Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1101(04)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni ta' emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 318, 1.11.2013, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/14


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni ta' emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 318/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta' oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta' emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI TA' EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“LOMNICKÉ SUCHARY”

Nru tal-KE: CZ-PGI-0105-01093-14.02.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Titolu fl-ispeċifikazzjoni milquta mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta' produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (iridu jiġu speċifikati)

2.   Tip ta' emenda

Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda ta' Sommarju.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni ta' DPO jew IĠP irreġistrata li għaliha la d-Dokument Uniku u lanqas is-Sommarju ma ġie ppubblikat.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (Artikolu 9, paragrafu 3, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn impożizzjoni miżuri fitosanitarji jew sanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (Artikolu 9, paragrafu 4, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/emendi

1.

Il-Punt 4.2 tas-sommarju: Emenda tal-kontenut tax-xaħam – għall-finijiet tal-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, is-segretarjat tal-applikant oriġinali invoka, b'mod żbaljat, l-istandard qadim ON 562 890 applikabbli għall-gallettini tal-impriża nazzjonali Čokoládovny u ġie mehmuż bħala l-Anness 8. F'dan l-istandard, il-proporzjon korrispondenti għall-konsum ta' kuljum tal-komponenti tad-dieta differenti – xaħmijiet, karboidrati u proteini – kienu ġew sostitwiti, għall-kategorija tax-xaħam, bix-xaħam fil-materja xotta. Għal raġunijiet relatati mad-diffikultà li jiġi kkontrollat ix-“xaħam fil-materja xotta”, mhux se jiġi ffissat ix-xaħam (lipidi) fil-materja xotta iżda l-kontenut lipidu totali fil-prodott lest. Dan il-parametru huwa importanti għall-konsumatur. Il-kontenut lipidu issa se jingħata kif ġej: “Lipidi totali 11 % bil-piż bħala minimu”.

2.

Il-Punt 4.2 tas-sommarju: L-aċċenn għall-kontenut ta' aflotossiċi huwa modifikat sabiex il-kliem jibqa' “konsistenti mal-parametri ġenerali applikabbli għall-ikel” issa jaqra: “Aflatossini B1, B2, G1, G2 – il-prodott għandu jkun konformi mar-rekwiżiti legali”.

3.

Il-Punt 4.2: It-terminoloġija u l-materji prima aromatiċi użati ġew definiti kif ġej:

għal raġunijiet ta' aġġornament tat-terminoloġija, it-terminu “xaħam solidifikat” ġie sostitwit għal “xaħam għall-gallettini”;

għal raġunijiet ekonomiċi jew nuqqas fis-suq, huwa possibbli li tinbidel il-vanilla mal-“vanillina” fit-tħejjija;

Wara stħarriġ tal-manifatturi, ġie deċiż li billi wħud minnhom inkorporaw il-kannella jew il-mace f'xi varjetajiet ta “Lomnické suchary” kien meħtieġ li jiżdiedu dawn l-ingredjenti fil-lista ta' materja prima; il-“lewż tal-għadmaq tal-berquq u l-ħawħ bil-morr imneħħi” ma għadux jiġi prodott, u għalhekk, għall-kuntrarju dan jitneħħa mil-lista.

4.

Il-Punt 4.2 tas-sommarju: Il-“Lomnické suchary Dia” huma mneħħija mil-lista ta' varjetajiet ta' “Lomnické suchary” għaliex skont id-Digriet Nru 113/2005 tar-Repubblika Ċeka dwar it-tikkettar ta' ikel u prodotti tat-tabakk, emendat fit-23 ta’ Diċembru 2008, li jikkorrispondi għar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea, il-kliem li x'aktarx joħloq konfużjoni bejn ikel attwali u ikel għal użi ta' nutriment partikolari huwa pprojbit (Artikolu 4).

5.

