EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0153

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2014

/* COM/2014/0153 final */

52014DC0153

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2014 /* COM/2014/0153 final */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW

Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2014

1. Introduzzjoni

Ir-Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment (TIBR) tal-2014, bħat-tliet edizzjonijiet preċedenti, jindirizza għażla ta' ostakoli ewlenin iffaċċati minn kumpaniji tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-swieq tas-sħab strateġiċi tal-UE, jiġifieri ċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Mercosur[1], ir-Russja u l-Istati Uniti (US). L-għan ewlieni tiegħu hu li jqajjem kuxjenza dwar il-miżuri restrittivi ewlenin tal-kummerċ u jafferma mill-ġdid l-importanza li dawn l-ostakoli jiġu indirizzati b'mod iffukat u kkonċertat.

Din ir-raba' edizzjoni tat-TIBR tagħti rendikont tal-progress miksub fir-rigward l-ostakoli identifikati fl-edizzjonijiet preċedenti u tanalizza għadd ta' miżuri ġodda li huma kawża ta' tħassib serju. Għalkemm sar progress sostanzjali fuq bosta miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, xi ostakoli jibqgħu jippersistu u jeħtieġ li l-UE tissokta tindirizzahom bil-qawwa mas-sħab strateġiċi tagħha. Għadd sinifikanti ta' ostakoli huma relatati ma' rekwiżiti ta' kontenut lokali li huma ħafna drabi stabbiliti minn pajjiżi emerġenti (b'mod partikolari ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil).

Azzjonijiet ta' infurzar tal-UE, li t-TIBR huwa parti minnhom, jikkumplimentaw aġenda ambizzjuża tan-negozjati biex jiġi żgurat li d-dħul tal-industrija tal-UE fil-katini ta' forniment globali jappoġġa b'mod attiv l-istrateġija ġenerali tagħna għat-tkabbir u l-impjiegi. Hekk kif qegħdin gradwalment noħorġu mir-reċessjoni, huwa ta' importanza kbira li niżguraw li l-kundizzjonijiet tas-suq fis-swieq tal-esportazzjoni u l-investiment tas-sħab strateġiċi tagħna jkunu miftuħin u ġusti. Fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE tal-Aċċess għas-Suq, il-Kummissjoni qiegħda taħdem b'mod attiv ma' grupp ferm ikbar ta' sħab tal-kummerċ sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE f'dawn is-swieq ukoll.

Il-kundizzjonijiet tal-kummerċ għandhom jitjiebu wkoll grazzi għall-konklużjoni tal-"Pakkett ta' Bali" fid-disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Diċembru 2013 li tistabbilixxi dixxiplini multilaterali ġodda dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ[2]. Fuq livell plurilaterali, in-negozjati dwar Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA) għadhom għaddejjin, filwaqt li n-negozjati sabiex jitkabbar l-ambitu tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) qegħdin ukoll ikomplu imma ġew sospiżi f'Novembru 2013. Fil-marġini tal-Forum Ekonomiku Dinji f'Davos f'Jannar 2014, l-UE flimkien ma' 13-il membru ieħor tad-WTO wiegħdet li tniedi negozjati plurilaterali dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti ħodor.

B'mod parallel ma' din l-aġenda multilaterali u plurilaterali, l-UE tmexxi aġenda bilaterali kbira u ambizzjuża sabiex tiftaħ is-swieq ta' pajjiżi terzi. L-ewwel nett, in-negozjati mal-Istati Uniti dwar Sħubija Tranżatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) huma ta' importanza ewlenija. Ftehim tat-TTIP ambizzjuż u wiesa' li jinkludi dixxiplini qawwija fuq il-kooperazzjoni regolatorja u l-koerenza regolatorja jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ostakoli mhux tariffarji (NTBs) li kumpaniji tal-UE għadhom qed jaffaċċjaw fl-Istati Uniti. Jista' wkoll jistabbilixxi standards globali f'ħafna oqsma u jinkoraġġixxi għadd ta' pajjiżi terzi biex jagħmlu l-istess, għall-benefiċċju tal-industrija tal-esportazzjoni tal-UE.

Negozjati bilaterali mal-Ġappun jinsabu wkoll fit-triq it-tajba. Matul ir-raba' sessjoni ta' taħdidiet organizzata fi Brussell f'Jannar 2014, iż-żewġ naħat kienu diġà qed jiddiskutu l-proposti ta' xulxin għat-test tal-FTA futur. L-UE tkompli tpoġġi enfasi qawwija fuq l-NTBs li jfixklu b'mod sinifikanti l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE fil-Ġappun f'ħafna setturi.

In-negozjati mal-Kanada dwar Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) ġew konklużi fil-livell politiku fit-18 ta' Ottubru 2013. Il-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù ġie applikat provviżorjament fil-Perù mill-1 ta' Marzu 2013 u fil-Kolombja mill-1 ta' Awwissu 2013. Il-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali ġie applikat provviżorjament mill-2013. Fid-29 ta' Novembru 2013, il-Ġeorġja u l-Moldova inizjalaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li kienu jinkludu Ftehimiet Profondi u Komprensivi għall-Kummerċ Ħieles mal-UE filwaqt li l-Ukraina u l-Armenja, b'kuntrast ma' dan, iddeċidew li ma jinizjalawx il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni f'dan l-istadju.

