EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0015
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A policy framework for climate and energy in the period from 2020 to 2030
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030
/* COM/2014/015 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030 /* COM/2014/015 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika għall-klima u
l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030 1. Introduzzjoni Minn meta l-UE adottat l-ewwel pakett ta'
miżuri għall-klima u l-enerġija fl-2008, inkisbu ħafna
affarijiet. Illum l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri
tal-2020 tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra u enerġija rinnovabbli
u sar titjib sinjifikanti fl-intensità tal-użu tal-enerġija grazzi
għal binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar
effiċjenti. Dawn il-kisbiet huma aktar u aktar sinjifikanti fid-dawl li
l-ekonomija tal-Ewropea kibret b'madwar 45% f'termini reali mill-1990. Il-miri
20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gass serra, enerġija rinnovabbli u
ffrankar tal-enerġija, kellhom rwol ewlieni bħala l-mutur ta' dan
il-progress u biex isostnu l-impjieg ta' aktar minn 4,2 miljun persuna
f'diversi ekoindustriji[1],
bi tkabbir kontinwu matul il-kriżi. Kaxxa 1: Il-kisbiet ewlenin tal-qafas preżenti ta' politika dwar l-enerġija u l-klima L-Unjoni stabbiliet tliet miri li hi stess trid tilħaq sal-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra (20%), is-sehem tal-enerġija rinnovabbli (20%) u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (20%). Il-politiki preżenti dwar l-enerġija u l-klima qed iwettqu progress sostanzjali biex jintlaħqu dawn il-miri 20/20/20: · L-emissjonijiet ta' gass serra fl-2012 naqsu bi 18% meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-1990 u mistennija li jonqsu aktar għal livelli ta' 24% u 32% anqas mill-1990 sal-2020 u fl-2030 rispettivament fuq il-bażi tal-politiki preżenti. · Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied bi 13% fl-2012 bħala proporzjon tal-enerġija finali kkunsmata u mistenni jiżdied iżjed sa 21% fl-2020 u 24% fl-2030. · L-UE installat madwar 44% tal-elettriku rinnovabbli tad-dinja (minbarra l-idroenerġija) fi tmiem l-2012. · L-intensità tal-enerġija tal-ekonomija tal-UE naqset b'24% bejn l-1995 u l-2011 filwaqt li t-titjib mill-industrija kien ta' madwar 30%. · L-intensità tal-karbonju tal-ekonomija tal-UE naqset bi 28% bejn l-1995 u l-2010. Inbidlu ħafna affarijiet ukoll mill-2008.
L-aktar bidla ovvja kien l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li
laqtet il-kapaċità tal-Istati Membri li jinvestu. Il-prezzijiet
tal-fjuwils fossili baqgħu għolja u jaffettwaw negattivament
il-bilanċ kummerċjali u l-kostijiet tal-enerġija tal-Unjoni.
Fl-2012, il-kont tal-importazzjoni taż-żejt u tal-gass tal-UE kien jammonta
għal aktar minn EUR 400 biljun jew madwar 3,1% tal-PDG tal-Unjoni. Kien
hemm ċaqliqa f'saħħitha fiċ-ċentru tal-gravità
tad-domanda globali tal-enerġija lejn l-ekonomiji emerġenti,
partikolarment iċ-Ċina u l-Indja. Fl-istess waqt, l-unitajiet
domestiċi u l-utenti industrijali huma dejjem aktar imħassba
bil-prezzijiet tal-enerġija li dejjem jogħlew u bid-differenzjalità
tal-prezzijiet ma' ħafna mill-imsieħba kummerċjali tal-UE
partikolarment l-USA. Is-suq intern tal-enerġija żviluppa imma xirfu riskji
ġodda għall-frammetazzjoni. Is-Sistema tal-UE tan-Negozjar ta'
Emissjonijiet (ETS) mhijiex tidderieġi tajjeb l-investimenti
fit-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju u qed tagħti lok
għal żieda fil-politiki nazzjonali li jimminaw il-kundizzjonijiet
ugwali li l-ETS ħasbet biex tistabbilixxi. Filwaqt li t-teknoloġiji
tal-enerġija rinnovabbli mmaturaw u l-kostijiet naqsu sostanzjalment,
l-iżvilupp mgħaġġel tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli
issa qed jippreżenta sfidi ġodda għas-sistema tal-enerġija.
Bosta prodotti li jużaw l-enerġija llum huma aktar effiċjenti u
l-konsumaturi qed jibbenefikaw minn iffrankar reali ta' enerġija u ta'
flus. Fl-istess waqt, kien hemm konferma ulterjuri
tal-impatt probabbli tal-influwenza umana fuq it-tibdil fil-klima u
l-ħtieġa ta' tnaqqis sostanzjali u sostnut tal-emissjonijiet ta' gass
serra biex jitrażżnu tibdiliet ulterjuri fil-klima tad-dinja[2]. Għalhekk issa hu l-waqt li ssir
riflessjoni fuq dawn l-iżviluppi u l-qafas ta' politika li għandna
bżonn għall-2030. B'konformità mar-reazzjonijiet tal-partijiet
interessati għall-Green Paper[3],
hemm bżonn li wieħed ikompli jidderieġi l-progress lejn
ekonomija b'użu baxx tal-karbonju li tiżgura enerġija
kompetittiva u affordabbli għall-konsumaturi kollha, toħloq
opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi u tipprovdi sigurtà
akbar ta' fornimenti tal-enerġija u tnaqqis tad-dipendenza fuq
l-importazzjoni għall-Unjoni b'mod ġenerali. Hemm bżonn li
nagħmlu impenn ambizzjuż biex innaqqsu aktar l-emissjonijiet ta' gass
serra f'konformità mal-mogħdija kosteffettiva deskritta fil-pjanijiet
direzzjonali tal-2050, u biex dan isir fil-ħin għan-negozjati li
ġejjin dwar ftehim internazzjonali dwar il-klima[4]. Hemm bżonn li
nipprovdu ċertezza regolatorja kmieni kemm jista' jkun
għall-investituri fit-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, nagħtu
spinta lir-riċerka bl-iżvilupp u l-innovazzjoni u
l-aġġornar u l-industrijalizzazzjoni ta' katini ta' forniment
għal teknoloġiji ġodda. Dan kollu jrid isir b'mod li jikkunsidra
r-realtajiet ekonomiċi u politiċi prevalenti u jibni fuq l-esperjenza
tagħna tal-qafas kurrenti ta' politika. F'dan l-isfond, il-qafas ta' politika tal-2030
għandu jkun imsejjes fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri
20/20/20 u dan li ġej: ·
Impenn ambizzjuż biex jitnaqqsu
l-emissjonijiet ta' gass serra b'konformità mal-pjanijiet direzzjonali
tal-2050. It-twettiq ta' dan l-impenn għandu jsegwi approċċ
kosteffiċjenti li jirrispondi għall-isfidi tal-affordabilità,
il-kompetittività, is-sigurtà tal-forniment u s-sostenibilità, u li jikkunsidra
ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u politiċi preżenti. ·
Is-simplifikazzjoni tal-qafas Ewropew ta' politika
filwaqt li jittejbu l-komplimentarjetà u l-koerenza bejn l-objettivi u
l-istrumenti. ·
Fi ħdan dan il-qafas tal-UE, l-għoti ta'
flessibilità lill-Istati Membri biex jiddefinixxu tranżizzjoni ta'
użu baxx tal-karbonju adegwata għaċ-ċirkostanzi
speċifiċi, it-taħlita ppreferuta tal-enerġija,
il-ħtiġijiet f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, u li
jitħallew iżommu l-kostijiet f'livell minimu. ·
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni
reġjonali bejn l-Istati Membri se jgħinhom biex jegħlbu l-isfidi
komuni dwar l-enerġija u l-klima b'mod aktar kost-effettiv filwaqt li
tiżdied l-integrazzjoni tas-suq u tiġi pprevenuta d-distorsjoni
tas-suq. ·
Il-bini fuq il-momentum wara l-iżvilupp
tas-sorsi rinnovabbli b'politika bbażata fuq approċċ iżjed
kosteffettiv li jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-politika u li
fil-qalba tiegħu għandu l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq
tal-enerġija u kompetizzjoni bla xkiel. ·
Fehim ċar tal-fatturi li jiddeterminaw
il-kostijiet tal-enerġija sabiex il-politika tkun ibbażata fuq
il-fatti u l-evidenza sabiex inkunu ċari dwar dak li jista' jiġi
influwenzat permezz tal-politika nazzjonali u tal-Unjoni u x'ma jistax.
L-iżgurar li l-kompetittività tan-negozji u l-affordabilità tal-enerġija
għall-konsumaturi jkunu fil-qalba tad-determinazzjoni tal-objettivi
tal-qafas u l-istrumenti li jimplimentawh. ·
It-titjib tas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li
tiġi pprovduta sistema b'użu baxx tal-karbonju u kompetittiva,
permezz ta' azzjoni komuni, swieq integrati, diversifikazzjoni
tal-importazzjoni, żvilupp sostenibbli ta' sorsi indiġeni
tal-enerġija, investimenti fl-infrastruttura meħtieġa, u
ffrankar tal-enerġija mill-utent aħħari u l-appoġġ
għar-riċerka u l-innovazzjoni. ·
It-tisħiħ taċ-ċertezza
tal-investituri billi jiġu pprovduti sinjali ċari issa dwar kif se
jinbidel il-qafas tal-politika wara l-2020 u billi jiġi żgurat li
t-tibdiliet sostanzjali għall-objettivi u l-istrumenti eżistenti ma
jidħlux qabel din id-data. ·
Il-kondiviżjoni ġusta tal-isforzi bejn
l-Istati Membri li tirrifletti ċ-ċirkostanzi u l-kapaċitajiet
speċifiċi tagħhom. Din il-komunikazzjoni tiżviluppa qafas
għall-politiki futuri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima u tniedi
proċess biex wieħed jasal għal ftehim komuni dwar kif dawn
il-politiki għandhom jiġu żviluppati fil-ġejjieni. 2. L-elementi ewlenin tal-Qafas Il-Green Paper tal-Kummissjoni talbet
għal opinjonijiet dwar il-firxa u l-istruttura l-aktar addattata
għall-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030. Kien hemm
kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati li hemm xewqa għal miri
ġodda dwar l-emissjonijiet ta' gass serra għalkemm hemm fehmiet
differenti dwar il-livell ta' ambizzjoni[5].
