Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE3567

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (COM(2014) 254 final/2)

OJ C 12, 15.1.2015, p. 93–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir”

(COM(2014) 254 final/2)

(2015/C 012/15)

Relatur:

is-Sur Boland

Relatur:

is-Sur Lobo Xavier

Nhar it-13 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir

COM(2014) 254 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' d-dokument tal-Kummissjoni, li jistipula li nimmassimizzaw il-potenzjal tal-impjieg mill-ibħra u l-oċeani tagħna permezz tal-innovazzjoni, b'enfasi speċifika fuq il-bijoteknoloġija tal-baħar, l-enerġija mill-oċeani u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar.

1.2

Il-KESE huwa mħasseb min-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-miżuri mnedija mis-settur privat u pubbliku u jinnota li hemm tensjoni simili fost l-Istati Membri. Bl-istess mod, in-nuqqas ta' data u sistemi ta' data adegwati meħtieġa għal informazzjoni preċiża dwar l-ibħra tagħna u l-potenzjal tagħhom qed tfixkel l-iżvilupp tal-innovazzjoni, minkejja l-isforzi li saru minn diversi universitajiet u istituti tal-għarfien fost l-Istati Membri. Il-KESE jemmen li l-assenza ta' soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet tfisser li l-Ewropej jitilfu opportunità ta' aċċess għal impjiegi ġodda potenzjali.

1.3

Il-KESE jinnota li l-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu iżda teħtieġ aktar appoġġ mill-Kummissjoni. Dan l-appoġġ jinkludi li jkun hemm l-appoġġ leġislattiv meħtieġ kif ukoll għajnuna finanzjarja fit-tul allinjati ma' aktar informazzjoni dwar il-programmi ta' innovazzjoni eżistenti.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li d-dgħufijiet identifikati mill-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni għandhom jiġu indirizzati b'urġenza mill-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li, allinjat mal-approċċ xjentifiku tad-dokument, hemm ħtieġa li jiġu integrati l-istrateġiji tat-turiżmu kostali fil-proċess sabiex mhux biss tingħata spinta lill-interess tas-soċjetà ċivili fis-suġġett iżda wkoll biex ikun hemm benefiċċji minn kooperazzjoni integrata bejn iż-żewġ viżjonijiet tal-proċess.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer, li qed jesperjenzaw tnaqqis serju fl-industriji tradizzjonali inkluż is-sajd, għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu biex jiggarantixxu bilanċ korrett bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-attivitajiet turistiċi li jistgħu joħolqu l-impjiegi u l-prosperità. B'din ir-rakkomandazzjoni, il-KESE jispeċifika li l-komunitajiet kollha affettwati mill-ekonomija blu għandhom jiġu rappreżentati fi djalogu sinifikattiv fost il-partijiet interessati kollha. Barra minn hekk, dawn il-komunitajiet, u b'mod aktar speċifiku l-gżejjer, għandhom potenzjal u kontribut ċar xi jwettqu fl-innovazzjoni fi ħdan l-ekonomija blu.

1.7

Fl-iżvilupp ta' strateġiji biex immexxu 'l quddiem l-impjiegi fl-ekonomija blu, huwa essenzjali li tkun inkluża l-innovazzjoni f'oqsma bħall-bini tal-bastimenti, l-akkwakultura, l-infrastruttura tal-portijiet u s-sajd. Minħabba li diġà hemm il-ħtieġa dejjem tikber li jkun hemm konformità ma' bżonnijiet ambjentali varji, il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta' politika kollha tal-baħar formulata mill-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq il-potenzjal tal-impjieg li jadatta għar-rekwiżiti ambjentali ġodda.

1.8

Huwa ċar li l-kisba ta' żieda fl-impjieg permezz tal-innovazzjoni tal-ekonomija blu se tkun bil-mod ħafna taħt din il-politika. F'dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni Ewropea tfittex ftehim mill-partijiet kollha dwar skeda intelliġenti li tiffoka l-miżuri biex naslu għal twettiq malajr tal-istrateġiji kollha.