Barra minn hekk, l-UE tinsab għaddejja b'negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) ma' għadd ta' pajjiżi u reġjuni terzi oħra, jiġifieri l-Mercosur, l-Indja, il-Malasja, il-Vjetnam, it-Tajlandja u l-Marokk. L-UE u Singapor inizjalaw FTA fl-20 ta' Settembru 2013; mal-Indoneżja u l-Filippini, l-UE għadha fi stadju bikri ta' xogħol ta' tħejjija biex tesplora l-ambitu u l-livell ta' ambizzjoni tan-negozjati futuri tal-FTA. Jinsabu għaddejjin taħdidiet esploratorji mal-Messiku fir-rigward ta' modernizzazzjoni possibbli tal-FTA eżistenti.

L-UE qiegħda wkoll tissokta bl-isforzi biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-FTA bejn l-UE u l-Korea t'Isfel li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011.[3]

Fid-dawl tal-aġenda ta' negozjati komprensiva tal-UE, huwa aktar u aktar importanti li jiġi żgurat li l-opportunitajiet tal-kummerċ maħluqa minn dawn in-negozjati jinbidlu tassew fi flussi reali tal-kummerċ. F'dan l-isfond, it-TIBR tal-2014 jenfasizza l-aktar ostakoli importanti għall-aċċess għas-suq stabbiliti mis-sħab strateġiċi tagħna.

L-Istrateġija tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq tindirizza wkoll dawn il-miżuri permezz ta' proċess kontinwu tal-għażla u l-prijoritizazzjoni ta' ostakoli prinċipali li rriżulta fl-identifikazzjoni ta' 220 ostakolu fi 32 suq ta' pajjiżi terzi. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni bdiet twettaq eżerċizzju sabiex tikkwantifika r-rata ta' suċċess tal-UE fit-tneħħija tal-ostakoli ewlenin. Skont din l-analiżi, minn Ottubru 2012, fuq total ta' 220 ostakolu prinċipali, inkisbu eżiti pożittivi f'70 każ li rriżultaw f'benefiċċji kumplessivi għall-UE li jammontaw għal madwar EUR 2 biljun fis-sena.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni regolarment tippubblika "rapport dwar miżuri li potenzjalment jirrestrinġu l-kummerċ"[4]. L-għaxar rapport ta' dan it-tip li evalwa l-iżviluppi matul il-perjodu bejn Mejju 2012 u Mejju 2013 indika li 154 miżura ġdida ġew introdotti mill-membri tal-G 20 filwaqt li tneħħew biss 18-il miżura B'mod ġenerali, l-għadd totali ta' miżuri li potenzjalment jirrestrinġu l-kummerċ huwa stmat li żdied għal 688.

Dwar l-investiment, żviluppi riċenti f'pajjiżi terzi wrew tendenzi inkwetanti għall-investituri Ewropej f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi. Ħafna drabi dawn il-każijiet jinkludu nuqqas ta' rispett ta' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investimenti (BITs) ma' diversi Stati Membri tal-UE, jiġifieri speċjalment fir-rigward ta' atti ekwivalenti għall-esproprjazzjoni tal-investitur, iżda wkoll rinazzjonalizzazzjoni de facto jew saħansitra de iure ta' kumpaniji li jkunu qed jitmexxew b'suċċess minn investitur barrani. Għadd ta' talbiet tressqu quddiem ġuriżdizzjoni internazzjonali bħal fil-każ tal-Arġentina jew ir-Russja, u xi wħud minnhom wasslu għal riżultati pożittivi (ara l-Arġentina/Repsol taħt 2.1). Barra minn hekk, it-terminazzjoni, jew pjanijiet għal terminazzjoni, ta' BITs qed ikollha effett negattiv fuq il-klima tal-investiment f'ċerti pajjiżi u fuq l-attrattività tagħhom bħala destinazzjoni ta' investiment għall-kumpaniji tal-UE. Id-deċiżjoni mill-Afrika t'Isfel li ttemm il-BITs tagħha mal-Istati Membri tal-UE u l-abbozz tal-leġiżlazzjoni li attwalment huwa ppjanat biex jissostitwixxi dawn il-BITs, li ma jkunx jista' jiggarantixxi lill-investituri sigurtà u prevedibbiltà legali komparabbli ma' dik li gawdew s'issa, huma kwistjonijiet ta' tħassib partikolari.

2. Ir-riżultati ta' azzjoni tal-UE meħuda fl-2013 dwar l-aċċess għas-suq u l-ostakoli għall-investiment

L-ostakoli numerużi identifikati mit-TIBR 2013 fis-swieq ta' sħab strateġiċi ġew trattati bħala prijoritajiet ewlenin fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna minħabba l-importanza ewlenija tagħhom għan-negozji tal-UE u l-impatt ta' spiss sistemiku tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għalhekk qajmuhom sistematikament fil-laqgħat bilaterali kollha, spiss sal-ogħla livell politiku.