Kien hemm ukoll opinjonijiet differenti dwar jekk il-miri l-ġodda
għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
kinux meħtieġa biex isir progress ulterjuri fil-perspettiva tal-2030.
L-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt
ippubblikata flimkien ma' dan il-Qafas ivvalutat il-miri varji tat-tnaqqis
tal-GHG (35%, 40%, u 45%). Ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Pjan
Direzzjonali tal-Enerġija 2050[6],
partikolarment li l-kostijiet tat-tranżizzjoni għall-użu baxx
tal-karbonju mhumiex sostanzjalment differenti mill-kostijiet li kieku
jiġġarbu f'kul każ minħabba l-ħtieġa li
tiġġedded is-sistema tal-enerġija li qed teqdiem, il-prezzijiet
dejjem telgħin tal-fjuwils fossili u l-aderenza għall-politiki
eżistenti dwar il-klima u l-enerġija. Xorta waħda, il-kostijiet
tas-sistema tal-enerġija huma mistennija li jogħlew matul il-perjodu
sal-2030 għal livell ta' madwar 14% tal-PDG meta mqabbla ma' 12,8%
fl-2010. Madankollu, se jkun hemm caqliqa kbira lil hinn min-nefqa fuq
il-fjuwil lejn tagħmir innovattiv li għandu valur miżjud
ogħla li se jistimula l-investimenti fi prodotti u servizzi innovattivi,
joħloq l-impjiegi u t-tkabbir u jtejjeb il-bilanċ kummerċjali
tal-Unjoni. Qafas ekonomiku favorevoli u politika industrijali immirata
bħal dik spjegata fil-Komunikazzjoni dwar Rinaxximent Industrijali[7] ma' dan id-dokument,
għandha tgħin lill-industrija u n-negozju biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet. L-esperjenza bil-qafas preżenti 2020
tindika li waqt li l-miri Ewropej u nazzjonali jistgħu jidderieġu
azzjoni f'saħħitha mill-Istati Membru u tkabbir fl-industriji
emerġenti, huma mhux dejjem żguraw l-integrazzjoni tas-suq,
il-kosteffiċjenza u kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet.
Il-valutazzjoni tal-impatt tindika li l-mira ewlenija għat-tnaqqis
fl-emissjonijiet ta' gass serra tirrappreżenta l-mogħdija tal-inqas
kostijiet lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju li minnha nnifisha
għandha tidderieġi sehem akbar ta' enerġija rinnovabbli u
ffrankar tal-enerġija fl-Unjoni. Fid-dawl tal-evidenza u l-esperjenza
tal-politiki kurrneti, il-Kummissjoni tipproponi mira ġdida ta' tnaqqis
tal-emissjonijiet tal-GHG ta' 40% meta mqabbla mal-1990, li għandha
tinqasam bejn is-settur tal-ETS u non-ETS[8],
bħala l-qofol tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-UE
għall-2030. Il-mira non-ETS tkun allokata fost l-Istati Membri (ara
isfel). Tkun akkumpanjata minn mira koerenti ewlenija fil-livell Ewropew
għall-enerġija rinnovabbli ta' mill-anqas 27% bi flessibilità
għall-Istati Membri biex jiffissaw l-objettivi nazzjonali. Il-mistoqsija
ta' kif l-aħjar wieħed jista' jikseb l-iffrankar ottimali
tal-enerġija fl-2030 se tkun analizzata f'aktar dettall f'rieżami tad-Direttiva
dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li għandha tintemm
aktar tard fl-2014. Il-flessibilità miżjuda tal-Istati Membri
se tkun kombinata b'qafas f'saħħtu Ewropew ta' governanza biex
iwettaq l-objettivi tal-UE tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar
tal-enerġija b'mod li jkun konsistenti mal-kisba tal-miri Ewropej
tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra u koerenti mal-prinċipji
aktar wiesgħa tal-politika Ewropea tal-enerġija, inkluż
l-operazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija u t-twettiq
ta' sistema ta' enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. 2.1 Il-mira tal-emissjonijiet ta'
gass serra Il-Kummissjoni tipproponi li tiffissa mira ta'
tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra għall-emissjonijiet
domestiċi tal-UE ta' 40% fl-2030 meta tqabbilhom mal-emissjonijiet
fl-1990. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-politiki u l-miżuri
implimentati u maħsuba mill-Istati Membri b'rabta mal-obbligi
preżenti tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra se
jkomplu fis-seħħ wara l-2020. Dawn il-miżuri jekk jiġu
implimentati u jkunu effettivi kompletament huma mistennija li jiksbu tnaqqis
ta' 32% meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-1990. Dan jirrikjedi sforz kontinwu
imma fl-istess waqt juri li l-mira proposta għall-2030 hija realistika.
Madankollu, se tkun importanti evalwazzjoni kontinwa biex titqies id-dimensjoni
internazzjonali u biex jiġi żgurat li l-Unjoni tibqa' ssegwi
l-mogħdija tal-anqas kostijiet lejn ekonomija b'użu baxx
tal-karbonju. Il-mira fil-livell tal-UE għandha tkun
kondiviża bejn l-ETS u dak li għandhom jiksbu l-Istati Membri b'mod
kollettiv fis-setturi li huma barra mill-ETS. Is-settur tal-ETS għandu
jikseb tnaqqis ta' 43% fil-GHG fl-2030 u s-settur tan-non-ETS tnaqqis ta' 30%
it-tnejn bi tqabbil mal-2005. Sabiex wieħed jikseb it-tnaqqis mitlub
tal-emissjonijiet fis-settur tal-ETS, il-fattur annwali li bih il-limitu fuq
l-emissjonijiet massimi permessi fi ħdan l-ETS irid jiżdied minn
1,74% kif qiegħed bħalissa għal 2,2% wara l-2020. L-isforz kollettiv tas-settur non-ETS
għandu jiġi allokat ukoll fost l-Istati Membri individwali b'mod
addattat u f'waqtu. Fil-preżent, l-attribuzzjoni ssir fuq il-bażi
tal-ġid relattiv bl-użu tal-PDG ras għal ras li jirriżulta
f'firxa wiesgħa ta' obbligi li tvarja minn tnaqqis ta' 20% għal zieda
ta' 20% fl-emissjonijiet. L-analiżi li tirfed il-Valutazzjoni tal-Impatt
tal-Kummissjoni tipprovdi allokazzjoni kosteffettiva ta' sforz bejn l-Istati
Membri. Tikkonferma li l-kostijiet u l-investimenti se jkunu relattivament ogħla
fl-Istati Membri bi dħul baxx filwaqt li jiġu mminimizzati
l-kostijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali. Dan jirrifletti l-intensità
relattivament għolja tal-użu tagħhom tal-karbonju,
effiċjenza aktar baxxa tal-enerġija kif ukoll kapaċità
iċken għall-investiment. Pereżempju, l-analiżi tindika li
l-pajjiżi b'PDG taħt id-90% tal-medja tal-UE jeħtieġu li
jagħmlu investimenti fil-perjodu 2021-2030, f'livelli stmati li huma xi
EUR 3 biljuni kull sena ogħla miż-żieda medja tal-UE
fil-perjodu 2021-2030. Il-Kummissjoni tikkunsidra, għalhekk, li
fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-2030, kull mira ta' tnaqqis tal-GHG
mill-Istati Membri għandha tkompli tikkunsidra dawn il-fatturi ta'
distribuzzjoni filwaqt li tiżgura l-integrità tas-suq intern,
pereżempju, b'rabta mal-prodotti tal-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija u tal-użu tal-enerġija. Fid-dawl tal-importanza
tal-investimenti futuri, se jkunu meħtieġa soluzzjonijiet li
jikkontribwixxu għal titjib fil-finanzi (ara hawn taħt). Il-Kummissjoni ma tara l-ebda mertu li
tipproponi "mira kundizzjonali" ogħla qabel in-negozjati
internazzjonali. Jekk ir-riżultat tan-negozjati jkun jirrikjedi mira aktar
ambizzjuża għall-Unjoni, dan l-isforz addizzjonali jista' jiġi
bbilanċjat billi jiġi permess l-aċċess għall-krediti
internazzjonali. 2.2 Mira għall-enerġija
rinnovabbli fil-livell tal-UE L-enerġija rinnovabbli għandu jibqa'
jkollha rwol fundamentali fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-eneġija
aktar kompetittiva, sikura u sostenibbli. It-tranżizzjoni mhix se tkun
possibbli mingħajr sehem ogħla b'mod sinjifikanti ta' enerġija
rinnovabbli. Sakemm il-prodotti rinnovabbli huma ġġenerati fl-UE,
huma jistgħu wkoll inaqqsu d-defiċit tal-UE fil-prodotti
bażiċi tal-enerġija, l-esponiment għat-tħarbit
fil-forniment u għall-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili. Għandhom
ukoll il-potenzjal li jidderieġu t-tkabbir fit-teknoloġiji
innovattivi, joħolqu l-impjiegi fis-setturi emerġenti u jaqqsu
t-tniġġis tal-arja. L-iżvilupp rapidu tal-enerġija
rinnovabbli diġà jippreżenta sfidi għas-sistema tal-elettriku
b'mod partikolari, li għandha bżonn tadatta għal produzzjoni
dejjem iżjed deċentralizzata u varjabbli (solari u tar-riħ).
Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-prodotti rinovabbli fl-UE huma
misjuqa minn skemi nazzjonali ta' appoġġ, li fuq naħa
jistgħu jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u
reġjonali imma fl-istess waqt jistgħu jxekklu l-integrazzjoni tas-suq
u jnaqqsu l-kosteffiċjenza. L-iżvilupp rapidu tas-sorsi
tal-enerġia rinnovabbli jaffettwa wkoll il-kompetittività tas-sorsi
l-oħra tal-enerġija li se jibqgħu fundamentali għas-sistema
tal-enerġija tal-UE u jnaqqas l-inċentivi għall-investiment
fil-kapaċità ta' ġenerazzjoni li se jkun hemm bżonnhom
għat-tranżizzjoni lejn sistema ta' enerġija aktar kompetittiva,
sikura u sostenibbli (pereżempju bħala backup għall-enerġija
varjabbli rinnovabbli). Fil-futur, il-benefiċċji
tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu sfruttati b'mod li kemm
jista' jkun, ikun misjuq mis-suq. Il-funzjonament tal-ETS u l-kontribut
tat-tnaqqis tal-GHG mill-enerġija rinnovabbli huma marbutin mill-qrib u
kumplimentari. Mira ta' tnaqqis ta' gass serra ta' 40% minnha nnifisha
għandha tinkoraġġixxi sehem akbar ta' enerġija rinnovabbli
fl-UE ta' mill-anqas 27% Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li din
għandha tkun il-mira tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli
kkunsmata fl-UE. Filwaqt li tkun vinkolanti fuq l-UE, ma tkunx vinkolanti fuq
l-Istati Membri individwali imma tintlaħaq permezz ta' impenji ċari
li jiddeċiedu l-Istati Membri nfushom li għandhom ikunu ggwidati
mill-ħtieġa li kollha flimkien jilħqu l-mira tal-UE u jibnu fuq
dak li kull Stat Membru għandu jwettaq b'rabta mal-miri preċedenti
tagħhom għall-2020. Dawn l-impenji ġodda għall-2030 se
jkunu rieżaminati bħala parti mill-proċess ta' governanza
deskritt fit-taqsima 3, u, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jkunu
kkumplimentati minn azzjoni u strumenti ulterjuri tal-UE biex jiżguraw
it-twettiq tal-mira tal-UE. Il-mira tal-livell tal-UE se tidderieġi
t-tkomplija tal-investiment fl-enerġija rinnovabbli jiġifieri,
pereżempju, li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur
tal-elettriku jiżdied minn 21% kif inhu llum għal mill-anqas 45%
fl-2030. Mhux l-istess bħall-qafas preżenti, il-mira tal-UE ma tkunx
tradotta f'miri nazzjonali permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE,
għaldaqstant tħalli flessibilità akbar għall-Istati Membri li
jilħqu l-miri tat-tnaqqis tal-gass serra b'mod mill-aktar kosteffettiv u
b'konformità maċ-ċirkostanzi speċifiċi , taħlit
tal-enerġija u kapaċitajiet tagħhom biex tiġi prodotta
enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni ma taħsibx li hu xieraq li
tistabbilixxi miri ġodda għall-enerġija rinnovabbli jew
l-intensità tal-gass serra tal-fjuwils użati fis-settur tat-trasport jew
kull subsettur ieħor wara l-2020. Il-valutazzjoni ta' kif jiġu
mminimizzati l-emissjonijiet mit-tibdil tal-użu indirett tal-art
għamlitha ċara li l-ewwel ġenerazzjoni ta' bijofjuwils
għandha rwol limitat fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport.
Il-Kummissjoni indikat diġà, pereżempju, li l-bijofjuwils
ibbażati fuq l-ikel ma għandhomx jirċievu appoġġ
pubbliku wara l-2020[9].
Hemm bżonn firxa ta' fjuwils rinnovabbli alternattivi u taħlita ta'
miżuri ta' politika mmirati li jibnu fuq il-White Paper tat-Trasport biex
jindirizzaw l-isfidi tas-settur tat-trasport f'perspettiva tal-2030 u lil hinn.
Il-lenti tal-iżvilupp tal-politika jrid ikun fuq it-titjib
tal-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, żvilupp u mobilizzazzjoni
ulterjuri tal-vetturi tal-elettriku, bijofjuwils tat-tieni u t-tielet
ġenerazzjoni u fjuwils sostenibbli alternattivi oħra bħala parti
minn aproċċ aktar ħolistiku u integrat. Dan hu konformi
mal-istrateġija tal-fjuwils alternattivi[10]
u għandu jkun ikkunsidrat fir-rieżamijiet u reviżjonijiet futuri
tal-leġiżlazzjoni relevanti għall-perjodu ta' wara l-2020. Iż-żieda fil-flessibilità
għall-Istati Membri għandha tkun ikkombinata ma' żieda fl-enfasi
tal-ħtieġa li jiġi kkompletat is-suq intern fil-qasam
tal-eneġija. Hemm bżonn li jkunu rrazzjonalizzati l-iskemi nazzjonali
differenti biex jiġu aktar koerenti mas-suq inten, aktar kosteffettivi u
jipprovdu ċertezza legali akbar għall-investituri. Il-kisba tal-mira
Ewropea għar-rinnovbbli tkun żgurata permezz ta' qafas ġdid ta'
governanza bbażat fuq il-pjanijiet nazzjonali għal enerġija
kompetittiva, sikura u sostenibbli mħejjija mill-Istati Membri kif
deskritt aktar tard. Xi Stati Membri diġà stabbilixxew objettivi
ambizzjużi għar-rinnovabbli għall-2030 u lil hinn li se
jġibu progress sostanzjali lejn il-mira tal-UE. Kull Stat Membru se
jagħmel l-impenn ċar tiegħu lejn l-enerġija rinnovabbli, u
jindika kif dan se jitwettaq filwaqt li jikkunsidra l-ħtieġa li
jikkonforma mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat
biex jevita d-distorsjonijiet tas-suq u jiżgura kosteffettività kif
deskritt fit-taqsima 2.5 hawn taħt. Fl-istess waqt, l-UE u l-Istati Membri se
jkollhom bżonn li jiżviluppaw ulterjorment l-oqfsa ta' politika
tagħhom biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni tal-infrastruttura
tal-enerġija b'aktar interkonnessjonijiet transfruntieri, potenzjal ta'
ħżin u grilji intelliġenti biex jamministraw id-domanda u
jiżguraw forniment sikur tal-enerġija f'sistema b'sehem akbar ta'
enerġija varjabbli rinnovabbli. Dan l-approċċ ifisser li d-Direttiva
dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkollha tiġi riveduta
sostanzjalment għall-perjodu ta' wara l-2020 biex tagħti lill-UE
l-mezzi biex tiżgura li tilħaq il-mira fuq il-livell tal-UE tal-2030.
Politika mtejba tal-bijomassa se tkun ukoll meħtieġa biex
timmassimizza l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-bijomassa
għall-kisba ta' ffrankar robust u verifikabbli ta' gass serra u biex tkun
permessa kompetizzjoni ġusta bejn l-użi varji tar-riżorsi
tal-bijomassa fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-industriji tal-karta u
tal-polpa, u tal-produzzjoni tal-bijokimika u tal-enerġija. Dan
għandu wkoll jinkludi l-użu sostenibbli tal-art, il-ġestjoni
sostenibbli tal-foresti b'konformità mal-istrateġija tal-UE tal-foresti[11] u jindirizza l-effetti
tal-użu indirett tal-art kif ukoll bil-bijofjwils. 2.3 Effiċjenza fl-użu
tal-enerġija L-effiċjenza mtejba tal-enerġija
tagħmel kontribuzzjoni essenzjali għall-objettivi l-kbar kollha
tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima: kompetittività imtejba;
sigurtà tal-provvista; sostenibilità; u t-tranżizzjoni lejn ekonomija
b'użu baxx tal-karbonju. Hemm kunsens politiku wiesa' dwar l-importanza
ta' dan. Il-mira tal-UE għall-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija mhijiex vinkolanti u qed isir progress permezz ta'
miżuri politiċi speċifiċi fil-livell tal-Unjoni u dak
nazzjonali inkluż għall-apparati u l-vetturi domestiċi u
industrijali u għall-istokk tal-bini. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza
fl-użu tal-enerġija tieħu approċċ aktar ħolistiku
għall-iffrankar tal-enerġija fl-UE. Filwaqt li l-iskandenza
tat-traspoizzjoni mhix qabel Ġunju 2014 (u mhux l-Istati Membri kollha
għadhom implimentawha) intalbet valutazzjoni mill-Kunsill u l-Parlament
Ewropew sa nofs l-2014. Din il-valutazzjoni se tifli l-progress li sar lejn
l-issodisfar tal-mira tal-2020. Bħalissa, hu previst nuqqas fil-konfront
tal-mira ta' 20%. Ladarba jsir ir-rieżami, il-Kummissjoni se tikkunsidra
jekk hux neċessarju li tipproponi emendi għad-Direttiva dwar
l-Effiċjenza fl-Użu tal-enerġija. Filwaqt li dan ir-rieżami se jkun
meħtieġ biex jistabbilixxi l-ambizzjoni eżatta tal-politika
futura dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri meħtieġa
biex titwettaq, dan se jibni fuq l-analiżi li tirfed din il-Komunikazzjoni
u l-miri u l-objettivi tat-tnaqqis tal-gass serra u l-enerġija
rinnovabbli. L-iffrankar tal-enerġija għandu jikkumplimenta
l-mobilizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-Istati Membri bħala
parti mill-pjanijiet tagħhom biex jiffrankaw il-gass serra li
għandhom jidentifikaw ukoll miżuri nazzjonali biex itejbu
l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-analiżi tal-Kummissjoni
turi li l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra ta' 40% tirrikjedi
livell miżjud ta' ffrankar tal-enerġija ta' madwar 25% fl-2030. F'xi setturi, bħall-vetturi
tal-industrija u tal-passiġġieri, it-titjib osservat fis-snin
reċenti għandu jibqa' għaddej; filwaqt li f'xi setturi
bħall-akkomodazzjoni, mezzi oħra ta' trasport, u tagħmir
tal-elettriku se jkun hemm il-ħtieġa ta' aċċellerazzjoni
sinjifikanti tal-isforzi kurrenti biex jesploraw il-potenzjal sinifikanti mhux
sfruttat. Dan ikun jirrikjedi investimenti kbar fis-settur tal-bini (li jwasslu
għal kostijiet orħos ta' ġestjoni), kundizzjonijiet ta' qafas u
informazzjoni li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi biex jakkwistaw
prodotti u servizzi innovattivi u strumenti finanzjarji xierqa biex jiġi
żgurat li l-konsumaturi kollha tal-enerġija jibbenefikaw mit-tibdiliet
li jirriżultaw. L-UE teħtieġ li tkompli
tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali bi standards ta' effiċjenza
fl-użu tal-enerġija madwar l-UE għall-apparat domestiku,
tagħmir, bini u standards tas-CO2 għall-vetturi.
Bl-użu tal-ekonomiji ta' skala tas-suq intern, dan jista' jkun ta'
benefiċċju għall-manifatturi tal-UE u jgħinhom biex
jibqgħu minn ta' quddiem nett fit-teknoloġija. Ir-rieżami se jikkunsidra wkoll jekk
it-titjib fl-intensitajiet tal-enerġija tal-ekonomija u tas-setturi
ekonomiċi, jew l-iffrankar assolut tal-enerġija jew ibridu tat-tnejn
jirrappreżentawx valur referenzjarju aħjar biex jinkwadra l-objettiv
tal-2030. 2.4 Ir-riforma tas-Sistema
għan-Negozjar ta' Emissjonijiet Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat rapport
dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju flimkien ma' diversi alternattivi
biex jiġi indirizzat l-eċċess akkumulat tal-kwoti.
