura ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali – IMSOC) sal-2015. – Approċċ għal ċertifikazzjoni elettronika fis-suq intern biex jiddaħħal fis-Sistema futura ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC). Azzjoni 13: Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' politika għall-prevenzjoni tal-frodi organika, permezz ta': – Grupp(i) ta' ħidma mmirati biex jinqasmu t-tagħlimiet u l-aqwa prattiċi, u – L-iżvilupp ta' ġabriet tal-każijiet. 6. Nerġgħu nsaħħu
d-dimensjoni esterna tal-produzzjoni organika tal-UE L-UE taqdi rwol importanti fil-kummerċ
tal-ikel b'mod partikolari għal prodotti ta' kwalità għolja.
B'importazzjonijiet u esportazzjonijiet li f'daqqa jlaħħqu
l-EUR 196 biljun fis-sena (dejta medja għall-2010-2012), l-UE
tinsab fuq quddiem nett fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli fid-dinja.
Il-qawwa tal-esportazzjoni tal-UE tinsab fi prodotti finali li huma lesti
għall-konsumaturi, kemm proċessati kif ukoll mhux proċessati,
peress li l-UE għandha bilanċ ta' kummerċ nett ta'
EUR 6.7 biljun (medja għall-2010-2012). Dawn jinkludu inbejjed,
xarbiet alkoħoliċi, ġbaben u laħmijiet proċessati li
jipproduċu valur miżjud sinifikanti fil-katina. Jekk ikun żgurat li l-produtturi
organiċi tal-UE jsegwu t-tendenza tal-industrija alimentari Ewropea billi
jiżviluppaw is-saħħa tagħhom bis-sħiħ,
fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-produtturi tal-UE stess. Apparti żieda fil-kummerċ,
ir-reġim organiku tal-UE jeħtieġ jiżgura li l-prodotti
importati ikunu konformi mad-definizzjoni stretta tal-UE ta' ikel u biedja
organiċi. Barra minn hekk, żdied il-bżonn li l-konsumaturi jkunu
żgurati l-integrità tas-sistema ta' kontroll f'pajjiżi terzi fejn jidħol
l-użu tat-tikkettar u l-logo organiċi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma
oriġini importanti għall-importazzjonijiet fl-UE tal-prodotti
organiċi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt
tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-produzzjoni u l-kontroll
ħalli jkun żgurat li jissokta l-kummerċ bla intoppi minn
pajjiżi li qed jiżviluppaw (Azzjoni 14). Uħud mill-arranġamenti ta'
ekwivalenza li kkonkludiet l-UE ma' swieq organiċi oħra ewlenin
fid-dinja jipprovdu għal kundizzjonijiet reċiproċi
għall-produtturi tal-UE, minkejja li l-ambitu tagħhom ivarja xi
daqsxejn. L-arranġament bejn l-UE u l-Istati Uniti biss jipprovdi
għal koperazzjoni regolatorja u tal-istandards dwar il-produzzjoni
organika. Billi tipprova twessa' l-arranġamenti ma' swieq organiċi
ewlenin oħra ħalli jħaddmu din il-koperazzjoni regolatorja u
tal-istandards, il-Kummissjoni se tirsisti għal konverġenza akbar
bejn dawn l-istandards organiċi tas-swieq. F'konformità ma' dan,
il-Kummissjoni se tgħarrex il-possibbiltà li jsir ftehim plurilaterali
bejn is-swieq organiċi ewlenin (Azzjoni 15). Dan il-ftehim
plurilaterali bl-appoġġ tal-koperazzjoni regolatorja jaf joħloq
sinerġiji fis-sistema tas-superviżjoni u l-kontroll li bihom
titħaffef il-produzzjoni organika orjentata lejn l-esportazzjoni
fil-pajjiżi produtturi organiċi ewlenin u daqstant ieħor
fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalkemm ma
teżistix informazzjoni dettaljata dwar il-volumi u l-valuri tal-flussi
kummerċjali tal-prodotti organiċi, hu importanti li jitjieb
l-għarfien tal-kummerċ, ħalli pereżempju jiġu identifikati
swieq eżistenti u potenzjali għall-prodotti tal-UE, u l-azzjoni
esterna tinxteħet l-aktar fuq is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE
(Azzjoni 16). Il-Codex Alimentarius (li stabbilixxew
il-FAO u d-WHO, 185 Pajjiż Membru u Organizzazzjoni Membru waħda
(1) (UE) jistabbilixxi standards li jintużaw bħala referenza
fil-kummerċ internazzjonali inkluż fil-kummerċ tal-prodotti
organiċi. Bl-iżvilupp tal-kummerċ dinji, u r-riskju ta'
standards nazzjonali diverġenti, b'mod partikolari għal setturi
emerġenti, jidher li hemm bżonn tissokta l-ħidma biex jiġi
aġġornat u jitlesta l-istandard Codex eżistenti (Azzjoni 17). Il-protezzjoni tal-logo organiku l-ġdid
tal-UE tinkiseb billi dan jiġi rreġistrat bħala marka
kummerċjali kollettiva fl-Uffiċċju Ewropew għall-Armonizzazzjoni
tas-Suq Intern u f'għadd limitat ta' pajjiżi ġirien
bħall-Isvizzera u n-Norveġja. Sabiex ikun żgurat li l-logo
organiku tal-UE ma jintużax ħażin fil-pajjiżi terzi,
għandha tinżamm ir-reġistrazzjoni tal-marka kummerċjali,
filwaqt li jitqiesu l-potenzjal tas-suq u r-riskju ta' użu ħażin