Fuq għadd konsiderevoli ta' ostakoli inklużi fit-TIBR 2013, inkiseb progress sostanzjali jew parzjali. F'dawn il-każijiet, l-azzjoni tal-UE meħuda taħt l-awspiċi tal-istrateġija ta' Aċċess għas-Swieq kellha rwol importanti. F'każijiet oħra, ma seta' jiġi rreġistrat l-ebda progress minkejja l-aħjar sforzi tagħna. B'mod partikolari, rigward ir-Russja, għadu jippersisti għadd sinifikanti ta' kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq minkejja l-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO f'Awwissu 2012. Kif kien il-każ fis-snin ta' qabel, it-TIBR 2014 jippreżenta wkoll għażla ta' ostakoli ġodda importanti.

2.1 Azzjoni ta' suċċess tal-UE fl-2013

Għadd sinifikanti ta' ostakoli għall-aċċess għas-swieq deskritt fit-tliet edizzjonijiet preċedenti tat-TIBR ġew totalment jew parzjalment imneħħija fl-2013.

Iċ-Ċina

Iċ-Ċina għamlet passi importanti biex tadotta politika ta' investiment li tkun aktar favorevoli għan-negozji. Fis-27 ta' Settembru 2013, inħareġ l-avviż Guo Fa 2013 Nru 38 mill-Kunsill tal-Istat li stabbilixxa ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles taċ-Ċina (Shanghai). Għalkemm dan huwa esperiment limitat u ffukat fil-proċess tal-ftuħ u tar-riforma, għandu l-potenzjal li jsir l-ewwel pass fit-tnaqqis tar-restrizzjonijiet tal-investiment. Fil-passat, esperimenti limitati ta' dan it-tip trawmu fihom riformi ikbar.

Fis-16-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina fil-21 ta' Novembru 2013, iż-żewġ naħat formalment nedew in-negozjati dwar Ftehim  ta' Investiment bilaterali komprensiv, li jkopri kemm il-protezzjoni tal-investiment kif ukoll l-aċċess għas-suq. Il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-investiment propost se jkun l-ewwel darba li l-UE qed tinnegozja ftehim dwar l-investment biss fuq il-bażi tal-kompetenzi l-ġodda mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona. Iċ-Ċina kkonfermat li se tapplika approċċ ta' "lista negattiva" fin-negozjati tagħha dwar l-investiment mal-UE.

Iċ-Ċina implimentat id-deċiżjoni pożittiva tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-31 ta' Jannar 2012 dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-materja prima. Fir-rigward tat-tieni kawża fuq ir-restrizzjonijiet taċ-Ċina fuq l-esportazzjoni ta' elementi metalliċi rari, tungstenu u molibdenu, li kienet imnedija fit-13 ta' Marzu 2012, il-proċediment tad-WTO jinsab għaddej bħalissa. Ir-rapport finali tal-Bord tad-WTO huwa mistenni għall-bidu tal-2014.

Fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT għal inġenji tal-ajru reġjonali prodotti domestikament, il-Ministeru tal-Finanzi taċ-Ċina nnotifika lill-UE fid-9 ta' Settembru 2013 li kien ħassar iċ-Ċirkolari 51, maħruġa fl-2000, u ċ-Ċirkolari 97 tal-2002, li kienu jagħtu eżenzjoni mill-VAT għall-bejgħ ta' mudelli speċifiċi ta' inġenji tal-ajru reġjonali mmanifatturati domestikament fiċ-Ċina. Jekk jiġi kkonfermat, dan għandu jikkostitwixxi żvilupp pożittiv sabiex tiġi solvuta diskriminazzjoni li ilha teżisti kontra l-importazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru reġjonali. L-UE talbet liċ-Ċina biex tipprovdi evidenza ddokumentata tal-miżuri mħabbra li tipprovdi ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi tal-UE.

Il-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni (IWG) kellu tliet laqgħat fl-2013, u l-laqgħa ta' Settembru kienet ospitata mill-UE. L-IWG jiddiskuti l-kundizzjonijiet tal-finanzjament u s-sussidji tal-esportazzjoni, tema li hija partikolarment importanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina. Il-grupp beda jinnegozja linji gwida ta' kreditu għas-setturi tal-bastimenti u tat-tagħmir mediku, bil-għan li jiġu stabbiliti linji gwida internazzjonali dwar l-iffinanzjar tal-esportazzjoni li huma konsistenti mal-aħjar prattika internazzjonali.

Iċ-Ċina introduċiet miżuri diskriminatorji tad-dwana u t-tassazzjoni li jaffettwaw l-industrija tal-loġistika u dik marittima fl-24 ta' Mejju 2013 meta l-Ministeru tal-Finanzi (MoF) u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni (SAT) ħarġu ċirkolari ġdida tal-VAT għall-industrija tat-trasport, li espandiet il-programm pilota attwali Taxxa tan-Negozju għall-VAT (B2V) għall-pajjiż kollu. Iċ-Ċirkolari 37 daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2013. Il-burdnara ma għadhomx jistgħu aktar inaqqsu ċerti elementi ta' spejjeż, bħat-trasport internazzjonali tal-merkanzija, mill-bażi tat-taxxa tagħhom u ġew mitluba biex japplikaw 6 % VAT u sopraimposta lokali addizzjonali ta' 0,8 % fuq id-dħul gross (inklużi spejjeż għat-trasport) miġbur mill-klijenti. Rappreżentanti tal-industrija barranin stmaw l-ispejjeż potenzjali ta' din il-miżura għall-interessi kummerċjali tagħhom tal-ġarr tal-merkanzija bħala li huma ‘l fuq minn EUR 2 miljun kull ġimgħa.

