EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1656

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet” — COM(2014) 72 final

OJ C 451, 16.12.2014, p. 145–151 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet”

COM(2014) 72 final

(2014/C 451/24)

Relatur:

is-Sur Longo

Nhar is-7 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet

COM(2014) 72 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 8 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ewwelnett, il-KESE jixtieq itenni l-fehmiet tiegħu espressi f'diversi opinjonijiet fl-aħħar snin dwar l-importanza tal-internet bħala prerekwiżit essenzjali għal tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, innovazzjoni teknoloġika u inklużjoni soċjali.

1.2

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ max-xewqa tal-Kummissjoni biex tiġi affermata mill-ġdid b'mod qawwi d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi, kif ukoll il-kunċett legali ta' netwerk uniku, soġġett għal regoli Komunitarji uniformi bħal f'setturi oħrajn, u mhux ifframmentat minn regoli differenti u li potenzjalment imorru kontra xulxin.

1.3

Huwa importanti li l-valuri ewlenin tal-internet jitqiegħdu fil-qalba tal-governanza futura tagħha, jiġifieri n-natura miftuħa u distribwita tagħha, kif ukoll in-newtralità u l-aċċessibilità universali tagħha, u li hija aċċessibbli għal kulħadd bi ftit ostakli. Il-KESE jinnota, madankollu, li l-komunikazzjoni ma tagħtix definizzjoni ċara biżżejjed kemm tal-kunċett ta' governanza korporattiva, li għaliha l-UE għandha tikkontribwixxi, kif ukoll tal-istrumenti u l-modalitajiet li huma maħsuba biex jiggarantixxu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-internet ta' partijiet interessati multipli. B'mod partikolari, għandu jiġi kjarifikat iktar min huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-governanza tal-internet.

1.4

Fir-rigward tar-rwol attwali tal-ICANN li wasal biex jintemm, u l-funzjonijiet tal-IANA, il-Kumitat jaħseb li l-Kummissjoni għandha tindirizza bir-reqqa l-kwistjoni tar-rwol tal-UE fl-entità transnazzjonali futura.

1.5

Sabiex tikber il-fiduċja fl-Internet, ċertament li l-Habeas Corpus diġitali għandu jikkontribwixxi, b'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet għal suq uniku Ewropew tat-telekomunikazzjoni.

1.6

L-għażla tal-istandards tekniċi tista' tħalli impatt importanti fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali u s-sikurezza tal-utenti, kif ukoll l-aċċess għall-kontenut. Sa mill-bidu nett tiegħu, l-Internet ġie żviluppat b'mod li jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini. It-theddid għal dawn id-drittijiet kien ikkaġunat minn miżuri governattivi u minn operaturi ta' siti elettroniċi li l-kontroll tagħhom huwa indipendenti min-netwerk. Minkejja dan, xorta waħda jkun tajjeb li jinħarġu rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li dawk l-għażliet tekniċi jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem.

1.7

F'dak li jirrigwarda l-aspetti legali tal-internet, il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi reviżjoni tar-riskji, fil-livell internazzjonali, ta' kunflitti bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet, li ta' sikwit huma aggravati minn awtoritajiet regolatorji indipendenti speċifiċi.

1.8

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għal numru ta' kwistjonijiet tekniċi u operattivi li huma ta' tħassib għall-Kumitat. Il-kwistjonijiet ewlenin huma:

il-kapaċita futura tal-Internet, fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali tat-traffiku u n-nuqqas ta' ppjanar organizzat tal-kapaċità;

in-newtralità tan-netwerk, li hija rikonoxxuta bħala fundamentali għall-Aġenda Diġitali;