L-eċċess sar minħabba t-tnaqqis fl-attività ekonomika matul
il-kriżi, l-aċċess faċli għall-krediti internazzjonali
u, sa ċertu punt, l-interazzjoni ma' politiki oħra tal-klima u l-enerġija.
Fl-2012, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta biex il-Kummissjoni
tingħata s-setgħa li tipposponi l-irkant ta' 900 miljun kwota
tal-emissjonijiet sal-2019/2020. Il-Parlament u l-Kunsill qablu ma' din
il-proposta f'Diċembru tal-2013. Filwaqt li dan hu pass sinjifikanti 'l
quddiem, l-eċċess strutturali se jibqa' sew fil-perjodu
kummerċjali wara l-2020 (fażi 4) fl-assenza ta' miżuri ulterjuri
biex tiġi rriformata l-ETS, u din hi mistennija li tkompli tnaqqas mir-rwol
tagħha bħala mutur newtrali għat-teknoloġija, kosteffettiv
u preżenti fl-UE kollha għall-investiment b'użu baxx
tal-karbonju. Fit-tweġibiet tagħhom għall-Green Paper
tal-Kummissjoni, kien hemm kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati li l-ETS
għandha tibqa' bħala l-istrument ċentrali biex iġġib
it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju. Biex l-ETS
tkun effettiva fil-promozzjoni ta' investimenti għall-użu baxx
tal-karbonju bl-anqas kost għas-soċjetà hemm bżonn ta' deċiżjoni
bikrija biex l-ETS terġa' tiġi strument aktar robust. Il-Kummissjoni
hi tal-opinjoni li l-aħjar mod biex dan jinkiseb hu li tiġi stabilita
riżerva tal-istabbilità tas-suq fil-bidu tal-kummerċ fil-fażi 4
fl-2021. Qed tiġi ppreżentata proposta għal-leġiżlazzjoni
b'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni[12].
Ir-riżerva għall-istabilità tas-suq se tipprovdi
aġġustament awtomatiku għall-forniment ta' kwoti irkantati 'l
isfel jew 'il fuq, fuq il-bażi ta' sett ta' regoli definiti minn qabel li
għandhom iżidu r-reżiljenza għax-xokkijiet tas-suq u jtejbu
l-istabbilità tas-suq. Ma jkunx hemm element ta' ġestjoni diskrezzjonarja
tal-forniment. Ir-riżerva tipprovdi wkoll għodda flessibbli biex
jiżdied il-forniment ta' kwoti f'każ ta' żidiet ħesrem u
temporanji fid-domanda biex b'hekk jittaffew l-impatti fuq l-industrija u
s-setturi f'riskju ta' rilaxx tal-karbonju. Peress li r-riżerva ta' stabilità
għandha tibda taħdem biss fl-2021, hemm bzonn dispożizzjonijiet
speċifiċi biex jiġi ttrattat qofol potenzjali ta' forniment li
jista' jirriżulta fl-2020 mir-ritorn ta' kwoti fl-aħħar
tal-perjodu tard fil-perjodu kummerċjali kif ukoll effetti oħra
marbuta mat-tranżizzjoni bejn il-perjodi kummerċjali. 2.5 L-iżgurar
tal-kompetizzjoni fis-swieq integrati L-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija
kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass jibqa' prijorità immedjata
għall-Kummissjoni. Suq intern tal-enerġija kompetittiv u integrat
jipprovdi l-ambjent neċessarju u s-sinjali tal-kostijiet għall-kisba
tal-objettivi tal-politika tal-enerġija b'mod kosteffiċjenti. Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat
gwida fuq l-intervent pubbliku fis-swieq tal-elettriku sabiex timminimizza
l-impatt ta' distorsjoni[13].
Il-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għall-enerġija u
l-ambjent għandhom ukoll jevolvu biex jippromwovu approċċi
orjentati aktar lejn is-suq li jirriflettu l-istruttura tal-kostijiet
tat-teknoloġiji tal-enerġija li qed tevolvi u żieda
fil-kompetittività tal-kostijiet fis-suq intern. Bħala tali, is-sussidji
għat-teknoloġiji tal-enerġija maturi, inklużi dawk
għall-enerġija rinnovabbli, għandhom gradwalment
jitneħħew kompletament sal-perjodu 2020-2030. Is-sussidji għal
teknoloġiji ġodda u immaturi li għandhom potenzjal sinjifikanti
biex jikkontrbwixxu b'mod kost-effettiv għall-volumi tal-enerġija rinnovabbli
se jibqgħu permessi xorta. Il-Kummissjoni fil-preżent qed tikkonsulta
dwar reviżjoni tal-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat
għall-ambjent u l-enerġija għall-perjodu sal-2020[14]. Is-suq intern tal-enerġija għen biex
iżomm taħt kontroll il-prezz tal-operaturi tal-enerġija
(partikolarment tal-elettriku) matul l-aħħar ħames snin meta
mqabbel maż-żieda fil-kostijiet sottostanti tal-fjuwils fossili.
Żidiet fl-ammonti tal-elettriku ġġenerat mir-riħ u mix-xemx
eżerċitaw pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet tal-operaturi
partikolarment fir-reġjuni b'ishma għoljin ta' dawn is-sorsi
tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li kkontribwew ukoll għal prezzijiet
ogħla fis-suq tal-imnut hekk kif il-kostijiet tal-iskemi ta'
appoġġ jgħaddu għand il-konsumatur. Barra minn hekk,
is-segment bl-imnut għadu kkaratterizzat minn livelli għoljin ta'
konċentrazzjoni tas-suq u regolamentazzjoni tal-prezzijiet
fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li effettivament jillimita
l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. Id-distribuzzjoni tal-gass
u l-elettriku hija wkoll monopolju naturali u l-konċessjonijiet
għandhom jingħataw b'mod non diskriminatorju u kompetittiv. Livelli għolja ta' kompetizzjoni fis-suq
intern tal-enerġija se jkunu vitali biex isir progress fil-kisba
tal-objettivi kollha tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni fil-perjodu
tal-2030. Se tipprovdi għodod ewlenin biex iżżomm taħt
kontroll il-prezzijiet tal-enerġija għan-negozji u l-unitajiet
domestiċi. Suq tal-enerġija integrat u kompletament kompetittiv
jista' jirriżulta fi ffrankar tal-kostijiet ta' bejn l-EUR40-70 biljun
sal-2030 meta mqabbel mal-lum. Sabiex il-konsumaturi jkollhom
benefiċċju sħiħ mis-swieq tal-enerġija deregolati,
is-swieq fil-livell tal-konsumatur kemm għall-elettriku kif ukoll
għall-gass iridu jsiru aktar dinamiċi u kompetittivi. Il-konsumaturi
jrid ikollhom kontroll tad-dejta tal-konsum u jkunu liberi li jagħżlu
l-fornituri tal-enerġija jew li jipprovdu l-enerġija sostenibbli
tagħhom stess. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja
l-konċentrazzjoni tas-swieq fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi
tal-elettriku u tal-gass u tiżgura kontroll effettiv tal-antitrust u
tal-fużjonijiet. Kaxxa 2: Tibdiliet fil-medja peżata tal-UE tal-prezzijiet fil-livell tal-konsumtatur tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi industrijali fil-perjodu 2008-2012 Il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku (inklużi taxxi u imposti) għall-konsumaturi industrijali żdiedu bi 3,3% u 15% rispettivament matul il-perjodu 2008 sal-2012 waqt li dawk għall-unitajiet domestiċi żdidu bi 13,6% u 18%. Sors: Eurostat. Inklużi taxxi fil-każ tal-unitajiet domestiċi; eskluża l-VAT u taxxi oħra rikoverabbli fil-każ tal-industrija, eżenzjonijiet oħra tal-industrija mhumiex inklużi (mhux disponibbli). It-taxxi u l-imposti jirrappreżentaw madwar 30% tal-prezzijiet finali tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi ('il fuq minn 26% fl-2008) u madwar 18% għall-konsumaturi industrijali. Il-komponent tat-taxxi u l-imposti tal-kostijiet tal-elettriku tal-industrija żdied b'127% matul il-perjodu espress bħala medja peżata tal-UE. (Filwaqt li dejta nazzjonali konsistenti mhix disponibbli, diversi Stati Membri jipprovdu eżenzjonijiet sinjifikanti minn taxxi u imposti). Il-kostijiet sottostanti tal-enerġija jibqgħu relattivament stabbli sa madwar nofs il-kont globali tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-utenti industrijali filwaqt li l-kostijiet sottostanti tan-netwerk jinkludu l-parti li jifdal tal-kont tal-elettriku. Teżisti diverġenza sostanzjali fost l-Istati Membri għal kull wieħed mill-komponenti varji tal-kostijiet tal-elettriku li jippreżentaw sfida għas-suq intern tal-enerġija. Pereżempju, fl-2012, il-kontribuzzjoni tat-taxxi u l-imposti għall-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi kienet matul il-firxa ta' bejn il-5% u s-56%. 2.6 Enerġija kompetittiva
u affordabbli għall-konsumaturi kollha L-enerġija hija importanti
għall-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri peress li taffettwa
l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industriji u s-servizzi u l-poter tal-akkwist
tal-unitajiet domestiċi. F'dawn l-aħħar snin żdied
id-distakk fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-UE u l-imsieħba
ekonomiċi kbar tagħha. Id-disponibbiltà tal-gass tax-shale fl-USA
raħħas sostanzjalment il-prezzijiet tal-gass naturali hemmhekk kif
ukoll l-elettriku ġġenerat mill-gass naturali. Id-differenza kbira
fil-prezz ma' pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Korea mhijiex
tiżdied imma għadhom jeżistu żvantaġġi
komparattivi. Disparitajiet bħal dawn fil-prezzijiet tal-enerġija
jistgħu jnaqqsu l-livelli tal-produzzjoni u tal-investiment u
jċaqilqu l-mudelli globali kummerċjali sakemm ma jkunux ikkumpensati
b'titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan ir-riskju hu partikolarment għoli
għal industriji li għandhom sehem kbir tal-kostijiet
tal-enerġija u li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali.