L-UE flimkien mas-sħab lokali wettqet djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet Ċiniżi biex issolvi din il-problema serja. Fit-12 ta' Diċembru 2013, ġiet ippubblikata ċirkolari konġunta mill-MoF u l-SAT li tikkoreġi l-effetti diskriminatorji taċ-Ċirkulari 37, u għal darba oħra teżenta lill-industrija tal-loġistika mill-VAT u s-soprataxxa.

L-Indja

Fl-Indja, l-implimentazzjoni ta' politiki ta' akkwist preferenzjali għal prodotti elettroniċi u tat-telekomunikazzjoni manifatturati lokalment minħabba kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà stabbiliti fl-2012 ġiet sospiża mill-gvern. Dispożizzjonijiet ippjanati u diġà adottati kienu speċifikaw li għal prodotti elettroniċi u tat-telekomunikazzjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' sigurtà jkollha tiġi applikata b'mod mandatorju l-preferenza domestika għal entitajiet kemm pubbliċi u l-aktar importanti privati li jkunu qed jagħmlu l-akkwist (pereżempju, l-operaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni). Dan kien ikun piż sinifikanti għall-kumpaniji. Filwaqt li għall-akkwist pubbliku, il-politiki mhumiex qed jitħassru, iżda qed jiġu riveduti, in-notifika ta' Lulju 2013 teskludi b'mod espliċitu l-ħtiġijiet tal-manifattura domestika (fuq bażi perċentwali jew oħrajn) fis-settur privat u għal raġunijiet ta' sigurtà. Għal prodotti elettroniċi, l-Indja fit-23 ta' Diċembru 2013 adottat politika ta' preferenza ġdida li tabilħaqq tneħħi r-raġunijiet ta' sigurtà u tindirizza biss l-akkwist pubbliku. L-UE se tkompli tagħmel il-każ għall-irtirar tal-miżuri ta' kontenut lokali mhux ġustifikati.

L-Indja pposponiet ukoll f'żewġ okkażjonijiet ir-rekwiżit mandatorju tal-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni ta' elementi tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni għal raġunijiet ta' sigurtà sal-1 ta' Lulju 2014. Madankollu, l-UE se tkompli tinsisti li l-Indja ssejjes ir-rekwiżiti fuq l-istandards internazzjonali tas-sigurtà tal-apparat tat-telekomunikazzjonijiet rilevanti u fuq l-aċċettazzjoni ta' rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġin minn laboratorji barranin ikkwalifikati.

Fir-rigward tal-konformità obbligatorja tal-prodotti tal-azzar mal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni nazzjonali ġodda mill-Bureau tal-Istandards Indjani (BIS), id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti obbligatorji ta' ċertifikazzjoni għal ċerti prodotti tal-azzar ġiet imċaqalqa għal April 2014. Barra minn hekk, f'Awwissu 2013, xi prodotti li huma fornuti direttament għal proġetti kbar suġġetti għal xi kundizzjonijiet (fl-infrastruttura, iż-żejt mhux raffinat, il-prodotti tal-manifattura li jinvolvu teknoloġiji ta' livell għoli, reatturi nukleari, is-setturi tad-difiża, tal-petrokimiċi, u tal-fertilizzanti) kienu eżentati mill-iskema ta' ċertifikazzjoni. Madankollu, għadhom jippersistu xi diffikultajiet marbuta mal-proċess tar-reġistrazzjoni.

L-Indja estendiet formalment perjodu ta' grazzja għar-reġistrazzjoni obbligatorja ta' 15-il kategorija ta' prodotti elettroniċi tal-IT u għall-konsumatur sat-3 ta' Jannar 2014 (id-data oriġinali kienet it-3 ta' April 2013). Avviż ta' Mejju 2013 ppermetta aċċettazzjoni tat-testijiet imwettqa minn korpi ta' ċertifikazzjoni barranin li jew huma membri tal-iskema tal-IECEE CB[5] jew minn laboratorji li jkollhom l-akkreditazzjoni internazzjonali skont l-ILAC MRA[6] "sakemm jingħata avviż ieħor". Se jkun importanti li jiġi żgurat li l-ebda ttestjar mandatorju ieħor minn laboratorji Indjani mhu se jkun meħtieġ fil-prattika billi dan jista' jwassal għal dewmien importanti fl-awtorizzazzjoni fis-suq ta' ammont kbir ta' prodotti elettroniċi esportati lejn l-Indja u joħloq spejjeż addizzjonali sinifikanti u pressjoni tal-ħin tal-kummerċjalizzazzjoni fuq kumpaniji barranin. L-impożizzjoni ta' perjodi ta' validità (qosra) għar-rapporti ta' testijiet maħruġa wkoll tkompli taggrava l-problema. Minkejja l-aċċettazzjoni ta' riżultati ta' testijiet barranin, l-iskema tidher wisq ta' piż fid-dawl tar-riskji baxxi tas-sikurezza assoċjati mal-prodotti kkonċernati.

Fl-aħħar nett, l-Indja introduċiet xi bidliet fir-regoli tal-investiment u fetħet il-possibbiltà għal sjieda barranija ta' 100 % fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Kien hemm ukoll żvilupp pożittiv fl-investimenti bl-imnut ta' marka waħda. Wara l-ftuħ tas-settur, xi kumpaniji Ewropej diġà applikaw għal liċenzji u rċivewhom. Kumpanija Ewropea applikat ukoll għal liċenzja bl-imnut għal marki differenti, l-ewwel darba li dan sar minn kumpanija barranija fl-Indja. 