il-metodoloġija tal-magni tat-tiftix u l-preżentazzjoni tar-riżultati, li huma kwistjonijiet ta' tħassib kbir.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal governanza globali tal-internet trid tinkludi l-promozzjoni ta' politiki ta' inklużjoni tal-ICT, sabiex titwitta t-triq għal soċjetà tabilħaqq inklużiva (ara d-Dikjarazzjoni ta' Riga (2006) li ħarġet fil-periferiji tal-konferenza ministerjali dwar “ICT għal soċjetà inklużiva”, li tinkludi sensiela ta' impenji biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' ICT għall-anzjani u fil-qasam tal-aċċessibilità elettronika fl-UE). L-Internet huwa inklużiv minnu nnifsu u dan il-prinċipju huwa mħaddan fil-karta tal-ICANN. Fil-fatt l-aċċess huwa kkontrollat mill-Provvedituri tas-Servizz ta' Komunikazzjonijiet (CSP) u l-Provvedituri tas-Servizz tal-Internet (ISP), li huma regolati mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Ir-responsabbiltà għall-inklużività hija ta' dawn ir-regolaturi u tal-UE, permezz tal-Kummissjoni tal-UE.

1.10

Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li l-IGF jissaħħaħ dejjem iżjed bħala l-post fejn jiltaqgħu il-partijiet kollha interessati fl-internet. L-UE għandha taqdi rwol ewlieni ta' tmexxija fl-IGF li jmiss f'Istanbul f'Settembru, b'azzjoni konġunta mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Internet huwa fenomenu b'ħafna aspetti u bl-ebda kontroll globali. Dawn huma l-elementi l-iżjed importanti:

(a)

L-Internet huwa definit bħala netwerk ta' netwerks. Kull netwerk huwa awtonomu u hemm ħafna kumpaniji pubbliċi. Mingħajr l-ebda pjan globali biex jiġi akkomodat it-tkabbir esponenzjali tat-traffiku tal-Internet, in-netwerks fiżiċi aktarx jirrappreżentaw l-ikbar vulnerabilità tal-Internet, b'implikazzjonijiet profondi għall-iżvilupp tas-soċjetà globali.

(b)

L-amministrazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju (.com) u indirizzi IP ġestiti fuq bażi devoluta mill-ICANN – Internet Corporation for Assigned Names and Numbers – ibbażata f'California. L-involviment fil-ġestjoni mill-ICANN huwa l-element ċentrali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(c)

L-istandards u l-protokolli tal-World Wide Web huma żviluppati mill-Konsorzju tal-World Wide Web (W3C) filwaqt li l-Internet Engineering Task Force (IETF) tagħmel l-istess ħaġa għall-Internet.

(d)

Il-Provvedituri tas-Servizz tal-Internet jirreġistraw l-utenti u jagħtuhom aċċess għall-Internet.

(e)

Il-browsers (bħall-Internet Explorer) u l-magni tat-tiftix bħalll-Google jippermettu l-użu tal-Web). Uħud minn dawn is-servizzi taw prova li huma kontenzjużi ħafna.

(f)

Is- servizzi ta' netwerking soċjali bħall-Facebook u Twitter qdew rwol ċar f'irvelli ċivili u l-ġlieda għal libertajiet ċivili f'ħafna pajjiżi.

(g)

Is-servizzi tal-Cloud Computing u ta' streaming ta' midja qed imexxu t-tkabbir tat-traffiku tal-Internet. Netflix (vidjo fuq talba), li għandu bżonn veloċitajiet għoljin għal downloading, ipprovoka d-dibattitu dwar in-newtralità tan-netwerk fl-Istati Uniti.

(h)