Fl-istess waqt, il-manifattura fl-UE turi kost baxx ta' enerġija
operazzjonali b'relazzjoni kemm mal-output kif ukoll mal-valur miżjud. Dan
hu dovut l-aktar għall-intensitajiet baxxi tal-enerġija
tal-produzzjoni industrijali u għall-iffukar fuq prodotti b'valur
miżjud ogħla. L-industriji tal-manifattura irrispondew
għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija permezz ta' titjib
sostnut fl-intensità tal-enerġija u b'hekk żammew pożizzjoni
relattivament favorevoli. Madankollu mill-2005, seħħet
ir-ristrutturazzjoni lejn setturi b'kostijiet aktar baxxi tal-enerġija.
Fir-rigward tal-pożizzjoni relattiva tal-USA u l-UE, filwaqt li l-US
tejbet il-bilanċ kummerċjali tagħha tal-enerġija s'issa
għad ma hemm l-ebda caqliqa kbira fil-bilanċ kummerċjali
fil-prodotti bejn l-UE u l-US jew xi tibdil sinjifikanti fl-istruttura globali
tal-industriji tal-manifattura. Dan ma għandux ifisser li l-effetti ma
jistgħux jitfaċċaw minħabba d-distakk dejjem jikber
fil-prezzijiet tal-enerġija partikolarment minħabba li jista' jmajna
t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-analiżi tal-prezzijiet u l-kostijiet
tal-enerġija (li huma ppubblikati maġenb din il-Komunikazzjoni)[15] juru li ftit kien hemm
impatt fuq il-kompetittività relattiva tal-UE li tista' tiġi attribwita
direttament lejn prezzijiet ogħla tal-enerġija u l-prezz tal-karbonju
taħt l-ETS, minħabba titjib fl-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija. Madankollu, dan ivarja minn settur għall-ieħor u
effetti indiretti bħaż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija
kellhom impatt fuq l-utenti intensivi tal-elettriku bħall-produtturi
tal-aluminju. Il-politiki preżenti biex jiġi pprevenut ir-rilaxx
tal-karbonju, bħall-allokazzjoni ta' kwoti b'xejn fl-ETS, irnexxew ukoll.
Ix-xenarji futuri kollha jissuġġerixxu li se jkun hemm pressjoni 'l
fuq tal-kostijiet tal-enerġija fl-UE, mhux lanqas minħabba
l-bżonn li tiġi sostitwita l-infrastruttura li qed teqdiem, xejriet
ta' prezzijiet ogħla ta' fjuwils fossili, implimentazzjoni ta' politiki
eżistenti dwar il-klima u l-enerġija u l-impatti kollha li jista'
jkun hemm minħabba prezz ogħla tal-karbonju. Għalhekk huwa prudenti li jinżamm
il-qafas ta' politika preżenti għal dawk is-setturi industrijali li
huma l-aktar fir-riskju ta' rilaxx tal-karbonju sa tmiem il-kummerċ
fil-fażi 3. Għalhekk il-Kummissjoni fi ħsiebha tippreżenta
abbozz ta' deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-lista tar-rilaxx
tal-karbonju lill-Kumitat Regolatorju li se jżomm kif inhuma l-kriterji
attwali u s-suppożizzjonijiet eżistenti. Dan jiggarantixxi kontinwità
fil-kompożizzjoni tal-lista. Sakemm ma jeżistux sforzi komparabbli
li qed jittieħdu fl-ekonomiji l-kbar l-oħra, wara l-2020 se jkun hemm
bżonn ta' politiki simili (inkluża sistema imtejba
għall-allokazzjoni b'xejn ta' kwoti b'iffukar aħjar) sabiex tiġi
żgurata l-kompetittività tal-industriji Ewropej li jużaw
l-enerġija b'mod intensiv. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja
l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti tar-rilaxx tal-karbonju u miżuri
relevanti oħra biex timplimenta dan il-qafas u tikkunsidra s-sitwazzjoni
ekonomika ġenerali u l-progress miksub fin-negozjati internazzjonali dwar
il-klima. 2.7 Il-Promozzjoni tas-sigurtà
tal-forniment tal-enerġija Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija
tfisser l-iżgurar ta' forniment kontinwu u adegwat ta' enerġija
mis-sorsi kollha għall-utenti kollha. Għall-fjuwils fossili
l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tipprojjetta dipendenza li
qed tiżdied min-naħa tal-UE fuq iż-żejt impurtat minn
madwar 80% illum sa aktar minn 90% sal-2035. Bl-istess mod, id-dipendenza fuq
l-importazzjoni tal-gass mistennija tiżdied minn 60% għal aktar minn
80%. Id-domanda li qed tiżdied għall-enerġija fuq skala globali
u kompetizzjoni insuffiċjenti fis-swieq tal-enerġija tal-UE sostnew
prezzijiet għoljin tal-komoditajiet. Fl-2012, il-kont tal-importazzjoni
taż-żejt u tal-gas tal-Ewropa ammonta għal aktar minn EUR 400
biljun li jirrappreżenta xi 3,1% tal-PDG tal-UE meta mqabbel ma madwar EUR
180 biljun bħala medja fil-perjodu 1990-2011. Dan iżid
il-vulnerabilità tal-UE għax-xokkijiet tal-provvista u fil-prezzijiet
tal-enerġija. Il-politiki biex tittejjeb is-sigurta
tal-forniment tal-Unjoni iridu jsegwu approċċ li jistrieħ fuq
tliet pilastri. L-ewwel, il-produzzjoni nieżla tal-UE taż-żejt u
tal-gass qed tagħmel l-isfruttament ulterjuri tas-sorsi indiġeni
sostenibbli tal-enerġija bħala neċessità. Il-kontribuzzjonijiet
jistgħu jiġu minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, riżervi
domestiċi ta' fjuwils fossili konvenzjonali u mhux konvenzjonali
(primarjament gass naturali) u nukleari skont il-preferenza tal-Istati Membri
għat-taħlita tal-enerġija tagħhom u skont il-qafas ta' suq
integrat b'kompetizzjoni mhux distorta. Fejn huma sfruttati s-sorsi
indiġeni, dan għandu jirrispetta l-qafas tal-leġiżlazzjoni
eżistenti tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali bħal dak adottat
mill-G20 biex jinqatgħu gradwalment is-sussidji tal-fjuwils fossili.
Il-Kummissjoni stabbiliet qafas li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni
għall-isfruttament tal-gass shale sikur u li ma jagħmilx ħsara
lill-ambjent[16].
It-tieni, l-Istati Membri għandhom
jaġixxu flimkien biex jiddeversifikaw il-pajjiżi u r-rotot
tal-forniment tagħhom tal-fjuwils fossili impurtati. Il-kompetizzjoni
fis-swieq tal-enerġija għandha wkoll tissaħħaħ permezz
ta' aktar liberalizzazzjoni, tlestija tas-suq intern tal-enerġija
inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport tal-enerġija
inklużi interkonnetturi transfruntieri li jistgħu jkunu aktar
effiċjenti fl-iżgurar tas-sigurtà tal-forniment milli
l-appoġġ għal-kapaċità ta' ġenerazzjoni domestika.
Il-proġetti maqbula ta' interess komuni taħt ir-Regolament tal-Infrstruttura
tal-Enerġija għandhom iwasslu biex il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri jilħqu l-livell ta' 10% tal-interkonnetturi maqbula
fl-2002 bħala sehem mill-kapaċità installata ta' produzzjoni. It-tielet, hemm bżonn ta' sforzi akbar
biex tittejjeb l-intensità tal-enerġija tal-ekonomija m'mod kosteffettiv u
biex jiġi ġġenerat l-iffrankar tal-enerġija permezz
ta'prestazzjoni mtejba tal-enerġija tal-bini, il-prodotti u
l-proċessi. Ir-rieżami tal-politiki għall-iffrankar
tal-enerġija fl-2014 se jipprovdi aktar ċarezza fuq l-azzjonijiet u
l-objettivi futuri f'dan il-qasam. 3. Governanza Ewropea
għall-qafas tal-2030 3.1 Pjanijiet nazzjonali
għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. Filwaqt li l-Istati Membri jeħtieġu
flessibilità biex jagħżlu l-politiki li jkunu l-aktar xierqa
għat-taħlita u l-preferenzi nazzjonali tagħhom
tal-enerġija, din il-flessibilità għandha tkun kompatibbli ma'
integrazzjoni ulterjuri tas-suq, iżjed kompetizzjoni u l-kisba
tal-objettivi tal-klima u l-enerġija fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm
il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati u kkordinati l-proċessi
attwali separati għall-irrappurtar tal-enerġija rinnovabbli,
effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tnaqqis tal-gass serra għall-perjodu
ta' wara l-2020, u li jkun hemm proċess ta' governanza kkonsolidat
mal-Istati Membri. L-ilħuq tal-miri relevanti jiltaqa' ma taħlita ta'
miżuri tal-Unjoni u miżuri nazzjonali deskritti fil-pjanijiet
nazzjonali tal-Istati Membri għal enerġija kompetittiva, sikura u
sostenibbli li: –
Jiżguraw li l-objettivi ta' politika tal-UE
għall-klima u l-enerġija jitwettqu –
Jipprovdu koerenza akbar
għall-approċċi tal-Istati Membri –
Jippromwovu integrazzjoni u kompetizzjoni ulterjuri
tas-suq –
Jipprovdu ċertezza għall-investituri
għall-perjodu ta' wara l-2020. Dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu
approċċ ċar għall-kisba tal-objettivi domestiċi dwar
l-emissjonijiet tal-gass serra fis-settur non-ETS, enerġija rinnovabbli,
iffrankar tal-enerġija, sigurtà tal-enerġja, riċerka u
innovazzjoni u għażliet importanti oħra bħall-enerġija
nukleari, gass tax-shale, il-ġbir u ħżin tal-karbonju.