Il-Brażil/l-Arġentina

Għall-Brażil, jista' jiġi rrappurtat progress dwar il-lista ta' 100 eċċezzjoni temporanja għat-Tariffa Esterna Komuni (CET). L-applikazzjoni tal-lista, li bdiet f'Settembru 2012, ġiet mitmuma sal-aħħar ta' Ottubru 2013. Aktar importanti minn hekk, lista ġdida ta' 100 eċċezzjoni tas-CET previsti fil-bidu tal-2013 eventwalment ma ġietx infurzata.

Fir-rigward tal-vantaġġi diskriminatorji tat-taxxa li l-Brażil jagħti notevolment lill-produtturi domestiċi ta' vetturi awtomobilistiċi u l-elettronika li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta' kontenut lokali, l-UE nediet talba għal proċedimenti ta' Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fid-19 ta' Diċembru 2013.[7]

Fl-Arġentina, liċenzji mhux awtomatiċi ġew eliminati (ħlief għall-biċikletti) f'Jannar 2013, iżda miżuri ta' restrizzjoni tal-kummerċ/importazzjoni oħra għadhom fis-seħħ, partikolarment ir-rekwiżit li timtela' "dikjarazzjoni b'ġurament minn qabel mill-importatur (DJAI)" għall-importazzjonijiet kollha. Fuq talba tal-UE, l-Istati Uniti u l-Ġappun, f'Mejju 2013 ġie stabbilit Bord tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim biex jeżamina t-tilwima dwar id-DJAI u miżuri mhux uffiċjali oħrajn li jirrestrinġu l-importazzjoni bħal rekwiżiti ta' bilanċjar tal-importazzjoni għall-importaturi.[8] L-Arġentina għandha wkoll restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta' muniti barranin, dividendi u royalties li saru parti importanti mill-politika ekonomika tagħha u jiġu użati pereżempju għall-immaniġġar tar-rata tal-kambju. L-Arġentina tapplika wkoll restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi tar-riassigurazzjoni.

F'April 2012, il-gvern Arġentin esproprja 51 fil-mija ta' YPF, l-unità Arġentina tal-kumpanija taż-żejt Spanjola Repsol, mingħajr ma pprovda kumpens adegwat u f'waqtu. Meta saret l-esproprjazzjoni, Repsol talbet kumpens għat-telf ta' parti kbira mill-kapaċità ta' produzzjoni u riżervi taż-żejt tagħha. Fl-aħħar ta' Novembru 2013, intlaħaq ftehim ta' prinċipju għal kumpens bejn l-Arġentina u Repsol dwar is-sospensjoni ta' azzjonijiet legali u dwar proċess għad-determinazzjoni ta' ammont ta' kumpens. In-negozjati dwar id-dettalji ta' ftehim finali diġà bdew.

L-Istati Uniti

L-Istati Uniti żiedu l-lista ta' Stati Membri jew reġjuni tal-UE li huma kkunsidrati bħala ħielsa mid-Deni Klassiku tal-Ħnieżer (CSF), l-Influwenza tat-Tjur, il-marda ta' Newcastle, u parzjalment il-Marda Vesikulari tal-Ħnieżer (SVD). Regola finali dwar l-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) ġiet ippubblikata sa tmiem l-2013 wara bosta snin ta' diskussjoni. L-UE tistenna li l-esportazzjonijiet taċ-ċanga lejn l-Istati Uniti issa se jerġgħu jibdew dalwaqt. Madankollu, l-evalwazzjonijiet tal-mard tal-annimali għadhom pendenti għal xi Stati Membri tal-UE li għandhom l-istess status tal-marda skont il-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE. Minflok ma jitrattaw l-Istati Membri individwalment, il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni tal-Istati Uniti għandhom jirriflettu r-realtà tal-entità unika u tas-suq uniku tal-UE kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali adottati mill-UE fi żmien xieraq u d-dispożizzjonijiet eżistenti ta' korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni (pereżempju l-Office International des Epizooties). Applikazzjonijiet tal-UE għall-esportazzjoni ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali jiffaċċaw dewmien fit-tul pereżempju fir-rigward ta' prodotti tal-ħalib tal-Grad A, molluski bivalvi ħajjin u prodotti ta' annimali żgħar li jixtarru. L-UE tibqa' wkoll imħassba bid-dewmien kbir ħafna fit-trattament ta' applikazzjonijiet oħra tal-esportazzjoni ta' Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) sottomessi mill-UE, pereżempju għal tuffieħ, lanġas, frott tal-għadma u bżar ħelu. In-negozjati li għaddejjin mal-Istati Uniti dwar Sħubija dwar il-Kummerċ u l-Investiment Tranżatlantiku (TTIP) joffru l-opportunità li jiġu diskussi l-kwistjonijiet tal-SPS f'kuntest ġdid.