L-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu ottimizzati l-benefiċċji u jitnaqqsu l-iżvantaġġi tal-Internet jipprovdu l-bażi għall-Aġenda Diġitali tal-UE. Barra milli tixpruna l-ekonomija Ewropea tal-Internet, tindirizza wkoll is-sigurtà ċibernetika, il-kriminalità ċibernetika, il-protezzjoni tad-data, il-distakk diġitali, l-appoġġ għall-persuni b'diżabilità u dawk żvantaġġati, eċċ. F'ħafna modi, l-Aġenda Diġitali tal-UE hija iżjed eżerċizzju ta' governanza tal-UE milli governanza tal-Internet, anke jekk tinkorpora l-azzjonijiet l-iżjed importanti meħtieġa biex l-Ewropa takkwista l-aħjar mill-Internet.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Kummissjoni fasslet sensiela ta' linji gwida biex jifformaw il-bażi għal viżjoni Ewropea komuni għall-governanza tal-internet, li se ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-iżvilupp tal-internet, bħala pilastru fundamentali tas-suq uniku diġitali u mutur tal-innovazzjoni u tat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni tixtieq tafferma mill-ġdid il-linji gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni preċedenti tagħha fl-2009 (1), u ssaħħaħ il-mudell ta' partijiet interessati multipli.

3.2

Biex jiġi kkumpensat il-fatt li m'hemm l-ebda kontroll globali, twaqqaf Forum dwar il- Governanza tal-Internet (IGF) taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. L-evoluzzjoni ta' dan il-Forum hija t-tieni suġġett tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Minħabba l-interess fl-IGF u l-ambizzjoni għal involviment fil-kontroll tal-ICANN, huwa diffiċli li tiġi evitata l- konklużjoni li din il-Komunikazzjoni hija dwar il-kontroll politiku tal-Internet. Il-KESE huwa tal-fehma li r-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet tekniċi u operattivi ta' governanza, bħal dawk imsemmija fil-punti (a),(e) u (g) hawn fuq, ukoll jeħtieġu attenzjoni u azzjoni.

3.3

Il-viżjoni Ewropea hija msejsa fuq għadd ta' prinċipji komuni tal-UE bħad-difiża tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi (kif inhuma mħaddna fid-Dikjarazzjoni Universali tad- Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il- Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal- Unjoni Ewropea), u l-promozzjoni ta' netwerk uniku u mhux ifframmentat, fejn jittiedħu deċiżjonijiet abbażi ta' prinċipji bħat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-inklużività tal-partijiet interessati rilevanti kollha. Fost l-atturi msemmija speċifikament fil-komunikazzjoni, li magħhom irid ikun hemm kooperazzjoni ta' livell għoli huma l-IGF (Internet Governance Forum) (korp li ħareġ mis-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (World Summit on the information Society – WSIS), li ġie promoss min-NU fir-Riżoluzzjoni 56/183 (21 ta' Diċembru 2001)), l-ICANN (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers) u l- IANA (Internet Assigned Numbers Authority).

3.4

L-approċċ tal-Kummissjoni għall-governanza tal-Internet huwa sintesizzat fl-akronimu COMPACT: l-internet bħala spazju ta' responsabbiltajiet ċiviċi (Civic responsibilities), riżorsa waħdanija mhux ifframmentata (One unfragmented resource) rregolata permezz ta' approċċ ta' partijiet interessati multipli (Multistakeholder approach) sabiex jiġu promossi d- demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (Promote democracy and human rights), abbażi ta' arkitettura teknoloġika soda (sound technological Architecture) li tħeġġeġ il-fiduċja (engenders Confidence) u tiffaċilita governanza trasparenti (Transparent governance), kemm tal-infrastruttura bażika tal-internet, kif ukoll tas-servizzi li jaħdmu fuqha. Dan l-approċċ huwa msejjes fuq l-aġenda ta' Tunis dwar is-Soċjetà tal-Informazjzoni (18 ta' Novembru 2005): iżda sfortunatament il-prinċipji li ħarġu minn dik l-aġenda ma jidhirx li ġew aċċettati globalment, u minflok ġew appoġġjati minn pajjiżi individwali u biss f'żoni ġeografiċi limitati (pereżempju, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar prinċipji għat-tfassil tal-politika dwar l-internet (2011) u d-Dikjarazzjoni ta' Deauville tal-G8 (2011).

3.5

Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tipproponi:

Id-definizzjoni ta' sensiela koerenti ta' prinċipji ta' governanza tal-internet mal-partijiet interessati kollha.