Il-Punt 4.5 tas-sommarju: Rigward it-tul taż-żmien tat-tiħmir, il-kontrolli żvelaw ineżattezzi u żbalji tekniċi introdotti x'aktarx matul traskrizzjoni. Il-biċċiet tal-għaġina huma magħmula fi twaġen żejtnin għal perjodu li ma jaqbiżx minn 10 sa 20 minuta. Bl-istess mod, isiru bidliet għad-deskrizzjoni tal-metodu tas-sajran, bl-aġġustament tal-umdità u t-temperatura li jkunu jiddependu fuq it-tip ta' forn. Għalhekk, għal raġunijiet ta' żamma tal-kwalità tal-“Lomnické suchary”, huwa meħtieġ li jiġu adattati dawn il-parametri skont it-tip ta' forn użat. Il-parti korrispondenti tad-deskrizzjoni oriġinali tal-metodu joħdilha postha dan li ġej: “L-għaġina titqatta' f'biċċiet tondi żgħar li, wara t-tiħmir jiġu rrumblati għal tulhom u mqiegħda fil-forom żejtnin u jitħallew jitħammru għal madwar 10 sa 20 minuta. Wara it-tiħmir, jissajru fil-forn imsaħħan sa madwar 200-250 °C għal madwar 30 sa 45 minuta”.

6.

Il-Punti 4.5 u 4.8 tas-sommarju: Ir-ritorn għall-mod tradizzjonali tal-bejgħ u l-abbiltà li wieħed jagħżel bejn diversi tipi ta' mballaġġ jiġġustifikaw bidla fid-dispożizzjonijiet għall-ippakkjar. Is-sentenza: “Il-gallettini huma ppakkjati fil-fojl tal-aluminju alimentari u l-pakketti jitqiegħdu f'kaxxa tal-kartun stampati” tinbidel b'dan li ġej: “Il-gallettini huma ppakkjati f'fojl tal-aluminju alimentari u dawn il-pakketti jitqiegħdu f'kaxxa tal-kartun jew tal-landa stampati. Ippakkjar ieħor għal dan it-tip ta' prodott li jilħqu l-istandards mandatorji huwa permess ukoll. Il-manifattur jista' jbiegħ parti mill-produzzjoni tiegħu lill-konsumatur finali għall-konsum immedjat, f'liema każ, il-gallettini ma għandhomx jiġu mgeżwra fil-fojl tal-aluminju”. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettar huma kif ġej: “l-isem ‘Lomnické suchary’ u l-varjetà huma indikati fuq il-kaxxi tal-ippakkjar. Il-kliem ‘Lomnické suchary’ jiġu komposti b'daqs akbar mill-bqija tal-karattri fit-test. Talanqas naħa waħda tal-kaxxa tiġi riżervata għal immaġini tal-gallettini. Fil-każ ta' tipi oħra ta' mballaġġ, inklużi dawk għall-bejgħ dirett ta' gallettini lill-konsumaturi, l-isem ‘Lomnické suchary’ u l-varjetà ta' gallettina għandu jidher fuq l-ippakkjar b'mod mill-aktar ovvju kemm jista' jkun”. Il-kliem ta' hawn fuq kompletament jissostitwixxu t-test oriġinali.

Biex jissewwa l-iżball imsemmi hawn fuq, dwar l-użu tal-istandard Nru ON 562 890 (ara l-Emenda Nru 1) mehmuż bħala Anness 8 tal-ispeċifikazzjonijiet, l-aħħar żewġ sentenzi tat-Taqsima 4.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tneħħew.

7.

Minħabba bidliet rigward l-isem u l-indirizz tal-grupp applikant, tal-awtorità inkarigata mill-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-korp superviżorju inkarigat biex iwettaq analiżi kwalitattivi u kwantitattivi, ġiet aġġornata din l-informazjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel  (3)

“LOMNICKÉ SUCHARY”

Nru tal-KE: CZ-PGI-0105-01093-14.02.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Dénominazzjoni

“Lomnické suchary”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Ir-Repubblika Ċeka

3.   Deskrizzjoi tal-prodott agrikolu jew tal-prodott alimentari

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 2.4.

Prodotti ta ħobż, għaġina, ħelu jew gallettini

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bid-denominazzjoni murija fil-punt

Għadd ta' varjetajiet ta' “Lomnické suchary” huma prodotti: Lomnické suchary cukrované (“Lomnické suchary” biz-zokkor), Lomnické suchary oříškové (“Lomnické suchary” bil-ġellewż), Lomnické suchary mandlové (“Lomnické suchary” bil-lewż), Lomnické suchary arašídové (“Lomnické suchary” bil-karawett).