Il-Ġappun

Sa mill-bidu tan-negozjati għal FKĦ komprensiv mal-Ġappun f'April 2013, seħħew erba' sensiliet ta' taħditiet. Kien hemm xi progress iżda huma meħtieġa aktar sforzi. Id-diskussjonijiet relatati mal-ostakoli mhux tariffarji fil-kuntest tal-FTA qed ikomplu. Fuq uħud minn dawn l-ostakoli (pereżempju l-ikel organiku, il-liċenzjar bl-ingrossa tal-likuri), il-Ġappun diġà kkonforma ruħu mal-impenji tiegħu maqbula waqt il-fażi preparatorja għat-tnedija tan-negozjati tal-FKĦ (l-hekk imsejħa "definizzjoni tal-ambitu"), filwaqt li f'xi oħrajn, id-diskussjonijiet tal-ambitu u l-FTA ipproduċew progress parzjali (pereżempju fuq farmaċewtiċi, addittivi tal-ikel, ċanga, ċertifikazzjoni ta' tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni, proċeduri ta' awtorizzazzjoni ta' apparat mediku). Pereżempju, dwar l-addittivi tal-ikel 38 minn 46 sustanza mitluba mill-UE diġà ġew approvati, tnejn huma mistennija li jkunu awtorizzati f'Ġunju 2014 u s-sitta l-oħra bħalissa qed issirilhom valutazzjoni tar-riskju. Il-Ġappun għamel progress ukoll fl-aċċess tal-UE għas-suq tal-laħam taċ-ċanga billi diġà awtorizza tliet Stati Membri sabiex jesportaw il-laħam taħt it-30 xahar filwaqt li l-applikazzjonijiet ta' bosta Stati Membri oħra huma fil-proċess li jiġu approvati.

2.2 Ostakoli għall-aċċess tas-suq mhux solvuti li jeħtieġu aktar azzjoni tal-UE

Sfortunatament, diversi ostakoli ppreżentati fit-tliet edizzjonijiet preċedenti tat-TIBR għadhom qed jippersistu u qed ikomplu jfixklu bl-mod sinifikanti l-aċċess għas-suq tal-operaturi tal-UE.[9] Se ssir aktar azzjoni tal-UE taħt l-Istrateġija għall-Aċċess tas-Suq biex ikun żgurat li jsir progress fuq dawn il-kwistjonijiet. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ li ġejjin:

Iċ-Ċina

Ø "Politika tal-Innovazzjoni Indiġena"

Ø Rekwiżiti ta' kontenut lokali

Ø Ostakoli tas-sigurtà tal-informazzjoni, inkluż ir-rieżami tar-Regolamenti tal-Kriptaġġ Kummerċjali

Ø Ir-Regolamenti dwar il-kożmetiċi

L-Indja

Ø BIS (Bureau tal-Istandards Indjani) sistema ta' ċertifikazzjoni għat-tajers

Ø Il-kwistjonijiet tal-SPS (pereżempju majjal, il-materjal ġenetiku tal-bovini, il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti)

Il-Brażil/l-Arġentina

Ø Arġentina: Rekwiżiti ta' kontenut lokali

Ø Il-Brażil/l-Arġentina Miżuri li jxekklu l-forniment tas-servizzi marittimi bejn il-pajjiżi tal-Mercosur

2.3 Focus – ir-Russja, sena wara l-adeżjoni tagħha mad-WTO

Minkejja li ssieħbet mad-WTO f'Awwissu 2012, ir-Russja għadha ma implimentatx b'mod sħiħ l-impenji tagħha tad-WTO. L-UE tibqa' kkonċernata b'għadd ta' ostakoli li għadhom ixekklu l-aċċess għas-suq Russu tal-operaturi ekonomiċi tal-UE.

Għal lista ta' aktar minn 150 prodott inklużi laħam, ħwejjeġ, fridges, vetturi użati, karozzerija tal-karozzi, prodotti tal-karta u prodotti ITA, ir-Russja implimentat ħażin it-tariffi marbuta tad-WTO tagħha. Filwaqt li xi linji ġew ikkoreġuti fl-1 ta' Settembru 2013, għad hemm xi kwistjonijiet fuq prodotti bħal karta, karozzerija tal-karozzi u prodotti agrikoli.

Fid-9 ta' Lulju 2013, l-UE varat l-ewwel każ ta' Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO mar-Russja biex tindirizza miżata tar-riċiklaġġ fuq vetturi bil-mutur li tapplika għal karrozzi importati. Fil-15 ta' Ottubru 2013, id-Duma għaddiet emenda li tirrikjedi lill-manifatturi domestiċi tal-karozzi jħallsu l-istess miżata tar-riċiklaġġ bħall-manifatturi barranin, u b'hekk tneħħew l-elementi diskriminatorji li kien hemm fil-liġi oriġinali. Madankollu, l-implimentazzjoni ta' din il-liġi, kif ukoll il-miżuri ta' kumpens possibbli għall-manifatturi domestiċi tal-karozzi għadhom iridu jiġu mmonitorjati bir-reqqa matul ix-xhur li ġejjin.

Rigward il-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs) tal-injam skont il-Ftehim tal-Injam bilaterali bejn l-UE u r-Russja konkluż fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, sar xi progress reċentement permezz tal-abolizzjoni fl-4 ta' Novembru 2013 tal-"lista tal-esportaturi" diskriminatorja li r-Russja kellha qabel. Din kienet limitat ħafna l-eliġibbiltà ta' kumpaniji sabiex jesportaw skont it-TRQs tal-injam.