1.9

Filwaqt li jilqa' l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, il-KESE jemmen bil-qawwa li mhumiex biżżejjed u m'hemmx impenn xieraq mill-Istati Membri. F'dan il-kuntest hemm bżonn li jsir Summit speċjali tal-UE dwar l-innovazzjoni tal-ekonomija blu qabel l-2016. Dan ikun jinvolvi l-Ministri responsabbli mill-affarijiet marittimi u responsabbiltajiet assoċjati. L-għan ikun li tingħata prijorità lill-istrateġiji ewlenin u li jkun hemm qbil dwar skedi għall-implimentazzjoni li għandhom ikunu raġonevoli għal kull Stat Membru skont il-karatteristiċi tiegħu. Barra minn hekk, fil-forum dwar l-ekonomija l-blu u x-xjenza, li għandu jsir fl-2015, il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi rappreżentata sew is-soċjetà ċivili, inklużi l-ħaddiema u l-gruppi marġinalizzati.

2.   Spjegazzjoni u sfond

2.1

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar it-tkabbir blu (1), li wriet il-potenzjal tal-impjieg għas-sostenn tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti tagħna madwar l-Ewropa. Identifikat ukoll ir-rwol li l-enerġija mill-oċeani tista' tikkontribwixxi għal aktar opportunitajiet ta' impjieg.

2.2

Bħalissa huwa stmat li bejn 3 % u 5 % tal-PDG tal-UE jiġi mis-settur marittimu kumplessivament, li jimpjega madwar 5,6 miljun persuna u li jiġġenera EUR 495 biljun għall-ekonomija Ewropea. Madwar 90 % tal-kummerċ barrani u 43 % tal-kummerċ fl-UE jseħħ permezz ta' rotot marittimi. It-tarzni Ewropej inklużi l-industriji alleati huma responsabbli għal 10 % tal-produzzjoni globali. Joperaw madwar 1 00  000 dgħajsa madwar l-Ewropa, fil-qasam tas-sajd jew tal-akkwakultura. Barra minn hekk, reċentement, qed jiżviluppaw attivitajiet oħra, bħall-estrazzjoni tal-minerali u l-parks għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ. (The European Union explained: Maritime affairs and fisheries, 2014, http://europa.eu/pol/pdf/flipbook/en/fisheries_en.pdf).

2.3

Huwa mifhum ukoll li l-Istati Membri kollha u l-korpi tal-Unjoni Ewropea huma mħassbin li l-użu mhux sostenibbli tal-ibħra tagħna jhedded il-bilanċ fraġli tal-ekosistemi tal-baħar. Dan imbagħad huwa ta' sfida għall-inizjattivi tal-baħar li jfittxu li joħolqu aktar impjiegi u jikkontribwixxu għall-Istrateġija Ewropea 2020.

2.4

Il-Kummissjoni hija wkoll konxja min-nuqqasijiet identifikati mill-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni bħal, nuqqas ta' investiment fl-għarfien, aċċess fqir għall-finanzi, spejjeż għolja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, progress bil-mod wisq lejn standards interoperabbli, użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku u duplikazzjonijiet fir-riċerka. Dgħufijiet oħra identifikati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea għall-2014 jinkludu: nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati fuq l-innovazzjoni u t-trasferiment fqir tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi u żieda fid-diskrepanza fil-ħiliet.

2.5

Id-disponibbiltà limitata tad-data, bid-dettalji dwar il-karatteristiċi ta' qiegħ il-baħar bħall-immappjar tal-ħabitats ta' qiegħ il-baħar, il-ġeoloġija ta' qiegħ il-baħar u inċertezzi oħra marbuta mal-baħar, hija ta' ostakolu għal aktar żvilupp innovattiv.

2.6

Huwa nnutat l-għadd konsiderevoli ta' inizjattivi mmexxija mill-politika tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn jinkludu:

id-disponibbiltà ta' data mingħajr restrizzjonijiet;

l-integrazzjoni tas-sistemi tad-data;

l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Ibħra.

2.7

Minkejja r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, hemm eluf ta' komunitajiet kostali li qed jonqsu. Ħafna minn dawn issa qed isibu ruħhom f'pożizzjoni li ma jistgħux jikkompetu fl-ibħra u jkollhom bżonn appoġġ konsiderevoli għat-titjib tal-flotot tas-sajd tagħhom. Hemm ukoll tnaqqis fis-servizzi anċillari bħall-bini u l-manutenzjoni tad-dgħajjes, u l-forniment ta' servizzi oħra assoċjati.