L-għan espliċitu għandu jkun li tinħoloq aktar
ċertezza għall-investituri u trasparenza akbar; li tissaħħaħ
il-koerenzaa, koordinazzjoni u ssorveljar tal-UE, inkluża l-valutazzjoni
ta' pjanijet bħal dawn kontra l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija
fil-livell tal-Unjoni, u progress lejn l-objettivi tas-suq intern
tal-enerġija u l-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat. Se jkun hemm
bżonn ta' struttura ċara ta' governanza bi proċess iterattiv
immexxi mill-Kummissjoni biex jivvaluta l-pjanijiet tal-Istati Membri dwar dawn
il-kwistjonijiet komuni u biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet skont
il-ħtieġa. Huma maħsuba tliet passi biex jiġi
implimentat dan il-proċess. Pass 1 Se
tiġi żivluppata gwida dettaljata mill-Kummissjoni dwar
it-tħaddim tal-proċess il-ġdid ta' governanza u l-kontenut
tal-pjanijiet nazzjonali b'mod partikolari. Se jkun importanti li wieħed jiddefinixxi
l-ambitu u l-objettivi tal-pjanijiet u l-kondizzjonijiet qafas li għandhom
joperaw fi ħdanhom. Il-kontenut għandu jkopri aspetti importanti
għal sistema ta' enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli u juri
l-kontribuzzjoni tagħhom biex iwettqu l-obettivi tal-klima u
l-enerġija fil-livell tal-UE. B'mod partikolari, il-pjanijiet jiddeskrivu
kif Stat Membru jkun fi ħsiebu li jwettaq it-tnaqqis neċessrju
fl-emissjonijiet tal-gass serra kif ukoll jindikaw l-ammont ta' enerġija
rinnovabbli u ffrankar ta' enerġija li l-Istat membru jkun fi ħsiebu jikseb
fl-2030 bil-konsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki
eżistenti tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-pjanijiet għandhom
jiddeskrivu l-politiki li jaffettwaw it-taħlita nazzjonali
tal-enerġija bħal kapaċità nukleari ġdida, il-mobilizzazzjoni
ta' ġbir u ħżin tal-karbonju, iċ-ċaqliqa lejn fjuwils
li huma anqas intensivi fil-karbonju, l-iżilvupp ta' fornimenti ta'
enerġija indiġena, pjanijiet ta' infrastruttura bħal
interkonnetturi ġodda, tassazzjoni nazzjonali u skemi ta' appoġġ
li għandhom effett dirett jew indirett u l-użu tal-grilji
intelliġenti,eċċ. Pass 2:
It-tħejjija tal-pjanijiet tal-Istati Membri permezz ta' proċess
iterattiv. Il-konsultazzjoni ma' pajjiżi ġirien
għandha tkun element ewlieni fit-tħejjija tal-pjanijiet.
Approċċi reġjonali (ibbażati fuq gruppi reġjonali tal-elettriku
pereżempju) għandhom jiġu promossi peress li se jikkontrbwixxu
biex iżidu l-integrazzjoni tas-suq minn deċiżjonijiet
konġunti dwar il-mobilizzazzjoni tar-rinnovabbli, l-ibbilanċjar
tas-swieq, il-ġenerazzjoni tal-adegwatezza u l-kostruzzjoni tal-interkonnetturi.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri se ttejjeb ukoll il-kosteffettività
tal-investimenti u ssaħħaħ l-istabbilità tal-grilji. Pass 3:
Valutazzjoni tal-pjanijiet u l-impenji tal-Istati Membri. Bħala t-tielet pass, il-Kummissjoni se
twettaq rieżami tal-pjanijiet nazzjonali biex tivvaluta jekk l-azzjonijiet
u l-wegħdi tal-SM individwali humiex suffiċjenti biex iwettqu l-miri
u l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni. Jek il-pjan jitqies
bħala insuffiċjenti, isir proċess iterattiv aktar fil-fond
mal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jissaħħaħ
il-kontenut tiegħu. B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li
l-pjanijiet nazzjonali għandhom ikunu operazzjonali sew qabel l-2020
sabiex jiggwidaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri fi żmien tajjeb għall-perjodu
2020-2030 u biex jinkoraġġixxu l-investimenti.
L-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għandu jkun ippjanat
mill-anqas darba fil-perjodu sal-2030 biex jiġu kkunsidrati
ċ-ċirkostanzi li jinbidlu imma jitqiesu wkoll l-aspettattivi
leġittimi tal-investituri. Filwaqt li se jkun hemm rabtiet u
kumplimetarijiet ċari bejn dan il-proċess ta' governanza u l-politiki
nazzjonali rrappurtati taħt is-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni temmen li
ż-żewġ proċessi, filwaqt li huma kumplimentari,
għandhom jiġu ġestiti separatament minħabba l-karattru
differenti u speċifiku tal-oqsma tal-enerġija u l-klima u
l-perjodiċità differenti taż-żewġ proċessi.
L-istruttura ta' governanza jista' jkollha bżonn li tiġi ffissata
f'leġiżlazzjoni f'data aktar tard jekk l-approċċ ta'
kooperazzjoni ppjanat ma jkunx effettiv. Il-Kummissjoni se tiżviluppa
l-proposti tagħha għal struttura ta' governanza bħal din billi
tqis ukoll l-opinjionijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u
l-imsieħba interessati 3.2 Indikaturi u objettivi
għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. Filwaqt li ishma ogħla ta' rinnovabbli u
sistema ta' enerġija aktar effiċjenti se jikkontribwixxu kemm
għall-kompetittività kif ukoll għas-sigurtà tal-forniment
tal-enerġija (barra mill-impatt pożittiv tal-GHG u l-emissjonijiet li
jniġġsu), fihom infushom mhumiex biżżejjed biex
jiżguraw progress suffiċjenti lejn l-aspetti kollha ta' dawn
l-objettivi fil-perspettiva tal-2030. Hu meħtieġ monitoraġġ
sistematiku b'indikaturi ewlenin biex jivvaluta l-progress matul
iż-żmien u biex jinforma kull intervent futur ta' politika. Dawn
l-indikaturi jinkludu: ·
Id-differenzi kbar fil-prezz tal-enerġija bejn
l-UE u l-imsieħba kummerċjali kbar tagħha filwaqt li nibnu fuq
ir-rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija. ·
Id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni
tal-enerġija u s-sehem tas-sorsi indiġeni tal-enerġija
użati fil-konsum tal-enerġija matul il-perjodu sal-2030 għandhom
jiġu mmonitorjati wkoll. ·
Il-mobilizzazzjoni tal-grilji intelliġenti u
l-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri, b'urġenza partikolari bejn
dawk li huma l-aktar 'il bogħod milli jilħqu l-objettiv maqbul
diġà għall-Istati Membri biex jiġi zgurat livell ta'
interkonnessjonijiet ta' elettriku ekwivalenti għal 10% jew aktar minn
hekk tal-kapaċità nstallata tal-produzzjoni tagħhom. ·
L-akkoppjar fi ħdan l-UE tas-swieq
tal-enerġija, li jibni fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass u
l-elettriku miksuba diġà mil-leġiżlazzjoni tal-UE. ·
Il-kompetizzjoni u l-konċentrazzjoni tas-suq
fis-swieq tal-enerġija fil-livell nazzjonali u f'reġjuni b'akkoppjar
li jaħdem fil-livell tal-operaturi. ·
Innovazzjoni teknoloġika (nefqa
tar-R&Ż, brevetti tal-UE, sitwazzjoni kompetittiva fuq
it-teknoloġiji meta mqabbla ma' pajjiżi terzi). Il-Kummissjoni se tippreżenta rapportar
perjodiku u, fejn ikun hemm bżonn, miżuri ta' akkumpanjament dwar
dawn l-indikaturi. 4. Politiki kumplimentari
ewlenin 4.1 Trasport Il-White Paper dwar it-Trasport[17] stabbiliet mira
għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gas serra mis-settur tat-trasport b’60 %
sal-2050 meta mqabbel mal-1990 u b’madwar 20 % sal-2030 meta mqabbel
mal-emissjonijiet fl-2008. L-emissjonijiet tal-gass serra żdiedu bi
33 % matul il-perjodu mill-1990 sal-2007, iżda minn dak
iż-żmien naqsu minħabba prezzijiet għolja
taż-żejt, żieda fl-effiċjenza tal-karozzi
tal-passiġġieri u tkabbir aktar bil-mod ta' mobbiltà. Din ix-xejra
hija mistennija li tkompli sal-2020 iżda se jinħtieġu sforzi
ikbar wara l-2020 biex jintlaħqu l-miri tal-White Paper. Aktar tnaqqis ta’ emissjonijiet mit-trasport ser
jeħtieġu trasformazzjoni gradwali tas-sistema ta’ trasport kollha
lejn integrazzjoni aħjar bejn il-mezzi, l-isfruttament akbar ta’
alternattivi mhux tat-triq, immaniġġjar aħjar tal-flussi
tat-traffiku permezz ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti, u innovazzjoni
estensiva u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ propulsjoni u ta’
navigazzjoni u fjuwils alternattivi. Dan jeħtieġ li jiġi
appoġġjat b’disinn ta' infrastruttura moderna u koerenti u pprezzar
aktar intelliġenti għall-użu tal-infrastruttura. L-Istati Membri
għandhom jikkunsidraw ukoll kif it-tassazzjoni fuq il-fjuwil u l-vetturi
tista' tintuża biex tappoġġja t-tnaqqis tal-gass serra
fis-settur tat-trasport skont il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni
tal-prodotti tal-enerġija.[18] Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha
tipparteċipa b’mod attiv fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali
tal-Avjazzjoni Ċivili bil-għan li sal-2016, jinħoloq
mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq fis-settur tal-avjazzjoni li se jitħaddem
mill-2020. Dwar l-emissjonijiet marittimi, il-Kummissjoni se timplimenta
l-istrateġija tagħha biex tintegra s-settur fil-politiki tal-UE
għat-tnaqqis tal-gass serra[19],
u taħdem mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar
approċċ globali sabiex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ
fl-emissjonijiet permezz tal-miżuri l-aktar xierqa. 4.2 Il-biedja u l-użu
tal-art Is-setturi tal-agrikoltura, it-tibdil
fl-użu tal-art u l-forestrija jservu objettivi multipli
bħall-produzzjoni tal-ikel, l-għalf, il-materja prima u
l-enerġija, itejbu l-kwalità tal-ambjent u jikkontribwixxu
għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima. Is-setturi
flimkien, it-tnejn jipproduċu emissjonijiet kif ukoll ineħħu
l-gass serra mill-atmosfera. Pereżempju,