tal-logo organiku tal-UE (Azzjoni 18). Azzjoni 14: Il-Kummissjoni se tibqa' tappoġġa u tikkopera mas-sħab kummerċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-qafas tal-politika għall-iżvilupp tal-UE. Tikkunsidra konsultazzjonijiet ma' partijiet interessati u rappreżentanti ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jimportaw fl-UE ħalli tiżgura li l-kummerċ isir skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Azzjoni 15: Il-Kummissjoni se tqis li żżid il-konverġenza tal-istandards fost is-sħab organiċi ewlenin u tgħarrex il-possibbiltà ta' ftehim plurilaterali. Azzjoni 16: Il-Kummissjoni se tgħarrex possibbiltajiet differenti biex tiġbor u tgħarbel dejta statistika dwar il-volum u l-valur tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi, ħalli jitjieb l-għarfien tas-settur organiku tal-UE dwar swieq potenzjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala fornituri attwali u li potenzjalment jikbru fis-swieq tal-UE. Azzjoni 17: Dwar il-Codex Alimentarius, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' regoli dwar l-akkwakultura, u se tesplora l-fattibbiltà li tibda l-ħidma fuq regoli tal-inbid organiku. Azzjoni 18: Il-Kummissjoni se żżid il-protezzjoni tal-logo organiku tal-UE f'pajjiżi terzi permezz tar-reġistrazzjoni bħala marka kummerċjali kollettiva u/jew permezz ta' ftehimiet bilaterali. [1] Stima minn FiBL. [2] Iż-żona tal-art organika totali (f'ettari)
(żona ċċertifikata u f'konverżjoni) - iż-żona
totali, inkluż għelejjel minn art li tinħadem, bwar permanenti
(mergħat u mraġ), uċuħ permanenti, art mhux maħduma
bħala parti min-newba tal-uċuħ tar-raba'. [3] COM(2010) 2020: "Ewropa 2020:
Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv". [4] Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm
Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu
tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" [5] COM(2004) 415 final [6] Ir-referenza tal-proposta. [7] Ir-rapport
tal-valutazzjoni tal-impatt jinsab fuq: http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/cia_2013_en.htm [8] Ara
l-proġett iffinanzjat tar-riċerka tal-UE: ORGAP, li jinsab fuq: http://www.orgap.org/ [9] Ara r-rapport fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni
pubblika dwar ir-reviżjoni tal-Politika tal-UE dwar l-agrikoltura organika
(il-15 ta' Jannar – l-10 ta' April 2013), li jinsab
hawn: http://ec.europa.eu/agriculture/organic/files/eu-policy/of_public_consultation_final_report_en.pdf [10] Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013. [11] Ara l-istudju "Use and Efficiency of Public Support
Measures addressing Organic Farming" (L-użu u l-effiċjenza
tal-Miżuri ta' Appoġġ Pubbliku li jindirizzaw il-Biedja
Organika), Novembru 2011, li jinsab hawn: http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/organic-farming-support_en.htm [12] COM(2011) 244 final "L-assigurazzjoni ta'
ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: Strateġija tal-UE
għall-Bijodiversità sal-2020". [13] SWD(2013) 155 final "L-Infrastruttura
Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa" [14] COM(2006) 231 final "L-Istrateġija Tematika
għall-Ħarsien tal-Ħamrija" [15] Id-Direttiva 2009/147/KE [16] Id-Direttiva 43/92/KEE [17] Id-Direttiva 91/676/KEE [18] Id-Direttiva 2000/60/KE [19] Id-Direttiva 2001/81/KE [20] Ewrobarometru Speċjali 410 – Wave EB80.2 - TNS
Opinion & Social, stħarriġ li sar f'Novembru 2013. [21] Studju tas-suq tal-konsumaturi dwar il-funzjonament
tal-iskemi volontarja ta' tikkettar tal-ikel għall-konsumaturi fl-Unjoni
Ewropea (Jannar 2014), jinsab hawn: [Link to be provided] [22] Segwitu tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2013) 812
finali, jisanb hawn: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2013:0812:FIN:MT:PDF
[23] Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2014) 32 final,
30.1.2014, 2014/0014 (COD). [24] http://ec.europa.eu/research/agriculture/scar/pdf/scar_feg3_final_report_01_02_2011.pdf [25] B'mod partikolari LEGUME-FUTURES, MicroFIX, u INTERCROP. [26] http://ec.europa.eu/research/bioeconomy/agriculture/news-events/news/20120903_en.htm [27] L-ewwel riżultati juru li hemm bżonn aktar
armonizzazzjoni fil-metodoloġija tal-ġbir tad-dejta. [28] Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008. [29] Linji gwida dwar l-użu ta' EN 45011 u
ISO/EC 17021 għaċ-Ċertifikazzjoni ta' EN ISO 3834
(ippubblikati fit-3 ta' Lulju 2013):
http://www.european-accreditation.org/publication/ea-6-02-m. [30] http://ec.europa.eu/taxation_customs/dds2/taric/taric_consultation.jsp?Lang=en