2.8

L-ibħra madwar l-Ewropa jinkludu: il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, l-Oċean Artiku, l-Oċean Atlantiku u l-Baħar Irlandiż, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Mediterran u l-Baħar tat-Tramuntana.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Nhar il-Ħamis 8 ta' Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta' azzjoni dwar l-“innovazzjoni fl-ekonomija blu”. L-għan ġenerali ta' din il-Komunikazzjoni huwa li twettaq il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-oċeani u l-ibħra tagħna. Tipproponi serje ta' inizjattivi biex ikollna għarfien aħjar tal-oċeani, intejbu l-ħiliet meħtieġa biex ikunu applikati t-teknoloġiji ġodda fl-ambjent tal-baħar, u nsaħħu l-koordinazzjoni tar-riċerka tal-baħar. Ġew proposti l-miżuri li ġejjin:

it-tfassil ta' mappa diġitali tal-qigħan kollha tal-baħar tal-ilmijiet Ewropej;

il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ tagħrif dwar ir-riċerka tal-baħar tal-programm Orizzont 2020 kollu kif ukoll tagħrif dwar proġetti ta' riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment, u l-qsim tar-riżultati minn proġetti lesti;

il-ħolqien ta' forum tal-ekonomija, in-negozju u x-xjenza blu, li se jinvolvi s-settur privat, xjenżati u NGOs biex jgħinu fit-tfassil ta' ekonomija blu għall-futur u jaqsmu l-ideat u r-riżultati. L-ewwel laqgħa se ssir flimkien mal-avveniment fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Ewropew tal-2015 f'Piraeus, il-Greċja.

l-inkoraġġiment tal-atturi fir-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni biex janalizzaw il-ħtiġijiet u l-ħiliet għall-forza tax-xogħol tas-settur marittimu sal-2016;

l-eżaminazzjoni tal-possibbiltà ta' atturi kbar mill-komunitajiet tar-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni jifformaw Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (KIC) għall-ekonomija blu wara l-2020. Il-KICs, parti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni b'diversi modi, pereżempju billi jorganizzaw programmi ta' taħriġ u edukazzjoni, bit-tisħiħ tal-mogħdija mir-riċerka għas-suq u bit-twaqqif ta' proġetti ta' innovazzjoni u inkubaturi tan-negozji.

3.2

Industriji individwali li jiffurmaw l-ekonomija blu jinkludu: l-akkwakultura, it-turiżmu ta' mal-kosta, l-enerġija mill-oċeani, il-bijoteknoloġija tal-baħar u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar.

3.3

Filwaqt li f'termini ekonomiċi, l-ekonomija l-blu tirrappreżenta s-sostenibbiltà ta' 5,4 miljun impjieg u tiġġenera valur miżjud gross ta' kważi EUR 500 biljun fis-sena, wieħed għandu jinnota li l-bijoteknoloġija tal-baħar, l-enerġija mill-oċeani u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għad iridu jiġu żviluppati bħala kontributuri ekonomiċi netti.

3.4

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kull wieħed minn dawn is-setturi jista' jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-ekonomija blu bil-mod li ġej:

il-bijoteknoloġija tal-baħar toffri l-possibbiltà tal-esplorazzjoni tal-baħar biex isir sekwenzar tad-DNA bl-użu ta' teknoloġija ġdida taħt l-ilma. Il-massa kritika tal-pajjiżi kollha tal-UE involuti se tistimula swieq niċċa ta' qligħ.

l-enerġija mill-oċeani għadha settur emerġenti. Jekk jiġi ġestit tajjeb, is-settur għandu l-potenzjal li jikseb il-miri għall-enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku b'riżultat ta' teknoloġija ġdida ta' innovazzjoni huwa meqjus bħala realistiku, b’mod partikolari minħabba l-progress li diġà sar.

l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi bbażati fuq l-għarfien li l-kwantità ta' minerali fil-qiegħ tal-oċean hija potenzjalment kbira. B'kunsiderazzjoni xierqa għat-tħassib ambjentali, l-irkupru ta' dawn il-minerali aktarx li jimla l-vojt fis-suq jew fejn ir-riċiklaġġ ma jkunx possibbli jew adegwat, jew fejn il-piż fuq il-minjieri terrestri jkun kbir wisq. Filwaqt li għadu żgħir, dan is-settur għandu l-potenzjal li jiġġenera tkabbir u impjiegi sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

3.5

L-ekonomija blu tibbenefika mill-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni tal-UE, li għandha l-għan li toħloq ambjent favur l-innovazzjoni. Il-programm il-ġdid, Orizzont 2020, b'valur ta' EUR 79 biljun, huwa l-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni.