l-emissjonijiet huma assoċjati mal-produzzjoni tal-bhejjem u l-użu
tal-fertilizzant waqt li l-ġestjoni tal-bwar jew il-miżuri
tal-agroforestrija jistgħu jneħħu s-CO2
mill-atmosfera. Attwalment, dawn
l-emissjonijiet u l-assorbimenti huma ttrattati f’partijiet differenti
tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. L-emissjonijiet non-CO2
mill-agrikoltura huma ttrattati fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz
filwaqt li l-emissjonijiet u l-assorbimenti tas-CO2 marbuta mal-użu
tal-art u l-forestrija huma esklużi mill-mira ta' tnaqqis domestiku tal-UE
imma huma kkunsidrati taħt l-impenji internazzjonali. Biex jiġi
żgurat li s-setturi kollha jikkontribwixxu b’mod kosteffettiv
għall-isforzi ta' mitigazzjoni, l-agrikoltura, l-użu tal-art,
it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija għandhom jiġu inklużi
l-mira tat-tnaqqis tal-GHG għall-2030. Se titwettaq analiżi ulterjuri
bil-għan li tivvaluta l-potenzjal tal-mitigazzjoni u l-aħjar
approċċ ta’ politika li jista', pereżempju, juża
Deċiżjoni futura dwar il-Qsim tal-Isforz li tirregola l-emissjonijiet
tal-GHG non-ETS jew pilastru espliċitu separat, jew taħlita
tat-tnejn. Il-miżuri ta’ politika ta’ akkumpanjament għandhom jibnu
wkoll fuq l-esperjenzi mit-“titjib ekoloġiku” taħt il-Politika
Agrikola Komuni u jiżguraw koerenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni. 4.3 Qbid u Ħżin
tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS) L-emissjonijiet tal-gass serra mill-industriji
tal-UE li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju u l-enerġija jridu
jitnaqqsu b’mod sinifikanti biex ikunu kompatibbli ma’ l-objettiv fit-tul
tal-GHG tal-UE. Peress li qed jintlaħqu l-limiti teoretiċi tal-effiċjenza
u l-emissjonijiet relatati mal-proċess huma inevitabbli f’xi setturi,
is-CCS jista’ jkun l-unika għażla disponibbli biex inaqqsu emissjoni
diretta mill-proċessi industrijali fuq l-iskala kbira meħtieġa
fuq medda itwal ta’ żmien. L-isforzi akbar tar-R&Ż u
d-dimostrazzjoni kummerċjali tas-CCS huma, għalhekk, essenzjali matul
l-għaxar snin li ġejjin sabiex ikun tista’ tiġi implimentata
matul il-perjodu tal-2030. Se jkun meħtieġ qafas ta’ appoġġ
tal-UE permezz tat-tkomplija u t-tisħiħ tal-użu ta' dħul
mill-irkanti. Fis-settur tal-enerġija, is-CCS tista’
sservi ta’ teknoloġija ewlenija għall-ġenerazzjoni bbażata
fuq il-fjuwils fossili li tista’ tipprovdi kemm kapaċità ta' tagħbija
bażi kif ukoll dik ta' bilanċ f’sistema tal-elettriku varjabbli b’sehem
akbar ta’ enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri b’riżervi ta' fossili
u/jew b'sehem għoli ta' fjuwils fossili fit-taħlita tagħhom
tal-enerġija għandhom jappoġġjaw lis-CCS permezz
tal-istadju ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni sabiex iraħħsu
l-kostijiet u jippermettu l-iskejrament kummerċjali sa nofs
id-deċennju li jmiss. Dan għandu jinkludi l-iżvilupp ta’
infrastruttura adegwata ta' ħżin u trasport ta' CO2 li
tista' tibbenefika minn finanzjament tal-UE bħall-Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa u kwalunkwe suċċessur potenzjali. 4.4 Innovazzjoni u finanzjament Skont il-Qafas tal-2020, il-Pjan
Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET)
żied l-investimenti fl-R&Ż madwar l-Unjoni minn EUR 3,2
għal EUR 5,4 biljun fis-sena u qiegħed miexi bi progress lejn
pjan direzzjonali uniku u integrat biex jiggwida investimenti futuri.
Għall-perjodu 2014-2020, l-Unjoni qed iżżid l-investiment
fir-riċerka u l-iżvilupp marbuta mal-enerġija u l-klima
taħt Orizzont 2020, il-programm ġdid tal-Unjoni dwar
ir-riċerka u innovazzjoni, kważi EUR 6 biljun se jkunu ddedikati
għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji
sikuri, nodfa u b’livell baxx ta’ karbonju u għal bliet u komunitajiet
intelliġenti. Se jkunu disponibbli wkoll fondi miżjuda
għall-istrumenti finanzjarji, partenarjati bejn il-pubbliku u l-privat u
proġetti tal-SMEs. Madankollu, l-UE
se jkollha tkompli żżid l-isforzi tagħha fuq ir-riċerka u
l-innovazzjoni biex tappoġġja l-qafas ta' wara l-2020 dwar il-klima u
l-enerġija. Għandhom jibdew diġà r-riflessjonijiet, li jibnu fuq
il-progress taħt il-Pjan SET attwali, dwar kif inhu l-aħjar mod li
dan isir u x’għandhom ikunu l-prijoritajiet. Enfasi partikolari
għandha tkun dwar l-aċċellerazzjoni ta' tnaqqis tal-kostijiet u
l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju
(l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,
u proċessi industrijali b’livell baxx ta’ karbonju minn firxa ta’
setturi). Dan għandu jiffoka fuq żieda fl-iskala tal-investimenti
f’dimostraturi fuq skala kbira, li jistimulaw id-domanda għal
teknoloġiji innovattivi, u jiżguraw oqfsa regolatorji xierqa madwar
is-suq uniku. L-evidenza turi li hu mistenni tnaqqis fil-kostijiet ta’ bejn 30
u 80 % hekk kif jimmaturaw it-teknoloġiji tal-enerġija
l-ġodda. Dawn
l-attivitajiet jistgħu jinvolvu l-użu tad-dħul
iġġenerat permezz tal-ETS biex jiffinanzjaw proġetti ta’
dimostrazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju li jkopru, pereżempju,
l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,
u billi jiġi attirat aktar investiment privat permezz tal-Bank Ewropew
tal-Investiment. Pjanijiet direzzjonali b’livell baxx ta’ karbonju elaborati
mis-setturi industrijali wrew ħtieġa ċara
għall-iżvilupp u dimostrazzjoni ta’ skala kbira ta’ proċessi
industrijali innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju, kif ukoll valur
miżjud għoli ġdid għal prodotti b’livell baxx ta’ karbonju.
Skont il-politiki tal-Unjoni tal-innovazzjoni u dawk industrijali, se jiġi
esplorat il-kunċett ta’ sistema NER300 estiża bħala mezz biex
id-dħul mill-ETS jiġi dirett lejn id-dimostrazzjoni ta’
teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju fl-industrija u setturi
tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Sehem mid-dħul tal-irkant
għandu jintuża wkoll biex jinċentiva aktar miżuri ta’
mitigazzjoni tal-GHG, pereżempju l-ingranaġġ ta konverġenza
u konsistenza ta’ skemi ta’ inċentivi nazzjonali dwar l-enerġija
rinnovabbli, jew għall-estensjoni tal-interkonnessjonijiet u l-użu
ta’ grilji intelliġenti, b'iffokar fuq dawk l-Istati Membri li
għandhom anqas kapaċità biex jinvestu. Huwa ċar li hemm opportunitajiet
konsiderevoli għall-Istati Membri skont il-programmi l-ġodda
tal-Unjoni maqbula biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli u
għat-titjib fil-livelli minimi ta’ effiċjenza fl-użu
tal-enerġija. Finanzjament tal-UE matul il-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa
disponibbli taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn
twarrab minimu ta’ EUR 23 biljun għall-Objettiv Tematiku “Bidla lejn
ekonomija b’użu baxx tal-karbonju” . Dan jirrappreżenta żieda
sinifikanti fl-appoġġ tal-UE għal skjerament massiv ta'
soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-użu
tal-enerġija u trasport urban b'użu baxx ta’ karbonju u ta’ grilji
intelliġenti fl-UE. Għandu jkun hemm enfasi ħafna aktar
b’saħħitha fuq l-istrutturar u l-iskjerar ta’ strumenti finanzjarji
ġodda (jew rikapitalizzazzjoni ta' dawk eżistenti) , li se jrawmu
l-fiduċja tal-investitur sabiex il-finanzi pubbliċi jkunu
jistgħu jintużaw biex jiġi attirat il-kapital mis-settur privat
b’mod aktar effettiv. Madankollu, jeħtieġ li jibdew
riflessjonijiet dwar l-istrumenti li se jkunu meħtieġa
għall-perjodu ta' wara l-2020 biex jiġu indirizzati kwistjonijiet
relatati mal-klima u l-enerġija inklużi l-implikazzjonijiet
tal-kostijiet differenti għall-Istati Membri kif deskritt
fit-taqsima 2.1. Se jkun ukoll importanti li wieħed jiżviluppa
inġinerija finanzjarja biex jiġi ffaċilitat l-aċċess
għall-finanzjament tal-SMEs. Strumenti bħal dawn għandhom ukoll
jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex
jinvestu u jisfruttaw l-opportunitajiet b’livell baxx ta’ karbonju kif huwa
l-każ attwalment bl-inizjattiva tal-Unjoni bliet intelliġenti li se
tappoġġa bliet u reġjuni fit-teħid ta’ miżuri
ambizzjużi u innovattivi lejn tnaqqis ta’ 40 % tal-emissjonijiet ta’
gass serra fl-2020 permezz tal-użu u l-produzzjoni sostenibbli
tal-enerġija.[20]
5. Kuntest internazzjonali Il-qafas ġdid tal-2030 għandu jqis
is-sitwazzjoni internazzjonali attwali u l-iżviluppi previsti. Ix-xenarju
tal-enerġija għaddej minn bidliet kbar. Huwa ċar li fil-perjodu
sal-2030 id-domanda għall-enerġija fid-dinja se tiżdied, b’mod
partikolari fl-Asja, b’żieda kbira mistennija tal-importazzjonijiet
tal-idrokarburi f’pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja. Hu mistenni
li t-tkabbir fid-domanda tal-enerġija jintlaħaq parzjalment permezz
tal-iżvilupp ta’ riżorsi ġodda li huma possibbli permezz ta’
avvanzi teknoloġiċi (deep offshore, tekniki msaħħa
tal-irkupru, riżorsi mhux konvenzjonali) u d-diversifikazzjoni
ġeografika relatata ta' produzzjoni u rotot ta’ kummerċ (notevolment
għall-Gass Naturali Likwifikat). Il-flussi tal-kummerċ
tal-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija huma profondament affettwati
minn dawn l-iżviluppi u se jkollhom konsegwenzi għall-UE
minħabba d-dipendenza għolja tagħha fuq l-importazzjonijiet.