Il-prodott lest irid jissodisfa il-kundizzjonijiet li ġejjin meta suġġett għal analiżi sensorjali:

Forma

:

biċċiet żgħar bi ħxuna massima ta' 18 mm

Wiċċ

:

miksija b'mod uniformi biz-zokkor

Lewn

:

uniformement kannella dehbi, meta wieħed jaqsam il-gallettina

Porożità

:

adattata, bla toqob, kumpattezza u traċċi ta' għaġina mhux imħallta

Konsistenza

:

iebsin, fraġli, iqarmċu

Togħma u riħa: skont it-tip, togħma ta' zest tal-larinġ (tal-lumi). Ma għandhomx ikollhom togħma maħruqa jew togħma morra jew maqtugħa, u lanqas xi togħma jew riħa stramba oħra.

Rekwiżiti fiżiċi u kimiċi:

Umdità

4 % tal-piż, bħala massimu

Zukkaroża fil-materja xotta

33,5 % tal-piż, bħala massimu

Lipidi totali

11 % tal-piż, bħala massimu

Irmied fil-materja xotta

0,80 % tal-piż, bħala massimu

“Granuli” fil-materja xotta

0,10 % tal-piż, bħala massimu

Metalli: arseniku, kadmju, ċomb, merkurju – il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali.

Eżamijiet mikrobijoloġiċi: il-kampjuni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali fis-seħħ.

Aflatossini B1, B2, G1, G2 – il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali.

3.3.   Materji prima (għall-prodott proċessat biss)

Il-“Lomnické suchary” huma maħsuba għall-konsum dirett. Dawn huma bbażati fuq id-dqiq komuni tal-qamħ, iz-zokkor (jekk ikun fihom), ix-xaħam għall-gallettini, il-ħmira, it-trab tal-ħalib u l-isfar tal-bajd mitħun, qxur tal-larinġ jew tal-lumi u skont il-varjetà ta' gallettina, kannella, vanilla u mace. L-isfra tal-bajd mitħuna jistgħu jiġu sostitwiti minn isfra tal-bajd friski u l-vanellina tista' tieħu post il-vanilla. Il-ġellewż, lewż jew karawett mqatta huma miżjuda mal-varjetajiet differenti. Il-biċċiet tal-gallettini msajra jiġu rrumblati fiz-zokkor.

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika delimitata

Għall-fini taż-żamma tal-kwalità u l-iġjene tal-prodott, il-proċess tal-manifattura, mill-preparazzjoni tal-għaġina sat-tnixxif, għandu jseħħ fil-post tal-produzzjoni. Il-“Lomnické suchary” huwa prodott delikat, li jinkludi tekniki ta' manifattura li ma jippermettux ir-rilokazzjoni ta' ċerti stadji.

L-istadji prinċipali tal-proċess teknoloġiku: il-materja prima ppreparata skont ir-riċetta li tikkorrispondi għall-varjetà ta' gallettina titqiegħed fil-mixer u titħallat sew. Il-ħmira ppreparata minn qabel u l-ilma tax-xorb huma miżjuda mat-taħlita. Kollox jitħallat bir-reqqa biex tinkiseb għaġina soda. L-għaġina tinqata' f'biċċiet tondi żgħar u wara t-tiħmir titrombla għal tulha, titqiegħed fil-forom imżejtna u titħammar għal madwar 10 sa 20 minuta. Wara it-tiħmir, tissajjar f'forn imsaħħan sa madwar 200-250 °C għal madwar 30 sa 45 minuta. L-għaġina tal-gallettini msajra titħalla tibred. Ladarba tirtab, titqatta' fi flieli ta' ħxuna ugwali u titrombla individwalment fiz-zokkor ħelu. Il-flieli tal-gallettini jitnixxfu fil-forn f'temperatura ta' 190-200 °C, u wara jiġu uniformizzati u trasferiti lejn id-dipartiment tal-ippakkjar.