3.6

Il-dokument identifika wkoll in-nuqqasijiet tal-inizjattiva li jinkludu: nuqqas ta' investiment fl-għarfien, aċċess fqir għall-finanzi, spejjeż għolja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, progress bil-mod wisq lejn standards interoperabbli, użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku u duplikazzjonijiet fir-riċerka.

3.7

Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni jinkludu:

mill-2014 'il quddiem proċess sostenibbli li jiżgura li d-data dwar il-baħar tkun aċċessibbli faċilment, interoperabbli u mingħajr ristrizzjonijiet;

sa Jannar 2020, mappa b'riżoluzzjoni multipla tal-qigħan kollha tal-baħar tal-ilmijiet Ewropej;

sal-aħħar tal-2015 pjattaforma ta' tagħrif dwar ir-riċerka tal-baħar fil-programm Orizzont 2020 kollu kif ukoll tagħrif dwar proġetti ta' riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment;

fl-2015 l-ewwel laqgħa tal-forum tal-ekonomija, in-negozju u x-xjenza blu;

fil-perjodu 2014-16 it-twaqqif ta' alleanza tal-ħiliet għas-settur tal-baħar.

3.8

Ta' min jinnota li d-dokument tal-Kummissjoni ma jiddefinixxix “l-ekonomija blu”. Madankollu l-KESE jinnota d-definizzjoni kif mogħtija fit-tielet rapport interim tal-UE ta' Marzu 2012 bit-titolu Scenarios and drivers for sustainable growth (Tkabbir Blu: Xenarji u xpruni għal tkabbir sostenibbli mill-oċeani, l-ibħra u x-xtut), li jgħid li t-tkabbir blu huwa definit bħala tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużiv mill-oċeani, l-ibħra u l-kosti. L-ekonomija marittima tikkonsisti mill-attivitajiet ekonomiċi settorjali u transsettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u x-xtut. Filwaqt li dawn l-attivitajiet huma ta' spiss ġeografikament speċifiċi, din id-definizzjoni tinkludi wkoll l-eqreb attivitajiet ta' appoġġ diretti u indiretti meħtieġa għall-funzjonament tas-setturi ekonomiċi marittimi. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinstabu kullimkien, anke f'pajjiżi mdawrin bl-art. L-impjieg marittimu huwa l-impjiegi kollha (imkejla f'termini ta' impjieg full-time – FTE) li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' hawn fuq marbuta mal-oċeani, l-ibħra u x-xtut.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-potenzjal tal-ekonomija blu fl-Ewropa jinkiseb jekk l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, ikunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp tal-politiki u s-soluzzjonijiet lokali li jindirizzaw il-bosta dgħufijiet identifikati mill-inizjattiva ewlenija “Innovazzjoni” kif ukoll dawk spjegati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014.

4.2

L-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu. Madankollu se jkun hemm bżonn ħafna aktar appoġġ u żvilupp biex jinkiseb il-potenzjal ekonomiku tal-ibħra.

4.3

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri jirriflettu l-prijoritajiet politiki ewlenin tat-tkabbir blu.

4.4

Ir-realtà tat-tniġġis fil-baħar, li ħafna minnu joriġina mill-art, għandha implikazzjonijiet reali għall-ekonomija blu futura sostenibbli. Bl-istess mod, jekk ma jkunux trattati immedjatament, it-tħassib ambjentali dwar l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, il-ħtieġa għal infrastruttura aħjar tal-portijiet u t-titjib li jżid il-kwalità ambjentali tal-industrija tal-bastimenti, dawn se jillimitaw il-possibiltajiet ta' impjieg tal-ekonomija l-blu.

4.5

Il-qagħda mwiegħra tal-komunitajiet kostali li huma affettwati minn kriżi ekonomika Ewropea usa' u huma dipendenti fuq l-ekonomija blu tagħhom se teħtieġ attenzjoni partikolari f'forma ta' rabtiet akbar mal-programmi tal-UE bħall-Politika Komuni tas-Sajd.

4.6

Fl-Ewropa, il-frammentazzjoni tal-politiki u l-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-valur ekonomiku tal-oċeani u l-ibħra tagħna, fixklet milli jinkisbu ekonomiji sostenibbli taħt il-kategoriji ekonomiċi differenti. Bl-istess mod, il-potenzjal tal-ftehimiet tal-ekonomija blu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti u interessi globali oħrajn għandhom il-kapaċità joħolqu iżjed impjiegi.