Fl-istess waqt, il-globalizzazzjoni tal-flussi tal-enerġija u
ż-żieda fil-varjetà ta’ atturi internazzjonali qed joħolqu
momentum biex jiġi żviluppat approċċ ġdid lejn
il-governanza tal-enerġija bbażata fuq ir-regoli madwar id-dinja. L-isforzi min-naħa tal-imsieħba
internazzjonali tal-Unjoni li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma
mħallta. In-natura “minn isfel għal fuq" tal-proċess
tal-wegħdiet li sar f'Copenhagen-Cancun kien pass’ il quddiem sinifikanti,
għalkemm inadegwat, lejn reġim iktar inklużiv, li ra
liċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-USA, l-UE u aktar minn 100
pajjiż ieħor (li jirrappreżentaw iktar minn 80 %
tal-emissjonijiet globali) jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv għal
politiki speċifiċi tal-klima. B’mod ġenerali, madankollu,
l-azzjoni dwar il-klima kienet frammentata u mfassla apposta għal
kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi. Tmienja u tletin
pajjiż żviluppat, inkluża l-UE, l-Istati Membri u l-Islanda,
ħadu l-impenji legalment vinkolanti tal-emissjonijiet għat-tieni
perjodu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto li jammontaw għal tnaqqis medju
ta’ mill-inqas 18 % taħt il-livelli tal-1990. Filwaqt li dan huwa
wieħed aktar milli skont l-ewwel perjodu ta’ impenn, il-Ġappun, New
Zealand u l-Federazzjoni Russa ma għamlux impenji ġodda. Kaxxa 3: Progress internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass serra. Fl- 2012, l-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju żdiedu b'1,1 % għalkemm b’rata li kienet aktar baxxa miż-żieda medja annwali ta’ 2,9 % matul l-aħħar għaxar snin. L-ikbar emittenti tas-CO2 issa huma taċ-Ċina (29 % tal-emissjonijiet globali), l-Istati Uniti (16 %), l-UE (11 %), l-Indja (6 %), il-Federazzjoni Russa (5 %) u l-Ġappun (3,8 %). Mill-1990, l-emissjonijiet tas-CO2 fiċ-Ċina, kibru b’mod ċar b’madwar 290 % u b’madwar 70 % mill-2005. L-emissjonijiet ras għal ras issa huma bejn wieħed u ieħor fuq l-istess livell ta’ dawk tal-UE b’madwar 7 tunnellati. Fl-2012, l-emissjonijiet tal-Istati Uniti tas-CO2 naqsu b’4 % u niżlu b’iktar minn 12 % mill-2005 'l hawn. L-emissjonijiet per capita huma, madankollu, ħafna ogħla b'16,4 tunnellata fl-2012. It-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet huwa l-aktar dovut għall-isfruttament tal-gass shale domestiku li wassal għall-ispustjar tal-faħam fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-emissjonijiet fl-Indja kibru b'6,8 % fl-2012, b'53 % mill-2005 sal-2012 u b’200 % mill-1990 għalkemm l-emissjonijiet ras għal ras għadhom ferm iżgħar milli fl-UE b’anqas minn 2 tunnellati. L-emissjonijiet tal-Ġappun baqgħu l-istess matul il-perjodu 2005 sa 2012, iżda żdiedu mill-1990, u kulma jmur telgħin il fuq. Il-Ġappun reċentement qasqas b’mod sinifikanti l-pjanijiet tiegħu li jnaqqas il-gassijiet serra sal-2020 fil-kuntest ta’ rieżami tal-politika tal-enerġija wara l-inċident nukleari ta' Fukishima. L-Awstralja u l-Kanada għamlu l-istess. Iċ-Ċina issa, flimkien mal-UE, hi
l-akbar investitur fl-enerġija rinnovabbli u nediet sensiela ta’ sistemi
reġjonali ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet li jkopru l-akbar
reġjuni ekonomiċi bil-għan li tiġi żviluppata sistema
nazzjonali b'enfasi primarja fuq it-tniġġis lokali tal-arja u
s-sigurtà tal-enerġija. L-Istati Uniti rat l-emissjonijiet tal-GHG jonqsu
b’konformità mal-mira tagħha li tnaqqas bi 17 % sal-2020 meta mqabbla
mal-2005, misjuqa mhux biss minn bidla mill-faħam għall-gass
iżda wkoll mit-tisħiħ tal-istandards tas-CO2
għall-karozzi, żieda fl-iskjerament tar-rinnovabbli, u minn settur
privat attiv li jinvesti ħafna fit-teknoloġiji ġodda u
l-innovazzjoni. Il-Brażil għamel progress biex iwaqqaf
id-deforestazzjoni fuq skala kbira. Filwaqt li fil-preżent l-UE hi fuq
quddiem nett fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, ekonomiji ewlenin
u oħrajn li qed jikbru malajr identifikaw interess strateġiku biex
jikkompetu f’dawn is-swieq ġodda. L-ambizzjoni mġedda tal-klima u
l-enerġija se tippermetti lill-Ewropa biex iżomm il-vantaġġ
ta' pjunier tagħha f'dawn is-swieq globali li qed jikbru malajr. Kollox ma' kollox, għad hemm distakk
sinjifikanti fl-ambizzjoni bejn l-azzjonijiet ippjanati ta' mitigazzjoni u dak
li hemm bżonn biex jillimita lit-tempertatura globali milli titla' anqas
minn 2°C[21]. Għal din
ir-raġuni, il-Partijiet tal-UNFCCC, fl-2011 nedew proċess immirat
biex jikkonkludu ftehim internazzjonali ġdid f’Pariġi f’Diċembru
tal-2015 li jkun applikabbli għall-partijiet kollha u jkopri l-perjodu ta’
wara l-2020. Il-Partijiet għandhom ikunu lesti biex iressqu
l-kontribuzzjonijiet tagħhom sal-ewwel kwart tal-2015 biex ikun hemm
ħin biżżejjed għal diskussjoni u valutazzjoni kontra
l-għan miftiehem li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura
globali għal inqas minn 2°C. L-Unjoni għandha tkun lesta li tagħmel il-parti
tagħha u tieħu aktar azzjonijiet ambizzjużi biex tnaqqas
l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra u biex tippromwovi
l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Huwa fl-interess tagħna stess li nagħmlu dan iżda għandna
nistiednu lill-imsieħba internazzjonali tagħna biex jagħmlu
l-istess u biex jingħaqdu fl-isfida gobali tal-ġlieda kontra t-tibdil
fil-klima. Azzjoni internazzjonali akbar tgħin ukoll biex tiġi
sostnuta l-kompetittività fit-tul tal-bażi industrijali tal-Unjoni. 6. Il-Passi li Jmiss Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-elementi ewlenin
ta’ qafas ġdid għall-2030 dwar il-klima u l-enerġija għandu
jinkludi l-mira għat-tnaqqis tal-gass b’effett serra fil-livell tal-UE li
jinqasam b’mod ġust fost l-Istati Membri fil-forma ta’ miri nazzjonali
vinkolanti; riforma tas-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet; mira
fil-livell tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli u proċess
Ewropew ġdid ta’ governanza għall-politiki dwar l-enerġija u
l-klima bbażati fuq il-pjanijiet tal-Istati Membri
għall-enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. L-effiċjenza
fl-użu tal-enerġija se tkompli jkollha rwol sinjifikanti fit-twettiq
tal-objettivi tal-Unjoni tal-klima u l-enerġija u dan se jkun
is-suġġett ta’ rieżami li għandu jiġi konkluż
iktar tard fl-2014. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew biex jiftiehmu sa tmiem l- 2014, li l-UE għandha
twiegħed tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra ta’ 40 % minn
kmieni fl-2015 bħala parti min-negozjati li jikkonkludu f’Pariġi
f’Diċembru 2015. l-Unjoni għandha wkoll tkun ippreparata li
tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-summit ospitat mis-Segretarju
Ġenerali tan-NU f’Settembru 2014. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew biex japprovaw mira fil-livell tal-UE li sal-2030
is-sehem tal-enerġija rinnovabbli li għandha tiġi kkunsmata
fl-UE jkun mill-inqas ta' 27 % u dan għandu jitwettaq permezz ta’
impenji ċari deċiżi mill-Istati Membri nfushom, sostnuti minn
mekkaniżmi msaħħa ta’ twettiq u indikaturi fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew biex japprovaw l-approċċ tal-Kummissjoni
għall-politika tal-ġejjieni dwar il-klima u l-enerġija u
l-proposta tagħha biex tistabbilixxi sistema ta' governanza ssimplifikata
iżda effettiva għat-twettiq tal-objettivi tal-klima u
l-enerġija. [1] Id-dejta tal-Eurostat dwar is-settur tal-prodotti u
s-servizzi ambjentali. [2] Tibdil fil-Klima 2013: Il-Bażi tax-Xjenza
Fiżika; Grupp ta' Ħidma I tal-IPCC; Sommarju għal Dawk li
Jfasslu l-Politika, Ottubru 2013. [3] COM(2013) 169: Green Paper dwar qafas għal politiki
tal-klima u tal-enerġija sal-2030 [4] COM(2011) 885 Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050;
COM(2011) 112 Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx
ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050. [5] http://ec.europa.eu/energy/consultations/20130702_green_paper_2030_en.htm
[6] COM(2011) 885 [7] COM(2014) 14 [8] Is-settur tal-ETS ikopri 11,000 stallazzjoni fissa
involuti fil-ġenerazzjoni u l-manifattura tal-enerġija u li huma
utenti sinjifikanti tal-enerġija. [9] COM(2012) 595 [10] COM(2013) 17 [11] COM(2013) 659 [12] COM(2014) 20 [13] C(2013) 7243 [14] http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_environment/index_mt.html
[15] COM(2014) 21; SWD(2014) 19; SWD(2014) 20. [16] COM(2014) 23, C(2014) 267 [17] COM(2011) 144 [18] COM(2011) 169 [19] COM (2013) 479 [20] http://setis.ec.europa.eu/set-plan-implementation/technology-roadmaps/european-initiative-smart-cities
[21] UNEP: Ir-Rapport tal-2013 dwar id-Distakk
tal-Emissjonijiet