L-appoġġ għall-IGF, b'definizzjoni ċara tar-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-globalizzazzjoni tal-ICANN, b'kalendarju preċiż, u tal-funzjonijiet tal-IANA, b'garanzija ta' sikurezza u stabilità għas-sistema ta' ismijiet ta' dominju.

Il-bidu tal-2014 tal-attivitajiet tal-Osservatorju Globali tal-Politika tal-Internet (GIPO), li huwa għodda għall-komunità internazzjonali.

It-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fit-tfassil tal-politika Ewropea futura dwar il-governanza tal-internet.

Il-ħolqien ta' mekkaniżmi strutturali li jippermettu l-parteċipazzjoni f'deċiżjonijiet tekniċi, bil-għan li tiġi assigurata l-kompatibilità mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

It-tisħiħ tal-fiduċja fl-attività onlajn, b'referenza partikolari għall-ħarsien tad-data u s-sikurezza tan-netwerk u tal-informazzjoni.

Analiżi mill-ġdid tal-kunflitti fil-livell internazzjonali bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet li jinħolqu fuq l-internet.

4   Valutazzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

4.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi t-twaqqif ta' viżjoni Ewropea komuni għall-governanza tal- Internet li se tippermetti lill-UE taqdi rwol ewlieni f'qasam ta' importanza kruċjali għall- ġejjieni, mhux biss ekonomikament, iżda wkoll mil-lat politiku u soċjali. Din hija deċiżjoni ta' importanza kbira f'termini tal-iżgurar ta' xprun b'saħħtu għall-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri, u l-konsolidazzjoni tal-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

4.2

Governanza sostenibbli trid tkun imsejsa fuq sistema ta' partijiet interessati multipli, kif stipulat fl-Aġenda ta' Tunis, bl-involviment tal-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet intergovernattivi u internazzjonali u l-komunitajiet akkademiċi u tekniċi.

4.3   Approċċ imsejjes fuq il-prinċipji

4.3.1

L-ewwelnett, il-KESE jixtieq itenni l-fehmiet tiegħu espressi f'diversi opinjonijiet fl- aħħar snin dwar l-importanza tal-internet bħala prerekwiżit essenzjali għal tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, innovazzjoni teknoloġika u inklużjoni soċjali. Il-KESE dejjem appoġġja b'mod sħiħ u b'entużjażmu s-soċjetà tal-informazzjoni, l-istrateġija Ewropa 2020 u l-aġenda diġitali. Ressaq ħafna proposti u xi kultant esprima fehmiet kritiċi.

4.3.2

L-objettiv għandu jkun li l-UE tkun attur ewlieni fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali, u primarjament il-broadband ta' veloċità għolja aċċessibli għal kulħadd; fil-ħolqien ta' suq diġitali uniku b'ammont kbir ta' kuntenut Ewropew u bħala strument ta' inklużjoni; fit-tnaqqis tal-qasma diġitali permezz ta' litteriżmu diġitali mifrux ħafna; fit-tfassil tal-cloud computing Ewropew (2); u fit-tfassil ta' leġislazzjoni adatta li tipproteġi kontra l-kriminalità ċibernetika, l- invażjoni tal-privatezza, is-serq tal-identità u l-perikli għat-tfal u d-dritt li wieħed jintesa.

4.3.3

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ max-xewqa tal-Kummissjoni biex tiġi affermata mill-ġdid b'mod qawwi d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi, kif ukoll il-kunċett legali ta' netwerk uniku, soġġett għal regoli Komunitarji uniformi bħal f'setturi oħrajn, u mhux ifframmentat minn regoli nazzjonali differenti u li potenzjalment imorru kontra xulxin. Din l-għażla titqies meħtieġa għall-ħolqien ta' żona unika Ewropea li tkun aċċessibbli, veloċi u sostenibbli għall-gvernijiet lokali, iċ-ċittadini, l- intrapriżi u l-organizzazzjonijiet u s-setturi mingħajr skop ta' qligħ (3).