4.7

L-ekonomija blu hija dipendenti fuq l-iżvilupp tal-industrija tal-bini tal-bastimenti, li tinkludi madwar 150 tarzna kbira fl-Ewropa, li xi 40 minnhom huma attivi fis-suq dinji għall-bastimenti kummerċjali marittimi l-kbar. Fl-Unjoni Ewropea hemm mal-120 000 persuna impjegata direttament mit-tarzni (ċivili u navali, il-bini ġdid u t-tiswija). Id-dokument tal-Kummissjoni għandu jirrifletti f'aktar dettall il-kontribut tat-tbaħħir globali għall-ekonomija blu inġenerali.

4.8

Allinjat mal-approċċ xjentifiku tad-dokument, hemm il-ħtieġa li jiġu integrati l-istrateġiji tat-turiżmu kostali biex tingħata spinta mhux biss lill-interess tas-soċjetà ċivili f'dan il-qasam, iżda wkoll biex ikun hemm benefiċċji minn kooperazzjoni integrata bejn iż-żewġ viżjonijiet tal-proċess. Fuq l-iżvilupp kollu hemm il-ħtieġa li jkun hemm adattament għar-rekwiżiti ambjentali u li jkunu identifikati l-opportunitajiet.

4.9

Id-dokument tal-Kummissjoni huwa ffukat sew fuq ir-riċerka xjentifika li hija ovvjament meħtieġa biex tinżamm ekosistema sikura, iżda għandha wkoll tkun preżenti viżjoni integrata meta titfassal il-politika. Għaldaqstant, l-effetti tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għandhom jiġu stabbiliti xjentifikament u inklużi fit-tfassil kollu ta' politika. Bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa tal-preservazzjoni tal-ibħra u s-sostenibbiltà ekonomika tagħhom huwa kruċjali biex ikun hemm benefiċċji għar-riċerka, il-partijiet ekonomiċi interessati u s-soċjetà b’mod ġenerali.

4.10

Kwalunkwe analiżi tal-ekonomija l-blu tiddgħajjef jekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lit-tnaqqis fl-ekonomija l-blu tradizzjonali bħalma huma l-komunitajiet żgħar tas-sajd, it-tbaħħir u t-turiżmu. Ta' min wieħed jinnota wkoll l-effetti tal-baġit tal-Unjoni Ewropea li qed jonqos f'dan is-settur.

4.11

M'għandhiex tiddgħajjef il-kapaċità tas-setturi tradizzjonali li jikkontribwixxi għaż-żieda fl-impjiegi. Fl-akkwakultura, l-UE għadha mhux awtosuffiċjenti biex tipprovdi għad-domanda għall-ħut. Fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, il-potenzjal biex jiżdied l-impjieg huwa enormi wkoll. Jekk il-ħtieġa li tiġi modernizzata l-infrastruttura tal-portijiet tiġi indirizzata, din se żżid ukoll b'mod sinifikanti l-opportunitajiet tal-impjieg.

4.12

Xi strateġiji ta' innovazzjoni ta' xi Stati Membri diġà jappoġġjaw l-idea tas-sostenibbiltà u “l-oċean bħala prijorità nazzjonali”. Pereżempju, “L-istrateġija nazzjonali Portugiża għar-riċerka u l-innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti 2014-2020” tittratta l-użu korrett ta' trasport marittimu ekoeffiċjenti fi spazju marittimu mingħajr fruntieri sabiex tiġi esplorata aħjar l-industrija tal-flotta navali u l-integrazzjoni tagħha fil-loġistika tal-portijiet allinjata mal-loġistika globali. Dan juri l-impenn tal-Istati Membri, u l-importanza tal-ekonomija blu għat-tmexxija tal-Ewropa.

4.13

Il-KESE jemmen li l-gżejjer fl-Ewropa għandhom rwol speċifiku x'jaqdu fl-ekonomija blu, fit-tliet oqsma kollha identifikati bħala oqsma ta' innovazzjoni għas-settur iżda b'mod aktar speċifiku fl-enerġija mill-oċeani. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti wkoll attenzjoni speċifika lill-gżejjer fl-Ewropa fl-ambitu ta' din il-komunikazzjoni, mhux biss għall-effett partikolari li l-ekonomija l-blu se jkollha fuq dawn l-oqsma, iżda wkoll minħabba l-kontribut li dawn jistgħu jagħmlu lill-innovazzjoni.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu COM(2012) 494 final.


Top