Fil-qasam tal-miżuri SPS, proċeduri ta' kontroll u approvazzjoni mhux trasparenti, diskriminatorji, u sproporzjonati, rekwiżiti stretti wisq fuq residwi antibijotiċi, kriterji mikrobijoloġiċi u residwi tal-pestiċidi b'allinjament insuffiċjenti mal-Ftehim SFS tad-WTO u standards u prattiki internazzjonali oħra huma s-sors ta' ħafna diffikultajiet. Riżultati ta' spezzjoni jew sejbiet tal-kontroll tal-fruntieri fi prodotti agrikoli u pjanti jkomplu joħolqu ostakoli għall-kummerċ fuq bażi ta' kuljum. Diversi Stati Membri fil-mira ta' miżuri speċifiċi tar-Russja pereżempju fuq laħam imkessaħ, dwar is-sospensjoni ta' esportazzjonijiet minn kategoriji ta' produtturi filwaqt li ċerti projbizzjonijiet huma imposti fuq l-UE kollha wara sejbiet ta' nuqqas ta' konformità f'ċerti Stati Membri. Dawn ir-restrizzjonijiet tal-importazzjoni qegħdin ukoll jaffettwaw negattivament l-operazzjonijiet ta' bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa u jfixklu ġestjoni effiċjenti tal-katina tal-provvista. Minn Marzu 2012, daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet ta' bhejjem u annimali li jixtarru (minħabba l-virus Schmallenberg) kif ukoll fuq ħnieżer ħajjin għall-qatla.

Fil-qafas tal-Unjoni Doganali (CU), ir-Russja adottat proċessi regolatorji ta' allinjament tar-regolamenti tekniċi tagħha tal-SPS mal-istandards u prattiki internazzjonali. L-UE ppreżentat lista ta' talbiet għal armonizzazzjoni lis-sħab tas-CU. Madankollu, sa issa ma kien hemm l-ebda evidenza dwar l-implimentazzjoni, ħlief fil-qasam tal-pestiċidi.  

Fil-qasam tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ (TBT), l-operaturi ekonomiċi tal-UE għadhom qed jaffaċċaw ħafna ostakoli għall-kummerċ orizzontali u speċifiċi għas-setturi fir-Russja minħabba regolamenti tekniċi li huma ta piż, applikazzjoni mhux trasparenti tar-rekwiżiti, koeżistenza ta' bosta proċeduri ta' ċertifikazzjoni, valutazzjoni tal-konformità u awtorizzazzjoni li huma eċċessivi u li jirkbu fuq xulxin, li għadhom fil-biċċa l-kbira inkompatibbli mar-regoli u standards internazzjonali moderni.

Regolamenti tekniċi issa huma adottati fil-livell tal-Unjoni Doganali tal-Ewrażja (ir-Russja, il-Bjelorussja, il-Kazakistan). Ta' spiss dawn ir-regolamenti tekniċi mhumiex ibbażati fuq standards internazzjonali u jistabbilixxu rekwiżiti ta' piż żejjed fl-oqsma taċ-ċertifikazzjoni, in-notifika u t-tikkettar. Eżempji riċenti jinkludu r-regolament tekniku tal-Unjoni Doganali dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur u oġġetti destinati għat-tfal u l-adoloxxenti (fost oħrajn rilevanti għal tessuti, ħwejjeġ u xedd tas-saqajn) u l-abbozz ta' regolament tekniku tal-Unjoni Doganali dwar is-sikurezza tal-prodotti alkoħoliċi. Minbarra dan, sa mis-sejbien fl-24 ta' Jannar 2014 tad-Deni Afrikan tal-Ħnieżer (ASF) f'ċingjal salvaġġ qrib il-fruntiera tal-Belarus, il-Federazzjoni Russa de facto pprojbiet l-esportazzjoni mit-territorju kollu tal-UE ta' ħnieżer ħajjin u prodotti tal-majjal. Din il-miżura tidher bħala sproporzjonata u infondata.

3. Ostakoli importanti ġodda li tfaċċaw fl-2013

L-esportazzjonijiet tal-UE tax-xorb tal-ispirti u l-inbid ġew ikkonfrontati b'ostakolu ġdid għall-aċċess għas-suq hekk kif l-awtoritajiet Ċiniżi ddeċidew fi Frar 2013 li jittestjaw jew jitolbu r-riżultati tat-testijiet tal-kontenut ta' ftalati (phthalates) f'dawk il-prodotti. Il-preokkupazzjoni prinċipali hija li dawn il-prodotti esportati huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u qegħdin b'mod effiċjenti jħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur fl-Ewropa. Sadanittant, l-awtoritajiet Ċiniżi naqqsu r-rekwiżiti tal-ittestjar għal kull kunsinna. Madankollu, iċ-Ċina għadha ma ffinalizzatx il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom sabiex tistabbilixxi limitu legali għall-ftalati fl-oġġetti tal-ikel.

Barra minn hekk, f'Ġunju 2013 iċ-Ċina bdiet investigazzjoni kontra d-dumping kif ukoll kontra s-sussidji fuq inbejjed importati mill-UE. Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-investigazzjoni li għadha għaddejja u se tagħmel l-almu tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping jew kumpensatorji mhux ġustifikati fuq inbejjed tal-UE.