4.3.4

F'dan ir-rigward, il-Kumitat jaqsam mal-Kummissjoni it-tħassib dwar il-ksur tal-prinċipju tal- libertà tal-espressjoni fit-Turkija billi ġew blokkjati n-netwerks soċjali mill-Aġenzija għall- informazzjoni, it-teknoloġija u l-komunikazzjoni tat-Turkija, kif ukoll fir-rigward ta' miżuri li jikkonċernaw il-libertà tal-espressjoni inklużi fil-pakkett ta' leġislazzjoni kontra t-terroriżmu adottat mill-Parlament Russu.

4.4   Qafas ta' governanza kooperattiva

4.4.1

Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħtix definizzjoni ċara biżżejjed kemm tal- kunċett ta' governanza, li għaliha l-UE għandha tikkontribwixxi, kif ukoll tal-istrumenti li huma maħsuba biex jiggarantixxu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-internet ta' partijiet interessati multipli, kif diġà ġara b'rabta mal-proposti ta' azzjoni inklużi fil- Komunikazzjoni “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (4). Fil-qafas ta' governanza ġenerali komuni, jistgħu jiġu definiti b'mod iżjed speċifiku l-livelli u l-modalitajiet.

4.4.2

Barra milli tirrimarka dwar l-esperjenzi pożittivi ta' pajjizi individwali tal-UE u li mhumiex fl- UE, il-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva waħda biss: l-iżvilupp ta' pjattaforma tal- GIPO (inizjattiva pożittiva u importanti), bl-intenzjoni li tipproponi proposti prattiċi oħrajn wara r-riżultat ta' konsultazzjoni pubblika fil-futur qarib. Madankollu, speċifikament minħabba din il-komunikazzjoni, diġà saret konsultazzjoni wiesgħa, mingħajr ma kkontribwixxiet aktar sustanza għall-proposti fil-komunikazzjoni, u fuq kollox turi li l-korpi u l-partijiet interessati diversi ma tawhiex biżżejjed attenzjoni.

4.4.2.1

Il-Kummissjoni trid tiċċara iktar ir-rwol speċifiku u l-valur miżjud tal-UE stess, u x'qed jiġi mitlub mill-Istati individwali, anke fid-dawl tal-objettivi tal-Aġenda diġitali għall-Ewropa: u trid tiddefinixxi l-kompetenzi esklussivi u maqsuma, mhux l-inqas sabiex jiġu evitati rduppjar u kunflitti possibbli.

4.4.3

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha mhux qed jagħtu l-attenzjoni mistħoqqa u qed jissottovalutaw b'mod gravi din il-kwistjoni ta' importanza fundamentali għall-futur ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri ta' inċentivar għall-gvernijiet, il-qasam tan-negozju u l-NGOs li jaħdmu biex jiddifendu d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li ma ġewx imsemmija fil-komunikazzjoni.

4.4.4

F'dawn l-aħħar snin il-KESE fassal diversi opinjonijiet dwar l-Internet, u b'mod partikolari dwar l-Aġenda diġitali, u għandu jkun involut f'dawn l-azzjonijiet.

4.5   Globalizzazzjoni tad-Deċiżjonijiet fundamentali dwar l-internet

4.5.1

Aspett ieħor importanti jirrigwarda miżuri fil-livell internazzjonali li l-UE kollha kemm hi għandha tistabbilixxi, fir-rigward ta' governanza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha u d-drittijiet taċ-ċittadini. Il-komunikazzjoni hija nieqsa minn referenzi speċifiċi dwar kif għandhom jinxterdu dawn l-inizjattivi fil-livell internazzjonali.

4.5.2

Dan huwa dejjem iżjed rilevanti jekk inqisu li meta kien hemm l-iskandlu ta' Datagate, ħarġet fid-dieher id-dgħufija tal-UE, li fis-summit ta' Brussell f'Ottubru 2013 naqset milli tipprovdi tweġiba kollettiva u b'saħħitha, u deheret maqsuma fuq il-palk internazzjonali.