3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, it-tħin, il-kundizzjonament, eċċ.

Il-gallettini jiġu ppakkjati f'fojl tal-aluminju alimentari u jiqiegħdu f'kaxxi tal-kartun jew tal-landa stampati. Ippakkjar ieħor għal dan it-tip ta' prodott li jilaħq l-istandards mandatorji huwa permess ukoll. Il-manifattur jista' jbiegħ parti mill-produzzjoni tiegħu lill-konsumatur finali għall-konsum immedjat, f'liema każ, il-gallettini ma għandhomx jiġu mgeżwra fil-fojl tal-aluminju..

Il-prodotti b'perjodu ta' ħażna itwal maħsuba biex għall-espedizzjoni għandhom dejjem ikunu ppakkjati direttament wara t-tlestija tal-proċess ta' produzzjoni, għal raġunijiet ta' żamma tal-kwalità. Il-gallettini huma fraġli u faċilment jassorbu l-indewwa. Degradazzjoni tal-kwalità tista' għalhekk isseħħ matul it-trasport fi kwantitajiet kbar (il-gallettini jistgħu jinkisru u jixxarbu). L-għan huwa wkoll li tiġi żgurata konservazzjoni aħjar u traċċabbiltà akbar.

3.7.   Regoli speċifiċi tal-ittikkettar

L-isem u l-varjetà “Lomnické suchary” jiġu indikati fuq il-kaxxi tal-ippakkjar. Il-kliem “Lomnické suchary” komposti għandhom ikunu akbar mill-bqija tal-karattri fit-test. Talanqas naħa waħda tal-kaxxa tinżamm għal immaġini waħda tal-gallettini. Fil-każ ta' tipi oħra ta' imballaġġ, inklużi dawk għall-bejgħ dirett ta gallettini lill-konsumaturi, l-isem “Lomnické suchary” u l-varjetà ta' gallettina għandu jidher fuq l-ippakkjar bl-aktar mod ċar possibbli.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor tad-definizzjoni taż-żona ġeografika

Id-Distrett ta' Semily, li jiġbor fi ħdanu l-bliet ta' Lomnice nad Popelkou, Vysoké nad Jizerou u Jablonec nad Nisou.

5.   Konnessjoni maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifità taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni definita tal-“Lomnické suchary” tinsab fil-qiegħ tal-muntanji, f'reġjun fejn il-popolazzjoni lokali għexet prinċipalment mill-agrikoltura u l-artiġjanat.

L-ewwel referenzi storiċi għall-produzzjoni ta' “Lomnické suchary” fiż-żona ġeografika definita jmorru lura għall 1810, meta Michal Jína beda jagħmel dawn il-gallettini f'Lomnice nad Popelkou. Fil-bidu, dawn kienu gallettini magħmula domestikament u mibjugħa fil-qfief tal-qasab fis-suq. Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, speċifikament fl-1856, in-nepputi ta' Michal Jína beda l-“Lomnické suchary” b'mod mekkaniku, li ppermetta mhux biss li jfornu l-Awstrija-Ungerija kollha, iżda wkoll pajjiżi oħra Ewropej. Ibnu, Josef Jína, fl-1907 waqqaf il-fabbrika ta' Lomnice nad Popelkou li hija mgħammra b'magni moderni. L-enfasi kienet fuq il-kwalità tal-prodott. Il-kumpannija ġiet nazzjonalizzata fl-1942 u modernizzata fl-1948. Il-gallettini komplew jiġu manifatturati fl-istabbiliment Lomnický průmysl sucharů, li fl-1958 għadda taħt il-kontroll tal-istabbiliment Průmysl trvanlivého pečiva Praha, u mbagħad ingħaqqad mal-impriża Čokoládovny Praha, f'Modřany.