Fl-Indja, id-dazju doganali fuq karozzi ġodda lussużi żdied minn 75 % għal 100 %, flimkien ma' żieda tad-dazju fuq muturi ġodda b'magna ta' kapaċità ta' > 800ccm minn 60 % għal 75 %. Dawn il-miżuri, flimkien ma' żidiet fid-dazji tal-importazzjoni fuq prodotti oħra, jidhru li qed isegwu linja politika aktar ġenerali, li huwa diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-impenn politiku tal-Indja fil-G20 li toqgħod lura milli tadotta miżuri protezzjonisti.

Minbarra dan, interpretazzjoni u implimentazzjoni ġdida tar-rekwiżiti tat-tikkettar tal-ikel mill-Indja hija r-raġuni għaliex għadd kbir ta' kunsinni ta' ikel importat qed ikunu bblukkati. L-approċċ ġdid imħabbar ifisser li l-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tkun stampata fil-pajjiż tal-oriġini fuq il-pakkett oriġinali u mhux aktar permezz ta' stiker, u biss informazzjoni speċifika għall-Indja tista' tingħata fuq stiker imwaħħla f'imħażen doganali.

Fl-1 ta' April 2013, l-Aġenzija tal-Forestrija Ġappuniża introduċiet il-"Programm tal-Punti tal-Użu tal-Injam" ("WUPP") li jirriżulta fi trattament diskriminatorju ta' injam importat lejn speċi tal-injam domestiċi. Skont din l-inizjattiva, il-konsumaturi li jipparteċipaw li jixtru dar ġdida mibnija b'minimu ta' 50,1 % ta' prodotti tal-injam lokali se jkunu eliġibbli li jirċievu sa 300 000 Punt ta' Użu tal-Injam (b'valur ekwivalenti fil-munita Yen li jikkorrispondi għal EUR 2 250), li jistgħu jinfdew permezz tax-xiri ta' prodotti speċifikati lokali tal-forestrija/agrikoltura/sajd.

Sa issa biss speċijiet ta' njam Ġappuniżi ġew approvati filwaqt li l-applikazzjonijiet kollha sottomessi għal speċijiet barranin inkluż mill-Isvezja, l-Awstrija u r-Rumanija ġew miċħuda. Fis-17 ta' Ottubru 2013, l-Aġenzija tal-Forestrija adottat Linji Gwida ġodda li jispeċifikaw il-kriterji tal-eliġibbiltà taħt il-programm.

4. Konklużjonijiet

Dan ir-rapport jenfasizza għal darba oħra li l-ostakoli għall-aċċess tas-swieq mis-sħab strateġiċi tal-UE qed ikomplu jippersistu b'diversi modi. Madankollu, għadd ta' żviluppi pożittivi reċenti jissuġġerixxu li qed isir progress u li l-Istrateġija tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq qed tirnexxi fuq diversi fronti. Madankollu, qed jitfaċċaw ostakoli ġodda b'mod kostanti u l-UE se tkompli tissorvelja dawn is-swieq mill-qrib ħafna bil-ħsieb li tapplika strateġija ta' tneħħija mmirata u ta' suċċess.

Flimkien mal-aġenda ambizzjuża ta' negozjati bilaterali tagħna li tinkludi l-isħab strateġiċi kollha tagħna, l-Istrateġija għall-Aċċess tas-suq tibqa' kruċjali biex ikun żgurat li l-ftehimiet bilaterali konklużi jiġu tradotti fi flussi tan-negozju reali. Għal darba oħra ntwera li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, id-Delegazzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u n-negozji kemm fi Brussell kif ukoll fil-pajjiżi terzi hija għodda effiċjenti. Dan l-element tas-sħubija tal-Istrateġija ta' Aċċess għas-Suq għandu jissaħħaħ ulterjorment.

Sabiex issaħħaħ l-isforzi biex tneħħi l-ostakoli f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni mhix se taħsibha darbtejn biex tkompli tuża l-għodda kollha disponibbli taħt l-Istrateġija għall-Aċċess għas-Suq, inkluża d-diplomazija kummerċjali, l-użu ta' avvenimenti bilaterali ta' livell għoli kif ukoll Kumitati tal-WTO u l-infurzar ta' impenji ta' partijiet terzi permezz ta' proċedimenti mmirati tajjeb għas-soluzzjoni tat-tilwim.

[1] Il-Brażil/l-Arġentina

[2]Cf. http://www.wto.org/english/news_e/news13_e/mc9_06dec13_e.htm

[3] http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/south-korea/

[4] http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/september/tradoc_151703.pdf

[5] L-iskema tal-Korp ta' Ċertifikazzjoni (CB) tas-Sistema Dinjija għat-Testijiet ta' Konformità u Ċertifikazzjoni tat-Tagħmir u l-Komponenti Elettrotekniċi (IECEE): http://www.iecee.org/

[6] Il-Ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku (MRA) tal-Kooperazzjoni tal-Akkreditazzjoni tal-Laboratorji Internazzjonali (ILAC): https://www.ilac.org/

[7] http://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/cases_e/ds472_e.htm

[8] http://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/cases_e/ds445_e.htm

[9] Deskrizzjoni ta' dawn l-ostakoli tinstab fit-TBR 2013, ara http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/march/tradoc_150742.pdf

Top