4.6   Proċess multiparteċipattiv: il-globalizzazzjoni tal-icann

4.6.1

Il-KESE jinnota li huwa neċessarju qafas strateġiku. Filwaqt li l-governanza tal-internet ma tistax tibqa' f'idejn il-gvern tal-Istati Uniti, ir-reġim ġdid ta' partijiet interessati multipli jrid jiġi definit b'mod preċiż u jrid ikun rappreżentattiv b'mod ġenwin. Irid jinstab bilanċ ġust bejn l-istituzzjonijiet governattivi, il-kumpaniji l-kbar li jaġixxu fl-interess tal-azzjonisti, u l-NGOs li jirrappreżentaw liċ-ċittadini direttament.

4.6.1.1

Il-ħolqien ta' għodod tal-IT innovattivi bħal CIPO, huwa appoġġjat mill-KESE bħala riżorsa importanti disponibbli għall-komunità internazzjonali biex timmonitorja l-politiki ta' regolamentazzjoni dwar l-internet u t-teknoloġiji ġodda, u jippermetti komunikazzjoni bejn il-forums diversi. Dan jiffavorixxi l-ewwelnett dawk il-komponenti tas-soċjetà ċivili li għandhom riżorsi limitati.

4.6.2

Fir-rigward tal-ICANN u l-IANA, il-korp tekniku fl-aħħar ħabbar it-tnedija ta' proċess ta' ġestjoni globali, ta' partijiet interessati multipli, tal-funzjonijiet tekniċi assenjati lilu minn Settembru 2015, id-data tal-għeluq tal-kuntratt tiegħu mal-Gvern tal-Istati Uniti għall-ġestjoni ta' “domains” tal-ogħla livell tal-kodiċijiet tal-pajjiżi. Il-KESE jitlob biex il-Kummissjoni tiddikjara b'mod ċar x'rwol preċiż għandha taqdi l-UE fl-entità transnazzjonali futura, u tiġġustifika l-preżenza ta' rappreżentant tekniku u politiku fuq il-bord tal-ICANN ġdida.

4.6.3

Huwa importanti wkoll l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-IGF, bħala post ta' dibattitu bejn il-partijiet interessati kollha kemm huma. Il-KESE jittama li l-UE taqdi rwol ewlieni ta' tmexxija fl-IGF li jmiss, li se jsir f'Istanbul f'Settembru, b'azzjoni konġunta u b'saħħitha mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, u ttenni l-kontenut tal-komunikazzjoni.

4.7   Bini tal-fiduċja

4.7.1

Fil-livell intrakomunitarju huwa importanti li l-Kummissjoni tenfasizza b'mod korrett fil-komunikazzjoni l-ħtieġa biex titrawwem il-fiduċja fl-internet permezz ta' leġislazzjoni maħsuba biex issaħħaħ is-sigurtà, l-istabbiltà u l-affidibilità, bħar-riforma tal-qafas tal-protezzjoni tad-data u d-direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni.

4.7.2

Wara r-rapport mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li ħareġ wara Datagate, il-Parlament Ewropew ġustament approva t-twaqqif ta' “Habeas Korpus Diġitali Ewropew li jipproteġi d-drittijiet fundamentali f'era diġitali” permezz ta' miżuri speċifiċi, bħala pjan ta' prijorità għal-leġislatura li jmiss.

4.7.3

Il-KESE se jsegwi b'attenzjoni kbira l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet dwar it-twettiq tas-suq uniku tat-telekomunikazzjoni (5).