Wara l-avvenimenti ta' Novembru 1989 Čokoládovny ġiet ipprivatizzata u għaddiet f'idejn Nestlé, li abbandunat il-manifattura ta' “Lomnické suchary” fl-1994. Is-Soċjetà VEKOS twaqqfet fl-1995 u ġie maħtur bħala l-kap tagħha Ladislav Kodejška (l-iben), u din ħadet f'idejha l-manifattura ta' “Lomnické suchary” ibbażata fuq riċetti qodma li wiret mingħand missieru, li kien tħarreġ f'din is-sengħa mal-familja Jína. Dawn l-aħħar snin raw il-ħolqien ta' manifatturi żgħar oħra, li jipproduċu “Lomnické suchary” skond riċetti antiki (EGE IMPEX, Lomnické suchary s.r.o..Ladislav Kodejška, eċċ.). L-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-“Lomnické suchary” (sdružení výrobců Lomnických sucharů) twaqqfet f'Settembru 2005.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Id-dehra u t-togħma ta' “Lomnické suchary” huma r-riżultat ta' riċetta tradizzjonali użata għal kważi 200 sena u tal-għarfien tal-abitanti taż-żona ġeografika. IL-produzzjoni tagħhom hija limitata għaż-żona definita tal-produzzjoni.

Il-“Lomnické suchary” huwa kkaratterizzat bil-produzzjoni u t-togħma tiegħu; dawn il-gallettina għandhom għamla, dehra u togħma speċjali tagħhom. Il-kisi biz-zokkor tagħhom huwa tipiku għal dawn il-gallettini u ma jinsab imkien ieħor. Bl-istess mod, iż-żieda tal-ġellewż, lewż jew karawett jisseparaw lil dan il-prodott minn prodotti oħra. Il-kwalità konsistentement għolja ta' dan il-prodott hija marbuta mat-togħmiet eċċellenti. Il-“Lomnické suchary” huwa prodott speċifiku, magħmul biss fiż-żona tal-produzzjoni definita.

Mindu ilhom jinħadmu dawn il-gallettini, huma dejjem kellhom l-isem “Lomnické suchary”, possibilment akkumpanjat mill-manifattur (Jina, Kodejška, EGE Impex, Vekos, eċċ.).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra speċifika tal-prodott (għall-IĠP)

Ħafna kotba stampati tal-epoka, pubblikazzjonijiet kurrenti u dokumenti miżmuma fil-mużew tal-belt ta' Lomice nad Popelkou jirreferu għall-istorja biċentennali tal-produzzjoni ta' “Lomnické suchary.” Din il-konnessjoni sa minn żmien imbiegħed mal-qasam tal-produzzjoni u l-kwalità tal-“Lomnické suchary” huwa wkoll muri f'xi pubblikazzjonijiet (eż. “Město sucharů a textilu Lomnice nad Popelkou” (Lomnice nad Popelkou belt il-gallettini u t-tessuti), ippubblikat minn Josef Mizera e. a., serje C volum IX, Brno 1946, “Popis a dějiny okresu Lomnického n. P.” (Deskrizzjoni u storja tad-distrett ta' Lomnice nad Popelkou) Josef Fučík, 1926), browxers storiċi, rimi, inviti għal wirjiet, nota ta' ħajr mill-president, links tal-internet, eċċ. Josef Jina rebaħ l-ewwel premju (Grand Prix) għall-“Lomnické suchary” fl-Espożizzjoni Internazzjonali ta' Pariġi fl-1927. Minn tard fis-seklu dsatax u l-ewwel nofs tas- seklu li għadda, il-“Lomnické suchary” saru magħrufa fl-Awstrija, il-Ġermanja u l-Italja taħt dak l-isem. Matul il-perjodu ta' bejn iż-żewġ gwerer dinjin, huma anki ġew esportat lejn l-Amerika. Illum, il-“Lomnické suchary” huma distribwiti miż-żona tal-produzzjoni definita lejn kważi it-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka. Id- dixxendenti tal-familja Jina, sa mill-oriġini tal-“Lomnické suchary” kienu dejjem involuti b'xi mod jew ieħor fl-istorja tal-manifattura ta' dan il-prodott. Minħabba n-natura unika ta' dawn il-gallettini, l-isem “Lomnické suchary” ġie rreġistrat bħala denominazzjoni tal-oriġini fir-Repubblika Ċeka fl-2003, taħt in-numru 198.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

http://isdv.upv.cz/portal/pls/portal/portlets.ops.det?popk=211&plang=cs


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.


Top