4.8   Normi tekniċi li qed jifformaw l-internet

4.8.1

Aspett fundamentali jirrigwarda l-istandards tekniċi. In-natura miftuħa u transnazzjonali tal-internet tesiġi li d-definizzjoni ta' standards tekniċi titwettaq mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-aspetti ta' politika pubblika stabbiliti fil-livell tal-Istati individwali jew strutturi intergovernattivi reġjonali, iżda minflok permezz ta' tip ta' awtoregolamentazzjoni mill-komunità teknika, ikkoordinata biss okkażjonalment mill-istituzzjonijiet. L-impatt li dawn l-għażliet jista' jkollhom fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom dak tal-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali (inkluż id-dritt li wieħed jinstesa) u s-sigurtà tal-utenti, kif ukoll fuq l-aċċess għall-kontenut, ifissier li huwa essenzjali li jittieħdu għażliet ċari u jinħarġu rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li dawk l-għażliet tekniċi huma kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem.

4.8.2

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu organizzati seminars ma' esperti internazzjonali fl-oqsma diversi ġuridiċi-soċjali, ekonomiċi u tekniċi, sabiex tiġi garantita l-koerenza bejn l-oqfsa legali attwali u t-tipi ġodda ta' definizzjoni għall-internet.

4.8.3

Mil-lat tal-kompetizzjoni u s-suq ħieles, trid tiġi indirizzata wkoll il-problema ta' sitwazzjoni fejn ftit algoritmi proprjetarji jeżerċitaw kontroll uniku fuq id-data personali, il-metadata u d-dħul mir-reklamar u d-dritt tal-awtur (6).

4.9   Kunflitti ta' ġurisdizzjonijiet u liġijiet

4.9.1

Fir-rigward tal-aspetti legali tal-internet, il-ħtieġa li jinħoloq suq uniku diġitali sal-2015 ġiet imtennija bis-saħħa mill-Kummissjoni u naturalment dan ma jistax isir mingħajr l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u internazzjonali applikabbli għal tranżazzjonijiet onlajn. Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi reviżjoni tar-riskji, fil-livell internazzjonali, ta' kunflitti bejn il-liġijiet u ġurisdizzjonijiet, li ta' sikwit huma aggravati minn awtoritajiet regolatorji indipendenti speċifiċi.

4.9.2

Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għan-newtralità tan-netwerk, minkejja l-fatt li ġiet rikonoxxuta bħala aspett fundamentali tal-aġenda diġitali. Il-KESE jtenni il-fehmiet li esprima f'diversi opinjonijiet preċedenti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inizjattivi regolatorji li qed jiġu diskussi fl-Istati Uniti u “jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net jiddaħħlu b’mod formali fil-liġi tal-UE mill-aktar fis possibbli, dejjem fid-dawl tal-iżvilupp tat-teknoloġiji (l-aktar avvanzati) f’dan il-qasam” (7).

4.10   Internet inklużiv

4.10.1

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' aspett fundamentali: l-inklużività. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal governanza globali tal-internet trid tinkludi l-promozzjoni ta' politiki ta' inklużjoni tal-ICT, sabiex titwitta t-triq għal soċjetà tabilħaqq inklużiva (fl-2006, il-Ministri responsabbli għall-politika tal-inklużjoni elettronika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-pajjiżi ta' adeżjoni u kandidati, pajjiżi tal-EFTA u pajjiżi oħra iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Riga fil-periferiji tal-konferenza ministerjali dwar “ICT għal soċjetà inklużiva”; din tinkludi sensiela ta' obbligi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' ICT għal persuni anzjani u fil-qasam ta' aċċessibilità elettronika fl-UE.) Il-Kumitat iqis opportun l-inklużjoni fil-Komunikazzjoni tal-prinċipju li ICTs aċċessibbli u faċli li jintużaw jiġu rikonoxxuti bħala għodod essenzjali li jippermettu lil persuni b'diżabilitajiet jagħmlu użu ta' opportunitajiet kompleti u effettivi b'kundizzjonijiet indaqs.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2009) 277 final.

(2)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53-57; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 8; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59-65 .

(3)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 137.

(4)   ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58 .

(5)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 64.

(6)  (COM(2012) 573.

(7)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139-145.


Top